Language of document : ECLI:EU:T:2015:448

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

2 ta’ Lulju 2015 (*)

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti dwar il-kompetizzjoni EPSO/AD/230‑231/12 — Rifjut impliċitu ta’ aċċess — Rifjut ta’ aċċess — Talba għall-adattament tat-talbiet imressqa fir-replika — Terminu — Irtirar tad-deċiżjoni impliċita — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni — Kunċett ta’ dokument — Ġbir u organizzazzjoni ta’ informazzjoni f’databases elettroniċi”

Fil-Kawża T‑214/13,

Rainer Typke, residenti f’Hasbergen (il-Ġermanja), irrappreżentat minn B. Cortese u A. Salerno, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Eggers u F. Clotuche-Duvieusart, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2013, li tiċħad l-ewwel talba għal aċċess tar-rikorrent tad-dokumenti dwar l-eżamijiet ta’ preselezzjoni għall-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/230‑231/12 (AD5‑AD7) (Gestdem 2012/3258) u min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni impliċita tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, li huwa kkunsidrat li ttieħdet fit-13 ta’ Marzu 2013, li tiċħad it-tieni talba għal aċċess tar-rikorrent għal dokumenti dwar dawn l-istess eżamijiet (GESTDEM 2013/0068).

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Papasavvas, President, N. J. Forwood (Relatur) u E. Bieliūnas, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Frar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, Rainer Typke, huwa membru tal-persunal tal-Kummissjoni Ewropea u ħa sehem fl-eżamijiet ta’ aċċess għall-kompetizzjonijiet ġenerali EPSO/AD/230/12, intiżi għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali fil-grad AD5, u EPSO/AD/231/12, intiżi għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali fil-grad AD7.

2        Wara li ġie informat bir-riżultati tat-28 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrent ressaq l-ewwel talba tiegħu quddiem l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), intiża essenzjalment, għall-ksib ta’ aċċess għal “tabella” li fiha serje ta’ data anonima dwar l-eżami inkwistjoni, li qagħdu għalih 45 000 kandidat (proċedura GESTDEM 2012/3258), skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

3        Ir-rikorrent indika li ħa din l-inizjattiva minħabba fis-suspetti tiegħu li dawn l-eżamijiet ma sarux konformement mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati, b’mod partikolari minħabba fl-impatt negattiv li kellhom, ma’ gruppi lingwistiċi speċifiċi, ċerti żbalji ta’ traduzzjoni li kienu bihom ivvizzjati dawn l-eżamijiet.

4        Skont din l-ewwel talba, it-tabella kien fiha l-informazzjoni li ġejja:

–        kodiċi ta’ identifikazzjoni għal kull kandidat, li ma jippermettix li jiġi identifikat kandidat partikolari, iżda li jindika l-mistoqsijiet li kellu jwieġeb;

–        kodiċi ta’ identifikazzjoni għal kull mistoqsija magħmula, mingħajr ma jiġi żvelat il-kontenut tal-mistoqsija;

–        il-kategorija tal-mistoqsijiet li fiha taqa’ kull mistoqsija magħmula, jiġifieri mistoqsija ta’ raġunament verbali, ta’ raġunament astratt, ta’ raġunament numeriku jew ta’ kompetenzi professjonali;

–        il-lingwa li fiha kull mistoqsija ġiet magħmula lil kull kandidat;

–        indikazzjoni tan-newtralizzazzjoni possibbli li kienu suġġetti għaliha ċerti mistoqsijiet;

–        kodiċi ta’ identifikazzjoni tat-tweġibiet mistennija li, mingħajr ma jiġi żvelat il-kontenut tal-mistoqsija, għandha tkun identika għall-istess kombinazzjoni ta’ mistoqsijiet u ta’ tweġibiet; f’dan ir-rigward, ir-rikorrent jippreċiża li jekk it-tweġibiet mistennija ma kinux ippreżentati lill-kandidati kollha fl-istess ordni, hemm lok li jiġi żgurat li l-istess kodiċi ta’ identifikazzjoni jintuża għal kull tweġiba mistennija; barra minn hekk huwa indika li, għall-mistoqsijiet ta’ kompetenzi professjonali, kien meħtieġ li tiġi indikata t-tweġiba kollha mistennija, jiġifieri l-aħjar opzjoni u l-agħar waħda;

–        it-tweġiba mogħtija minn kull kandidat għal kull mistoqsija, għalkemm madankollu r-rikorrent ma huwiex interessat li jkun jaf il-kontenut tat-tweġibiet, iżda biss li jidentifika t-tweġibiet korretti jew żbaljati mogħtija mill-kandidati; f’dan ir-rigward, ir-rikorrent ippreċiża, minn naħa, li kodiċi ta’ identifikazzjoni distint għandu jintuża fil-każ fejn kandidat ma jkunx wieġeb għal mistoqsija, u, min-naħa l-oħra, li t-tweġiba kollha għandha tingħata fir-rigward tal-mistoqsijiet ta’ kompetenzi professjonali;

–        fl-aħħar nett, il-ħin iddedikat minn kull kandidat sabiex iwieġeb kull mistoqsija.

5        B’deċiżjoni tad-9 ta’ Awwissu 2012, l-EPSO ċaħad din l-ewwel talba. Filwaqt li jindika li kien fil-pussess tal-informazzjoni msemmija f’din it-talba, li hija rreġistrata f’diversi databases tal-EPSO, essenzjalment indika li t-tabella mitluba mir-rikorrent ma kinitx teżisti.

6        Fil-21 ta’ Awwissu 2012, ir-rikorrent ressaq talba konfermatorja ta’ aċċess quddiem is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“Segretarjat Ġenerali”), fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Ir-rikorrent, f’din l-okkażjoni, żied mal-lista ta’ informazzjoni mitluba l-livell ta’ diffikultà ta’ kull mistoqsija magħmula lil kull kandidat. Huwa ppreċiża wkoll li t-talba tiegħu ma kinitx intiża sabiex l-EPSO toħloq dokument ġdid permezz tal-għaqda tal-informazzjoni li ġejja minn dokumenti eżistenti, iżda għall-aċċess għal sensiela ta’ dokumenti miżmuma mill-EPSO fil-format elettroniku. Skont it-talba, għandu jkun biżżejjed li jikkomunika lir-rikorrent verżjoni ta’ dawn id-dokumenti mingħajr l-informazzjoni kollha koperta minn waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

7        Fit-30 ta’ Awwissu 2012 is-Segretarjat Ġenerali indirizza lir-rikorrent bl-ewwel tweġiba għat-talba konfermatorja tiegħu. Wara li ċaħad din l-aħħar talba bħala inammissibbli billi din kienet testendi t-talba inizjali f’dak li jirrigwarda l-livell ta’ diffikultà tal-mistoqsijiet magħmula lil kull kandidat, is-Segretarjat Ġenerali essenzjalment ikkonferma l-opinjoni tal-EPSO li, minn naħa, it-talba mressqa mir-rikorrent ma teżistix u, min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 1049/2001 ma kienx intiż sabiex jimponi fuq il-Kummissjoni t-twettiq ta’ operazzjonijiet informatiċi sabiex tinġabar informazzjoni rreġistrata f’diversi databases. Din l-ittra ma kien fiha l-ebda indikazzjoni tar-rimedji previsti fl-Artikolu 8(1) in fine tar-Regolament Nru 1049/2001.

8        Fis-17 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrent talab lis-Segretarjat Ġenerali jeżamina mill-ġdid it-talba tiegħu għal deċiżjoni konfermatorja u li jinformah bir-rimedji kontra r-rifjut ta’ aċċess.

9        Fit-23 ta’ Ottubru 2012, is-Segretarjat Ġenerali informa lir-rikorrent li ma kienx ċaħad it-talba konfermatorja tiegħu fl-ittra tat-30 ta’ Awwissu 2012, iżda li kien biss innota li l-EPSO ma kinitx irrifjutat li tagħtih aċċess għad-dokumenti eżistenti li kienu fil-pussess tiegħu. Huwa, barra minn hekk, indika li t-talba konfermatorja kienet is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid fid-dawl tal-osservazzjonijiet il-ġodda sottomessi mir-rikorrent.

10      Fl-assenza ta’ risposta definittiva għat-talba konfermatorja tiegħu fil-proċedura GESTDEM 2012/3258, ir-rikorrent, fit-28 ta’ Diċembru 2012, ressaq talba ġdida għal aċċess mal-EPSO (proċedura GESTDEM 2013/0068). Din it-tieni talba kienet differenti mill-ewwel waħda peress li r-rikorrent ma kienx qed jitlob għal tabella waħda li tiġbor fiha l-informazzjoni kollha mitluba, iżda pjuttost partijiet ta’ dokumenti eżistenti fil-format elettroniku. B’din it-tieni talba, ir-rikorrent essenzjalment talab li jikseb l-istess informazzjoni bħal dik koperta mit-talba inizjali tiegħu, kif ukoll indikazzjoni tal-livell ta’ diffikultà ta’ kull mistoqsija magħmula lil kull kandidat.

11      Fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-EPSO fuq din it-tieni talba għal aċċess fl-iskadenza tat-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol wara li tkun ġiet irreġistrata din it-talba, ir-rikorrent, konformement mal-possibbiltà prevista fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, introduċa fit-30 ta’ Jannar 2013 talba konfermatorja mas-Segretarjat Ġenerali.

12      Fil-5 ta’ Frar 2013, l-EPSO espliċitament ċaħad it-talba għal aċċess fil-proċedura GESTDEM 2013/0068. L-għada, ir-rikorrent informa lis-Segretarjat Ġenerali bil-fatt li huwa kien ser iżomm it-talba konfermatorja tiegħu f’din il-proċedura, fl-istess termini, hekk kif imressqa fit-30 ta’ Jannar 2013.

13      B’deċiżjoni tal-5 ta’ Frar 2013 (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”), is-Segretarjat Ġenerali ċaħad it-talba konfermatorja fil-proċedura GESTDEM 2012/3258. L-ewwel nett is-Segretarjat Ġenerali kkonkluda għall-inammissibbiltà tat-talba konfermatorja fir-rigward tal-indikazzjoni tal-livell ta’ diffikultà ta’ kull mistoqsija magħmula lil kull kandidat, peress li dan l-aspett ma kienx kopert mit-talba inizjali. Is-Segretarjat Ġenerali sussegwentement ikkonferma, essenzjalment, l-opinjoni tal-EPSO li t-talba kienet fir-realtà intiża għall-ksib ta’ aċċess għal dokument li ma jeżistix, għall-elaborazzjoni tat-tabella mitluba li timplika mhux biss il-ġbir ta’ informazzjoni dwar għexieren ta’ eluf ta’ eżamijiet ikkonċernati ta’ diversi databases, iżda wkoll ir-rabta ta’ din l-informazzjoni ma’ databases oħra, bħad-database ġenerali tal-mistoqsijiet. Anki jekk wieħed jassumi li t-talba għall-aċċess tista’ tiġi interpretata bħala li hija intiża għall-ksib ta’ skedi individwali ta’ riżultati miksuba minn kull kandidat, magħmula b’mod anonimu, tali talba tkun sproporzjonata minħabba fl-ammont ta’ xogħol amministrattiv li timplika.

14      Fl-20 ta’ Frar 2013, is-Segretarjat Ġenerali informa lir-rikorrent, minn naħa, li ma kienx għadu f’pożizzjoni li jirrispondi t-talba konfermatorja tiegħu fil-proċedura GESTDEM 2013/0068, u, min-naħa l-oħra, li estenda t-terminu għal risposta ta’ ħmistax-il jum, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

15      B’ittra tat-13 ta’ Marzu 2013, is-Segretarjat Ġenerali informa lir-rikorrent li ma kienx għadu f’pożizzjoni li jirrispondi t-talba konfermatorja fil-proċedura GESTDEM 2013/0068. F’din l-okkażjoni huwa esprima dubji dwar il-fatt li t-talba kienet tirrigwarda dokumenti f’verżjoni u f’forma eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

16      Filwaqt li bbaża ruħu fuq ir-regola prevista fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-rikorrent interpreta din l-assenza ta’ deċiżjoni bħala tweġiba negattiva għat-talba konfermatorja tiegħu fil-proċedura GESTDEM 2013/0068 (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ April 2013, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

18      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali kienet inbidlet fil-bidu tas-sena ġudizzjarja l-ġdida, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla, u konsegwentement il-kawża ġiet assenjata lil din l-aħħar awla.

19      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fl-ambitu tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, stiednet lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti u għamlet bil-miktub mistoqsijiet lir-rikorrent u lill-Kummissjoni, u stednithom iwiġbuha matul is-seduta.

20      Instemgħu s-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmulin mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta tal-4 ta’ Frar 2015.

21      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-ewwel deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla t-tieni deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22      Wara l-adozzjoni mis-Segretarjat Ġenerali fis-27 ta’ Mejju 2013, ta’ deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda fil-proċedura GESTDEM 2013/0068, ir-rikorrent, fir-replika tiegħu, talab sabiex jadatta t-talbiet tiegħu bil-għan li jitlob l-annullament ta’ din l-aħħar deċiżjoni.

23      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors sakemm din tirrigwarda l-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-adozzjoni tad-deċiżjoni espliċita ta’ rifjut fil-proċedura GESTDEM 2013/0068, tas-27 ta’ Mejju 2013;

–        tiċħad ir-rikors sa fejn dan jikkonċerna l-ewwel deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

24      Qabel ma jiġi eżaminat ir-rikors fuq il-mertu, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tal-Kummissjoni li jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba għall-adattament tat-talbiet, ippreżentati mir-rikorrent fil-kuntest tar-replika tiegħu, kif ukoll tat-talbiet intiżi għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament dwar id-deċiżjoni espliċita fil-proċedura GESTDEM 2013/0068

25      Fir-replika, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrent talab li jadatta l-konklużjonijiet tiegħu, sabiex jikseb l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Mejju 2013, li espliċitament tiċħad it-talba tiegħu ta’ aċċess fil-proċedura GESTDEM 2013/0068.

26      Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għall-adattament, li hija tikkwalifika li saret b’mod tardiv fir-rigward tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta deċiżjoni jew regolament li jikkonċerna direttament u individwalment individwu jiġu, fil-mori tal-proċedura, mibdula minn att li jkollu l-istess suġġett, dan għandu jitqies li huwa element ġdid li jippermetti lir-rikorrent jadatta t-talbiet tiegħu u l-motivi tiegħu. Fil-fatt, ikun kuntrarju għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u għal rekwiżit tal-ekonomija tal-ġudizzju jekk ir-rikorrent jiġi obbligat jippreżenta rikors ġdid. Barra minn hekk, ikun inġust li l-istituzzjoni inkwistjoni tkun tista’, sabiex taffronta l-kritika li tinstab f’rikors ippreżentat lill-qorti tal-Unjoni kontra att, tadatta l-att ikkontestat jew tissostitwixxih u li fil-mori tal-kawża tibbenefika minn din il-bidla jew minn din is-sostituzzjoni sabiex iċċaħħad lill-parti l-oħra l-possibbiltà li testendi t-talbiet u l-motivi inizjali tagħha għall-att sussegwenti jew li tippreżenta talbiet u motivi supplimentari kontra din (ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill, T‑228/02, Ġabra EU:T:2006:384, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Iranian Offshore Engineering & Construction vs Il‑Kunsill, T‑110/12, Ġabra (Estratti), EU:T:2013:411, punt 16).

28      Madankollu, sabiex tkun ammissibbli, talba għall-adattament tat-talbiet għandha titressaq fit-terminu għall-preżentata tar-rikors previst mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, dan it-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa ta’ ordni pubbliku u għandu jiġi applikat mill-qorti tal-Unjoni b’mod li tiżgura ċ-ċertezza legali kif ukoll l-ugwaljanza tal-partijiet fil-kawża quddiem il-qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill, C‑229/05 P, Ġabra EU:C:2007:32, punt 101, u Iranian Offshore Engineering & Construction vs Il‑Kunsill, punt 27 iktar ’il fuq, EU:T:2013:411, punt 17).

29      F’dak li jirrigwarda l-komputazzjoni tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, għandu jitfakkar li, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahrejn, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att ikkontestat, jew min-notifika lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta dan ikun sar jaf bih. Skont l-Artikolu 102 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, dan it-terminu għandu jiżdied b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

30      F’din il-kawża, id-deċiżjoni espliċita ta’ rifjut ta’ aċċess fil-proċedura GESTDEM 2013/0068, adottata fis-27 ta’ Mejju 2013, ġiet innotifikata lir-rikorrent fl-istess jum permezz ta’ messaġġ elettroniku. Għaldaqstant, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni skada, għar-rikorrent, fis-6 ta’ Awwissu 2013.

31      Ir-replika li fiha talba għal adattament tat-talbiet ġiet ippreżentata fil-15 ta’ Ottubru 2013 u għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li din it-talba għall-adattament hija tardiva u għalhekk it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni espliċita ta’ rifjut ta’ aċċess fil-proċedura GESTDEM 2013/0068 għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet intiżi għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi evalwat li ż-żamma possibbli ta’ interess, għar-rikorrent, li jikseb l-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata, li ġiet ippreżentata fit-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol wara l-estensjoni tat-terminu inizjali ta’ risposta għat-talba konfermatorja fil-proċedura GESTDEM 2013/0068. Il-Kummissjoni ssostni li dan l-interess intemm u għalhekk irtirat din id-deċiżjoni impliċita permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Mejju 2013.

33      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent għandu interess li l-att ikkontestat jiġi annullat (ara s-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010, Co‑Frutta vs Il‑Kummissjoni, T‑355/04 u T‑446/04, Ġabra EU:T:2010:15, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      L-interess ġuridiku tar-rikorrent għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, jeżisti mhux biss sal-istadju tal-preżentata tar-rikors iżda sakemm tingħata d-deċiżjoni finali taħt piena li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, liema ħaġa tissoponi li r-rikors jista’, permezz tar-riżultat tiegħu, jikseb vantaġġ lill-parti li tkun ressqitu (ara s-sentenza Co‑Frutta vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, EU:T:2010:15, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Jekk l-interess ġuridiku tar-rikorrent jintemm matul il-proċedura, deċiżjoni fuq il-mertu mill-Qorti Ġenerali ma tista’ tkun ta’ ebda benefiċċju għalih (ara s-sentenza Co‑Frutta vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, EU:T:2010:15, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Barra minn hekk, fejn deċiżjoni impliċita ta’ rifjut ta’ aċċess ġiet irtirata bl-effett ta’ deċiżjoni adottata ulterjorment mill-Kummissjoni, ma hemmx iktar lok li tiddeċiedi fuq ir-rikors fejn dan huwa dirett kontra din id-deċiżjoni impliċita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il‑Kummissjoni, C‑127/13 P, Ġabra EU:C:2014:2250, punt 89).

37      F’din il-kawża, fir-rigward tat-talba għal annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni espliċita tas-27 ta’ Mejju 2013 f’din l-istess proċedura, il-Kummissjoni b’dan il-mod ipproċediet għall-irtirar ta’ din din id-deċiżjoni impliċita.

38      Minn dan jirriżulta li ma hemmx iktar lok li tiddeċiedi fuq ir-rikors għal annullament sa fejn dan huwa dirett kontra t-tieni deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-mertu

39      Fid-dawl tal-konklużjoni intermedjarja esposta fil-punt 38 iktar ’il fuq, huwa meħtieġ biss li jiġi deċiż dwar it-talbiet għal annullament intiżi mill-ewwel deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħhom is-Segretarjat Ġenerali ċaħad it-talba konfermatorja mressqa mir-rikorrent fil-proċedura GESTDEM 2012/3258. Ir-rikorrent jinvoka, f’dan ir-rigward, motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 1049/2001. Dan il-motiv huwa maqsum, fejn huwa dirett kontra l-ewwel deċiżjoni kkontestata, fi tliet partijiet. It-tieni u t-tielet parti huma, min-natura tagħhom, sussidjarji għall-ewwel waħda, li tirrigwarda l-kwistjoni jekk is-suġġett tat-talba għal aċċess inkwistjoni taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001.

40      Ir-rikors fih ukoll ir-raba’ parti, li permezz tagħha r-rikorrent isostni li l-aċċess għall-informazzjoni mitluba fir-rigward tan-newtralizzazzjoni ta’ ċerti mistoqsijiet u tal-livell ta’ diffikultà tal-mistoqsijiet kollha magħmula fil-kuntest tal-eżamijiet ta’ ammissjoni inkwistjoni ma kinitx ta’ natura li tipperikola l-kunfidenzjalità tal-proċedimenti tal-Bord tal-Għażla kif ukoll il-proċess deċiżjonali ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, ir-rikorrent ippreċiża, fil-punt 34 tar-replika, li din ir-raba’ parti kienet diretta “kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut fit-tieni proċedura ta’ aċċess”. Għalhekk peress li ma hemmx iktar lok li tiddeċiedi fuq it-talbiet għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, eżami ta’ din ir-raba’ parti immedjatament tidher li hija superfluwa.

41      Permezz tal-ewwel parti tal-motiv wieħed tiegħu, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li s-Segretarjat Ġenerali kien żbaljat meta kkonkluda li t-talbiet tiegħu għal aċċess ma kellhomx bħala suġġett “dokument eżistenti” fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda li kienu jimplikaw il-ħolqien ta’ dokument ġdid, jew il-ħolqien ta’ data ġdida.

42      Ir-rikorrent jenfasizza f’dan ir-rigward, li l-EPSO rrikonoxxa li kellu d-data mitluba, u li s-Segretarjat Ġenerali min-naħa tiegħu ddikjara li din id-data msemmija kienet irreġistrata f’databases eżistenti. Dan neċessarjament jimplika, skont ir-rikorrent, li l-EPSO għandha dokument wieħed jew iktar li fihom id-data inkwistjoni.

43      Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “dokument” li huwa fil-qalba tar-Regolament Nru 1049/2001 jista’ jiġi applikat mingħajr diffikultà għad-data miżmuma fid-databases, bl-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament jindika li dan il-kunċett ifisser il-kontenut kollu jkun xi jkun il-format tiegħu. Il-fatt li talba għal aċċess tista’ timplika piż tax-xogħol kunsiderevoli għall-istituzzjoni kkonċernata hija mingħajr rilevanza f’dan ir-rigward.

44      Il-pożizzjoni tas-Segretarjat Ġenerali li jekk id-data mitluba tkun anonima twassal għall-ħolqien ta’ dokument ġdid tinjora wkoll ir-regola fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, li permezz tagħha aċċess parzjali għandu jingħata meta parti biss ta’ dokument hija koperta minn waħda mill-eċċezzjonijiet elenkati ma’ dan l-artikolu. Ir-rikorrent isostni, fil-fatt, li tista’ tingħata risposta favorevoli għat-talba tiegħu għal aċċess billi tintgħażel serje ta’ data maħżuna fid-databases tal-EPSO, filwaqt li tingħata l-attenzjoni meħtieġa sabiex tiġi eskluża data ta’ natura personali li tikkonċerna l-kandidati l-oħra li qagħdu għall-eżamijiet ta’ preselezzjoni inkwistjoni.

45      Ir-rikorrent jikkontesta wkoll l-argument tas-Segretarjat Ġenerali li d-data mitluba ma tistax tintgħażel f’database waħda, peress li hija rreġistrata f’numru ta’ skedi distinti. Għalhekk, l-iskedi individwali mibgħuta lill-kandidati sabiex jinformawhom dwar ir-riżultati tagħhom fl-eżamijiet li jkunu qagħdu għalihom, kif ukoll il-prattika tal-EPSO li jagħtu lil uħud mis-subkuntratturi data ta’ natura statistika dwar ir-riżultati tal-eżamijiet, tindika li l-operazzjonijiet li jeħtieġu aċċess għall-informazzjoni mitluba f’din il-kawża ma humiex għall-EPSO ta’ natura li hija kkunsidrata mhux tas-soltu jew anormali.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-informazzjoni kollha inkwistjoni hija konnessa permezz ta’ database “relazzjonali” (Oracle), li minnha l-għażla tal-informazzjoni mitluba tista’ ssir faċilment. Dan ikun iktar u iktar il-każ meta l-iskedi li fihom hemm irreġistrata d-data dwar l-eżamijiet individwali sostnuti fiha “sintassi stretta ta’ indikaturi”, minkejja li r-riżultati miksuba minn kull kandidat jistgħu jiġu ttrattati b’mod uniformi.

47      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument minħabba li d-data mitluba mir-rikorrent ma hijiex maħżuna f’database speċifika li minnha tista’ tinġabar faċilment permezz ta’ tfittxija normali jew ta’ rutina. Il-Kummissjoni tiddikjara li għandha d-database Talent li fiha d-data li tikkonċerna lill-kandidati u r-riżultati tal-eżamijiet u għalhekk id-data kollha neċessarja sabiex twieġeb għat-talba għal aċċess tar-rikorrent, bl-eċċezzjoni tad-data dwar id-diffikultà tal-mistoqsijiet li huma maħżuna f’“database ta’ mistoqsijiet”, ġestita minn kuntrattur estern. Id-database Talent hija aċċessibbli permezz ta’ lingwaġġ ta’ mistoqsijiet strutturati (iktar ’il quddiem il-“SQL”) jew istruzzjonijiet ipprogrammati minn qabel għat-trattament mgħaġġel ta’ data għall-analiżi, għall-istatistika, għall-kalkolu u għall-ġbir, skont mudelli stabbiliti minn qabel. Madankollu, il-Kummissjoni ma għandhiex fost il-SQL ipprogrammati minn qabel, dawk li jippermettulha tiġbor il-kombinazzjoni ta’ data mitluba mir-rikorrent, skont l-iskema indikata minnu fit-talba tiegħu għal aċċess.

48      Għalhekk, skont il-Kummissjoni, ġbir ta’ data kif mitlub mir-rikorrent jeħtieġ l-iżvilupp ta’ SQL ġodda u istruzzjonijiet ta’ tfittxija u trattament ta’ data, li l-Kummissjoni ma għandhiex. Sabiex tissodisfa r-rikorrent, tali tfittxija għandha tippermetti, l-ewwel nett, l-identifikazzjoni tal-kodiċijiet ta’ kull waħda mill-mistoqsijiet magħmula lil kull kandidat, b’dawn il-mistoqsijiet ma jkunux l-istess għall-kandidati kollha, it-tieni nett, li kull mistoqsija tintrabat mal-livell tagħha ta’ diffikultà, kif jidher f’database separat (iktar ’il quddiem id-“database ta’ mistoqsijiet”), it-tielet nett, li tiġbor skedi differenti u r-raba’ nett, li tagħmel anonimu l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-kandidati permezz ta’ kodiċi ta’ identifikazzjoni li jgħaqqad il-kandidat mal-mistoqsijiet li jkunu magħmula lilu. L-informazzjoni miksuba għandha tkun suġġetta għall-kontroll. Tali proċess neċessarjament jimplika, skont il-Kummissjoni, l-iżvilupp ta’ dokument ġdid.

49      Trattament “manwali” eventwali tat-talba għal aċċess, li jimplika li kull skeda individwali tar-riżultati marbuta ma’ kull kandidat tissodisfa l-kriterji speċifikati fit-talba fl-applikazzjoni jkun prattikament impossibbli li tiġi implementata mill-EPSO mingħajr ma tiġi pparalizzata l-ħidma ta’ dan tal-aħħar.

50      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi ppreċiżat li l-ammont ta’ xogħol eċċessiv li jista’ potenzjalment jirriżulta mit-talba għal aċċess ikkontestata għall-amministrazzjoni, li hija s-suġġett tat-tieni parti tal-motiv, iżda li kienet ukoll invokata mill-Kummissjoni bi tweġiba għall-ewwel parti, hija minnha nnifisha irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk din it-talba tirrigwardax din it-talba għal aċċess għal dokument wieħed jew iktar fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

51      Fil-fatt, jirriżulta mis-sentenza tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il‑Kummissjoni (T‑2/03, Ġabra EU:T:2005:125, punti 101 u 102), li, fil-kuntest ta’ talba għal aċċess imressqa taħt ir-Regolament Nru 1049/2001, il-kwalifika ta’ dokument ma hijiex marbuta mal-ammont ta’ xogħol kunsiderevoli meħtieġ minn tali talba għall-amministrazzjoni kkonċernata. Għalhekk, anki fil-każ fejn tali talba tista’ tipparalizza l-funzjonament tajjeb tal-amministrazzjoni, din ma għandhiex l-effett li tagħmel din it-talba inammissibbli. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, f’tali sitwazzjoni eċċezzjonali, id-dritt għall-istituzzjoni li tfittex “soluzzjoni imparzjali” mal-applikant, skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jirrifletti l-possibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni, anki jekk dan ikun b’mod partikolarment limitat, in-neċessità li jiġu rrikonċiljati l-interessi tal-applikant u dawk ta’ amministrazzjoni tajba (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2008, Williams vs Il‑Kummissjoni, T‑42/05, EU:T:2008:325, punt 85).

52      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, dokument, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, ifisser “kull kontenut, ikun liema jkun il-medju tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviżiv) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni” destinatarja tat-talba ta’ aċċess.

53      Minkejja din id-definizzjoni wiesgħa, li b’mod partikolari ma timplika l-ebda limitazzjoni fuq il-format tal-kontenut inkwistjoni, jidher li skont ġurisprudenza stabbilita, huwa meħtieġ li tinżamm distinzjoni bejn il-kunċett ta’ dokument u dik ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001.

54      Fil-fatt, informazzjoni tispikka f’dokument, b’mod partikolari, minħabba li tiġi ddefinita fis-sens li hija data li tista’, b’mod partikolari, tidher f’dokument wieħed jew iktar. F’dan ir-rigward, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 li tittratta d-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni, ma jista’ jiġi dedott minnha li d-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għal dokument tal-Kummissjoni, li jirriżulta mill-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, jimplika li għandha d-dmir li twieġeb għal kull talba ta’ informazzjoni ta’ persuna (ara, b’analoġija, id-digriet tas-27 ta’ Ottubru 1999, Meyer vs Il‑Kummissjoni, T‑106/99, Ġabra EU:T:1999:272, punti 35 u 36, u s-sentenza tal-25 ta’ April 2007, WWF European Policy Programme vs Il‑Kunsill, T‑264/04, Ġabra EU:T:2007:114, punt 76).

55      Għalhekk, jekk database, permezz tan-natura tagħha, toffri possibbiltajiet kbar ta’ aċċess parzjali mmirati għad-data biss li tista’ tkun ta’ interess għall-applikant, għandu jittieħed kont ukoll, b’mod ġenerali, skont il-ġurisprudenza, tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 li jirrigwarda biss id-dokumenti eżistenti u fil-pussess tal-istituzzjoni kkonċernata (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2250, punt 38). Talba għal aċċess li twassal lill-Kummissjoni toħloq dokument ġdid, anki fuq il-bażi ta’ elementi li jidhru diġà f’dokumenti eżistenti u miżmuma minnu, ma tikkostitwixxix għalhekk talba għal aċċess parzjali u ma taqax fil-kuntest tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2011, Dufour vs BĊE, T‑436/09, Ġabra EU:T:2011:634, punt 149). Din il-konklużjoni hija impliċitament ikkonfermata mir-regola fl-Artikolu 10(3) ta’ dan ir-regolament, li tgħid li d-dokumenti li jingħataw aċċess “għadnhom jiġu forniti f’verżjoni u format eżistenti (inklużi dawk elettroniċi jew f’format alternattiva bħal Braille, tipa kbira jew tejp) b’kull kunsiderazzjoni tal-preferenza ta’ l-applikant”.

56      Trasposta fil-każ tad-databases, din l-aħħar kunsiderazzjoni tfisser li, fis-sitwazzjoni ta’ talba għal aċċess bil-għan li l-Kummissjoni twettaq tfittxija f’waħda jew iktar mid-databases tagħha skont parametri definiti mill-applikant, il-Kummissjoni hija marbuta, suġġett għall-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, tagħti risposta pożittiva għal din it-talba, jekk it-tfittxija mitluba tista’ ssir billi jintużaw l-għodod ta’ tiftix disponibbli għal din id-database (ara, b’analoġija, is-sentenza Dufour vs BĊE, punt 55 iktar ’il fuq, EU:T:2011:634, punt 150).

57      Fil-fatt, jista’ jiġi preżunt li, minħabba fir-relazzjonijiet kumplessi li, fi ħdan database, jorbtu kull data ma’ ħafna data oħra, preżentazzjonijiet differenti tad-data kollha kontenuta f’tali database huma possibbli. Huwa wkoll possibbli li tintgħażel biss parti mid-data inkluża f’tali preżentazzjoni u li data oħra tiġi oskurata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Dufour vs BĊE, punt 55 iktar ’il fuq, EU:T:2011:634, punt 151).

58      Min-naħa l-oħra, ma jkunx meħtieġ mill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ talba għal aċċess għad-dokumenti mressqa fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, li tikkomunika lill-applikant parti jew id-data kollha kontenuta f’wieħed jew iktar mid-databases tagħha, ikklassifikati skont skema mhux prevista minn din id-database. Tali talba twassal għall-ħolqien ta’ dokument ġdid u, konsegwentement, ma taqax fil-qafas tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, dak li huwa meħtieġ minn talba bħal din ma huwiex aċċess parzjali għal dokument li fih data ttrattata skont skema ta’ klassifikazzjoni eżistenti u li għalhekk tista’ ssir permezz tal-għodod li l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha għad-database jew databases ikkonċernati, iżda għall-ħolqien ta’ dokument li fih data ttrattata u li hija relatata permezz ta’ skema ġdida ta’ klassifikazzjoni li ma tistax issir permezz ta’ dawn l-għodod u għalhekk, ta’ dokument ġdid fis-sens tal-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament kif interpretat mill-ġurisprudenza (ara, b’analoġija, is-sentenza Dufour vs BĊE, punt 55 iktar ’il fuq, EU:T:2011:634, punt 152).

59      Fir-rigward tad-databases, minn dan jirriżulta li jista’ jkun suġġett ta’ talba għal aċċess imressqa fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, kulma jista’ jinġabar minn tali databases permezz ta’ tfittxija normali jew ta’ rutina (ara, b’analoġija, is-sentenza Dufour vs BĊE, punt 55 iktar ’il fuq, EU:T:2011:634, punt 153).

60      F’din il-kawża, minkejja li l-Qorti Ġenerali nnotat ċerta konfużjoni dwar in-numru, l-ismijiet u l-kontenut eżatt tad-diversi databases inkwistjoni, xorta huwa possibbli li wieħed jikkonstata li huwa stabbilit li d-data mhux ipproċessata dwar l-eżamijiet ta’ preselezzjoni kkonċernati mit-talba għal aċċess tar-rikorrent hija miżmuma mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni indikat f’dan ir-rigward, mingħajr mal-proċess ma jindika elementi ta’ natura li jikkontestaw din il-konstatazzjoni, li din id-data hija maħżuna fid-database Talent imsemmija fil-punt 47 iktar ’il fuq.

61      Madankollu, ir-rikorrent ma talabx, bħala tali, aċċess għad-database kollha jew parti mid-data mhux ipproċessata li jkun hemm fiha. L-għan ta’ din it-talba hija differenti, peress li, permezz tagħha, essenzjalment ried jikseb serje ta’ informazzjoni dwar l-eżamijiet ta’ preselezzjoni inkwistjoni, iżda magħżula skont parametri u forma definita minnu stess fit-talba għal aċċess tiegħu.

62      L-għażla tal-informazzjoni mitluba mir-rikorrent tinkludi għalhekk numru ta’ operazzjonijiet distinti, inklużi ċerti operazzjonijiet ta’ trattament tad-data inkwistjoni.

63      Din tirrigwarda, l-ewwel nett, l-attribuzzjoni ta’ kodiċi ta’ identifikazzjoni speċifiku għal kull waħda mill-mistoqsijiet magħmula lil kull kandidat, peress li, hekk kif indikat il-Kummissjoni, il-mistoqsijiet ma kinux l-istess għal kull kandidat. Ir-rikorrent ippreċiża f’dan ir-rigward, li ma ried jikseb l-ebda indikazzjoni dwar il-kontenut tal-mistoqsijiet magħmula lil kull kandidat. Għal kull mistoqsija għandha tiġi indikata l-lingwa li biha din kienet magħmula, biż-żamma tal-istess kodiċi ta’ identifikazzjoni għal kull mistoqsija fi kwalunkwe lingwa, tindika t-tip ta’ mistoqsija kkonċernata, tindika l-fatt jekk il-mistoqsija għandha jew le tkun suġġetta għal newtralizzazzjoni, il-ħin mgħoddi minn kull kandidat sabiex iweġibha, u fl-aħħar nett, il-provvista ta’ kodiċi ta’ identifikazzjoni tat-tweġiba mistennija kif ukoll tat-tweġiba mogħtija. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jippreċiża essenzjalment fit-talba tiegħu li fil-każ fejn għal mistoqsija magħmula t-tweġibiet possibbli ma kinux ippreżentati fl-istess ordni għall-kandidati kollha li saritilhom din il-mistoqsija, għandu jiġi żgurat li l-istess kodiċi ta’ identifikazzjoni jintuża għal kull għażla ta’ tweġiba, sabiex tiġi żgurata komparabbiltà tal-informazzjoni miksuba. Fir-rigward tal-mistoqsijiet ta’ kompetenzi professjonali, skont ir-rikorrenti għandha tkun indikata t-tweġiba mixtieqa u t-tweġiba mogħtija kollha kemm hija, jiġifieri l-aħjar opzjoni u l-agħar waħda. Fl-aħħar nett, il-kandidati kollha li qagħdu għall-eżamijiet ta’ preselezzjoni inkwistjoni għandhom ikunu anonimi billi kull wieħed minnhom jingħata kodiċi ta’ identifikazzjoni speċifiku.

64      Dawn l-operazzjonijiet differenti għandhom jippermettu lir-rikorrent jiddisponi mid-data komparabbli għall-kandidati kollha li qagħdu għall-eżamijiet inkwistjoni, b’tali mod li jippermettulu jibni tabella u jiġbor statistika dwarhom.

65      Il-Kummissjoni essenzjalment tindika li ma għandhiex għodda ta’ tiftix li tippermettilha tagħmel il-ġbir ta’ tali kombinazzjoni ta’ data billi ssir tfittxija normali jew ta’ rutina fid-databases tagħha. Għall-kuntrarju, meta tali kombinazzjoni ma taqbel mal-ebda skema prevista mid-database, risposta pożittiva għat-talba tar-rikorrent tinvolvi l-iżvilupp ta’ formula ta’ tfittxija ġdida fil-forma ta’ SQL, u mhux biss biex li twettaq tfittxija f’din id-database fuq il-bażi ta’ parametri eżistenti permezz ta’ SQL eżistenti.

66      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, preżunzjoni konfutabbli tal-legalità hija marbuta ma’ kull dikjarazzjoni tal-istituzzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ dokumenti mitluba (ara s-sentenza tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il‑Kunsill, T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, Ġabra EU:T:2005:143, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2008, Terezakis vs Il‑Kummissjoni, T‑380/04, EU:T:2008:19, punt 155). Din il-preżunzjoni tapplika wkoll fil-każ fejn istituzzjoni tiddikjara li l-kombinazzjoni ta’ data li hija s-suġġett tat-talba għal aċċess indirizzata lilha ma hijiex prevista mid-database jew mid-databases li fiha jew fihom tali data tkun irreġistrata u li, għalhekk, tali kombinazzjoni ma tistax tinkiseb billi ssir tfittxija normali jew ta’ rutina.

67      F’din il-kawża, ir-rikorrent ma pprovax jikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-EPSO ma kellux, bħala tali, tabella li turi l-kombinazzjoni ta’ data li kienet qed tfittex. Għall-kuntrarju, ir-rikorrent aċċetta, essenzjalment, li l-aċċess għall-kombinazzjoni tad-data kkonċernata tippreżupponi ħidma ta’ programmazzjoni informatika, jiġifieri l-iżvilupp ta’ SQL ġodda u għalhekk il-ħolqien ta’ riżultat ġdid ta’ tfittxija fid-database (jiġifieri “rapport” fin-nomenklatura tad-databases), li ma jistax jitwettaq permezz tal-għodod disponibbli bħalissa għad-databases inkwistjoni. Huwa barra min hekk stabbilit li r-rikorrent ma talabx għal aċċess għad-data mhux ipproċessata li tinsab fid-database inkwistjoni.

68      Kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, l-operazzjonijiet li jimplikaw l-ħidma ta’ programmazzjoni, miġbura fil-qosor fil-punt 63 iktar ’il fuq, ma jistgħux jiġu ttrattati bħala tfittxija normali jew ta’ rutina fid-database kkonċernata, imwettqa permezz ta’ għodod ta’ tiftix li huma disponibbli lill-Kummissjoni għal din id-database. It-twettiq ta’ tali operazzjonijiet pjuttost iwasslu għal klassifikazzjoni skont skema mhux prevista minn din id-database permezz ta’ għodod ta’ tiftix — l-SQL — li jeħtieġ li jiġu żviluppati sabiex it-talba għal aċċess tkun tista’ tiġi effettivament issodisfatta.

69      Fil-fatt, f’din il-kawża, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, l-għodda ta’ tiftix assoċjata mad-database inkwistjoni fis-sens tal-punt 150 tas-sentenza Dufour vs BĊE, punt 55 iktar ’il fuq (EU:T:2011:634), ma hijiex ikkostitwita mill-SQL kollha li jistgħu ipotetikament jiġu immaġinati u ddisinjati għat-tiftix, għaż-żieda, għall-modifika jew għat-tħassir tad-data fid-database inkwistjoni.

70      Din l-għodda ta’ tiftix pjuttost tikkonsisti fl-SQL eżistenti, diġà użati normalment għad-database inkwistjoni f’din il-kawża. Għalhekk, ir-riċerka normali jew ta’ rutina fis-sens tal-punt 153 tas-sentenza Dufour vs BĊE, punt 55 iktar ’il fuq (EU:T:2011:634), huma dawk magħmula bl-użu tal-SQL ipprogrammati minn qabel. Huma biss dawn ir-riżultati ta’ tfittxija li jwasslu għall-produzzjoni ta’ dokumenti eżistenti. Konklużjoni differenti tiżnatura l-kunċett ta’ dokument eżistenti billi testendih għad-dokumenti kollha li jistgħu ipotetikament jiġu ġġenerati mid-data fid-database inkwistjoni, bl-użu ta’ SQL wieħed jew iktar. Tali dokumenti, anki jekk il-Kummissjoni teoretikament tkun tista’ tipproduċihom, huma dokumenti ġodda fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza. Għalhekk għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li n-natura faċli li biha jiġu żviluppati dawn l-għodod ta’ tiftix il-ġodda ma huwiex kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura eżistenti jew ġdida tad-tad-dokument mitlub.

71      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt, invokat mir-rikorrent, li skedi individwali tar-riżultati huma indirizzati mill-EPSO għal kull kandidat li jkun għadda mill-eżamijiet.

72      Huwa minnu li l-iżvilupp ta’ tali skedi jagħmel parti mill-attivitajiet normali tal-EPSO u dawn l-iskedi individwali fihom ċerta data li r-rikorrent jixtieq jikseb. Huwa għalhekk, pereżempju, li l-iskeda individwali ta’ riżultati tar-rikorrent għall-eżamijiet ta’ preselezzjoni inkwistjoni, lilu indirizzata fit-28 ta’ Ġunju 2012, fiha, b’mod partikolari, lista ta’ tweġibiet mistennija u ta’ tweġibiet ipprovduti, mingħajr indikazzjoni dwar il-kontenut ta’ dawn it-tweġibiet, il-ħin iddedikat sabiex titwieġeb kull mistoqsija u indikazzjoni dwar it-tqegħid ta’ mistoqsija fl-anonimat.

73      Madankollu, huwa stabbilit li l-komunikazzjoni lir-rikorrent tal-iskedi individwali kollha ta’ dan it-tip indirizzati lill-kandidati li jkunu għaddew mill-eżamijiet ta’ preselezzjoni inkwistjoni, li fihom tingħata l-informazzjoni li taqa’ taħt il-ħajja privata ta’ dawn il-kandidati, ma tippermettix li tiġi żviluppata t-tabella statistika mixtieqa sabiex isostni s-suspetti tiegħu ta’ diskriminazzjoni fir-rigward ta’ dawn l-eżamijiet. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 63 iktar ’il fuq, dan għall-inqas ikun qed jippreżupponi li kodiċi ta’ identifikazzjoni distint huwa assenjat lil kull kandidat li jkun qagħad għal dawn l-eżamijiet kif ukoll għal kull waħda mill-mistoqsijiet magħmula lill-kandidati, u li kull skeda tkun ikkompletata b’indikazzjoni tal-lingwa li fiha kull mistoqsija tkun saret.

74      Barra minn hekk, l-iskeda individwali ta’ riżultati tar-rikorrent għall-eżamijiet ta’ preselezzjoni, ikkomunikata f’anness mar-rikors, fiha tabelli ddettaljati ta’ riżultati f’dak li jirrigwarda tlieta mill-erba’ eżamijiet li qagħad għalihom, jiġifieri l-eżami ta’ raġunament verbali, l-eżami ta’ raġunament numeriku u l-eżami ta’ raġunament astratt. Min-naħa l-oħra, ma fiha l-ebda tabella individwali tar-riżultati dwar l-eżami ta’ kompetenzi professjonali. Madankollu, it-talba għal aċċess imressqa mir-rikorrent tirrigwarda l-mistoqsijiet kollha magħmula fil-kuntest ta’ dawn l-eżamijiet, inklużi dawk fi ħdan l-eżami ta’ kompetenzi professjonali.

75      Fl-aħħar nett, jekk l-iskedi individwali inkwistjoni jistgħu jiġu kkomunikati lir-rikorrent, jekk huwa jitlob dan, b’riżerva għall-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001 u, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data personali, l-għodod ta’ tiftix u l-iskema ta’ klassifikazzjoni użata mill-Kummissjoni sabiex tipproduċi dawn l-iskedi individwali ma jippermettux li tinġabar id-data skont l-indikazzjonijiet tar-rikorrent esposti fit-talba għal aċċess mingħajr il-ħtieġa li tiġi żviluppata SQL ġdida.

76      Fir-rigward tal-prattika tal-EPSO li tikkonsisti fil-provvista lis-subkuntratturi ta’ data ta’ natura statistika dwar ir-riżultati tal-eżamijiet li għalihom ir-rikorrent jirreferi fir-rikors tiegħu, din id-data ma turix li l-kombinazzjoni ta’ data li huwa jixtieq jikseb tikkorrispondi għal skema ta’ klassifikazzjoni prevista mid-databases miżmuma mill-EPSO, b’tali mod li l-iżvilupp ta’ formula ta’ tfittxija ġdida ma tkunx meħtieġa.

77      Ir-rikorrent jirreferi, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, għas-sejħa għal offerti tal-EPSO għal kuntratt-qafas relattiv għall-ħolqien ta’ database. Skont din is-sejħa għal offerti, il-kwestjonarji mħejjija mill-offerent għandhom ikunu ħielsa minn kwalunkwe preġudizzju relatata mas-sess, mal-età u/jew man-nazzjonalità. Jekk, fi żmien sentejn wara l-kunsinna ta’ kwestjonarju lill-EPSO, differenza statistikament sinjifikattiva tidher fir-riżultati skont is-sessi, il-gruppi ta’ età u n-nazzjonalitajiet, l-EPSO jirriżerva d-dritt li jissostitwixxi mingħajr ħlas il-kwestjonarju mill-offerent u l-EPSO jintrabat f’dan il-każ, li jipprovdi lill-kuntrattur il-matriċi tat-tweġibiet kif ukoll id-data statistika mhux ipproċessata korrispondenti ġġenerata mis-sessjoni jew mis-sessjonijiet ta’ eżami sabiex tiġi analizzata l-problema.

78      Madankollu, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-kriterji marbuta mas-sess, mal-età u man-nazzjonalità tal-kandidati, li l-istatistika li għalihom tirreferi l-offerta inkwistjoni tirrigwarda, ma jikkorrispondu għall-ebda kategorija ta’ informazzjoni li jixtieq jikseb ir-rikorrent f’din il-kawża, liema kategoriji huma miġbura fil-qosor fil-punt 6 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, din is-sejħa għal offerti tirreferi biss għall-kostituzzjoni ta’ database ta’ kwestjonarji li fiha mistoqsijiet ta’ raġunament astratt/induttiv, bl-esklużjoni b’mod partikolari tal-mistoqsijiet ta’ raġunament verbali jew numeriku. Issa għandu jitfakkar li t-talba tar-rikorrent tkopri mhux biss il-mistoqsijiet ta’ raġunament astratt, iżda wkoll dawk fuq il-mistoqsijiet ta’ raġunament verbali u numeriku kif ukoll fuq il-mistoqsijiet ta’ kompetenzi professjonali magħmula lill-kandidati li jkunu qagħdu għall-eżamijiet ta’ preselezzjoni inkwistjoni. Fl-aħħar nett, skont id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, din tal-aħħar qatt ma pproduċiet il-matriċi tat-tweġibiet flimkien mad-data statistika mhux ipproċessata korrispondenti kif stipulat fis-sejħa għal offerti.

79      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li s-suġġett tat-talba għal aċċess inkwistjoni tippreżenta differenzi sinjifikattivi mad-data statistika li għaliha tirreferi l-offerta, minkejja li din is-sejħa għal offerti mhux rilevanti għall-finijiet li turi li din it-talba għandha dokument wieħed jew iktar eżistenti fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001 hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza. Barra minn hekk, l-uniku mod biex jiġu ġġenerati dawn id-dokumenti ma jistax għaldaqstant jintuża sabiex jintwera li l-produzzjoni tagħhom hija bbażata fuq tfittxijiet normali jew ta’ rutina fis-sens tal-punt 153 tas-sentenza Dufour vs BĊE, punt 55 iktar ’il fuq (EU:T:2011:634).

80      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li, hekk kif ikkonstatat mis-Segretarjat Ġenerali fl-ewwel deċiżjoni kkontestata, it-talba mressqa mir-rikorrent fil-proċedura GESTDEM 2012/3258 ma tikkonċernax aċċess, anki parzjali, għal dokument wieħed jew iktar miżmum mill-EPSO, iżda għall-kuntrarju jfittex, il-produzzjoni ta’ dokumenti ġodda li ma jistgħux jiġu miġbura permezz ta’ tfittxija normali jew ta’ rutina permezz ta’ għodda ta’ tiftix eżistenti.

81      Konsegwentement, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud sa fejn dan huwa intiż għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ispejjeż

82      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma hemmx iktar lok li tiddeċiedi fuq it-talbiet tar-rikors intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita li tirrifjuta l-aċċess fil-proċedura GESTDEM 2013/0068.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Rainer Typke huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Papasavvas

Forwood

Bieliūnas

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-2 ta’ Lulju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.