Language of document : ECLI:EU:C:2020:242

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

26 ta’ Marzu 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2008/48/KE – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur – Dritt ta’ rtirar – Terminu għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt – Rekwiżiti dwar l-informazzjoni li għandha tissemma fil-kuntratt – Avviż ta’ informazzjoni li hija limitata li tagħmel riferiment kaskata għal dispożizzjonijiet nazzjonali”

Fil-Kawża C‑66/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja), b’deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura

JC

vs

Kreissparkasse Saarlouis,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Safjan (Relatur), President tal-Awla, L. Bay Larsen u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal JC, minn T. Röske, Rechtsanwalt,

–        għal Kreissparkasse Saarlouis, minn G. Rohleder, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann, E. Lankenau u A. Berg, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u S. Šindelková, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim [kuntratt] ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn JC, konsumatur, u Kreissparkasse Saarlouis dwar l-eżerċizzju minn JC tad-dritt ta’ rtirar mill-kuntratt ta’ kreditu konkluż magħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 8 sa 10, 14 u 31 tad-Direttiva 2008/48 jiddikjaraw:

“(8)      Huwa importanti li s-suq għandu joffri livell suffiċjenti ta’ protezzjoni lill-konsumatur biex jiżgura l-fiduċja tal-konsumatur. […]

“(9)      Armonizzazzjoni sħiħa hija meħtieġa biex tiżgura li l-konsumaturi kollha fil-Komunità igawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tagħhom u biex jinħoloq suq intern ġenwin. L-Istati Membri għalhekk m’għandhomx jitħallew iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali għajr dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. […]

(10)      […] din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni mill-Istati Membri, b’mod konformi mal-liġi Komunitarja, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għal oqsma mhux koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Stat Membru għandu b’hekk ikun jista’ jżomm jew jintroduċi leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkorrispondi għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha dwar ftehim [kuntratt] ta’ kreditu barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, per eżempju dwar ftehim [kuntratt] ta’ kreditu li jinvolvu ammonti inqas minn EUR 200 jew iktar minn EUR 75 000. […] Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva wkoll għall-kreditu marbut, li ma jaqax taħt id-definizzjoni tal-ftehim [kuntratt] ta’ kreditu marbut kif jinsab f’din id-Direttiva. […]

[…]

(14)      Ftehim [kuntratt] ta’ kreditu li jkopru l-għoti ta’ kreditu garantit bi proprjetà għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dak it-tip ta’ kreditu hu ta’ natura speċifika ħafna. Barra minn hekk, ftehim [kuntratt] ta’ kreditu li l-fini tagħhom huwa li jiffinanzjaw l-akkwist jew iż-żamma tad-drittijiet ta’ proprjetà f’art jew f’bini eżistenti jew ipproġettat għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Madankollu, ftehim [kuntratt] ta’ kreditu ma għandhomx jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva biss minħabba li l-għan tagħhom huwa r-rinnovazzjoni jew iż-żieda tal-valur ta’ bini eżistenti.

[…]

(31)      Sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jkun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu skond il-ftehim [kuntratt] ta’ kreditu, għandu jkun fih l-informazzjoni kollha meħtieġa b’mod ċar u konċiż.”

4        Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għal ftehim [kuntratt] ta’ kreditu.

2.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn li ġejjin:

(a)      ftehim [kuntratt] ta’ kreditu li huma garantiti b’ipoteka jew b’garanzija komparabbli oħra użata komunament fi Stat Membru fuq proprjetà immobbli jew garantiti bi dritt relatat ma’ proprjetà immobbli;

(b)      ftehim [kuntratt] ta’ kreditu li l-fini tagħhom huwa l-akkwist jew iż-żamma tad-drittijiet ta’ proprjetà f’art jew f’bini eżistenti jew ipproġettat;

(ċ)      ftehim [kuntratt] ta’ kreditu li jinvolvu ammont totali ta’ kreditu inqas minn EUR 200 jew aktar minn EUR 75 000;

[…]”

5        L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim [kuntratt] ta’ kreditu”, jipprevedi, fil-paragrafu 2(p) tiegħu:

“Il-ftehim [kuntratt] ta’ kreditu għandu jispeċifika b’mod ċar u konċiż:

[…]

(p)      l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ dritt ta’ rtirar, il-perijodu li matulu dak id-dritt jista’ jiġi eżerċitat u kondizzjonijiet oħra li jirregolaw l-eżerċizzju tiegħu, inkluża informazzjoni dwar l-obbligu tal-konsumatur li jħallas il-kapital miġbud u l-interessi skond l-Artikolu 14(3)(b) u l-ammont ta’ l-interessi pagabbli kuljum”.

6        L-Artikolu 14 tal-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ rtirar”, huwa fformulat kif ġej fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Il-konsumatur għandu jkollu perijodu ta’ erbatax-il jum ta’ kalendarju li matulhom jista’ jirtira mill-ftehim [kuntratt] ta’ kreditu mingħajr ma jagħti l-ebda raġuni.

Dak il-perijodu ta’ rtirar għandu jibda:

(a)      jew fil-jum tal-konklużjoni tal-ftehim [kuntratt] ta’ kreditu, jew

(b)      fil-jum li fih il-konsumatur jirċievi t-termini u l-kondizzjonijiet u l-informazzjoni kuntrattwali skond l-Artikolu 10, jekk dak il-jum ikun aktar tard mid-data msemmija f’punt (a) ta’ dan is-subparagrafu.”

7        L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”

 Id-dritt Ġermaniż

8        L-Artikolu 492 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“BGB”), kien jipprevedi:

“1.      Il-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum għandhom jiġu konklużi bil-miktub, sakemm ma tkunx meħtieġa forma iktar stretta. […]

2.      Il-kuntratt għandu jinkludi l-informazzjoni preskritta għal kull kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur skont l-Artikolu 247(6) sa (13) tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch (il-Liġi ta’ Introduzzjoni għall-BGB, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, iktar ’il quddiem l- “EGBGB”).

[…]”

9        L-Artikolu 495 tal-BGB kien jipprovdi:

“1.      Fil-każ ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, min jissellef għandu dritt ta’ rtirar konformement mal-Artikolu 355.

2.      L-Artikoli 355 sa 359a għandhom japplikaw sakemm:

1)      l-informazzjoni obbligatorja msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) tal-EGBGB tidher minflok l-avviż ta’ informazzjoni dwar l-irtirar;

2)      it-terminu għall-irtirar ma jibdiex jiddekorri

(a)      qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt, u lanqas

(b)      qabel ma min jissellef ikun irċieva l-informazzjoni obbligatorja msemmija fl-Artikolu 492(2); u

3)      min jissellef […] għandu wkoll jirrimborsa lil min isellef l-ispejjeż li dan tal-aħħar ikun sostna mingħand korpi pubbliċi u li ma jistax jirkupra.”

10      Skont l-Artikolu 503(1) tal-BGB:

“L-Artikolu 497(2) u l-ewwel, it-tieni, ir-raba’ u l-ħames sentenza tal-paragrafu (3), kif ukoll l-Artikoli 499, 500 u 502 ma japplikawx għall-kuntratti li fil-kuntest tagħhom it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kreditu huwa suġġett għall-kostituzzjoni ta’ garanzija permezz ta’ sigurtà in rem u jseħħ taħt kundizzjonijiet li huma komuni għal kuntratti ggarantiti minn garanziji reali u għall-finanzjament provviżorju tagħhom.”

11      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(6) tal-EGBGB kien jelenka l-informazzjoni li kellha tidher f’kuntratt ta’ kreditu konkluż minn konsumatur. L-informazzjoni obbligatorja l-oħra li kellha tkun inkluża fil-kuntratt kienet imsemmija fl-ewwel u fit-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6), l-Artikolu 247(7) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(8) (f’dak li jirrigwarda l-kuntratti li jinkludu servizzi komplementari), fil-punt 2 tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) (f’dak li jirrigwarda l-kuntratti marbuta u l-għajnuna finanzjarja bi ħlas), kif ukoll fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(13) (meta jintervjeni sensar ta’ kreditu), tal-EGBGB.

12      L-Artikolu 247(9) tal-EGBGB kien jipprovdi li, fil-każ ta’ kuntratti msemmija fl-Artikolu 503 tal-BGB, b’deroga mill-paragrafi 3 sa 8, 12 u 13, l-informazzjoni msemmija fil-punti 1 sa 7, 10 u 13 tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, kif ukoll fir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 3 u fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu 247 għandha obbligatorjament tkun inkluża fl-informazzjoni prekuntrattwali u fil-kuntratt ta’ kreditu konkluż mill-konsumatur. Din id-dispożizzjoni kienet tipprevedi li l-kuntratt kellu barra minn hekk jinkludi l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      Matul is-sena 2012, JC, bħala konsumatur, ikkonkluda ma’ istituzzjoni ta’ kreditu, jiġifieri, il-Kreissparkasse Saarlouis, kuntratt ta’ kreditu ggarantit permezz ta’ garanziji in rem fl-ammont ta’ EUR 100 000, bir-rata tal-kreditu annwali ta’ 3.61 % fissa sat-30 ta’ Novembru 2021 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni”).

14      L-Artikolu 14 ta’ dan il-kuntratt, intitolat “Informazzjoni dwar l-irtirar”, kien ifformulat kif ġej:

“Dritt ta’ rtirar

Min jissellef għandu 14‑il jum sabiex jirtira bil-miktub (pereżempju, permezz ta’ posta, faks jew posta elettronika) mill-impenn kuntrattwali tiegħu, mingħajr ma jkollu għalfejn jipprovdi raġunijiet. It-terminu jibda jiddekorri wara l-konklużjoni tal-kuntratt iżda mhux qabel ma min jissellef ikun irċieva l-informazzjoni obbligatorja kollha msemmija fl-Artikolu 492(2) tal-[BGB] (pereżempju, informazzjoni dwar in-natura tal-kreditu, dwar l-ammont nett tal-kreditu, dwar it-tul tal-kuntratt). […]”

15      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Jannar 2016, JC iddikjara lil Kreissparkasse Saarlouis li huwa kien qiegħed jirtira mill-impenn kuntrattwali tiegħu relatat ma’ dan il-kuntratt.

16      Għalhekk JC ippreżenta rikors quddiem il-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja) sabiex jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-kreditu ta’ Kreissparkasse Saarlouis abbażi tal-kuntratt inkwistjoni ma jaqbiżx l-ammont ta’ EUR 66 537.57, ikkalkolat għat-30 ta’ April 2018, it-tieni nett, li Kreissparkasse Saarlouis tinsab f’dewmien fl-aċċettazzjoni tal-ħlas ta’ din is-somma u, it-tielet nett, li hija għandha l-obbligu li tikkumpensa lil JC għal kull dannu li jirriżulta mir-rifjut ta’ aċċettazzjoni tar-riżoluzzjoni tad-dejn. Sussidjarjament, JC talab li jiġi kkonstatat li, mid-data ta’ riċezzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rtirar, Kreissparkasse Saarlouis ma kellhiex iktar dritt għall-interessi kuntrattwali u lanqas għar-rimbors tal-kreditu skont il-modalitajiet tal-kuntratt inkwistjoni.

17      Kreissparkasse Saarlouis talbet li r-rikors ta’ JC jiġi miċħud, minħabba li hija debitament informat lil dan tal-aħħar bid-dritt ta’ rtirar tiegħu u li t-terminu għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt kien skada meta JC kellu l-intenzjoni li jużah.

18      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/48, din tal-aħħar ma tapplikax għall-kuntratti ta’ kreditu ggarantiti b’sigurtà in rem. Hija tesponi li l-leġiżlatur Ġermaniż madankollu għamel użu mill-possibbiltà, iddikjarata fil-premessa 10 ta’ din id-direttiva, li japplika s-sistema prevista minnha għal oqsma li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, bħal dik applikabbli għal tali kuntratti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija tqis li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex twettaq din l-interpretazzjoni f’din il-kawża, billi tinvoka f’dan ir-rigward is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Giloy (C‑130/95, EU:C:1997:372).

19      Fir-rigward tal-mertu tal-kawża, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-riferiment għall-Artikolu 492(2) tal-BGB, magħmul fil-kuntratt inkwistjoni fir-rigward tal-informazzjoni obbligatorja li għandha tingħata lil min jissellef, jissodisfax ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48, li jgħid li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jsemmi b’mod “ċar u konċiż” l-eżistenza jew l-assenza ta’ dritt ta’ rtirar kif ukoll il-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

20      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-imsemmija dispożizzjoni tal-BGB tirreferi wkoll għal dispożizzjoni nazzjonali oħra, jiġifieri għall-Artikolu 247(6) sa (13) tal-EGBGB, waqt li dan l-aħħar artikolu jirreferi, min-naħa tiegħu, għal dispożizzjonijiet oħra tal-BGB. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jidentifika l-informazzjoni obbligatorja kollha li l-komunikazzjoni tagħha tiddetermina l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-irtirar tal-kuntratt, il-konsumatur ikollu jirrikorri għal dispożizzjonijiet nazzjonali li jinsabu f’atti leġiżlattivi differenti.

21      Barra minn hekk, il-konsumatur huwa obbligat jiddetermina, skont l-Artikolu 247(9) tal-EGBGB, jekk il-kuntratt li huwa kkonkluda mal-professjonist jirrigwardax kreditu immobiljari, fis-sens tal-Artikolu 503 tal-BGB, b’din il-kwistjoni ma tistax, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, tiġi deċiża minn konsumatur medju li ma għandux taħriġ legali.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      L-Artikolu 10(2)(p) tad-[Direttiva 2008/48] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni [obbligatorja] fir-rigward tal-“perijodu” jew “kondizzjonijiet oħra li jirregolaw l-eżerċizzju tiegħu” għandha tinkludi wkoll ir-rekwiżiti li jirregolaw il-bidu tal-perijodu ta’ rtirar?

2.      Jekk ir-risposta għad-domanda 1 tkun fl-affermattiv:

L-Artikolu 10(2)(p) tad-[Direttiva 2008/48] jipprekludi interpretazzjoni fis-sens li l-informazzjoni dwar l-irtirar hija “ċara” u “konċiża” jekk din ma ssemmix b’mod sħiħ l-informazzjoni obbligatorja li għandha tiġi pprovduta fir-rigward tal-bidu tal-perijodu tal-irtirar, iżda f’dan ir-rigward tirreferi għal dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, f’dan il-każ l-Artikolu 492(2) tal-[BGB] fil-verżjoni fis-seħħ tiegħu sat-12 ta’ Ġunju 2014 – li min-naħa tiegħu jirreferi għal dispożizzjonijiet nazzjonali sussegwenti – f’dan il-każ, l-Artikolu 247(6) sa (13) tal-[EGBGB] fil-verżjoni fis-seħħ tagħha sat-12 ta’ Ġunju 2014 – u l-konsumatur huwa għalhekk obbligat li jaqra numru ta’ dispożizzjonijiet leġiżattivi f’diversi testi leġiżlattivi sabiex jifhem b’mod ċar liema informazzjoni obbligatorja għandha tiġi pprovduta sabiex il-perijodu tal-irtirar jibda jiddekorri fil-każ tal-kuntratt ta’ self [kreditu] tiegħu?

3.      Jekk ir-risposta għad-domanda 2 tkun fin-negattiv (u fil-prinċipju xejn ma jipprekludi riferiment għal dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali):

L-Artikolu 10(2)(p) tad-[Direttiva 2008/48] jipprekludi interpretazzjoni fis-sens li l-informazzjoni dwar l-irtrair hija “ċara” u “preċiża” meta r-riferiment għal dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali – f’dan il-każ, l-Artikolu 492(2) tal-BGB fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sat-12 ta’ Ġunju 2014 – u r-riferiment sussegwenti – f’dan il-każ, għall-Artikolu 247(6) sa (13) tal-EGBGB fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sat-12 ta’ Ġunju 2014 – neċessarjament għandu l-konsegwenza li l-konsumatur għandu jwettaq proċess ta’ inferenza legali li jmur lil hinn minn sempliċi qari tad-dispożizzjonijiet – pereżempju dwar jekk is-self [kreditu] ngħatalux taħt kundizzjonijiet li huma konswetudinarji għal kuntratti ggarantiti minn ftehim [kuntratt] ta’ kreditu u l-finanzjament provviżorju tagħhom, jew jekk jeżistux kuntratti konnessi – sabiex ikun jaf b’mod ċar liema informazzjoni obbligatorja għandha tiġi pprovduta sabiex il-perijodu ta’ rtirar jibda jiddekorri fil-każ tal-kuntratt ta’ self [kreditu] tiegħu?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

23      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula minħabba li d-Direttiva 2008/48 ma tapplikax għall-kuntratti ta’ kreditu ggarantiti minn garanziji reali u li l-leġiżlatur Ġermaniż ma ddeċidiex, minkejja l-possibbiltà mogħtija lilu mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li japplika s-sistema prevista minn din id-direttiva għal oqsma li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, bħal dik tal-kuntratti ta’ kreditu lill-konsumaturi ggarantiti minn garanziji reali, inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

24      Il-Gvern Ġermaniż jesponi wkoll li, qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2008/48, id-dritt Ġermaniż kien diġà jipprevedi leġiżlazzjoni dwar tali kuntratti. Peress li din tal-aħħar ġiet ikkunsidrata bħala li tikkorrispondi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur nazzjonali qies li kien xieraq biss li jiġbor id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-kreditu lill-konsumatur u l-kreditu ggarantit b’garanzija in rem.

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/48, din ma tapplikax għall-kuntratti ta’ kreditu ggarantiti permezz ta’ ipoteka, permezz ta’ garanzija komparabbli oħra użata komunement fi Stat Membru fuq proprjetà immobbli, jew bi dritt marbut ma’ proprjetà immobbli.

26      Il-leġiżlatur tal-Unjoni madankollu ppreċiża, kif dan jirriżulta mill-premessa 10 ta’ din id-direttiva, li Stat Membru jista’ jżomm jew jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva jew għal ċerti dispożizzjonijiet tagħha għall-kuntratti ta’ kreditu li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva.

27      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlatur Ġermaniż għalhekk iddeċieda li japplika s-sistema prevista mid-Direttiva 2008/48 għal kuntratti bħal dak inkwistjoni.

28      Il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi ddikkjarat lilha nnifisha kompetenti biex tiddeċiedi talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li fihom il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkunu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan u li għalhekk jaqgħu biss taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, iżda li fihom l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kienu saru applikabbli mid-dritt nazzjonali minħabba rinviju minn dan tal-aħħar għall-kontenut tagħhom (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România, C‑602/10, EU:C:2012:443) punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod partikolari li meta leġiżlazzjoni nazzjonali tkun trid tikkonforma ruħha għas-soluzzjonijiet li hija tipprovdi għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-att tal-Unjoni kkonċernat, ma’ dawk adottati fl-imsemmi att, jeżisti interess ċert tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati diverġenzi futuri fl-interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda minn dan l-att jiġu interpretati b’mod uniformi (sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Solar Electric Martinique, C‑303/16, EU:C:2017:773, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Barra minn hekk, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali ddefinit minnha taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-3 ta’ Lulju 2019, UniCredit Leasing, C‑242/18, EU:C:2019:558, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li ma huwiex il-kompitu tagħha, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni tagħhom mogħtija mill-qorti nazzjonali hijiex korretta, peress li tali interpretazzjoni taqa’ fil-fatt taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati nazzjonali (sentenza tat-3 ta’ Lulju 2019, UniCredit Leasing, C‑242/18, EU:C:2019:558, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

33      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni li għandha tissemma, b’mod ċar u konċiż, f’kuntratt ta’ kreditu, skont din id-dispożizzjoni, hemm il-modalitajiet ta’ komputazzjoni tat-terminu għall-irtirar, previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva.

34      Skont l-Artikolu 10(2)(p) tal-imsemmija direttiva, il-kuntratt ta’ kreditu għandu jsemmi, b’mod ċar u konċiż, mhux biss “l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ dritt ta’ rtirar” u “il-perjodu li matulu dak id-dritt jista’ jiġi eżerċitat”, iżda wkoll il-“kondizzjonijiet oħra li jirregolaw l-eżerċizzju tiegħu”.

35      Kif jirriżulta mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, moqri fid-dawl tal-premessa 31 ta’ din id-direttiva, ir-rekwiżit li jissemmew, f’kuntratt ta’ kreditu fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor, b’mod ċar u konċiż l-elementi msemmija minn din id-dispożizzjoni huwa meħtieġ sabiex il-konsumatur ikun jista’ jkun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C‑42/15, EU:C:2016:842, punt 31).

36      Dan ir-rekwiżit jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan segwit mid-Direttiva 2008/48, li huwa li tiġi pprovduta, fil-qasam ta’ kreditu lill-konsumaturi, armonizzazzjoni kompleta u imperattiva f’ċertu numru ta’ oqsma ċentrali, li hija meqjusa bħala meħtieġa sabiex jiġi żgurat lill-konsumaturi kollha tal-Unjoni livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u sabiex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ suq intern tal-kreditu għall-konsum li jiffunzjona tajjeb (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C‑42/15, EU:C:2016:842, punt 32).

37      Fid-dawl tal-importanza tad-dritt ta’ rtirar għall-protezzjoni tal-konsumatur, l-informazzjoni li tikkonċerna dan id-dritt għandha, għal dan il-konsumatur, importanza fundamentali. Sabiex ikun jista’ jibbenefika bis-sħiħ minn din l-informazzjoni, il-konsumatur għandu jkun jaf, minn qabel, il-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċeduri għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar mill-kuntratt (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2019, Walbusch Walter Busch, C‑430/17, EU:C:2019:47, punt 46).

38      Barra minn hekk, l-effettività tad-dritt ta’ rtirar previst fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/48 tiddgħajjef serjament jekk il-modalitajiet tal-kalkolu tat-terminu għall-irtirar ma jkunux jinsabu fost in-numru ta’ kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt li għandhom obbligatorjament jissemmew fil-kuntratt ta’ kreditu, fis-sens tal-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva.

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni li għandha tissemma, b’mod ċar u konċiż, f’kuntratt ta’ kreditu, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, hemm il-modalitajiet ta’ komputazzjoni tat-terminu għall-irtirar, previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva.

 Fuq it-tieni domanda

40      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li kuntratt ta’ kreditu jagħmel, fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, riferiment għal dispożizzjoni nazzjonali li tirreferi hija stess għal dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Istat Membru inkwistjoni.

41      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża prinċipali, il-kuntratt inkwistjoni jippreċiża li t-terminu għall-irtirar jibda jiddekorri wara l-konklużjoni tal-kuntratt, iżda mhux qabel ma min jissellef ikun irċieva l-informazzjoni obbligatorja kollha msemmija fl-Artikolu 492(2) tal-BGB. L-imsemmija dispożizzjoni tirreferi, min-naħa tagħha, għall-Artikolu 247(6) sa (13) tal-EGBGB, waqt li dan tal-aħħar jirreferi, min-naħa tiegħu, għal dispożizzjonijiet oħra tal-BGB.

42      Il-Qorti tar-rinviju tikkonstata għalhekk li l-informazzjoni obbligatorja li l-komunikazzjoni tagħha lill-konsumatur tiddetermina l-punt tat-tluq tat-terminu għall-irtirar tal-kuntratt, konformement mal-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tagħha, ma tinsabx, bħala tali, fil-kuntratt inkwistjoni. Hija tqis li l-konsumatur huwa għalhekk obbligat, sabiex jidentifikahom, li jistudja diversi dispożizzjonijiet nazzjonali li jinsabu f’atti leġiżlattivi differenti.

43      Għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, it-terminu għall-irtirar jibda jiddekorri biss meta l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva tkun ġiet trażmessa lill-konsumatur, jekk din id-data tiġi wara l-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu. L-imsemmi Artikolu 10 jelenka l-informazzjoni li għandha tissemma fil-kuntratt ta’ kreditu.

44      Issa, meta kuntratt konkluż minn konsumatur jagħmel riferiment għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali fir-rigward tal-informazzjoni li l-indikazzjoni tagħha hija meħtieġa skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48, il-konsumatur ma jkunx f’pożizzjoni, fuq il-bażi tal-kuntratt, la li jiddetermina l-portata tal-obbligu kuntrattwali tiegħu, u lanqas li jistħarreġ jekk l-elementi kollha meħtieġa, konformement mal-imsemmija dispożizzjoni, jinsabux fil-kuntratt li huwa kkonkluda, u lanqas, a fortiori, li jivverifika jekk it-terminu għall-irtirar li huwa jista’ jkollu bediex jiddekorri fir-rigward tiegħu.

45      Barra minn hekk, l-għarfien u ftehim tajjeb, mill-konsumatur, tal-elementi li għandu obbligatorjament jinkludi l-kuntratt ta’ kreditu, konformement mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, huma neċessarji għall-eżekuzzjoni tajba ta’ dan il-kuntratt u, b’mod partikolari, għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-konsumatur, li fosthom jidher id-dritt ta’ rtirar mill-kuntratt.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta direttiva fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi tipprevedi obbligu, għall-kummerċjant, li jgħarraf lill-konsumatur bil-kontenut tal-impenn kuntrattwali propost lilu li ċerti elementi tiegħu huma ddeterminati mid-dispożizzjonijiet mandatorji leġiżlattivi jew regolatorji ta’ Stat Membru, dan il-kummerċjant huwa obbligat li jinforma lil dan il-konsumatur bil-kontenut tal-imsemmija dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2012, Invitel, C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 29).

47      Għalhekk, sempliċi riferiment, magħmul fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratt, għal test leġiżlattiv jew regolatorju li jistipula d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet ma huwiex suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 50).

48      F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, għandu għalhekk jiġi kkonstatat li riferiment, fil-kuntratt inkwistjoni, għad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali, kif imsemmija fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, ma jissodisfax ir-rekwiżit, imsemmi fil-punti 43 sa 47 ta’ din is-sentenza, li l-konsumatur jiġi informat, b’mod ċar u konċiż, dwar il-perijodu li matulu d-dritt ta’ rtirar jista’ jiġi eżerċitat u l-kundizzjonijiet l-oħra sabiex jiġi eżerċitat, skont l-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48.

49      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li kuntratt ta’ kreditu jagħmel, fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, riferiment għal dispożizzjoni nazzjonali li tirreferi hija stess għal dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Istat Membru inkwistjoni.

 Fuq it-tielet domanda

50      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni li għandha tissemma, b’mod ċar u konċiż, f’kuntratt ta’ kreditu, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, hemm il-modalitajiet ta’ komputazzjoni tat-terminu għall-irtirar, previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva.

2)      L-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li kuntratt ta’ kreditu jagħmel, fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, riferiment għal dispożizzjoni nazzjonali li tirreferi hija stess għal dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Istat Membru inkwistjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.