Language of document : ECLI:EU:T:2007:216

Kawża T-192/04

Flex Equipos de Descanso, SA

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern

(Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark verbali Komunitarja LURA – FLEX – Trade marks nazzjonali preċedenti li jinkludu l-element verbali “flex” – Preżentata tardiva quddiem id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni tad-traduzzjonijiet tad-dokumenti ppreżentati in sostenn tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti – Obbligu tal-Bord ta’ l-Appell li jevalwa l-ħtieġa li jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dokumenti tradotti”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja – Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni – Eżami ta’ l-oppożizzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 74(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regoli 16(3), 17(2) u 20(2))

2.      Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ appell – Appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ta’ l-Uffiċċju – Eżami mill-Bord ta’ l-Appell – Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 74(2))

1.      Jirriżulta mir-referenza doppja fir-Regola 16(3) għar-Regola 20(2) minn naħa, u fir-Regola 17(2) għar-Regola 16(3) min-naħa l-oħra, li t-terminu li d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni kienet stipulat b’applikazzjoni tar-Regola 20(2) għall-preżentata ta’ l-informazzjoni dettaljata dwar il-fatti, il-provi u l-osservazzjonijet ippreżentati in sostenn ta’ l-oppożizzjoni huwa applikabbli wkoll għat-traduzzjonijiet fil-lingwa tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni ta’ elementi ta’ prova tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tal-parti li qegħda topponi.

Meta din ta’ l-aħħar tippreżenta b’mod tardiv lid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, it-traduzzjonijiet fil-lingwa tal-proċedimenti tal-provi u tad-dokumenti in sostenn tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha, hija għandha tiġi kkunsidrata li ma ppreżentatx dawn l-elementi ta’ prova fil-ħin, fis-sens ta’ l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, b’tali mod li, bl-applikazzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jista’ ma joħodhomx in kunsiderazzjoni.

(ara l-punti 50, 61)

2.      Meta jitressaq quddiemu rikors kontra deċiżjoni li tiċħad oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja, il-Bord ta’ l-Appell igawdi, skond l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex jiddeċiedi, bil-kundizzjoni li jagħti l-motivi għad-deċiżjoni tiegħu f’dan ir-rigward, jekk hemmx lok jew le li jieħu in kunsiderazzjoni, fid-dawl tad-deċiżjoni li huwa jkun ġie mitlub jagħti, il-fatti jew il-provi li l-parti li għamlet l-oppożizzjoni ppreżentat tardivament quddiem id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni. Tali teħid in kunsiderazzjoni jista’ jkun iġġustifikat, b’mod partikolari, meta, min-naħa, l-elementi preżentati b’mod tardiv jistgħu ma’ l-ewwel daqqa t’għajn ikollhom rilevanza vera għal dak li jirrigwarda l-eżitu ta’ l-oppożizzjoni u, min-naħa l-oħra, l-istadju tal-proċedura li fih din il-preżentata tardiva ta’ fatti sseħħ u ċ-ċirkustanzi relatati magħha ma jkunux jmorru kontra tali teħid in kunsiderazzjoni.

Għaldaqstant, il-Bord ta’ l-Appel iwettaq żball ta’ liġi meta jirrifjuta mill-ewwel li jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu sabiex jiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li jieħu in kunsiderazzjoni tali provi u dokumenti ta’ sostenn.

(ara l-punti 62-63, 67)