Language of document : ECLI:EU:T:2012:626

Kawża T‑541/10

Anotati Dioikisi Enoseon Dimosion Ypallilon (ADEDY) et

vs

Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Deċiżjonijiet indirizzati lil Stat Membru sabiex tiġi rrimedjata sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv — Nuqqas ta’ interess dirett — Inammissibbiltà”

Sommarju — Digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas-27 ta’ Novembru 2012

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Interess dirett — Kriterji — Deċiżjoni tal-Kunsill li tintima lil Stat Membru jieħu l-miżuri intiżi li jirrimedjaw sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv — Rikors ippreżentat minn konfederazzjoni sindakali kif ukoll minn membri tagħha — Assenza ta’ interess dirett — Inammissibbiltà

(ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1467/97, Artikolu 5)

2.      Unjoni Ewropea — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Atti li jinneċessitaw miżuri nazzjonali ta’ applikazzjoni — Possibbiltà għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrikorru għal rinviju preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità — Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu r-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Preżentata tar-rikors għal annullament quddiem il-qorti tal-Unjoni fil-każ ta’ assenza ta’ rimedji ġudizzjarji quddiem il-qorti nazzjonali— Esklużjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, Artikoli 263 TFUE, 267 TFUE u 277 TFUE)

1.      Il-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà stabbilita fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li skontha persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors, teħtieġ fil-prinċipju żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, fl-ewwel lok, toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-individwu u, fit-tieni lok, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplementawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji.

Għaldaqstant, konfederazzjoni sindakali li tinkludi inkwantu membri, essenzjalment, l-uffiċjali u l-impjegati kollha ta’ persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku, kif ukoll il-membri ta’ din il-konfederazzjoni, ma humiex direttament affettwati mid-deċiżjoni tal-Kunsill li tintima lil Stat Membru jieħu miżuri intiżi li jirrimedjaw sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv.

Fil-fatt, id-dispożizzjoni ta’ din id-deċiżjoni dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu minn Stat Membru sabiex inaqqas id-defiċit eċċessiv, peress li din timponi l-obbligu għall-Istat Membru kkonċernat li jikseb għan baġitarju, jiġifieri jekonomizza ċertu ammont kull sena permezz ta’ tnaqqis tal-bonusijiet imħallsa lill-uffiċjali, mingħajr ma tiddetermina la metodi ta’ dan it-tnaqqis u lanqas il-kategoriji ta’ uffiċjali kkonċernati minnha, elementi li jitħallew għall-evalwazzjoni tiegħu, ma hijiex ta’ natura li tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti peress li l-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fil-kuntest tal-implementazzjoni tagħha.

Bl-istess mod, id-dispożizzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata li tipprevedi l-obbligu għall-istess Stat Membru li jadotta liġi li tirriforma s-sistema tal-pensjonijiet bl-għan li jiżgura l-vijabbiltà tagħha fi żmien medju u fit-tul, peress li din teħtieġ l-adozzjoni ta’ tali liġi sabiex tiġi implementata u tħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa ħafna lill-awtoritajiet tal-Istat Membru sabiex jiddefinixxu l-kontenut ta’ din il-liġi, sakemm din tiżgura l-vijabbiltà fi żmien medju u fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet, ma tikkonċernax direttament lill-imsemmija rikorrenti, billi din il-liġi tista’ biss, eventwalment, taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tagħhom.

Barra minn hekk, id-dispożizzjoni tal-istess deċiżjoni li tipprevedi limitu għas-sostituzzjoni tal-impjegati li jirtiraw fis-settur pubbliku tikkostitwixxi miżura ġenerali ta’ organizzazzjoni u ta’ ġestjoni tal-amministrazzjoni pubblika u ma taffettwax għalhekk direttament is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti. Fil-fatt, sa fejn din id-dispożizzjoni tikkawża deterjorazzjoni tal-funzjonament tas-servizzi pubbliċi u tiddeterjora l-kundizzjonijiet tax-xogħol tar-rikorrenti, din tikkostitwixxi fatt li ma jikkonċernax is-sitwazzjoni legali tagħhom, iżda biss is-sitwazzjoni ta’ fatt tagħhom.

Fl-aħħar nett, peress li l-għan finali huwa t-tnaqqis tad-defiċit pubbliku eċċessiv tal-pajjiż, id-dispożizzjonijiet li jipprevedu l-adozzjoni mill-Istat Membru kkonċernat ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni baġitarja, ta’ miżuri intiżi sabiex isaħħu s-sorveljanza u d-dixxiplina baġitarja, kif ukoll ta’ miżuri ta’ natura strutturali intiżi b’mod partikolari sabiex itejbu l-kompetittività tal-ekonomija nazzjonali inġenerali, fid-dawl tal-portata tagħhom, jeħtieġu miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni li jispeċifikaw il-kontenut tagħhom. Fil-kuntest ta’ din l-implementazzjoni, l-awtoritajiet tal-Istat Membru inkwistjoni għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa, sakemm l-għan finali tat-tnaqqis tad-defiċit eċċessiv ikun osservat. Huma dawn il-miżuri nazzjonali li, eventwalment, ser jaffettwaw direttament is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti.

(ara l-punti 64, 70, 72-74, 76, 78, 80, 84)

2.      It-Trattat, permezz tal-Artikoli 263 TFUE u 277 TFUE tiegħu, minn naħa, u permezz tal-Artikolu 267 TFUE tiegħu, min-naħa l-oħra, stabbilixxa sistema kompleta ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri intiża sabiex tiżgura l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, billi fdaha lill-qorti tal-Unjoni. F’din is-sistema, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li ma jistgħux, minħabba l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà msemmija fl-Artikolu 263 TFUE, jikkontestaw direttament atti tal-Unjoni ta’ portata ġenerali li jeħtieġu miżuri ta’ applikazzjoni mill-Istat Membru destinatarju, għandhom il-possibbiltà b’mod partikolari li jinvokaw l-invalidità ta’ tali atti quddiem il-qrati nazzjonali u li jwasslu lil dawn tal-aħħar, li ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jikkonstataw huma stess l-invalidità tat-tali atti, jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan permezz ta’ domandi preliminari.

L-ammissibbiltà ta’ rikors għall-annullament tal-imsemmija atti quddiem il-qorti tal-Unjoni ma tistax tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk jeżistix rimedju ġudizzjarju quddiem qorti nazzjonali li jippermetti li tiġi eżaminata l-validità tagħhom; din lanqas ma tista’ tiddependi mill-allegat dewmien tal-proċeduri nazzjonali. Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punti 89, 90, 93)