Language of document : ECLI:EU:C:2024:587

Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

4 ta’ Lulju 2024 (*)

“Appell – Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Dritt istituzzjonali – Artikolu 263 TFUE – Rikors għal annullament – Applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija – Assenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat – Assenza ta’ kisba tal-unanimità meħtieġa – Inammissibbiltà manifesta parzjali tar-rikors fl-ewwel istanza – Talba għal terminu li jippermetti ‘tkomplija mill-ġdid tar-rikors’ – Nuqqas manifest parzjali ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Fil-Kawża C‑787/23 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit‑18 ta’ Diċembru 2023,

Eugen Tomac, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn R. Duta, avocat,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, P. G. Xuereb (Relatur) u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tingħata deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tal-appell tiegħu, Eugen Tomac jitlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑26 ta’ Ottubru 2023, Tomac vs Il‑Kunsill (T‑48/23, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2023:684), li permezz tiegħu din ċaħdet ir-rikors tiegħu ppreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE u intiż, minn naħa, għall-annullament tal-att tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat‑8 ta’ Diċembru 2022 li jwassal għall-assenza ta’ adozzjoni tal-Abbozz Nru 15218/22 ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija (iktar ’il quddiem l-“att kontenzjuż”), u, min-naħa l-oħra, fil-każ li l-kwalità ta’ “rikorrent privileġġat” ma tiġix irrikonoxxuta lilu, għall-għoti ta’ terminu li jippermetti “tkomplija mill-ġdid tar-rikors”, jekk ikun il-każ, mill-Parlament Ewropew, minn istituzzjoni oħra tal-Unjoni Ewropea jew minn istituzzjoni nazzjonali li taġixxi f’din il-kwalità.

 Ilkuntest ġuridiku

2        Skont l-Artikolu 4 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 203, iktar ’il quddiem l-“Att tal-adeżjoni”), anness mat-Trattat bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija, dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 11), skont l-Artikolu 2(2) ta’ dan it-trattat, li ġie ffirmat fil‑25 ta’ April 2005 u li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2007:

“1.      Id-disposizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen kif integrat fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea [...], u l-atti li jibnu fuqu jew li b’xi mod ieħor huma relatati miegħu, elenkati fl-Anness II, kif ukoll kull att ieħor bħal dan li jista’ jiġi adottat qabel id-data ta’ l-adeżjoni, għandhom jorbtu u jkunu applikabbli fil-Bulgarija u r-Rumanija mid-data ta’ l-adeżjoni.

2.      Dawk id-disposizzjonjiet ta’ l-acquis ta’ Schengen kif integrat fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea u ta’ l-atti li jibnu fuqu jew li b’xi mod ieħor huma relatati miegħu li mhumiex imsemmija fil-paragrafu 1, filwaqt li jorbtu lill-Bulgarija u lir-Rumanija mid-data ta’ l-adeżjoni, għandhom japplikaw biss f’dawk l-Istati skond deċiżjoni tal-Kunsill għal dak l-iskop wara verifika skond il-proċeduri Schengen applikabbli ta’ valutazzjoni li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha ta’ l-acquis konċernat ikunu ġew sodisfatti f’dak l-Istat.

Il-Kunsill għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, waqt li jaġixxi bl-unanimità tal-membri tiegħu li jirrappreżentaw il-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri li fir-rigward tagħhom id-disposizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu diġà ddaħħlu fis-seħħ u tar-rappreżentant tal-Gvern ta’ l-Istat Membru li fir-rigward tiegħu dawn id-disposizzjonijiet għandhom jiddaħħlu fis-seħħ. [...]”

 Ilfatti li wasslu għallkawża

3        Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 2 sa 20 tad-digriet appellat u jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru fil-qosor kif ġej.

4        L-appellant huwa Membru tal-Parlament Ewropew ta’ nazzjonalità Rumena.

5        Wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, fl‑1 ta’ Jannar 2007, ir-Rumanija, bejn is-sena 2009 u s-sena 2011, ħadet sensiela ta’ passi skont il-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen, bil-għan li tissodisfa l-kriterji meħtieġa għall-finijiet tal-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen.

6        Il-Presidenza tal-Kunsill stabbilixxiet żewġ abbozzi ta’ Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija, li ġew segwiti mill-adozzjoni ta’ diversi riżoluzzjonijiet tal-Parlament li jesprimu l-appoġġ tiegħu għall-adeżjoni tar-Rumanija fiż-żona Schengen u li jistiednu lill-Kunsill jieħu l-miżuri meħtieġa għal dan l-għan. Madankollu, dawn iż-żewġ abbozzi ma wasslux għal votazzjoni fi ħdan il-Kunsill.

7        Fid‑29 ta’ Novembru 2022, il-Presidenza tal-Kunsill stabbilixxiet, abbażi tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni, l-Abbozz Nru 15218/22 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija (iktar ’il quddiem l-“Abbozz Nru 15218/22”).

8        Waqt il-laqgħa tagħha tat‑8 ta’ Diċembru 2022, il-formazzjoni tal-Kunsill “Ġustizzja u Affarijiet Interni” (ĠAI) iltaqgħet sabiex tiddeċiedi dwar l-Abbozz Nru 15218/22, inkluż fil-punt 3(a) tal-aġenda ta’ din il-laqgħa, li kien jipprevedi li setgħet tintalab votazzjoni fid-dawl ta’ adozzjoni eventwali mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri. Peress li ma nkisibx l-unanimità tal-voti, dan l-abbozz ma ġiex adottat.

9        Permezz ta’ posta elettronika tal‑15 ta’ Diċembru 2022, l-appellant staqsa lid-Direttriċi Ġenerali ĠAI tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jekk kienx possibbli għaliha li tikkomunikalu r-riżultati tal-votazzjoni dwar l-Abbozz Nru 15218/22, kif ukoll il-minuti tal-laqgħa tat‑8 ta’ Diċembru 2022 jew ir-rapport relatat magħha.

10      Permezz ta’ posta elettronika tas‑16 ta’ Diċembru 2022, id-Direttriċi Ġenerali ĠAI tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill wieġbet lir-rikorrent li, matul din il-laqgħa, l-Abbozz Nru 15218/22 ma kienx fil-fatt ġie adottat u li, skont l-Artikoli 8 u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, billi dawn kienu deliberazzjonijiet dwar att mhux leġiżlattiv mhux miftuħa għall-pubbliku, ir-riżultati tal-votazzjonijiet ma kienu suġġetti għal ebda pubbliċità. Hija żiedet tgħid li l-minuti ta’ din il-proċedura lanqas ma kienu saru aċċessibbli għall-pubbliku.

 Irrikors quddiem ilQorti Ġenerali u ddigriet appellat

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Frar 2023, l-appellant ippreżenta, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors intiż għall-annullament tal-att kontenzjuż u, fil-każ li l-kwalità ta’ “rikorrent privileġġat” ma tiġix irrikonoxxuta lilu, intiż sabiex jingħata terminu li jippermetti “tkomplija mill-ġdid tar-rikors”, jekk ikun il-każ, f’isem il-Parlament, istituzzjoni oħra tal-Unjoni jew istituzzjoni nazzjonali li taġixxi f’din il-kwalità.

12      Fis‑26 ta’ Ottubru 2023, il-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, mingħajr ma kompliet il-proċedura, ċaħdet dan ir-rikors, parzjalment, minħabba nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni u, parzjalment, bħala manifestament inammissibbli.

13      F’dak li jirrigwarda l-ewwel kap tat-talbiet, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, fil-punt 31 tad-digriet appellat, li, minkejja t-tmiem tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen u l-adozzjoni ta’ diversi riżoluzzjonijiet tal-Parlament, l-unanimità meħtieġa mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri kkonċernati fl-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni ma kinitx inkisbet fi ħdan il-Kunsill waqt il-votazzjoni fuq l-Abbozz Nru 15218/22, u, min-naħa l-oħra, fil-punt 32 ta’ dan id-digriet, li l-Artikolu 4 ta’ dan l-att ma kien jistabbilixxi ebda terminu li fl-iskadenza tiegħu d-deċiżjoni tal-Kunsill kellha tittieħed jew kellha titqies li ttieħdet.

14      Il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 33 tal-imsemmi digriet, li tkun tikkontradixxi l-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, li jipprevedi b’mod espliċitu proċedura b’diversi stadji mingħajr ma jistabbilixxi terminu għal dan il-għan, il-possibbiltà li mill-konklużjoni tal-istadji preliminari tiġi dedotta d-dekadenza tas-setgħa tal-Kunsill li, bl-unanimità tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri kkonċernati, jadotta deċiżjoni fis-sens tal-imsemmi artikolu.

15      Barra minn hekk, fil-punt 34 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali żiedet li jibqa’ dejjem possibbli għall-Kunsill li jinkludi mill-ġdid l-Abbozz Nru 15218/22 fl-aġenda ta’ laqgħa ġdida jew għall-Presidenza tal-Kunsill li tfassal abbozz ġdid ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija.

16      B’hekk, fil-punt 35 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, peress li l-unanimità meħtieġa ma kinitx inkisbet waqt il-votazzjoni fuq l-Abbozz Nru 15218/22, ebda deċiżjoni tal-Kunsill ma kienet ittieħdet, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni, u li l-votazzjoni li wasslet għan-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ dan l-abbozz ma kinitx ekwivalenti, bħala tali, għal rifjut tal-Kunsill li jieħu sussegwentement tali deċiżjoni.

17      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 36 tal-imsemmi digriet, li l-att kontenzjuż ma jistax jitqies li huwa att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u ċaħdet, fil-punt 38 tal-istess digriet, l-ewwel kap tat-talbiet bħala manifestament inammissibbli.

18      Fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 39 tad-digriet appellat, li l-kwalità ta’ “rikorrent privileġġat” kienet mogħtija biss lill-Istati Membri, lill-Parlament, lill-Kunsill jew lill-Kummissjoni Ewropea, iżda li din il-kwalità ma setgħetx tingħata lill-appellant.

19      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 40 ta’ dan id-digriet, li hija ma kellha ebda kompetenza sabiex “tagħti terminu” lill-Parlament, lil istituzzjoni oħra tal-Unjoni jew lir-Rumanija sabiex tippreżenta rikors għal annullament, filwaqt li ppreċiżat li t-termini għall-preżentata ta’ rikors kienu ta’ ordni pubbliku u li, konsegwentement, dawn ma kinux għad-dispożizzjoni la tal-partijiet u lanqas tal-qorti.

20      Għaldaqstant, fil-punt 41 tal-imsemmi digriet, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrent minħabba nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni.

 Ittalbiet talappellant u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

21      Permezz tal-appell tiegħu ppreżentat fit‑18 ta’ Diċembru 2023, l-appellant jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet appellat u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali f’kompożizzjoni oħra sabiex din tiddeċiedi dwar it-talba tiegħu u, sussidjarjament, tirriforma dan id-digriet.

 Fuq lappell

22      Skont l-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun, kompletament jew parzjalment, manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi li tiċħad dan l-appell, kompletament jew parzjalment, permezz ta’ digriet motivat.

23      Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata f’din il-kawża.

24      Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant iqajjem żewġ aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 263 TFUE, u, it-tieni wieħed, fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ moviment liberu tal-persuni u tal-merkanzija, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ “assistenza” kif ukoll ta’ “fraternità” u ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri, kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

 Fuq lewwel aggravju

25      F’dak li jirrigwarda l-ewwel aggravju, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-appellant sempliċement jallega li l-att kontenzjuż jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u li hu għandu jitqies “b’estensjoni” bħala “rikorrent privileġġat”, billi jirriproduċi, essenzjalment, l-argumenti li huwa ppreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda ma jinvoka ebda argument li jista’ juri li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi f’dan ir-rigward.

26      Issa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li qiegħda jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. Dan ir-rekwiżit ma jkunx issodisfatt minn appell li, mingħajr lanqas ma jinkludi argumenti maħsuba speċifikament sabiex jidentifikaw l-iżball ta’ liġi li bih tkun allegatament ivvizzjata s-sentenza appellata, sempliċement jirriproduċi l-motivi u l-argumenti li jkunu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, tali appell jikkostitwixxi, fil-verità, talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma jaqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2020, Hamas vs Il‑Kunsill, C‑386/19 P, EU:C:2020:691, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Sussegwentement, fir-rigward tal-argument tal-appellant li n-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-att kontenzjuż bħala att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, jikser l-Artikolu 4(2) TUE, għandu jiġi kkonstatat li l-appellant ma jispjegax kif din iċ-ċirkustanza tippreġudika l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom.

28      Fl-aħħar nett, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod żbaljat, li ma huwiex il-Kunsill li għandu jieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni f’terminu raġonevoli abbażi tal-Artikolu 3(2) u (3) TUE u tal-Artikolu 4(2) TUE, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprevedu ebda obbligu ta’ din in-natura fir-rigward tal-Kunsill u li, barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi, fil-punt 32 tad-digriet appellat, meta kkonstatat li l-Artikolu 4 tal-Att tal-adeżjoni ma kienx jipprevedi terminu li fl-iskadenza tiegħu d-deċiżjoni tal-Kunsill, imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, kellha tittieħed jew kellha titqies li ttieħdet.

29      Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittieni aggravju

30      Fir-rigward tat-tieni aggravju, l-appellant isostni, fl-ewwel lok, li n-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni, jikser ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt, kif ippreżentati fil-punt 24 ta’ dan id-digriet.

31      Issa, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-appellant ma jidentifikax il-punti tal-motivi kkritikati tad-digriet appellat fir-rigward tal-prinċipji msemmija fil-punt 24 ta’ dan id-digriet u, min-naħa l-oħra, li huwa ma jinvoka ebda argument li jista’ jqiegħed f’dubju l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 35 tad-digriet appellat, li skontha, peress li l-unanimità meħtieġa ma nkisbitx waqt il-votazzjoni dwar l-Abbozz Nru 15218/22, ebda deċiżjoni tal-Kunsill ma kienet ittieħdet, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni. Għaldaqstant, sa fejn l-appellant isostni ksur ta’ dawn il-prinċipji, it-tieni aggravju huwa inammissibbli konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 26 ta’ dan id-digriet.

32      Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ allegat trattament diskriminatorju tar-Rumanija b’paragun mar-Repubblika tal-Kroazja, għandu jiġi kkonstatat li l-appellant ma jispjegax kif tali differenza fit-trattament, jekk titqies stabbilita, kellha effett fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni.

33      Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud ukoll.

34      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat.

 Fuq lispejjeż

35      Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fid-digriet li jagħlaq l-istanza.

36      F’dan il-każ, peress li dan id-digriet ġie adottat qabel ma l-appell ġie nnotifikat lill-parti l-oħra fil-proċedura u, konsegwentement, qabel ma din setgħet issostni spejjeż, għandu jiġi deċiż li l-appellant għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tordna:

1)      L-appell huwa miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat.

2)      Eugen Tomac għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.