Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Diċembru 2011 - TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-674/11)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Partijiet

Rikorrenti: TV2/Danmark (Odense, id-Danimarka) (rappreżentant: O. Koktvedgaard)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiddikjara:

prinċipalment: l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-20 ta' April 2011, dwar il-miżuri implimentati mid-Danimarka (C-2/03) għal TV2/Danmark, sa fejn hija tikkonstata li l-miżuri investigati jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (premessi 101 u 153 u l-ewwel paragrafu tal-konklużjoni tad-deċiżjoni).

sussidjarjament: l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-20 ta' April 2011, dwar il-miżuri implimentati mid-Danimarka (C-2/2003) għal TV2/Danmark sa fejn tikkonkludi li:

l-miżuri investigati jikkostitwixxu għajnuna ġdida li għalhekk kellhom jiġu nnotifikati (premessa 154 u l-ewwel paragrafu tal-konklużjoni tad-deċiżjoni);

li d-drittijiet tal-liċenzji li, fis-snin 1997-2002, ġew trasferiti lir-reġjuni permezz ta' TV2, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat għal TV2 (premessa 194 tad-deċiżjoni), u

li d-dħul mir-reklamar li, fl-1995 u fl-1996 u fil-ħin tal-għeluq tal-Fond TV2 fl-1997 ġie ttrasferit mill-Fond TV2 għal TV2, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat għal TV2 (premessi 90, 92, 193 u 195, mat-Tabella 1).

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 107(1) TFUE, l-Artikolu 14 TFUE u l-Protokoll ta' Amsterdam. Ir-rikorrenti ssostni:

li r-rikorrenti ma rċevietx għajnuna mill-Istat, peress li l-miżuri investigati ma kinux ta' benefiċċju għal TV2/Danmark fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, iżda kienu biss kumpens għas-servizzi pubbliċi pprovduti minn TV2/Danmark. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma applikatx il-kundizzjonijiet fis-sentenza Altmark skont l-ispirtu u l-għan tagħhom maħsub u kkonkludiet, b'mod żbaljat, li t-tieni u r-raba' kundizzjonijiet tas-sentenza Altmark ma kinux ġew sodisfatti.

li l-allegata għajnuna lil TV2/Danmark fil-forma ta' drittijiet tal-liċenzji u eżenzjonijiet mit-taxxa tal-kumpanniji ma kinitx għajnuna ġdida fis-sens tar-Regolament Nru 659/1999 , peress li dawn l-arranġamenti kienu saru qabel l-adeżjoni tad-Danimarka għall-Unjoni Ewropea;

li d-drittijiet tal-liċenzji li ġew trasferiti lejn ir-reġjuni permezz ta' TV2/Danmark mill-1997 sal-2002 ma jistgħux ikunu kkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat lil TV2/Danmark, peress li TV2/Danmark ma kinitx il-benefiċjarja effettiva ta' dawn il-fondi, u

li l-fondi li ġew trasferiti minn TV2 Reklame A/S permezz tal-Fond TV2 lil TV2/Danmark li kienu ġejjin mill-bejgħ ta' reklamar ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, peress li dawk kienu ħlas għax-xandir ta' TV2/Danmark ta' reklamar fuq in-netwerk tax-xandir ta' TV2/Danmark.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-[Artikolu 108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).