Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' Jannar 2012 - Franza vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1/12)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: E. Belliard, G. de Bergues u J. Gstalter, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni C(2011) 7808 finali, tal-24 ta' Ottubru 2011, li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet iddikjarat inkompatibbli mas-suq intern għajnuna għar-ristrutturazzjoni ppjanata mill-awtoritajiet Franċiżi favur SeaFrance SA taħt il-forma ta' żieda fil-kapital u ta' self mogħti mis-SNCF lil SeaFrance.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta' għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE meta l-Kummissjoni kkunsidrat li n-natura raġonevoli taż-żewġ atti ta' self ippjanati mis-SNCF kellha tiġi evalwata flimkien mal-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni. Dan il-motiv jinqasam f'żewġ partijiet ibbażati:

minn naħa, fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet interpretat b'mod żbaljat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Settembru 1998, BP Chemicals vs Il-Kummissjoni (T-11/95, Ġabra p. II-3235), u

min-naħa l-oħra, sussidjarjament, fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet applikat b'mod żbaljat l-imsemmija sentenza tal-Qorti Ġenerali.

It-tieni motiv ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta' għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE meta l-Kummissjoni kkunsidrat, b'mod abbondanti, li l-awtoritajiet Franċiżi ma wrewx li, evalwati waħedhom, iż-żewġ atti ta' self previsti mis-SNCF kienu ngħataw b'rata tas-suq. Dan il-motiv jinqasam f'żewġ partijiet ibbażati:

Minn naħa, fuq il-fatt li l-Kummissjoni eskludiet b'mod żbaljat l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tad-19 ta' Jannar 2008, dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta' referenza u ta' skont , għaż-żewġ atti ta' self inkwistjoni u

min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b'mod żbaljat li, biex tkun konformi mas-suq, ir-rata tas-self inkwistjoni kellha tkunu madwar 14 %.

It-tielet motiv ibbażat fuq żbalji ta' liġi u ta' fatt meta l-Kummissjoni kkunsidrat li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni hija inkompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE interpretata fid-dawl tal-linji gwida dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 345 TFUE li jipprovdi li t-Trattati għandhom ikunu bla ebda preġudizzju għas-sistema ta' proprjetà fl-Istati Membri.

____________

1 - ĠU C 14, p. 6