Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta' Jannar 2012 - Laboratoires CTRS vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-12/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Laboratoires CTRS (Boulogne-Billancourt, Franza) (rappreżentanti: K. Bacon, Barrister, M. Utges Manley, Solicitor, u M. Barnden, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

taqta' u tiddeċiedi, skont l-Artikolu 265 TFUE, li l-konvenuta illegalment naqset milli taġixxi bi ksur tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 726/2004 2;

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tal-5 ta' Diċembru 2011 li tonqos li tagħti awtorizzazzjoni ta' tqegħid fis-suq skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004, u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv, rigward ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni skont l-Artikolu 265 TFUE, ibbażat fuq li r-rifjut li tiġi adottata deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għal Orphacol imur kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 726/2004, li jirrikjedu li għandha tiġi adottata deċiżjoni finali f'terminu speċifiku skont l-eżitu tal-Proċedura tal-Komitoloġija.

It-tieni motiv, rigward ir-rikors għal annullament ippreżentat sussidjarjament skont l-Artikolu 263 TFUE, ibbażat fuq li, bl-adozzjoni ta' deċiżjoni li ġiet miċħuda mill-Kumitat Permanenti u mill-Kumitat ta' Appell taħt il-Proċedura tal-Komitoloġija, il-konvenuta kisret ir-Regolament (UE) Nru 182/2011  u r-Regolament (KE) Nru 726/2004.

It-tielet motiv, rigward ir-rikors għal annullament ippreżentat sussidjarjament skont l-Artikolu 263 TFUE, sussidjarjament, ibbażat fuq li, fi kwalunkew każ, id-deċiżjoni hija vvizzjata minn żbalji fundamentali ta' dritt fl-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/83/KE (kif emendata) , u ma hijiex motivata bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta' Marzu 2004, li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 229).

2 - Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta' Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, p. 13).

3 - Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta' Novembru 2001, dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, p. 67).