Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Jannar 2012 - LS Fashion vs UASI - Sucesores de Miguel Herreros (L'Wren Scott)

(Kawża T-41/12)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: LS Fashion, LLC (Wilmington, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: R. Black u S. Davies, Solicitors)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Sucesores de Miguel Herreros, SA (La Orotava, Spanja)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjonijiet tar-Raba' Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tal-24 ta' Novembru 2011 fil-Każ R 1584/2009-4;

tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, sa fejn tilqa' l-oppożizzjoni;

tawtorizza r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 5190368 fit-totalità tagħha; u

tikkundanna lill-Uffiċċju u lill-parti l-oħra fil-proċedimenti għall-ispejjeż tagħhom u dawk tar-rikorrenti sostnuti fil-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju u l-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark verbali "L'Wren Scott", għal prodotti fil-klassijiet 3, 9, 14 u 25 - Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 5190368

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark jew sinjal invokat: applikazzjoni għal trade mark Spanjola Nru 1164120 tat-trade mark verbali "LOREN SCOTT", għal prodotti fi klassi 25

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni milqugħa għall-prodotti kollha kkontestati u r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja awtorizzata għall-kumplament tal-prodotti mhux ikkontestati tal-applikazzjoni

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: appell miċħud

Motivi invokati: Ksur tal-Artikoli 42(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta' Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p.1), u tar-Regoli 22 (2) u (3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), peress li l-Bord tal-Appell ma evalwax b'mod korrett il-provi prodotti mill-parti li topponi intizi sabiex juru użu ġenwin ta' trade mark preċedenti fid-dawl tar-rekwiżiti imposti mid-dispożizzjonijiet relevanti u mill-ġurisprudenza, inklużi r-rekwiżiti biex jiġu kkunsidrati l-post, il-ħin, il-portata u n-natura tal-użu ta' trade mark. Ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, peress illi l-Bord tal-Appell naqas milli: (i) jevalwa b'mod korrett ix-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali bejn it-trade marks; u (ii) li jieħu inkunsiderazzjoni b'mod xieraq, il-grad adegwat ta' xebh bejn it-trade marks rispettivi, u milli jevalwa b'mod korrett il-grad tal-karattru distinttiv tat-trade marks, inkluża l-probabbiltà ta' konfużjoni.

____________