Kawża T‑289/13
Ledra Advertising Ltd
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
u
Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)
“Rikors għal annullament u għad-danni — Programm ta’ sostenn għall-istabbiltà ta’ Ċipru — Memorandum ta’ qbil dwar il-politika ta’ kondizzjonalità ekonomika speċifika, konkluż bejn ir-Repubblika ta’ Ċipru u l-MES — Kompetenza tal-Qorti Ġenerali — Rabta kawżali — Rikors parzjalment inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt”
Sommarju — Digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ Novembru 2014
1. Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Rikors intiż għall-ħlas ta’ kumpens għal danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni — Elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li l-istituzzjoni hija akkużata bih, ir-rabta kawżali u n-natura reali u ċerta tad-dannu kkawżat
(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ)
2. Rikors għad-danni — Kompetenza tal-qorti tal-Unjoni — Limiti — Kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ Memorandum ta’ qbil konkluż bejn Stat Membru u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà — Esklużjoni
(Artikoli 268 TFUE u u t-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 340 TFUE; It-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, Artikolu 13(4))
3. Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet — Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu
(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)
4. Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Rabta kawżali — Dannu li jirriżulta mill-assenza ta’ istituzzjoni li tieħu azzjoni — Oneru tal-prova
(Artikolu 340 TFUE)
5. Rikors għal annullament — Kompetenza tal-qorti tal-Unjoni — Limiti — Kompetenza għall-istħarriġ tal-legalità tal-atti li ma jemanawx minn istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni — Esklużjoni
(Artikolu 263 TFUE)
6. Proċedura ġudizzjarja — Ammissibbiltà tar-rikorsi — Talba għal miżuri provviżorji — Talba mressqa fl-istess att bħar-rikors prinċipali — Inammissibbiltà
(Artikolu 278 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(3))
1. Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 33, 34)
2. Abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 268 TFUE u tat-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, il-Qorti Ġenerali, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, ma għandhiex kompetenza sabiex tiddeċiedi kawżi dwar il-kumpens għal danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-aġenti tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Għalhekk, talba għad-danni intiża kontra l-Unjoni u bbażata fuq is-sempliċi illegalità ta’ att jew ta’ aġir li ma ġiex adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni jew mill-aġenti tagħha għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
Dan japplika fir-rigward ta’ talba għal danni bbażata fuq l-illegalità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-memorandum ta’ qbil adottat flimkien mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) u minn Stat Membru u ffirmat, minn naħa, minn dan tal-aħħar, u min-naħa l-oħra, mill-viċi-president tal-Kummissjoni f’isem din tal-aħħar. Fil-fatt, mill-Artikolu 14(3) tat-Trattat MES jirriżulta li l-Kummissjoni tiffirma l-memorandum ta’ qbil biss f’isem l-MES. F’dan ir-rigward, jekk it-Trattat MES jikkonferixxi lill-Kummissjoni u lill-Bank ċerti responsabbiltajiet marbuta mal-implementazzjoni tal-għanijiet ta’ dan it-trattat, il-funzjonijiet fdati lill-Kummissjoni u lill-Bank fil-kuntest tat-Trattat MES ma jinkludu ebda poter ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet speċifiku għal dawn l-istituzzjonijiet u, min-naħa l-oħra, li l-attivitajiet imwettqa minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet fil-kuntest tal-istess trattat jorbtu lill-MES biss. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni jew il-Bank taw lok għall-adozzjoni tal-memorandum ta’ qbil.
(ara l-punti 42-47)
3. Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 49, 50)
4. Il-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali meħtieġa mill-Artikolu 340 TFUE tippreżumi l-eżistenza ta’ rabta biżżejjed diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u d-dannu. F’dan il-kuntest, f’każijiet fejn l-aġir li allegatament ikun wassal għad-dannu invokat ikun jikkonsisti f’nuqqas ta’ aġir, huwa partikolarment neċessarju li jkun hemm iċ-ċertezza li l-imsemmi dannu jkun effettivament ġie kkawżat min-nuqqas ta’ azzjoni li huwa kkritikat u ma jkunx seta’ ġie kkawżat minn aġir differenti minn dak li tkun akkużata bih il-konvenuta.
(ara l-punti 52, 53)
5. Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 56, 58)
6. Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 61)