Language of document : ECLI:EU:F:2016:117

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA(It-Tielet Awla)

12 ta’ Mejju 2016

Kawża F‑102/15

FS

vs

Il‑Kumitat Ekonomiku u Socjali Ewropew (KESE)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Dritt ta’ aċċess ta’ kull persuna għall-fajl li jikkonċernaha – Aċċess għad-dokumenti relattivi għal tentattiv ta’ medjazzjoni – Tentattiv ta’ medjazzjoni mibdi mill-President li kien fil-kariga tal-KESE dak iż-żmien u tmexxija taħt l-awspiċi ta’ ex President tal-KESE – Dritt ta’ aċċess għar-rapport imfassal fi tmiem din il-medjazzjoni – Investigazzjoni amministrattiva miftuħa wara l-medjazzjoni – Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu FS jitlob essenzjalment, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), tal-10 ta’ Settembru u tad-19 ta’ Novembru 2014, li jirrifjutaw li jagħtuha aċċess, essenzjalment, għal dokumenti skambjati bejn membru tal-KESE u l-President li kien fil-kariga tal-KESE dak iż-żmien kif ukoll għad-dokumenti dwar allegata investigazzjoni mmexxija minn dan il-membru qabel il-ftuħ, fis-6 ta’ Ottubru 2014, ta’ investigazzjoni amministrattiva, fis-sens tal-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”, li tikkonċerna lilha. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti titlob il-kundanna tal-KESE għall-kumpens għad-dannu morali li hija tqis li sofriet.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2014 tal-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), sa fejn tirrifjuta l-komunikazzjoni lil FS ta’ rapport li jikkonċernaha, stabbilit minn ex President tal-KESE fuq talba tal-President li kien fil-kariga tal-KESE dak iż-żmien, hija annullata. It-talbiet għal annullament huma mingħajr skop għall-bqija. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew huwa kkundannat biex jikkumpensa lil FS somma ta’ EUR 1 000 għad-danni morali li sofriet. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u l-ispejjeż ta’ FS.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Sistema dixxiplinari – Proċeduri dixxiplinari – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Obbligu li jiġi kkomunikat lill-uffiċjal ikkonċernat rapport imfassal fi tmiem medjazzjoni u qabel il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(b))

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Rikors għad-danni – Annullament tal-att ikkontestat li ma jiżgurax il-kumpens adegwat għad-dannu morali – Għoti ta’ kumpens pekunjarju

(Artikolu 340(2) TFUE)

1.      L-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li kull persuna għandha d-dritt li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu osservati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-sigriet professjonali u tan-negozju.

Barra minn hekk, in-natura kontradittorja ta’ proċedura dixxiplinari u d-drittijiet tad-difiża f’tali proċedura jeżiġu li l-persuna kkonċernata u, jekk ikun il-każ, l-avukat tagħha jkunu jistgħu jieħdu konjizzjoni tal-fatti kollha li fuqhom l-amministrazzjoni tista’ tibbaża ruħha fid-deċiżjoni li tagħlaq din il-proċedura, u dan fi żmien xieraq sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Fil-fatt, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-parti kkonċernata titqiegħed f’pożizzjoni li tesprimi utilment l-opinjoni tagħha dwar ir-rilevanza tal-fatti, iżda wkoll li hija tkun tista’ tieħu pożizzjoni, tal-inqas, fuq id-dokumenti meħuda inkunsiderazzjoni mill-istituzzjoni u li jiżvelaw fatti importanti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

F’dan ir-rigward, meta inkariga lil membru tal-istituzzjoni b’funzjoni ta’ medjazzjoni, il-President fil-kariga tal-istituzzjoni aġixxa fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ. Barra minn hekk, meta mill-kontenut tar-rapport ta’ dan il-membru jirriżulta li dan tal-aħħar sema’ lil diversi uffiċjali u membri oħra tal-persunal tal-istituzzjoni, kif ukoll membri ta’ din tal-aħħar, u li inkluda fir-rapport tiegħu il-konstatazzjonijiet fattwali li jirriżultaw mill-investigazzjonijiet tiegħu, dawn l-elementi jindikaw li din l-attività ma kinitx baqgħet limitata għal medjazzjoni, iżda, għall-kuntrarju, tixbah investigazzjoni amministrattiva. Bl-istess mod, l-imsemmi rapport għandu l-karatteristiċi ta’ rapport li abbażi tiegħu l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ iddeċidiet preċiżament li sussegwentement tiftaħ l-investigazzjoni amministrattiva vera u proprja.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-imsemmi rapport, skont l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, messu ngħadda wkoll lir-rikorrenti peress li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “fajl li jikkonċernaha” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

(ara l-punti 47, 48 u 50 sa 52)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tas-17 ta’ Marzu 2015, AX vs BĊE, F‑73/13, EU:F:2015:9, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Għalkemm l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża, dan ma jistax ikun il-każ meta r-rikorrent juri li ġarrab dannu morali li jista’ jiġi sseparat mill-illegalità li fuqha jkun ibbażat l-annullament u li ma jkunx jista’ jiġi kkumpensat kompletament b’dan l-annullament.

Huwa paċifiku li s-sens ta’ inġustizzja u t-turmenti kkawżati mill-fatt li persuna jkollha tibda proċedura prekontenzjuża, u wara kontenzjuża, sabiex tikseb ir-rikonoxximent tad-drittijiet tagħha, jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, jikkostitwixxu dannu li jista’ jirriżulta mis-sempliċi fatt li l-amministrazzjoni wettqet illegalità.

(ara l-punti 58 u 59)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tas-7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni, C‑343/87, EU:C:1990:49, punti 27 u 28

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2006:148, punt 131

It-Tribuna għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2015, Brune vs Il‑Kummissjoni, F‑59/14, EU:F:2015:50, punt 80, u tas-16 ta’ Lulju 2015, Murariu vs EIOPA, F‑116/14, EU:F:2015:89, punt 152