Language of document :

Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (L-Ewwel Awla) tat-2 ta' Ottubru 2012 - Q vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-52/05 RENV)

(Servizz pubbliku - Rinviju quddiem il-Qorti Ġenerali wara annullament - Dmir ta' assistenza - Fastidju psikoloġiku - Miżura provviżorja ta' allontanament - Kumpens għad-danni morali - Rapporti tal-iżvilupp tal-karriera - Assenzi ġġustifikati minħabba mard - Nuqqas ta' teħid inkunsiderazzjoni)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Q (Domsjö, l-Isvezja) (rappreżentanti: S. Rodrigues u Y. Minatchy, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: inizjalment D. Martin, B. Eggers u V. Joris, sussegwentement V. Joris u G. Berscheid, aġenti)

Suġġett

Servizz pubbliku - Minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba għal assistenza mressqa mir-rikorrenti taħt l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward ta' fastidju psikoloġiku li hija tallega li batiet kif ukoll talba għad-danni u, min-naħa l-oħra, l-annullament tar-rapport dwar l-iżvilupp tal-karriera tagħha għall-proċedura 2003 (li kienet T-252/05) - Kawża T-80/09 P irrinvijata wara l-kassazzjoni.

Dispożittiv

Ir-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera stabbiliti rispettivament għall-perijodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Ottubru u mill-1 ta' Novembru sal-31 ta' Diċembru 2003 huma annullati.

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil Q is-somma ta' EUR 10 000.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha relattivi għall-proċedura mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u għaż-żewġ proċeduri mibdija quddiem it-Tribunal u hija kkundannata tbati tliet kwarti mill-ispejjeż sostnuti minn Q relattivi għaż-żewġ proċeduri mibdija quddiem it-Tribunal.

Q għandha tbati l-ispejjeż tagħha relattivi għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u kwart mill-ispejjeż tagħha relattivi għaż-żewġ proċeduri mibdija quddiem it-Tribunal.

____________