Language of document : ECLI:EU:F:2008:161

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Diċembru 2008 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Fastidju psikoloġiku – Dmir ta’ assistenza tal-amministrazzjoni – Ċaħda tat-talba għal assistenza – Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni – Evalwazzjoni – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2003 – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera”

Fil-Kawża F‑52/05,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

Q, ex uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn S. Rodrigues u Y. Minatchy, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Joris, bħala aġent, assistit inizjalment minn J.‑A. Delcorde, avukat, sussegwentement minn D. Waelbroeck, avukat,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla),

kompost minn H. Kreppel (Relatur), President, H. Tagaras u S. Gervasoni, Imħallfin,

Reġistratur: S. Boni, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Ġunju 2007,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fl-4 ta’ Lulju 2005, ir-rikorrenti essenzjalment titlob, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej impliċitament ċaħdet it-talba tagħha għal assistenza, it-tieni nett, l-annullament tar-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera tagħha magħmula rispettivament għall-perijodi bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Ottubru 2003 u bejn l-1 ta’ Novembru u l-31 ta’ Diċembru 2003 (iktar ’il quddiem, ir-“RŻK 2003”), it-tielet nett, il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tad-danni.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat-22 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprovdi:

“1. Uffiċjali jistgħu [għandhom] jżommu lura minn kull forma ta’ turment [fastidju] psikoloġiku jew sesswali.

2. Uffiċjal li kien vittma ta’ turment [fastidju] psikoloġiku jew sesswali, m’għandux isofri xi effetti ta’ preġudizzju min-naħa ta’ l-istituzzjoni. Uffiċjal li ngħata [jkun ta] evidenza dwar turment [fastidju] psikoloġiku jew sesswali, m’għandux isofri xi effetti ta’ preġudizzju min-naħa ta’ l-istituzzjoni, sakemm l-uffiċjal aġixxa b’onestà.

3. ‘Turment [fastidju] psikoloġiku’ ifisser kull imġiba mhux xierqa li ssir tul perijodu, hija ripetittiva jew si[s]tematika u tinvolvi atteġġament fi[żi]ku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra li huma intenzjonali u li jistgħu jbaxxu l-personalità, dinjità, jew integrità fi[ż]ika jew psikoloġika ta’ xi persuna.

4. ‘Turment [fastidju] sesswali’ tfisser imġiba relatata mas-sess li ma tridhiex il-persuna li hija diretta għaliha, u li għandha l-iskop jew l-effett li toffendi dik il-persuna jew toħloq ambjent ta’ intimidazzjoni, ostili, offensiva jew disturbat. It-turment [Il-fastidju] sesswali għandu jkun ittrattat bħala diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.”

3        Skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Il-Komunitajiet għandhom jassistu kull uffiċjal, partikolarment fi proċeduri kontra kull persuna li tagħmel theddid, atti jew kliem ta’ insult jew defamatorji, jew kull attakk fuq persuna jew proprjeta' li għalihom huwa jew membru mill-familja tiegħu huwa suġġett minħabba l-posizzjoni jew id-dmirijiet tiegħu.

Huma għandhom jikkumpensaw in solidum l-uffiċjal għall-ħsara li sofra fit-tali każijiet, sakemm l-uffiċjal ma kkawżax il-ħsara intenzjonalment jew b’negliġenza gravi u ma kienx kapaċi jikseb kumpens mill-persuna li kkważata.”

4        Fit-22 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni ħadet nota tal-komunikazzjoni ta’ N. Kinnock, membru tal-Kummissjoni, dwar il-“Politika fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku” (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2003 fuq il-fastidju psikoloġiku”).

5        Il-punt 4.1.1(i) tal-Komunikazzjoni tal-2003 fuq il-fastidju psikoloġiku, intitolat “Miżuri urġenti”, jipprovdi:

“Fuq l-inqas suspett ta’ fastidju psikoloġiku, jistgħu jiġu kkunsidrati miżuri ta’ tbegħid. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jisseparaw lill-partijiet involuti u ma għadhomx jiġu konfużi mal-politika tal-mobilità tal-persunal. […] Peress illi dawn huma miżuri provviżorji, dan it-tibdil fil-pożizzjoni ma jkunx dipendenti fuq l-eżistenza ta’ post vojt.

Dawn il-miżuri, li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet ta’ kull sitwazzjoni partikolari, jistgħu jkunu immedjati u, jekk meħtieġ, jittieħdu għal perijodu iffisat minn qabel. Huma għandhom bħala għan li jagħtu l-possibbiltà lill-allegata vittma li terġa’ tiġi f’tagħha billi tingħata ftit mistrieħ.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        Fis-26 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar il-politika fil-qasam tal-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u tal-ġlieda kontra l-fastidju psikoloġiku u l-fastidju sesswali fil-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-2006 fuq il-fastidju psikoloġiku u l-fastidju sesswali”). Din id-deċiżjoni, li annullat u li ssostitwiet il-Komunikazzjoni tal-2003 fuq il-fastidju psikoloġiku, tipprovdi b’mod partikolari fil-punt 2.5 tagħha:

“[S]kont ir-Regolamenti tal-Persunal, ikun hemm fastidju psikoloġiku biss meta l-aġir tal-persuna li allegatament tagħti fastidju jkun ikkunsidrat bħala li huwa mhux xierqa, intenzjonat, ripetittiv, li jsir tul perijodu ta’ żmien jew li huwa sistematiku u li għandu pereżempju bħala għan, li jiskredita jew li jbaxxi lill-persuna kkonċernata. Dawn il-kriterji huma kumulattivi. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Skont l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, fil-verżjoni fis-seħħ sat-30 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal preċedenti”):

“L-abilità [il-kompetenza], l-effiċjenza [ir-rendiment] u l-kondotta fis-servizz ta’ kull uffiċjal […] għandhom ikunu suġġetti għal rapport perjodiku, magħmul mill-anqas darba kull sentejn kif ipprovdut għal kull istituzzjoni […]”

8        Fit-3 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar id-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal preċedenti (iktar ’il quddiem id-“DĠI”).

9        L-Artikolu 1(1) u (2) tad-DĠI jipprovdi:

“1. B’mod konformi mal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal [preċedenti …], fil-bidu ta’ kull sena għandha titħejja proċedura ta’ evalwazzjoni. Il-perijodu ta’ referenza għall-evalwazzjonu jkopri l-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti.

Għal dan il-għan, rapport annwali, imsejjaħ rapport tal-iżvilupp tal-karriera, huwa ppreparat għal kull uffiċjal skont l-Artikolu 1 tar-Regolamenti tal-Persunal […], li kien f’impjieg attiv jew issekondat fl-interess tas-servizz, għal perijodu ta’ għall-inqas xahar kontinwu fil-perijodu ta’ referenza. […]

2. Il-proċedura ta’ evalwazzjoni għandha b’mod partikolari bħala għan li jiġu evalwati r-rendiment, il-kompetenza u l-kondotta fis-servizz ta’ kull persuna li tokkupa kariga. Marka tal-mertu tingħata fuq il-bażi tal-valutazzjoni mogħtija għal kull waħda minn dawn it-tliet elementi, kif indikat fil-mudell tar-rapport mehmuż mal-Anness II.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Il-parteċipanti fil-proċedura ta’ evalwazzjoni huma, fl-ewwel lok, l-evalwatur, li, bħala regola ġenerali, huwa l-kap tat-taqsima, bħala superjur ġerarkiku dirett tal-uffiċjal evalwat (l-Artikolu 2(2), u l-Artikolu 3(1) u (3) tad-DĠI), fit-tieni lok, il-validatur, li, bħala regola ġenerali, huwa d-direttur, bħala superjur ġerarkiku dirett tal-evalwatur (l-Artikolu 2(3), u l-Artikolu 3(1) tad-DĠI), u, fit-tielet lok, l-evalwatur tal-appell, li bħala regola ġenerali huwa d-direttur ġenerali, bħala superjur ġerarkiku dirett tal-validatur (l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 3(1) tad-DĠI).

11      L-Artikolu 4(1) tad-DĠI jipprovdi li, minbarra r-rapport annwali, għandu jiġi ppreparat rapport intermedju, b’mod partikolari meta n-natura tal-kompiti tal-persuna li tokkupa l-kariga tkun żvolġiet b’mod kunsiderevoli fil-perijodu ta’ referenza.

12      Fir-rigward tal-iżvolġiment konkret tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, li tapplika kemm għar-rapport annwali kif ukoll għar-rapport intermedju, l-Artikolu 8(4) tad-DĠI jipprovdi li, fi żmien tmint ijiem ta’ xogħol wara t-talba tal-evalwatur, il-persuna li tokkupa l-kariga tagħmel evalwazzjoni tagħha stess li hija inkluża fir-rapport tal-iżvilupp tal-karriera (iktar ’il quddiem ir-“RŻK”). L-iktar tard sa għaxart ijiem ta’ xogħol wara l-komunikazzjoni tal-evalwazzjoni magħmula mill-persuna stess li tokkupa l-kariga, l-evalwatur u din il-persuna jiltaqgħu formalment, kif previst fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(5) tad-DĠI, u jiddiskutu tliet elementi: l-evalwazzjoni tal-persuna li tokkupa l-kariga fil-perijodu ta’ referenza, l-iffissar ta’ miri għas-sena ta’ wara l-perijodu ta’ referenza u t-tfassil ta’ pjan ta’ taħriġ. Wara l-laqgħa bejn l-uffiċjal u l-evalwatur, ir-RŻK huwa stabbilit mill-evalwatur u mill-validatur. F’każ ta’ rifjut tar-RŻK mill-persuna li tokkupa l-kariga, issir diskussjoni bejn din u l-validatur, li mbagħad għandu l-fakoltà jew li jbiddel ir-RŻK, jew li jikkonfermah. L-uffiċjal li jkun ġie evalwat jista’ jirrifjuta mill-ġdid ir-RŻK li b’hekk ikun inbidel jew ġie kkonfermat, li jkollu effett li dan jitressaq quddiem il-Kumitat Konġunt tal-Evalwazzjoni previst fl-Artikolu 9 tad-DĠI (iktar ’il quddiem il-“KKE”), li r-rwol tiegħu jikkonsisti fil-verifika dwar jekk ir-RŻK ġiex stabbilit b’mod ġust u oġġettiv, jiġifieri kemm jista’ jkun fuq elementi fattwali, u b’mod konformi mad-DĠI u mal-gwida ta’ evalwazzjoni. Il-KKE joħroġ opinjoni motivata li fuq il-bażi tagħha l-evalwatur tal-appell jista’ jbiddel jew jikkonferma r-RŻK. Jekk l-evalwatur tal-appell ma jsegwix ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu f’din l-opinjoni, huwa marbut jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu.

13      Skont il-mudell tar-rapport mehmuż mal-Anness II tad-DĠI, huwa previst, għal kull wieħed mit-taqsimiet ta’ evalwazzjoni, l-għoti ta’ marka kif ukoll ta’ evalwazzjoni korrispondenti. Fir-rigward tal-marka, in-numru massimu ta’ punti huwa ta’ 10 għat-Taqsima 6.1 “Rendiment”, ta’ 6 għat-Taqsima 6.2 “Abilità (kompetenzi)” u ta’ 4 għat-Taqsima 6.3 “Kondotta fis-servizz”. Fir-rigward tal-evalwazzjoni, din tibda minn “insuffiċjenti” sa “tajjeb ħafna”, anki saħansitra “eċċezzjonali” għat-Taqsimiet 6.1 “Rendiment” u 6.2 “Abilità (kompetenzi)”, u l-evalwazzjonijiet intermedjarji huma, f’ordni axxendenti, “dgħajjef”, “suffiċjenti” u “tajjeb”.

14      F’Lulju 2002, il-Kummissjoni kkomunikat lill-persunal tagħha permezz tal-intranet, dokument intitolat “Sistema ta’ evalwazzjoni tal-persunal iffokata fuq l-iżvilupp tal-karriera – Gwida” (iktar ’il quddiem il-“Gwida ta’ evalwazzjoni”). Dan jispeċifika l-metodu ta’ kif jiġi mfassal ir-RŻK.

15      Il-punt 6.2 “Evalwazzjoni tal-prestazjoni” tal-Gwida ta’ evalwazzjoni jipprovdi, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tar-rendiment:

“Il-miri normalment jinbidlu matul is-sena sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni kull bidla, iżda l-persuna li tokkupa l-kariga ma tistax tiġi ppenalizzata jekk ma setgħetx tilħaqx il-miri tagħha minħabba fatturi esterni. F’dan it-tip ta’ sitwazzjoni, għandha ssir enfażi fuq dak li l-persuna kkonċernata kienet realment f’pożizzjoni li tagħmel u fuq il-mod kif aġixxiet f’dik is-sitwazzjoni. L-istess prinċipji japplikaw jekk il-persuna evalwata trid titlaq matul is-sena. Pereżempju, jekk hija marida jew jekk tkun bil-leave tal-maternità jew ikollha obbligi esterni bħal meta tissejjaħ biex isservi bħala ġurat […]”

16      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tar-Regolamenti tal-Persunal, jipprovdi li l-uffiċjali għandhom ikunu intitolati għal leave annwali ta’ mhux inqas minn 24 jum ta’ xogħol u mhux iktar minn 30 jum ta’ xogħol għal kull sena kalendarja.

17      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 59(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjal li jipprovdi evidenza li mhux kapaċi jwettaq id-dmirijiet tiegħu minħabba mard, jew inċident għandu, awtomatikament ikun intitolat għal leave tal-mard.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Snin 2000, 2001 u 2002

18      Ir-rikorrenti, preċedentement imħallef ta’ qorti amministrattiva fl-Iżvezja, ġiet maħtura fl-età ta’ 47 sena, b’effett mis-16 ta’ Lulju 2000, bħala uffiċjal taħt perijodu ta’ prova fil-grad A 5 u ġiet assenjata lit-Taqsima B 2 “Servizz pubbliku Ewropew; Regolamenti tal-Persunal u dixxiplina” (iktar ’il quddiem it-“Taqsima B 2”), li taqa’ taħt id-Direttorat B “Drittijiet u obbligi; politika u azzjoni soċjali” (iktar ’il quddiem id-“Direttorat B”) tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Persunal u amministrazzjoni” tal-Kummissjoni.

19      Fis-16 ta’ Marzu 2001, ġie ppreparat rapport tat-tmiem tal-perijodu ta’ prova li jkopri l-perijodu mis-16 ta’ Lulju 2000 sal-15 ta’ April 2001 (iktar ’il quddiem l-“ewwel rapport tat-tmiem tal-perijodu ta’ prova”) mid-direttur tad-Direttorat B wara konsultazzjoni mal-kap tat-Taqsima B 2. Id-direttur tad-Direttorat B fih irrimarka li r-rikorrenti “ma setgħetx twettaq, f’terminu raġonevoli u, f’każ wieħed ma wettqitx, ċerti kompiti importanti li ngħataw lilha” u li kien hemm “ċerti diffikultajiet fir-relazzjoni tagħha mal-oħrajn fid-dipartiment”. Huwa rrimarka wkoll dwar “nuqqas ta’ familjarità mas-sistema amministrattiva u ġerarkika fis-seħħ fil-Kummissjoni”. Fl-aħħar nett, huwa ppropona, fil-konklużjoni tar-rapport, l-estensjoni tal-perijodu ta’ prova tar-rikorrenti “b’assenjazzjoni għal dipartiment ieħor”.

20      Fit-22 ta’ Marzu 2001, ir-rikorrenti għamlet xi osservazzjonijiet kontra l-ewwel rapport tat-tmiem tal-perijodu ta’ prova. Hija rreferiet b’mod partikolari għall-importanza u l-kwalità tax-xogħol li hija wettqet tul il-perijodu ta’ prova tagħha u fihom speċifikat li, f’ebda ħin, ma saritilha l-inqas kritika dwar il-prestazzjoni tagħha. Hija b’hekk talbet li l-ewwel rapport tagħha tat-tmiem tal-perijodu ta’ prova “ikun rivedut fir-rigward tal-punti negattivi” tiegħu, u ddikjarat li kienet lesta li “tagħti xhieda quddiem [hija stess] il-Kumitat tar-Rapporti u/jew issejjaħ xhieda oħra jekk [dan ikun] meħtieġ”.

21      L-ewwel rapport tat-tmiem tal-perijodu ta’ prova kif ukoll l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ntbagħtu lill-Awtorità tal-Ħatra, li ppreżentathom lill-President tal-Kumitat tar-Rapporti fis-27 ta’ Marzu 2001.

22      Permezz ta’ nota tas-27 ta’ Marzu 2001 stess, il-president tal-Kumitat tar-Rapporti bagħat l-ewwel rapport tat-tmiem tal-perijodu ta’ prova u l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti lill-membri l-oħra tal-Kumitat tar-Rapporti u pproponilhom li japprovaw, permezz tal-proċedura bil-miktub, l-abbozz tal-opinjoni mehmuża man-nota tiegħu qabel it-terminu tas-6 ta’ April 2001.

23      Peress li qabel it-terminu tas-6 ta’ April 2001, il-membri tal-Kumitat tar-Rapporti ma kinux ressqu quddiem is-segretarjat tal-Kumitat tar-Rapporti kummenti fuq l-abbozz ta’ opinjoni tal-President tal-Kumitat, l-Awtorità tal-Ħatra estendiet il-perijodu ta’ prova tar-rikorrenti għall-perijodu mis-16 ta’ April sal-15 ta’ Ottubru 2001 permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ April 2001 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ prova”).

24      Ir-rikorrenti ġiet assenjata lit-Taqsima B 4 “Rimunerazzjonijiet u likwidazzjoni tad-drittijiet” tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” mis-16 ta’ April 2001, imbagħad mill-21 ta’ Mejju 2001, lit-Taqsima 001, li mbagħad saret it-Taqsima 03 “Djalogu soċjali” (iktar ’il quddiem it-“Taqsima ‘Djalogu soċjali’”), li taqa’ wkoll taħt id-Direttorat B tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”.

25      Fil-21 ta’ Mejju 2001, ir-rikorrenti ppreżentat ilment taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra l-ewwel rapport tat-tmiem tal-perijodu ta’ prova u d-deċiżjoni ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ prova.

26      Permezz ta’ deċiżjoni datata l-20 ta’ Settembru 2001, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment magħmul mir-rikorrenti fil-21 ta’ Mejju 2001. Madankollu, f’din id-deċiżjoni, l-Awtorità tal-Ħatra amettiet li l-Kumitat tar-Rapporti “kien ġie informat bi żball li r-rikorrenti kienet aċċettat l-estensjoni tal-perijodu ta’ prova f’taqsima oħra” u speċifikat li dan l-iżball “kien irriżulta mill-fatt li r-rikorrenti kienet ipproponiet l-assenjazzjoni tagħha mill-ġdid fit-Taqsima B 4 fil-kuntest tal-estensjoni tal-perijodu ta’ prova mħabbra, mingħajr ma setgħet tagħti l-kunsens tagħha għall-estensjoni stess tal-perijodu ta’ prova”. Sussegwentement, ebda rikors ma ġie ppreżentat mill-persuna kkonċernata quddiem il-qrati Komunitarji kontra l-ewwel rapport tat-tmiem tal-perijodu ta’ prova u d-deċiżjoni ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ prova.

27      Fil-25 ta’ Settembru 2001, ġie ppreparat rapport tat-tmiem tal-perijodu ta’ prova li jkopri l-perijodu mis-16 ta’ April sal-15 ta’ Ottubru 2001 (iktar ’il quddiem it-“tieni rapport tat-tmiem tal-perijodu ta’ prova”) mid-direttur tad-Direttorat B wara konsultazzjoni mal-Kap tat-Taqsima “Djalogu soċjali”. Dan ippropona li r-rikorrenti tingħata kuntratt permanenti.

28      Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2001, l-Awtorità tal-Ħatra tat kuntratt permanenti lir-rikorrenti b’effett mis-16 ta’ Ottubru 2001.

29      Filwaqt li mit-tmiem tas-sena 2001, ir-rikorrenti kienet uriet ix-xewqa li titlaq mid-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” sabiex taħdem fi ħdan Direttorat Ġenerali ieħor, il-persuna kkonċernata ġiet assenjata, mill-1 ta’ Frar 2002, lit-Taqsima A 2 “Politika ta’ reklutaġġ”, li mbagħad saret it-Taqsima A 4 “Politika ta’ reklutaġġ (qabel l-EPSO)”, tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”.

B –  Sena 2003

30      Mill-1 ta’ Jannar 2003, ir-rikorrenti ġiet assenjata lit-Taqsima 01 “Relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet, ABM u Ġestjoni tad-Dokumenti” (iktar ’il quddiem it-“Taqsima 01”), li mbagħad saret it-Taqsima D 2 (iktar ’il quddiem it-“Taqsima D 2”), li taqa’ taħt id-Direttorat D “Riżorsi” tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”.

31      Fis-sena 2003, ir-rikorrenti ħadet leave tal-mard mill-5 sat-28 ta’ Frar u mill-10 sal-14 ta’ Marzu, bdiet taħdem part time minħabba raġunijiet mediċi mis-17 ta’ Marzu sat-28 ta’ April, ħadet leave tal-mard mit-30 ta’ Ġunju sal-4 ta’ Lulju u mill-1 ta’ Settembru sal-14 ta’ Novembru, u reġgħet bdiet taħdem part time minħabba raġunijiet mediċi mis-17 ta’ Novembru sad-19 ta’ Diċembru.

32      Minkejja l-assenjazzjoni tagħha mill-1 ta’ Jannar 2003 lit-Taqsima 01, ir-rikorrenti żammet sa Ġunju 2003 l-uffiċċju li hija kienet tokkupa meta hija kienet assenjata lit-Taqsima A 4, f’dan il-każ uffiċċju fit-tieni sular tal-bini tal-Kummissjoni li jinsab fin-numru 34 rue Montoyer fi Brussell (iktar ’il quddiem il-“Bini Montoyer 34”), filwaqt li l-uffiċċji tal-bqija tat-Taqsima 01 kienu mqassmin fis-sulari 7 sa 10 tal-bini tal-Kummissjoni li jinsab fin-numru 11 rue de la Science fi Brussell (iktar ’il quddiem il-“Bini Science 11”).

33      Minn Ġunju 2003 sas-sajf tal-2004, ir-rikorrenti ngħatat uffiċċju f’mezzanin li jinsab bejn il-pjan terran u l-ewwel sular tal-Bini Science 11.

34      Fl-10 ta’ Ġunju 2003, id-deskrizzjoni tal-kariga tar-rikorrenti ġiet stabbilita u kkomunikata lilha.

35      Fit-3 ta’ Lulju 2003, l-assistent kap tat-Taqsima D 2 bagħat lir-rikorrenti posta elettronika li taqra hekk:

“Iddiskutejt mat-Taqsima [D 3 ‘Riżorsi umani u finanzjarji ADMIN; IAS; Unità Uffiċċji’ tad-DĠ ‘Persunal u amministrazzjoni’] il-problema tal-uffiċċji. Huma bdew jiddiskutu soluzzjoni għat-talba tagħna, jiġiferi li t-Taqsima D 2 tinġabar flimkien fuq żewġ sulari. Peress li din id-diskussjoni qed isseħħ fi żmien meta qed isiru ħafna tibdiliet oħra, għad m’hemmx soluzzjoni, iżda għanda possibbiltajiet tajbin. Naħseb li ser niksbu dak li nixtiequ.

Sabiex tiġi solvuta immedjatament il-kwistjoni dwar l-uffiċċju tiegħek, [it-Taqsima] D 3 ipproponiet li inti tmur temporanjament fis-7 sular tal-[Bini Science 11], ħdejn […] u flimkien ma’ […] f’uffiċċju kbir (bħalissa l-uffiċċju tal-arkivji).

Jekk jogħġbok għarrafni jekk taċċettax din l-offerta.”

36      Fis-7 ta’ Lulju 2003, ir-rikorrenti wieġbet lill-assistent kap tat-Taqsima D 2 billi bagħtitlu posta elettronika li tinkludi s-silta segwenti:

“Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-uffiċċju, onestament, ma nafx. Ser nitlaq għall-vakanzi fit-18 ta’ Lulju u nirritorna fit-18 ta’ Awwissu. Forsi aħjar nistennew sabiex naraw jekk tistax tinsab soluzzjoni permanenti fix-xahar ta’ Awwissu?”

37      Fil-11 ta’ Settembru 2003, l-assistent kap tat-Taqsima D 2 kiteb lill-persuna responsabbli fi ħdan it-Taqsima D 3 “Riżorsi umani u finanzjarji ADMIN; IAS; Unità Uffiċċji” tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, li tieħu ħsieb il-beni li jiddaħħlu fl-inventarju (iktar ’il quddiem il-“persuna li tieħu ħsieb il-beni li jiddaħħlu fl-inventarju”), il-posta elettronika segwenti:

“Tiftakar id-diskussjonijiet li aħna kellna dwar [il-ħtieġa li jinstab] uffiċċju adegwat [għar-rikorrenti], diskussjonijiet li kif ftehmna kellhom jitkomplew wara l-vakanzi tas-sajf. Soluzzjoni fit-tul [tikkonsisti] f’li t-Taqsima D 2 [tinġabar] flimkien fis-sulari 9 u 10 tal-[bini Sciences 11], iżda din ma tidhirx li tista’ ssir fi żmien qasir. Għalhekk nitolbok li tpoġġi għad-dispożizzjoni tat-taqsima tagħna uffiċċju adattat [għar-rikorrenti] u viċin kemm jista’ jkun tas-sulari 9 u 10 tal-[Bini Science 11].

Din il-kwistjoni hija urġenti peress li l-inadegwatezza tal-uffiċċju attwali [tar-rikorrenti] fil-pjan terran tal-Bini Science 11 tidher li qed taffettwa b’mod serju r-rendiment tal-persuna [kkonċernata] u teħtieġ soluzzjoni immedjata.

Nistenna t-tweġiba tiegħek.”

38      Peress li l-persuna li tieħu ħsieb il-beni li jiddaħħlu fl-inventarju kienet bil-vakanzi meta ntbagħtet il-posta elettronika ċċitata fil-punt preċedenti, l-assistent kap tat-Taqsima D 2, fit-30 ta’ Settembru 2003, ġibed mill-ġdid l-attenzjoni tagħha fuq il-problema tal-uffiċċju tar-rikorrenti.

C –  Sena 2004

39      Fit-2 ta’ Frar 2004, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal leave annwali għal perijodu mill-1 sal-5 ta’ Marzu 2004. Din it-talba ġiet aċċettata fit-3 ta’ Frar 2004.

40      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ April 2004, li waslet fit-Taqsima “Appelli” tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” fit-3 ta’ Mejju segwenti, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni “[t]alba għal assistenza taħt l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal […], li għandha tiġi kkunsidrata wkoll bħala talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal – fastidju psikoloġiku” (iktar ’il quddiem it-“talba għal assistenza”). Hija lmentat minn bosta fatti li hija kienet tikkunsidra bħala fastidju psikoloġiku u talbet il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva magħmula minn “awtorità newtrali”, esterna mid-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”. Ir-rikorrenti fl-aħħar nett talbet kumpens, ta’ EUR 100 000, għad-danni li hija subiet minħabba l-allegat fastidju psikoloġiku (iktar ’il quddiem it-“talba għad-danni”).

41      Wara li r-rikorrenti ppreżentat ċertifikat mediku li jkopri l-perijodu bejn is-16 ta’ April u l-11 ta’ Ġunju 2004, l-amministrazzjoni imponiet vista medika fuq ir-rikorrenti li twettqet mit-tabib tal-istituzzjoni, li, f’nota tas-7 ta’ Mejju 2004, ikkunsidra li din kienet “kapaċi taħdem 100 % mill-10 ta’ Mejju 2004” iżda li “tibdil tal-post tax-xogħol kien rakkomandat għas-saħħa [tar-rikorrenti]”.

42      F’ittra ddatata l-ġimgħa 7 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti tenniet it-talba tagħha għal assistenza hekk kif hija kienet ippreżentata qabel f’ittra tad-29 ta’ April 2004. Barra minn hekk, hija talbet hemmhekk, b’referenza għall-avviż tal-vista medika msemmija fil-punt preċedenti, li jiġu adottati “miżuri preventivi u immedjati, bħall-assenjazzjoni mill-ġdid jew it-trasferiment provviżorju” tagħha f’Direttorat Ġenerali differenti mid-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, sabiex tkun tista’ tiġi protetta mill-“imġiba mhux xierqa” tas-superjuri ġerarkiċi tagħha. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti talbet ukoll kumpens għall-konsegwenzi materjali tal-imġiba li biha akkużat il-ġerarkija tagħha.

43      Fis-7 ta’ Mejju 2004, fis-14 h 53, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kap il-ġdid tat-Taqsima D 2, li kien beda jokkupa l-kariga fis-16 ta’ Frar 2004, posta elettronika li tinkludi s-silta segwenti:

“Ippruvajt indaħħal fis- […] ‘Sic Congés’ [sistema tal-informatika sabiex tiffaċilita l-amministrazzjoni tal-vakanzi] talba għal-leave annwali mill-10 ta’ Mejju sat-30 ta’ Ġunju 2004 iżda ma rnexxilix (skont […] is-‘Sic Congés’ diġà qiegħda bil-leave tal-mard).

[…]

Waqt li qed nistennna miżuri proviżorji, inħoss li huwa opportun għalija (għas-saħħa tiegħi kif ukoll għas-sigurtà tiegħi) li nitbiegħed mill-ambjent tax-xogħol tiegħi. Huwa għalhekk għal din ir-raġuni li qed nitlob leave annwali.

Minħabba […] li ma stajtx indaħħal talba għal-leave annwali [fis-‘Sic Congés’], nitolbok ġentilment tikkonfermali permezz ta’ posta elettronika malajr kemm jista’ jkun u l-aktar tard sas-16:00 tal-llum, [jekk] taċċettax it-talba tiegħi għal-leave annwali mill-10 ta’ Mejju sat-30 ta’ Ġunju 2004.”

44      Fis-7 ta’ Mejju 2004, fl-16:00, ir-rikorrenti kellha laqgħa mal-Kap tat-Taqsima D 2 dwar it-talba tagħha għal leave annwali. Skont ir-rikorrenti, dan kien ta l-kunsens tiegħu sabiex din tieħu l-leave annwali tagħha mill-10 ta’ Mejju.

45      Fis-7 ta’ Mejju 2004, fis-18 h 01, il-Kap tat-Taqsima D 2 bagħat lir-rikorrenti posta elettronika, li parti minnha kienet tgħid hekk:

“Peress li numru ta’ kwistjonijiet li jikkonċernawk għandhom jiġu riżolti malajr, nitolbok – fl-interess tas-servizz u billi l-leave annwali tiegħek għadu ma bediex – sabiex tidħol ix-xogħol it-tnejn filgħodu.

Il-kwistjoni dwar il-leave tiegħek tiġi ttratata wkoll f’dik l-okkażjoni.”

46      Dejjem fis-7 ta’ Mejju 2004, fis-18 h 24, ir-rikorrenti wieġbet lill-Kap tat-Taqsima D 2 permezz tal-posta elettronika segwenti:

“Nirreferi għal-laqgħa tagħna fl-uffiċċju tiegħek fl-16:00 fejn inti kkonfermajtli li m’hemmx problema fir-rigward tat-talba tiegħi għal leave annwali minn nhar it-Tnejn […] l-10 ta’ Mejju u li nista’ nqatta week-end moħħi mistrieħ u ma nidħolx it-Tnejn. Kien hemm biss il-problema [tas-‘Sic Congés’] u l-firem […]. Issa diġà rriżervajt biljett tal-ajru sabiex nerġa’ mmur l-Iżvezja daqsxejn aktar tard.

[It-t]abib […] wegħdni li jipprova jsib soluzzjoni oħra jekk it-talba tiegħi għal-leave annwali ma tiġix aċċettata wara llum waranofsinhar. Billi informajtni llejla dwar il-bidla fid-deċiżjoni, [it-t]abib […] m’għadux disponibbli. Għalhekk it-Tnejn filgħodu, jien sejra direttament iċ-[ċ]entru tas-[s]aħħa sabiex jarani [t-t]abib […] jew tabib ieħor.”

47      Fl-10 ta’ Mejju 2004, bħala risposta għall-posta elettronika msemmija fil-punt preċedenti, il-Kap tat-Taqsima D 2 bagħat lir-rikorrenti posta elettronika, li parti minnha hija redatta hekk:

“Nixtieq sempliċement nikkonferma li [d-direttur tad-Direttorat D] jixtieq jiltaqa’ miegħek matul il-ġurnata sabiex jiddiskuti miegħek b’mod partikolari dwar it-trasferiment potenzjali tiegħek, hekk kif irrakkomanda s-servizz mediku nhar [il-Ġimgħa 7 ta’ Mejju 2004] fl-opinjoni tiegħu, u sabiex jitkomplew jittieħdu passi, fl-interess tiegħek.”

48      Fl-10 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti ltaqgħet mad-direttur tad-Direttorat D. Skont ir-rikorrenti, f’din il-laqgħa ġie miftiehem li hija tista’ tieħu leave annwali fid-19 ta’ Mejju 2004 għal tliet ġimgħat.

49      Fil-11 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti bagħtet lill-assistenta tad-direttur tad-Direttorat D posta elettronika li fiha hija talbet li jiġi kkonfermat malajr kemm jista’ jkun il-kunsens tad-direttorat tagħha dwar il-leave annwali li hija xtaqet tieħu mid-19 ta’ Mejju sat-8 ta’ Ġunju 2004, filwaqt li speċifikat f’dan ir-rigward li l-biljett tat-trasport li hija kienet irriżervat għall-perijodu korrispondenti kellu jitħallas l-iktar tard l-għada, jiġifieri t-12 ta’ Mejju 2004.

50      Bħala risposta għall-posta elettronika tar-rikorrenti tal-11 ta’ Mejju 2004, l-assistenta tad-direttur tad-Direttorat D fl-istess jum bagħtet numru ta’ posta elettronika lir-rikorrenti, li fihom hija indikatila li kien jeħtieġ li qabel ma tkun awtorizzata titlaq bil-leave, tiltaqa’ mal-Kap tat-Taqsima D 2 sabiex ikun jista’ jseħħ djalogu formali kif previst fl-Artikolu 8(5) tad-DĠI u sabiex id-direttur tad-Direttorat D u l-Kap tat-Taqsima D 2 ikunu f’pożizzjoni jfasslu r-RŻK tal-persuna kkonċernata għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Ottubru 2003 (iktar ’il quddiem ir-“RŻK Jannar-Ottubru 2003”). Barra minn hekk, f’posta elettronika mibgħuta fit-12 ta’ Mejju 2004 lir-rikorrenti, l-assistenta tad-direttur tad-Direttorat D żiedet li dan tal-aħħar ma seta’ jagħti lill-persuna kkonċernata l-ebda garanzija fir-rigward tal-aċċettazzjoni tat-talba tagħha għal-leave annwali, sa fejn din l-aċċettazzjoni kienet suġġetta għat-twettiq ta’ passi li kienu jiddependu minn numru ta’ persuni, fosthom ir-rikorrenti stess.

51      Wara din ir-risposta, permezz ta’ posta elettronika tat-12 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti informat lill-assistenta tad-direttur tad-Direttorat D li hija rrinunzjat għal-leave annwali li hija kienet talbet għall-perijodu mid-19 ta’ Mejju sat-8 ta’ Ġunju 2004 u li hija issa kienet qed titlob li tieħu l-leave annwali mis-7 ta’ Ġunju sat-23 ta’ Lulju 2004.

52      Fit-13 ta’ Mejju 2004, it-talba għal leave annwali għall-perijodu mis-7 ta’ Ġunju sat-23 ta’ Lulju 2004 ġiet introdotta formalment fis-“Sic Congés” u ġiet aċċettata fid-19 ta’ Mejju segwenti. Madankollu, peress li hija ġiet informata biss dwar din l-aċċettazzjoni fl-24 ta’ Mejju 2004, jiġifieri tard, ir-rikorrenti rtirat it-talba tagħha għal leave annwali.

53      Fit-13 ta’ Mejju 2004 wkoll, id-direttur tad-Direttorat D bagħat il-curriculum vitae tar-rikorrenti lil ħames Direttorati Ġenerali (DĠ “Enerġija u trasport”, OLAF, DĠ “Ġustizzja u l-intern”, DĠ “Saħħa u protezzjoni tal-konsumaturi” u DĠ “Kompetizzjoni”). Fl-ittra li bagħat flimkien mal-curriculum vitae u indirizzata lil kull wieħed mid-Direttorati Ġenerali msemmija, id-direttur tad-Direttorat D speċifika li r-rikorrenti kienet uriet interess fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tad-Direttorat Ġenerali kkonċernat u li d-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” kien ta l-kunsens tiegħu sabiex il-persuna kkonċernata tiġi assenjata mill-ġdid u żżomm il-pożizzjoni tagħha.

54      Fit-18 ta’ Mejju 2004, il-psikjatra li s-servizz mediku kien għażel sabiex jagħmel evalwazzjoni psikjatrika tar-rikorrenti, enfasizza, fir-rapport tiegħu, li “peress li [l]-problema kienet ta’ natura soċjali (kunflitt fi ħdan l-[i]stituzzjoni tagħha), is-soluzzjoni għalhekk tinsab fuq il-livell soċjali (tiġi assenjata mill-ġdid lil [d]irettorat [ġ]enerali ieħor)”.

55      Fl-24 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti reġgħet ressqet id-domanda tagħha għal “trasferiment immedjat, permanenti jew provviżorju, f’direttorat ġenerali li m’għandu xejn x’jaqsam mad-DĠ ‘Persunal u amministrazzjoni’ jew mad-direttur ġenerali tal-imsemmi Direttorat Ġenerali”, fejn spjegat li “l-fastidju psikoloġiku [li hija subiet] manifestament ma [kienx] waqaf”.

56      Fis-7 ta’ Ġunju 2004, ir-rikorrenti ingħatat ċertifikat mediku li jkopri l-perijodu mit-8 ta’ Ġunju sat-2 ta’ Lulju 2004.

57      Fit-8 ta’ Ġunju 2004, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kap tat-Taqsima D 2 posta elettronika li permezz tagħha hija informat lil dan li hija kienet “inkapaċi taħdem fil-kariga attwali tagħha” bejn it-8 ta’ Ġunju u t-2 ta’ Lulju 2004. Hija ppreċiżat li hija daħħlet talba fis-“Sic Congés” għal leave annwali li jkopri l-perijodu bejn il-5 ta’ Lulju u t-13 ta’ Awwissu 2004.

58      Fid-9 ta’ Ġunju 2004, id-direttur tad-Direttorat D bagħat lir-rikorrenti l-posta elettronika segwenti:

“Jiddispjaċin[i] għall-marda tiegħek[. I]ppruvajt nikkuntattjak fir-residenza tiegħek, peress li t-8 ta’ Ġunju kien il-jum previst għal-laqgħa tagħna fejn xtaqt niddiskuti miegħek x’għandu jsir minn issa.

Inti ressaqt talba għal reviżjoni tar-[RŻK Jannar-Ottubru 2003] tiegħek u jeħtieġ li dan isir malajr kemm jista’ jkun u, fi kwalunkwe każ, qabel it-tluq tiegħek bil-leave annwali. L-iffinalizzar tal-proċedura ta’ evalwazzjoni taffettwa d-DĠ [‘Persunal u amministrazzjoni’] kollu peress li jekk hija ma tiġix ikkompletata, ma niksbu l-ebda punt ta’ prijorità u, b’hekk, il-perspettivi għal promozzjoni tal-persunal kollu jkunu kompromessi. […]

Inti tista’ forsi tagħmel appuntament ieħor mas-segretarja tiegħi […]”

59      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ġunju 2004, id-direttur tal-Uffiċċju ta’ investigazzjoni u tad-dixxiplina (iktar ’il quddiem l-“IDOC”) informa lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni li l-fatti allegati mir-rikorrenti fit-talba tagħha għal assistenza kienu jidhrulu suffiċjentement serji sabiex jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva, “jew sabiex tintwera l-eżistenza tar-responsabbiltajiet individwali, jew sabiex tiġi msaffa r-reputazzjoni tal-uffiċjali akkużati inġustament”. Id-direttur tal-IDOC żied li, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti akkużat il-ġerarkija kollha tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, inkluż id-direttur ġeneral tagħha, kien jidhirlu opportun li s-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni jeżerċita l-funzjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra fil-kuntest tal-investigazzjoni amministrattiva u li persuna esterna għad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” tintgħażel bħala “konsulent awditur” sabiex twettaq din l-investigazzjoni.

60      Fl-14 ta’ Ġunju 2004, it-talba għal leave għall-perijodu mill-5 ta’ Lulju sat-13 ta’ Awwissu 2004 ġiet formalment miċħuda mill-Kap tat-Taqsima D 2.

61      Fit-18 ta’ Ġunju 2004, is-servizz mediku kkunsidra li l-assenza tar-rikorrenti “kellha tiġi kkunsidrata ġġustifikata sas-16 ta’ Lulju inkluż”.

62      Fil-21 ta’ Ġunju 2004, ir-rikorrenti daħħlet fis-“Sic Congés” talba għal-leave annwali għall-perijodu mid-19 ta’ Lulju sas-27 ta’ Awwissu 2004.

63      Mis-sajf tal-2004, ir-rikorrenti ingħatat uffiċċju fit-tmien sular tal-Bini Science 11.

64      Fl-1 ta’ Lulju 2004, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni informa lid-direttur tal-IDOC li huwa aċċetta li jeżerċita l-funzjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra fil-kuntest tal-investigazzjoni amministrattiva prevista u speċifika l-isem tal-konsulent awditur li huwa kien għażel sabiex iwettaq din l-investigazzjoni.

65      Peress li r-rikorrenti kienet ġiet informata li t-talba tagħha għal leave annwali għall-perijodu mid-19 ta’ Lulju sas-27 ta’ Awwissu 2004 ma kinitx ser tiġi aċċettata, din bagħtet posta elettronika fl-1 ta’ Lulju 2004 lil aġent tat-Taqsima B 2 sabiex tilmenta li “t-talbiet [tagħha] għal-leave annwali [kienu] reġgħu ġew irrifjutati, jew għall-inqas ma ġewx iffirmati f’terminu raġonevoli” u sabiex titolbu “[j]għinha sabiex [hija] tkun tista’ tieħu vakanza [fis-sajf tal-2004]”.

66      Fil-5 ta’ Lulju 2004, ir-rikorrenti ppreżentat ċertifikat mediku għall-perijodu mis-17 ta’ Lulju sas-27 ta’ Awwissu 2004. Dan iċ-ċertifikat ma ġiex ikkontestat mill-amministrazzjoni.

67      Fit-2 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni aċċettat it-talba għal-leave annwali għall-perijodu mid-19 ta’ Lulju sas-27 ta’ Awwissu 2004. Din it-talba ġiet “annullata” fit-3 ta’ Settembru 2004, peress li bejn is-17 ta’ Lulju u s-27 ta’ Awwissu 2004, il-persuna kkonċernata kienet bil-leave tal-mard.

68      Fl-1 ta’ Settembru 2004, ir-rikorrenti ppreżentat ċertifikat mediku għall-perijodu mit-28 ta’ Awwissu sal-25 ta’ Settembru 2004.

69      Fis-6 ta’ Settembru 2004, l-eżami mediku li għalih ir-rikorrenti kienet ġiet sottoposta wara l-preżentazzjoni taċ-ċertifikat mediku għall-perijodu mit-28 ta’ Awwissu sal-25 ta’ Settembru 2004, ikkonkluda li l-persuna kkonċernata kienet “kapaċi taħdem 100 % dakinhar” iżda madankollu rrepeta l-kumment magħmul fit-18 ta’ Mejju 2004 mill-psikjatra li kien eżamina lir-rikorrenti, li “tibdil tal-post tax-xogħol [kien] rakkomandat għas-saħħa [tar-rikorrenti]”.

70      Fis-7 ta’ Settembru 2004, peress li r-rikorrenti kkunsidrat li l-konklużjonijiet tal-vista tat-tabib tas-6 ta’ Settembru 2004 ma kinux medikament ġustifikati, ippreżentat lill-Kummissjoni talba għal arbitraġġ minn tabib indipendent taħt il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 59(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

71      Permezz ta’ nota tat-8 ta’ Settembru 2004, il-konsulent awditur maħtur mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni amministrattiva mitluba mir-rikorrenti rċieva awtorizzazzjoni minnu sabiex “jiddetermina r-realtà tal-allegazzjonijiet magħmula, fir-rigward b’mod partikolari tal-atteġġament tal-uffiċjal jew uffiċjali li isimhom huwa ċċitat fil-fajl u b’hekk jippermetti li tiġi evalwata r-realtà tas-sitwazzjoni u l-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu, jekk ikun hemm bżonn.”.

72      Fil-15 ta’ Settembru 2004, is-servizz mediku informa lill-Kap tat-Taqsima “Riżorsi umani – ADMIN, Riformi interni” li “espert [kien] ġie maħtur għal arbitraġġ bi ftehim [mat-tabib li kien qed jikkura lir-rikorrenti]”.

73      Bħala konklużjoni tar-rapport tiegħu ta’ eżami mediku-psikloġiku datat is-6 ta’ Ottubru 2004, it-tabib independenti li ntgħażel fuq talba ta’ arbitraġġ magħmula mir-rikorrenti (iktar ’il quddiem it-“tabib indipendenti”) ikkonstata li “l-persuna kkonċernata [kienet] kapaċi terġa’ taħdem iżda [f’direttorat ġenerali] ieħor” u speċifika li “jekk il-persuna kkonċernata terġa’ titpoġġa fil-kariga preċedenti tagħha, dan [jista’] biss iġiegħlha terġa’ tgħaddi mill-fastidju psikoloġiku li subiet u jiddistabiliizzaha”.

74      Permezz ta’ nota tal-14 ta’ Ottubru 2004, id-direttur tad-Direttorat C “Politika Soċjali, Persunal Lussemburgu, Saħħa, Iġjene” tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” (iktar ’il quddiem id-“Direttorat C”) ikkomunika lid-Direttur tad-Direttorat D il-konklużjonijiet tat-tabib indipendenti u rrakkomandalu “li jipproċedi b’trasferiment tar-rikorrenti barra mill-[imsemmi Direttorat Ġenerali] malajr kemm jista’ jkun sabiex il-persuna [kkonċernata] tkun tista’ terġa’ tibda taħdem”.

75      Permezz ta’ nota ddatata l-5 ta’ Novembru 2004 u li tirreferi għat-talbiet għal assistenza mressqa mir-rikorrenti, il-Kap tat-Taqsima “Rikors” tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” informa lill-persuna kkonċernata li s-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni kien fetaħ investigazzjoni li tħalliet f’idejn “konsulent awditur estern għad-DĠ [‘Persunal u amministrazzjoni’]” u li l-Awtorità tal-Ħatra kienet ser tieħu deċiżjoni fuq it-talba għal assistenza fuq il-bażi tar-rapport ta’ investigazzjoni u skont il-kontenut tiegħu.

76      Permezz ta’ nota ddatata s-26 ta’ Novembru 2004 u li waslet fit-Taqsima “Appelli” fit-30 ta’ Novembru segwenti, ir-rikorrenti ppreżentat ilment “kontra [d]eċiżjonijiet impliċiti li ċaħdu t-talbiet [tagħha] għal assistenza u protezzjoni, it-talbiet tagħha għall-adozzjoni ta’ miżuri preventivi u immedjati kif ukoll it-talba [tagħha għal] danni” (iktar ’il quddiem l-“ilment tas-26 ta’ Novembru 2004”).

77      Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti ġiet assenjata taħdem mill-1 ta’ Jannar 2005 fit-Taqsima C 5 “Sigurtà u [i]ġjene tax-[x]ogħol” (iktar ’il quddiem it-“Taqsima C 5 ”), taħt id-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”.

D –  Sena 2005

78      Fis-6 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti kellha laqgħa mal-Kap tat-Taqsima C 5, li warajha, hija waqfet b’mod definittiv li tmur ix-xogħol.

79      Fil-21 ta’ Marzu 2005, ir-rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva ppreparat mill-konsulent awditur ġie kkomunikat lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni. Bħala konklużjoni tar-rapport tiegħu, il-konsulent awditur għamel l-osservazzjonijiet segwenti:

“1. L-ebda waħda mill-episodji li aħna rreferejna għalihom fir-rapport preżenti ma żvela, fih innifsu, min-naħa tal-persuni akkużati [mir-rikorrenti], imġiba mhux xierqa li intenzjonalment ibaxxi l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika tal-persuna [kkonċernata].

Aħna kultant kellna s-sensazzjoni li ċerti atteġġamenti jew ċerta mġiba li tirrigwarda [r-rikorrenti] kienet fil-limitu ta’ dak li jibda jissejjaħ mhux xieraq jew aktar preċiżament, sabiex nużaw il-kliem tal-verżjoni Ingliża tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-limitu ta’ ‘improper behaviour’ fir-rigward ta’ din tal-aħħar. Naħsbu li dan il-limitu seta’ f’ċerti każijiet, inqabeż. Madankollu, qatt ma kellna s-sensazzjoni li l-imġiba jew l-atteġġamenti inkwistjoni kienu intenzjonali min-naħa tal-awtur/i tagħhom fis-sens li kellu/hom l-intenzjoni li jbaxxi/u l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità [tar-rikorrenti].

[…]

3. Id-domandi li għamilna f’din l-investigazzjoni jwassluna sabiex nifmhu li [r-rikorrenti] tħossha vittma ta’ sitwazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku, li jispjega li hija tista’ tattribwixxi lill-ġerarkija tagħha intenzjonijiet li din, fl-opinjoni tagħna, m’għandhiex. F’dan ir-rigward, huwa ta’ dispjaċir għalina ninnutaw in-nuqqas ta’ tattika adottat fil-konfront tal-persuna [kkonċernata]. Iċ-ċirkustanzi madwar l-estensjoni tal-perijodu ta’ prova tagħha, il-kundizzjonijiet tal-wasla tagħha fit-Taqsima [D 2] jew l-iżolament tal-uffiċċju tagħha b’hekk ikkontribwew sabiex tinħoloq relazzjoni ta’ kunflitt bejn [ir-rikorrenti] u s-superjuri tagħha. Fid-dawl tal-fatt li din ir-relazzjoni ta’ kunflitt damet għal numru ta’ snin, m’aħniex tal-opinjoni li hija tista’ tissolva permezz ta’ sforz ta’ komprensjoni reċiproka. Huwa biss trasferiment malajr tal-persuna [kkonċernata] barra mid-DĠ [‘Persunal u amministrazzjoni’] li jista’ joffrilha l-possibbiltà, li hija intitolata titlob, li tibda’ mill-ġdid.”

80      Fid-29 ta’ Marzu 2005, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment tas-26 ta’ Novembru 2004. Hija enfasizzat li hija kienet “irreaġixxiet għat-talbiet differenti tar-[rikorrenti] skont in-natura tal-fatti, b’mod proporzjonat għall-importanza tagħhom u għall-elementi fornuti, billi ddeċidiet fi żmien xieraq, li tinfetaħ investigazzjoni sabiex jiġu stabbiliti l-fatti, investigazzjoni li [kienet] qed issir”. Bħala konklużjoni, l-Awtorità tal-Ħatra speċifikat li, “wara l-investigazzjoni, ir-riżultati tagħha kienu ser ji[ġu] kkomunikati lir-[rikorrenti]” u li “[abbażi] ta’ dawn ir-riżultati, [hija] tie[ħu], jekk meħtieġ il-miżuri li jirriżultaw ġustifikati fid-dawl tal-imsemmija riżultati, fuq il-bażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal”.

81      Fil-15 ta’ April 2005, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal invalidità. Fit-talba tagħha, hija indikak li hija kienet il-“vittma ta’ fastidju psikoloġiku fi ħdan id-DĠ [‘Persunal u amministrazzjoni’] għal numru ta’ snin” u li din is-“sitwazzjoni [kellha] konsegwenzi serji għas-saħħa [tagħha]”.

82      Fit-13 ta’ Ġunju 2005, l-Awtorità tal-Ħatra ressqet il-każ tar-rikorrenti quddiem, il-Kummissjoni ta’ invalidità.

83      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Lulju 2005 mibgħuta lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti, wara li rreferiet għat-talba tagħha ta’ invalidità tal-15 ta’ April 2005, indikat li hija “kkonfermat it-talba [tagħha] għar-rikonoxximent bħala mard ikkaġunat mix-xogħol tal-patoloġiji li hija żviluppat minħabba l-atti ta’ fastidju li twettqu fir-rigward [tagħha]”.

84      Waqt il-laqgħa tagħha tas-26 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni ta’ invalidità kkonkludiet li r-rikorrenti kienet “milquta minn invalidità permanenti […] u li, għal din ir-raġuni, hija [kellha] tissospendi x-xogħol tagħha fil-Kummissjoni”. Il-Kummissjoni ta’ invalidità speċifikat li hija ma kinitx ser tieħu deċiżjoni dwar il-fatt jekk l-invalidità tirriżultax jew le minn inċident li seħħ waqt il-qadi tad-dmirijiet tagħha jew minn mard ikkaġunat mix-xogħol.

85      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Awwissu 2005, ġie deċiż li r-rikorrenti tirtira minħabba invalidità mill-31 ta’ Awwissu 2005 u ngħatat il-benefiċċju tal-invalidità stabbilit “b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet [tat-tielet] paragrafu tal-Artikolu 78 […] tar-Regolamenti tal-Persunal”.

86      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Settembru 2005 indirizzata lir-rikorrenti, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet espressament it-talba għal assistenza magħmula minnha, billi kkunsidrat, fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-investigazzjoni amministrattiva, li l-allegazzjonijiet ta’ fastidju psikoloġiku ma kinux fondati jew ma setgħux jiġu ppruvati.

87      Permezz ta’ nota li waslet b’faks fis-servizz mediku fis-7 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni ta’ invalidità kkunsidrat, “fid-dawl tan-natura fissa tal-patoloġija li kkawżat l-invalidità, li l-ebda eżami mediku ta’ reviżjoni ma [kien] neċessarju”.

88      Permezz ta’ talba ppreżentata fis-17 ta’ Ottubru 2005, ir-rikorrenti ressqet quddiem il-Kummissjoni talba sabiex tiġi rikonoxxuta l-oriġini professjonali tas-“sindromu ta’ ansjetà-depressjoni” li hija kienet tbati minnu. Din il-proċedura kienet, fid-data tas-seduta fil-kawża preżenti, għadha għaddejja.

E –  Il-fatti dwar ir-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera mfasslin għas-sena 2003

89      Fit-12 ta’ Mejju 2004 seħħ, bejn ir-rikorrenti u l-uffiċjal li eżerċita l-funzjonijiet ta’ Kap tat-Taqsima D 2 sal-31 ta’ Ottubru 2003, id-djalogu formali previst fl-Artikolu 8(5) tad-DĠI, sabiex jitfassal ir-RŻK Jannar-Ottubru 2003.

90      Fit-18 ta’ Mejju 2004, il-Kap tat-Taqsima D 2 sal-31 ta’ Ottubru 2003, fil-kapaċità tiegħu ta’ evalwatur tar-rikorrenti, stabbilixxa l-abbozz tar-RŻK Jannar-Ottubru 2003. F’dan l-abbozz, il-persuna kkonċernata ngħatat marka globali ta’ 8/20, jiġifieri 4/10 għar-rendiment, 3/6 għall-kompetenza u 1/4 għall-kondotta fis-servizz.

91      Wara li rrileva, fit-Taqsima 6.1 “Kompetenzi” tar-RŻK Jannar-Ottubru 2003, li r-rikorrenti kellha diffikultajiet sabiex tiffamiljarizza ruħha max-xogħol tagħha, diffikultajiet dovuti, fil-fehma tiegħu, għal “nuqqas ta’ motivazzjoni”, l-evalwatur indika li huwa kien, permezz ta’ nota tat-3 ta’ Settembru 2003, informa lir-rikorrenti li huwa kien qajjem mat-Taqsima “Riżorsi umani – ADMIN, Riformi interni” kif ukoll mas-servizz mediku l-kwistjoni jekk “is-sitwazzjoni tas-saħħa tagħha kinitx tali li tippermetti, fil-ġejjini, eżerċizzju normali tax-xogħol tagħha”. L-evalwatur jenfasizza wkoll li “ma [ġiex] osservat titjib [fir]-rendiment [tar-rikorrenti] bejn it-3 ta’ Settembru 2003 u t-tmiem tax-xahar ta’ Ottubru [2003]”.

92      Fit-18 ta’ Mejju 2004, id-direttur tad-Direttorat D fil-kapaċità tiegħu ta’ validatur, iffirma l-abbozz tar-RŻK Jannar-Ottubru 2003.

93      Fis-27 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti talbet ir-reviżjoni tar-RŻK Jannar-Ottubru 2003 tagħha.

94      Il-laqgħa bejn il-validatur u r-rikorrenti, previst fl-Artikolu 8(10) tad-DĠI, ma seħħx skont il-validatur minħabba “l-assenza tar-rikorrenti għal żmien twil”.

95      Fl-14 ta’ Lulju 2004, il-validatur ipproċeda bl-“għeluq amministrattiv” tar-RŻK Jannar-Ottubru 2003. L-għada, il-Kap tat-Taqsima “Riżorsi umani – ADMIN, Riformi interni” ikkonferma l-għeluq amministrattiv tar-rapport “b’referenza għall-kummenti tal-evalwatur u tal-validatur sabiex jiġu protetti d-drittijiet kollha tal-persuna kkonċernata”.

96      Fit-8 ta’ Lulju 2004, l-abbozz tar-RŻK għall-perijodu mill-1 ta’ Novembru sal-31 ta’ Diċembru 2003 (iktar ’il quddiem ir-“RŻK Novembru-Diċembru 2003”) ġie mfassal mill-evalwatur tar-rikorrenti, billi din il-funzjoni ma twettqitx iktar mill-Kap tat-Taqsima D 2 iżda mid-direttur tad-Direttorat D. F’dan l-abbozz, ippreparat mingħajr mar-rikorrenti ppreparat minn qabel l-awtoevalwazzjoni tagħha, ingħatat ukoll il-marka globali ta’ 8/20, jiġifieri 4/10 għar-rendiment, 3/6 għall-kompetenza u 1/4 għall-kondotta fis-servizz.

97      Fit-Taqsima 6.1 “Rendiment” tar-RŻK Novembru-Diċembru 2003, l-evalwatur indika li wasal għall-konklużjoni “li ma kien hemm l-ebda riżultat validu fil-perijodu ta’ referenza u l-ebda riżultat ma kien intlaħaq, għalkemm dawn ir-riżultati setgħu jinkisbu mir-rikorrenti”. L-evalwatur żied li, fil-fehma tiegħu, dan kien “ir-riżultat ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni (tar-rikorrenti) kif ukoll tal-kondotta tagħha”.

98      Fit-13 ta’ Lulju 2004, l-abbozz tar-RŻK Novembru-Diċembru 2003 ġie ffirmat mill-validatur tar-rikorrenti, li f’dan il-każ kien id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”. Il-validatur ipproċeda wkoll għall-għeluq amministrattiv tal-imsemmi RŻK.

99      Permezz ta’ ittra datata l-21 ta’ Settembru 2004, il-Kap tat-Taqsima “Riżorsi umani – ADMIN, riformi interni” informa lir-rikorrenti li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2004, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” kien iddeċida li ma jagħtiha ebda punt ta’ prijorità. F’din l-ittra, kien ġie speċifikat li l-marka globali mogħtija lir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni għas-sena 2003 kienet ta’ 8/20.

100    Fl-20 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti ppreżentat ilment taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li permezz tiegħu, hija talbet l-annullament tar-RŻK Jannar-Ottubru 2003 tagħha kif ukoll tar-RŻK Novembru-Diċembru 2003 tagħha.

101    Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2005, li r-rikorrenti ġiet innotifikata biha fis-7 ta’ Ġunju 2005, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet dan l-ilment.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

102    Ir-rikors preżenti ġie rreġistrat inizjalment, fl-4 ta’ Lulju 2005, fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza bin-numru ta’ referenza T‑252/05.

103    Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Diċembru 2005, il-Qorti tal-Prim’Istanza taħt l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, Euratom, tat-2 ta’ Novembru 2004, li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2006, L153M, p. 84), irrinvijat il-kawża preżenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Ir-rikors ġie rreġistrat fir-reġistru ta’ dan tal-aħħar bin-numru ta’ referenza F‑52/05.

104    Ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

“–      jiddikjara r-rikors preżenti ammissibbli;

–        jekk meħtieġ, […] jiddikjara l-annullament tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Marzu 2005 li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet l-ilment […] ippreżentat fid-29 ta’ Novembru 2004 kontra d-deċiżjonijiet impliċiti tal-Kummissjoni li jiċħdu t-talba […] għal assistenza […] taħt l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u għall-ħlas tad-danni, kif ukoll it-talbiet għall-adozzjoni tal-miżuri preventivi u immedjati tas-7 ta’ Mejju 2004 u tal-24 ta’ Mejju 2004;

–        […] jiddikjara l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Mejju 2005 li tagħti risposta għall-ilment tar-rikorrenti tal-20 ta’ Diċembru 2004 kif ukoll l-annullament tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera mfassal fir-rigward tagħha għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2003 sal-31 ta’ Diċembru 2003;

–        […] jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Komunità Ewropea minħabba d-deċiżjonijiet iċċitati iktar ’il fuq u t-tfassil tar-RŻK tar-rikorrenti;

–        jordna l-ħlas lir-rikorrenti tad-danni minħabba l-ħsara subita, fl-ammont ta’ EUR 250 000;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha”.

105    Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jiddeċiedi fuq l-ispejjeż skont il-liġi.

106    Wara li ż-żewġ partijiet ftehmu dwar tentattiv ta’ ftehim bonarju, l-imħallef relatur stedinhom għal laqgħa informali, li seħħet fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-9 ta’ Ottubru 2006. Fis-17 ta’ Ottubru 2006, l-imħallef relatur informa lill-partijiet bi proposta ta’ ftehim bonarju. Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ottubru 2006, din il-proposta ġiet irrifjutata mill-Kummissjoni.

107    Skont l-Artikolu 64(3)(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, applikabbli mutatis mutandis għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, skont l-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni 2004/752, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għamel xi domandi lill-partijiet. Dawn ikkonformaw ruħhom mat-talba tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

108    Permezz ta’ faks li waslet fir-reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-17 ta’ Ġunju 2007, ir-rikorrenti kkwantifikat id-dannu materjali tagħha għas-somma totali ta’ EUR 781 906.43 li tikkorrispondi għad-differenza bejn, minn naħa, ir-rimunerazzjoni u l-pensjoni li hija kienet tkun intitolata għaliha kieku ma twarrbitx minħabba invalidità, u min-naħa l-oħra, il-benefiċċju ta’ invalidità li hija tirċievi u l-pensjoni li tkun imħallsa lilha fil-ġejjini.

109    Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Settembru 2007, il-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad it-talba tal-Kummissjoni sabiex jitneħħew il-frażijiet li jidhru fl-annessi tal-fajl tal-investigazzjoni amministrattiva.

 Id-dritt

A –  Osservazzjonijiet preliminari fuq is-suġġett tal-kawża

110    Is-suġġett tar-rikors, hekk kif ippreżentat formalment mir-rikorrenti, jirrikjedi l-osservazzjonijiet segwenti.

111    L-ewwel nett, ir-rikorrenti titlob formalment, fit-tieni talba tagħha, l-annullament “tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Marzu 2005 li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet l-ilment […] ippreżentat fid-29 ta’ Novembru 2004 kontra d-deċiżjonijiet impliċiti tal-Kummissjoni li jiċħdu t-talba […] għal assistenza […] taħt l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u għall-ħlas tad-danni, kif ukoll it-talbiet għall-adozzjoni tal-miżuri preventivi u immedjati tas-7 ta’ Mejju 2004 u tal-24 ta’ Mejju 2004”. B’hekk, skont il-persuna kkonċernata, ittieħdu tliet deċiżjonijiet impliċiti, l-ewwel waħda tiċħad it-talba għal assistenza li saret fin-nota tad-29 ta’ April 2004, it-tieni waħda tiċħad it-talba għad-danni li wkoll saret fl-istess nota, it-tielet waħda tiċħad it-talba għal trasferiment barra mid-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” magħmula fl-ittri tas-7 u tal-24 ta’ Mejju 2004.

112    F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, permezz ta’ nota tad-29 ta’ April 2004 li waslet fit-Taqsima “Appelli” fit-3 ta’ Mejju segwenti, ir-rikorrenti indirizzat lill-Kummissjoni “[t]alba għal assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal […], li tammonta wkoll għal talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal – fastidju psikoloġiku”. Hija lmentat fiha dwar numru ta’ fatti li hija kkunsidrat bħala fastidju psikoloġiku u talbet il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva minn “awtorità newtrali”, esterna għad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”. Ir-rikorrenti talbet ukoll, f’din in-nota, il-kumpens għad-danni li rriżultaw mill-allegat fastidju psikoloġiku.

113    Barra minn hekk, wara n-nota tad-29 ta’ April 2004, fis-7 u fl-24 ta’ Mejju 2004, il-persuna kkonċernata bagħtet lill-Kummissjoni żewġ ittri ġodda li fihom hija talbet li jiġu adottati “miżuri preventivi u immedjati”, bħall-“assenjazzjoni mill-ġdid jew it-trasferiment tagħha” mid-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”. Madankollu, f’dawn l-ittri, ir-rikorrenti għamlet referenza speċifika għan-nota tad-29 ta’ April 2004 u ġġustifikat it-talba tagħha għal tbegħid bil-fastidju psikoloġiku li hija kienet tikkunsidra ruħha l-vittma tiegħu fi ħdan id-direttorat ġenerali fejn kienet taħdem. B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li dawn l-ittri ma kienx fihom talbiet ġodda, indipendenti mit-talba għal assistenza, iżda preċiżazzjonijiet magħmula lilha fir-rigward tal-miżuri li kellhom jittieħdu b’mod preventiv u immedjat, f’dan il-każ miżura ta’ tbegħid.

114    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti għandha tkun ikkunsidrata li essenzjalment talbet, fil-kuntest tat-talba tagħha għal assistenza, tliet tipi ta’ miżuri: l-ewwel nett, il-ftuħ u l-ġestjoni ta’ investigazzjoni amministrattiva; it-tieni nett, miżura ta’ tbegħid immedjata qabel ma jkunu magħrufa r-riżultati tal-investigazzjoni amministrattiva; it-tielet nett, kull miżura intiża, ladarba tiġi stabbilita r-realtà tal-fastidju psikoloġiku, sabiex hija tiġi protetta b’mod definittiv.

115    Peress li l-amministrazzjoni ma weġbitx, fi tmiem it-terminu ta’ erba’ xhur wara l-preżentazzjoni, fit-3 ta’ Mejju 2004, tan-nota tad-29 ta’ April 2004, la għat-talba għal assistenza u lanqas għat-talba għad-danni, in-nuqqas ta’ tweġiba wassal, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, għal żewġ deċiżjonijiet impliċiti ta’ ċaħda l-ewwel waħda tirrifjuta li tintlaqa’ t-talba għal assistenza, it-tieni waħda tiċħad it-talba għad-danni.

116    Fit-tieni lok, mill-kliem tat-tielet talba jirriżulta li, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet fasslet RŻK wieħed biss għas-sena 2003. Madankollu, huwa paċifiku li, skont l-Artikolu 4(1) tad-DĠI, il-Kummissjoni fasslet, fir-rigward tar-rikorrenti, żewġ rapporti. L-ewwel wieħed kopra l-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Ottubru 2003 (ir-RŻK Jannar-Ottubru 2003), it-tieni wieħed, il-perijodu mill-1 ta’ Novembru sal-31 ta’ Diċembru 2003 (ir-RŻK Novembru-Diċembru 2003).

117    Fid-dawl tal-kjarifiki magħmula iktar ’il fuq u tal-ġurisprudenza li tistipula li talba għall-annullament ta’ deċiżjoni li tiċħad ilment għandha bħala effett li tadixxi lill-qorti Komunitarja bl-att li jikkawża preġudizzju li kontrih ġie ppreżentat l-imsemmi lment (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, Ġabra p. 23, punt 8; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Marzu 2004, Theodorakis vs Il‑Kunsill, T‑310/02, ĠabraSP p. I‑A‑95 u II‑427, punt 19, u tad-9 ta’ Ġunju 2005, Castets vs Il‑Kummissjoni, T‑80/04, ĠabraSP p. I‑A‑161 u II‑729, punt 15), għandu jiġi kkunsidrat li fir-rikors preżenti qed jintalab essenzjalment:

–        l-annullament tad-deċiżjoni impliċita li tiċħad it-talba għal assistenza;

–        l-annullament tar-RŻK 2003;

–        il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tad-danni lir-rikorrenti.

118    Madankollu, għandu jingħad li r-rikorrenti ssostni, insostenn tal-parti l-kbira tat-talbiet u l-argumenti tagħha, li hija kienet is-suġġett ta’ fastidju psikoloġiku waqt il-qadi tad-dmirijiet tagħha.

119    Konsegwentement, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra f’loku, sabiex jiddeċiedi fuq id-diversi kapijiet tat-talbiet tar-rikorrenti, li l-ewwel nett jeżamina l-allegazzjonijiet tagħha dwar l-eżistenza tal-allegat fastidju psikoloġiku.

B –  Fuq il-fastidju psikoloġiku

1.     L-argumenti tal-partijiet

120    Skont ir-rikorrenti, ir-realtà tal-fastidju psikoloġiku li hija kienet il-vittma tiegħu min-naħa tal-ġerarkija tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” hija stabbilita permezz ta’ diversi fatti li għandhom jiġu miġbura f’sitt kategoriji.

121    Fl-ewwel lok, il-Kap tat-Taqsima B 2, it-taqsima li lilha kienet ġiet assenjata r-rikorrenti wara li ġiet impjegata mill-Kummissjoni bħala uffiċjal taħt prova, kien ta lid-direttur tad-Direttorat B, responsabbli mit-tfassil tal-ewwel rapport tat-tmiem tal-perijodu ta’ prova, informazzjoni inġustament kritika fuq il-kwalità tax-xogħol tal-persuna kkonċernata, filwaqt li fl-ewwel parti tal-perijodu ta’ prova, ma kien għamel ebda kritika fil-konfront tagħha u kien anki esprima s-sodisfazzjon tiegħu biha. Barra minn hekk, bl-iskuża żbaljata li hija kienet aċċettat l-estensjoni tal-perijodu ta’ prova tagħha, il-Kumitat tar-Rapporti la sema’ lilha, u lanqas lill-persuni li hija kienet tixtieq li nstemgħu. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tosserva li waħda mill-ex kollegi tagħha kienet disposta tagħti xhieda fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol fi ħdan it-Taqsima B 2.

122    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti sa minn mindu ġiet assenjata lit-Taqsima 01 (li mbagħad saret it-Taqsima D 2), ġiet iżolata professjonalment, peress li l-kap u l-viċi kap ta’ din it-taqsima kienu sistematikament evitaw li jkellmuha u tawha, sas-sajf tal-2004, uffiċċji ġeografikament iżolati mill-bqija tat-taqsima u mhux attrezzati b’mod adegwat.

123    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ma ngħatat ebda kompitu bejn ix-xhur ta’ Jannar u Ġunju 2003.

124    Fir-raba’ lok, is-superjuri ġerarkiċi tar-rikorrenti kienu xerrdu xniegħat diffamatorji fuq il-kapaċitajiet professjonali tagħha.

125    Fil-ħames lok, id-direttur tad-Direttorat D kif ukoll il-Kap tat-Taqsima D 2, sabiex “jiddestabbilizzaw psikoloġikament” lir-rikorrenti, kienu rrifjutaw ċerti talbiet għal-leave annwali ppreżentati minnha. Iċ-ċaħdiet kienu anki, f’ċerti każijiet, seħħew wara li bħala prinċipju kienu ġew aċċettati. Barra minn hekk, talbiet oħra kienu ġew aċċettati biss tard, li wassal lir-rikorrenti, għall-inqas f’każ wieħed, sabiex tirtira t-talba tagħha għal leave u sabiex tannulla prenotazzjoni ta’ vjaġġ.

126    Fis-sitt lok, id-direttur tad-Direttorat D kif ukoll il-Kap tat-Taqsima D 2, b’mod partikolari fil-perijodu mit-8 ta’ Settembru 2004 sal-31 ta’ Marzu 2005, ikkunsidraw b’mod żbaljat bħala inġustifikati diversi ġranet ta’ leave tal-mard, ħaġa li kellha bħala konsegwenza għar-rikorrenti, it-telf ta’ jiem ta’ leave annwali għall-2004 u l-2005 u ta’ tnaqqis mis-salarju.

127    Fis-seduta, ir-rikorrenti allegat ukoll li l-Kummissjoni ma tatx kas l-opinjoni tat-tabib indipendenti li, fis-6 ta’ Ottubru 2004, irrakkomanda li tiġi assenjata lil taqsima li ma tkunx id-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”.

128    Fid-difiża tagħha, il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, jelenka l-kriterji li għandhom jiġu sodisfatti sabiex wieħed jista’ jitkellem dwar fastidju psikoloġiku. B’hekk, skont dan l-artikolu, jeħtieġ li l-imġiba inkwistjoni tkun mhux xierqa, li sseħħ fit-tul, li tkun ripetuta ftit jew wisq b’mod frekwenti, bl-intenzjoni li tagħmel ħsara lill-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna. Imġiba partikolari fil-konfront ta’ uffiċjal b’hekk tista’ tiġi kkunsidrata bħala fastidju psikoloġiku biss jekk din l-imġiba hija oġġettivament intiża sabiex tiskreditaha jew tiddegrada b’mod intenzjonat il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. B’hekk, skont il-Kummissjoni, imġiba bħal din għandha tkun oġġettivament ta’ natura intenzjonali, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Frar 2001, De Nicola vs BEI, T‑7/98, T‑208/98 u T‑109/99, ĠabraSP p. I‑A‑49 u II‑185; tat-8 ta’ Lulju 2004, Schochaert vs Il‑Kunsill, T‑136/03, ĠabraSP p. I‑A‑215 u II‑957, u tal-4 ta’ Mejju 2005, Schmit vs Il‑Kummissjoni, T‑144/03, ĠabraSP p. I‑A‑101 u II‑465).

129    Issa, il-Kummissjoni ssostni li, f’dan il-każ, l-ebda waħda miċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti ma turi min-naħa tal-kollegi tagħha jew tal-ġerarkija tagħha mġiba li għandha l-intenzjoni li tiskredita jew li tiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

130    Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004, jipprovdi li “‘Turment [fastidju] psikoloġiku’ ifisser kull imġiba mhux xierqa li ssir tul perijodu, hija ripetittiva jew si[s]tematika u tinvolvi atteġġament fi[żi]ku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra li huma intenzjonali u li jistgħu jbaxxu l-personalità, dinjità, jew integrità fi[ż]ika jew psikoloġika ta’ xi persuna”.

131    Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tal-2003 fuq il-fastidju psikoloġiku, li għandha l-valur ta’ direttiva interna u li l-Kummissjoni hija marbuta biha peress li din ma esprimietx b’mod ċar l-intenzjoni tagħha li ma tosservahiex permezz ta’ deċiżjoni motivata u dettaljata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Jannar 1974, Louwage vs Il‑Kummissjoni, 148/73, Ġabra p. 81, punt 12, u tal-1 ta’ Diċembru 1983, Blomefield vs Il‑Kummissjoni, 190/82, Ġabra p. 3981, punt 20; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Frar 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, T‑246/04 u T‑71/05, Ġabra p. I‑0000, punt 127), tenfasizza li l-fenomenu tal-fastidju psikoloġiku “jimmanifesta ruħu f’forom differenti, b’mod partikolari permezz ta’: bullying, atteġġamenti negattivi, pressjoni, umiljazzjoni, anki rifjut ta’ komunikazzjoni, jiġifieri diversi atteġġamenti li, jekk jimmanifestaw ruħhom b’mod limitat, għalkemm mhux aċċettabbli, jistgħu jidhru li ma joħolqux konsegwenzi gravi, iżda li r-repetizzjoni tagħhom toħloq danni gravi għall-persuna li huma diretti kontriha”. Il-Komunikazzjoni tal-2003 fuq il-fastidju psikoloġiku tispeċifika wkoll li “l-allegati atteġġamenti jaqgħu taħt l-abbuż ta’ poter jew il-manipulazzjoni perversa” u li “jistgħu jitwettqu minn individwu jew minn grupp ta’ persuni”.

132    Għandu jiġi enfasizzat li l-fastidju psikoloġiku għandu jinftiehem bħala proċess li essenzjalment iseħħ tul iż-żmien u jippresupponi l-eżistenza ta’ aġir ripetut jew kontinwu. Fil-fatt, l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jeħtieġ li sabiex imġiba tkun ikklassifikata bħala fastidju psikoloġiku, għandha timmanifesta ruħha “tul perijodu, hija ripetittiva jew si[s]tematika”, filwaqt li l-Komunikazzjoni tal-2003 fuq il-fastidju psikoloġiku teżiġi r-“repetizzjoni” ta’ din l-imġiba.

133    Barra minn hekk, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, tkun xi tkun il-verżjoni lingwistika, bl-ebda mod ma jsemmi l-mala fede tal-persuna li allegatament tagħti fastidju bħala element neċessarju għall-klassifikazzjoni ta’ mġiba bħala fastidju psikoloġiku.

134    Fil-fatt, l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxi l-fastidju psikoloġiku bħala “imġiba mhux xierqa” li sabiex isseħħ teħtieġ li jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel kundizzjoni tirrigwarda l-eżistenza tal-atteġġament fiżiku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra “li ssir tul perijodu, hija ripetittiva jew si[s]tematika” u li huma “intenzjonali”. It-tieni kundizzjoni, separata mill-ewwel waħda mill-prepożizzjoni “u”, teħtieġ li dan l-atteġġament fiżiku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra jkollhom bħala effett “li jistgħu jbaxxu l-personalità, dinjità, jew integrità fi[ż]ika jew psikoloġika ta’ xi persuna”.

135    Peress li l-aġġettiv “intenzjonali” jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, u mhux it-tieni waħda, huwa possibbli li jinsiltu żewġ konklużjonijiet. Minn naħa, l-aġir fiżiku, il-lingwa mlissna jew miktuba, l-azzjonijiet jew l-atti l-oħra, previsti mill-Artikolu 12a(3), tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom ikunu ta’ natura volontarja, ħaġa li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni l-aġir li jseħħu b’mod aċċidentali. Min-naħa l-oħra, mhux meħtieġ li dan l-aġir fiżiku, il-lingwa mlissna jew miktuba, l-azzjonijiet jew l-atti l-oħra jkunu twettqu bl-intenzjoni li jbaxxu l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ xi persuna. Fi kliem ieħor, jista’ jkun hemm fastidju psikoloġiku skont l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr mal-persuna li tagħti fastidju jkollha l-intenzjoni, permezz tal-aġir tagħha, tiskredita l-vittma jew deliberatament tiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. Huwa suffiċjenti biss li l-aġir tagħha, ladarba jitwettqu volontarjament, kellhom oġġettivament konsegwenzi bħal dawn.

136    Għandu jingħad li interpretazzjoni kuntrarja tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal ikollha bħala riżultat li tneħħi l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni, minħabba d-diffikultà li tintwera l-mala fede tal-persuna li tagħti fastidju psikoloġiku. Fil-fatt, għalkemm jeżistu każijiet fejn intenzjoni bħal din hija ċara mill-aġir tal-awtur tagħhom, għandu jingħad li każijiet bħal dawn huma rari u li, fil-parti l-kbira tas-sitwazzjonijiet, il-persuna li allegatament tagħti fastidju tibqa’ lura minn kull aġir li jista’ jwassal sabiex tiġi preżunta l-intenzjoni tagħha li tiskredita lill-vittma tagħha jew li tiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha.

137    Għandu jiġi mfakkar ukoll li interpretazzjoni tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, ibbażata fuq il-mala fede tal-persuna li allegatament tagħti fastidju, ma tikkorrispondix mad-definizzjoni li d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79) tagħti għall-“molestji [fastidji]”. Fil-fatt, wara li tfakkar fl-Artikolu 1 tagħha li l-għan tagħha “huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplementa fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”, id-direttiva tispeċifika, fl-Artikolu 2(3) tagħha li “[i]l-molestji [fastidji] għandhom jitqiesu bħala forma ta’ diskriminazzjoni […] meta kondotta mhux xierqa għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tavvera ruħha bl-iskop [jew bl-effett] li tnaqqas id-dinjità ta’ persuna u li tikkrea ambjent ta’ biza’, ostili, degradanti, umiljanti, jew offensiv”.

138    L-użu tal-frażi “bl-iskop [jew bl-effett]” fid-Direttiva 2000/78, turi li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni, hekk kif tikkonferma l-premessa 30 tal-imsemmija direttiva, li jiggarantixxi għall-vittmi tal-fastidju psikoloġiku “protezzjoni adegwata ġudizzjarja”. Fil-fatt, protezzjoni bħal din ma tistax tkun iggarantita jekk il-fastidju psikoloġiku kellu jirreferi biss għall-aġir li għandhom l-iskop li jbaxxu l-personalità ta’ persuna, meta tittieħed inkunsiderazzjoni d-diffikultà kbira li fiha tinsab il-vittma ta’ aġir li kien intiż biex hija tiġi infastidita psikoloġikament sabiex turi r-realtà ta’ intenzjoni bħal din kif ukoll il-motiv għal din l-intenzjoni.

139    Ikun ukoll diffiċilment komprensibbli li l-leġiżlatur Komunitarju, wara li, permezz tad-Direttiva 2000/78, ikkunsidra li aġir li, mingħajr ma jkollu bħala skop, ikollu madankollu bħala effett li jbaxxi d-dinjità ta’ persuna, jammonta għal fastidju, iddeċieda, fl-2004, fl-okkażjoni tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, li jnaqqas il-livell tal-protezzjoni ġudizzjarja ggarantita lill-uffiċjali u lill-aġenti oħra u li jillimita, billi jadotta l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-fastidju psikoloġiku biss għall-aġir li kellhom bħala skop li jbaxxu d-dinjità ta’ persuna.

140    Ċertament, il-Qorti tal-Prim’Istanza, f’numru ta’ sentenzi, iddeċidiet li sabiex aġir ikun ikkunsidrat bħala fastidju psikoloġiku, kellu oġġettivament ikollu karattru intenzjonali u li rikorrent, indipendentement mill-perċezzjoni suġġettiva li seta’ jkollu tal-fatti allegati, kellu jipprovdi numru ta’ provi li jippermettu li jiġi stabbilit li huwa sofra aġir li oġġettivament kellu l-għan li jiskreditah jew li deliberatament jiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu (sentenzi De Nicola vs BEI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 286; Schochaert vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u Schmit vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 64 u 65). Madankollu, il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq ma tistax tiġi invokata effettivament f’dan il-każ, billi, fi kwalunkwe każ, hija ġiet stabbilita f’kawżi li kienu jirrigwardaw aġir li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa veru li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il‑Kummissjoni (T‑154/05, Ġabra p. I‑0000), reġgħet applikat din il-ġurisprudenza f’kawża fejn uħud mill-aġir allegati kontra l-amministrazzjoni kienu seħħew wara d-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, ma jirriżultax minn din is-sentenza li l-Qorti tal-Prim’Istanza riedet espressament tinterpreta l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal bħala li jirrikjedi li l-mala fede ta’ persuna li allegatament tagħti fastidju hija kundizzjoni tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku.

141    Fl-aħħar nett, ma jistgħu jitqajmu dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, hekk kif spjegata iktar ’il fuq, la mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 12a(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar il-fastidju sesswali, u lanqas minn dawk tad-Deċiżjoni tal-2006 fuq il-fastidju psikoloġiku u l-fastidju sesswali.

142    Fil-fatt, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 12a(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, dawn jiddikjaraw li “‘Turment [fastidju] sesswali’; tfisser imġiba relatata mas-sess li ma tridhiex il-persuna li hija diretta għaliha, u li għandha l-iskop jew l-effett li toffendi dik il-persuna jew toħloq ambjent ta’ intimidazzjoni, ostili, offensiva jew disturbat”.

143    F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-espressjoni “li għandha l-iskop jew l-effett” tinsab fid-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 12a(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda hija nieqsa mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal.

144    Madankollu, nuqqas bħal dan ma jistax jiġi interpretat li jfisser li, fir-rigward tal-fastidju psikoloġiku, huma biss l-aġir li għandhom “l-iskop” li jiskreditaw jew li jiddegradaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuna li jistgħu jiġu meqjusa li jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku. Fil-fatt, hekk kif intqal, jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, li, sabiex ikun hemm fastidju psikoloġiku skont dan l-artikolu, huwa suffiċjenti li l-aġir li huwa jkopri, jiġifieri l-“atteġġament fi[żi]ku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra”, “[jkunu] baxx[ew i]l-personalità, dinjità, jew integrità fi[ż]ika jew psikoloġika ta’ xi persuna”, indipendentement mill-kwistjoni, irrilevanti, dwar jekk dawn l-aġir twettqux bl-intenzjoni li jagħmlu ħsara.

145    Barra minn hekk, fir-rigward tad-Deċiżjoni tal-2006 fuq il-fastidju psikoloġiku u l-fastidju sesswali, li sostitwixxiet il-Komunikazzjoni tal-2003 fuq il-fastidju psikoloġiku, din id-deċiżjoni tindika li, “skont ir-Regolamenti tal-Persunal, ikun hemm fastidju psikoloġiku biss meta l-atteġġament tal-persuna li allegatament tagħti fastidju jkun ikkunsidrat bħala li huwa mhux xieraq, intenzjonat, ripetittiv, li jsir tul perjodu ta’ żmien jew li huwa sistematiku u li għandu pereżempju bħala għan, li jiskredita jew li jbaxxi lill-persuna kkonċernata” u żżid li “[d]awn il-kriterji huma kumulattivi […]”.

146    Id-Deċiżjoni tal-2006 fuq il-fastidju psikoloġiku u l-fastidju sesswali b’hekk tidher li tindika, prima facie, li biss aġir li għandu “bħala għan li jiskredita jew li jbaxxi lill-persuna kkonċernata” jaqa’ taħt fastidju psikoloġiku. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni llimitat ruħha, hekk kif juri l-użu tal-expressjoni “pereżempju”, li tagħti eżempji ta’ aġir li jistgħu jiġu meqjusa bħala li jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku u ma kellhiex l-intenzjoni tindika li aġir ma jistax jiġi meqjus hekk ħlief jekk ikollu bħala għan, u mhux biss bħala effett, li jbaxxi l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ xi persuna. Barra minn hekk, interpretazzjoni kuntrarja tad-Deċiżjoni tal-2006 fuq il-fastidju psikoloġiku u l-fastidju sesswali jkollha bħala effett li tirrendi tali deċiżjoni prattikament ineffettiva, minabba, hekk kif intqal diġà, id-diffikultà għal persuna li tressaq il-prova tal-intenzjoni, tal-persuna li allegatament tagħti fastidju, li tiskreditaha jew tbaxxiha.

147    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li għandha tittieħed deċiżjoni fuq l-ilment dwar il-fastidju psikoloġiku mqajjem mir-rikorrenti, ħaġa li teħtieġ li tiġi eżaminata r-realtà tal-aġir differenti allegati minnha kontra l-ġerarkija tagħha u li jiġi stabbilit jekk dawn l-aġir, li jistgħu jinġabru f’sitt kategoriji, kellhomx bħala effett li oġġettivament ibaxxu l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika tal-persuna kkonċernata.

148    Għandu jiġi enfasizzat li ser jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-fatti li seħħew qabel id-data tad-deċiżjoni impliċita li ċaħdet it-talba għal assistenza u t-talba għad-danni, jiġifieri t-3 ta’ Settembru 2004, u li jikkonċernaw essenzjalment il-kundizzjonijiet li fihom ir-rikorrenti wettqet il-funzjonijiet tagħha.

149    Ċertament, huwa minnu li din tallega li subiet fastidju psikoloġiku anki tul il-perijodu wara t-3 ta’ Settembru 2004. Madankollu, il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku għal dan il-perijodu ma hijiex ser tiġi eżaminata fil-kuntest tal-kawża preżenti. Fil-fatt, minn naħa, dan l-allegat fastidju psikoloġiku, li, skont il-persuna kkonċernata, huwa l-konsegwenza ta’ ksur mill-Kummissjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 59 tar-Regolamenti tal-Persunal bil-mod kif hija ttrattat iċ-ċertifikati mediċi tagħha, ma huwiex tal-istess tip bħal dak li hija tilmenta dwaru għall-perijodu ta’ qabel it-3 ta’ Settembru 2004. Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li r-rikorrenti ma bdiet l-ebda proċedura prekontenzjuża sabiex tikseb kumpens għad-dannu marbut mal-allegat fastidju psikoloġiku li seħħ wara t-3 ta’ Settembru 2004. Madankollu, għandu jingħad li r-rikorrenti għandha d-dritt, jekk taħseb li għandha raġunijiet biżżejjed sabiex tagħmel hekk, tressaq talba għall-kumpens ta’ tali dannu.

a)     Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kundizzjonijiet ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ prova tar-rikorrenti

150    Ir-rikorrenti tressaq, essenzjalment, tliet ilmenti.

151    Fl-ewwel ilment, ir-rikorrenti ssostni li l-preżenza, fl-ewwel rapport tat-tmiem tal-perijodu ta’ prova tagħha, ta’ kummenti kritiċi hija dovuta għall-fatt li l-Kap tat-Taqsima B 2 ta lid-direttur tad-Direttorat B informazzjoni inġustament negattiva fuq il-kwalità tax-xogħol tagħha, u dan sabiex ir-rikorrenti teħel għall-iżbalji tiegħu fil-ġestjoni tal-fajls.

152    F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li d-direttur tad-Direttorat B, responsabbli għat-trassil tal-ewwel rapport dwar il-perijodu ta’ prova, hemmhekk għamel evalwazzjonijiet kritiċi fuq ix-xogħol tar-rikorrenti. B’hekk, huwa kiteb li l-persuna kkonċernata “ma setgħetx twettaq, f’terminu raġonevoli […], ċerti kompiti importanti li ngħataw lilha” u li kien hemm “ċerti diffikultajiet fir-relazzjoni tagħha mal-oħrajn fid-dipartiment”. Huwa rrileva wkoll fir-rigward tar-rikorrenti “nuqqas ta’ familjarità mas-sistema amministrattiva u ġerarkika fis-seħħ fil-Kummissjoni”.

153    Madankollu, minbarra l-fatt li r-rikorrenti ma ressqet l-ebda prova sabiex issaħħaħ l-allegazzjoni tagħha li l-inklużjoni ta’ evalwazzjonijiet bħal dawn hija dovuta għall-fatt li l-Kap tat-Taqsima B 2 kellu l-intenzjoni li teħel hi għall-iżbalji tiegħu, mill-atti jirriżulta li r-rikorrenti, fil-bidu tal-perijodu ta’ prova, wettqet tard ċerti kompiti li kienu ġew assenjati lilha, bħat-tfassil ta’ abbozzi ta’ rapporti meta kienet qed tittratta fajl dixxiplinarju. Barra minn hekk, xi kritika fuq il-kwalitajiet professjonali tar-rikorrenti saret ukoll mill-Kap tat-Taqsima “Djalogu soċjali”, li fiha r-rikorrenti wettqet, bejn it-18 ta’ Mejju u l-15 ta’ Ottubru 2001, il-perijodu ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ prova tagħha.

154    L-ewwel ilment għandu għalhekk jiġi miċħud mingħajr ma hemm bżonn li jsir is-smigħ mitlub mir-rikorrenti.

155    Fit-tieni lment, ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li l-perijodu ta’ prova tagħha ġie estiż mingħajr ma preċedentement kienet saritilha l-inqas kritika, min-naħa tal-Kap tat-Taqsima B 2.

156    F’dan ir-rigward, għalkemm ġie deċiż li ma jeżisti l-ebda obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti, fi kwalunkwe mument, twissija lill-uffiċjal taħt perijodu ta’ prova li s-servizzi tiegħu ma jkunux sodisfaċenti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 1985, Patrinos vs CES, 3/84, Ġabra p. 1421, punt 19; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 1997, Rozand-Lambiotte vs Il‑Kummissjoni, T‑96/95, ĠabraSP p. I‑A‑35 u II‑97, punt 102), għandu madankollu jiġi enfasizzat li, fir-rapport tiegħu tal-investigazzjoni amministrattiva, il-konsulent awditur wera d-“dispjaċir [tiegħu] biċ-ċirkustanzi madwar it-tfassil tal-ewwel rapport tat-tmiem tal-perijodu ta’ prova” u kkritika b’mod partikolari bħala li jmur kontra d-dmir ta’ premura l-fatt li r-rikorrenti “ma [kellha] l-possibbiltà la li tispjega ruħha fi żmien xieraq dwar in-nuqqasijiet li l-[k]ap tat-taqsima tagħha kien irrileva u lanqas, fuq kollox, li tirrimedja għalihom billi tiftiehem, mal-ġerarkija tagħha, dwar kif setgħet tagħmel dan”. Bl-istess mod, il-konsulent awditur qajjem speċifikament “in-nuqqas ta’ djalogu bejn [ir-rikorrenti] u l-ġerarkija tagħha qabel ma ngħatat l-aħbar li [l-ewwel] rapport tagħha dwar il-perijodu ta’ prova kien ser ikun negattiv”. Ir-rikorrenti b’hekk għandha raġun takkuża lill-Kummissjoni li estendiet il-perijodu ta’ prova tagħha mingħajr ma wissietha minn qabel.

157    It-tieni lment għandu għalhekk jintlaqa’.

158    Għal dak li jikkonċerna t-tielet ilment, li l-Kumitat tar-Rapporti, peress li ġie informat, b’mod żbaljat, li r-rikorrenti kienet aċċettat l-estensjoni tal-perijodu ta’ prova tagħha, ma kien ipproċeda la għas-smigħ tagħha, u lanqas għal dak tal-persuni li hija xtaqet li jinstemgħu, huwa paċifiku, hekk kif il-Kummissjoni ammettiet speċifikament fid-deċiżjoni tal-20 ta’ Settembru 2001 li permezz tagħha hija ċaħdet l-ilment kontra d-deċiżjoni ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ prova, li l-Kumitat tar-Rapporti “ġie informat bi żball li r-[rikorrent] kienet aċċettat l-estensjoni tal-perijodu ta’ prova f’taqsima oħra” u li “[d]an l-iżball jirriżulta mill-fatt li r-rikorrenti kienet ipproponiet l-assenjazzjoni tagħha mill-ġdid fit-Taqsima [B 4] fil-kuntest tal-estensjoni ta’ perijodu ta’ prova mħabbra, mingħajr ma setgħet tagħti l-kunsens tagħha [għall]-estensjoni stess tal-perijodu ta’ prova”. Ċertament, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal jew ta’ xi test ieħor ma impona fuq il-Kumitat tar-Rapporti li jipproċedi bis-smigħ. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li informazzjoni żbaljata bħal din kienet ir-raġuni għad-deċiżjoni tal-Kumitat tar-Rapporti li ma jsirx is-smigħ la tal-persuna kkonċernata u lanqas tal-persuni li din riedet li jinstemgħu.

159    B’hekk minn dan isegwi li t-tielet ilment għandu jintlaqa’ wkoll.

160    Ir-rikorrenti hija b’hekk ġustifikata ssostni li l-Kummissjoni wettqet ċerti żbalji fil-kuntest tal-estensjoni tal-perijodu ta’ prova tagħha. Madankollu, żbalji bħal dawn fihom infushom ma humiex tant gravi li għandhom jiġu kkunsidrati, skont l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jbaxxu l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika tal-persuna kkonċernata.

b)     Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-fatt li l-Kummissjoni iżolat lir-rikorrenti

161    Għandu jiġi mfakkar li l-persuna kkonċernata, bejn Jannar 2003 u l-irtirar tagħha fil-31 ta’ Awwissu 2005, okkupat tliet uffiċċji wieħed wara l-ieħor, l-ewwel wieħed kien jinsab fit-tieni sular tal-Bini Montoyer 34 (bejn Jannar u Ġunju 2003), it-tieni wieħed f’mezzanin bejn il-pjan terran u l-ewwel sular tal-Bini Science 11 (bejn Ġunju 2003 u s-sajf tal-2004), it-tielet wieħed fit-tmien sular tal-Bini Science 11 (mis-sajf tal-2004).

162    Issa, fir-rigward tal-ewwel uffiċċju, jirriżulta mill-atti li kien ’il bogħod minn dak tal-Kap tat-Taqsima D 2 u li barra minn hekk kien jinsab f’sular fejn, minħabba xogħlijiet ta’ ristruturazzjoni, il-persuna kkonċernata kienet l-unika persuna li kienet qed taħdem hemmhekk.

163    Fir-rigwarrd tat-tieni uffiċċju, li jinsab fil-mezzanin tal-Bini Science 11, il-konsulent awditur, wara li kkonstata l-“iżolament tagħha mhux biss mill-kumplament tat-Taqsima [tar-rikorrenti], iżda wkoll mill-kollegi l-oħra ta’ taqsimiet oħra jew ta’ direttorati oħra”, enfasizza li “[i]l-pożizzjoni, atipika u mbiegħda [ta’ dan l-uffiċċju] x’aktarx kienet ostaklu għall-integrazzjoni tajba tal-okkupanta tiegħu fi ħdan id-dipartiment tagħha”, u żied ukoll li “l-fatt li kienet tqiegħdet għal perijodu twil f’dan l-uffiċċju [seta’] jaffettwa ħażin il-moral [tar-rikorrenti]”.

164    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-uffiċċji li ngħataw lilha kienu nieqsa minn kwalunkwe tagħmir adegwat, jew li s-superjuri ġerarkiċi tagħha kienu rrifjutaw li jkellmuha, il-Kummissjoni għandha tiġi meqjusa bħala li wettqet nuqqas meta tat lir-rikorrenti uffiċċji iżolati sas-sajf tal-2004.

165    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-konsulent awditur, filwaqt li kkritikah, ta spjegazzjoni għal dan l-iżolament. Fil-fatt huwa rrileva li, wara nħolqu, fi ħdan il-Kummissjoni, numru ta’ uffiċċji u wara ċ-ċaqliq tal-ħaddiema li seħħ bħala riżultat, it-Taqsima D 2 kienet hija stess tinsab maqsuma fuq erba’ sulari tal-Bini Science 11 (is-7, it-8, id-9 u l-10 sular), li jippermetti li wieħed jifhem, mill-perspettiva tagħha, “ir-raġunijiet għafejn [ir-rikorrenti] kellha tbiddel l-uffiċċju diversi drabi”.

166    Barra minn hekk, għandu jingħad li ċerti passi ttieħdu mill-ġerarkija tar-rikorrenti sabiex tinstab, għal dak li jirrigwarda l-uffiċċju li hija kellha tokkupa, soluzzjoni iktar sodisfaċenti.

167    B’hekk, fit-3 ta’ Lulju 2003, l-assistent kap tat-Taqsima D 2 bagħat lir-rikorrenti posta elettronika li fiha huwa pproponielha, sakemm it-Taqsima D 2 kollha setgħet tinġabar fid-9 u l-10 sular tal-Bini Science 11, li tibdel l-uffiċċju tagħha għal wieħed fis-7 sular ta’ dan il-bini, okkupat minn wieħed mill-kollegi tagħha. Madankollu, skont il-kliem ta’ din il-posta elettronika, dan il-kambjament kellu jkun biss “temporanju”, li jispega li r-rikorrenti, pemezz ta’ posta elettronika tas-7 ta’ Lulju 2003, kienet wieġbet għal din il-proposta billi indikat li hija ma kinitx ċerta x’taqbad tagħmel u li kienet tippreferi tistenna li tiġi lura mil-leave annwali tagħha sabiex tara jekk tinstabx “soluzzjoni permanenti” “fix-xahar ta’ Awwissu”.

168    Bl-istess mod, fil-11 ta’ Settembru 2003, l-assistent kap tat-Taqsima D 2 bagħat lill-persuna li tieħu ħsieb il-beni li jiddaħħlu fl-inventarju posta elettronika sabiex ifakkru dwar il-ħtieġa li tiġi solvuta l-kwisjtoni tal-uffiċċju tar-rikorrenti. Wara li fakkru li huma kienu diġà ddiskutew flimkien din il-kwistjoni qabel il-vakanzi tas-sajf tal-2003, huwa talbu sabiex “ipoġġi għad-dispożizzjoni tat-Taqsima [D 2] uffiċċju adattat għar-rikorrenti u viċin kemm jista’ jkun tas-sulari 9 u 10 tal-Bini Science 11”. Huwa qal ukoll li “[l]-kwistjoni [kienet] urġenti, peress li l-inadegwatezza tal-uffiċċju attwali [tar-rikorrenti] fil-pjan terran [tal-Bini Science 11 kienet] tidher li [kienet] qed taffettwa b’mod serju r-rendiment tal-persuna [kkonċernata] u [kienet] teħtieġ soluzzjoni immedjata”.

169    B’hekk, u minkejja li l-passi msemmija iktar ’il fuq baqgħu ma ttiħdux, l-għoti ta’ uffiċċji iżolati lir-rikorrenti, għalkemm kritikabbli, ma jistax jitqies bħala li wassal sabiex ibaxxi l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika tal-persuna kkonċernata.

c)     Għal dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, il-fatt li l-ebda kompitu ma kien ġie assenjat lir-rikorrenti bejn Jannar u Ġunju 2003

170    Mill-atti jirriżulta li r-rikorrenti, minn meta ġiet assenjata fi ħdan it-Taqsima D 2 fl-1 ta’ Jannar 2003 u matul kważi l-ewwel nofs kollu tas-sena 2003, ma ngħatat l-ebda kompitu u li kien biss fl-10 ta’ Ġunju 2003 li deskrizzjoni tal-kariga tagħha ġiet stabbilita u kkomunikata lill-persuna kkonċernata. F’dan ir-rigward, il-konsulent awditur enfasizza li “il-fatt biss li uffiċjal kellu jistenna kważi nofs sena sabiex isir jaf preċiżament dak li kienu mistenni minnu mid-dipartiment tiegħu [seta’] raġonevolment jiġi kkunsidrat minn dan l-uffiċjal bħala mġiba mhux xierqa l-aktar meta tkun teżisti diġà relazzjoni ta’ kunflitt mal-ambjent tax-xogħol tiegħu”.

171    Fl-aħħar nett, għalkemm il-Kummissjoni tosserva li ż-żmien li r-rikorrenti qattgħet fi ħdan it-Taqsima D 2 kellu inizjalment ikun qasir, peress li kien previst li hija tiġi ttrasferita, mill-ewwel xhur tas-sena 2003, għad-Direttorat “Sigurtà” tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, dan il-fatt, li baqa’ ma seħħx, bl-ebda mod ma jiġġustifika li l-ebda kompitu ma ngħata lill-persuna kkonċernata fl-ewwel xhur tas-sena 2003. Bl-istess mod, il-fatt li r-rikorrenti, tul l-ewwel nofs ta’ din is-sena, sikwit kienet assenti minħabba mard jew leave annwali, ma kienx jawtorizza lill-amministrazzjoni milli tonqos mill-obligu tagħha li tistabbixxi l-kompiti tar-rikorrenti.

172    Madankollu, fid-dawl tal-fatti tal-kawża, u b’mod partikolari tal-pjanijiet inizjali tal-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti barra mit-Taqsima D 2, għandu jiġu kkunsidrat li l-attribuzzjoni tard ta’ kompiti lir-rikorrenti ma tistax, fiha nfisha, tiġi kkunsidrata bħala li tbaxxi l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika tagħha.

d)     Għal dak li jirrigwarda, fir-raba’ lok, il-fatt li l-Kummissjoni kienet xerrdet xniegħat diffamatorji fuq il-kapaċitajiet professjonali tar-rikorrenti

173    Ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda prova insostenn tal-affermazzjoni li l-ġerarkija tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” kienet xerrdet xniegħat diffamatorji fuq il-kapaċitajiet professjonali tagħha.

174    Għaldaqstant, l-ilment magħmul f’dan ir-rigward ma jistax jintlaqa’.

e)     Għal dak li jirrigwarda, fil-ħames lok, il-fatt li l-Kummissjoni kienet irrifjutat ċerti talbiet għal leave annwali u aċċettat oħrajn tard

175    Preliminarjament, għandu jingħad li għalkemm, taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tar-Regolamenti tal-Persunal, “[l]-uffiċjali għandhom ikunu intitolati għal leave fis-sena ta’ mhux inqas minn 24 jiem utli [ta’ xogħol ] lanqas [u ta’ mhux] aktar minn 30 jiem utli [ta’ xogħol]”, ġie kkunsidrat li rifjut ta’ leave annwali sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-servizz ma jistax jiġi kkunsidrat, fih innifsu, bħala manifestazzjoni tal-fastidju psikoloġiku (sentenza Schmit vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78).

176    F’dan il-każ, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li rrifjutat li tilqa’, qabel ma, fit-3 ta’ Settembru 2004, ittieħdet id-deċiżjoni impliċita li ċaħdet it-talba għal assistenza u t-talba għad-danni, tliet talbiet għal-leave annwali, għall-perijodi bejn l-10 ta’ Mejju u t-30 ta’ Ġunju 2004, id-19 ta’ Mejju u t-8 ta’ Ġunju 2004 u l-5 ta’ Lulju u t-13 ta’ Awwissu 2004. Skont ir-rikorrenti, rifjut bħal dan jiġi spjegat mir-rieda tal-amministrazzjoni li “tiddistabbilizzaha psikoloġikament”.

177    Fir-rigward tar-rifjut tat-talba għal-leave annwali magħmula fis-7 ta’ Mejju 2004, fir-rigward tal-perijodu bejn l-10 ta’ Mejju u t-30 ta’ Ġunju 2004, jirriżulta mill-atti, b’mod partikolari mill-posta elettronika mibgħuta fis-7 u l-10 ta’ Mejju 2004 lill-persuna kkonċernata, li dan ir-rifjut kien ibbażat fuq raġuni leġittima, jiġifieri l-ħtieġa, fuq il-parir mogħti wara l-vista medika tas-7 ta’ Mejju 2004 li indika li “tibdil tal-post tax-xogħol kien rakkomandat għas-saħħa [tar-rikorrenti]”, li jiġu eżaminati magħha l-possibbiltajiet varji sabiex tiġi assenjata mill-ġdid f’Direttorat Ġenerali differenti mid-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”. Mill-bqija, ġie stabbilit li, fl-10 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti effettivament iltaqgħet mad-direttur tad-Direttorat D u li, f’din il-laqgħa, ġie deċiż li l-curriculum vitae tal-persuna kkonċernata kien ser jintbagħat lil direttorati ġenerali oħra. Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess, permezz ta’ posta elettronika tat-12 ta’ Mejju 2004, informat lill-assistenta tad-direttur tad-Direttorat D li hija fil-fatt xtaqet tieħu leave annwali għall-perijodu mid-19 ta’ Mejju sat-8 ta’ Ġunju 2004.

178    Għal dak li jirrigwarda t-talba għal-leave annwali għall-perijodu mid-19 ta’ Mejju sat-8 ta’ Ġunju 2004, għandu jingħad li r-raġuni għalfejn din it-talba ġiet miċħuda, f’dan il-każ il-ħtieġa li jsir, fil-kuntest tat-tfassil tar-RŻK Jannar-Ottubru 2003, id-djalogu formali previst mill-Artikolu 8(5) tad-DĠI, ukoll kienet leġittima, peress li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(14) tad-DĠI jipprovdu li “r-rapporti kollha annwali [għandhom] ikunu lesti l-aktar tard sa l-aħħar ta’ April”.

179    L-istess japplika a fortiori għat-talba għal-leave annwali għall-perijodu mill-5 ta’ Lulju sat-13 ta’ Awwissu 2004, li r-rifjut tagħha, spjegat permezz ta’ posta elettronika mibgħuta fid-9 ta’ Ġunju 2004 mid-direttur tad-Direttorat D lir-rikorrenti, kien iġġustifikat mill-ħtieġa, sabiex ma jkunux kompromessi l-perspettivi tal-promozzjoni tal-uffiċjali kollha tad-Direttorat D, li jiġi organizzat, minħabba t-talba għal reviżjoni magħmula mir-rikorrenti kontra r-RŻK Jannar-Ottubru 2003 tagħha, id-djalogu formali mal-validatur, skont l-Artikolu 8(10) tad-DĠI.

180    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ġustament toġġezzjona li l-Kummissjoni damet sabiex tilqa’ t-talba tagħha għal-leave annwali għall-perijodu bejn id-19 ta’ Lulju u s-27 ta’ Awwissu 2004. Fil-fatt, din it-talba, li ddaħħlet fis-“Sic Congés” fil-21 ta’ Ġunju 2004, ġiet aċċettata biss fit-2 ta’ Awwissu 2004, jiġifieri iktar minn ġimagħtejn wara d-data minn meta r-rikorrenti xtaqet tkun assenti. Minbarra dan, għanu jiġi rrilevat li din it-talba ġiet approvata, u l-jiem korrispondenti ġew imnaqqsa mit-total tal-leave annwali tal-persuna kkonċernata, minkejja li din, fil-5 ta’ Lulju 2004, kienet ippreżentat ċertifikat mediku għall-perjodu bejn is-17 ta’ Lulju u s-27 ta’ Awwissu 2004, jiġifieri kważi l-istess perijodu bħal dak kopert mit-talba għal-leave annwali, u li dan iċ-ċertifikat ma ġiex ikkontestat mill-amministrazzjoni.

181    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-leave annwali, li l-uniku aġir illeċitu li għandu jiġi attribwit lill-Kummissjoni jirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom ġiet ittratata t-talba għal-leave annwali għall-perijodu bejn id-19 ta’ Lulju u s-27 ta’ Awwissu 2004. Issa, aġir bħal dan, fih innifsu, ma jistax jiġi kkunsidrat li kellu bħala effett li jbaxxi l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika tar-rikorrenti.

f)     Għal dak li jirrigwarda, fis-sitt lok, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tikkunsdira bħala ġustifikati l-assenzi minħabba mard

182    Huwa paċifiku li l-Kummissjoni ordnat lir-rikorrenti, li kienet ippreżentat ċertifikat mediku li kien ikopri l-perijodu mis-16 ta’ April sal-11 ta’ Ġunju 2004, sabiex tagħmel eżami mediku. Issa, wara li l-eżami mediku kkonkluda, permezz tal-parir tat-tabib tas-7 ta’ Mejju 2004, li r-rikorrenti kienet kapaċi twettaq ix-xogħol tagħha, filwaqt li ppreċiża li “tibdil tal-post tax-xogħol kien rakkomandat għas-saħħa tar-rikorrenti”, mill-atti jirriżulta li din ma użatx ir-rimedju mogħti lilha mill-ħames subparagrafu tal-Artikolu 59(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li titlob li l-kwestjoni tkun riferuta lil tabib indipendenti għal opinjoni.

183    B’hekk, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li s-superjuri ġerarkiċi tagħha kienu, qabel id-deċiżjoni impliċita li ċaħdet it-talba għal assistenza u għad-danni, wettqu illegalitajiet fit-trattament tal-assenzi tagħha għal raġunijiet ta’ mard.

184    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, jirriżulta li għalkemm ċerti fatti invokati mir-rikorrenti juru nuqqasijiet, l-ebda wieħed fosthom, meħud waħdu, ma jista’ jiġi meqjus bħala li jikkostitwixxi “imġiba mhux xierqa” skont l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal.

185    Madankollu, tqum il-kwistjoni jekk dawn il-fatti f’daqqa jistgħux ikunu kkunsidrati bħala li jammontaw għal tali “imġiba mhux xierqa”.

186    Fir-rigward ta’ din id-domanda, il-konsulent awditur ta risposta negattiva, peress li kkusidra li “l-imġiba jew l-atteġġamenti inkwistjoni [ma kinux] intenzjonali min-naħa tal-awtur/i tagħhom fis-sens li kellu/hom l-intenzjoni li jbaxxi/u l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità [tar-rikorrenti]” u speċifika li ma kienx hemm “rieda individwali jew konċertata min-naħa ta’ bosta persuni li jippreġudikawha”.

187    Madankollu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jirreferi għal tali evalwazzjoni, peress li l-konsulent awditur ibbaża ruħu, sabiex jifformulaha, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, li tagħmel il-mala fede tal-persuna li allegatament tagħti fastidju kundizzjoni għall-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku.

188    Madankollu, ma hemmx raġuni għalfejn il-fatti allegati mir-rikorrenti kontra l-ġerarkija tagħha jiġu kkunsidrati bħala inklużi fost dawk previsti fl-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, anki kkunsidrati flimkien, dawn l-aġir, għalkemm kważi jammontaw għal aġir ta’ fastidju psikoloġiku u, hekk kif osserva l-konsulent awditur, kienu pperċepiti b’dan il-mod mir-rikorrenti, ma humiex ta’ gravità suffiċjenti sabiex kellhom oġġettivament bħala effett, fid-data tad-deċiżjoni impliċita taċ-ċaħda tat-talba għal assistenza u tat-talba għad-danni, li jbaxxu l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika tal-persuna kkonċernata.

189    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, jirriżulta li r-rikorrenti ma hijiex ġustifikata ssostni li hija kienet il-vittma ta’ fastidju psikoloġiku.

C –  Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita li ċaħdet it-talba għal assistenza

1.     Fuq l-ammissibbiltà

a)     L-argumenti tal-partijiet

190    Il-Kummissjoni essenzjalment issostni li n-nuqqas ta’ risposta għat-talba għal assistenza ma wasslet, fl-iskadenza ta’ terminu ta’ erba’ xhur mill-preżentazzjoni tagħha, għal ebda att li jikkawża preġudizzju lill-persuna kkonċernata. Il-Kummissjoni fil-fatt tispjega li, wara li għadda t-terminu ta’ erba’ xhur, hija ma ċaħditx, lanqas impliċitament, it-talba għal assistenza, peress li hija kellha tistenna r-riżultati tal-investigazzjoni amministrattiva sabiex tiddeċiedi fuq din it-talba. Hija żżid li kien biss fis-16 ta’ Settembru 2005 li hija finalment ċaħdet it-talba għal assistenza, wara li l-investigazzjoni amministrattiva uriet il-karattru infondat tal-allegazzjonijiet ta’ fastidju psikoloġiku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talbiet imsemmija iktar ’il fuq huma inammissibbli minħabba l-karattru prematur tagħhom.

191    Ir-rikorrenti titlob li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiġi miċħuda.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

192    L-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolament[i] tal-Persunal tista’ tibgħat talba lill-awtorità tal-ħatra biex tieħu deċiżjoni dwaru. L-awtorità għandha tavża l-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni rraġunata tagħha fi żmien erbgħa xhur mid-data ta’ meta ssir it-talba. Jekk fl-aħħar ta’ dak il-perjodu, ma tasal l-ebda tweġiba għat-talba, din titqies li tikkostitwixxi deċiżjoni taċita li ma kenitx aċċettata, li kontriha ilment jista’ jsir skond il-paragrafu [2].”

193    F’dan il-każ, hekk kif intqal diġà, ir-rikorrenti talbet l-assistenza tal-Kummissjoni permezz ta’ nota tad-29 ta’ April 2004. In-nuqqas ta’ risposta għal din in-nota, li kien fiha talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, b’hekk wassal, fl-iskadenza ta’ terminu ta’ erba’ xhur, għal deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, li tammonta għal att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti.

194    Ma jistgħux jitqajmu dubji dwar din il-konklużjoni minħabba l-argument tal-Kummissjoni li hija, fi tmiem it-terminu ta’ erba’ xhur previst fl-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ma ħaditx pożizzjoni fuq it-talba għal assistenza minħabba fastidju psikoloġiku, peress li hija kellha, qabel ma tiddeċiedi, tistenna r-riżultati tal-investigazzjoni amministrattiva.

195    Fil-fatt, anki jekk huwa d-dmir tal-amministrazzjoni li tieħu l-miżuri xierqa, meta uffiċjal li jeżiġi protezzjoni mill-istituzzjoni tiegħu jressaq prova minima tar-realtà tal-attakki li huwa jsostni li huwa s-suġġett tagħhom, b’mod partikolari li twettaq investigazzjoni sabiex jiġu stabbiliti l-fatti li wasslu għall-ilment (sentenza Lo Giudice vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 136), tali obbligu ma jistax jippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata tidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jippermettu lill-uffiċjal jagħmel talba sabiex tittieħed deċiżjoni min-naħa tal-amministrazzjoni f’terminu stabbilit (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ April 1990, Pfloeschner vs Il‑Kummissjoni, T‑135/89, Ġabra p. II‑153, punt 17, u tas-6 ta’ Novembru 1997, Ronchi vs Il‑Kummissjoni, T‑223/95, ĠabraSP p. I‑A‑321 u II‑879, punt 31).

196    Għalkemm il-Kummissjoni ma setgħetx, qabel it-tmiem tal-investigazzjoni amministrattiva, titqies li ċaħdet, b’mod definittiv, it-talba għal assistenza, jibqa’ l-fatt li, anki qabel ma tieħu pożizzjoni definittiva fuq tali talba, il-Kummissjoni kienet marbuta tadotta ċerti atti, għall-inqas bħala prekawzjoni. In-nuqqas li ttieħdu tali miżuri, minħabba s-silenzju tal-amministrazzjoni fuq l-imsemmija talba, jista’ jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti, bħal f’dan il-każ.

197    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-allegazzjoni li l-imsemmija talbiet ma humiex diretti kontra att li jikkawża preġudizzju, ma tistax tintlaqa’.

198    Madankollu, għandu jingħad li permezz ta’ nota tat-8 ta’ Settembru 2004, il-konsulent awditur magħżul mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni ġie awtorizzat minnu sabiex “jiddetermina r-realtà tal-allegazzjonijiet magħmula, fir-rigward b’mod partikolari tal-aġir tal-uffiċjal jew uffiċjali li isimhom huwa ċċitat fil-fajl u b’hekk jippermetti li tiġi evalwata r-realtà tas-sitwazzjoni u l-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu, jekk ikun hemm bżonn”. Barra minn hekk, wara li, bejn is-6 ta’ Ottubru u t-22 ta’ Diċembru 2004, żamm sensiela ta’ seduti, il-konsulent awditur ikkomunika fil-21 ta’ Marzu 2005 lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni r-rapport li ħejja wara l-investigazzjoni amministrattiva.

199    B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm, qabel ma ġie ppreżentat ir-rikors preżenti, l-amministrazzjoni ma ħaditx il-miżuri kollha ta’ assistenza li r-rikorrenti kienet talbet, hija madankollu laqgħet it-talba tagħha għall-miżura ta’ investigazzjoni amministrattiva.

200    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq, jirriżulta li r-rikorrenti għandha d-dritt tikkontesta d-deċiżjoni impliċita li ċaħdet it-talba tagħha għal assistenza, bl-eċċezzjoni tat-talba sabiex tinbeda investigazzjoni. Fuq dan l-aħħar punt biss, it-talbiet tar-rikorrenti huma inammissibbli, fin-nuqqas ta’ att li jikkawża preġudizzju fi żmien il-preżentata tar-rikors.

2.     Fuq il-mertu

a)     L-argumenti tal-partijiet

201    Ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tieni wieħed, fuq l-injorar tad-dmir ta’ premura. Dawn il-motivi, li essenzjalment huma bbażati fuq l-istess argumentazzjoni, għandhom jiġu eżaminati flimkien.

202    Ir-rikorrenti ssostni,li l-Kummissjoni ma rrispondietx għat-talba tagħha għal assistenza bil-ħeffa u l-premura meħtieġa miċ-ċirkustanzi u b’mod partikolari ma pproċedietx għall-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha f’Direttorat Ġenreali differenti mid-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, minkejja li, mit-18 ta’ Mejju 2004, il-psikjatra, li s-servizz mediku kien għażel sabiex jagħmel evalwazzjoni psikjatrika tagħha, kien enfasizza li “peress li [l]-problema kienet ta’ natura soċjali (kunflitt fi ħdan l-[i]stituzzjoni tagħha), is-soluzzjoni għalhekk kellha tinsab fuq il-livell soċjali (tiġi assenjata mill-ġdid lil [d]irettorat ġenerali ieħor)”.

203    Fid-difiża tagħha, il-Kummissjoni ssostni li ma tistax tiġi kkritikata talli ma assenjatx mill-ġdid lir-rikorrenti f’Direttorat Ġenerali differenti mid-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, peress li l-persuna kkonċernata ma kienet il-vittma ta’ ebda fastidju psikoloġiku.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

204    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, “[i]l-Komunitajiet għandhom jassistu kull uffiċjal, partikolarment fi proċeduri kontra kull persuna li tagħmel theddid, atti jew kliem ta’ insult jew defamatorji, jew kull attakk fuq persuna jew proprjeta’ li għalihom huwa jew membru mill-familja tiegħu huwa suġġett minħabba l-posizzjoni jew id-dmirijiet tiegħu”.

205    Għandu jiġi mfakkar li, skont l-obbligu ta’ assistenza, l-amministrazzjoni għandha, meta jiġri inċident inkompatibbli mal-ordni u s-serenità tas-servizz, tintervjeni bl-enerġija kollha meħtieġa u twieġeb bil-ħeffa u l-premura meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex jiġu stabbiliti l-fatti u sabiex, b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, jinsiltu l-konklużjonijiet xierqa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il‑Kummissjoni, 224/87, Ġabra p. 99, punti 15 u 16; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ April 1993, Tallarico vs Il‑Parlament, T‑5/92, Ġabra p. II‑477, punt 31, u tal-5 ta’ Diċembru 2000, Campogrande vs Il‑Kummissjoni, T‑136/98, ĠabraSP p. I‑A‑267 u II‑1225, punt 42).

206    F’dan il-każ, peress li r-realtà tal-fastidju psikoloġiku ma ġietx stabbilita mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikorrenti ma tistax takkuża lill-Kummissjoni li ma ħaditx il-miżuri kollha intiżi sabiex jipproteġuha kontra tali fastidju.

207    Madankollu, għandu jiġi mfakkar li l-Komunikazzjoni tal-2003 fuq il-fastidju psikoloġiku tipprovdi li “fuq l-inqas suspett ta’ fastidju psikoloġiku, jistgħu jiġu kkunsidrati miżuri ta’ tbegħid” u li dawn il-miżuri “li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet ta’ kull sitwazzjoni partikolari” u li “jistgħu jkunu immedjati u, jekk meħtieġ, jittieħdu għal perijodu iffissat minn qabel”, għandhom bħala għan “li jagħtu l-possibbiltà lill-allegata vittma li terġa’ tiġi f’tagħha billi tingħata ftit mistrieħ”.

208    F’dan il-każ, għandu jingħad li, fin-nota tagħha tad-29 ta’ April 2004, ir-rikorrenti l-ewwel nett akkużat lill-Kap tat-Taqsima B 2, taqsima li lilha hija ġiet assenjata meta ġiet impjegat mill-Kummissjoni bħala uffiċjal taħt prova, li kkomunika lid-direttur tad-Direttorat B, responsabbli għat-tfassil tal-ewwel rapport dwar il-perijodu ta’ prova, informazzjoni inġustament negattiva fuq il-kapaċitajiet professjonali tagħha, bl-uniku skop li tiġi attribwita lilha r-responsabbiltà għal żbalji mwettqa minnu stess. Fl-istess nota, ir-rikorrenti lmentat li l-ġerarkija tagħha, b’mod partikolari minn meta ġiet assenjata, fl-1 ta’ Jannar 2003, lit-Taqsima 01, iżolatha professjonalment billi tpoġġiet f’uffiċċju ’l bogħod mill-kumplament tat-taqsima u mhux attrezzat b’mod adegwat, ma tathiex kompiti skont il-kwalifiki tagħha, ostakolat it-trasferiment tagħha f’direttorat ġenerali differenti mid-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” u, għal dan il-għan, tat lil direttorati ġenerali oħra informazzjoni sfavorevoli fuq il-kompetenzi tagħha. Dejjem f’din l-ittra, ir-rikorrenti semmiet il-fatt li hija kienet ingħatat lista tal-membri tat-taqsima u isimha ma kienx jidher iktar fiha. Fl-aħħar nett, għandu jingħad li fost id-diversi dokumenti li r-rikorrenti annettiet mat-talba tagħha għal assistenza kien hemm lista ta’ persuni li jistgħu, skont il-persuna kkonċernata, jikkonfermaw l-eżistenza tal-allegat fastidju psikoloġiku.

209    B’hekk, l-importanza u l-gravità tal-fatti allegati mir-rikorrenti fit-talba tagħha għal assistenza juru, jekk mhux l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku, għall-inqas “suspett ta’ fastidju psikoloġiku” fis-sens tal-Komunikazzjoni tal-2003 fuq il-fastidju psikoloġiku u dan kien jeżiġi mill-Kummissjoni li tieħu, saħansitra qabel ma tibda investigazzjoni u tivverifika r-realtà tal-ilmenti tal-persuna kkonċernata, “miżuri ta’ tbegħid”.

210    Issa, huwa paċifiku li, fid-data meta daħlet fis-seħħ id-deċiżjoni impliċita li ċaħdet it-talba għal assistenza, l-ebda miżura provviżorja ta’ dan it-tip ma kienet ġiet adottata mill-Kummissjoni u li ma kienet ittieħdet fil-konfront tar-rikorrenti ebda deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid f’direttorat ġenerali differenti mid-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” jew anki f’taqsima differenti mit-Taqsima D 2, li lilha kienet ġiet assenjata.

211    Ċertament, jirriżulta mill-atti li ċerti sforzi saru, mill-ħarifa tal-2003, mid-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” sabiex ir-rikorrenti ssib xogħol barra mill-imsemmi direttorat ġenerali, u li, b’mod partikolari, id-direttur tad-Direttorat D, fit-13 ta’ Mejju 2004, ikkomunika l-curriculum vitae tal-persuna kkonċernata lil ħames direttorati ġenerali oħra, fejn indika li d-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” kien esprima l-kunsens tiegħu sabiex ir-rikorrenti tkun tista’ tiġi assenjata mill-ġdid u żżomm il-pożizzjoni tagħha. Madankollu, dawn it-tentattivi differenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala suffiċjenti, peress li l-Kummissjoni mhux biss għandha tassisti lir-rikorrenti sabiex issib xogħol, iżda għandha tassenjaha f’Direttorat Ġenerali differenti mid-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”.

212    Mill-bqija, għandu jingħad li, permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ġunju 2004, id-Direttur tal-IDOC indika lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni li kien jidhirlu li l-fatti allegati mir-rikorrenti fit-talba tagħha għal assistenza kienu suffiċjentement serji sabiex jiġi ġustifikat il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva, “jew sabiex tintwera l-eżistenza tar-responsabbiltajiet individwali, jew sabiex tiġi msaffa r-reputazzjoni tal-uffiċjali akkużati inġustament”.

213    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti għandha raġun issostni li l-Kummissjoni ma rrispondietx bid-diliġenza kollha meħtieġa għat-talba tagħha għal assistenza billi ma applikatx, qabel ma tiftaħ l-investigazzjoni amministrattiva, miżura ta’ tbegħid.

214    B’hekk, jirriżulta li d-deċiżjoni impliċita li ċaħdet it-talba għal assistenza għandha tiġi annullata, peress li din id-deċiżjoni rrifjutat li tieħu miżura provviżorja ta’ tbegħid.

D –  Fuq it-talbiet għall-annullament tar-RŻK 2003

1.     L-argumenti tal-partijiet

215    Il-Kummissjoni titlob li t-talbiet imsemmija iktar ’il fuq jiġu ddikjarati inammissibbli, għar-raġuni li l-ilment kontra r-RŻK 2003 ġie ppreżentat tard. Hija tenfasizza li r-rikorrenti, li kienet taf, permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Settembru 2004, dwar l-għeluq definittiv tar-RŻK 2003 tagħha, ressqet l-ilment tagħha quddiem it-Taqsima “Appelli” tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” biss fil-5 ta’ Jannar 2005, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur previst mill-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-Kummissjoni żżid li l-persuna kkonċernata, fid-dawl tas-“sitwazzjoni partikolari” tagħha, setgħet, kull meta għaddiet sal-post tax-xogħol tagħha, informat ruħha mad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” fuq il-progress preċiż tar-RŻK 2003 tagħha, jew għall-inqas, tikkonsulta l-fajl tagħha li jinsab fis-sistema informatika “SysPer 2” (iktar ’il quddiem “SysPer 2”). Peress li r-RŻK 2003 tagħha ngħalqu fit-13 u fl-14 ta’ Lulju 2004, il-persuna kkonċernata b’hekk kienet f’pożizzjoni li ssir taf bihom immedjatament wara jew, fi kwalunkwe każ, l-iktar tard meta hija rċeviet l-ittra tal-21 ta’ Settembru 2004 li informatha dwar l-għeluq amministrattiv tagħhom.

216    Sussidjarjament, f’każ li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra ammissibbli t-talbiet imsemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tfakkar li r-rikorrenti kienet, wara l-preżentata tar-rikors preżenti, irtirat minħabba invalidità u li hija b’hekk ma kellhiex iktar interess sabiex titlob l-annullament tar-RŻK 2003 tagħha.

217    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti titlob li t-talbiet tagħha għall-annullament tar-RŻK 2003 tagħha jiġu ddikjarati ammissibbli.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

218    Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talbiet imsemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li kull persuna li japplikaw għaliha r-Regolamenti tal-Persunal tista’ tibgħat ilment lill-Awtorità tal-Ħatra kontra att li jaffettwaha ħażin, u li tali lment għandu jitressaq f’terminu ta’ tliet xhur. Dan it-terminu jibda jiddekorri mill-jum tan-notifika tad-deċiżjoni lid-destinatarju u, fi kwalunkwe każ, l-iktar tard mill-jum meta l-persuna kkonċernata saret taf biha, fil-każ ta’ miżura ta’ karattru individwali.

219    Barra minn hekk, sabiex deċiżjoni tkun debitament notifikata skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, jeħtieġ mhux biss li tkun ġiet ikkomunikata lid-destinatarju tagħha, iżda wkoll li dan kien f’pożizzjoni li effettivament isir jaf bil-kontenut tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 1976, Jänsch vs Il‑Kummissjoni, 5/76, Ġabra p. 1027, punt 10; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Ottubru 2006, Buendía Sierra vs Il‑Kummissjoni, T‑311/04, Ġabra p. II‑4137, punt 121).

220    Fl-aħħar nett, hija l-amministrazzjoni li tallega t-tardività ta’ lment li għandha tressaq il-prova tad-data li fiha d-deċiżjoni ġiet notifikata, jiġifieri li fiha ġie mgħarraf biha d-destinatarju (ara, b’analoġija, s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Ġunju 1994, X vs Il‑Kummissjoni, T‑94/92, ĠabraSP p. I‑A‑149 u II‑481, punt 22).

221    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li t-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal beda jiddekorri fil-21 ta’ Settembru 2004, id-data li tidher fl-ittra li permezz tagħha l-Kap tat-Taqsima “Riżorsi umani – ADMIN, riformi interni” informa lir-rikorrenti li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2004, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” kien iddeċieda, fid-dawl tal-marka globali ta’ 8/20 li kien ġie attribwit lilha fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni għas-sena 2003, li ma tingħata l-ebda punt ta’ prijorità. Madankollu, minbarra l-fatt li l-ebda dokument fl-atti ma jippermetti li ssir magħrufa d-data li fiha din l-ittra ġiet notifikata, għandu jiġi enfasizzat li din, peress li r-RŻK 2003 ma ġewx annessi magħha, ma tistax tiġi meqjusa bħala li ppermettiet lill-persuna kkonċernata li tiġi effettivament informata dwar l-imsemmija RŻK.

222    Fir-rigward tal-argument li l-persuna kkonċernata, fid-dawl tas-“sitwazzjoni partikolari” tagħha, setgħet, kull meta għaddiet sal-post tax-xogħol tagħha, tinforma ruħha mad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” fuq il-progress preċiż tar-RŻK 2003 tagħha jew, għall-inqas, tikkonsulta l-fajl tagħha li jinsab fis-SysPer 2, dan ma jistax jintlaqa’, peress li, hekk kif intqal ’iktar il-fuq, it-terminu għat-tressiq ta’ lment kontra att li jikkawża preġudizzju jibda’ jiddekorri biss, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, mill-jum tan-notifika tal-att lid-destinatarju jew fi kwalunkwe każ l-iktar tard mill-jum meta l-persuna kkonċernata ssir taf bih.

223    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-Kummissjoni ma ressqitx il-prova tad-data li fiha r-RŻK 2003 ġew innotifikati lir-rikorrenti jew mgħarrfa lilha, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq it-tardività tat-talbiet imsemmija iktar ’il fuq.

224    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq, jirriżulta li t-talbiet għall-annullament tar-RŻK 2003 kienu, fid-data tal-preżentata tar-rikors preżenti, ammissibbli.

225    Madankollu, din il-kunsiderazzjoni ma tistax twaqqaf lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku milli jeżamina jekk ir-rikorrenti, wara l-introduzzjoni tar-rikors preżenti, għadx kellha interess personali fl-annullament tar-RŻK 2003 tagħha (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ April 2001, Torre et vs Il‑Kummissjoni, T‑159/98, ĠabraSP p. I‑A‑83 u II‑395, punt 30, u tal-31 ta’ Mejju 2005, Dionyssopoulou vs Il‑Kunsill, T‑105/03, ĠabraSP p. I‑A‑137 u II‑621, punt 18, u l-ġurisprudenza ċċitata).

226    F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, bħala dokument intern, ir-rapport ta’ evalwazzjoni, imsejjaħ RŻK fis-sistema ta’ evalwazzjoni fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni, għandu bħala funzjoni ewlenija li jagħti lill-amministrazzjoni informazzjoni perjodika fuq it-twettiq tal-kompiti tal-uffiċjali tagħha minnhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1980, Grassi vs Il‑Kunsill, 6/79 u 97/79, Ġabra p. 2141, punt 20; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Mejju 1997, Burban vs Il‑Parlament, T‑59/96, ĠabraSP p. I‑A‑109 u II‑331, punt 73).

227    Fir-rigward tal-uffiċjal, ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu rwol importanti fl-iżvolġiment tal-karriera tiegħu, essenzjalment fil-qasam tat-trasferiment u tal-promozzjoni. B’hekk, bħala prinċipju jaffettwa l-interess tal-persuna evalwata biss sat-tmiem definittiv tal-funzjonijiet tagħha. Wara dan it-tmiem, l-uffiċjal b’hekk ma jibqax ikollu interess ikompli jiddefendi rikors ippreżentat kontra rapport ta’ evalwazzjoni, ħlief sabiex jistabbilixxi biss l-eżistenza ta’ ċirkustanza partikolari li turi interess personali u attwali sabiex jinkiseb l-annullament tal-imsemmi rapport (sentenza Dionyssopoulou vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

228    F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrenti rtirat u ngħatat il-benefiċċju tal-invalidità permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-23 ta’ Awwissu 2005 b’effett mill-31 ta’ Awwissu 2005. Barra minn hekk, il-kummissjoni ta’ invalidità kkunsidrat, “fid-dawl tan-natura fissa tal-patoloġija li kkawżat l-invalidità, li l-ebda eżami mediku ta’ reviżjoni ma kien neċessarju”. B’hekk, tibdil fir-RŻK 2003 ma jista’ jkollu ebda effett fuq il-karriera tar-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx u lanqas ma invokat l-eżistenza ta’ ċirkustanza partikolari li turi li għad hemm interess personali u attwali sabiex jintalab l-annullament.

229    Ma jistgħux jitqajmu dubji dwar din il-konklużjoni minħabba s-soluzzjoni mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza tal-25 ta’ Settembru 2008, Strack vs Il‑Kummissjoni (F‑44/05, Ġabra p. I‑0000). Fil-fatt, għalkemm, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, ġie deċiż li minkejja d-deċiżjoni li l-uffiċjal jirtira minħabba invalidità, huwa kellu interess jitlob l-annullament tad-deċiżjoni li ċaħdet il-kandidatura tiegħu għal impjieg, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, ma kienx ġie kkonstatat, kuntrarjament għall-kawża preżenti, li l-patoloġija li wasslet għall-invalidità ta’ dan l-uffiċjal kienet ta’ natura fissa u li l-ebda eżami mediku ta’ reviżjoni ma kien neċessarju.

230    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni fuq it-talba għall-annullament tar-RŻK 2003.

E –  Fuq it-talbiet għad-danni

231    It-talbiet għad-danni mqajma mir-rikorrenti essenzjalment jinqasmu fi tliet partijiet. Il-persuna kkonċernata fil-fatt titlob il-kumpens tad-danni li jirriżultaw, l-ewwel nett, mill-fastidju psikoloġiku li hija kienet il-vittma tiegħu, it-tieni nett, mid-deċiżjoni impliċita li ċaħdet it-talba għal assistenza, it-tielet nett, mill-illegalità tar-RŻK 2003 u l-kundizzjonijiet li taħthom hija ġiet informata bihom.

1.     Fuq it-talbiet għall-kumpens tad-dannu li jirriżulta mill-allegat fastidju psikoloġiku

a)     L-argumenti tal-partijiet

232    Ir-rikorrenti ssostni li l-fastidju psikoloġiku li hija kienet il-vittma tiegħu kien affettwa b’mod gravi l-istat tas-saħħa tagħha, hekk kif juru ċ-ċertifikati mediċi tat-tabib tagħha, il-pariri mediċi tas-servizz mediku u l-pariri tat-tabib indipendenti magħżul fil-kuntest tal-proċedura ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Minn dan kien jirriżulta dannu morali kbir, ikkostitwit mill-fatt li ma setgħetx teżerċita l-funzjonijiet tagħha fi ħdan it-taqsima tagħha b’mod normali, kif ukoll dannu materjali fil-forma ta’ telf ta’ opportunità fl-iżvilupp tal-karriera tagħha u d-dritt leġittimu tagħha għall-promozzjoni.

233    Fid-difiża tagħha, il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda tat-talbiet għad-danni msemmija iktar ’il fuq, billi tispjega li r-rikorrenti ma kienet is-suġġett ta’ ebda fastidju psikoloġiku.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

234    Minn ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tas-servizz pubbliku jirriżulta li l-eżistenza tar-responsabbiltà tal-Komunità hija suġġetta għall-fatt li jkunu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat kontra l-istituzzjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1987, Delauche vs Il‑Kummissjoni, 111/86, Ġabra p. 5345, punt 30; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Settembru 1998, Rasmussen vs Il‑Kummissjoni, T‑234/97, ĠabraSP p. I‑A‑507 u II‑1533, punt 71, u tas-6 ta’ Lulju 2004, Huygens vs Il‑Kummissjoni, T‑281/01, ĠabraSP p. I‑A‑203 u II‑903, punt 51).

235    B’hekk, għandu jiġi eżaminat jekk aġir illegali jistax jiġi attribwit lill-Kummissjoni, imbagħad, jekk iva, għandha tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu eventwali li jkollu rabta kawżali mal-aġir illegali.

 Fuq l-eżistenza ta’ aġir illegali

236    Għalkemm, hekk kif intqal iktar ’il fuq, ir-rikorrenti mhux fondata li ssostni li hija kienet il-vittma ta’ fastidju psikoloġiku, jibqa’ l-fatt li, hekk kif sostna l-konsulent awditur, ċerti fatti invokati mill-persuna kkonċernata insostenn tat-talba tagħha għad-danni huma, meħuda flimkien, ta’ tali natura li jiżvelaw injorar mill-Kummissjoni tad-dmir tagħha ta’ premura. B’mod partikolari, dan japplika għall-kundizzjonijiet tal-estensjoni tal-perijodu ta’ prova tar-rikorrenti (punti 155 sa 160 tas-sentenza preżenti), għall-għoti lill-persuna kkonċernata ta’ uffiċċji iżolati (punti 161 sa 169 tas-sentenza preżenti), għan-nuqqas ta’ attribuzzjoni ta’ kompiti bejn Jannar u Ġunju 2003 (punti 170 sa 172), jew anki għall-kundizzjonijiet li fihom ġiet ittratta t-talba għal leave annwali għall-perijodu mid-19 ta’ Lulju sas-27 ta’ Awwissu 2004 (punti 180 u 181 tas-sentenza preżenti).

237    B’hekk jirriżulta li l-ewwel kundizzjoni meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Kummissjoni, f’dan il-każ l-eżistenza ta’ aġir illegali, hija sodisfatta.

 Fuq l-eżistenza ta’ dannu f’rabta ma’ aġir illegali

238    Għal dak li jirrigwarda d-dannu materjali allegat, il-persuna kkonċernata ssostni li hija sofriet telf fir-rimunerazzjoni minħabba l-irtirar tagħha għal raġunijiet ta’ invalidità. B’hekk, il-persuna kkonċernata għandha tiġi meqjusa, billi tqajjem tali pretensjoni, bħala li qed issostni li l-irtirar tagħha għal raġunijiet ta’ invalidità kien il-konsegwenza ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol minħabba l-iżbalji mwettqa mill-amministrazzjoni tagħha.

239    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, hekk kif ġie deċiż (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-2 ta’ Mejju 2007, Giraudy vs Il‑Kummissjoni, F‑23/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 193), li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mhux kompetenti sabiex jiddeċiedi fuq ir-rabta kawżali eżistenti bejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ uffiċjal u l-mard li huwa jinvoka. Fil-fatt, l-Artikolu 18 tar-regoli komuni dwar l-assigurazzjoni tar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“regoli ta’ assigurazzjoni”) jipprovdi li d-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent tal-oriġini professjonali ta’ marda tittieħed mill-Awtorità tal-Ħatra, fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tat-tabib jew tobba magħżula mill-istituzzjoni u, jekk l-uffiċjal jitlob dan, wara konsultazzjoni mal-kumitat mediku previst fl-Artikolu 22 tar-regoli ta’ assigurazzjoni. L-Artikolu 11(2) tar-regoli ta’ assigurazzjoni jipprovdi li, f’każ ta’ invalidità permanenti totali tal-uffiċjal li tirriżulta minn inċident jew minn mard ikkaġunat mix-xogħol, il-kapital previst fl-Artikolu 73(2)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal jitħallas lilu, jiġifieri kapital ekwivalenti għal tmien darbiet is-salarju bażiku annwali tal-uffiċjal, ikkalkulat fuq il-bażi tas-salarji mensili allokati għat-tnax-il xahar qabel l-inċident.

240    Is-sistema stabbilta skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal b’hekk tipprovdi għal kumpens b’rata fissa f’każ ta’ inċident jew ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, mingħajr ma jkun meħtieġ għall-persuna kkonċernata li tressaq il-prova ta’ kwalunkwe nuqqas min-naħa tal-istituzzjoni. Il-ġurisprudenza tippreċiża li huwa biss fiċ-ċirkustanzi fejn is-sistema tar-Regolamenti tal-Persunal ma tippermettix kumpens xieraq tad-dannu subit li l-uffiċjal ikollu dritt jitlob kumpens supplimentari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni, 169/83 u 136/84, Ġabra p. 2801, punt 13, u tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, C‑257/98 P, Ġabra p. I‑5251, punt 22; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, T‑165/95, ĠabraSP p. I‑A‑203 u II‑627, punt 74, u tal-15 ta’ Diċembru 1999, Latino vs Il‑Kummissjoni, T‑300/97, ĠabraSP p. I‑A‑259 u II‑1263, punt 95).

241    F’dan il-każ, mill-atti jirriżulta li r-rikorrenti, permezz ta’ nota ppreżentata fis-17 ta’ Ottubru 2005, talbet lill-Kummissjoni tirrikonoxxi, bħala mard ikkaġunat mix-xogħol, skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, is-“sindromu ta’ ansjetà-depressjoni” li hija tallega li kienet tbati minnu. Issa, il-proċedura tar-rikonoxximent tal-oriġini professjonali tal-patoloġiji li tbati minnhom il-persuna kkonċernata għandha għaddejja. B’hekk jirriżulta li t-talba għad-danni msemmija iktar ’il fuq hija prematura u, f’dan l-istadju, ma tistax tintlaqa’.

242    Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda d-dannu morali li r-rikorrenti kienet vittma tiegħu, in-nuqqasijiet tal-Kummissjoni mid-dmir tagħha ta’ premura ikkontribwixxew sabiex jiżolaw lir-rikorrenti fi ħdan it-taqsima tagħha u kkawżawla dannu li għalih jingħata kumpens ġust billi tingħata s-somma ta’ EUR 500.

2.     Fuq it-talbiet għall-kumpens tad-dannu li jirriżulta mill-illegalità tad-deċiżjoni impliċita li ċaħdet it-talba għal assistenza

a)     Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

243    Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talbiet għall-kumpens tad-dannu li jirriżulta mid-deċiżjoni impliċita li ċaħdet it-talba għal assistenza. Hija ssostni li, peress li t-talbiet għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni huma inammissibbli minħabba n-natura prematura tagħhom, it-talbiet għall-kumpens tad-dannu kkawżat minn din id-deċiżjoni għandhom, konsegwentement, jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

244    Ir-rikorrenti titlob li t-talbiet għad-danni msemmija iktar ’il fuq jiġu ddikjarati ammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

245    Fis-sistema tar-rimedji introdotta mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, rikors għad-danni, li jikkostitwixxi rimedju legali awtonomu fil-konfront tar-rikors għal annullament, huwa ammissibbli biss jekk qablu tkun saret proċedura prekontenzjuża skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal. Din il-proċedura tvarja skont jekk id-dannu li għalih jintalab kumpens jirriżultax minn att li jikkawża preġudizzju, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, jew minn aġir tal-amministrazzjoni li ma jkunx ta’ natura deċiżjonali. Fl-ewwel każ, hija l-persuna kkonċernata li għandha, fit-terminu impost, tressaq quddiem l-amministrazzjoni lment kontra l-att inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, fit-tieni każ, il-proċedura amministrattiva għandha tibda permezz ta’ talba, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, bil-għan li jinkiseb kumpens għad-danni u mbagħad, jekk ikun il-każ, permezz ta’ lment kontra d-deċiżjoni li tkun ċaħdet it-talba (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Ġunju 1996, Y vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑500/93, ĠabraSP p. I‑A‑335 u II‑977, punt 64).

246    Meta teżisti rabta diretta bejn rikors għal annullament u azzjoni għad-danni, din tal-aħħar hija ammissibbli bħala aċċcessorju tar-rikors għal annullament, mingħajr ma għandha neċessarjament tkun preċeduta minn talba li tistieden lill-Awtorità tal-Ħatra tagħmel tajjeb għad-dannu allegatament subit u minn ilment li jikkontesta l-fondatezza taċ-ċaħda impliċita jew espliċita tat-talba (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Lulju 1993, Camara Alloisio et vs Il‑Kummissjoni, T‑17/90, T‑28/91 u T‑17/92, Ġabra p. II‑841, punt 46, u Y vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66).

247    F’dan il-każ, għandu jingħad li t-talbiet għall-kumpens tad-danni kkawżati mid-deċiżjoni impliċita li ċaħdet it-talba għal assistenza għandhom rabta diretta mat-talbiet għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Issa, dawn it-talbiet ġew ikkunsidrati ammissibbli, ħlief sa fejn dawn ikopru r-rifjut li ssir investigazzjoni amministrattiva. B’dan il-mod, it-talbiet għad-danni msemmija iktar ’il fuq huma wkoll ammissibbli.

b)     Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

248    Ir-rikorrenti ssostni li minħabba l-illegalità tad-deċiżjoni impliċita li ċaħdet it-talba għal assistenza, hija subiet danni materjali u morali. Fir-rigward, b’mod partikolari tad-dannu materjali, hija ssostni li n-nuqqas tal-Kummissjoni milli tieħu l-miżuri kollha ta’ assistenza, flimkien mal-fastidju psikoloġiku li hija kienet il-vittma tiegħu, kien wassal għall-invalidità tagħha, b’tali mod li d-dannu tagħha jammonta għas-somma totali ta’ EUR 781 906.43, li jikkorrispondi għad-differenza bejn, minn naħa, ir-rimunerazzjoni u l-pensjoni li hija kienet tibbenefika minnhom kieku hija ma kinitx irtirat minħabba invalidità, u min-naħa l-oħra, il-benefiċċju tal-invalidità li hija tirċievi u l-pensjoni li ser titħallas lilha fil-futur.

249    Fid-difiża tagħha, il-Kummissjoni tirrispondi li, peress li r-rikorrenti ma ressqitx prova tal-illegalità tal-aġir allegat kontriha, it-talba għad-danni għandha tiġi ddikjarata mhux fondata. Sussidjarjament, il-persuna kkonċernata baqgħet ma ressqitx prova konkreta li turi l-eżistenza u a fortiori l-portata ta’ dannu veru, kif ukoll rabta kawżali bejn l-allegat dannu u l-aġir allegat kontra l-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu jikkunsidra fondati t-talbiet għall-annullament magħmula mir-rikorrenti, dawn l-annullamenti jkunu huma stess tali li jikkumpensaw id-dannu morali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

250    Hekk kif intqal iktar ’il fuq, il-Kummissjoni vvizzjat b’illegalità d-deċiżjoni impliċita tagħha li ċaħdet it-talba għal assistenza billi ma ħadet, b’mod preventiv, ebda miżura ta’ tbegħid tar-rikorrenti f’Direttorat Ġenerali differenti mid-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, filwaqt li l-importanza u l-gravità tal-fatti allegati mill-persuna kkonċernata fit-talba tagħha għal assistenza żvelaw “suspett ta’ fastidju psikoloġiku” skont il-Komunikazzjoni tal-2003 fuq il-fastidju psikoloġiku.

251    Barra minn hekk, għandu jingħad li, fid-data meta daħlet fis-seħħ id-deċiżjoni impliċita li ċaħdet it-talba għal assistenza, l-investigazzjoni amministrattiva kienet għadha ma nfetħitx, peress li kien biss fit-8 ta’ Settembru 2004 li l-konsulent awditur irċieva l-awtorizzazzjoni mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni sabiex jagħmel tali investigazzjoni u li l-ewwel intervisti li huwa għamel bdew biss f’Ottubru 2004.

252    Fir-rigward tal-eżistenza ta’ dannu b’rabta mal-illegalità mwettqa mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti l-ewwel nett issostni li l-irtirar tagħha minħabba invalidità kien ikkaġunat minn mard ikkawżat mix-xogħol, li kien dovut għar-rifjut tal-amministrazzjoni li tagħtiha assistenza. Madankollu, hekk kif intqal, il-proċedura tar-rikonoxximent tal-oriġini professjonali tal-patoloġiji li batiet bihom il-persuna kkonċernata għadha fis-seħħ. B’hekk jirriżulta li t-talba għad-danni materjali li r-rikorrenti allegatament subiet hija prematura u, f’dan l-istadju, ma tistax tintlaqa’.

253    Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ dannu morali, għandu jingħad li r-rifjut mill-Kummissjoni li tieħu miżuri provviżorji, kif ukoll id-dewmien fil-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva, poġġew lir-rikorrenti fi stat ta’ inċertezza u ansjetà, peress li din setgħet tibża’ li l-Kummissjoni ma kinitx ser tieħu inkunsiderazzjoni t-talba tagħha għal assistenza u li l-aġir illeċiti li hija kienet subiet sa dak iż-żmien min-naħa tal-istituzzjoni setgħu jkomplu jseħħu. Ir-rikorrenti hija b’hekk ġustifikata li ssostni li d-deċiżjoni impliċita li ċaħdet it-talba għal assistenza kkawżatilha dannu morali kunsiderevoli li ma jistax jiġi kkumpensat mill-annullament deċiż mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

254    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun ingħata kumpens ġust għal dan id-dannu morali billi l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 15 000.

3.     Fuq it-talbiet għall-kumpens tad-dannu li jirriżulta, minn naħa, mill-allegata illegalità li tivvizzja r-RŻK 2003, min-naħa l-oħra, mill-irregolarità tal-kundizzjonijiet li taħthom ir-rikorrenti ġiet informata bihom

a)     Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

255    Il-Kummissjoni ssostni li t-talbiet għall-kundanna tal-amministrazzjoni sabiex tikkumpensa d-dannu li jirriżulta mill-illegalità tar-RŻK 2003 kienu inammissibbli minħabba l-inammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament tal-imsemmija RŻK.

256    Ir-rikorrenti titlob l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li tiġi miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

257    Għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, it-talba għall-kumpens tad-danni kkawżati mill-illegalità li vvizzjat ir-RŻK 2003, u min-naħa l-oħra, dik għal kumpens għall-kundizzjonijiet li taħthom ir-rikorrenti ġiet informata bihom.

–       Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għad-danni bbażati fuq l-allegata illegalità tar-RŻK 2003

258    It-talbiet għad-danni intiżi biex jinkiseb kumpens għad-danni li rriżultaw mill-allegata illegalità tar-RŻK 2003 għandhom rabta diretta mat-talbiet għall-annullament tagħhom. Issa, hekk kif issemma’ iktar ’il fuq, fid-data tal-preżentata tar-rikors preżenti, it-talbiet għall-annullament tar-RŻK 2003 kienu ammissibbli. B’hekk jirriżulta li t-talbiet għad-danni kienu wkoll ammissibbli meta r-rikorrenti ppreżentat ir-rikors tagħha.

259    Barra minn hekk għandu jingħad ukoll li r-rikorrenti, għalkemm minħabba l-irtirar tagħha, ma għadx għandha interess leġittimu li tikseb l-annullament tar-RŻK 2003, għad għandha interess titob li tittieħed deċiżjoni fuq il-legalità ta’dawn l-atti fil-kuntest ta’ talba għall-kumpens tad-danni professjonali u morali li hija tikkunsidra li subiet minħabba l-aġir tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 1990, Moritz vs Il‑Kummissjoni, T‑20/89, Ġabra p. II‑769, punt 18, li ma ġietx annullata fl-appell għal dak li jirrigwarda l-eżami tal-ammissibbiltà, u tat-12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il‑Kummissjoni, T‑249/04, Ġabra p. I‑0000, punt 47, li qed tiġi appellata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Kawża C‑525/07 P). L-irtirar tar-rikorrenti b’hekk ma kellux bħala effett li t-talbiet għad-danni tal-persuna kkonċernata tilfu l-għan tagħhom.

–       Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għad-danni bbażati fuq l-irregolarità tal-kundizzjonijiet li taħthom ir-rikorrenti ġiet informata bir-RŻK 2003

260    Preliminarjament għandu jiġi mfakkar li l-amministrazzjoni, meta hija tinnotifika att b’mod irregolari, twettaq nuqqas amministrattiv.

261    B’hekk jirriżulta li r-rikorrenti kienet marbuta, sabiex tikseb il-kumpens tad-danni li hija allegatament subiet minħabba l-irregolarità tan-notifika tar-RŻK 2003, tagħmel talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, segwita, f’każ ta’ ċaħda ta’ din it-talba, minn ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrenti ma ppreżentatx talba separata għal dan il-għan. Konsegwentement, it-talbiet għad-danni bbażati fuq l-allegata irregolarità tal-kundizzjonijiet tan-notifika tar-RŻK 2003 għandhom ikunu miċħuda bħala inammissibbli, peress li l-proċedura prekontenzjuża pprovduta mir-Regolamenti tal-Persunal ma ġietx irrispettata.

262    B’hekk ser tiġi eżaminata biss il-fondatezza tat-talbiet għad-danni bbażati fuq l-allegata illegalità tar-RŻK 2003.

b)     Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

263    Fost l-argumenti varji mqajma kontra r-RŻK 2003, ir-rikorrenti ssostni li dawn huma vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, billi ngħatat, kemm fir-RŻK Jannar-Ottubru 2003 kif ukoll fir-RŻK Novembru-Diċembru 2003, il-marka globali ta’ 8/20, l-evalwaturi tagħha ma kkunsidraw la l-fatt li hija ma kienet ingħatat ebda kompitu bejn Jannar u Ġunju 2003, u lanqas iċ-ċirkustanza li hija kienet il-vittma ta’ fastidju psikoloġiku li kkawża degradazzjoni tal-istat ta’ saħħa tagħha u li ma ħallihiex teżerċita b’mod normali l-funzjonijiet tagħha.

264    Ir-rikorrenti tikkonkludi billi tippreċiża li l-illegalità tar-RŻK 2003 kienet ikkawżatilha dannu morali kif ukoll dannu professjonali, u dan tal-aħħar kien ikkostitwit minn “telf ta’ opportunità fl-iżvilupp tal-karriera tagħha u d-dritt leġittimu tagħha għall-promozzjoni”.

265    Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjoni tar-rikorrenti li r-RŻK 2003 kienu vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

–       Fuq l-eżistenza ta’ illegalità

266    Mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(5) tad-DĠI jirriżulta li l-evalwatur, meta jeżamina r-rendiment, il-kompetenzi u l-kondotta fis-servizz ta’ persuna li tokkupa l-kariga fil-perijodu ta’ referenza, ma għandhiex “tikkunsidra assenzi eventwali ġustifikati tal-imsemmija persuna li tokkupa l-kariga”. Barra minn hekk, il-Gwida ta’ evalwazzjoni, li l-Kummissjoni imponiet fuqha stess bħala regola ta’ kondotta, tipprovdi, fil-punt 6.2, li “l-persuna li tokkupa l-kariga ma tistax tiġi ppenalizzata jekk ma setgħetx tilħaq il-miri tagħha minħabba fatturi esterni”, pereżempju “jekk [kienet] marida jew jekk [kienet] bil-leave tal-maternità”, u li “f’dan it-tip ta’ sitwazzjoni, għandha ssir enfasi fuq dak li l-persuna kkonċernata kienet realment f’pożizzjoni li tagħmel u fuq il-mod kif aġixxiet f’dik is-sitwazzjoni”.

267    F’dan il-każ, wara li fit-Taqsima 6.1 “Rendiment” tar-RŻK Jannar-Ottubru 2003 intqal li sat-3 ta’ Settembru 2003, ir-rikorrenti ma waslitx biex “tiffamiljarizza ruħha max-xogħol [tagħha]”, minħabba, b’mod partikolari, “nuqqas ta’ motivazzjoni”, u li “ma [ġiex] osservat titjib fir-rendiment tagħha bejn it-3 ta’ Settembru u t-tmeim tax-xahar ta’ Ottubru”, l-evalwaturi taw lill-persuna kkonċernata, il-marka ta’ 4/10 għar-rendiment, li tikkorrispondi għall-evalwazzjoni “dgħajjef”. Bl-istess mod, għal dak li jirrigwarda r-RŻK Novembru-Diċembru 2003, l-evalwaturi taw ukoll lir-rikorrenti, il-marka 4/10 għar-rendiment tagħha, u enfasizzaw “[l]i ma kien hemm l-ebda riżultat validu fil-perijodu ta’ referenza u li l-ebda riżultat ma kien intlaħaq” u li “r-rendiment ġenerali tal-perijodu kellu b’hekk jiġi evalwat bħala ‘dgħajjef’”.

268    Issa, mill-atti jirriżulta li, b’mod partikolari minn dokument ippreżentat mill-Kummissjoni stess u dwar l-assenzi tar-rikorrenti fis-sena 2003, din kienet bil-leave tal-mard ġustifikat bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Ottubru 2003 imbagħad bejn l-1 ta’ Novembru u l-14 ta’ Novembru 2003, u kienet taħdem half-time għal raġunijiet mediċi bejn is-17 ta’ Novembru u d-19 ta’ Diċembru 2003.

269    B’hekk għandu jiġi dedott, kemm mir-RŻK Jannar-Ottubru 2003 kif ukoll mir-RŻK Novembru-Diċembru 2003, li l-evalwaturi taw il-marka 4/10 għar-rendiment mingħajr ma ġie kkunsidrat il-fatt li dan ir-rendiment kien ġie neċessarjament affettwat mill-assenzi ġustifikati tal-persuna kkonċernata minħabba mard.

270    Il-motiv ibbażat fuq il-fatt li r-RŻK 2003 kienu vvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni b’hekk għandu jintlaqa’.

271    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra mqajma mill-persuna kkonċernata, għandu jiġi kkonstatat li r-RŻK 2003 ġew imfassla b’mod illegali.

–       Fuq id-dannu

272    Għal dak li jirrigwarda d-dannu materjali li jirriżulta mill-illegalità tar-RŻK 2003, għandu jiġi mfakkar li, anki fis-sitwazzjoni fejn nuqqas tal-istituzzjoni inkwistjoni jkun ġie stabbilit, il-Komunità tkun responsabbli biss jekk ir-rikorrenti tkun irnexxiela turi r-realtà tad-dannu tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57). Issa, il-persuna kkonċernata ma wrietx kif l-illegalità tar-RŻK 2003 tagħha affettwat l-iżvilupp tal-karriera tagħha qabel l-irtirar tagħha, li seħħ fil-31 ta’ Awwissu 2005. B’mod partikolari, hija la stabbilixxiet u lanqas allegat li din l-illegalità kellha xi effett fuq il-fatt li hija ma ġietx promossa taħt il-proċedura ta’ promozzjoni 2004.

273    Għal dak li jirrigwarda d-dannu morali li għalih qed jintalab kumpens, il-konstatazzjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li r-RŻK 2003 huma, minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni li jaffettwahom, ivvizzjati minn illegalità, ma tistax tikkostitwixxi, fiha nfisha, kumpens adegwat u suffiċjenti għal tali dannu, inwkantu l-imsemmija RŻK jinkludu evalwazzjonijiet espliċitament negattivi fuq il-kapaċitajiet tar-rikorrenti. Fil-fatt, hekk kif intqal, l-evalwatur, fir-RŻK Jannar-Ottubru 2003, indika li r-rikorrenti ma waslitx sabiex “tiffamiljarizza ruħha max-xogħol tagħha” minħabba, b’mod partikolari, “nuqqas ta’ motivazzjoni”, filwaqt li, fir-RŻK Novembru-Diċembru 2003, ġie enfasizzat li “ma kien hemm l-ebda riżultat validu fil-perijodu ta’ referenza u li l-ebda riżultat ma kien intlaħaq”. Barra minn hekk, l-għoti ta’ somma ta’ EUR 2 500 jikkostitwixxi kumpens adegwat għad-dannu morali subit mir-rikorrenti.

4.     Konklużjoni

274    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 18 000.

 Fuq l-ispejjeż

275    Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, id-dispożizzjonijiet tat-tmien Kapitolu tat-tielet Titolu ta’ dawn ir-regoli, dwar l-ispejjeż ġudizzjarji, huma applikabbli biss għall-kawżi mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mid-dħul fis-seħħ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, jiġifieri mill-1 ta’ Novembru 2007. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jibqgħu japplikaw mutatis mutandis għall-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qabel dik id-data.

276    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

277    Peress li l-Kummissjoni tilfet fil-parti l-kbira tal-motivi tagħha, hija għandha tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, tliet kwarti minn dawk sostnuti mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li tiċħad it-talba għal assistenza mressqa fid-29 ta’ April 2004 minn Q hija annullata sa fejn din tirrifjuta li tieħu miżura provviżorja ta’ tbegħid.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata tħallas lil Q is-somma ta’ EUR 18 000.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, tliet kwarti minn dawk sostnuti minn Q.

5)      Q għandha tbati kwart mill-ispejjeż tagħha.

Kreppel

Tagaras

Gervasoni

Mogħtija f‘qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Diċembru 2008.

W. Hakenberg

 

      S. Gervasoni

Reġistratur

 

      President


Werrej


Il-kuntest ġuridikuII – 2

Il-fatti li wasslu għall-kawżaII – 6

A –  Snin 2000, 2001 u 2002II – 6

B –  Sena 2003II – 8

C –  Sena 2004II – 9

D –  Sena 2005II – 15

E –  Il-fatti dwar ir-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera mfasslin għas-sena 2003II – 17

Proċedura u t-talbiet tal-partijietII – 19

Id-drittII – 20

A –  Osservazzjonijiet preliminari fuq is-suġġett tal-kawżaII – 20

B –  Fuq il-fastidju psikoloġikuII – 22

1.  L-argumenti tal-partijietII – 22

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tat-TribunalII – 23

a)  Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kundizzjonijiet ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ prova tar-rikorrentiII – 28

b)  Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-fatt li l-Kummissjoni iżolat lir-rikorrentiII – 30

c)  Għal dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, il-fatt li l-ebda kompitu ma kien ġie assenjat lir-rikorrenti bejn Jannar u Ġunju 2003II – 31

d)  Għal dak li jirrigwarda, fir-raba’ lok, il-fatt li l-Kummissjoni kienet xerrdet xniegħat diffamatorji fuq il-kapaċitajiet professjonali tar-rikorrentiII – 32

e)  Għal dak li jirrigwarda, fil-ħames lok, il-fatt li l-Kummissjoni kienet irrifjutat ċerti talbiet għal leave annwali u aċċettat oħrajn tardII – 32

f)  Għal dak li jirrigwarda, fis-sitt lok, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tikkunsdira bħala ġustifikati l-assenzi minħabba mardII – 33

C –  Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita li ċaħdet it-talba għal assistenzaII – 34

1.  Fuq l-ammissibbiltàII – 34

a)  L-argumenti tal-partijietII – 34

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tat-TribunalII – 35

2.  Fuq il-mertuII – 36

a)  L-argumenti tal-partijietII – 36

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tat-TribunalII – 37

D –  Fuq it-talbiet għall-annullament tar-RŻK 2003II – 39

1.  L-argumenti tal-partijietII – 39

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tat-TribunalII – 39

E –  Fuq it-talbiet għad-danniII – 41

1.  Fuq it-talbiet għall-kumpens tad-dannu li jirriżulta mill-allegat fastidju psikoloġikuII – 42

a)  L-argumenti tal-partijietII – 42

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tat-TribunalII – 42

Fuq l-eżistenza ta’ atteġġament illegaliII – 42

Fuq l-eżistenza ta’ dannu f’rabta ma’ atteġġament illegaliII – 43

2.  Fuq it-talbiet għall-kumpens tad-dannu li jirriżulta mill-illegalità tad-deċiżjoni impliċita li ċaħdet it-talba għal assistenzaII – 44

a)  Fuq l-ammissibbiltàII – 44

L-argumenti tal-partijietII – 44

Il-kunsiderazzjonijiet tat-TribunalII – 44

b)  Fuq il-mertuII – 45

L-argumenti tal-partijietII – 45

Il-kunsiderazzjonijiet tat-TribunalII – 46

3.  Fuq it-talbiet għall-kumpens tad-dannu li jirriżulta, minn naħa, mill-allegata illegalità li tivvizzja r-RŻK 2003, min-naħa l-oħra, mill-irregolarità tal-kundizzjonijiet li taħthom ir-rikorrenti ġiet informata bihomII – 47

a)  Fuq l-ammissibbiltàII – 47

L-argumenti tal-partijietII – 47

Il-kunsiderazzjonijiet tat-TribunalII – 47

–  Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għad-danni bbażati fuq l-allegata illegalità tar-RŻK 2003II – 47

–  Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għad-danni bbażati fuq l-irregolarità tal-kundizzjonijiet li taħthom ir-rikorrenti ġiet informata bir-RŻK 2003II – 48

b)  Fuq il-mertuII – 48

L-argumenti tal-partijietII – 48

Il-kunsiderazzjonijiet tat-TribunalII – 48

–  Fuq l-eżistenza ta’ illegalitàII – 48

–  Fuq id-dannuII – 49

4.  KonklużjoniII – 50

Fuq l-ispejjeżII – 50


It-testi ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Unjoni Ewropea ċċitati fiha huma disponibbli fis-sit internet www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.