Language of document : ECLI:EU:T:2007:32

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

6 ta' Frar 2007(*)

"Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn il-KEE u r-Repubblika tat-Turkija – Maħfra ta' dazji fuq l-importazzjoni – Konċentrat ta' meraq tal-frott mit-Turkija – Kodiċi Doganali Komunitarju – Ċertifikati ta' ċirkulazzjoni – Sitwazzjoni partikolari – Drittijiet tad-difiża"

Fil-kawża T‑23/03,

CAS SpA, stabbilita f'Verona (l-Italja), irrappreżentata minn D. Ehle, avukat,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn X. Lewis, bħala aġent, assistit minn M. Nuñez Müller, avukat,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Ottubru 2002 (REC 10/01), dwar talba għall-maħfra tad-dazju fuq l-importazzjoni,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, E. Martins Ribeiro u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta' Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

A –  Leġiżlazzjoni dwar is-sistema preferenzjali

1        Din il-kawża tqajjmet fil-kuntest tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li ħoloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u r-Repubblika tat-Turkija (iktar 'il quddiem il-"Ftehim ta' Assoċjazzjoni"), iffirmat f'Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, u mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra (iktar 'il quddiem il-"partijiet kontraenti"). Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni kien ġie approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 64/732/KEE, tat-23 ta' Diċembru 1963 (ĠU 217, 1964, p. 3685). Huwa daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 1964.

2        Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni għandu l-għan, skond l-Artikolu 2 tiegħu li jinsab fit-Titolu I, dwar il-prinċipji, li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti.

3        Huwa jinkludi fażi preparatorja li tippermetti lir-Repubblika tat-Turkija, skond l-Artikolu 3 tiegħu, issaħħaħ l-ekonomija tagħha, bl-għajnuna tal-Komunità, fażi tranżitorja intiża, skond l-Artikolu 4 tiegħu, għall-istabbilment progressiv ta' unjoni doganali u għall-approssimazzjoni tal-politika ekonomika u fażi definittiva li, skond l-Artikolu 5 tiegħu, hija bbażata fuq l-unjoni doganali u timplika t-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika.

4        Il-partijiet kontraenti għandhom jieħdu, skond l-Artikolu 7, kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw l-eżekuzzjoni ta' l-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u m'għandhom jieħdu ebda miżura li tkun tista' tipperikola l-kisba ta' l-għanijiet tiegħu.

5        L-Artikoli 22 u 23, li jinsabu fit-Titolu III dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali u finali, jipprovdu għall-istabbilment ta' Kunsill ta' Assoċjazzjoni kompost, minn naħa, minn membri tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, minn membri tal-Gvern Tork (iktar 'il quddiem il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni"), li, billi jaġixxi unanimament, jiddisponi, għall-kisba ta' l-għanijiet stabbiliti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, minn setgħa ta' deċiżjoni. L-Artikolu 25 jagħti lil dan il-Kunsill, fuq talba ta' kull parti kontraenti, kompetenza sabiex jirregola kull diżgwid dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jew li jressaq id-diżgwid quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

6        Il-fażi definittiva ta' l-unjoni doganali daħlet fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 1995 [Artikolu 1 u Artikolu 65(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni Nru 1/95 tat-22 ta' Diċembru 1995, dwar l-implementazzjoni tal-fażi definittiva ta' l-unjoni doganali (ĠU L 35, 1996, p. 1), iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni Nru 1/95" jew id" deċiżjoni ta' bażi"].

7        Skond l-Artikolu 11 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, is-sistema ta' assoċjazzjoni tkopri l-agrikoltura u l-kummerċ fil-prodotti agrikoli skond modalitajiet partikolari fid-dawl tal-Politika Agrikola Komuni tal-Komunità.

1.     Leġiżlazzjoni fis-seħħ matul il-fażi tranżitorja

8        Permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tad-19 ta' Settembru 1980, dwar l-iżvilupp ta' l-Assoċjazzjoni, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni ddeċieda li jelimina d-dazji doganali li kienu għadhom applikabbli fuq l-importazzjoni, fil-Komunità, tal-prodotti agrikoli li joriġinaw mit-Turkija u li kien għadhom ma ġewx ammessi bħala eżenti mid-dazji fil-Komunità.

9        Skond l-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4115/86 tat-22 ta' Diċembru 1986, dwar l-importazzjoni fil-Komunità ta' prodotti agrikoli li joriġinaw mit-Turikija (ĠU L 380, p. 16), il-prodotti elenkati fl-Anness II tat-Trattat KEE, li joriġinaw mit-Turkija, barra mill-prodotti li jinsabu fl-Anness ta' l-imsemmi Regolament, inħelsu għal ċirkulazzjoni libera fil-Komunità bħala eżenti mid-dazji. Skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 4115/86, kellhom jiġu kkunsidrati bħala "prodotti li joriġinaw mit-Turkija" il-prodotti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni Nru 4/72 tad-29 ta' Diċembru 1972, dwar id-definizzjoni ta' "prodotti li joriġinaw" mit-Turkija għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 ta' l-Anness Nru 6 tal-Protokoll Addizjonali, anness mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 428/73 tal-5 ta' Frar 1973, fuq l-applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet Nru 5/72 u 4/72 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni (ĠU L 59, 1973, p. 73), emendat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni Nru 1/75 tas-26 ta' Mejju 1975, anness mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1431/75, li jemenda r-Regolament Nru 428/73 (ĠU L 142, p. 1).

10      Skond l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 4/72, huma meqjusa bħala prodotti li joriġinaw mit-Turkija:

"a) il-prodotti veġetali maħsuda fit-Turkija,

[…]

f)       merkanzija miksuba fit-Turkija billi jinħadmu jew jiġu pproċessati l-prodotti msemmijin fil-paragrafi (a) sa (e), anki jekk prodotti oħra jintużaw fil-manifattura tagħhom, bil-kundizzjoni li l-prodotti miksuba barra mit-Turkija jew il-Komunità jintużaw biss fuq bażi aċċessorja fil-manifattura". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3719/88 tas-16 ta' Novembru 1988, li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji ta' importazzjoni u ta' esportazzjoni u ta' ċertifiċati ta’ ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (ĠU L 331, p. 1), huwa applikabbli għaċ-ċertifikati stabbiliti mir-Regolamenti previsti fl-Artikolu 1 tiegħu. L-Artikoli 28(4) tiegħu jiddisponi:

"4. L-Istati Membri għandhom ukoll jinformaw lill-Kummissjoni bil-marka li jħallu t-timbri uffiċjali u, fejn xieraq, bit-timbri intaljati użati mill-awtoritajiet li jkunu mogħtija s-setgħa biex jaġixxu. Il-Kummissjoni għandha tinforma immedjatament lill-Istati Membri l-oħra b'dan kollu." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      Permezz tad-Deċiżjoni Nru 5/72 tad-29 ta' Diċembru 1972, dwar il-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 2 u 3 tal-Protokoll Addizzjonali mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (ĠU L 59, 1973, p. 74), il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilixxa r-regola li l-preżentazzjoni ta' ċertifikat maħruġ fuq talba ta' l-esportatur mill-awtoritajiet doganali tar-Repubblika tat-Turkija jew ta' Stat Membru kienet neċessarja sabiex tinkiseb is-sistema preferenzjali. Għall-merkanzija trasportata direttament mit-Turkija lejn Stat Membru, dan għandu jkun ċertifikat ta' ċirkulazzjoni ta' merkanzija A.TR.1 (iktar 'il quddiem iċ-"ċertifikat A.TR.1"), u mudell tiegħu jinsab anness ma' din id-Deċiżjoni (Artikolu 2). Dan il-mudell ġie sostitwit mill-formularju anness mad-Deċiżjoni Nru 1/78 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, tat-18 ta' Lulju 1978, li temenda d-Deċiżjoni 5/72 (ĠU L 253, p. 2). Dan il-mudell kien, min-naħa tiegħu, ġie kemmxejn emendat mid-Deċiżjoni Nru 4/95 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni tat-22 ta' Diċembru 1995, li temenda d-Deċiżjoni Nru 5/72 (ĠU L 35, 1996, p. 48).

13      L-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Nru 5/72 jiddisponi li l-Istati Membri u r-Repubblika tat-Turkija għandhom jassistu lil xulxin, permezz ta' l-amministrazzjonijiet doganali rispettivi tagħhom, għall-kontroll ta' l-awtentiċità u tar-regolarità taċ-ċertifikati, "sabiex jassiguraw applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14      L-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Nru 5/72 jipprovdi sussegwentement:

"Ir-[Repubblika tat-]Turkija, l-Istati Membri u l-Komunità għandhom jieħdu, kull wieħed safejn jirrigwarda lilu, il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15      Skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4115/86, il-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva li għandhom jassiguraw li l-prodotti previsti fl-Artikolu 1 jibbenefikaw mid-dazji ridotti huma dawk stabbiliti mid-Deċiżjoni Nru 5/72, emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 1/78.

2.     Leġiżlazzjoni fis-seħħ matul il-fażi definittiva

16      Id-Deċiżjoni Nru 1/95 tirregola b'mod dettaljat l-implementazzjoni tal-fażi definittiva ta' l-unjoni doganali. L-Artikolu 29 tagħha jiddisponi:

"L-għajnuna reċiproka fil-qasam doganali bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-partijiet kontraenti hija rregolata mid-dispożizzjonijiet ta' Anness 7 li, għal dak li jikkonċerna l-Komunità, ikopru l-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunità." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17      L-Artikolu 2(1) ta' l-Anness 7 li jikkonċerna l-għajnuna reċiproka fil-qasam doganali, tad-Deċiżjoni Nru 1/95, jiddisponi:

"Il-partijiet kontraenti għandhom jgħinu lil xulxin, fl-oqsma li huma ta’ kompetenza tagħhom […] sabiex jassiguraw li l-liġi doganali tiġi applikata korrettament, b'mod partikolari billi jipprevjenu, jiskopru u jinvestigaw operazzjonijiet li jiksru din il-leġiżlazzjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

18      L-Artikolu 3(6) tad-Deċiżjoni Nru 1/95 jiddisponi li l-Kumitat ta' Kooperazzjoni Doganali għandu jistabbilixxi l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva.

19      L-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni Doganali Nru 1/96 ta' l-20 ta' Mejju 1996, dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/95 (ĠU L 200, p. 14) jiddisponi li l-validazzjoni tad-dokument neċessarju sabiex il-merkanzija kkonċernata tkun tista’ tiċċirkula liberament toħloq dejn doganali fuq l-importazzjoni. Skond l-Artikolu 6 ta' din id-Deċiżjoni, it-trattament preferenzjali tal-prodotti agrikoli importati mit-Turkija huwa suġġett għall-ħruġ ta' dokument fl-għamla ta’ ċertifikat A.TR.1. Mudell ta' dan iċ-ċertifikat jinsab fl-Anness I, iżda l-Artikolu 7(1) ta' l-imsemmija Deċiżjoni jiddisponi li l-formularji previsti mid-Deċiżjoni Nru 5/72 setgħu jibqgħu jintużaw sat-30 ta' Ġunju 1997.

20      L-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Nru 1/96 jipprovdi dan li ġej:

"Sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni korretta ta' din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri u r-[Repubblika tat-]Turkija għandhom jgħinu lil xulxin, permezz ta' l-amministrazzjonijiet doganali rispettivi tagħhom u fil-kuntest ta' l-għajnuna reċiproka prevista fl-Artikolu 29 u fl-Anness 7 tad-Deċiżjoni ta' bażi, għall-kontroll ta' l-awtentiċità u r-regolarità taċ-ċertifikati." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

21      L-Artikolu 13(2) tad-Deċiżjoni Nru 1/96 jipprovdi:

" […] Il-kaxxa 12 ta' l-estratt għandha tindika n-numru ta' reġistrazzjoni, id-data, l-uffiċċju u l-pajjiż fejn ikun inħareġ iċ-ċertifikat […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

22      Il-paragrafu 12 tal-punt II ta' l-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 1/96 jipprovdi li l-indikazzjonijiet li għandhom jiddaħħlu fil-kaxxa 12 taċ-ċertifikat ta' ċirkulazzjoni A.TR.1 għandhom jimtlew mill-awtorità kompetenti.

23      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1/96 jiddisponi:

"Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet fuq iċ-ċirkulazzjoni libera previsti fid-Deċiżjoni ta' bażi, il-Kodiċi Doganali Komunitarju u d-dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni tiegħu, applikabbli fit-territorju doganali tal-Komunità u l-Kodiċi Doganali Tork, u d-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tiegħu applikabbli fit-territorju doganali tar-[Repubblika tat-]Turkija, għandhom japplikaw għall-kummerċ ta' merkanzija bejn iż-żewġ partijiet ta' l-unjoni doganali taħt il-kundizzjonijiet previsti f'din id-Deċiżjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B –  Leġiżlazzjoni Doganali

1.     Leġiżlazzjoni dwar il-maħfra ta' dazji doganali

24      Għal dak li jikkonċerna l-possibbiltà ta' maħfra ta' dazji fuq l-importazzjoni, l-Artikolu 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, iktar il' quddiem il-"KDK") jipprovdi dan li ġej:

"Dazji fuq l-importazzjoni [...] jistgħu jintbagħtu [jinħafru] f'sitwazzjonijiet [...] li jirriżultaw minn ċirkostanzi li fihom ebda ingann jew traskuraġni ovvja ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata. Is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista' tiġi applikata u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dak il-għan għandhom jiġu definiti skond il-proċedura tal-Kumitat."

25      L-Artikolu 905 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93 (KEE) tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU L 253, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament għall-implementazzjoni tal-KDK"), jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

"1. Meta l-awtorità doganali ta' deċiżjoni li lilha l-applikazzjoni għar-rimbors jew remissjoni [maħfra] skond l-Artikolu 239(2) tal-[KDK] tkun ġiet sottomessa, ma tkunx tista' tieħu deċiżjoni fuq il-bażi ta' l-Artikolu 899, imma l-applikazzjoni tkun sostnuta minn prova li tista tikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari li tirriżulta minn ċirkostanzi li fihom l-ebda qerq jew negliġenza evidenti min-naħa ta' l-interessat ma tkun attribwita lil dan, l-Istat Membru li lilu tkun tappartieni din l-awtorità għandu jittrasmetti l-każ lill-Kummissjoni biex dan ikun deċiż skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 906 sa 909 [...]"

26      L-Artikolu 904(c) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-KDK jiddisponi:

"Dazji ta' l-importazzjoni m'għandhomx jiġu rimborsati jew ikunu remissi [jinħafru] meta l-unika bażi li fuqha tkun saret l-applikazzjoni għar-rimbors jew għar-remissjoni [għall-maħfra] tkun, skond ma jkun il-każ:

[…]

c)      il-preżentazzjoni, imqar in buona fede, għall-iskop ta' awtorizzazzjoni għal trattament tarrifarju preferenzjali a favur ta' merkanzija ddikjarata għal ċirkolazzjoni libera, ta' dokumenti li sussegwentament instabu foloz, falsifikati jew invalidi għall-awtorizzazzjoni għal trattament tariffarju preferenzjali."

27      L-Artikolu 236 tal-KDK jiddisponi:

"1. Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura sakemm jiġi stabbilit li meta kien tħallas l-ammont ta' dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur ta' l-Artikolu 220(2).

Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jintbagħtu [jinħafru] sakemm jiġi stabbilit li meta kienu ddaħħlu fil-kontijiet l-ammont ta' dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur tal-Artikolu 220(2).

Ebda ħlas lura jew maħfra m'għandha tingħata meta l-fatti li wasslu għall-ħlas jew daħla fil-kontijiet ta' ammont li ma kienx legalment dovut kienu r-riżultat ta' azzjoni maħsuba mill-persuna involuta.

[…]"

28      L-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK jiddisponi li daħliet sussegwenti fil-kontijiet m'għandhomx isiru fejn l-ammont ta' dazju legalment dovut ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet bħala riżultat ta' żball min-naħa ta' l-awtoritajiet doganali liema żball ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna responsabbli għall-ħlas, waqt li din ta' l-aħħar tkun aġġixxiet in bona fide u ħarset id-dispożizzjonijiet kollha stipulati mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-rigward tad-dikjarazzjoni doganali.

2.     Leġiżlazzjoni dwar ir-regoli ta' oriġini

29      L-Artikolu 20 tal-KDK jiddisponi b'mod partikolari:

"1. Dazji legalment dovuti meta jiġi inkors dejn doganali għandhom ikunu bbażati fuq it-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Il-miżuri l-oħra stipulati mid-dispożizzjonijiet tal-Komunità li jirregolaw oqsma speċifiċi li għandhom x'jaqsmu ma' kummerċ ta' merkanzija għandhom, fejn hu xieraq, jiġu applikati skond il-klassifikazzjoni tat-tariffa ta' dik il-merkanzija.

3. It-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej għandha tikkomprendi:

[…]

d)      il-miżuri dwar tariffa preferenzjali li jinsabu f'patti ta' ftehim li l-Komunità kkonkludiet ma' ċerti pajjiżi jew gruppi ta' pajjiżi u li jipprovdu għall-għoti ta' trattament preferenzjali dwar it-tariffa."

30      L-Artikolu 27(a) tal-KDK jipprovdi dan li ġej:

"Ir-regoli dwar oriġini preferenzjali għandhom jistipulaw il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-akkwist ta' oriġini li l-merkanzija għandha tissodisfa sabiex jibbenefikaw mill-miżuri li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 20(3)(d) jew (e). Dawn ir-regoli għandhom:

a)      fil-każ ta' merkanzija koperta bi ftehim li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 20(3)(d), jiġu stabbiliti f'dak il-ftehim."

31      Ir-Regolament għall-implementazzjoni tal-KDK, fil-verżjoni tiegħu applikabbli f'din il-kawża [l-artikolu 93, emendat u nnumerat l-Artikolu 92 mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3254/94, tad-19 ta' Diċembru 1994 (ĠU L 346, p.1); iktar 'il quddiem "l-Artikolu 93 tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-KDK"] jiddisponi:

"1. Il-pajjiżi benefiċjarji għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-ismijiet u l-indirizzi ta' l-awtoritajiet governattivi li jinsabu fit-territorju tagħhom li jkollhom is-setgħa joħorġu ċertifikati ta' oriġini Formola A, flimkien mal-kampjuni ta' timbri użati minn dawk l-awtoritajiet. Il-Kummissjoni għandha tagħti din l-informazzjoni lill-awtoritajiet doganali ta' l-Istati Membri.

2. Il-pajjiżi benefiċjarji għandhom jinfurmaw ukoll lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi ta' l-awtoritajiet governattivi li jkollhom is-setgħa li joħorġu ċertifikati ta' l-awtentiċità msemmija fl-Artikolu 86, flimkien ma' kampjuni tat-timbri li dawn jużaw. Il-Kummissjoni għandha tagħti din l-informazzjoni lill-awtoritajiet doganali ta' l-Istati Membri.

3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (serje C) id-data li fiha l-pajjiżi benefiċjarji ġodda msemmija fl-Artikolu 97 jkunu ħarsu l-obbligazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2."

C –  Leġiżlazzjoni dwar il-konfidenzjalità ta' ċerti dokumenti

32      L-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 tal-25 ta' Mejju 1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, p. 1), jipprovdi dan li ġej:

"Il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni ta' l-informazzjoni

1. L-informazzjoni miksuba waqt investigazzjonijiet esterni, tkun xi tkun il-forma tagħha, għandha tkun protetta mid-dispożizzjonijiet relevanti."

33      L-Artikolu 9(2) ta' l-istess Regolament jiddisponi:

"Ir-rapport ta' l-investigazzjoni u l-azzjoni meħuda wara l-investigazzjonijiet

[…]

2. Meta jiġu mħejjija dawn ir-rapporti, għandhom jiġu meqjusa r-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru involut Ir-rapporti preparati fuq dik il-bażi għandhom jikkostitwixxu prova ammissibbli fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji ta' l-Istat Membru li fih l-użu tagħhom jirriżulta li huwa meħtieġ, bl-istess mod u taħt l-istess kondizzjonijiet bħar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali. Għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli ta' valutazzjoni bħal dawk applikabbli għar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali u huma ta' valur identiku għal dawk ir-rapporti."

34      L-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996, dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, p. 2), jiddisponi:

"1. L-informazzjoni komunikata jew akkwistata f'kull forma taħt dan ir-Regolament għandha tkun koperta bis-segretezza professjonali u protetta bl-istess mod li informazzjoni simili hija protetta mil-leġislazzjoni nazzjonali ta' l-Istat Membru li rċeviha u mid-dispożizzjonijiet korrispondenti applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Komunità."

35      L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Parlament Ewropej u tal-Kunsill Nru 1049/2001 tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43), jiddisponi:

"Eċċezzjonijiet

1. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista' jdgħajjef il-ħarsien ta':

a) l-interess pubbliku fir-rigward ta':

–        is-sigurtà pubblika,

–        kwistjonijiet militari u ta' difiża,

–        relazzjonijiet internazzjonali,,

–        il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Komunità jew ta' Stat Membru;

b)      il-privatezza u l-integrità ta' l-individwu, b'mod partikolari skond il-legislazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ta' data personali.

2. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista' jdgħajjef il-ħarsien ta':

–        interessi kummerċjali ta' persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

–        proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

–        l-iskop ta' ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,

jekk ma jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu."

 Fatti li wasslu għall-kawża

A –  Importazzjonijiet in kwistjoni

36      Ir-rikorrenti CAS SpA hija kumpannija inkorporata taħt il-liġi Taljana, sussidjarja għal 95.1 % tal-kumpannija Steinhauser GmbH (iktar 'il quddiem "Steinhauser"), stabbilita f'Ravensburg (il-Ġermanja). L-attività prinċipali tar-rikorrenti hija li tipproċessa l-konċentrat tal-meraq ta' frott importat u fl-istess ħin hija twettaq attività ta' importazzjoni ta' dawn il-prodotti fl-Italja. Hija prinċipalment il-kumpannija Steinhauser li jkollha relazzjonijiet kummerċjali mal-fornituri barranin.

37      Bejn il-5 ta' April 1995 u l-20 ta' Novembru 1997, ir-rikorrenti importat u ħelset għal ċirkulazzjoni libera fil-Komunità meraq tat-tuffieħ u meraq tal-lanġas ikkonċenrat, iddikjarati bħala li ġejjin u li joriġinaw mit-Turkija. L-importazzjoni fil-Komunità ta' dan it-tip ta' prodott kienet saret permezz ta' ċertifikati A.TR.1, b'mod li dawn il-prodotti bbenefikaw mill-eżenzjoni tad-dazji prevista mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-Protokoll Addizzjonali.

38      Skond l-Artikolu 29 tad-Deċiżjoni Nru 1/95, id-dipartiment doganali ta' Ravenna (l-Italja) wettaq kontroll fuq id-dokumenti a posteriori fuq l-awtentiċità taċ-ċertifikat A.TR.1 D 141591, ippreżentat mir-rikorrenti waqt waħda mill-operazzjonijiet ta' importazzjoni li seħħew bejn il-perijodu mill-5 ta' April 1995 sa l-20 ta' Novembru 1997. Skond id-dispożizzjonijiet applikabbli f'dan il-qasam, it-talba għal verifika ta' l-awtentiċità ta' l-imsemmi ċertifikat intbagħtet lill-awtoritajiet Torok.

39      Permezz ta' ittra tal-15 ta' Mejju 1998, l-awtoritajiet Torok informaw lid-Dipartiment Doganali ta' Ravenna li mill-kontroll imwettaq irriżulta li dan iċ-ċertifikat ma kienx awtentiku, peress li ma kienx inħareġ mill-awtoritajiet doganali Torok. Huma ddikjaraw, barra minn hekk, li kienu ser isiru iktar kontrolli.

40      Konsegwentement, l-awtoritajiet Taljani pproċedew għall-kontroll a posteriori ta' 103 ċertifikati A.TR.1 ippreżentati mir-rikorrenti f’diversi operazzjonijiet ta' importazzjoni.

41      Permezz ta' ittra ta' l-10 ta' Lulju 1998, ir-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Repubblika tat-Turkija fl-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem ir-"Rappreżentazzjoni Permanenti Torka") informat lill-Kummissjoni li 22 ċertifikat A.TR.1 ippreżentati mir-rikorrenti, elenkati fl-Anness ta' din l-ittra u li jikkonċernaw l-esportazzjonijiet tal-kumpannija Torka Akman lejn l-Italja kienu foloz ("false"). Il-Kummissjoni bagħtet din l-ittra lill-awtoritajiet doganali Taljani permezz ta' ittra ta' l-20 ta' Lulju 1998.

42      Bejn it-12 u l-15 ta' Ottubru 1998 kif ukoll it-30 ta' Novembru u t-2 ta' Diċembru 1998, l-Unità għall-Koordinament tal-Prevenzjoni tal-Frodi tal-Kummissjoni [(UCLAF), prekursur ta' l-OLAF] wettqet verifiki fit-Turkija.

43      Permezz ta' ittra tat-8 ta' Marzu 1999, ir-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka informat lid-Dipartiment tad-Dwana ta' Ravenna li 32 ċertifikat A.TR.1 ippreżentati mir-rikorrenti (iktar 'il quddiem iċ-"ċertifikati in kwistjoni"), li jinkludu 18-il ċertifikat elenkati fl-anness ta' l-ittra ta' l-10 ta' Lulju 1998, la kienu nħarġu u lanqas ivvalidati mill-awtoritajiet Torok. L-imsemmija ċertifikati huma indikati fl-anness ta' din l-ittra.

44      L-awtoritajiet doganali Taljani qiesu li jirriżulta mill-korrispondenza kollha skambjata bejniethom stess, il-Kummissjoni, l-UCLAF u l-awtoritajiet Torok li dawn ta' l-aħħar ikkunsidraw li 48 ċertifikat A.TR.1, inklużi ċ-ċertifikati in kwistjoni, relativi għal esportazzjonijiet lejn l-Italja mwettqa mir-rikorrenti permezz tal-kumpannija Torka Akman, kienu jew foloz jew irregolari.

45      F'dan il-każ, it-32 ċertifikat in kwistjoni [li jikkorrispondu għal dazji doganali li jammontaw għal LIT 3 296 190 371 (liri Taljani), jew EUR 1 702 340.25] kienu kkunsidrati bħala foloz, peress li la kienu inħarġu u lanqas ma ġew ivvalidati mill-uffiċċji doganali Torok. Min-naħa l-oħra, is-16-il ċertifikat l-oħra (li jikkorrispondu għal dazji doganali li jammontaw għal LIT 1 904 763 758, jew EUR 983 728.38) ġew ikklassifikati bħala invalidi, peress li, għalkemm kienu nħarġu mill-awtoritajiet doganali Torok, il-merkanzija kkonċernata ma kinitx toriġina mit-Turkija.

46      Peress li t-48 ċertifikat kollha ġew ikklassifikati bħala jew foloz jew invalidi, il-merkanzija koperta minnhom ma setgħetx tibbenefika mit-trattament preferenzjali mogħti lill-importazzjonijiet ta' prodotti agrikoli Torok.

47      Konsegwentement, l-amministrazzjoni doganali Taljana talbet lir-rikorrenti, bħala dazji doganali dovuti, l-ammont totali ta' LIT 5 200 954 129, jew EUR 2 686 068.63 euros.

B –  Proċedura kriminali u amministrattiva quddiem l-awtoritajiet Taljani u Komunitarji

48      Permezz ta' ittra tat-28 ta' Marzu 2000, ir-rikorrenti, billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 220(2)(b) u l-Artikoli 236 u 239 tal-KDK, talbet lid-Dipartiment tad-Dwana ta' Ravenna biex ma ddaħħalx sussegwentement fil-kontijiet id-dazji fuq l-importazzjoni mitluba u biex tħallas l-imsemmija dazji lura. In sostenn tat-talba tagħha, ir-rikorrenti invokat il-bona fide tagħha, l-iżbalji ta' l-awtoritajiet kompetenti li ma setgħetx tinduna bihom kif ukoll nuqqasijiet attribwiti lilhom.

49      Permezz ta' ittra tal-15 ta' Mejju 2000, l-awtoritajiet doganali Taljani informaw lill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta' Ravenna bil-fatti dwar l-importazzjonijiet imwettqa mir-rikorrenti permezz ta' ċertifikati falsifikati. Wara li sar jaf b'dawn il-fatti, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta' Ravenna fetaħ investigazzjoni.

50      Permezz tas-sentenza ta' l-20 ta' Diċembru 2000, it-Tribunale civile e penale (qorti ċivili u kriminali) ta' Ravenna ġab fit-tmiem il-proċedura kriminali mressqa kontra d-direttur tar-rikorrenti, B. Steinhauser, billi qies li l-akkużi magħmula kontra dan ta' l-aħħar ma kinux ġew provati.

51      Permezz ta' ittra tat-30 ta' Novembru 2001, irċevuta mill-Kummissjoni fit-12 ta' Diċembru 2001, ir-Repubblika Taljana talbet lill-Kummissjoni tiddeċiedi jekk kienx iġġustifikat jew li ma jiddaħħalux sussegwentement fil-kontijiet id-dazji fuq l-importazzjoni kif mitlub mir-rikorrenti skond l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK jew li dawn id-dazji jitħallsu lura skond l-Artikolu 239 tal-KDK.

52      Skond l-Artikoli 871 u 905 tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-KDK, ir-rikorrenti indikat li hija qrat il-fajl mibgħut mill-awtoritajiet Taljani lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ddikjarat il-pożizzjoni u l-kunsiderazzjonijiet tagħha, li ntbagħtu lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Taljani bħala anness ma' l-ittra tagħhom tat-30 ta' Novembru 2001.

53      Permezz ta' ittra tat-3 ta' Ġunju 2002, il-Kummissjoni talbet ċerta informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet Taljani, li rrispondew permezz ta' ittra tas-7 ta' Ġunju 2002.

54      Permezz ta' ittra tal-25 ta' Lulju 2002, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tirrifjuta t-talba tagħha. Madakollu, qabel ma ħadet deċiżjoni definittiva, il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti biex tgħarrafha dwar l-osservazzjonijiet li seta’ kellha u biex tikkonsulta l-fajl sabiex issir taf bid-dokumenti mhux kunfidenzjali.

55      Fis-6 ta' Awwissu 2002, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti kkonsultaw il-fajl amministrattiv fl-uffiċċji tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, huma ffirmaw dikjarazzjoni li tikkonferma li huma kellhom aċċess għad-dokumenti msemmija fl-anness tad-dikjarazzjoni.

56      Permezz ta' ittra tal-15 ta' Awwissu 2002, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni. B'mod partikolari, fihom hija sostniet il-pożizzjoni tagħha, li l-awtoritajiet doganali kompetenti wettqu żbalji pożittivi li ma setgħetx tinduna bihom, żbalji li hija qabblet ukoll ma’ nuqqasijiet li jistgħu joħolqu sitwazzjoni partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 239 tal-KDK.

57      Fit-18 ta' Ottubru 2002, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni REC 10/01 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), notifikata lir-rikorrenti fil-21 ta' Novembru 2002.

58      L-ewwel nett, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien iġġustifikat li d-dazji fuq l-importazzjoni li huma s-suġġett tat-talba jiddaħħlu fil-kontijet.

59      It-tieni nett, il-Kummissjoni, madankollu, ikkonkludiet li kien iġġustifikat li jsir il-ħlas lura tad-dazji fuq l-importazzjoni għall-parti tat-talba fuq is-16-il ċertifikat invalidu, safejn ir-rikorrenti kienet tinsab, fir-rigward tagħhom, f'sitwazzjoni partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 239 tal-KDK.

60      It-tielet nett, għal dak li jikkonċerna t-32 ċertifikat in kwistjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet, min-naħa l-oħra, li ċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti ma kinux tali li joħolqu sitwazzjoni partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 239 tal-KDK. Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet, fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata, li ma kienx iġġustifikat li jsir ħlas lura tad-dazji fuq l-importazzjoni relatati magħhom, li kienu jammontaw għal EUR 1 702 340.25.

61      Fl-aħħar nett, permezz ta' ittra ta' l-20 ta' Ġunju 2003, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni talba biex jingħatalha aċċess għal dokumenti oħra fil-fajl. Il-Kummissjoni laqgħet din it-talba permezz ta' ittra ta' l-10 ta' Lulju 2003. Madankollu, ir-rikorrenti ma reġgħetx ikkonsultat dan il-fajl.

C –  Ċerifikat D 437214

62      Permezz ta' ittra tas-17 ta' Diċembru 2002, ir-rikorrenti indikat lill-Kummissjoni li ċ-ċertifikat A.TR.1 D°437214, inkluż fiċ-ċertifikati in kwistjoni, ma kienx ġie meqjus falz mill-awtoritajiet Torok, iżda sempliċiment invalidu. Il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet doganali Taljani b’din l-ittra fis-6 ta' Jannar 2003.

63      Permezz ta' ittra ta' l-24 ta' Jannar 2003, l-awtoritajiet doganali Taljani, filwaqt li rreferew għall-ittra ta' l-awtoritajiet doganali Torok tat-8 ta' Marzu 1999, kif ukoll għal ittra ta' l-UCLAF tas-6 ta' Mejju 1999, indikaw li dan iċ-ċertifikat kien falz.

64      Permezz ta' ittra ta' l-4 ta' Marzu 2003, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet doganali Taljani jinformaw lir-rikorrenti bir-riżultat ta' l-investigazzjoni fuq iċ-ċertifikat A.TR.1 D 437214. Permez ta' ittra tat-18 ta' Marzu 2003, mibgħuta lir-rikorrenti, l-amministazzjoni doganali Taljana kkonfermat li dan iċ-ċertifikat kien falz, peress li ma kienx ġie mfassal mill-awtoritajiet Torok.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

65      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-29 ta' Jannar 2003, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

66      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, ġie deċiż li tinfetaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, il-partijiet ġew mitluba jipproduċu ċerti dokumenti u jirrispondu għal ċerti domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Il-partijiet issodisfaw dawn it-talbiet.

67      Instemgħu t-trattazzjoni orali tal-partijiet kif ukoll ir-risposti tagħhom għad-domandi orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta tal-15 ta' Novembru 2005.

68      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

69      Il-Kummissjsoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

70      Ir-rikorrenti tinvoka tliet raġunijiet in sostenn tat-talbiet tagħha, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, it-tieni nett, fuq ksur ta' l-Artikolu 239 tal-KDK u t-tielet nett fuq ksur ta' l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK.

A –  Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

1.     L-argumenti tal-partijiet

71      Ir-rikorrenti ssostni li d-drittijiet tad-difiża tagħha kienu ġew miksura matul il-proċedura amministrattiva. Hija tallega, essenzjalment, li għalkemm kellha aċċess għall-fajl li fih kienu jinsabu d-dokumenti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat id-Deċiżjoni kkontestata, hija, madankollu, ma kellhiex aċċess għad-dokumenti li kellhom importanza deċiżiva għall-evalwazzjoni globali li l-Kummissjoni għamlet fuq is-sitwazzjoni. Barra minn hekk, skond ir-rikorrenti, ċerti dokumenti li hija setgħet tikkonsulta kienu inkompleti. Fl-aħħar nett, l-eżami tal-fajl ma ppermettilhiex tiddistingwi d-dokumenti meqjusa bħala kunfidenzjali minn dawk li ma kinux, u lanqas li tiskopri l-kriterji użati għal dan l-għan.

72      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti segwenti tal-fajl ma kinux ġew ikkomunikati lilha: 1) il-minuti kompluti tal-missjonijiet ta' l-UCLAF fit-Turkija; 2) il-korrispondenza kollha li ġiet skambjata mill-UCLAF u l-Kummissjoni mar-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka u ma' l-awtoritajiet kompetenti Torok; 3) il-korrispondenza kollha bejn il-Kummissjoni u/jew l-UCLAF u l-awtoritajiet doganali nazzjonali, b'mod partikolari l-awtoritajiet doganali Taljani u 4) il-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni Doganali dwar iċ-ċertifikati A.TR.1 meqjusa irregolari jew foloz meta ġew esportati konċernati ta' meraq tal-frott u merkanzija oħra li joriġinaw mit-Turkija.

73      Fir-risposta tagħha, ir-rikorrenti tiddikjara, barra minn hekk, li hija ma setgħetx tiġbor informazzjoni fuq il-missjoni ta' l-UCLAF fit-Turkija matul ix-xahar ta' Ottubru 1998, li tirreferi għaliha l-Kummissjoni fil-premessa 32 tad-Deċiżjoni kkontestata. Skond ir-rikorrenti, minn konsultazzjoni tal-fajl jirriżulta biss li laqgħa bejn l-UCLAF u r-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka seħħet fit-13 u fl-14 ta' Ottubru 1998, peress li din il-laqgħa ssemmiet f'ittra tal-21 ta' Ottubru 1998 ta' l-UCLAF. Ir-rikorrenti tafferma li hija lanqas kienet taf bl-ittri ta' l-UCLAF mibgħuta lir-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka, datati 1 u 9 ta' Diċembru 1998 u msemmija mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha.

74      Ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti li hija indikat għandhom rabta li mhijiex sempliċement eventwali, iżda, għall-kuntrarju, diretta u relatata ħafna mal-kwistjoni dwar jekk iċ-ċertifikati in kwistjoni humiex verament foloz jew sempliċement irregolari.

75      It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li l-fatt li l-mandatarju tagħha ffirma dikjarazzjoni li tafferma li huwa kien jaf bid-dokumenti kollha relatati mal-kawża jikkonferma li hija kellha aċċess tad-dokumenti kollha fil-fajl. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza li din id-dikjarazzjoni tikkostitwixxi formularju stabbilit minn qabel u li, mingħajr ma tkun taf bid-dokumenti kollha tal-fajl, il-parti li tikkonsulta l-fajl ma tistax titqies sodisfatta b'mod definittiv. B'hekk ir-rikorrenti tafferma li hija saret taf bl-imsemmija dikjarazzjoni, li tinkludi l-lista tad-dokumenti REC 10/01 u annessi mar-risposta tal-Kummissjoni meta hija skopriet dan l-Anness.

76      It-tielet nett, ir-rikorrenti tafferma li ċerti dokumenti li għalihom kellha aċċess kienu inkompleti, u għaldaqstant li hija ma kellhiex aċċess għad-dokumenti kollha annessi ma' din id-dikjarazzjoni. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tiċħad l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li hija setgħet tikkonsulta r-rapporti ta’ missjoni kollha ta' l-UCLAF fit-Turkija u tafferma li setgħet tikkonsulta biss id-dokumenti dwar rapporti ta' missjoni tad-9 u tat-23 ta' Diċembru 1998, li kienu jikkonsistu f'żewġ jew tliet paġni.

77      Ir-raba' nett, ir-rikorrenti tikkontesta, fir-replika tagħha, l-argument tal-Kummissjoni li hija ma kellhiex id-dritt, fi kwalunkwe każ, taċċedi għal ċerti dokumenti, fosthom ir-rapporti ta' missjoni ta' l-UCLAF, inkwantu dawn huma kunfidenzjali. Ir-rikorrenti ssostni li dawn ir-rapporti mhux biss ma kinux kunfidenzjali, peress li n-natura kunfidenzjali lanqas ma ġiet ipprovata mill-Kummissjoni, iżda wkoll li rapporti simili kienu disponibbli għall-konsultazzjoni f’kawżi simili mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

78      In-nuqqas ta' kunfidenzjalità tar-rapporti ta' l-investigazzjoni jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1073/1999. Skond ir-rikorrenti, skond l-Artikolu 9(2) ta' l-imsemmi Regolament, ir-rapporti ta' investigazzjoni jikkostitwixxu, bl-istess mod u taħt l-istess kundizzjonijiet bħar-rapporti amministrattivi mħejjija mill-ispetturi amministrattivi nazzjonali, provi ammissibbli fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji ta' l-Istat Membru li fih l-użu tagħhom jirriżulta neċessarju u, a fortiori, l-istess għandu jgħodd għall-proċedimenti mibdija quddiem il-qrati Ewropej.

79      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tafferma li ppreżentat, permezz ta' ittra ta' l-20 ta' Ġunju 2003, talba ġdida għal aċċess għall-fajl, skond l-Artikolu 255 KE, wara li ġie ppreżentat dan ir-rikors. Madankollu, wara r-risposta bil-miktub tal-Kummissjoni, datata 10 ta' Lulju 2003, hija ma kkonsultatx il-fajl peress li l-Kummissjoni indikat li din il-konsultazzjoni tirrigwarda biss id-dokumenti li għalihom ir-rikorrenti kellha diġà aċċess, li kienu, b'mod partikolari, id-dokumenti dwar ir-rapporti ta' missjoni ta' l-UCLAF.

80      Il-Kummissjoni tikkontesta, essenzjalment, l-argumenti tar-rikorrenti.

81      L-ewwel nett, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata esklużivament fuq provi li r-rikorrenti setgħet tikkonsulta, li kienu diġà jinsabu fl-opinjoni provviżorja tal-Kummissjoni espressa fl-itrra ta' din ta' l-aħħar tal-25 ta' Lulju 2002. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, fis-6 ta' Awwissu 2002, ir-rikorrenti kellha aċċess għall-fajl li serva bħala bażi għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li hija rrikonoxxiet espressament, permezz tal-konferma bil-miktub, li hija setgħet tikkonsulta d-dokumenti kollha li kellhom rabta diretta jew indiretta mal-fajl. Il-Kummissjoni tafferma li l-lista tad-dokumenti li għalihom ir-rikorrenti kellha aċċess jinkludu r-rapporti ta' missjoni ta' l-UCLAF, il-korrispondenza voluminuża ta' l-UCLAF u ta' l-awtoritajiet Torok differenti kif ukoll l-ittri bejn il-Kummissjoni u/jew l-UCLAF u l-awtoritajiet doganali nazzjonali.

82      Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-fajl li hija kkonsultat fis-6 ta' Awwissu 2002 ma kienx fih ir-rapporti ta' missjoni ta' l-UCLAF, iżda biss dokumenti dwar ir-rapporti ta' missjoni. Il-Kummissjoni ssostni li d-dokumenti in kwistjoni jikkostitwixxu effettivament ir-rapporti konċiżi oriġinali mħejjija mill-UCLAF, datati 9 ta' Diċembru 1998 (Nru 8279) u 23 ta’ Diċembru 1998 (Nru 8673) u mhux sempliċement sommarji.

83      It-tieni nett, il-Kummissjoni tfakkar li mhuwiex meħtieġ li l-Kummissjoni tagħti, ex ufficio, aċċess għad-dokumenti kontestwali kollha li għandhom biss possibbiltà ta’ rabta mal-każ in kwistjoni, iżda, għall-kuntrarju, hija l-parti interessata li għandha titlob, jekk ikun neċessarju, aċċess għal dawn id-dokumenti skond l-Artikolu 255 KE.

84      F'dan il-każ, id-dokumenti li r-rikorrenti ma setgħetx tikkonsulta jikkostitwixxu dokumenti kontestwali. Issa, il-Kummissjoni tenfasizza li t-talba l-ġdida konsultazzjoni tal-fajl ippreżentata mir-rikorrenti fl-20 ta' Ġunju 2003, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u aċċettata permezz ta' ittra ta' l-10 ta' Lulju 2003, ma jistax ikollha effett ġuridiku. Fil-fatt, ir-rikorrenti, mhux biss ma tatx segwitu għal din it-talba, iżda, fi kwalunkwe każ, il-konsgwenza ta’ talba ppreżentata wara li jkunu ġew konklużi proċedimenti amministrattivi u f’każ ta’ lis alibi pendens, ma tistax tkun, a priori, d-drittijiet proċedurali ġew ivvjolati matul il-proċedimenti amministrattivi li seħħew qabel din it-talba

85      It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li, f'kull każ, id-dokumenti kkonċernati mhumiex koperti mid-dritt għal aċċess għall-fajl peress li huma kunfidenzjali. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li d-dritt għal aċċess għall-fajl ma jinkludix l-aċċess għad-dokumenti kunfidenzjali, bħar-rapporti ta' l-UCLAF jew ta' l-OLAF, il-korrispondenza tal-Kummissjoni ma' Stati terzi u l-minuti ta' laqgħat li għalihom ipparteċipaw Stati terzi, kif ukoll il-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri.

86      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta r-rilevanza ta' l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, sostnuta mir-rikorrenti. Skond il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni tirreferi għar-rapport finali mħejji mill-UCLAF skond l-Artikolu 9(1) tar-Regolament, filwaqt li l-Artikolu 8 tar-Regolament jirrigwarda l-kundifenzjalità u l-protezzjoni ta' l-informazzjoni fid-dokumenti mħejjija mill-OLAF.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

87      L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-osservanza tad-dritt li persuna tinstema’ għandu jiġi ggarantit fil-kuntest ta' proċedura ta' maħfra tad-dazju fuq l-importazzjoni, b'mod partikolari fid-dawl tad-dikskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni meta hija tadotta deċiżjoni skond il-klawżola ġenerali ta' ekwità prevista mill-Artikolu 239 tal-KDK (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Mejju 2001, Kaufring et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala "Téléviseurs turcs", T‑186/97, T‑187/97, T‑190/97 sa T‑192/97, T‑210/97, T‑211/97, T‑216/97 sa T‑218/97, T‑279/97, T‑280/97, T‑293/97 u T‑147/99, Ġabra p. II‑1337, punt 152, u tas-27 ta' Frar 2003, Bonn Fleisch Ex- und Import vs Il-Kummissjoni, T‑329/00, Ġabra p. II‑287, punt 45).

88      Madankollu, għandu jiġi osservat ukoll li, f'dan il-qasam, il-prinċipju ta' osservanza tad-drittijiet tad-difiża jimplika biss li l-parti kkonċernata tista' tispjega b'mod utli l-pożizzjoni tagħha fuq l-elementi, inklużi d-dokumenti li jistgħu jitressqu kontriha mill-Kummissjoni, bħala bażi tad-deċiżjoni tagħha. Dan il-prinċipju ma jitlobx, għaldaqstant, li l-Kummissjoni tagħti, ex ufficio, aċċess għad-dokumenti kollha li possibbilment għandhom rabta mal-każ in kwistjoni li hija għandha quddiemha fil-kuntest ta’ talba għal maħfra. Jekk il-parti kkonċernata tqis li tali dokumenti huma utli sabiex tkun tista' turi l-eżistenza ta' sitwazzjoni partikolari u/jew in-nuqqas ta' negliġenza evidenti jew qerq min-naħa tagħha, hija hi li għandha titlob aċċess għal dawn id-dokumenti skond id-dispożizzjonijiet li kienu ġew adottati mill-istituzzjonijiet fuq il-bażi ta' l-Artikolu 255 KEE (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Lulju 2002, Hyper vs Il-Kummissjoni, T-205/99, Ġabra p. II‑3141, punt 63 u Bonn Fleisch Ex- und Import vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 46).

89      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, għal dak li jikkonċerna l-proċedimenti amministrattivi fil-qasam ta' maħfra ta' dazji, il-Qorti tal-Prim'Istanza speċifikat b'mod ċar li hija fuq talba tal-parti kkonċernata li l-konvenuta hija obbligata tagħti aċċess għad-dokumenti kollha amministrattivi mhux kunfidenzjali li jikkonċernaw d-deċiżjoni kkontestata. Fin-nuqqas ta' tali talba, mhemmx, għaldaqstant, aċċess awtomatiku għad-dokumenti li għandha l-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Frar 1998, Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni, T‑42/96, Ġabra p. II‑401, punt 81; tas-17 ta' Settembru 1998, Primex Produkte Import-Export et vs Il-Kummissjoni, T‑50/96, Ġabra p. II‑3773, punt 64 u Bonn Fleisch Ex- und Import vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 46).

90      Ir-raġuni bbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża għandha tiġi eżaminat fid-dawl ta' dawn il-prinċipji.

91      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ammettiet espressament fir-rikors tagħha li hija kellha aċċess għad-dokumenti kollha li kellha l-Kummissjoni u li fuqhom bbażat id-deċiżjoni tagħha. Madankollu, hija ma kellhiex aċċess għad-dokumenti li kellhom importanza deċiżiva għall-evalwazzjoni globali tal-Kummissjoni wettqet fuq is-sitwazzjoni. F'dan ir-rigward, hija tafferma li d-dokumenti li kienu ġew ppreżentati lilha fil-kuntest ta' l-aċċess għall-fajl ma kinux kompleti. B'hekk, ir-rikorrenti tafferma li ma setgħetx tikkonsulta ż-żewġ rapporti ta' missjoni ta' l-UCLAF tad-9 u tat-23 ta' Diċembru 1998 fit-totalità tagħhom, iżda biss "rapporti dwar ir-rapporti ta' missjoni". Bl-istess mod, hija tafferma li ma setgħetx tikkonsulta l-minuti tal-missjoni Komunitarja tax-xahar ta' Ottubru 1998, imsemmija fil-premessa 32 tad-Deċiżjoni kkontestata, kif ukoll l-ittri ta' l-UCLAF ta' l-1 u tad-9 ta' Diċembru 1998 mibgħuta lir-Rappeżentazzjoni Permanenti Torka, imsemmija mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha.

92      F'dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti li tirreferi għalihom ir-rikorrenti mhumiex imsemmija espressament fid-Deċiżjoni kkontestata. Dan ma jeskludix il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata setgħet kienet ibbażata fuq uħud minn dawn id-dokumenti. Madankollu, ma jistax jiġi aċċettat li dan jgħodd ukoll għall-korrispondenza voluminuża kollha li qed tirreferi għaliha r-rikorrenti. Għaldaqstant, dawn jikkostitwixxu, għall-inqas għal dak li jirrigwarda wħud minnhom, dokumenti li jirrigwardaw biss il-kuntest li fih tinsab din il-kawża.

93      B'mod partikolari, ma jistax jiġi aċċettat, u l-ebda punt tad-deċiżjoni kkontestata ma tissuġġerixxi dan, li l-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni Doganali, dwar iċ-ċertifikati A.TR.1 meqjusa irregolari jew foloz waqt l-esportazzjoni ta' konċentrati ta' meraq tal-frott u merkanzija oħra li joriġinaw mit-Turkija, servew bħala bażi għad-deċiżjoni kkontestata. L-istess konklużjoni tgħodd fir-rigward ta' opinjoni tad-Dipartiment Doganali ta' Ravenna tat-12 ta' Ġunju 1998, imsemmija mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, li r-rikorrenti tallega li ma setgħetx tikkonsulta.

94      Fi kwalunkwe każ, meta dokumenti li ma servewx bħala bażi għad-deċiżjoni kkontestata ma ġewx ikkomunikati, in-nuqqas eventwali milli jiġu kkomunikati mhuwiex rilevanti, peress li tali dokumenti bl-ebda mod ma setgħu jaffettwaw id-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, din ir-raġuni, safejn tikkonċerna n-nuqqas li dawn id-dokumenti jiġu kkomunikati, għandha tiġi eskluża bħala irrilevanti.

95      Min-naħa l-oħra, dan ma jgħoddx għan-nuqqas li d-dokumenti użati mill-Kummissjoni bħala bażi għad-deċiżjoni kkontestata jiġu kkomunikati.

96      Fil-kuntest ta' l-eżami ta' dawn id-dokumenti, għandu jiġi mfakkar li, f'dan il-każ, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti, permezz ta' ittra tal-25 ta' Lulju 2002, bl-analiżi provviżorja tagħha li l-kundizzjonijiet sabiex tiġi aċċettata maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni ma kinux sodisfatti. Għaldaqstant, huwa paċifiku li, permezz ta' din l-ittra tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti ngħatat l-opportunità, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tieħu pożizzjoni u li tagħti l-opinjoni tagħha fuq il-provi li ġġustifikaw, skond il-Kummissjoni, iċ-ċaħda tat-talba għal maħfra.

97      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax din il-konstatazzjoni, iżda ssostni li l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża kien ġie vvjolat safejn ġie rrifjutat lilha l-aċċess għal ċerti dokumenti li fuqhom il-Kummissjoni kienet ibbażat id-deċiżjoni tagħha jew, għall-inqas, safejn dawn id-dokumenti ma kinux kompleti.

98      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, wara l-ittra tal-Kummissjoni tal-25 ta' Lulju 2002, ir-rappreżentant tar-rikorrenti kkonsulta l-fajl relativ għad-deċiżjoni kkontestata fl-uffiċċji tal-Kummissjoni fis-6 ta' Awwissu 2002. Meta saret din il-konsultazzjoni, dan ir-rappreżentant iffirma dikjarazzjoni bil-miktub li fiha huwa kkonferma espressament li huwa kellu aċċess għad-dokumenti kollha li kellhom rabta diretta jew indiretta mal-fajl in kwistjoni. Barra minn hekk, kien hemm lista mehmuża ma' din id-dikjarazzjoni, li fiha kien hemm elenkati d-dokumenti kollha li għalihom kellu aċċess l-imsemmi rappreżentant.

99      Issa, għandu jiġi osservat li din il-lista ssemmi r-rapporti ta' missjoni ta' l-UCLAF tad-9 u tat-23 ta' Diċembru 1998, li kellhom in-numri 8279 u 8673 rispettivament. Bħala risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni ppreżentat żewġ rapporti li kellhom l-istess numri. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Prim’Istanza li dawn ir-rapporti kienu jikkorrispondu effettivament għar-rapporti konċiżi kompleti, minn naħa, tad-9 ta' Diċembru 1998, dwar il-missjoni li seħħet mit-12 sal-15 ta' Ottubru 1998 (Nru 8279), u, min-naħa l-oħra, tat-23 ta' Diċembru 1998, dwar il-missjoni ta' investigazzjoni mwettqa mit-30 ta' Novembru sat-2 ta' Diċembru 1998 (Nru 8673), u li ma kien sar ebda rapport ieħor dwar iż-żewġ missjonijiet ta' l-UCLAF. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-fatt li n-numri li jinsabu fuq l-ewwel paġna tar-rapport jikkorrispondu għan-numri li kienu ġew indikati fil-lista annessa mad-dikjarazzjoni tar-rappreżentant tar-rikorrenti, fis-6 ta' Awwissu 2002, juri li r- rikorrenti, u dan għall-kuntrarju ta' dak allegat minnha, kellha aċċess għar-rapporti ta' missjoni. Għal dak li jikkonċerna t-talba tar-rikorrenti li jkollha aċċess għall-minuti tal-missjoni Komunitarja tax-xahar ta' Ottubru 1998, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali minuti ma jeżistux. Fil-fatt, minn naħa, bħal ma speċifikat il-Kummissjoni waqt is-seduta, ir-rapport Nru 8279 huwa l-uniku rapport li kien ġie mħejji għall-missjoni li seħħet mit-12 sal-15 ta' Ottubru 1998 u, min-naħa l-oħra, ma saret ebda referenza għal tali minuti fid-deċiżjoni kkontestata.

100    Rigward l-ittri ta' l-UCLAF ta’ l-1 ta' Diċembru u d-9 ta' Diċembru 1998 invokati mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, il-lista tas-6 ta' Awwissu 2002 li telenka d-dokumenti li kellha aċċess għalihom, tirreferi għall-ittra ta' l-UCLAF Nru 8281, datata d-9 ta' Diċembru 1998, indirizzata lir-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kellha aċċess għal dan id-dokument. Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna l-ittra datata l-1 ta' Diċembru 1998, il-Kummissjoni speċifikat, fil-kuntest ta' domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li din l-ittra ma teżistix u li r-referenza magħmula fir-risposta tagħha għal ittra ta' l-UCLAF ta' l-1 ta' Diċembru 1998 kienet żball. F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din l-ispeċifikazzjoni hija kkonfermata mil-lista tas-6 ta' Awwissu 2002, li ssemmi biss, għall-1 ta' Diċembru 1998, ittra tal-Ministeru tal-Ġustizzja Tork indirizzata lill-UCLAF.

101    Rigward il-komunikazzjonijiet skambjati mill-Kummissjoni u l-UCLAF ma' l-awtoritajiet Torok u l-awtoritajiet doganali nazzjonali ta' l-Istati Membri, huwa biżżejjed li jiġi osservat li ebda element ma jippermetti li wieħed jissopponi li l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq dokumenti differenti minn dawk li jinsabu fil-fajl li għalih kellha aċċess ir-rikorrenti waqt il-konsultazzjoni fis-6 ta' Awwissu 2002.

102    Ebda talba għal aċċess għal dokumenti oħra tal-fajl ma ġiet ippreżentata mir-rikorrenti matul il-proċedimenti amministrattivi. Rigward it-talba għal aċċess ippreżentata mir-rikorrenti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u wara l-preżentata ta' dan ir-rikors, għandu jiġi kkonstatat li din mhijiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ġewx ivvjolati waqt il-proċedimenti amministrattivi u ma din ma jistax ikollha effett fuq il-legalità ta' l-imsemmija deċiżjoni. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti, permezz ta' ittra ta' l-10 ta' Lulju 2003, li kien possibbli għal din ta' l-aħħar li tikkonsulta d-dokumenti in kwistjoni skond it-talba magħmula skond l-Artikolu 255 KE, Issa, ir-rikorrenti ma laqgħatx din l-istedina.

103    Konsegwentement, l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda.

B –  Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 239 tal-KDK

104    Din ir-raġuni hija magħmula minn erba' partijiet. L-ewwel parti tikkonċerna l-klassifikazzjoni inkorretta taċ-ċertifikat ta' ċirkulazzjoni A.TR.1 D 437214. It-tieni u t-tielet partijiet jesponu n-nuqqasijiet serji attribwiti lill-awrtoriajiet Torok u dawk attribwiti lill-Kummissjoni rispettivament. Fl-aħħar nett, ir-raba' parti tikkonċerna n-nuqqas ta' negliġenza evidenti tar-rikorrenti u l-evalwazzjoni ta' riskji kummerċjali.

1.     1. Fuq iċ-ċertifikat ta' ċirkulazzjoni A.TR.1 D 437214

a)     L-argumenti tal-partijiet

105    Ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni wettqet żball fil-parti in kwistjoni tad-deċiżjoni kkontestata billi inkludiet iċ-ċertifikat A.TR.1 D 437214 fost iċ-ċertifikati meqjusa mhux awtentiċi. Skond ir-rikorrenti, mid-dokumenti tal-fajl jirriżulta li dan iċ-ċertifikat kellu jkun meqjus bħala invalidu biss u, konsegwentement, id-dazji fuq l-importazzjoni relatati miegħu kellhom jitħallsu lura. Diversi dokumenti tal-fajl juru li l-awtoritajiet Torok ma kklassifikawx iċ-ċertifikat D 437214 bħala mhux awtentiku. Ir-rikorrenti informat b'dan l-iżball lill-Kummissjoni permezz ta' ittra tas-17 ta' Diċembru 2002.

106    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li hija biss l-ittra ta' l-ammistrazzjoni doganali Torka (Prime Minister, Undersecretariate for Customs) tat-8 ta' Marzu 1999, mibgħuta lill-amministrazzjoni doganali Taljana, li tista' tiffavorixxi l-argument li l-imsemmi ċertifikat mhuwiex awtentiku. Madankollu, mhuwiex speċifikat fiha jekk dan huwiex irregolari jew mhux awtentiku, iżda sempliċiment li huwa "ma nħariġx u ma ġiex endorsjat mi[ll-]uffiċċju ta' dwana [Torka]" (was not issued and endorsed by our customs office).

107    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li din l-ittra kienet, madankollu, ġiet invalidata mill-awtoritajiet Torok, b'mod partikolari fl-ittra tar-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka tat-22 ta' April 1999, li fiha hemm indikat b'mod ċar li ċ-ċertifikat in kwistjoni "ma kienx korrett u ma [kienx] inħareġ skond ir-regoli" ([was] not correct and [was] not issued according to the rules), jiġifieri kien inħareġ b’mod ħażin.

108    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tosserva li t-termini "not correct" ifissru b'mod ċar li ċ-ċertifikat in kwistjoni kien irregolari. L-inklużjoni "not issued according to the rules " tippermetti biss interpretazzjoni waħda, jiġifieri li l-awtorità doganali Torka ħejjiet u ħarġet l-imsemmi ċertifikat bi vjolazzjoni tar-regoli fuq l-oriġini tal-merkanzija fit-Turkija. Dan l-argument huwa sostnut mis-sentenza: "ġie kkonstatat li dawn id-dokumenti nħarġu għall-finijiet tal-proċess ta' tranżitu" (it has been understood that these documents had been issued for transit trade), użata fl-istesss ittra. L-awtorità doganali Torka għaldaqstant ammettiet li ħarġet ukoll ċertifikati ta' ċirkulazzjoni tal-merkanzija taħt proċess ta' tranżitu, għal konċentrati ta' meraq tat-tuffieħ mill-Iran li ma kinux ġew ipproċessati bil-proċedura ta' l-ipproċessar tad-dħul fit-Turkija.

109    It-tielet nett, ir-rikorrenti tenfasizza li l-ittra tat-22 ta' April 1999 tar-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka ssemmi, maċ-ċertifikat A.TR.1 D 437214, żewġ ċertifikati oħra ta' ċirkulazzjoni ta' merkanzija, jiġifieri dawk li għandhom ir-referenzi C 982920 u C 982938. Ir-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka qieset li dawn iċ-ċertifikati "[ma kinux] korretti u ma nħarġux skond ir-regoli" ([were] not correct and were not issued according to the rules) mingħajr ma għamlet distinzjoni bejniethom. Issa, ir-rikorrenti talbet il-ħlas lura tad-dazji fuq l-importazzjoni relatati ma' dawn iż-żewġ ċertifikati. L-awtoritajiet Taljani kklassifikawhom bħala invalidi u huma ġew inklużi maċ-ċertifikati li fir-rigward tagħhom id-deċiżjoni kkontestata tagħti l-ħlas lura tad-dazji. Ir-rikorrenti tafferma għaldaqstant li hija ma ssib l-ebda raġuni għalfejn iċ-ċertifikat D 437214, fuq livelli ġuridiċi u fattwali, ġie evalwat b’mod differenti mill-evalwazzjoni magħmula fir-rigward taċ-ċertifikati C 982920 u 982938. Għall-kuntrarju ta' dak li tafferma l-Kummissjoni, l-ittra tat-22 ta' April 1999 ma tagħmel l-ebda korrezzjoni espressa għall-ittra tat-8 ta' Marzu 1999, peress li hija ma tirreferix espressament għaliha u tirreferi biss għall-komunikazzjonijiet preċedenti.

110    Ir-raba' nett, ir-rikorrenti ssostni li l-eżattezza ta’ l-argument tagħha hija wkoll ikkonfermata minn ittra ta' l-10 ta' Awwissu 1999 tar-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka. Fil-paġna 3, punt X, ta' l-imsemmija ittra, ġie kkonfermat mill-ġdid li ċ-ċertifikati ta' ċirkulazzjoni ta' merkanzija msemmija fl-ittra tat-22 ta' April 1999, inkluż iċ-ċertifikat D 437214, kienu nħarġu taħt il-proċess ta' tranżitu għall-meraq tat-tuffieħ li ma joriġinax mit-Turkija. Din l-ittra lanqas tindika li ċ-ċertifikati msemmija ma kinux awtentiċi jew kienu falsifikati. L-ittra ta' l-UCLAF lir-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka tad-9 ta' Diċembru 1998 fiha l-istess evalwazzjoni, peress li l-ittra tikklassifika ċ-ċertifikat A.TR.1 D 437214 bħala "żbaljat" (not correct).

111    Fl-aħħar nett, fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li l-ittra ta' l-amministrazzjoni doganali Taljana ta' l-24 ta' Marzu 2003 tikkonferma li ċ-ċertifikat in kwistjoni mhuwiex awtentiku. Skond ir-rikorrenti, l-awtoritajiet Taljani jirreferu għalih biss fl-ittra ta' l-amministrazzjoni doganali Torka tat-8 ta' Marzu 1999, mingħajr, madankollu, ma jikkummentaw fuq l-ittra, ukoll mehmuża, tar-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka tat-22 ta' April 1999. Barra minn hekk, ittra tat-18 ta' Mejju 1999 tal-Ministeru tal-Finanzi Taljan, li tinsab fl-anness tal-fajl, probabbilment tirrigwarda l-ittra tar-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka tat-22 ta' April 1999 u ċ-ċertifikat D 437214, billi indikat li dan huwa ċertifikat irregolari. L-awtoritajiet doganali Taljani għamlu talba ġdida għal preċiżjonijiet lill-amministrazzjoni doganali Torka dwar il-klassifikazzjoni taċ-ċertifikat D 437214, u s'issa din għadha ma rrispondietx.

112    Qabel kollox, il-Kummissjoni tenfasizza li, skond il-leġiżlazzjoni applikabbli f'dan il-każ fil-kuntest tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, huma l-awtoritajiet Torok li għandhom jikkonstataw jekk iċ-ċertifikati ta' oriġini Torka humiex awtentiċi jew le. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fis-sentenza tagħha Bonn Fleisch Ex- und Import vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq (punt 77), li l-Kummissjoni setgħet taċċetta d-dikjarazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Spanjoli dwar in-nuqqas ta' awtentiċità ta' estratti ta' ċertifikati ta' importazzjoni u li ebda investigazzjoni addizzjonali min-naħa tagħha ma kellha ssir f'dan ir-rigward. Skond il-Kummissjoni, jekk hija tista' toqgħod fuq id-dikjarazzjonijiet ta' l-awtoritajiet ta' Stati Membri dwar l-awtentiċità ta' tali dokumenti, dan jgħodd ukoll, a fortiori, fir-rigward ta' awtoritajiet ta' Stat terz, li mhuwiex marbut mit-Trattat KE u li mhuwiex suġġett għall-poteri tal-Kummissjoni fil-qasam.

113    Sussegwentement, il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni tar-rikorrenti tad-diversi ittri msemmija u ssostni li, safejn iċ-ċertifikat in kwistjoni kien ġie kklassifikat bħala falz mill-awtoritajiet Torok, l-ebda żball ma jista' jiġi attribwit lilha.

114    Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni li l-ittra tat-8 ta' Marzu 1999 ta' l-amministrazzjoni doganali Torka għandha tiġi interpretata fis-sens li ċ-ċertifikat in kwistjoni kien meqjus falz peress li huwa ma kienx inħareġ mill-awtoritajiet doganali Torok. Issa, skond il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Torok fl-ebda mument u fl-ebda dokument ma biddlu l-konstatazzjoni tagħhom tat-8 ta' Marzu 1999, li ċ-ċertifikat ta' ċirkulazzjoni ta' merkanzija in kwistjoni ma kienx inħareġ mid-dipartimenti tagħhom.

115    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tafferma li, fl-ittra tagħha tat-22 ta' April 1999, ir-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka ma biddlitx il-konstatazzjoni preċedenti, li tistabbilixxi li ċ-ċertifikat kien falz, iżda kkonstatat biss li ma kienx korrett u li ma kienx inħareġ skond il-leġiżlazzjoni applikabbli.

116    It-tieni nett, il-falsifikazzjoni ta' l-imsemmi ċertifikat kienet ġiet ikkonfermata mill-UCLAF, permezz ta' ittra tas-6 ta' Mejju 1999, kif ukoll mill-amministrazzjoni ċentrali Taljana inkarigata mid-dwana, permezz ta' ittra tat-18 ta' Mejju 1999, żewġ ittri li jirreferu għalihom l-awtoritajiet doganali Taljani f'ittra ta' l-24 ta' Jannar 2003 indirizzata lill-Kummissjoni. Ir-rikorrenti kienet ġiet informata b'dawn il-konstatazzjoni permezz ta' ittra tat-18 ta' Marzu 2003.

117    It-tielet nett, l-awtoritajiet doganali Taljani, fl-ittri tagħhom tas-7 ta' Ġunju 2002 u l-10 ta' Settembru 2003, ukoll ikkonfermaw lill-Kummissjoni li l-amministrazzjoni doganali Torka kienet ikkonkludiet li ċ-ċertifikat kien falz.

118    Ir-raba' nett, il-Kummissjoni ssostni li, permezz ta' ittra tat-22 ta' Awwissu 2003, mibgħuta lill-amministrazzjoni doganali Taljana, l-amministrazzjoni doganali Torka kkonfermat mill-ġdid il-konstatazzjoni tagħha tat-8 ta' Marzu 1999 u indikat li l-imsemmi ċertifikat kien falsifikat. Ġie speċifikat, barra minn hekk, li l-kontrollur ta' l-ammistrazzjoni doganali Torka kompetenti fil-qasam kien eżamina mill-ġdid din il-kwistjoni u kkonkluda li l-imsemmi ċertifikat kien falsifikat.

119    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinsisti fuq il-fatt li l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-amministrazzjoni doganali Torka kienet ukoll ħarġet ċertifikati ta' ċirkulazzjoni ta' merkanzija għall-kummerċ ta' tranżitu mhijiex rilevanti. Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti tirreferi għal ċertifikati ta' ċirkulazzjoni ta' merkanzija ineżatti, li mhumiex is-suġġett ta' din il-kawża. Min-naħa l-oħra, iċ-ċertifikati ineżatti li għalihom qed tirreferi r-rikorrenti ma kinux inħarġu mill-awtoritajiet Torok għal kummerċ ta' tranżitu, iżda, għall-kuntrarju, dawn kienu jikkonċernaw merkanzija li kienet toriġina minn kummerċ ta' tranżitu.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

120    Skond ġurisprudenza kostanti, id-determinazzjoni ta' l-oriġini tal-merkanzija hija bbażata fuq tqassim ta' poteri bejn l-awtoritajiet ta' l-Istat ta' esportazzjoni u dawk ta' l-Istat ta' importazzjoni, fis-sens li l-oriġini hija stabbilita mill-awtoritajiet ta' l-Istat ta' esportazzjoni filwaqt li l-kontroll ta’ l-operat ta' din is-sistema huwa assigurat mill-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet involuti. Din is-sistema hija ġġustifikata mill-fatt li l-awtoritajiet ta' l-Istat ta' esportazzjoni huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jivverifikaw direttament il-fatti li jiddeterminaw l-oriġini (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Mejju 1996, Faroe Seafood et, C‑153/94 u C‑204/94, Ġabra p. I‑2465, punt 19).

121    Il-mekkaniżmu previst jista' jaħdem biss jekk l-amministrazzjoni doganali ta' l-Istat ta' importazzjoni tirrikonoxxi l-evalwazzjonijiet magħmula legalment mill-awtoritajiet ta' l-Istat ta' esportazzjoni (sentenza Faroe Seafood et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 20). Ir-rikonoxximent ta' tali deċiżjonijiet mill-amministrazzjonijiet doganali ta' l-Istati Membri huwa neċessarju sabiex il-Komunità tkun tista' titlob titlob, mill-awtoritajiet ta' Stati oħra li magħhom tkun ikkonkludiet ftehim ta’ kummerċ ħieles, ir-rispett tad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet doganali ta' l-Istati Membri dwar l-oriġini tal-prodotti esportati mill-Komunità lejn dawn l-Istati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Lulju 1984, Les Rapides Savoyards, 218/83, Ġabra p. 3105, punt 27).

122    Fil-każ in kwistjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni kkonkludietx ġustament li ċ-ċertifikat D 437214 huwa falsifikat, huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-korrispondenza bejnha, l-awtoritajiet doganali Taljani u l-awtoritajiet kompetenti Torok. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni bbażat ruħha, essenzjalment, fuq l-ittra ta' l-awtoritajiet Torok tat-8 ta' Marzu 1999, mibgħuta lid-Dipartiment Doganali ta' Ravenna, fir-rigward tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna ċ-ċertifikati falsifikati.

123    Issa, f'din l-ittra tinsab annessa l-lista tat-32 ċertifikat ikkunsidrati mill-awtoritajiet Torok bħala falsifikati, fosthom iċ-ċertifikat D 437214. F'dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi kkonstatat li t-termini użati mill-awtoritajiet Torok f'din l-ittra, jiġifieri "iċ-ċertifikati li ġew elenkati fl-anness mhumiex korretti u ma nħarġux jew ma ġewx endorsjati mill-uffiċċju doganali tagħna" (the certificates that have been listed in annex are not correct and were not issued and endorsed by our customs office), jindikaw b'mod ċar li huma kienu kkonkludew li ċ-ċertifikati elenkati kienu foloz.

124    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li meta l-kontenut ta' l-ittra tat-8 ta' Marzu 1999 titqabbel mal-kontenut tal-komunikazzjonijiet sussegwenti ta' l-awtoritajiet Torok jirriżultaw ċerti ambigwitajiet għal dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni taċ-ċertifikat D 437214. B'hekk, l-ittra tar-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka lill-UCLAF tat-22 ta' April 1999, miktuba bl-Ingliż, tirreferi għal sitt ċertifikati, fosthom iċ-ċertifikat in kwistjoni, billi tikklassifikahom bħala "inkorretti u ma nħarġux skond ir-regoli ta' oriġini" (not correct and […] not issued according to the rules). Skond din l-istess ittra, dawn is-sitt ċertifikati kienu nħarġu għal kummerċ ta' tranżitu.

125    Għaldaqstant, jidher li d-differenza bejn il-konstatazzjonijiet esposti fl-ittra tat-8 ta' Marzu 1999 u dawk tat-22 ta' April 1999 tirriżulta mill-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-frażi "not correct […] and not issued according to the rules". Anki jekk l-espressjoni "not correct", riprodotta fl-ittri ta' l-UCLAF tad-9 ta' Diċembru 1998, ma ssolvix il-kwistjoni dwar jekk iċ-ċertifikati kinux falsifikati, jibqa' l-fatt li din l-espressjoni setgħet tiġi interpretata fis-sens li ċ-ċertifikati in kwistjoni ma kinux ġew falsifikati.

126    Fid-dawl ta' l-amibigwitajiet osservati, in-natura falza jew sempliċiment irregolari taċ-ċertifikat D 437214 ma setgħetx tiġi dedotta b'ċertezza mill-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. L-argumenti tal-Kummissjoni li huma bbażati fuq il-kontenut ta' l-ittri ta' l-awtoritajiet Taljani ta' l-24 ta' Jannar 2003 u tas-7 ta' Ġunju 2002 b’ebda mod ma jinvalidaw din il-konklużjoni.

127    L-ewwel nett, l-ittra ta' l-24 ta' Jannar 2003 tirreferi għal żewġ ittri, jiġifieri ittra ta' l-UCLAF tas-6 ta' Mejju 1999 u ittra tad-Direttorat Ċentrali tad-Dwana ta' Ruma tat-18 ta' Mejju 1999. Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn it-tnejn ta' l-aħħar huma bbażati fuq il-konstatazzjonijiet li jinsabu fl-ittra ta' l-awtoritajiet Torok tat-22 ta' April 1999. It-tieni nett, rigward l-ittra tas-7 ta' Ġunju 2002, jidher li din telenka biss iċ-ċertifikati meqjusa bħala falsifikati, abbażi b'mod partikolari ta’ l-ittra ta' l-awtoritajiet Torok tat-8 ta' Marzu 1999, mingħajr ma żżid elementi ġodda. Issa, ir-rikorrenti indikat lill-Kummissjoni, permezz ta' ittra tat-12 ta' Novembru 2001, li mill-ittra tar-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka tat-22 ta' April 1999 jirriżulta li ċ-ċertifikat D 437214 kellu jiġi kklassifikat bħala inkorrett, u mhux falsifikat.

128    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tad-differenzi osservati, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi b'mod validu li ċ-ċertifikat D 437214 kien falz qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

129    Madankollu, għandu jiġi osservat li, wara talba ppreżentata mir-rikorrenti f'ittra tas-17 ta' Diċembru 2002, jiġifieri wara l-adozzjoni ta' l-att ikkontestat, il-Kummissjoni saqsiet mill-ġdid lill-awtoritajiet Taljani dwar il-klassifikazzjoni taċ-ċertifikat in kwistjoni. Dawn qiesu neċessarju li jitolbu kjarifiki addizzjonali lill-awtoritajiet Torok. Permezz ta' ittra tat-22 ta' Awwissu 2003, l-awtoritajiet Torok mhux talli kkonfermaw il-konklużjonijiet li jinsabu fl-ittra tagħhom tat-8 ta' Marzu 1999, iżda indikaw ukoll li l-kontrollur tad-dwana kien ikkonkluda li ċ-ċertifikat kien iffalsifikat u b'hekk neħħew kull dubju dwar in-natura falza taċ-ċertifikat D 437214.

130    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li huwa biss mill-konferma li tinsab f'din l-aħħar komunikazzjoni li l-informazzjoni fil-fajl amministrattiv ippermettiet lill-Kummissjoni tafferma b'ċertezza li ċ-ċertifikat in kwistjoni kien falz. Konsegwentement, fid-dawl ta' l-elementi msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni ma setgħetx validament tirrifjuta l-ħlas lura tad-dazji doganali relativi għall-merkanzija koperta miċ-ċertifikat D 437214 fiż-żmien meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, iżda kellha tillimita ruħha, fid-dawl ta' tali elementi, għas-sospensjoni ta' l-imsemmi ħlas lura.

131    Minkejja dan, din il-kunsiderazzjoni waħedha mhijiex biżżejjed sabiex twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

132    Fil-fatt, rikorrent m'għandu l-ebda interess leġittimu fl-annullament ta’ deċiżjoni minħabba n-nuqqas ta' osservanza ta’ rekwiżit proċedurali fil-każ fejn l-annullament tad-deċiżjoni jista' biss jagħti lok għall-adozzjoni ta' deċiżjoni ġdida, identika, fis-sustanza, għad-deċiżjoni annullata [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta' Diċembru 2003, Audi/L-UASI (TDI), T‑16/02, Ġabra p. II‑5167, punti 97 u 98 u l-ġurisprudenza fiha ċċitata]. Issa, f'dan il-każ, jirriżulta mill-punt 129 hawn fuq li ċ-ċertifikat D 437214 għandu jiġi kklassifikat bħala falz.

133    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti m'għandha l-ebda interess leġittimu fl-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, peress li dan jista' biss jagħti lok għall-adozzjoni ta' deċiżjoni ġdida, identika fis-sustanza . Għaldaqstant, din il-parti tat-tieni raġuni għandha tiġi miċħuda bħala irrilevanti.

2.     Fuq in-nuqqasijiet attribwibbli lill-awtoritajiet Torok

134    Essenzjalment, ir-rikorrenti ssostni li l-awtoritajiet Torok kisru b'mod serju l-obbligi imposti fuqhom mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u d-dispożizzjonijiet addizzjonali tiegħu. Fil-fatt, huma mhux biss ħbew il-verità meta kklassifikaw it-32 ċertifikat in kwistjoni bħala foloz, iżda huma adottaw ukoll b'mod sistematiku aġir illegali billi ħarġu ċertifikati ta' ċirkulazzjoni għal merkanzija li ma toriġinax mit-Turkija. Skond ir-rikorrenti, is-sistema preferenzjali prevista mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni kienet ġiet abbużata sabiex jiġu esportati lejn l-Unjoni Ewropea, b'rati preferenzjali, kwantitajiet kbar ta' merkanzija li toriġina minn pajjiżi terzi billi jiġu ppreżentati bħala prodotti Torok permezz tal-ħruġ ta' ċertifikati ta' ċirkulazzjoni ta' merkanzija. Din il-prassi toħroġ b'mod ċar mir-rata għolja ħafna li biha l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet Torok għolew bejn l-1993 u l-1996. F'dan il-każ, iċ-ċertifikati in kwistjoni jikkostitwixxu dokumenti awtentiċi, peress li ġew irreġistrati u maħruġa mill-Uffiċċju Doganali ta' Mersin (it-Turkija).

135    Il-Kummissjoni tiċħad, essenzjalment, l-argumenti tar-rikorrenti u ssostni li r-rikors kollu huwa bbażat fuq l-affermazzjoni li t-32 ċertifikat in kwistjoni ma jikkostitwixxux falsifikazzjonijiet, iżda, għall-kuntrarju, inħarġu mill-awtoritajiet doganali Torok ta' Mersin, li għamlu dikjarazzjonijiet foloz fir-rigward tagħhom. Minkejja dan, skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti mhijiex f'pożizzjoni li tipprovdi l-inqas prova in sostenn ta' dan l-argument li huwa kkonfutat, barra minn hekk, mid-dikjarazzjonijiet ċari u preċiżi ta' l-awtoritajiet Torok.

a)     Fuq il-kampjuni tat-timbri u tal-firem

 L-argumenti tal-partijiet

136    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li t-timbri u tal-firem fuq iċ-ċertifikati in kwistjoni juru li dawn x’aktarx inħarġu u ġew awtentikati mill-awtoritajiet Torok.

137    Skond ir-rikorrenti, l-Amministrazzjoni Ċentrali Doganali Torka kkonfermat li bagħtet lill-Kummissjoni l-kampjuni tal-marka li jħallu timbri, li kienu ġew trażmessi lil kull awtorità doganali nazzjonali tal-Komunità qabel l-1995. In sostenn ta' din l-affermazzjoni, ir-rikorrenti tiddikjara li l-Ministeru tal-Finanzi Taljan ippermettielha tagħmel fotokopja ta' ħames dokumenti, li l-Kummissjoni kellha wkoll fil-pussess tagħha, li juri li l-awtoritajiet Torok kienu bagħtu lill-awtoritajiet Taljani u lill-Kummissjoni l-kopji tal-kampjuni in kwistjoni.

138    Issa, l-awtoritajiet doganali Taljani, li għaldaqstant kellhom kopja tat-timbri oriġinali, qabbluhom mat-timbri u l-firem li kienu jinsabu fuq iċ-ċertifikati in kwistjoni u, minkejja dan, dawn ġew aċċettati minnhom. Barra minn hekk, il-kopji taċ-ċertifikati in kwistjoni, ikkunsidrati mhux awtentiċi jew falsifikati, ma jintgħarfux minn ċertifikati oħra meqjusa regolari. Barra minn hekk, it-timbri użati fuq iċ-ċertifikati, jew għall-inqas fuq il-kopji, mhumiex stampati tajjeb u kważi ma jistgħux jinqraw. Issa, id-dwana ta' Mersin kienu kkonfermaw lir-rikorrenti li huma użaw timbri li kważi ma jinqrawx.

139    It-tieni nett, ir-rikorrenti tafferma li l-obbligu, impost fuq l-awtoritajiet Torok, li jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-kampjuni tal-marka li jħallu t-timbri u tal-firem użati mill-uffiċċji doganali tagħhom sabiex jendorsjaw iċ-ċertifikati ta' trasport ta' merkanzija jirriżulta kemm mis-sistema preferenzjali stabbilita mar-Repubblika tat-Turkija kif ukoll mill-Artikolu 93 tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-KDK. Għall-kuntrarju ta' dak li tqis il-Kummissjoni, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1/96 jirreferi għall-Artikolu 93 tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-KDK u jadattah safejn it-termini "formula A" ripodotti fih għandhom jiġu sostitwiti bit-termini "A.TR.1". Għaldaqstant, mhuwiex neċessarju li l-obbligu ta' komunikazzjoni tal-kampjuni jiġi speċifikat fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni. Il-Kummissjoni tiżbalja meta tallega li, fir-rigward tar-regoli ta' oriġini, ir-referenza għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fl-Artikoli 27(a) u l-Artikolu 20(3)(d) tal-KDK tipprekludi l-obbligu li l-imsemmija kampjuni jiġu trażmessi

140    Barra minn hekk, l-obbligu ta' komunikazzjoni tal-kampjuni japplika mhux biss għaċ-ċertifikati maħruġa skond il-proċedura simplifikata prevista fl-Artikolu 12(5) tad-Deċiżjoni Nru 1/96, iżda huwa impost b'mod ġenerali u jikkostitwixxi l-bażi tal-kontroll ta' l-awtentiċità u tar-regolarità ta' l-imsemmija ċertifikati. Dan l-obbligu jirriżulta wkoll mill-Artikolu 26 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 billi fih hu previst it-titjib progressiv tas-sistema preferenzjali għall-kummerċ ta' prodotti agrikoli.

141    Rigward l-argument tal-Kummissjoni li r-Repubblika tat-Turkija mhijiex membru tal-Komunità u li għaldaqstant il-kwistjoni jekk tali obbligu ta' komunikazzjoni taqa’ taħt is-setgħa sovrana tagħha, ir-rikorrenti tiddikjara li jeżistu diversi Stati sovrani oħra li magħhom il-komunikazzjoni ta' timbri u ta' firem kienet ġiet miftiehma fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn amministrazzjonijiet. Bħala eżempju, ir-rikorrenti tirreferi għall-Ftehim Ewro-Mediterranju konkluż ma' l-Istat ta' Iżrael fil-21 ta' Ġunju 2000 (ĠU L 147, p.1).

142    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tenfasizza li, jekk l-obbligu, fil-kuntest taċ-ċertifikati li kienu ħarġu skond il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) ta' l-1994, li jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni t-timbri u l-firem ta' l-awtorità doganali nazzjonali jeżisti anki ġewwa l-Unjoni Ewropea, bl-unjoni doganali tagħha u suq agrikolu komuni, dan għandu, a fortiori, jgħodd ukoll, abbażi tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar 'il fuq, għar-relazzjonijiet bejn il-Komunità u r-Repubblika tat-Turkija.

143    Il-Kummissjoni tafferma, fl-ewwel lok, li l-awtoritajiet Torok ma kinux obbligati jikkomunikawlha l-kampjuni tat-timbri u tal-firem użati mill-uffiċċji doganali tagħhom. Skond il-Kummissjoni, l-Artikolu 93 tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-KDK mhuwiex applikabbli għal dan il-każ, peress li, minn naħa, dan jikkonċerna biss il-formularji APR u ċ-ċertifikati ta' oriġini "formula A", li jkopru l-importazzjoni ta' merkanzija li toriġina minn pajjiż li qed jiżviluppa biss u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 20 tal-KDK ma jiddikjarahx applikabbli, b'analoġija, fil-kuntest tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

144    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 28(4) tar-Regolament (KEE) Nru 3719/88 tas-16 ta' Novembru 1988, li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji ta' importazzjoni u ta' esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta' ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (ĠU L 331, p. 1), kif interpretat fis-sentenza Bonn Fleisch Ex- und Import vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, lanqas ma jimponi tali obbligu ta' komunikazzjoni, peress li l-Artikolu 1 ta' l-imsemmi Regolament jillimita l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu. Fil-fatt, l-unjoni doganali u/jew il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mhumiex imsemmija hemmhekk, filwaqt li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u/jew ir-Regolamenti tal-Komunità li japprovawhom ma jiddikjarawx li r-Regolament Nru 3719/88 huwa applikabbli b'analoġija f'dan il-kuntest.

145    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-analoġija mal-Konvenzjoni Mediterranja li torbot lill-Unjoni Ewropea u l-Istat ta' Iżrael ma tippremettix li jiġi konkluż li l-Artikolu 93 tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-KDK huwa applikabbli. Fil-fatt, il-kontenut espliċitu tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jipprekluduh.

146    Minbarra dan, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti tinterpreta ħażin il-fatt li, skond is-sistema prevista mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, il-kontroll u l-konstatazzjoni eventwali tan-natura mhux awtentika taċ-ċertifikati ta' ċirkulazzjoni tal-merkanzija A.TR.1 jaqgħu taħt il-kompetenza ta' l-awtoritajiet Torok kompetenti u mhux taħt il-kompetenza ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità. Issa, skond il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Torok iddikjaraw b'mod ċar diversi drabi, b'mod partikolari fl-ittra tat-8 ta' Marzu 1999 imsemmija hawn fuq, li t-32 ċertifikat in kwistjoni ma kinux awtentiċi, peress li kienu falsifikati. Għaldaqstant, is-suppożizzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-awtentċità taċ-ċertifikati in kwistjoni mhumiex rilevanti.

147    Fl-aħħar lok, rigward l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti li l-marka li jħallu t-timbri ma tantx jinqraw sew jew li dawn huma f'kundizzjoni ħażina, il-Kummissjoni ssostni li, safejn ir-rikorrenti tirreferi għal dawn il-kopji, dan ma jfissirx neċessarjament li t-timbri użati mill-awtoritajiet Torok fuq l-oriġinal kienu f'kundizzjoni ħażina jew ma kinux ċari. Min-naħa l-oħra, il-qedem tat-timbri u ċ-ċarezza tal-marka li jħallu bl-ebda mod ma jindikaw li ċ-ċertifikati in kwistjoni xorta kienu nħarġu mill-awtoritajiet Torok.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

–       Osservazzjonijiet preliminari

148    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' nuqqasijiet min-naħa ta' l-awtoritajiet ta' pajjiż terz u/jew tal-Kummissjoni, li jistgħu jikkostitwixxu sitwazzjonijiet partikolari skond l-Artikolu 239 tal-KDK, għandha tiġi eżaminata, f'kull każ, in-natura reali ta' l-obbligi imposti fuq dawn l-awtoritajiet u l-Kummissjoni, ripsettivament, mil-leġiżlazzjoni applikabbli (sentenza Hyper vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 117).

149    F'dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi osservat li r-raġunament tar-rikorrenti huwa bbażat essenzjalment fuq l-argument li l-awtoritajiet Torok effettivament ħarġu u endorsjaw iċ-ċertifikati in kwistjoni. Id-diversi nuqqasijiet allegati mir-rikorrenti kontra l-awtoritajiet Torok jikkostitwixxu provi tal-mertu ta’ l-argument tagħha. B'hekk, ir-rikorrenti ssostni li s-sitwazzjoni partikolari li tinsab fiha tirriżulta miċ-ċirkustanzi kollha ta’ dan il-każ, b'mod partikolari dawk relativi għan-nuqqasijiet li hija tallega kontra l-awtortajiet Torok.

–       Rigward il-mertu

150    Fir-rigward tan-nuqqasijiet relativi għat-timbri u l-firem allegati kontra l-awtoritajiet Torok, huwa importanti li jiġi osservat li l-argumenti tar-rikorrenti relativi għan-natura oriġinali allegata tat-timbri u l-firem fuq iċ-ċertifikati in kwistjoni huma irrilevanti. Fil-fatt, il-konstatazzjoni tan-natura oriġinali jew falsifikata tad-dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet taqa' taħt il-kompetenza esklużiva ta' dawn, hekk kif imfakkar fil-punti 120 u 120 hawn fuq. Issa f'dan il-każ, l-awtoritajiet Torok ikkonkludew li ċ-ċertifikati in kwistjoni kienu falsifikati. Għaldaqstant, anki jekk jiġi ammess li t-timbri oriġinali li għandhom l-awtoritajiet doganali ta' Mersin ma kinux ċari ħafna, il-fatt li t-timbri li jinsabu fuq iċ-ċertifikati in kwistjoni mhumiex ċari ħafna wkoll huwa irrilevanti. Wieħed għandu jasal għal konklużjoni identika fir-rigward ta' l-argumenti tar-rikorrenti relativi għax-xebh bejn il-kopji taċ-ċertifikati in kwistjoni fil-pussess tagħha u taċ-ċertifikati mhux falsifikati.

151    Fl-aħħar nett, għandu jiġi respint ukoll l-argument tar-rikorrenti li l-fatt li l-awtoritajiet doganali Taljani qabblu l-kampjuni tal-marka li huma kellhom maċ-ċertifikati in kwistjoni qabel ma aċċettawhom, jippermetti li jiġi konkluż li dawn kienu awtentiċi. Fil-fatt, minn ġurisprudenza konstanti jirriżulta li l-persuna taxxabbli ma tistax tibbaża aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-validità taċ-ċertifikati fuq il-fatt li dawn ġew inizjalment aċċettati mill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru, peress li r-rwol ta’ dawn id-dipartimenti, fil-kuntest ta’ l-ewwel aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ma jipprekludix kontrolli ulterjuri (sentenza Faroe Seafood et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

152    Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti f'dan ir-rigward ma jippermettulhiex li turi l-eżistenza ta' ġustifikazzjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari u għalhekk għandhom jiġu respinti.

b)     Fuq ir-reġistrazzjoni taċ-ċertifikati mill-awtoritajiet Torok

 L-argumenti tal-partijiet

153    Ir-rikorrenti tallega li l-awtentiċità taċ-ċertifikati in kwistjoni hija kkonfermata mill-fatt li huma ġew irreġistrati uffiċjalment. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tafferma li l-Uffiċċju Doganali ta' Mersin għandu reġistru li fih jinsabu n-numri ta' reġistrazzjoni tat-32 ċertifikat in kwistjoni. In sostenn ta' din l-affermazzjoni, ir-rikorrenti tiddikjara li l-manditarji tagħha raw dawn ir-reġistri fid-dwana ta' Mersin u talbu lil uffiċjal Tork tagħha biex jagħtihom kopja. Dan, minkejja li għall-ewwel kien dispost li jaċċetta t-talba, irrifjuta iktar tard wara li rċieva theddid.

154    Rigward l-obbligu, għall-awtoritajiet Torok, li jirreġistraw in-numri taċ-ċertifikati A.TR.1 fir-reġistri doganali, ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li ebda deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni ma timponih. Skond ir-rikorrenti, tali reġistrazzjoni jikkostitwixxi kwistjoni li hija interna għall-ordinament ġuridiku Tork. L-imsemmija reġistrazzjoni hija tant evidenti li ma teħtieġ ebda deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.

155    Minkejja dan, għajnuna reċiproka tajba teħtieġ mhux biss ir-reġistrazzjoni taċ-ċertifikati A.TR.1, iżda wkoll li dawn jiġu arkvijati fit-Turkija. Rigward dan, ir-rikorrenti tirreferi għall-Artikolu 7(2) ta' l-Anness 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95, li jipprovdi li t-talbiet għall-għajnuna huma sodisfatti skond il-leġiżlazzjoni tal-parti kontraenti li ssirilha t-talba. Din id-dispożizzjoni tobbliga wkoll lill-awtoritajiet doganali Torok li jirreġistraw iċ-ċertifikati li huma joħorġu billi jirripproduċu għall-inqas l-informazzjoni li għandha tissemma’ fil-kaxxa 12 ta' l-A.TR.1. Ir-reġistrazzjoni taċ-ċertifikati, fin-nuqqas ta' liema jkun effettivament impossibbli li tingħata informazzjoni fuq l-awtentiċità u r-regolarità tagħhom, tikkostitwixxi l-bażi deċiżiva ta' kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet Torok u Komunitarji għal dak li jikkonċerna s-sistemi preferenzjali.

156    Barra minn hekk, skond ir-rikorrenti, l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/96 jipprovdi li ċ-ċertifikat ta' ċirkulazzjoni tal-merkanzija A.TR.1 għandu jkun endorsjat mill-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' esportazzjoni. Il-paragrafu 12 tal-punt II ta' l-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 1/96 jipprovdi li l-kaxxa 12 għandha timtela mill-awtorità kompetenti. F’dan il-każ, il-kaxxa 12 ta' kull wieħed mit-32 ċertifikat A.TR.1 in kwistjoni fiha mhux biss timbru flimkien ma' firma, iżda wkoll numru ta' reġistrazzjoni speċjali taħt data preċiża, li għandu jitniżżel f'reġistru ta' l-awtorità doganali kompetenti.

157    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li eżami tat-32 ċertifikat in kwistjoni juri li dawn jikkorrispondu għall-mudelli legali fis-seħħ (it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 10(2) u l-Anness 1 tad-Deċiżjoni Nru 1/96). F'dan il-każ, huma jirreferu, fil-marġni ta' taħt fuq in-naħa tax-xellug, għal stamperija approvata u fihom l-isem, l-indirizz u marka distinta tagħha, bħala numru ta' serje li jippermetti li jiġu identifikati. Rigward l-argument tal-Kummissjoni li l-falsifikaturi setgħu jsegwu mill-qrib kemm jista' jkun in-numri ta' ċertifikati oriġinali, ir-rikorrenti tafferma li din hija biss spekulazzjoni.

158    Il-Kummissjoni tosserva, l-ewwel nett, li la l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u lanqas id-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' assoċjazzjoni ma jipprovdu għaż-żamma ta' reġistri li fihom jiġu mniżżla ċ-ċertifikti tad-dwana.

159    Barra minn hekk, anki jekk jiġi ammess li tali reġistri jeżistu, huwa konċepibbli li l-awtoritajiet doganali Torok ħarġu 32 ċertifikati A.TR.1 lir-rikorrenti għal kunsinni oħra li mhumiex il-kunsinni in kwistjoni. Għaldaqstant, huwa possibbli li l-falsifikaturi għamlu kopji tat-32 ċertifikat awtentiċi li ma kinux jirrigwardaw il-kunsinni in kwistjoni magħmula lir-rikorrenti sabiex jużawhom, sussegwentement, għal dawn.

160    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tiddikjara li l-affermazzjoni tar-rikorrenti li ċ-ċertifikati falsifikati jikkorrispondu għall-mudelli legali hija irrilevanti, peress li dawn huma pubblikament magħrufa. Rigward l-affermazzjoni li ċ-ċertifikati in kwistjoni fihom ukoll l-isem, l-indirizz, il-karatteristiċi u n-numru ta' serje ta' l-istamperija approvata fit-Turkija, il-Kummissjoni ssostni li numru żgħir ħafna mit-32 ċertifikat in kwistjoni biss kien fihom dawn l-indikazzjonijiet u li huwa diffiċli li jiġi stabbilit b'mod ċar jekk dawn l-indikazzjonijiet stampati jagħtux effettivament il-karatteristiċi ta' l-istamperiji jew jekk dawn humiex indikazzjonijiet fittizji. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li, anki jekk jiġi aċċettat li dawn huma indikazzjonijiet ta' stamperiji approvati, wieħed jista' madankollu wkoll jissopponi li numru kbir biżżejjed ta' ċertifikati awtentiċi maħruġa minn stamperiji approvati kienu jeżistu, ħaġa li setgħet tippermetti lil falsifikatur jikseb eżemplari jew kopja sabiex jagħmel wieħed falz.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

161    Għal dak li jikkonċerna r-reġistrazzjoni taċ-ċertifikati mill-awtoritajiet Torok, għandu jiġi osservat li la l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u lanqas id-dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni ma jipprovdu espressament għaż-żamma ta' tali reġistri. Madankollu, il-paragrafu 12 tal-punt II ta' l-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 1/96 jipprovdi għat-tniżżil tan-numru tad-dokument fil-kaxxa 12 taċ-ċertifikati A.TR.1. Barra minn hekk, l-Artikolu 13 ta' din l-istess deċiżjoni jipprovdi li fil-każ ta' ċertifikati jkunu diviżi, il-kaxxa 12 ta' l-estratt għandha tindika, b'mod partikolari, in-numru ta’ reġistrazzjoni taċ-ċertifikat oriġinali. Għaldaqstant, huwa possibbli li ċ-ċertifikati A.TR.1 ikunu rreġistrati mill-awtoritajiet li joħorġuhom, għalkemm ir-rikorrenti ma tat l-ebda prova li tista' turi l-eżistenza ta' dawn ir-reġistri.

162    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk jiġi ammess li n-numri li jinsabu fil-kaxxa 12 taċ-ċertifikati in kwistjoni ddaħħlu fir-reġistri ta' l-uffiċċji doganali Torok, dan ma jimplikax li dawn huma ċertifikati awtentiċi. Fil-fatt, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, il-falsifikaturi kellhom kull interess li jużaw għaċ-ċertifikati falsifikati numru ta' reġistrazzjoni li jikkorrispondi għal ċertifikat regolari.

163    Issa, ir-rikorrenti ma tippreżenta ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit li n-numri mdaħħla f'dawn ir-reġistri jikkorrispondu għaċ-ċertifikati in kwistjoni. Hija tafferma biss li r-rappreżentanti tagħha kkonstataw li tali reġistri jeżistu u tissuġġerixxi li l-Qorti tistrieħ fuq ix-xhieda tagħhom.

164    Min dan isegwi li l-argumenti tar-rikorrenti mhumiex rilevanti u għalhekk għandhom jiġu respinti.

c)     Fuq l-għajnuna ta' l-awtoritajiet doganali Torok

 L-argumenti tal-partijiet

165    Ir-rikorrenti tallega li kien ikun impossibbli li tikseb ċertifikat A.TR.1 għall-merkanzija in kwistjoni mingħajr l-għajnuna ta' l-awtoritajiet doganali Torok. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni rilevanti pprevediet b’mod estensiv ir-riskju ta' użu abbużiv taċ-ċertifikati A.TR.1, li barra milli huma endorsjati mill-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' eportazzjoni, b'reġistazzjoni simultanja, huma wkoll suġġetti għal kontroll ta' merkanzija li dawn ikopru sabiex jiġi ggarantit li dawn huma realment esportati. Iċ-ċertifikati A.TR.1 huma miżmuma għad-dispożizzjoni ta' l-esportatur meta ssir l-esportazzjoni u huwa biss eċċezzjonalment li ċertifikat jista' jiġi endorsjat wara l-esportazzjoni (ara l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/96 kif ukoll l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Nru 5/72). Dawn id-dispożizzjonijiet jiggarantixxu li l-awtorità doganali kompetenti jkollha possibbiltà oħra, meta ċ-ċertifikat jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta' l-esportatur, li tivverifika jekk dan jikkorrispondix għall-oriġini tal-merkanzija.

166    Il-Kummissjoni tirrispondi li l-argumenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw l-għajnuna ta' l-awtoritajiet Torok fil-ħruġ taċ-ċertifikati in kwistjoni huma irrilevanti. Il-Kummissjoni tenfasizza li huwa żgur li l-leġiżlazzjoni għandha teskludi l-preżentazzjoni ta' ċertifikati A.TR.1 għal prodotti li ma joriġinawx mit-Turkija. F'dan il-każ, il-preżentazzjoni ta' ċertifikati A.TR.1 għall-esportazzjonijiet in kwistjoni ma jindikawx li kien hemm kollużjoni ma' l-awtoritajiet doganali Torok.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

167    Rigward l-argument dwar l-għajnuna ta' l-awtoritajiet Torok, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li ċ-ċertifikati in kwistjoni kienu rriżultaw foloz. Issa, il-preżentazzjoni ta' dokumenti li jirriżultaw foloz ma tippermettix, waħedha, li jiġi konkluż li kien hemm xi kollużjoni bejn l-esportaturi u l-awtoritajiet doganali Torok li ħarġuhom.

168    Għaldaqstant, dan l-argument huwa infondat u għandu, konsegwentement, jiġi respint.

d)     Fuq il-ksur tar-regoli fil-qasam ta' għajnuna amministrattiva

 L-argumenti tal-partijiet

169    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-awtoritajiet doganali Torok huma suġġetti għal obbligu ta' għajnuna amministrattiva skond id-dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Ir-rikorrenti tinvoka, f'dan ir-rigward, l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Nru 1/96 u l-Artikolu 26 ta’ l-Anness 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/95. Rigward l-argument tal-Kummissjoni li d-deċiżjonijiet Nri 1/95 u 1/96 japplikaw biss mill-31 ta' Diċembru 1995, ir-rikorrenti tafferma, minn naħa, li s-sistema ta' għajnuna amministrattiva tapplika diġà skond id-deċiżjonijiet preċedenti u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjonijiet Nri 1/95 u 1/96 jistabbilixxu, f'dan ir-rigward, dritt formali li japplika wkoll għall-passat.

170    Issa, f'dan il-każ, l-awtoritajiet doganali Torok ma rrispettawx l-obbligu li jagħtu, għajnuna rapida u effikaċi fir-rigward ta’ l-investigazzjoni dwar iċ-ċertifikati ta’ ċirkulazzjoni u, b'mod partikolari, l-obbligu tagħhom li jikkomunikaw b'mod rapidu l-informazzjoni eżatta rigward l-awtentiċità taċ-ċertifikati in kwistjoni. Dawn il-vjolazzjonijiet jiġġustifikaw il-kunsiderazzjoni li huma probbabilment ipparteċipaw fit-tfassil tagħhom.

171    It-tieni nett, ir-rikorrenti tesponi l-prinċipji li l-awtoritajiet Torok jidhru li segwew sabiex jikkunsidraw ċertifikat A.TR.1 irregolari jew falz. B'hekk, iċ-ċertifikati relativi għal konċentrati ta' meraq ta' frott li joriġinaw minn pajjiż terz, ipproċessati fit-Turkija bil-proċedura ta' l-ipproċessar u mbagħad esportati, kienu ġew meqjusa irregolari, minħabba li kienu endorsjati b’mod ħażin. Min-naħa l-oħra, iċ-ċertifikati A.TR.1 maħruġa għal konċentrati ta' meraq ta' frott li kienu ġew suġġetti fit-Turkija għal proċess ta' kummerċ ta' tranżitu (Transit-Trade-Regime) kienu ġew ikkunsidrati foloz. Din id-distinzjoni tidher fl-ittri tar-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka ta' l-10 ta' Lulju 1998 u ta' l-1 ta' Ottubru 1999, mibgħuta lill-Kummissjoni u lill-OLAF rispettivament, kif ukoll fl-ittra tat-12 ta' Ottubru 1999 mibgħuta mill-UCLAF lill-Guardia di Finanza (korp responsabbli għat-trażżin tal-vjolazzjonijiet ta' natura finanzjarja). L-argument tar-rikorrenti huwa kkonfermat mir-rapport ta' missjoni ta' l-UCLAF tal-21 ta' Diċembru 1998, li fih ġie affermat li l-esportaturi ma kinux esklużivament responsabbli għas-sitwazzjoni u li kellhom isiru riċerki fid-dettall fl-Uffiċċju ta' Mersin.

172    Sabiex turi n-nuqqas ta' kooperazzjoni ta' l-awtoritajiet Torok fil-kuntest ta' l-għajnuna amministrattiva, ir-rikorrenti tinvoka, fl-ewwel lok, ittra tad-9 ta' Jannar 1998 mibgħuta mir-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka lill-UCLAF, li fiha l-awtoritajiet Torok indikaw li ma kienx neċessarju, f'dak iż-żmien, li r-rappreżentanti ta' l-UCLAF imorru t-Turkija. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li din l-ittra ma tirrigwardax l-esportazzjoni ta' konċenrati ta' meraq tat-tuffieħ.

173    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-ittra tar-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka ta' l-10 ta' Lulju 1998, imsemmija fil-punt 41 hawn fuq, ma tispeċifikax, skond l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-kaxxa 14 ta' kull ċertifikat A.TR.1, jekk it-22 ċertifikat imsemmija hemmhekk ma kinux awtentiċi jew kienu irregolari, iżda tikklassifikahom biss bħala "foloz", terminu li jkopri ż-żewġ possibbiltajiet. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm il-kaxxa 14 ta' kull ċertifikat A.TR.1 hija intitolata "Talba għal kontroll", u l-kaxxa 15 hija intitolata "Riżultat tal-kontroll", id-dokumenti relativi għar-risposta konkreta mogħtija lit-talbiet għal kontroll taċ-ċertifikati in kwistjoni ma ġewx prodotti.

174    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni, fil-punt C ta' ittra tas-26 ta' Awwissu 1999 mibgħuta lill-puluzija kriminali doganali ta' Cologne (Il-Ġermanja), semmiet li l-OLAF talab lill-awtoritajiet Torok jispeċifikaw, għal kull ċertifikat inavlidu, jekk dan kienx falsifikat jew inkella ċertifikat irregolari. Ir-rikorrenti tafferma madankollu li ma tafx jekk din it-talba saritx.

175    Għal dak li jikkonċerna l-affermazzjonijiet kontradittorji ta' l-awtoritajiet Torok, ir-rikorrenti ssostni li ċertifikati b’kontenut identiku kienu ġew, f'ċerti każijiet, meqjusa regolari, u f'każijiet oħra, ġew meqjusa rregolari u, fl-aħħar nett, ċertifikati li qabel kienu meqjusa foloz kienu sussegwentement ġew meqjusa irregolari. Il-lista ta' dokumenti annessa mill-Kumissjoni mar-risposta tagħha turi li 28 ittra kienu ġew skambjati fl-1998 u fl-1999 ma' l-awtoritajiet Torok, mingħajr ma l-fatti setgħu jiġu stabbiliti b'mod definittiv u li l-korrispondenza mar-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka waqqfet fl-1999, peress li l-awtoritajiet Torok irrifjutaw kull kooperazzjoni mal-Kummissjoni mis-sena 2000.

176    Bħala eżempju, ir-rikorrenti tirreferi għaċ-ċertifikat A.TR.1 D 437214, li kien ġie meqjus falz fl-ittra tat-8 ta' Marzu 1999 u mbagħad irregolari.

177    Bl-istess mod, bejn is-16 ta' Lulju u s-27 ta' Settembru 1999, iċ-ċertifikat A.TR.1 D 412662 kien ġie, fi tliet komunikazzjonijiet differenti, ikklassifikat mill-awtoritajiet Torok l-ewwel bħala żbaljat, imbagħad bħala parzjalment korrett u fl-aħħar bħala awtentiku (ittri tas-16 ta' Lulju, tad-19 ta' Awwissu u tas-27 ta' Settembru 1999).

178    Barra minn hekk, iċ-ċertifikat A.TR.1 D 141591 kien l-ewwel ġie kklassifikat bħala falz (ittra tal-15 ta' Mejju 1998) u mbagħad bħala żbaljat (ittra tad-19 ta' Awwissu 1999), minħabba l-fatt li l-merkanzija koperta minnu ma kinitx ta' oriġini Torka. Skond ir-rikorrenti, iċ-ċertifikat A.TR.1 D 141591 għandu jiġi mqabbel maċ-ċertifikati A.TR.1 C 982920 u C 982938, li kienu ġew ikklassifikati bħala żbaljati u li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni rrinunzjat għal irkupru a posteriori ta' dazji doganali. Rigward l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li d-Dipartiment tad-Dwana ta' Ravenna indika, permezz ta' opinjoni tat-12 ta' Ġunju 1998, li ċ-ċertifikat A.TR.1 D 141591 kien falz, ir-rikorrenti tirrispondi li hija ma kinitx f'pożizzjoni li tikkonsulta dan id-dokument waqt il-proċedura ta' aċċess għall-fajl.

179    In-natura kontradittorja ta' l-informazzjoni mogħtija ġiet ikkonfermata mit-Tribunale civile e penale ta’ Ravenna. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta' Verona (l-Italja) ukoll għalqet l-investigazzjoni kriminali dwarha, peress li kkonkluda li t-talbiet magħmula mill-ġdid mill-puluzija kriminali sabiex jinkisbu provi kienu baqgħu mingħajr risposta. Skond ir-rikorrenti, l-Uffiċċju tal-Prosekutur kompetenti ta' Verona kien talab lill-Guardia di Finanza sabiex tindikalu abbażi ta' liema dokumenti, elementi u provi ċ-ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet Torok kienu ġew meqjusa bħala materjalment foloz, mingħajr ma l-awtoritajiet Taljani setgħu jiksbu risposta.

180    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-fatt li l-awtoritajiet doganali Torok ammettew li, fost il-103 ċertifikati li ġew ikkontrollati, 17 minnhom – jew 16, jekk jiġi eskluż iċ-ċertifikat A.TR.1 D 437214 – kienu irregolari, ifisser li huma endorsjawhom ħażin intenzjonalment u, għaldaqstant, dan huwa suffiċjenti sabiex jitqajjmu dubji dwar il-kwalità tal-kontroll ta' l-imsemmija ċertifikati kif ukoll l-eżattezza ta' l-informazzjoni mogħtija fil-kuntest ta' l-għajnuna amministrattiva reċiproka.

181    Ir-rikorrenti, f'dan ir-rigward, ixxebbah dan il-każ mal-kawżi li taw lok għas-sentenza Téléviseurs turcs, iċċitata iktar 'il fuq. Għall-kuntrarju ta’ l-argument tal-Kummissjoni, dan il-każ għandu rabiet stretti magħhom, fost dwan ir-rabtiet, b'mod partikolari, il-fatt li l-awtoritajiet Torok qatt ma ddikjaraw li kienu żgwidati minn terzi u ostakolaw id-determinazzjoni tal-fatti permezz tad-dikjarazzjonijiet kontradittorji tagħhom.

182    Għal dak li jikkonċerna l-argument tal-Kummissjoni li hija ppruvat toħloq konfużjoni billi rreferiet għad-dikjarazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Torok dwar iċ-ċertifikati kkunsidrati irregolari, li mhumiex is-suġġett ta’ din il-kawża, ir-rikorrenti tallega li n-natura kontradittorja ta' l-informazzjoni ta' l-awtoritajiet Torok differenti dwar ċertifikati differenti miċ-ċertifikati in kwistjoni hija essenzjali għall-analiżi tad-dikjarazzjonijiet kollha ta' l-awtoritajiet Torok, inklużi dawk relativi għaċ-ċertifikati in kwistjoni.

183    Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-argument tal-Kummissjoni li ċerti komunikazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Torok jikkostitwixxu konklużjonijiet intermedjarji biss, ir-rikorrenti ssostni li d-dispożizzjonijiet fuq l-għajnuna reċiproka ma jipprovdux għall-komunikazzjoni la ta’ tali konklużjonijiet u lanqas ta’ rapporti provviżorji.

184    Il-Kummissjoni tiċħad l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti intiżi sabiex juru diversi vjolazzjonijiet mill-awtoritajiet Torok ta' l-obbligu tagħhom ta' kooperazzjoni u tikkontesta l-eżistenza ta' dikjarazzjonijiet kontradittorji min-naħa tagħhom.

185    L-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna l-obbligu ta' kooperazzjoni, il-Kummissjoni tosserva, qabel kollox, li d-Deċiżjonijiet Nri 1/95 u 1/96, li fuqhom ir-rikorrenti bbażat l-obbligu vinkolanti ta' kooperazzjoni min-naħa ta’ l-awtoritajiet Torok, daħlu fis-seħħ biss waqt il-fażi definittiva tas-sistema ta' Assoċjazzjoni u ma japplikawx għaċ-ċertifikati in kwistjoni, mfassla waqt il-fażi tranżitorja. Dawn jaqgħu, f'dan ir-rigward, biss taħt l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4115/86 u l-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Nru 5/72 emendata permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/78 kif spjegat fil-punt 12 iktar ’il fuq.

186    It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-analoġija mas-sentenza Téléviseurs turcs, iċċitata iktar 'il fuq, mhijiex rilevanti f'dan il-każ, peress li din il-kawża hija bbażata fuq fatti totalment differenti. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li l-kawżi li taw lok għal dik is-sentenza ma kinux jirrigwardaw ċertifikati falsifikati, iżda ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet Torok li kienu rriżultaw invalidi peress li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet legali. F'dik is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li l-awtoritajiet Torok kienu damu biex jikkjarifikaw is-sitwazzjoni, peress li bħala riżultat tal-kooperazzjoni tagħhom, kienu jiġu skoperti l-vjolazzjonijiet tagħhom. F'dan il-każ preżenti, ma jistax ikun li l-awtoritajiet Torok riedu jaħbu il-vjolazzjonijiet eventwali tagħhom, peress li huma ma pparteċipawx fit-tfassil taċ-ċertifikati in kwistjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza bl-ebda mod ma affermat li n-nuqqas ta' kooperazzjoni ta' l-awtoritajiet Torok ikkostitwixxa indizju sinjifikattiv tal-pateċipazzjoni tagħhom fl-atti illegali, kif issostni r-rikorrenti.

187    Barra minn hekk, fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li l-awtoritajiet Torok kienu jafu li huma ħarġu 16 jew 17 ċertifikati A.TR.1 b'mod ħażin, il-Kummissjoni ssostni li dan huwa irrilevanti, peress li l-imsemmija ċertifikati mhumiex is-suġġett ta' din il-kawża u peress li d-dazji fuq l-importazzjoni relativi magħhom diġà tħallsu lura lir-rikorrenti, skond l-Artikolu 239 tal-KDK. Għall-kuntrarju, il-fatt li l-awtoritajiet Torok irrikonoxxew li intenzjonalment ħarġu 16 jew 17–il ċertifikat b'mod ħażin jindika li huma pparteċipaw għall-kjarifika tal-fatti mingħajr ma nkwetaw fuq il-prestiġju tagħhom u jikkostitwixxi indizju tal-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar in-nuqqas ta' awtentiċità taċ-ċertifikati in kwistjoni.

188    Barra minn hekk, fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li l-awtoritajiet Torok naqsu milli jimlew il-kaxxi 14 u 15 taċ-ċertifikati in kwistjoni, il-Kummissjoni ssostni li dawn il-kaxxi kienu previsti biss fil-każ ta' kontrolli fuq il-kontenut taċ-ċertifikati, jiġifieri l-orġini vera tal-merkanzija relatata magħhom. Peress li ċ-ċertifikati in kwistjoni jikkostitwixxu falsifikazzjonijiet, l-awtoritajiet Torok ma kellhom ebda raġuni għalfejn jawtentikawhom sussegwentement billi jimlew il-kaxxi 14 u 15.

189    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tiddikjara li ma taqbilx ma’ l-argument tar-rikorrenti li d-dikjarazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Torok li jinsabu fl-ittra tad-9 ta' Jannar 1998 lill-UCLAF, li fihom qiesu li ma kienx neċessarju li l-UCLAF iwettaq investigazzjonijiet fit-Turkija, jikkosistwixxu indizju tal-kompliċità tagħhom. Skond il-Kummissjoni, din il-komunikazzjoni ma tirreferix għall-kontroll a posteriori taċ-ċertifikati in kwistjoni, li f'dik id-data kien għadu ma seħħx. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li wara li saru l-investigazzjonijiet preliminari ad hoc, l-UCLAF għamlet żjara ta’ investigazzjoni fit-Turkija f'Diċembru 1998, peress li l-investigazzjonijiet kienu ppermettew li jiġi ddikjarat b'mod rapidu, mit-8 ta' Marzu 1999, li ċ-ċertifikati in kwistjoni ma kinux awtentiċi għax dawn kienu falsifikati.

190    It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti li l-awtoritajiet Torok ħarġu dikjarazzjonijiet kontradittorji huma wkoll irrilevanti.

191    L-ewwel nett, il-Kummissjoni indikat li l-korrispondenza msemmmija mir-rikorrenti tirrigwarda ċ-ċertifikati kkunsidrati invalidi, iżda awtentiċi u mhux ikkontestati f'dan il-każ. It-tieni nett, dawn kienu konklużjonijiet intermedjarji kkomunikati waqt l-ewwel fażi ta' l-investigazzjoni, li setgħu jkunu provviżorji biss. L-awtoritajiet Torok qatt ma reġgħu lura fuq il-konstatazzjoni, li tinsab fl-ittra tat-8 ta' Marzu 1999, li ċ-ċertifikati in kwistjoni jikkostitwixxu ċertifikati foloz, peress li dawn ma nħarġux minnhom.

192    Fl-aħħar nett, fir-rigward, b'mod iktar partikolari, ta' l-affermazzjonijiet dwar iċ-ċertifikat Nru D 141591, il-Kummissjoni tafferma li dawn huma irrilevanti, peress li dan ma jidhirx fuq il-lista taċ-ċertifikati falsifikati, kif tindika l-ittra ta' l-awtoritajiet Torok tat-8 ta' Marzu 1999, u, għaldaqstant, mhuwiex is-suġġett ta' din il-kawża. Madankollu, il-Kummissjoni tfakkar li, permezz ta' ittra tat-3 ta' Ġunju 2002, hija staqsiet espressament lill-awtoritajiet doganali Taljani jekk iċ-ċertifikat in kwistjoni kienx falsifikat jew sempliċiment ineżatt fil-kontenut tiegħu. Permezz ta' ittra tas-6 ta' Ġunju 2002, ikkomunikata lill-Kummissjoni permezz ta' ittra tas-7 ta' Ġunju 2002, id-Dipartiment tad-Dwana ta' Ravenna informa lis-superjuri tiegħu, f'Bolonja u f'Ruma, li dan iċ-ċertifikat ta' ċirkulazzjoni kien ġie kklassifikat mill-awtoritajiet Torok, f'nota tal-15 ta' Mejju 1998, bħala falz. Il-falsifikazzjoni kienet ġiet ikkonfermata wkoll mill-UCLAF, wara missjoni ta' invetsigazzjoni f'Ankara f'Ottubru ta’ l-1998. Barra minn hekk, id-Dipartiment tad-Dwana ta' Ravenna indika li r-rikorrenti la kienet ressqet rikors kontra l-ħlas sussegwenti ta' taxxi li seħħ wara l-konstatazzjoni ta' falsifikazzjoni u lanqas ma ppreżentat talba għal ħlas lura, u b'hekk irrikonoxxiet b'mod manifest li l-imsemmi ċertifikat kien falz.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

193    Għandu jiġi mfakkar li, skond il-leġiżlazzjoni rilevanti applikabbli għall-fatti ta' dan il-każ, il-partijiet kontraenti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni għandhom jgħinu lil xulxin, sabiex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni doganali tiġi applikata korrettament. L-għajnuna reċiproka hija intiża, b'mod partikolari sabiex tassigura l-kontroll ta' l-awtentiċità u r-regolarità taċ-ċertifikati ta' ċirkulazzjoni ta' merkanzija (fir-rigward tal-fażi trażitorja ta' l-unjoni doganali, ara l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4115/86 u l-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Nru 5/72, hekk kif emendata mid-Deċiżjoni Nru 1/78; fir-rigward tal-fażi definittiva ta' l-unjoni doganali, ara l-Artikolu 2 ta' l-Anness 7 u l-Artikolu 29 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 kif ukoll l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Nru 1/96).

194    L-ewwel nett, fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li n-nuqqas ta' għajnuna rapida u effikaċi ta' l-awtoritajiet Torok fl-investigazzjoni jindika li huma kienu pparteċipaw fit-tfassil u fil-ħruġ taċ-ċertifikati falsifikati, huwa importanti li jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-kontroll a posteriori taċ-ċertifikati relativi għall-importazzjonijiet imwettqa mir-rikorrenti beda mill-ittra tal-15 ta' Mejju 1998 ta' l-awtoritajiet Torok, mibgħuta lid-Dipartiment tad-Dwana ta' Ravenna, li tindika li ċ-ċertifikat D 141591 kien falz. Wara din l-iskoperta, l-UCLAF wettaq l-ewwel missjoni ta' investigazzjoni fit-Turkija matul il-perijodu mit-12 sal-15 ta' Ottubru 1998, jiġifieri bilkemm ħames xhur wara li ngħatat l-informazzjoni mill-awtoritajiet Tork. It-tieni missjoni saret matul il-perijodu mit-30 ta' Novembru sat-2 ta' Diċembru 1998. F'dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi osservat li, skond ir-rikorrenti, ittra ta' l-awtoritajiet Torok tad-9 ta' Jannar 1999, li tindika li ma rriżultatx neċessarja missjoni ta' l-UCLAF, turi n-nuqqas ta' kooperazzjoni tagħhom. Issa, mhuwiex ikkontestat li, minn naħa, l-investigazzjonijiet li jirrigwardaw iċ-ċertifikati in kwistjoni bdew biss wara l-15 ta' Mejju 1998, u min-naħa l-oħra, li l-missjonijiet ta' l-UCLAF kienu nbdew fi żmien raġonevoli wara l-iskoperta ta' l-ewwel falsifikazzjoni.

195    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-eżamijiet li saru mill-awtoritajiet Torok ikkonċernaw numru kbir ħafna ta' ċertifikati – diversi mijiet, li minnhom 103 ċertifikati kienu ġew ippreżentati mir-rikorrenti – iżda li, minkejja dan, il-lista taċ-ċertifikati kkunsidrati minnhom bħala falsifikati kienet intbagħtet lid-Dipartiment tad-Dwana ta' Ravenna permezz ta' ittra tat-8 ta' Marzu 1999, jiġifieri inqas minn tliet xhur wara l-aħħar missjoni ta' l-UCLAF fit-Turkija.

196    Fl-aħħar nett, għandha tiġi kkunsidrata l-korrispondenza abbundanti li saret bejn l-awtoritajiet Komunitarji u l-awtoritajiet Torok dwar iċ-ċertifikati in kwistjoni. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar rifjut ta' l-awtoritajiet Torok, b’mod partikolari r-Rappreżentazzjoni Permanenti Torka, li jikkooperaw mal-Kummissjoni mis-sena 2000 ma hija sostnuta minn ebda prova. Bl-istess mod, il-kontenut tad-deċiżjoni ta' l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta' Verona li għalqet l-investigazzjoni miftuħa kontra r-rikorrenti ma jippermettix lil din li tiddeduċi minnu xi konklużjoni valida għall-finijiet ta’ dan il-każ. Fil-fatt, f'din id-deċiżjoni, l-Uffiċċju tal-Prosekutur kompetenti jsemmi biss id-diffikultajiet li affaċċja fil-ksib ta' provi, mingħar ma indika l-persuni responsabbli għal tali diffikultajiet. Konsegwentement, dan l-arument mhuwiex fondat u għandu jiġi respint.

197    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tallega li l-awtoritajiet Torok ostakolaw id-determinazzjoni tal-fatti billi taw informazzjoni kontradittorja dwar il-kontroll tar-regolarità u l-awtentiċità taċ-ċertifikati ta' moviment. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssemmi tliet ċertifikati preċiżi, jiġifieri l-A.TR.1 D 437214, D 141591 u D 412662, li ġew ikklassifikati b’mod differenti fil-komunikazzjonijiet suċċessivi ta' l-awtoritajiet Torok.

198    Huwa minnu, hekk kif tinnota l-Kummissjoni, li ċ-ċertifikat A.TR.1 D 437214 biss jagħmel parti miċ-ċertifikati in kwistjoni, peress li t-tnejn l-oħra mhumiex imsemmija f’din il-kawża. Madankollu, għandu jiġi osservat ukoll li r-rikorrenti tinvoka l-kontradizzjonijiet eventwali dwar it-tliet ċertifikarti in kwistjoni sabiex turi l-verifiki, li jkopru ċ-ċertifikati ta' ċirkulazzjoni kollha ppreżentati, u li saru mill-awtoritajiet Torok, ma sarux b’mod rigoruż. Peress li proċedura li ma tirregolax b’mod xieraq il-kontroll ta' l-awtentiċità taċ-ċertifikati tista' tikkostitwixxi nuqqas serju ta' l-awtoritajiet Torok li jwettqu l-obbligi imposti fuqhom mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, huwa neċessarju li tiġi eżaminata r-rilevanza ta' l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti wkoll fir-rigward taċ-ċertifikati li mhumiex in kwistjoni f'dan il-każ.

199    Fir-rigward taċ-ċertifikat D 141591, għandu jiġi osservat li mill-komunikazzjonijiet li jinsabu fil-fajl jirriżulta li, inizjalment, l-awtoritajiet Torok ikklassifikawh bħala falz u, sussegwentement, bħala żbaljat. Hija minħabba l-konstatazzjoni ta' din il-klassifikazzjoni ambigwa li saret talba għal kjarifiki min-naħa tal-Kummissjoni, datata 3 ta' Ġunju 2002. Issa, mir-risposta għal din it-talba, mogħtija mill-awtoritajiet Taljani permezz ta' ittra tas-7 ta' Ġunju 2002, jirriżulta li l-konstatazzjoni ta' falsifikazzjoni taċ-ċertifikat in kwistjoni kienet ġiet ikkonfermata sussegwentement mill-awtoritajiet Torok fl-ittra tat-8 ta' Marzu 1999, li tat ir-riżultati definittivi ta' l-investigazzjonijiet li saru fit-Turkija. Barra minn hekk, minn din il-komunikazzjoni tas-7 ta' Ġunju 2002 jirriżulta li l-konstatazzjoni ta' falsifikazzjoni ta' l-imsemmi ċertifikat hija bbażata wkoll fuq il-konklużjonijiet tal-missjoni ta' investigazzjoni fit-Turkija magħmula mill-UCLAF f'Ottubru ta’ l-1998. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li kull kontradizzjoni eventwali dwar il-klassifikazzjoni ta' dan iċ-ċertifikat setgħet tiġi eskluża mix-xahar ta' Ottubru 1998 u li n-natura mhux awtentika ma kinitx iktar dubjuża mit-8 ta' Marzu 1999. Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li dan iċ-ċertifikat mhuwiex wieħed miċ-ċertifikati in kwistjoni f'dan il-każ. Fil-fatt, ir-rikorrenti la ressqet rikors kontra l-ħlas ta' dazji wara l-konstatazzjoni ta' falsifikazzjoni u lanqas talbet il-ħlas lura tad-dazji miġbura, u b'hekk irrikonxxiet b'mod impliċitu n-natura mhux awtentika taċ-ċertifikat in kwistjoni.

200    Rigward iċ-ċertifikat D 412662, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta' ittra tas-16 ta' Lulju 1999, l-awtoritajiet Torok ikklassifikawh bħala żbaljat minħabba l-fatt li l-merkanzija relatata miegħu ma kinitx toriġina mit-Turkija. Sussegwentement, l-awtoritajiet Torok informaw lill-OLAF, permezz ta' ittra ta' l-10 ta' Awwissu 1999, li huma wettqu żball u li ċ-ċertifikat in kwistjoni kellu jiġi kklassifikat bħala parzjalment żbaljat, peress li parti biss mill-merkanzija relatata miegħu ma kinitx toriġina mit-Turkija. Din l-aħħar konstatazzjoni kienet ġiet ikkonfermata minn ittra tad-19 ta' Awwissu 1999, mibgħuta lid-Dipartiment tad-Dwana ta' Ravenna. Mit-tliet komunikazzjonijiet, iċċitati iktar 'il fuq jirriżulta li l-awtoritajiet Torok ma kkontradixxewx lilhom infushom fil-kuntest tal-kooperazzjoni amministrattiva ma' l-awtoritajiet Komunitarji, iżda huma kkompletaw u biddlu parzjalment il-komunikazzjoni oriġinali tas-16 ta' Lulju 1999.

201    Fil-fatt, il-kontradizzjoni identifikata mir-rikorrenti tirriżulta mill-kontenut ta' komunikazzjoni sussegwenti tas-27 ta' Settembru 1999, indirizzata lill-kumpannija parent tagħha, Steinhauser, li fiha l-awtoritajiet Torok indikaw li ċ-ċertifikat D 411262 huwa korrett. F'dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi osservat li din l-ittra ma ġietx mibgħuta fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali u ma fiha, għaldaqstant, ebda riżultat uffiċjali tal-proċedura ta' kontroll taċ-ċertifikati ta' ċirkulazzjoni ta' merkanzija, Barra minn hekk, huwa possibbli li l-awtoritajiet doganali Torok ma ġabux ruħhom b'mod żeluż ħafna fir-rapporti tagħhom mar-rikorrenti, u b'hekk naqsu milli jinformawha li ċ-ċertifikat in kwistjoni kien biss parzjalment korrett. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li minn dan, ir-rikorrenti ma tista' tiddeduċi l-ebda konklużjoni valida għal dan il-każ. Din il-konklużjoniji mhijiex invalidata mill-fatt li t-Tribunale civile e penale ta' Ravenna, irrefera, fis-sentenza ta' l-20 ta' Diċembru 2000, għall-iżball magħmul mill-awtoritajiet Torok fil-klassifikazzjoni inizjali ta' dan iċ-ċertifikat.

202    Fir-rigward taċ-ċertifikat D 437214, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 120 et seq hawn fuq jirriżulta li l-awtoritajiet Torok jidhru, f'ċertu mument, li biddlu l-konstatazzjoni inizjali tagħhom li dan iċ-ċertifikat kien falz. Madankollu, għandu jiġi osservat li tali kontradizzjoni ma toħroġx b'mod evidenti, minħabba n-nuqqas ta' preċiżjoni tat-termini użati fil-komunikazzjonijiet bil-miktub ta' l-awtoritajiet Torok. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-informazzjoni ambigwa trażmessa mill-awtoritajiet Torok kienet is-suġġett ta' talba għal kjarifika min-naħa tal-Kummissjoni. Issa, verifika sussegwenti ppermettiet li jiġi kkofermat mingħajr dubju li l-klassifikazzjoni inizjali ta' l-imsemmi ċertifikat kienet korretta, u li dan kien effettivament falz.

203    Minn dak li ntaq qabel, jirriżulta li l-kontradizzjonijiet allegati mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi konkluż li kien hemm irregolarità manifesta fil-proċedura ta' kontroll ta' l-awtentiċità implementata mill-awtoritajiet Torok. Fil-fatt, l-ambigwitajiet osservati fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn amministrazzjonijiet doganali jikkonċernaw żewġ ċertifikati biss, jiġifieri l-A.TR.1 D 437214 u D 141591. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li d-dikjarazzjonijiet ambigwi li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni ta' l-imsemmija ċertifikati kienu s-suġġett ta' talbiet għal kjarifiki u li l-klassifikazzjoni defenittiva tagħhom setgħet tiġi stabbilita b'ċertezza. Issa, id-dikjarazzjonijiet ambigwi speċifiċi ta' l-awtoritajiet Torok jikkonċernaw biss, meta mqabbla man-numru totali ta' ċertifikati kkontrollati, numru limitat ħafna ta' ċertifikati. Konsegwentement, dawn id-dikjarazzjonijiet li kienu ġew ikkjarifikati sussegwentement, ma jistgħux fihom nfushom jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu nuqqasijiet sinjifikattivi milli jiġu osservati obbligi ta' għajnuna amministrattiva li tirriżulta mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u mid-dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni tiegħu. Għaldaqstant, ebda nuqqas f'dan ir-rigward ma jista' jiġi attribwit lill-awtoritajiet Torok.

204    It-tielet nett, rigward l-argument tar-rikorrenti li l-awtoritajiet Torok naqsu milli jimlew il-kaxxi 14 u 15 taċ-ċertifikati ta' ċirkulazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi osservat li dawn il-kaxxi jikkonċernaw il-kontroll ta' l-oriġini vera tal-merkanzija u l-konformità tagħha mal-kontenut taċ-ċertifikat. Peress li l-awtoritajiet Torok ikkonkludew li ċ-ċertifikati kienu falsifikati, huma ma kinux obbligati jimlew il-kaxxi 14 u 15, billi, ovvjament, il-kwistjoni tal-konformità tal-merkanzija ma’ dokumenti mhux awtentiċi ma tistax tqum.

205    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tibbaża ruħha fuq argument li permezz tiegħu hija tipprova tirrikostitwixxi l-metodu li l-awtroitajiet Torok adottaw sabiex jikklassifikaw ċerti ċertifikati bħala żbaljati u ċertifikati oħra, għalkemm identiċi, bħala falsifikati. F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti ma huwa sostnut minn ebda prova, b'mod li għandu jiġi respint minħabba nuqqas ta' prova.

206    Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, l-argumenti kollha tar-rikorrenti relativi għall-ksur mill-awtoritajiet Torok tar-regoli fil-qasam ta' għajnuna amministrattiva għandhom jiġu respinti bħala infondati.

e)     Fuq l-indizji addizjonali

 L-argumenti tar-rikorrenti

207    Ir-rikorrenti tafferma li elementi oħra juru nuqqasijiet oħra ta' l-awtoritajiet Torok li jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari fir-rigward tagħha.

208    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tafferma li n-nuqqas individwali ta' l-awtoritajiet doganali ta' Mersin kien il-konsegwenza tan-nuqqas ġenerali u strutturali ta' l-awtoritajiet Torok. In sostenn ta' dawn l-affermazzjonijiet, hija tressaq l-ewwel nett il-fatt li, f’konverżazzjoni f'Ankara ma' persuna responsabbli mill-amministrazzjoni ċentrali doganali Torka, ir-rappreżentant tagħha, is-Sur Nothelfer, kien ġie informat li investigazzjoni kriminali kienet ġiet ordnata sabiex jiġi vverifikati ċ-ċertifikati kollha ta' trasport ta' merkanzija. Rigward l-argument tal-Kummissjoni li tali investigazzjoni kriminali saħansitra ssaħħaħ il-kredibbiltà ta' l-amministrazzjoni doganali Torka, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni kellha tkun taf li din kienet biss waħda mill-iskużi mogħtija mill-imsemmija amministrazzjoni sabiex tagħti l-impressjoni li hija aġġixxiet. Iċ-ċertifikati li ħarġu ma kienu, fir-realtà, ġew suġġetti għal ebda investigazzjoni kriminali.

209    Sussegwentement, mill-kontenut ta' konverżazzjoni oħra, li saret bejn ir-rappreżentanti tar-rikorrenti u s-Sur Dogran, ta' l-uffiċċju ta' l-affarijiet ekonomiċi tal-Prim Ministru Tork, jirriżulta li r-Repubblika tat-Turkija kienet qed tinkwieta essenzjalment fuq l-iżvilupp ekonomiku ta' l-impriżi tagħha, u kienet qed tinjora l-kontenut u l-importanza tar-regoli relatati mas-sistema preferenzjali u ma' l-oriġini tal-merkanzija. Din l-attitudni tikkorrispondi għall-konstatazzjonijiet magħmula fil-kawżi li taw lok għas-sentenza Téléviseurs turcs, u l-awtoritajiet Torok ġew informati mill-UCLAF bl-importanza ta' l-obbligu li josservaw ir-regoli preferenzjali biss iktar tard. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza fir-replika tagħha li, għall-kuntrarju ta' l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, id-dipartimenti ta' l-uffiċċju tal-Prim Ministru Tork kien imisshom ikunu jafu bil-kundizzjonijiet ta' kif jitfasslu ċ-ċertifikati ta' ċirkulazzjoni.

210    It-tieni nett, ir-rikorrenti tenfasizza li hija ressqet ilment kontra s-Sur Akman, direttur tal-kumpannija Torka bl-istess isem, permezz ta' uffiċċju ta' avukati ta' Ankara. Madankollu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta' Mersin issospenda l-proċedimenti fl-2001 mingħajr ma l-mandatarji tar-rikorrenti ġew informati, f'dik il-ġurnata, bir-raġunijiet tas-sospensjoni tal-proċedimenti, minkejja talbiet magħmula kemm il-darba. Ir-rikorrenti tissoponi li kien ġie kkonstatat li t-32 ċertifikat A.TR.1 in kwistjoni kienu ġew endorsjati permezz ta' timbri awtentiċi ta' l-amministrazzjoni doganali Torka, u li, konsegwentement, l-Uffiċċju tal-Prosekutur kompeteneti rċieva ordni minn Ankara sabiex iwaqqaf il-proċedimenti.

211    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta r-raġunamanet tal-Kummissjoni li l-waqfien tal-proċedimenti kriminali kontra s-Sur Akman jista' jiġi spjegat mill-fatt li dan ma pparteċipax fil-falsifikazzjonijiet. Ir-rikorrenti tqis, qabel kollox, li mhijiex ċerta li dawn il-proċedimenti kienu qatt ġew realment mibdija. Ir-rikorrenti tinnota wkoll li, kieku kien hemm falsifikazzjoni, is-sur Akman kien ikun il-benefiċjarju prinċipali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li mir-rapport ta' missjoni ta' l-UCLAF tat-23 ta' Diċembru 1998 jirriżulta li aġenti tal-Kummissjoni kienu tkellmu mas-Sur Bolat, ta' l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta' Mersin, li tahom kopja taċ-ċertifikati kollha li fihom jinsab l-isem tas-Sur Akman. Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kisbitx risposta għat-talba, li saret waqt din il-konverżazzjoni, sabiex tinżamm informata bir-riżultat ta' l-investigazzjonijiet.

212    It-tielet nett, ir-rikorrenti tafferma li jidher li l-Kummissjoni kisbet il-"limiti ta' dak li hu possibbli" fl-investigazzjonijiet li hija wettqet fit-Turkija dwar it-tfassil taċ-ċertifikati in kwistjoni. Ir-rikorrenti tafferma li l-UCLAF la seta' jikkonsulta r-reġistri doganali ta' l-Uffiċċju ta' Mersin u lanqas jitkellem ma' l-uffiċjali kompetenti. Skond ir-rikorrenti, ir-raġuni għalfejn l-UCLAF ma setax iwettaq investigazzjoni iktar fid-dettall hija li minnha kien jirriżulta li numru kbir ta' prodotti li joriġinaw minn pajjiżi terzi kienu, għal raġunijiet ta' żvilupp ekonomiku u bil-parteċipazzjoni ta' l-ogħla awtoritajiet politiċi Torok, ġew esportati minn Mersin lejn il-Komunità Ewropea billi ġie użat iċ-ċertifikat A.TR.1.

213    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti dwar id-diskussjonijiet tagħha ma' l-awtoritajiet Torok. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li l-ammissjoni, mill-amministrazzjoni ċentrali doganali f'Ankara, tal-fatt li ċ-ċertifikati A.TR.1 kollha kienu s-suġġett ta' investigazzjoni kriminali ssaħħaħ il-kredibbiltà tal-konklużjonijiet ta' l-ittra tat-8 ta' Marzu 1999, imsemmija hawn fuq, li l-imsemmija ċertifikati ma nħarġux mill-awtoritajiet doganali Torok. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-affermazzjoni tar-rikorrenti li s-Sur Dogran la kien jaf il-kontenut u lanqas it-tifsira tar-regoli ta' oriġini u tas-sistema preferenzjali wkoll mhijiex importanti, peress li dan ta' l-aħħar, li kien parti mis-sezzjoni inkarigata mill-affarijiet ekonomiċi ta' l-uffiċċju tal-Prim Ministru Tork, mhuwiex obbligat li jkun jafhom.

214    It-tieni nett, il-Kummissjoni tenfasizza li s-sospensjoni tal-proċedimenti kriminali mibdija kontra s-Sur Akman tista' tkun dovuta għall-fatt li huwa kien in bona fide u għaldaqstant ma kienx ipparteċipa fil-falsifikazzjonijiet. Barra, minn hekk, huwa biss numru żgħir ħafna ta' kodiċijiet ta' proċedura kriminali li jipprevedu l-obbligu li tingħata motivazzjoni għas-sospensjoni ta' proċedimenti ta' investigazzjoni fir-rigward ta' min ressaq l-ilment.

215    It-tielet nett, rigward l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni u l-UCLAF wettqu l-investigazzjoni tagħhom fil-"limiti ta' dak li hu possibbli", minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni ta' l-awtoritajiet Torok, il-Kummissjoni tfakkar li dawn ikkooperaw kompletament u li l-UCLAF seta' jwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu b'mod korrett fit-Turkija, u ma kkonstata ebda dikjarazzjoni falza, kif jidher mir-rapporti ta' missjoni tad-9 u tat-23 ta' Diċembru 1998.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

216    L-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-kontenut tad-diskussjonijiet tar-rappreżentanti tagħha mas-Sur Dogran, ta' l-uffiċċju ta' l-affarijiet ekonomiċi tal-Prim Ministru Tork, għandu jiġi osservat li dawn huma irrilevanti. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk uffiċjal bħas-Sur Dogran għandux konoxxenza jew le tar-regoli relativi għas-sistema preferenzjali u għat-tfassil taċ-ċertifikati ta' moviment ma tistax tkun rilevanti għall-fatti ta' dan il-każ. Bl-istess mod, rigward l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti dwar id-dikjarazzjoni, minn uffiċjal ta' l-amministrazzjoni ċentrali doganali Torka, li investigazzjoni kriminali kienet ġiet ordnata sabiex jiġu vverifikati ċ-ċertifikati ta' ċirkulazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi osservat li dawn mhux biss huma irrilevanti, iżda m'huma sostnuti minn ebda prova.

217    It-tieni nett, fir-rigward tar-raġunament tar-rikorrenti dwar is-sospensjoni tal-proċedimenti kriminali kontra s-Sur Akman, direttur ta' kumpannija Torka bl-istess isem, ordanata mill-uffiċċju tal-prosektur ta' Merin, dan ma jistax jintlaqa'. Anki jekk jirriżulta li r-rikorrenti ma ġietx informata bir-raġunijiet għal din is-sospensjoni, dan il-fatt ma jippermettix, fi kwalunkwe każ, li wieħed jissoponi li l-ilment tagħha ma ġiex segwit minħabba l-fatt li l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta' Mersin induna li ċ-ċertifikati in kwistjoni ma kinux jikkostitwixxu falsifikazzjonijiet. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li din hija kwistjoni ta' dritt kriminali Tork u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti lanqas biss ippruvat turi li hija kellha dritt, bħala l-persuna li ressqet l-ilment u skond il-leġiżlazzjoni Torka applikabbli, li tiġi informata bir-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata l-ordni li l-proċedimenti jintemmu. Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma ressqet ebda prova li tista' tistabbilixxi li l-awtoritajiet Torok ma segwewx it-talba tal-Kummissjoni sabiex hija tinżamm informata bir-riżultati ta' l-investigazzjonijiet kriminali.

218    Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna r-raġunament tar-rikorrenti li l-UCLAF kienet affaċjata, waqt l-investigazzjonijiet imwettqa fit-Turkija, b'diversi ostakli kkreati mill-awtoritajiet Torok, għandu jiġi osservat li dan mhuwa sostnut minn ebda prova. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tibbaża ruħha fuq ebda prova li tippermetti li wieħed jissoponi li l-UCLAF ma setax iwettaq investigazzjoni fid-dettall, b'mod partikolari fir-rigward ta’ l-amminitrazzjoni doganali ta' Mersin. In-nuqqas ta' kooperazzjoni huwa, barra minn hekk, kontradett mill-kontenut tar-rapporti ta' missjoni tad-9 u tat-23 ta' Diċembru 1998 li semmew il-kooperazzjoni ta' l-awtoritajiet Torok.

219    Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, għandu jiġi konkluż li l-ebda wieħed mill-elementi invokati mir-rikorrenti mhuwa ta' natura li jikkostitwixxi nuqqas serju ta' l-awtoritajiet Torok li jwettqu l-obbligi imposti fuqhom mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u d-dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni tiegħu.

220    Minn dak li ntqal qabel din il-parti tat-tieni raġuni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

3.     Fuq in-nuqqasijiet attribwiti lill-Kummissjoni Ewropea

221    Ir-rikorrenti tafferma, essenzjalment, li l-Kummissjoni naqset b'mod serju milli twettaq l-obbligi tagħha ta' protezzjoni fir-rigward tagħha u fir-rigward ta' importaturi oħra kkonċernati. In-nuqqasijiet attribwiti lill-Kummissjoni jirriżultaw 1) min-nuqqas ta' sorveljanza u ta' kontroll ta' l-applikazzjoni tas-sistema preferenzjali mill-awtoritajiet Torok, 2) min-nuqqas ta' komunikazzjoni lill-awtoritajiet doganali nazzjonali tal-kampjuni tat-timbri u tal-firem użati mill-awtoritajiet Torok, 3) mill-ksur ta' l-obbligu li l-importaturi jiġu mwissija fi żmien raġonevoli u 4) minn evalwazzjoni żbaljata tal-fatti waqt l-investigazzjonijiet imwettqa fit-Turkija.

a)     Fuq in-nuqqas ta' kontroll regolari tas-sistema preferenzjali

 L-argumenti tal-partijiet

222    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-awtoritajiet Torok ma fehmux ir-regoli dwar l-oriġini tal-merkanzija. In sostenn ta' din l-affermazzjoni, hija tirreferi għall-konstatazzjonijiet magħmula mir-rappreżentanti tagħha waqt il-konverżazzjonijiet tagħhom f'Ankara u f'Mersin ma' l-awtoritajiet Torok. Skond ir-rikorrenti, kull darba li kien jinħareġ ċertifikat A.TR.1, kienu jinħarġu diversi tipi ta’ awtorizzazzjonijiet mill-uffiċċju ta' l-affarijiet ekonomiċi tal-Prim Ministru Tork. Barra minn hekk, f'każijiet oħra wkoll, l-awtoritajiet Torok kompetenti kienu endorsjaw iċ-ċertifikati A.TR.1 mingħajr ma ħadu in kunsiderazzjoni l-oriġini tal-merkanzija, peress li huma ma wrew ebda konoxxenza ta' l-illegalità ta' dawn il-prattiċi. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti xxebbah dan il-każ mal-kawżi li taw lok għas-sentenza Téléviseurs turcs, iċċitata iktar 'il fuq, li fihom, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li, matul perijodu kważi identiku għal dak li jkopri l-fatti ta’ dan il-każ, l-awtoritajiet Torok kompetenti ma kinux irrispettaw il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli bil-għan li japprofittaw mill-unjoni doganali maħluqa mal-Komunitajiet Ewropej sabiex jiffavorixxu l-ekonomija tagħhom stess.

223    Skond ir-rikorrenti, id-dispożizzjonijiet fuq it-tfassil u l-ħruġ taċ-ċertifikati ta' ċirkulazzjoni tal-merkanzija A.TR.1 huma, illum il-ġurnata, essenzjalment applikati b’mod korrett u iktar strett. Issa, din il-bidla seħħet biss, madankollu, wara l-investigazzjonijiet imwettqa fit-Turkija mill-UCLAF u mingħajr dubju wkoll minħabba diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Torok wara l-kawżi li taw lok għas-sentenza Téléviseurs turcs, iċċitata iktar 'il fuq, u din il-kawża.

224    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni m'assiguratx l-osservanza tar-regoli li jirriżultaw mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, li hija kellha tassigura skond l-Artikolu 211 KE u skond il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba. Il-Kummissjoni għandha obbligu partikolari fis-sorveljanza tal-ftehim ta' preferenza u ta' oriġini konklużi bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi.

225    Ir-rikorrenti tenfasizza li l-Artikolu 26 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 jipprovdi espressament għan-neċessità li jiġi assigurat l-operat effikaċi ta' l-unjoni doganali u t-titjib tas-sistema preferenzjali filwaqt li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni rabat lilhu nnifsu sabiex jeżamina b'mod regolari l-iżviluppi li jsiru f’din is-sistema. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-ħolqien ta' l-unjoni doganali, il-Kummissjoni hija f'kuntatt kontinwu ma' l-awtoritajiet kompetenti fit-Turkija permezz tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u tal-Kumitat Doganali li fihom hija rrappreżentata. Dawn suppost għandhom il-missjoni essenzjali li jiggarantixxu li d-dispożizzjonijiet relativi għall-oriġini tal-merkanzija jinftiehmu, jiġu introdotti kif suppost u jiġu kkontrollati b’mod kostanti fit-Turkija.

226    Issa, ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha ta' diliġenza billi naqset milli titlob fi żmien raġonevoli lill-Kumitat għall-Kooperazzjoni Doganali sabiex jikkjarifika s-sitwazzjoni u jieħu l-miżuri li jiggarantixxu l-osservanza tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mill-amministrazzjoni doganali Torka. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tafferma li ma fehmitx l-argument tal-Kummissjoni li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u l-Kumitat Doganali Mħallat seta’ jiddeċiedi biss b'mod unanimu. Peress li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jieħu deċiżjonijiet li l-amministrazzjonijiet doganali Torok u Ewropej għandhom jirrispettaw, in-nuqqas serju tal-Kummissjoni jirriżulta, minn naħa, mill-fatt li hija ma informatx ruħha jekk id-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni kinux qed jiġu osservati, jew fi ħdan il-Kumitat Doganali jew fit-Turkija u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li hija ma ħaditx l-opportunità ppreżentata mill-kawżi li taw lok għas-sentenza Téléviseurs turcs, iċċitata iktar 'il fuq, sabiex twettaq, mill-1993 jew l-1994, kontroll rinforzat tar-rispett tar-regoli relativi għall-oriġini fil-qasam ta' prodotti agrikoli.

227    It-tielet nett, ir-rikorrenti żżid li l-obbligu ta' diliġenza min-naħa tal-Kummissjoni kien ikbar għal dak li jikkonċerna r-Repubblika tat-Turkija, b'mod partikolari minħabba nuqqasijiet preċedenti ta' l-awtoritajiet Torok ikkonstatati fis-senstenza Téléviseurs turcs, iċċitata iktar 'il fuq. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li l-esportazzjonijiet ta' merkanzija Torka lejn il-Komunità żdiedu ħafna matul il-perijodu li fih saru l-importazzjonijiet in kwistjoni. Issa, il-Kummissjoni ma setgħetx taċċetta din iż-żieda kbira ta' esportazzjonijiet mingħajr ma timponi, minn naħa, il-preżentazzjoni tal-kampjuni tat-timbri u tal-firem u, min-naħa l-oħra, verifika suffiċjenti taċ-ċertifikati ta' oriġini fil-kuntest tal-proċedura ta' kontroll.

228    Barra minn hekk, il-fatt li informazzjoni kontradittorja u qarrieqa kienet ġiet trażmessa matul din il-proċedura ta' kontroll kien imissu ġiegħel lill-Kummissjoni timponi kontrolli addizzjonali. Fl-aħħar nett, l-obbligu ta' kontroll hija rrinforzat wkoll minħabba l-fatt li l-awtoritajiet Torok ma użawx in-naħa ta’ wara taċ-ċertifikati A.TR.1 sabiex jagħtu risposta ċara fuq il-validità tagħha.

229    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tikkontesta, kull analoġija mal-kawżi li taw lok għas-sentenza Téléviseurs turcs, iċċitata iktar 'il fuq. Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni, qabel kollox, li dan il-każ fih differenza kbira meta mqabbel ma l-imsemmija kawżi, jiġifieri li, dan il-każ jirrigwarda falsifikazzjoni ta' ċertifikati ta' oriġini magħmula minn terzi u li fiha ma kinux involuti l-awtoritajiet Torok. In-nuqqas li tingħata informazzjoni jew il-ksur tar-regoli mill-awtoritajiet Torok huma, għaldaqstant, irrilevanti, peress li dawn ta' l-aħħar ma pparteċipawx fil-falsifikazzjoni tat-32 ċertifikat in kwistjoni. Madankollu, sabiex tintwera n-natura żbaljata ta’ l-argument tar-rikorrenti, il-Kummissjoni tqis neċessarju li telenka d-differenzi bejn dan il-każ u l-fatti tas-sentenza Téléviseurs turcs, iċċitata iktar 'il fuq.

230    B'hekk, skond il-Kummissjoni, fis-sentenza Téléviseurs turcs (punt 261), hemm indikat li l-awtoritajiet Torok kienu stennew iktar minn 20 sena qabel ma ttrasponew id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u tal-Protokoll Addizzjonali dwar it-taxxa b'effett oppost. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kinitx ikkontrollat din it-traspożizzjoni kif xieraq. Issa, f'dan il-każ, għall-kuntrarju, iċ-ċertifikati ta' oriġini in kwistjoni kienu ġew falsifikati mingħajr il-parteċipazzjoni ta' l-awtoritajiet Torok. Fl-istess sentenza (punt 262), il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni ma kinux ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, filwaqt li f’dan il-każ, l-atti applikabbli kollha kienu ġew ippubblikati b'mod regolari. Fl-aħħar nett (punt 263), il-Kummissjoni rreaġixxiet biss erba' snin wara li tressaq l-ewwel ilment dwar l-eżistenza ta' problemi dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni, filwaqt li f'dan il-każ il-Kummissjoni intervjeniet mingħajr dewmien fir-rigward ta' l-awtoritajiet Torok.

231    It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-korrispondenza voluminuża li saret ma' l-awtoritajiet Torok kompetenti u l-fatt li l-UCLAF wettaq missjoni ta' investigazzjoni fit-Turkija relativament ftit żmien wara l-ewwel suspetti ta' falsifikazzjoni jipprovaw fihom infushom li l-Kummissjoni ma kisritx l-obbligi tagħha ta' eżami u ta' kontroll tas-sistema preferenzjali.

232    It-tielet nett, il-Kummissjoni tenfasizza li r-rikorrrenti injorat il-fatt li, skond il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jew tal-Kumitat Doganali mħallat, kienet ir-Repubblika tat-Turkija u mhux il-Kummissjoni li kienet kompetenti sabiex tassigura li jiġu rispettati r-regoli ta' oriġini fit-Turkija. Il-Kummissjoni tafferma li, għalkemm hija bl-ebda mod ma ħalliet lir-Repubblika tat-Turkija taġixxi kif riedet, hija sempliċement talbet l-opinjoni tal-Gvern Tork u, fejn kien hemm bżonn, għamlet kontrolli fuq il-post. Bl-istess mod, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u l-Kumitat Doganali Mħallat – anki kieku kienu kompetenti f’dan il-qasam, li mhuwiex il-kaz – huma korpi mħallta li jistgħu jiddeċiedu biss b'mod unanimu (Artikolu 23(3) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni), u għaldaqstant il-Kummissjoni ma kienet tkun tista' timponi xejn f'dawn il-kumitati kontra r-rieda tar-rappreżentanti Torok. Madankollu, id-deċiżjonijiet kollha tal-kunsill ta' Assoċjazzjoni kienu ġew applikati u kienu saru kontrolli speċifiċi ta' l-amministrazzjonijiet doganali ta' l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tafferma li hija ppreżentat b'mod regolari lill-awtoritajiet Torok kull problema mqajma fil-kuntest tas-sistema preferenzjali u ċ-ċirkustanzi kollha kienu ġew kjarifikati minn dawn l-awtoritajiet.

233    Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li d-dikjarazzjonijiet kontradittorji ta' l-awtoritajiet Torok dwar iċ-ċertifikati in kwistjoni ġġustifikaw kontroll ikbar min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tosserva li, fin-nuqqas ta' dikjarazzjonijiet kontradittorji, dan l-argument huwa irrilevanti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

234    Rigward in-nuqqasijiet allegati relativi għas-sorveljanza u l-kontroll ta' l-applikazzjoni tal-Ftehim ta' assoċjazzjoni, hemm lok li jiġi osservat li, skond l-Artikolu 211 KE u l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tassigura applikazzjoni korretta tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (ara s-sentenza Téléviseurs turcs, iċċitata iktar 'il fuq, punt 257, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk). Dan l-obbligu jirriżulta wkoll mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni stess u mid-diversi deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni (sentenza Téléviseurs turcs, iċċitata iktar 'il fuq, punt 258).

235    F'dan il-każ, ir-rikorrenti ma rnexxilhiex turi li l-Kummissjoni m'għamlitx dak kollu neċessarju sabiex tassigura l-applikazzjoni korretta tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

236    Fil-fatt, l-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li l-awtoritajiet Torok ma fehmux ir-regoli dwar l-oriġini tal-prodotti li jistgħu jibbenefikaw mis-sistema preferenzjali, huwa biżżejjed li jiġi osservat li dan huwa irrilevanti peress li ċ-ċertifikati in kwistjoni ma nħarġux minn dawn l-awtoritajiet. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punti 150 et seq hawn fuq, ir-rikorrenti ma kinitx kapaċi tipprova l-parteċipazzjoni ta' l-awtoritajiet Torok fit-tfassil ta' l-imsemmija ċertifikati.

237    Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha timponi kontroll rinforzat ta' l-applikazzjoni mir-Repubblika tat-Turkija tar-regoli dwar it-tfassil taċ-ċertifikati ta' oriġini minħabba, minn naħa, iż-żieda sinjifikattiva ta' l-importazzjonijiet mit-Turkija u, min-naħa l-oħra, minħabba l-konstatazzjonijiet magħmula fil-kawżi li taw lok għas-sentenza Téléviseurs turcs, iċċitata iktar 'il fuq, dan ukoll huwa irrilevanti.

238    Fil-fatt, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq affermazzjonijiet ġenerali li jirreferu għal ksur sistematiku tal-ftehim ta' Assoċjazzjoni mill-awtoritajiet Torok, mingħajr madankollu ma ssostnihom permezz ta' provi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax, b'mod validu, tasal, mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza Téléviseurs turcs, iċċitata iktar 'il fuq, għall-konklużjoni ġenerali li kull proċedura ta' tfassil ta' ċertifikati ta' ċirkulazzjoni mill-awtoritajiet tikser sistematikament ir-regoli ta' oriġini. Fl-aħħar nett, anki kieku kellu jiġi ammess li l-Kummissjoni kellha teżerċita kontroll ikbar fuq l-applikazzjoni tal-ftehim ta' Assoċjazzjoni, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 194 hawn fuq, l-UCLAF wettaq investigazzjonijiet fit-Turkija malli tfaċċaw l-ewwel indizji ta' falsifikazzjoni ta' ċertifikati ta' ċirkulazzjoni u, għaldaqstant, li l-Kummissjoni assigurat b’mod effettiv l-applikazzjoni tajba tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

239    Għal dak li jikkonċerna l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-obbligu tal-Kummissjoni li titlob lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jew lill-Kumitat Imħallat ta' l-Unjoni Doganali, li huwa stabbilit permezz ta' l-Artikolu 52 tad-Deċiżjoni Nru 1/95, għandu jiġi kkonstatat li dawn mhumiex rilevanti. Fil-fatt, skond l-Artikolu 22 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu bħala missjoni prinċipali li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jassigura l-operat tajjeb ta' l-imsemmi Ftehim u l-osservanza tiegħu mill-partijiet kontraenti (sentenza Téléviseurs turcs, iċċitata iktar 'il fuq, punt 274). Bl-istess mod, il-Kumitat Imħallat ta' l-Unjoni Doganali għandu bħala missjoni, skond l-Artikolu 52(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/95, li jassigura l-operat tajjeb ta' l-unjoni doganali, billi jagħmel, b'mod partikolari, rakkomandazzjonijiet intiżi għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 52(2) tad-Deċiżjoni Nru 1/95 jipprovdi li l-partijiet kontraenti għandhom jikkonsultaw lil xulxin fi ħdan il-Kumitat Imħallat fuq il-punti li jirriżultaw mill-implementazzjoni ta' l-imsemmija deċiżjoni li jqajmu diffikultà għal wieħed minnhom.

240    Issa, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, li r-rikorrenti ma rnexxiliex turi li l-Kummissjoni affaċċjat diffikultajiet fil-kuntest ta' l-għajnuna amministrattiva miftiehma mar-Repubblika tat-Turkija li kienu jiġġustifikaw id-diskussjoni, fi ħdan dawn il-korpi, ta' l-adozzjoni ta' miżuri speċifiċi intiżi sabiex jikkumbattu dawn id-diffikultajiet. Fir-rigward, b'mod partikolari, tad-dikjarazzjonijiet ambigwi ta' l-awtoritajiet Torok dwar tliet ċertifikati ta' ċirkulazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi osservat li mill-punt 203 hawn fuq jirriżulta li dawn mhux biss ma kinux ta' natura li jqajmu dubji dwar ir-regolarità tal-proċedura ta' kontroll, iżda wkoll li l-awtoritajiet Torok ikkooperaw mal-Kummissjoni meta din għamlet it-talbiet għal kjarifiki fir-rigward tagħhom.

241    Rigward l-analoġija li r-rikorrenti pprovat tistabbilixxi mal-fatti li taw lok għas-sentenza Téléviseurs turcs, iċċitata iktar 'il fuq, għandu jiġi osservat li dawn ta' l-aħħar ma jistgħux jitqabblu ma' dawk li kienu ġew eżaminati fil-kuntest ta' din il-kawża. Fil-fatt, fil-kawżi li taw lok għas-sentenza Téléviseurs turcs, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li l-awtoritajiet Torok wettqu nuqqasijiet serji, fosthom, b'mod partikolari, in-nuqqas ta' traspożizzjoni ta' dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, li affettwaw l-esportazzjonijiet kollha tat-televixins li kienu jiġu mit-Turkija. L-imsemmija nuqqasijiet ikkontribwixxew sabiex isiru irregolaritajiet relativi ma’ l-esportazzjonijiet, li qiegħdu lill-esportaturi f'sitwazzjoni partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 239 tal-KDK (sentenza Téléviseurs turcs, iċċitata iktar 'il fuq, punti 255 u 256).

242    Issa, f'dan il-każ, tali nuqqasijiet li jaffettwaw l-esportazzjonijiet kollha ta' meraq ta' frott ma ġewx ipprovati għal dak li jikkonċerna ċ-ċertifikati in kwistjoni. Għandu jiġi osservat li n-nuqqasijiet ta' l-awtoritajiet Torok li jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari esposti fid-deċiżjoni kkontestata jikkonċernaw biss iċ-ċertifikati ta' ċirklazzjoni, ippreżentati mir-rikorrenti, li kienu ġew imfassla b'mod ħażin mill-amministrazzjoni doganali Torka. Huwa fir-rigward ta' dawn iċ-ċertifikati li l-Kummissjoni qieset li l-awtoritajiet kompetenti Torok kienu jafu jew kien imisshom jafu li l-merkanzija li għaliha huma ħarġu ċ-ċertifikati ta' oriġini ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti sabiex tkun tista' tibbenefika mit-trattament preferenzjali. Min-naħa l-oħra, kif ġie kkonstatat hawn fuq, ebda nuqqas ta' l-awtoritajiet Torok ma kkontribwixxa għat-tfassil tat-32 ċertifikati in kwistjoni.

243    Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu respinti bħala infondati.

b)     Fuq in-nuqqas milli jintbagħtu l-kampjuni ta' timbri u ta' firem

 L-argumenti tal-partijiet

244    Ir-rikorrenti tafferma li, billi ma bagħtitx lill-Istati Membri, b'mod partikolari lill-Gvern Taljan, il-kampjuni tal-marka li jħallu t-timbri u tal-firem użati mill-uffiċċji ta' dwana ta' esportazzjoni Torok, b'mod partikolari dawk ta' Mersin, il-Kummissjoni naqset b'mod serju milli twettaq dawn l-obbligi fir-rigward ta' importaturi bħar-rikorrenti. Skond ir-rikorrenti, l-Artikolu 93 tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-KDK, li japplika wkoll skond l-Artikolu 20 tal-KDK fil-kuntest tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, jimponi l-obbligu fuq il-Kummissjoni li tassigura li l-amministrazzjoni doganali Torka tibgħatilha dawn il-kampjuni.

245    F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tiddikjara li l-awtoritajiet Torok irrikonoxxew l-obbligu tagħhom li jibagħtu l-imsemmija kampjuni lill-Kummissjoni u affermaw li huma effettivament bagħtu għall-inqas il-kampjuni użati f'Mersin. Dan in-nuqqas kien saħansitra iktar serju billi t-timbri uffiċjali użati mill-uffiċċju doganali ta' Mersin kienu f'kundizzjoni ħażina ħafna u għaldaqstant, il-marka li jħallu ma kinitx ċara. Issa, ir-rikorrenti tfakkar li t-timbri u l-firem jikkostitwixxu l-mezzi essenzjali sabiex jiġi stabbilit, inkluż fi ħdan il-Komunità, jekk l-amministrazzjoni doganali Torka kkontribwixxietx għat-tfassil taċ-ċertifikati in kwistjoni u jekk dawn iffaċilitawx fl-stess ħin kontroll aħjar taċ-ċertifikati ppreżentati mill-importaturi.

246    F'dan il-każ, l-awtoritajiet doganali Taljani kompetenti setgħu jkunu f'pożizzjoni aħjar sabiex iwettqu paraguni kieku l-Kummissjoni bagħtitilhom it-timbri u l-mudelli ta' firem kollha ta' l-uffiċċju doganali ta' Mersin u kieku assigurat li t-timbri jiġu sostitwiti f’termini preċiżi. Fil-fatt, jew l-ilment ibbażat fuq il-falsifikazzjoni ma kienx jitqajjem, jew, f’każ ta' falsifikazzjoni, din setgħet tiġi skoperta u eluċidata mill-ewwel importazzjonijiet in kwistjoni.

247    Il-Kummissjoni tafferma biss li r-Repubblika tat-Turkija mhijiex obbligata tibgħatilha l-firem u t-timbri oriġinali ta' l-awtoritajiet doganali ta' Mersin minħabba l-fatt li, hekk kif hija esponiet qabel (ara l-punt 143 hawn fuq), l-Artikolu 93 tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-KDK mhuwiex applikabbli f'dan il-każ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

248    Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma osservatx l-obbligi imposti fuqha skond il-leġiżlazzjoni applikabbli, billi ma bagħtitx lill-awtoritajiet doganali Taljani l-kampjuni tat-timbri u tal-firem użati mill-amministrazzjoni doganali Torka. B'dan il-mod, il-Kummissjoni ffaċilitat iċ-ċirkulazzjoni ta' ċertifikati falsifikati. Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kinitx obbligata tikseb il-kampjuni in kwistjoni u sussegwentement tibgħathom lill-awtoritajiet doganali ta' l-Istati Membri.

249    F'dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta' dak allegat mir-rikorrenti, l-Artikolu 93 tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-KDK mhuwiex applikabbli f'dan il-każ. Għalhekk, dan l-Artikolu la jimponi fuq l-awtoritajiet Torok li jibagħtu l-kampjuni ta' timbri u ta' firem użati mill-uffiċċji doganali tagħhom u lanqas fuq il-Kummissjoni li tibgħathom lill-Istati Membri. Din il-konstatazzjoni tirriżulta mill-pożizzjoni li l-Artikolu 93 għandu fl-organizzazzjoni tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-KDK, jiġifieri taħt is-subsezzjoni 3 intitolata "Metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva", tas-sezzjoni 1, intitolata "Sistema ġeneralizzata ta' preferenzi" tal-Kapitolu li jittratta dwar l-oriġini preferenzjali tal-merkanzija. Dan jaqa' taħt it-Titolu IV tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-KDK, dwar l-oriġini tal-merkanzija. Issa, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 67 moqri flimkien ma' l-Artikolu 93 tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-KDK, din l-aħħar dispożizzjoni tipprovdi metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva li japplikaw għall-kummerċ bejn il-Komunità u pajjiżi li qed jiżviluppaw li lilhom din tat preferenzi tariffarji. Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 93 tar-Regolament għall-implemetazzjoni tal-KDK ma jikkonċernax il-merkanzija li toriġina mit-Turkija.

250    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li minn qari ta' l-Artikolu 20(3)(d) flimkien ma' l-Artikolu 27(a) tal-KDK għandu jiġi konkluż li, fil-kuntest ta' ftehim li jistabbilixxu sistemi ta' tariffi preferenzjali konklużi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi, ir-regoli dwar l-oriġini tal-merkanzija huma stabbiliti f'dawn l-istess ftehim. F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jistabbilixxi tali sistema. Issa, għandu jiġi osservat li la l-ftehim in kwistjoni u lanqas id-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni intiżi sabiex jimplementaw id-dispożizzjonijiet tiegħu ma ddisponew dwar xi obbligu li l-partijiet kontraenti jibagħtu lil xulxin kampjuni ta' timbri u ta' firem.

251    Għal dak li jikkonċerna l-fażi definittiva ta' l-unjoni doganali, jiġifieri l-perijodu wara l-31 ta' Diċembru 1995, id-deċiżjoni Nru 1/95, iċċtata iktar ’il fuq, tiddisponi fl-Artikolu 29 tagħha li l-għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet doganali tal-partijiet kontraenti hija regolata mid-dispożizzjonijiet ta' l-Anness 7 tagħha li, għal dak li jikkonċerna l-Komunità, ikopri l-oqsma li jaqgħu taħt il-Komunità. Issa, id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness 7, li jirregola b'mod eżawrjenti l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, ma jagħmlu ebda referenza għall-obbligu eventwali li jintbagħtu kampjuni ta' timbri u ta' firem. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li lanqas id-deċiżjoni Nru 1/96 tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni Doganali KE-Repubblika tat-Turkija, li tiddetermina d-dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni tad-deċiżjoni Nru 1/95, ma timponi tali obbligu.

252    Din il-konstatazzjoni mhijiex invalidata mill-argument tar-rikorrenti li l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni Nru 1/96 jirreferi għall-Artikolu 93 tal-KDK. Fil-fatt, dan l-Artikolu 4 jiddetermina biss li r-regoli doganali Komunitarji u Torok japplikaw għall-kummerċ ta' merkanzija bejn iż-żewġ partijiet, fit-territorji rispettivi tagħhom,taħt il-kundizzjonijiet previsti fid-deċiżjoni Nru 1/96. Il-Kapitolu 2 ta' din id-deċiżjoni, intitolat "Dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva għaċ-ċirkulazzjoni ta' merkanzija" jistabbilixxi l-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li għandhom jissodisfaw iċ-ċertifikati ta' ċirkulazzjoni ta' merkanzija maħruġa fil-kuntest ta' relazzjonijiet kummerċjali bejn il-Komunità u r-Repubblika tat-Turkija, mingħajr, madankollu, ma jiġi impost l-obbligu li jintbagħtu timbri u firem. Barra minn hekk, l-Artikolu 15 ta' din l-istess deċiżjoni Nru 1/96 jiddisponi li l-kontroll ta' l-awtentiċità u tar-regolarità taċ-ċertifikati għandu jsir fil-kuntest ta' l-għajnuna reċiproka prevista fl-Artikolu 29 u fl-Anness 7 tad-deċiżjoni Nru 1/95.

253    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-unika sitwazzjoni fejn tali obbligu li jintbagħtu l-kampjuni in kwistjoni hija espressament prevista tikkonċerna l-proċedura simplifikata għall-ħruġ ta' ċertifikati [(ara l-Artikolu 12(5)(b) tad-deċiżjoni Nru 1/96 u l-Artikolu 9(a)(5)(b) tad-deċiżjoni Nru 5/72, kif emendata mid-deċiżjoni Nru 2/94)]. Skond id-dispożizzjonijiet applikabbli, iċ-ċertifikati maħruġa skond il-proċedura simplifikata għandhom isemmuhom speċifikament (ara l-Artikolu 9a(6) tad-deċiżjoni Nru 2/94). Iċ-ċertifikati in kwistjoni mkien ma jissemmu din il-proċedura simplifikata.

254    Fir-rigward tal-merkanzija importata matul il-fażi tranżitorja ta' l-unjoni doganali, jiġifieri sal-31 ta' Diċembru 1995, għandu jiġi osservat li la d-deċiżjoni Nru 5/72 u lanqas id-deċiżjoni Nru 4/72 ma jipprovdu b'mod espress l-obbligu li jintbagħtu kampjuni ta' timbri u ta' firem.

255    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, matul il-perijodu kollu li jkopri l-importazzjonijiet in kwistjoni, ir-Repubblika tat-Turkija u l-Kummissjoni ma kellhom ebda obbligu li jibagħtu l-kampjuni tat-timbri u tal-firem użati mill-awtoritajiet doganali tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tiġi obbligata tibgħat il-kampjuni in kwistjoni lill-awtoritajiet doganali ta' l-Istati Membri.

256    Din il-konstatazzjoni mhijiex invalidata mill-argument tar-rikorrenti dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 3719/88. F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 3719/88, dwar il-kamp ta' applikazzjoni, jiddisponi li r-Regolament japplika għaċ-ċertifikati previsti mid-dispożizzjonijiet regolatorji li huma espressament elenkati hemm. Issa, għandu jiġi kkonstatat li la l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u lanqas id-dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni ta' dan ta' l-aħħar mhuma msemmija fihom. Bl-istess mod, ebda waħda mid-dispożizzjoni rilevanti intiżi sabiex jimplementaw il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ma tirreferi għal dan ir-Regolament.

257    Fin-nuqqas ta' obbligu tal-Kummissjoni li tibgħat il-kampjuni ta' timbri u ta' firem lill-Istati Membri, għandu jiġi konkluż li dan l-ilment mhuwiex fondat.

258    Fi kwalunkwe każ, dan l-ilment huwa wkoll irrilevanti minħabba l-fatt li, kif osservat il-Kummissjoni waqt is-seduta, ir-Repubblika tat-Turkija bagħtet il-marki li jħallu t-timbri użati għaċ-ċertifikati A.TR.1 volontarjament.

259    Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

c)     Fuq il-vjolazzjoni ta' l-obbligu li l-importaturi jiġu mwissija fi żmien raġonevoli

 L-argumenti tal-partijiet

260    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli din naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li twissi lill-importaturi fi żmien raġonevoli, li jirriżulta mill-ġurisprudenza De Haan (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Settembru 1999, De Haan, C‑61/98, Ġabra p. I‑5003, punt 36). Din il-ġurisprudenza timponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tavża fil-ħin lill-importaturi meta hija tiġi informata b'irregolaritajiet fl-importazzjonijiet ta' merkanzija ta' pajjiż terz. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tammetti li fis-sentenza tagħha Hyper vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq (punt 126), il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet f'dan is-sens fid-dritt Komunitarju, ma jeżisti ebda obbligu li l-importaturi jiġu avżati bid-dubji rigward il-validità tat-tranżazzjonijiet doganali mwettqa minn dawn ta' l-aħħar fil-kuntest ta' sistema preferenzjali. Madankollu, tali obbligu jitqajjem meta l-Kummissjoni tikseb informazzjoni konkreta fuq in-nuqqas ta' osservazzjoni tar-regoli ta' oriġini f'pajjiż esportatur, u dan anki jekk hija ma tirreaġixxix mill-ewwel.

261    F’dan il-każ, il-Parlament Ewropew, sa mill-1994 jew mill-1995, ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-eżistenza ta' irregolaritajiet li jikkonċernaw iċ-ċertifikati ta' oriġini maħruġa fit-Turkija li kienu jkopru prodotti differenti, fosthom meraq ta' frott ippriżervat. Madankollu, il-Kummissjoni ma għamlet xejn f ’dan ir-rigward għal ħafna snin u intervenjiet fil-każ tat-televixins Torok biss wara 20 sena (sentenza Téléviseurs turcs, iċċitata iktar 'il fuq, punti 261 u 262), u dan biss wara l-ħolqien ta' l-UCLAF u l-ewwel investigazzjonijiet li saru fuq il-post minn dan il-korp.

262    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tiddikjara li mill-kontenut ta' l-ittra ta' l-UCLAF tad-9 ta' Settembru 1998, mibgħuta lid-dipartiment tal-koordinazzjoni tal-Komunità Ewropea f'Ankara, jirriżulta li l-Kummissjoni kienet mingħajr dubju taf sa mill-1993 li l-konċentrati ta' meraq tat-tuffieħ kienu ġew esportati lejn l-Unjoni permezz ta' ċertifikati ta' oriġini irregolari. F'kull każ, il-Kummissjoni kellha tkun taf, mir-rapport ta' missjoni ta' l-1993, ippreżentat fil-kuntest tal-kawżi li taw lok għas-sentenza Téléviseurs turcs, iċċitata iktar 'il fuq, li ksur simili tar-regoli dwar l-oriġini kien jitwettaq waqt l-esportazzjoni, mit-Turkija, ta' prodotti oħra, bħall-meraq ta' frott.

263    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li, flimkien ma' din it-twissija, il-Kummissjoni kienet obbligata tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali l-mezzi li jippermettulhom jikkontrollaw l-awtentiċità taċ-ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet Torok, bħal dak li sar reċentement fil-każ ta' importazzjonijiet taz-zokkor mis-Serbja-Montenegro (Avviż lill-importaturi, ĠU C 177, 2003, p.2 ).

264    Il-Kummissjoni tosserva, l-ewwel nett, li hija bl-ebda mod ma kienet obbligata twissi lill-importaturi fi żmien raġonevoli. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar, qabel kollox, il-prinċipji stabbiliti f'dan il-qasam mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza Hyper vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq (punti 126 sa 128), li skondhom ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma tobbliga espressament lill-Kummissjoni twissi lill-importaturi meta hija għandha dubji fuq il-validità ta' tranżazzjonijiet doganali mwettqa minn dawn ta' l-aħħar fil-kuntest ta' sistema preferenzjali. Kif il-Qorti tal-Prim'Istanza affermat ukoll fis-sentenza Hyper vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, il-Kummissjoni hija obbligata, taħt l-obbligu ġenerali tagħha ta' diliġenza, li twissi lill-importaturi Komunitarji b'mod ġenerali biss meta hija jkollha dubji serji rigward ir-regolarità ta' numru kbir ta' esportazzjonijiet imwettqa fil-kuntest ta' sistema preferenzjali.

265    F'dan il-każ, il-Kummissjoni tiddikjara li, għall-kuntrarju ta ‘ dak li tafferma r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kellhiex dubji serji ta' dan it-tip mill-1993, u kien biss mill-1998, wara l-ftuħ ta' proċedura ta' investigazzjoni, li hija kellha informazzjoni iktar konkreta fuq iċ-ċertifikati ineżatti u falsifikati. Rigward l-allegata twissija mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti mhijiex kapaċi ssemmi ad hoc f'dan ir-rigward riżoluzzjoni waħda tal-Parlament Ewropew ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tafferma li, minn naħa, il-mistoqsijiet Parlamentari m'għandhomx bħala għan li jagħtu informazzjoni lill-Kummissjoni, iżda għall-kuntrarju, li jitolbuhielha u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti lanqas tafferma li l-Parlament Ewropew tkellem fuq falsifikazzjoni eventwali ta' ċertifikati ta' oriġini relativi għal importazzjonijiet ta' meraq tat-tuffieħ mit-Turkija.

266    Minbarra dan, il-Kummissjoni tikkontesta kull analoġija bejn il-fatti in kwistjoni u dawk tas-sentenza De Haan, iċċitata iktar 'il fuq. Fil-fatt, skond il-Kummissjoni, f'din il-kawża l-awtoritajiet doganali Olandiżi kompetenti kienu jafu diġà jew, għall-inqas, kienu jissusspettaw b'mod serju l-eżistenza ta' frodi anki qabel ma seħħew l-operazzjonijiet doganali li taw lok għat-taxxa. F'dan il-każ, għall-kuntrarju, l-ewwel suspetti fuq in-nuqqas ta' awtentiċità jew fuq l-invalidità taċ-ċertifikati ta' oriġini rriżultaw biss wara l-importazzjonijiet in kwistjoni. L-importazzjonijiet tar-rikorrenti waqfu fl-20 ta' Novembru 1997 filwaqt li l-ewwel indikazzjonijiet dwar l-irregolaritajiet ġew a konjizzjoni tal-Kummissjoni jew ta’ l-awtoritajiet doganali Taljani biss matul is-sena 1998.

267    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tafferma li, anki jekk jiġi aċċettat li hija kienet f'dan il-każ, obbligata twissi fi żmien raġonevooli lill-importaturi, dan in-nuqqas ta' twissija ma kkawżax il-ħsara invokata mir-rikorrenti, jiġifieri l-ħolqien ta' dazji fuq l-importazzjoni, peress li l-importazzjonijiet tagħha kienu diġà waqfu fid-data li fiha l-Kummissjoni setgħet tibda twissiha. Il-Kummissjoni tosserva li l-argument tar-rikorrenti jikkostitwixxi affermazzjoni li l-Kummissjoni kellha, b'mod ġenerali, tissuspetta li r-Repubblika tat-Turkija kisret il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, u dan mhuwiex il-kompitu tagħha.

268    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-analoġija mas-sitwazzjoni ta' l-importazzjonijiet taz-zokkor mis-Serbja-Montenegro. Fil-fatt, it-twissija tal-Kummissjoni lill-importaturi f'din il-kawża kienet saret espressament minħabba lakuni fil-kollaborazzjoni amministrattiva ma’ l-awtoritajiet tas-Serbja-Montenegro. Dan mhuwiex il-każ ta' l-awtoritajiet Torok, li, għall-kuntrarju, ikkollaboraw kompletament, mal-Kummissjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

269    Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li twissi fi żmien raġonevoli lill-importaturi filwaqt li hija kienet informata bl-eżistenza ta' irregolaritajiet fuq l-esportazzjonijiet ta' prodotti li joriġinaw mit-Turkija.

270    F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, ebda dispożizzjoni tad-dritt Komintarju ma tobbliga espressament lill-Kummissjoni tavża lill-importaturi meta hija jkollha dubji fuq il-validità ta' tranżazzjonijiet doganali mwettqa minn dawn ta' l-aħħar fil-kuntest ta' sistema preferenzjali (sentenzi De Haan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 36 u Hyper vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 126).

271    Huwa minnu li fis-sentenza Téléviseurs turcs, iċċitata iktar 'il fuq (punt 268), kien ġie rikonoxxut li tali obbligu impost fuq il-Kummissjoni seta', f'ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi, jiġi dedott mill-obbligu ġenerali tagħha ta' dilġenza lejn l-operatturi ekonomiċi. Fil-fatt, fil-kawżi li taw lok għal din is-sentenza, il-Kummissjoni kienet konxja tal-fatt, jew issusspettat b'mod serju, li l-awtoritajiet Torok kienu wettqu nuqqasijiet serji fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (b'mod partikolari billi ma ttrasponewx il-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa b'effett oppost) u li dawn in-nuqqasijiet affettwaw il-validità ta' l-esportazzjonijiet kollha ta' televixins lejn il-Komunità.

272    Madankollu, huwa importanti li jiġi mfakkar li kien ukoll ġie speċifikat fis-sentenza Hyper vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, li l-Kummissjoni tista’ tiġi obbligata, taħt l-obbligu tagħha ta' diliġenza, tavża lill-importaturi Komunitarji b'mod ġenerali biss meta hija għandha dubji serji rigward ir-regolarità ta' numru kbir ta' esportazzjonijiet imwettqa fil-kuntest ta' sistema preferenzjali (sentenza Hyper vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 128).

273    Issa, f'dan il-każ, ir-rikorrenti mhijiex f'pożizzjoni li tagħti prova ta’ l-eżistenza ta' nuqqasijiet serji min-naħa ta' l-awtoritajiet Torok, li affettwaw l-esportazzjonijiet kollha tal-konċentrati ta' meraq tal-frott u li kkontribwixxew għaċ-ċirkulazzjoni ta' ċertifikati falsifikati. Għaldaqstant, hekk kif jirriżulta mill-punt 242 hawn fuq, l-ebda analoġija mal-fatti li taw lok għas-sentenza Téléviseurs turcs, iċċitata hawn fuq, ma hija possibbli.

274    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fiż-żmien meta saru l-importazzjonijiet in kwistjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx ikollha dubji serji għal dak li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' konċentrati ta' meraq tal-frott mit-Turkija. Fil-fatt, mill-korrispondenza bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Taljani u l-awtoritajiet Torok jirriżulta li kien biss minn tmiem is-sena 1998, wara l-iskoperta, mill-awtoritajiet doganali Taljani, ta' l-ewwel ċertifikat falsifikat u l-ftuħ ta' proċedura ta' investigazzjoni, li l-Kummissjoni setgħet tinduna bl-eżistenza taċ-ċertifikati falsifikati. Għaldaqstant, hekk kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni kienet obbligata tavża lill-importaturi malli kellha l-ewwel dubji rigward ir-regolarità taċ-ċertifikati in kwistjoni, hija ma kinitx f'pożizzjoni li tevita l-ħsara sostnuta mir-rikorrenti, peress li l-aħħar importazzjonijiet in kwistjoni saru fl-20 ta' Novembru 1997.

275    Għal dak li jikkonċerna r-raġunament tar-rikorrenti li mingħajr dubju l-Kummissjoni kienet taf, mill-1993 jew l-1994, li konċentrati ta' meraq tal-frott kienu esportati mit-Turkija permezz ta' ċertifikati irregolari, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ressqet ebda prova, b'mod li dan għandu jiġi respint.

276    L-istess jgħodd għall-argument dwar l-allegata twissija tal-Parlament Ewropew, li obbligat lill-Kummissjoni tinvestiga l-irregolaritajiet dwar iċ-ċertifikati ta' ċirkulazzjoni maħruġa mir-Repubblika tat-Turkija li jkopru numru kbir ta' prodotti. Fin-nuqqas ta' provi, dan l-argument għandu jiġi respint.

277    Hemm lok li tiġi respinta wkoll l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni jmissha kienet taf, minn meta ħareġ ir-rapport ta' missjoni ta' l-UCLAF fil-kawżi li taw lok għas-sentenza Téléviseurs turcs, iċċitata iktar 'il fuq, li vjolazzjonijiet simili tar-regoli ta' oriġini twettqu matul l-esportazzjoni ta' prodotti oħra, bħal dawk in kwistjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti ma ssostni din l-affermazzjoni b’ebda prova u, min-naħa l-oħra, il-fatti li fuqhom l-UCLAF investiga waqt l-imsemmija missjoni ma kkonċernawx iċ-ċertifikati falsifikati minn terzi, iżda ċertifikati maħruġa irregolament mill-awtoritajiet Torok.

278    Barra minn hekk, rigward l-affermazzjoni tar-rikorrenti li jirriżulta mill-kontenut ta' ittra tad-9 ta' Diċembru 1998 mibgħuta lid-dipartiment ta' koordinazzjoni tal-Komunità Ewropea f'Ankara li l-Kummissjoni kienet taf mill-1993 li l-konċentrati ta' meraq tat-tuffieħ kienu jiġu esportati permezz ta' ċertifikati irregolari, għandu jiġi kkonstatat li din l-ittra, li kienet ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni wara talba bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ma fihiex tali informazzjoni. Fil-fatt, f'din l-ittra, il-Kummissjoni titlob verifika ta' kull esportazzjoni ta' konċentrati ta' meraq tal-frott għall-perijodu bejn l-1993 u l-1998, mingħajr, madankollu, ma semmi l-kwistjoni dwar f'liema mument hija kienet konxja ta' l-eżistenza ta' l-irregolaritajiet.

279    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-analoġija mat-twissija lill-importaturi magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' l-importazzjonijiet taz-zokkor mis-Serbja-Montenegro hija irrilevanti. Fil-fatt, din it-twissija għandha bħala bażi, minn naħa, l-eżistenza ta' dubji fondati rigward l-eżistenza ta' frodi kbir u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta' lakuni fil-kooperazzjoni amministrattiva ma' l-awtoritajiet kompetenti. Issa, f'din il-kawża, ir-rikorrenti ma kinitx f'pożizzjoni li tistabbilixxi fatti simili.

280    Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l-Kummissjoni ma naqsitx milli twettaq l-obbligi tagħha billi ma avżatx lir-rikorrenti, qabel l-importazzjonijiet in kwistjoni, bid-dubji li hija seta’ kellha fuq ir-regolarità taċ-ċertifikati in kwistjoni.

281    Minn dan jirriżulta li dan l-ilment mhuwiex fondat u, konsegwentement, għandu jiġi miċħud.

d)     Fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-fatti matul l-investigazzjonijiet fit-Turkija

 L-argumenti tal-partijiet

282    Ir-rikorrenti tafferma li jirriżulta mir-risposta tagħha li l-Kummissjoni jew ma investigatx b'mod korrett il-fatti matul il-missjoni mwettqa f'Diċembru ta’ l-1998, jew li hija ma setgħetx twettaq investigazzjoni korretta minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni ta' l-awtoritajiet Torok, jew li hija rrifjutat tippubblika r-riżultati ta' tali investigazzjoni. Skond ir-rikorrenti, id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna reċiproka, b'mod partikolari l-Artikoli 3, 6, 7 u 8 ta' l-Anness 7 tad-deċiżjoni Nru 1/95, ipprovdew lill-Kummissjoni bażi legali suffiċjenti u sabiex twettaq investigazzjoni li tippermettilha tistabbilixxi korrettament il-fatti. Il-Kummisssjoni b'hekk setgħet tistabbilixxi jekk iċ-ċertifikati in kwistjoni kinux inħarġu mill-awtoritajiet Torok, ġew irreġistrati fl-uffiċċju doganali ta' Mersin u jekk kellhomx it-timbri ta' dan ta' l-aħħar, kif ukoll jekk investigazzjoni kriminali kinitx bdiet kontra falsifikaturi eventwali. Billi naqset milli tagħmel dan, il-Kummissjoni hija ħatja ta' nuqqas serju.

283    Il-Kummissjoni ssostni li, għall-kuntrarju ta' dak li tafferma r-rikorrenti, hija eżaminat u evalwat il-fatti rilevanti kollha b'mod korrett. Ir-rikorrenti injorat b'mod ġenerali li r-Repubblika tat-Turkija mhijiex membru ta' l-Unjoni u li, minħabba dan, il-Kummissjoni m'għandha ebda setgħat fit-Turkija ħlief dawk li ġew espressament mogħtija lilha minn dan il-pajjiż.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

284    Għal dak li jikkonċerna l-allegati nuqqasijiet tal-Kummissjoni li jirriżultaw mill-fatt li l-UCLAF ma wettaqx investigazzjoni korretta fit-Turjkija, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti mhijiex f'pożizzjoni li ssostni l-argument tagħha bi provi. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li ebda dispożizzjoni applikabbli f'dan il-każ ma obbligat lill-UCLAF jadotta l-metodi ta' investigazzjoni rakkomandati mir-rikorrenti. Fl-aħħar nett, anki jekk jiġi ammess li l-UCLAF ma wettaqx investigazzjoni eżawrjenti matul il-missjonijiet li saru fit-Turkija, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti mhijiex f'pożizzjoni li turi n-neċessità ta' din billi tressaq provi li jistgħu jqajmu dubji dwar il-validità tal-kontroll tar-regolarità taċ-ċertifikati in kwistjoni mwettaq mill-awtoritajiet Torok.

285    Konsegwentement, l-ilmenti tar-rikorrenti dwar in-nuqqasijiet allegati attribwiti lill-Kummissjoni mhumiex fondati u għandhom, għalhekk, jiġu miċħuda.

4.     Fuq in-nuqqas ta' negliġenza evidenti tar-rikorrenti u l-evalwazzjoni tar-riskji

a)     L-argumenti tal-partijiet

286    Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-nuqqas ta' negliġenza min-naħa tagħha, ir-rikorrenti tibda billi tafferma li, fid-deċiżjoni kkontestata (punti 53 sa 56), il-Kummissjoni kkonkludiet ġustament li, għal dak li jikkonċerna ċ-ċertifikati A.TR.1 meqjusa irregolari, hija kienet in bona fide u kienet uriet id-diliġenza neċessarja. Dawn l-istess konstatazzjonijiet japplikaw fir-rigward taċ-ċertifikati in kwistjoni, peress li mhemm ebda differenza apparenti bejn dawn u ċ-ċertifikati meqjusa irregolari. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, ġustament, bl-ebda mod ma tallega li r-rikorrenti ma aġġixxietx bi prudenza u dilġenza wkoll fir-rigward taċ-ċertifkati in kwistjoni.

287    Minbarra dan, ir-rikorrenti tiċħad li hija tat prova ta’ negliġenza evidenti billi ma assiguratx ruħha li ċ-ċertifikati in kwistjoni użati fil-kuntest tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħha kienu awtentiċi u validi. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza li hija ma kellha ebda prova li minnha setgħet tiddeduċi li kienu saru falsifikazzjonijiet eventwali ta' ċertifikati jew li tippermettilha li tqis li l-awtoritajiet Torok ħarġu ċertifikati A.TR.1 għall-merkanzija li ma toriġinax mit-Turkija. Hija waslet għall-konklużjoni li l-awtoritajiet Torok kienu kisru b'mod serju u għal tul ta' żmien ir-regoli relativi għaċ-ċertifikati ta' oriġini biss wara konverżazzjonijiet magħmula mill-persuni responsabbli tagħha fit-Turkija, wara l-korrispondenza li saret bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Taljani ma' l-awtoritajiet Torok u wara l-aċċess parzjali għall-fajl.

288    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tafferma li l-operazzjonijiet ta' importazzjoni mwettqa mal-kumpannija Torka Akman kienu operazzjonijiet kummerċjali normali. Issa, skond il-ġurisprudenza, meta importazzjoni jaqgħu taħt prattika kummerċjali normali, hija l-Kummissjoni li għandha tressaq il-prova ta' negliġenza evidenti min-naħa ta' l-importaturi (sentenza Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 159 u s-sentenza Téléviseurs turcs, iċċitata iktar 'il fuq, punt 297).

289    Fl-aħħar nett, fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li, f’każ li l-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonkludi li hemm sitwazzjoni partikolari fir-rigward tar-rikorrenti, il-kwistjoni ta' nuqqas eventwali ta' negliġenza evidenti tagħha għandha terġa' tiġi evalwata mill-Kummissjoni. Skond ir-rikorrenti, peress li l-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni fir-risposta tagħha fuq il-kundizzjonijiet suġġettivi ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 239 tal-KDK, dan l-argument la jista' jsir fil-kuntest ta' din il-kawża u lanqas jekk jiġi deċiż li dan ir-rikors huwa fondat. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li, f’każ li l-Kummissjoni tasal, fil-kontroreplika tagħha, għall-konklużjoni li kien hemm negliġenza evidenti, jew tali argument għandu jiġi respint minħabba r-regoli ta' dekadenza jew inkella r-rikorrenti għandha tingħata l-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet addizzjonali. Fil-fatt, kull sitwazzjoni oħra tagħti lill-Kummissjoni vantaġġ inġust.

290    Fit-tieni lok, fir-rigward ta' l-evalwazzjoni tar-riskji, ir-rikorrenti tenfasizza li miċ-ċirkustanzi esposti jirriżulta li kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-awtoritajiet Torok naqsu b'mod serju milli jwettqu l-obbligi imposti fuqhom, u b'dan il-mod ikkontribwixxew għall-fatt li ċ-ċertifikati allegatament foloz iżda fir-realtà irregolari ġew endorsjati u nħarġu. Dawn in-nuqqasijiet ħolqu sitwazzjoni li ma taqax iktar fl-ambitu ta' riskju normali li kull importatur għandu jsostni, iżda li, għall-kuntrarju, tiġġustifika l-eżistenza ta' sitwazzjoni partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 239 tal-KDK fir-rigward tar-rikorrenti.

291    Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija obbligata, meta hija teżerċita l-funzjonijiet tagħha fil-kuntest ta' l-Artikolu 239 tal-KDK, tieħu in kunsiderazzjoni mhux biss l-interess tal-Komunità billi tassigura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet doganali, iżda wkoll l-interess ta' l-importatur in bona fide sabiex ma jsostnix il-ħsarat li jiżbqu ir-riskju kummerċjali ordinarju (sentenzi Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 95).

292    L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li l-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar iċ-ċertifikati in kwistjoni, meqjusa foloz, ma tagħmel l-ebda referenza għall-kwistjoni tad-diliġenza jew tan-negliġenza tar-rikorrenti. Skond il-Kummissjoni, din il-kwistjoni ma baqgħatx rilevanti ladarba ġie stabbilit in-nuqqas ta' sitwazzjoni partikolari fis-sens tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 239 tal-KDK flimkien mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 905 tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-KDK. Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza li jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tikkonkludi f'dan il-każ li teżisti sitwazzjoni partikolari, il-Kummissjoni jkollha tevalwa l-kundizzjonijiet l-oħra ta' fatt relativi għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 239 tal-KDK, peress li l-partijiet mid-deċiżjoni kkontestata (premessi 52 et seq) li jikkonċernaw id-diliġenza u l-bona fide tar-rikorrenti fir-rigward taċ-ċertifikati kkunsidrati irregolari mhumiex neċessarjament applikabbli.

293    It-tieni nett, il-Kummissjoni tiddikjara li l-argumenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw il-vjolazzjonijiet serji ta' l-awtoritajiet Torok, jekk verament seħħew, juru vjolazzjoni ta' l-obbligu ta' diliġenza impost fuqha jew ta' negliġenza manifesta min-naħa tagħha, li jeskludu kull rimborż taħt l-Artikolu 239 tal-KDK. Fil-fatt, jekk ir-rikorrenti kienet tissuspetta li l-awtoritajiet Torok kisru b'mod serju r-regoli relativi għaċ-ċertifikati ta' oriġini, hija kellha tassigura ruħha fuq l-awtentiċità taċ-ċertifikati li hija kienet tuża fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha. Issa, kien biss minn April ta' l-1999, jiġifieri kważi sentejn wara l-waqfien ta' l-importazzjonijiet in kwistjoni, li r-rikorrenti informat ruħha bil-mod kif ir-Repubblika tat-Turkija kienet tapplika s-sistema preferenzjali.

294    Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-eżami tar-riskji, il-Kummissjoni tosserva li mid-dikjarazzjoni tagħha jirriżulta li r-rikorrenti ppreżentat ċertifikati ta' oriġini falsifikati, li l-awtoriatjiet Torok ma kellhomx x’jaqsmu mat-tfassil tagħhom. Skond l-Artikolu 904(c) tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-KDK, din is-sitwazzjoni ma tikkostitwixxix ċirkustanza partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 239 tal-KDK, iżda tikkostitwixxi s-seħħ ta' riskju kummerċjali normali li r-rikorrenti kellha tassigura ruħha kontrih. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li minn dan ma jirriżultax diskriminazzjoni intollerabbli għar-rikorrenti meta mqabbla ma' importaturi oħra.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

295    Għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni minħabba li "iċ-ċirkustanzi msemmija […] ma [kinux], fl-opinjoni [tagħha] […], ta' natura li joħolqu sitwazzjoni partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 239 tar-Regolament […] Nru 2913/92 għall-parti tat-talba relativa għaċ-ċertifikati foloz" (premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata). Kif tinnota ġustament il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, sabiex tikkonkludi li ma kinitx teżisti sitwazzjoni partikolari, hija ma ddeċidietx , fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar iċ-ċertifikati falsifikati (premessi 18 sa 41), fuq il-kwistjoni tad-diliġenza jew tan-negliġenza tar-rikorrenti.

296    Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni raġuni dwar in-nuqqas ta’ negliġenza evidenti min-naħa tar-rikorrenti hija irrilevanti u, għaldaqstant, għandha, f’dan ir-rigward, tiġi miċħuda (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Bonn Fleisch Ex- und Import vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 69).

297    Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, it-tieni raġuni għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

C –  Fuq it-tielet raġuni, ibbażata fuq ksur ta’ l’Artikolu 220(2)(b) tal-KDK

1.     L-argumenti tal-partijiet

298    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 18 et seq), il-Kummissjoni eżaminat prinċipalment l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 220(1)(b) tal-KDK, u kkonkludiet li ma kienx hemm nuqqas min-naħa ta’ l-awtoritajiet Torok u konsegwentement ċaħdet l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK. Skond ir-rikorrenti, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni huma ineżatti, peress li l-amministrazzjoni doganali Torka kienet kompletament konxja tal-fatt li t-32 ċertifikat in kwistjoni endorsjati u rreġistrati minnha kienu irregolari.

299    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-konverżazzjonijiet tar-rappreżentanti tagħha kif ukoll l-investigazzjonijiet ta’ l-UCLAF fit-Turkija juru li, anki jekk jirriżulta li ċ-ċertifikati in kwistjoni ma kinux ġew intenzjonalment endorsjati mill-awtoritajiet Torok, madankollu dawn kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li dawn kienu jeżistu. Peress li r-rikorrrenti tqis li mhemm ebda dubju fuq il-bona fide tagħha, minn dan jirriżulta li d-dazji fuq l-importazzjoni rkuprati a posteriori għandhom jingħatawlha lura.

300    Il-Kummissjoni tafferma, l-ewwel nett, li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għal dak li jikkonċerna ċ-ċertifikati meqjusa falsifikati, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK ma kinux sodisfatti f’dan il-każ, għar-raġuni li ebda żball min-naħa ta’ l-awtoritajiet Torok ma ġie stabbilit, peress li ċ-ċertifikati in kwistjoni la kienu nħarġu u lanqas ma kienu ġew iffirmati minnhom, iżda għall-kuntrarju, kienu ġew falsifikati minn terzi (premessi 18 sa 28 tad-deċiżjoni kkontestata).

301    Il-Kummissjoni ssostni, barra minn hekk, li skond ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li l-awtoritajiet doganali Taljani għall-ewwel aċċettaw iċ-ċertifikati ta’ oriġini falsifikati ma jikkostiwixxix, fih innifsu, żball fis-sens ta’ l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK.

302    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tindika li, safejn ir-rikorrenti tagħmel biss affermazzjonijiet li diġà ġew respinti fil-kuntest tar-raġuni dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 239 tal-KDK, hija tippermetti lilha nfisha tirreferi għal dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti. Minn dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK mhumiex sodisfatti f’dan il-każ, b’mod li d-dazji fuq l-importazzjoni kkontestati setgħu jiddaħħlu sussegwentement fil-kontijiet. Konsegwentement, ir-rikors, f’dan ir-rigward ukoll, huwa infondat.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim' Istanza

303    Skond l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, tliet kundizzjonijiet kumulattivi għandhom jiġu sodisfatti sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu ma jdaħħlux sussegwentement fil-kontijiet id-dazji fuq l-importazzjoni. Jeħtieġ, l-ewwel nett, li d-dazji ma jkunux inġabru b'riżultat ta' żball ta' l-awtoritajiet kompetenti nfushom, it-tieni nett, li l-żball kommess minn dawn ta' l-aħħar ma setgħetx raġonevolment tinduna bih persuna suġġetta għad-dazju li taġixxi in bona fide u, fl-aħħar nett, li din ta' l-aħħar tkun osservat id-dispożizzjonijiet kollha previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ f'dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali tagħha (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Lulju 1989, Binder, 161/88, Ġabra p. 2415, punti 15 u 16; tas-27 ta’ Ġunju 1991, Mecanarte, C-348-89, Ġabra p. I-3277, punt 12; ta’ l-4 ta’ Mejju 1993, Weis, C-292-91, Ġabra p. I-2219, punt 14; Faroe Seafood et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83; id-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Diċembru 1999, CPL Imperial 2 u Unifrigo vs Il-Kummissjoni, C-299/98 P, Ġabra p. I-8683, punt 22, u tal-11 ta' Ottubru 2001, William Hinton & Sons, C-30/00, Ġabra p. I-7511, punti 68, 69, 71 u 72; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ġunju 1996, Günzler Aluminium vs Il-Kummissjoni, T-75/95, Ġabra p. II-497, punt 42).

304    Għandu wkoll jiġi osservat li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK għandu bħala għan li jipproteġi l-aspettattivi leġittimi tal-persuna taxxabbli fir-rigward tal-fondatezza ta' l-elementi kollha involuti fid-deċiżjoni jekk id-dazji għandhomx jiġi rkuprati jew le. Madankollu, l-aspettittivi leġittimi tal-persuna taxxabbli jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni biss jekk huma l-awtoritajiet kompetenti stess li ħolqu l-bażi li fuqha huma bbażati l-aspettattivi tal-persuna taxxabbli. B’hekk, huma l-iżbalji li seħħew minħabba l-aġir pożittiv ta’ l-awtoritajiet kompetenti biss u li ma setgħux raġonevolment jiġu skoperti mill-persuna taxxabbli li jagħtu lok għal nuqqas ta’ rkupru a posteriori tad-dazji doganali (sentenza Mecanarte, iċċitata iktar 'il fuq, punti 19 u 23).

305    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kkonkludiet fil-parti kkontestata tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK ma kinux sodisfatti minħbba li ma ġie skopert ebda żball pożittiv min-naħa ta’ l-awtoritajiet kompetenti (premessi 25 sa 27).

306    Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li turi li aġir pożittiv min-naħa ta’ l-awtoritajiet kompetenti kkontribwixxa għat-tfassil jew għall-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati in kwistjoni li rriżultaw foloz.

307    Għaldaqstant, din ir-raġuni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

308    Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u fuq il-miżuri istruttorji

309    Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha tordna miżuri istruttorji differenti skond l-Artikolu 64(4) u ta' l-Artikolu 65 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

A –  Fuq il-produzzjoni ta' dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv

1.     L-argumenti tal-partijiet

310    Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha tistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi d-dokumenti kollha li hija qieset li ma setgħetx tikkonsulta fil-kuntest ta' l-aċċess għall-fajl amministrattiv (ara l-punti 72 et seq hawn fuq).

311    Sabiex turi n-nuqqas ta' kooperazzjoni ta' l-awtoritajiet Torok, in-nuqqasijiet tagħhom fl-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u n-natura insuffiċjenti ta' l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni, hija titlob, b'mod partikolari, il-produzzjoni tar-rapporti ta' missjoni ta' l-UCLAF. B'mod partikolari, ir-rikorrenti tixtieq tikseb ir-rapport ta' l-UCLAF tat-23 ta' Diċembru 1998, jew ta' data oħra, fuq in-natura, il-kontenut u r-riżultati ta' l-investigazzjonijiet li saru fit-Turkija, b'mod partikolari fl-Uffiċċju Doganali ta' Mersin.

312    Il-Kummissjoni tafferma, essenzjalment, li r-rikorrenti setgħet tikkonsulta id-dokumenti rilevanti kollha, u għaldaqstant, li dawn it-talbiet huma irrilevanti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

313    L-ewwel nett, mill-punt 99 hawn fuq jirriżulta li r-rikorrenti kellha aċċess għar-rapporti ta' missjoni ta' l-UCLAF tad-9 u tat-23 ta' Diċembru 1998 qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li dawn ir-rappporti kienu ġew ippreżentati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza. F'dawn iċ-ċirkustanzi, din it-talba hija mingħajr suġġett u għandha, konsegwentement, tiġi miċħuda.

B –  Fuq il-miżuri istruttorji l-oħra

1.     L-argumenti tal-partijiet

314    L-ewwel nett, sabiex turi l-obbligu li jingħataw il-kampjuni tat-timbri u tal-firem użati mill-amministrazzjoni doganali Torka, b'mod partikolari l-marki li jħallu t-timbri u l-firem ta' l-uffiċċju doganali ta' Mersin, u l-fatt li dawn il-kampjuni kienu ntbagħtu uffiċjalment lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Torok u wara intbagħtu lill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza u lill-amministrazzjoni doganali Taljana sabiex jdaħħluhom fil-proċess, kif ukoll id-dokumenti li jiċċertifikaw li l-kopji tat-timbri u tal-firem awtorizzati kienu ntbagħtu lid-dipartimenti kompetenti ta' l-Istati Membri.

315    It-tieni nett, sabiex turi li t-32 ċertifikat A.TR.1 in kwistjoni mhumiex foloz, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha tqabbad espert, bħad-dipartiment tal-puluzija doganali Ġermaniż f'Colonge, sabiex jikkontrolla l-awtentiċità tad-dokumenti oriġinali, billi jqabbilhom mal-marki oriġinali li jħallu t-timbri u l-firem rilevanti.

316    Għal dan il-għan, ir-rikorrenti titlob wkoll li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha li jew tordna lill-Kummissjoni tistaqsi lill-awtoritajiet doganali ta' Ravenna, jew tistedinhom direttament sabiex jibagħtu lill-espert magħżul l-oriġinal tal-103 ċertifikati A.TR.1 imsemmija fl-ittra ta' l-amministrazzjoni Taljana mehmuża mar-rikors. Il-manditarju ad litem tar-rikorrenti għandu wkoll ikollu l-possibbiltà jikkonsulta dawn iċ-ċertifikati.

317    Il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha wkoll titlob lill-Gvern Tork, possibbilment permezz tal-Kummissjoni, sabiex jibgħat kopji oriġinali taċ-ċertifikati in kwistjoni fil-pussess tiegħu, sabiex dawn jiġu paragunati ma' l-oriġinali fil-kuntest tas-sistema ta' għajnuna amministrattiva miftiehma.

318    It-tielet nett, sabiex turi li ċ-ċertifikati in kwistjoni huma dokumenti awtentiċi u kienu ġew irreġistrati mill-uffiċċju doganali ta' Mersin, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha tistieden lill-amministrazzjoni ċentrali doganali Torka sabiex tinnomina uffiċjal li għandu jippreżenta fis-seduta l-mudelli ta' timbri u ta' firem li kienu ntużaw mill-uffiċċju doganali ta' Mersin matul il-perijodu kkontestat, kif ukoll ir-reġistri, u jagħti informazzjoni rigward in-nuqqas ta' awtentiċità jew l-irregolarità taċ-ċertifikati in kwistjoni.

319    Ir-rikorrenti tinvoka, f'dan ir-rigward, l-għajnuna reċiproka miftiehma bejn il-partijiet kontraenti għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Hija tenfasizza, b'mod partikolari li, skond l-Artikolu 29 tad-deċiżjoni Nru 1/95, moqri flimkien ma' l-Anness 7 tiegħu u l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Nri 1/96, l-awtoritajiet Komunitarji u Torok għandhom jgħinu lil xulxin għall-kontroll ta' l-awtentiċità u r-regolarità taċ-ċertifikati A.TR.1. L-Artikolu 12 ta' l-Anness 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/96 jipprovdi, barra minn hekk, li l-uffiċjali ta' l-awtorità rikjesta għandhom jidhru bħala esperti jew xhieda quddiem il-qorti tal-parti kontraenti l-oħra u għandhom jipproduċu d-dokumenti jew il-kopji awtentikati li jistgħu jkunu neċessarji għall-kawża.

320    Il-Kummissjoni tqis li t-talbiet tar-rikorrenti li jikkonċernaw il-preżentazzjoni taċ-ċertifikati in kwistjoni u l-ispezzjoni tagħhom minn espert għandhom jiġi miċħuda peress li l-konstatazzjoni ta' l-awtentiċità taċ-ċertifikati taqa' esklużivament taħt il-kompetenza ta' l-awtoritajiet Torok.

321    Bl-istess mod, għandu jiġi deċiż li t-talba intiża sabiex tinġabar ix-xhieda ta' uffiċjal doganali Tork hija inammissibbli, peress li l-amministrazzjoni doganali Torka diġà kkonfermat, skond il-Kummissjoni, diversi drabi d-dikjarazzjonijiet tagħha dwar iċ-ċertifikati in kwistjoni.

322    Għal dak li jikkonċerna t-talba sabiex jiġu ppreżentati dokumenti mir-reġistri ta' l-uffiċċju doganali ta' Mersin, il-Kummissjoni ssostni li din ukoll hija inammissibbli, peress li mhijiex rilevanti billi l-Kummissjoni kienet indikat li kien possibbli li t-32 ċertifikati awtentċi kienu jeżistu u li dawn servew bħala mudell għall-falsifikaturi sabiex ifasslu ċ-ċertifikati in kwistjoni.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

323    Fir-rigward tal-miżuri istruttorji, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li hija l-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tevalwa l-utilità tal-miżuru istruttorji għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Mejju 2001, Toditec vs Il-Kummissjoni, T‑68/99, Ġabra p. II‑1443, punt 40).

324    F'dan il-każ, għandu jiġi osservat li, hekk kif innotat il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Torok affermaw b'mod ċar li ċ-ċertifikati in kwistjoni kienu ġew falsifikati. Għaldaqstant, fid-dawl tal-provi fil-proċess u fid-dawl ta' l-ilmenti invokati mir-rikorrenti, jidher li tali miżuri intiżi sabiex juru li dawn huma documenti awtentiċi la huma rilevanti u lanqas ma huma neċessarji sabiex din il-kawża tiġi deċiża. Għaldaqstant, mhemmx lok li din il-Qorti tirrikorri għalihom. It-talbiet tar-rikorrenti li jikkonċernaw il-preżentazzjoni taċ-ċertifikati in kwistjoni u l-ispezzjoni tagħhom minn espert għandhom, għaldaqstant, jiġi miċħuda.

C –  Fuq il- provi

1.     L-argumenti tal-partijiet

325    Ir-rikorrenti tippreżenta bħala prova tad-diversi fatti allegati x-xhieda tax-xhud is-Sur Thomas Nothelfer, impjegat mal-kumpannija Steinhauser, inkarigat matul il-perijodu in kwistjoni, b'mod partikolari, mix-xiri ta' konċentrati ta' meraq tal-frott fit-Turkija u li ħa sehem f'diversi konversazzjonijiet ma' l-awtoritajiet Torok meta kien jinsab fit-Turkija matul l-ewwel ġimagħtejn tax-xahar ta' April 1999. Hija tipproduċi wkoll dikjarazzjonijiet tal-Professur Gerd Merke, li kien akkompanja lis-Sur Nothelfer matul il-vjaġġ tiegħi fit-Turkija.

326    L-ewwel nett, sabiex turi li ċ-ċertifikati in kwistjoni jikkostitwixxu dokumenti awtentiċi, ir-rikorrenti tippreżenta x-xhieda tas-Sur Nothelfer, li qal li l-uffiċjali doganali ta' Mersin irrikonoxxew li t-timbri użati kważi ma jistgħux jinqraw u li, minkejja t-talbiet tagħhom, l-awtorità doganali ċentrali Torka ilha 'l fuq minn sena ma tagħtihom oħrajn ġodda.

327    It-tieni nett, sabiex turi li ċ-ċertifikati in kwistjoni kienu ġew irreġistrati mill-uffiċċju doganali ta' Mersin, ir-rikorrenti tippreżenta x-xhieda tas-Sur Nothelfer, li jiddikjara li huwa ra dawn ir-reġistri. Is-sur Nothelfer jista' wkoll jiddikjara li, waqt konversazzjoni ma' uffiċjal doganali kompetenti f'Mersin, huwa talab kopja tal-paġni tar-reġistru li fihom kienu mniżżla n-numri tat-32 ċertifikat A.TR.1 allegatament foloz, iżda wara li aċċetta, l-uffiċjal doganali ma tah ebda kopja.

328    It-tielet nett, sabiex turi li ċ-ċertifikati in kwistjoni jikkostitwixxu dokumenti awtentiċi, ir-rikorrenti tippreżenta x-xhieda tas-Sur Nothelfer u tas-Sur Merke li skondhom, waqt laqgħa ma' l-amministrazzjoni ċentrali doganali f'Ankara, f'April ta’ l-1999, is-sur Nothelfer indika li, skond l-informazzjoni tiegħu, iċ-ċertifikati A.TR.1 kollha (irregolari jew foloz) kienu ġew endorsjati u rreġistrati mill-amministrazzjoni doganali. Ir-rappreżentant ta' l-awtorità doganali ċentrali f'Ankara rrispondietu li investigazzjoni kriminali kienet ġiet ordnata sabiex id-dokumenti jiġi vverifikati.

329    Ir-raba nett, sabiex turi li l-awtoritajiet Torok ma fehmux il-kontenut u l-importanza tar-regoli relativi għas-sistema preferenzjali u għall-oriġini tal-merkanzija, ir-rikorrenti tippreżenta x-xhieda tas-Sur Nothelfer u tas-Sur Merke dwar il-konversazzjoni tagħhom mas-Sur Dogran ta' l-Uffiċċju ta' l-Affarijiet Ekonomiċi tal-Prim Ministru Tork. Din ix-xhieda sservi wkoll sabiex jintwera li l-UCLAF dam sabiex informa lill-awtoritajiet Torok bl-importanza tar-regoli preferenzjali u ta' l-obbligu li dawn jiġu osservati.

330    Fl-aħħar nett, sabiex turi li l-Kummissjoni vvjolat l-obbligu tagħha li twissi lill-importaturi, ir-rikorrenti tippreżenta bħala prova "informazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u informazzjoni tal-Parlament Ewropew", li jikkonċernaw irregolaritajiet fiċ-ċertifikati ta' oriġini fit-Turkija ta' prodotti differenti.

331    Il-Kummissjoni tqis li l-provi relativi għar-reġistri miżmuma mill-Uffiċċju Doganali ta' Mersin huma rrilevanti. L-ewwel nett, it-testijiet rilevanti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ma jipprovdux għaż-żamma ta' tali reġistri. It-tieni nett, il-Kummissjoni tiddikjara li l-awtoritajiet doganali Torok setgħu joħorġu t-32 ċertifikat A.TR.1 għal lottijiet differenti mill-kunsinni in kwistjoni f'dan il-każ.

332    Għal dak li jikkonċerna d-diskussjonijiet tar-rappreżentanti tar-rikorrenti ma' l-awtoritajiet Torok, il-Kummissjoni tqis li dawn isaħħu l-kredibbiltà tal-konklużjonijiet trażmessi minnhom u għalhekk huma irrilevanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dikjarazzjoni tas-Sur Nothelfer li ċerti membri ta' l-uffiċċju tal-Prim Ministru ma kinux jafu l-leġiżlazzjoni fil-qasam ta' l-oriġini u tat-tariffi preferenzjali hija rrilevanti peress li l-ħaġa essenzjali hija li d-dipartimenti tad-dwana kienu jafu b'tali regoli.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

333    Fir-rigward tal-provi ppreżentati mir-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, fid-dawl ta' dak li ntqal qabel (ara, b'mod partikolari, il-punti 150 et seq, 161 et seq, 216 u u 276 hawn fuq), dawn huma kollha rrilevanti. Għaldaqstant, mhemmx lok li jintlaqgħu.

 Fuq l-ispejjeż

334     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż skond it-talbiet tal-konvenuta f'dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (il-Ħames Awla)

taqta' u tiddeċiedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Vilaras

Martins Ribeiro

Jürimäe

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-6 ta' Frar 2007.

E. Coulon

 

      M. Vilaras

Reġistratur

 

      President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

A –  Leġiżlazzjoni dwar is-sistema preferenzjali

1.  Leġiżlazzjoni fis-seħħ matul il-fażi tranżitorja

2.  Leġiżlazzjoni fis-seħħ matul il-fażi definittiva

B –  Leġiżlazzjoni Doganali

1.  Leġiżlazzjoni dwar il-maħfra ta' dazji doganali

2.  Leġiżlazzjoni dwar ir-regoli ta' oriġini

C –  Leġiżlazzjoni dwar il-konfidenzjalitŕ ta' ċerti dokumenti

Fatti li wasslu għall-kawża

A –  Importazzjonijiet in kwistjoni

B –  Proċedura kriminali u amministrattiva quddiem l-awtoritajiet Taljani u Komunitarji

C –  Ċerifikat D 437214

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

B –  Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 239 tal-KDK

1.  1. Fuq iċ-ċertifikat ta' ċirkulazzjoni A.TR.1 D 437214

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

2.  Fuq in-nuqqasijiet attribwibbli lill-awtoritajiet Torok

a)  Fuq il-kampjuni tat-timbri u tal-firem

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

–  Osservazzjonijiet preliminari

–  Rigward il-mertu

b)  Fuq ir-reġistrazzjoni taċ-ċertifikati mill-awtoritajiet Torok

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

c)  Fuq l-għajnuna ta' l-awtoritajiet doganali Torok

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

d)  Fuq il-ksur tar-regoli fil-qasam ta' għajnuna amministrattiva

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

e)  Fuq l-indizji addizjonali

L-argumenti tar-rikorrenti

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

3.  Fuq in-nuqqasijiet attribwiti lill-Kummissjoni Ewropea

a)  Fuq in-nuqqas ta' kontroll regolari tas-sistema preferenzjali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

b)  Fuq in-nuqqas milli jintbagħtu l-kampjuni ta' timbri u ta' firem

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

c)  Fuq il-vjolazzjoni ta' l-obbligu li l-importaturi jiġu mwissija fi żmien raġonevoli

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

d)  Fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-fatti matul l-investigazzjonijiet fit-Turkija

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

4.  Fuq in-nuqqas ta' negliġenza evidenti tar-rikorrenti u l-evalwazzjoni tar-riskji

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

C –  Fuq it-tielet raġuni, ibbażata fuq ksur ta’ l’Artikolu 220(2)(b) tal-KDK

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim' Istanza

Fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u fuq il-miżuri istruttorji

A –  Fuq il-produzzjoni ta' dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

B –  Fuq il-miżuri istruttorji l-oħra

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

C –  Fuq il- provi

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.