Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 8 de Donostia – San Sebastián (Spanja) fl10 ta’ Mejju 2023 – NB vs Kutxabank, SA

(Kawża C300/23, Kutxabank)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de Primera Instancia no 8 de Donostia – San Sebastián

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: NB

Konvenut: Kutxabank, SA

Domandi preliminari

1.Fid-dawl tal-fatt li l-Bank ta’ Spanja, fl-istess Ċirkulari 5/1994, tat22 ta’ Lulju, li permezz tagħha huwa inkorpora fis-suq ipotekarju Spanjol ir-rati bbażati fuq l-indiċi ta’ riferiment tas-self ipotekarju (iktar ’il quddiem l-“IRSI”), wissa wkoll li s-sempliċi użu dirett tagħhom kellu l-effett li r-rata perċentwali annwali ta’ imposta (iktar ’il quddiem ir-“RPAI”) applikata għat-tranżazzjoni tkun ogħla mir-RPAI tas-suq, u li sabiex dan jiġi evitat, kien neċessarju li jiġi inkorporat il-marġni negattiv xieraq, il-fatt li din it-twissija ma tingħatax widen u li dan il-marġni negattiv ma jiġix inkluż jista’ jitqies bħala mod ta’ kif jinħoloq dan l-iżbilanċ minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/13”) ?1

2.Il-fatt li l-istabbilimenti finanzjarji japplikaw marġni negattivi, koeffiċjenti ta’ tnaqqis jew perċentwali tal-IRSI, hekk kif jipprevedi l-Bank ta’ Spanja, fil-każijiet biss fejn il-kuntratti ta’ self ipotekarju jkunu intiżi għax-xiri ta’ akkomodazzjoni protetta u dawn ikunu taħt is-superviżjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u, għall-kuntrarju, ma japplikawx l-imsemmija marġni negattivi, koeffiċjenti ta’ tnaqqis jew perċentwali tal-IRSI, meta s-self ipotekarju konkluż ikun intiż għax-xiri ta’ akkomodazzjoni li l-prezz tagħha jkun iffissat b’mod liberu, mingħajr is-superviżjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, jista’ jikkostitwixxi mod ta’ kif jinħoloq dan l-iżbilanċ minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13?

3.Peress li ċerti elementi li jintegraw ir-RPAI applikata għat-tranżazzjonijiet ta’ self ipotekarju li ntużaw għad-determinazzjoni tar-rata IRSI tal-banek tat-tfaddil, fuq bażi mensili, hekk kif huwa l-każ f’dak li jirrigwarda l-kummissjoni tal-ftuħ jew ċerti spejjeż li kellhom jitħallsu mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, ġew iddikjarati inġusti, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludi ż-żamma tal-validità tal-klawżola li tinkorpora r-rata IRSI tal-banek tat-tfaddil li ġiet iddeterminata, fuq bażi mensili, abbażi ta’ data miksuba b’applikazzjoni ta’ klawżoli ddikjarati inġusti?

4.Il-punti 51, 52, 54 u 55 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja C125/18  tat3 ta’ Marzu 2020 jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik stabbilita mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), li skontha, mingħajr ma jkun neċessarju li jitwettqu l-kontrolli u l-verifiki meħtieġa mill-imsemmija punti, il-qorti nazzjonali għandha tqis li l-verifika tat-trasparenza ta’ klawżola li tinkorpora r-rata ipotekarja IRSI fil-kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur hija ssodisfatta, fil-każijiet kollha, peress li d-definizzjoni tal-imsemmija rata ipotekarja tinsab fil-Boletín Oficial del Estado (il-Ġurnal Uffiċjali Spanjol, iktar ’il quddiem il-“BOE”), u b’mod iktar preċiż fiċ-Ċirkulari 5/1994 tal-Bank ta’ Spanja, ippubblikata fil-BOE Nru 184 tat3 ta’ Awwissu 1994 mill-paġna 25 106 sal-paġna 25 111, informazzjoni mhux magħrufa mill-konsumatur?1

5.Sabiex jiġi osservat ir-rekwiżit ta’ trasparenza ta’ klawżola inkluża f’kuntratt ta’ self ipotekarju b’rata tal-interessi varjabbli fejn l-interessi remuneratorji jużaw bħala riferiment indiċi uffiċċjali bħall-IRSI u li, minħabba l-karatteristiċi tal-kalkolu tiegħu, ma jirriflettix biss l-interessi remuneratorji u jeħtieġ l-applikazzjoni ta’ marġni ta’ kalkolu kumpless sabiex ikun jista’ jiġi pparagunat ma’ indiċijiet oħra, u jinvolvi r-riskju potenzjali għall-konsumatur li jkollu jsostni l-ħlas parzjalment doppju tal-kummissjonijiet bankarji, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew ġurisprudenza li tippermetti li l-bejjiegħ jew il-fornitur ma jinkludix fil-kuntratt, u lanqas ma jipprovdi espressament lill-konsumatur suffiċjentement bil-quddiem qabel il-konklużjoni tiegħu, l-informazzjoni sussegwenti:

a.il-fatt li r-rata ta’ riferiment ma tirriflettix biss l-interessi remuneratorji iżda wkoll il-kummissjonijiet;

b.iż-żieda konkreta li tirriżulta minn dan;

c.jekk dan japplikax, min-naħa tiegħu, marġni negattiv fil-marġni tar-rata ta’ riferiment sabiex tiġi kkumpensata din iż-żieda.

Dan kollu sabiex il-konsumatur ikun jista’ faċilment iwettaq paragun effettiv bejn id-diversi rati ta’ riferiment possibbli u jkun jaf jekk fil-kuntratt li jkun ser jikkonkludi huwiex ser jassumi l-ħlas ta’ kummissjonijiet parzjalment doppji u l-ammont tagħhom u, jekk ikun il-każ, ikun jista’ jikkontestahom?

6.Il-punt 57 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea tal31 ta’ Mejju 2018 [ippreżentati fil-Kawża C125/18], il-punti 2 u 125 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali tal10 ta’ Settembru 2019  [fil-Kawża C125/18], u l-punti 51, 52, 54 u 55 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja C125/18 tat3 ta’ Marzu 2020, jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik stabbilita mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li skontha il-bejjiegħ jew il-fornitur kontraenti huwa eżentat minn kull responsabbiltà fir-rigward tal-għoti ta’ informazzjoni lill-konsumatur dwar il-funzjonament tal-metodu tal-kalkolu tar-rata ipotekarja IRSI u dwar il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw minnu, fejn din ir-responsabbiltà hija ttrasferita lill-konsumatur stess, li, mingħajr ma jkollu għarfien finanzjarju, għandu jfittex huwa stess din l-informazzjoni billi jsib u jifhem definizzjoni ppubblikata fil-BOE, li ma ssemmi xejn espressament dwar l-inkorporazzjoni ta’ marġni u ta’ spejjeż fl-indiċi inkwistjoni, fatt li huwa stess għandu jiddeduċi mill-fatt li l-imsemmija rata ipotekarja hija ddeterminata kull xahar permezz ta’ medja tar-RPAI applikata għat-tranżazzjonijiet ta’ riferiment?1

7.Interpretazzjoni tal-punti 53 u 56 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja C125/18, li skontha s-sempliċi pubblikazzjoni tad-definizzjoni tar-rata IRSI fil-BOE tippermetti li l-konsumatur kontraenti jkun jaf li din tinkorpora l-marġni u l-ispejjeż applikati mill-istabbilimenti hija kompatibbli ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew mal-fornitur li miegħu huwa jikkonkludi kuntratt f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni, u mal-punt 2 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali tal10 ta’ Mejju 2019 [il-punt 2 tal-konklużjonijiet ippreżentati fl-10 ta’ Settembru 2019 mill-Avukat Ġenerali fil-Kawża C125/18], li skontu l-konsumatur medju ma jirnexxilux jifhem kunċetti speċifiċi, bħal “rata tal-interessi”, “indiċi ta’ riferiment” jew “rata perċentwali annwali ta’ imposta” (RPAI), u, b’mod partikolari, id-differenzi bejn dawn il-kunċetti, u li l-istess japplika fir-rigward tal-funzjonament tal-kalkolu konkret mhux biss tar-rati tal-interessi varjabbli, iżda wkoll tal-indiċijiet ta’ riferiment uffiċjali ta’ self ipotekarju u tar-RPAI li abbażi tagħhom dawn ir-rati tal-interessi huma kkalkolati?

8.Interpretazzjoni tal-punti 53 u 56 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja C125/18, fis-sens li konsumatur jista’ jkun jaf li r-rata ipotekarja IRSI tinkludi marġni u spejjeż abbażi tad-definizzjoni ppubblikata fil-BOE, meta għal dan jirriżulta neċessarju li l-imsemmi konsumatur jkun jaf x’inhi u x’tirrappreżenta RPAI sabiex b’hekk ikun jista’ jiddeduċi li, peress li r-rata IRSI tal-banek tat-tfaddil hija ddeterminata abbażi ta’ medja sempliċi ta’ RPAI, din tinkorpora neċessarjament il-kummissjonijiet, il-marġni u l-ispejjeż applikati mill-istabbilimenti, tmur kontra l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew mal-fornitur li miegħu huwa jikkonkludi kuntratt f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni u kontra l-punt 2 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali tal10 ta’ Mejju 2019 [ippreżentati fil-Kawża C125/18]?

9.L-eżenzjoni mill-obbligu tal-bejjiegħ jew tal-fornitur li jinkludi fil-kuntratt id-definizzjoni kompleta tal-indiċi ta’ riferiment li jservi għall-kalkolu tar-rata tal-interessi varjabbli u li jipprovdi fuljett ta’ informazzjoni li juri l-evoluzzjoni preċedenti ta’ dan l-indiċi, li tinsab fid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja C655/20  tas17 ta’ Novembru 2021, tapplika b’mod radikali u inkundizzjonat jew, għall-kuntrarju, hija suġġetta għall-kundizzjoni li, bis-saħħa tal-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq ipprovduta mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, il-konsumatur kontraenti jkun diġà f’pożizzjoni li jifhem il-funzjonament tal-metodu tal-kalkolu tal-indiċi kontenzjuż sabiex b’hekk ikun jista’ jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi potenzjalment sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu?1

10.Tali eżenzjoni testendi wkoll għall-każijiet li fihom l-inklużjoni fil-kuntratt tad-definizzjoni kompleta tal-indiċi ta’ riferiment li jservi għall-kalkolu tar-rata tal-interessi varjabbli u l-provvista tal-fuljett ta’ informazzjoni li juri l-evoluzzjoni preċedenti ta’ dan l-indiċi jirriżultaw li huma obbligatorji b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt?

11.Jekk id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, iktar ’il quddiem id-”Direttiva 2005/29”)  tirriżulta li hija applikabbli, l-ommissjoni mill-bejjiegħ jew mill-fornitur li jipprovdi informazzjoni daqstant rilevanti bħall-funzjonament speċifiku tal-metodu tal-kalkolu tar-rati IRSI, il-fatt li dawn jiġu ddeterminati abbażi tar-RPAI applikata għat-tranżazzjonijiet ta’ riferiment, li jwassal għall-inklużjoni fil-valur nominali tagħhom tal-marġni, tal-kummissjonijiet u tal-ispejjeż medji ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, il-fatt li l-evoluzzjoni permanenti tagħhom kienet dejjem ogħla mill-Euribor matul is-snin kollha sa mill-ħolqien tagħha u l-eżistenza ta’ twissija mill-Bank ta’ Spanja lill-istabbilimenti finanzjarji fir-rigward tal-ħtieġa li jiġi inkorporat marġni negattiv sabiex jiġi evitat li r-RPAI applikata għat-tranżazzjoni tkun ogħla mir-RPAI tas-suq, tista’ titqies bħala prattika qarrieqa fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva?1

12.Jekk il-qorti nazzjonali tikkonkludi li l-prattika implimentata mill-bejjiegħ jew mill-fornitur hija qarrieqa fid-dawl tad-Direttiva 2005/29, għandu awtomatikament jitqies li l-aġir tal-bejjiegħ jew tal-fornitur joħloq dan l-iżbilanċ sinjifikattiv minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide msemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, jew, għall-kuntrarju, bejjiegħ jew fornitur jista’ jaġixxi b’mod qarrieqi fid-dawl tad-Direttiva 2005/29 u jkun in bona fide skont id-Direttiva 93/13?

13.Il-prinċipju ta’ effettività jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik stabbilita mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li skontha, meta jkun ġie ddikjarat in-nuqqas ta’ trasparenza tal-klawżola li permezz tagħha r-rata IRSI tal-banek tat-tfaddil tiġi inkluża fil-kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, id-dispożizzjonijiet inklużi fl-Artikolu 83 tat-Texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios (Test ikkonsolidat tal-Liġi Ġenerali dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi u tal-Utenti) u fl-Artikolu 5(5), tal-Ley 7/1998 sobre condiciones generales de la contratación (il-Liġi 7/1998 dwar il-Kundizzjonijiet Kuntrattwali Ġenerali) tat13 ta’ April 1998, ma jistgħux jiġi applikati b’mod retroattiv, u b’hekk jinħolqu żewġ livelli ta’ protezzjoni fil-konfront ta’ klawżola inġusta identika, wieħed għall-konsumaturi li kkonkludew kuntratt qabel l-imsemmija emenda, u ieħor għall-konsumaturi li kkonkludew kuntratt wara din l-emenda?

14Il-prinċipju ta’ effettività jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik stabbilita mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li skontha n-nuqqas ta’ trasparenza ta’ klawżola dwar il-prezz tal-kuntratt, bħall-klawżola ta’ rata minima, jirrendiha inġusta, peress li din tinkludi element qarrieqi, filwaqt li n-nuqqas ta’ trasparenza tal-klawżola li tinkorpora r-rata IRSI tal-banek tat-tfaddil fil-kuntratt, klawżola li taffettwa wkoll il-prezz tal-kuntratt, ma jirrendihiex inġusta?

15.Ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik stabbilita mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li tqis li huwa illoġiku li jiġi sostnut li l-bejjiegħ jew il-fornitur ma aġixxiex in bona fide meta huwa uża rata ipotekarja uffiċjali, irregolata mill-Bank ta’ Spanja u abitwalment użata mill-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-programmi ta’ akkomodazzjoni protetta tagħhom, u b’hekk tiddeduċi, fil-każijiet kollha, l-eżistenza ta’ bona fide minn naħa tal-bejjiegħ jew tal-fornitur, mingħajr in-neċessità li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-bejjiegħ jew il-fornitur setax jistenna li l-konsumatur, ittrattat b’mod leali u ġust, kien ser jaċċetta l-klawżola inkwistjoni fil-kuntest ta’ negozjati individwali, hija kuntrarja għall-punt 69 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja C415/11  tal14 ta’ Marzu 2013 u għall-kunċett ta’ żbilanċ “minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide”?1

16.Fil-kuntest ta’ kwistjoni relatata mal-inkorporazzjoni ta’ rata ipotekarja IRSI tal-banek tat-tfaddil fil-kuntratt sabiex tiġi ddeterminata r-remunerazzjoni kuntrattwali, il-punt 69 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja C415/11 tal14 ta’ Marzu għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali għandha teżamina jekk il-bejjiegħ jew il-fornitur setax jemmen li l-konsumatur, li fehem il-funzjonament tal-metodu tal-kalkolu tar-rata IRSI tal-banek ta’ tfaddil, kellu għarfien tal-evoluzzjoni tar-rata IRSI tal-banek ta’ tfaddil minn tal-inqas matul is-sentejn preċedenti għall-konklużjoni tal-kuntratt, u kien informat li l-Bank ta’ Spanja, fiċ-Ċirkolari 5/1994 tiegħu, wissa li kien neċessarju li jiġi inkorporat, jekk ikun il-każ, marġni negattiv, twissija li l-bejjiegħ jew il-fornitur ma kellux l-intenzjoni jsegwi, kien jaċċetta l-inkorporazzjoni tal-imsemmija klawżola fil-kuntest ta’ negozjati individwali?

17.Fir-rigward tal-klawżola li tinkorpora r-rata IRSI tal-banek tat-tfaddil fil-kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, il-punt 67 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja C421/14  tas26 ta’ Jannar 2017 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali, sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ żbilanċ minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, għandha tipparaguna l-metodu ta’ kalkolu tagħha ma’ dak użat sabiex tiġi ddeterminata r-rata Euribor, l-iktar użata, u r-rati effettivi rispettivi li jirriżultaw għal self ta’ ammont u ta’ tul ekwivalenti?1

18.Fir-rigward tal-klawżola li tinkorpora r-rata IRSI tal-banek tat-tfaddil fil-kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, u għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ żbilanċ minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide b’mod konformi mal-punt 67 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja C421/14 tas26 ta’ Jannar 2017, il-fatt li r-rata effettiva li tirriżulta mid-determinazzjoni tal-rata Euribor tirrappreżenta l-prezz li bih l-istabbilimenti jiksbu l-flus li sussegwentement isellfu lill-klijenti tagħhom, filwaqt li r-rata effettiva li tirriżulta mid-determinazzjoni tar-rata IRSI tal-banek ta’ self, li hija dejjem ogħla, tirrappreżenta l-ispiża totali sostnuta mill-klijenti li lilhom il-banek tat-tfaddil ikunu sellfu dawn il-flus, huwa rilevanti?

19.L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludi li, wara l-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola li tinkorpora r-rata ipotekarja IRSI tal-banek tat-tfaddil fil-kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, bir-riżultat li l-kuntratt ma jistax jibqa’ jeżisti wara l-esklużjoni tal-imsemmija klawżola mill-kuntratt, din tiġi ssostitwita skont il-ħmistaxil dispożizzjoni addizzjonali tal-Ley 14/2013 de apoyo a los emprendedores y su internacionalización (il-Liġi 14/2013 ta’ Għajnuna għall-Imprendituri u għall-Internazzjonalizzazzjoni Tagħhom) tas27 ta’ Settembru 2013, peress li din is-sostituzzjoni twassal sabiex iżżomm, għall-benefiċċju tal-bejjiegħ jew tal-fornitur, l-istess sitwazzjoni ta’ żbilanċ bħal dik li kienet ġiet annullata mill-qorti nazzjonali, minħabba li din ir-regola supplimentari kienet prevista għas-sostituzzjoni paċifika tal-indiċi u kienet intiża sabiex din is-sostituzzjoni ma tbiddilx is-sitwazzjoni eżistenti qabel l-għajbien ta’ dan l-indiċi?

20.Fid-dawl tal-fatt li, skont il-Bank ta’ Spanja, l-ilmenti kollha li jistgħu jiġu invokati kontra l-użu tar-rata ipotekarja IRSI tal-banek tat-tfaddil kienu jiġu evitati li kieku ġie inkorporat il-marġni negattiv korrispondenti, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, la darba tiġi ddikjarata n-natura inġusta tal-klawżola li tinkorpora r-rata IRSI tal-banek tat-tfaddil fil-kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, dan l-artikolu ma jipprekludix li l-qorti nazzjonali tissostitwixxi, b’mod retroattiv, il-marġni inkorporat bil-marġni negattiv li kien imissu ġie inkorporat fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, bil-ħlas lura lill-konsumatur tal-ammont li jkun inġabar indebitament, flimkien mal-interessi fuqu, sabiex jiġi evitat li l-kuntratt jiġi ddikjarat null u sabiex il-kuntratt jiġi kkonvertit f’dak li kellu jiġi konkluż skont it-twissija tal-Bank tal-Spanja?

21.L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludi li, ladarba tiġi ddikjarata n-natura inġusta tal-klawżola li tinkorpora r-rata ipotekarja IRSI tal-banek tat-tfaddil fil-kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, u ladarba l-kuntratt ikun ġie ddikjarat null minħabba li dan ma jkunx jista’ jibqa’ jeżisti wara t-tneħħija tal-imsemmija klawżola, l-Artikolu 1303 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) jipproduċi l-effetti tiegħu b’tali mod li l-persuna responsabbli għall-ksur tibbenefika billi tirkupra s-self kollu, b’interessi legali ogħla minn dawk previsti fil-kuntratt, u applikabbli għall-ammont totali tas-self sa mill-ewwel jum?

22.Fid-dawl tal-fatt li l-kwistjoni tirrigwarda kuntratt ta’ adeżjoni, ikkostitwit minn kundizzjonijiet ġenerali mhux innegozjati imposti mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, u peress li dan il-bejjiegħ jew dan il-fornitur biss huwa responsabbli għall-inkorporazzjoni ta’ klawżoli inġusti relatati ma’ aspetti essenzjali tal-prezz, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa l-bejjiegħ jew il-fornitur li huwa responsabbli għall-immoralità li wasslet għan-nullità tal-kuntratt fit-totalità tiegħu, u li, konsegwentement, l-Artikolu 1306(2) tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) huwa applikabbli?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100.

1 Sentenza tat3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch (C125/18, EU:C:2020:138).

1 Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar ippreżentati fil-kawża Gómez del Moral Guasch (C125/18, EU:C:2019:695).

1 Digriet tas17 ta’ Novembru 2021, Gómez del Moral Guasch II (C655/20, EU:C:2021:943).

1 ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86.

1 Sentenza tal14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C415/11, EU:C:2013:164).

1.Sentenza tas26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C421/14, EU:C:2017:60).