Language of document : ECLI:EU:C:2016:283

Kawża C‑377/14

Ernst Georg Radlinger

u

Helena Radlingerová

vs

Finway a.s.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský soud v Praze)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 7 – Regoli nazzjonali li jirregolaw il-proċeduri ta’ insolvenza – Djun li joriġinaw minn ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur – Azzjoni ġudizzjarja effettiva – Punt 1(e) tal-anness – Karattru mhux proporzjonat tal-ammont tal-kumpens –Direttiva 2008/48/KE – Artikolu 3(l) – Ammont totali ta’ kreditu – Punt I tal-Anness I – Ammont tal-ġbid ta’ kreditu – Kalkolu tar-rata perċentwali annwali globali – Artikolu 10(2) – Obbligu ta’ informazzjoni – Eżami ex officio – Sanzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal‑21 ta’ April 2016

1.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Mezzi intiżi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi l-eżami ex officio mill-qorti nazzjonali tal-karattru inġust ta’ klawżola fl-oriġini ta’ kreditu li huwa s-suġġett ta’ proċeduri ta’ insolvenza u li tillimita l-istħarriġ ġudizzjarji ta’ klawżoli dwar krediti mhux iggarantiti – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 6 u 7(1))

2.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur – Direttiva 2008/48 – Rekwiżiti fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tissemma fil-kuntratt – Suġġett – Obbligu tal-qorti nazzjonali li teżamina ex officio l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti u tieħu l-konsegwenzi kollha minn dan – Limiti

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/48, Artikoli 10(2) u 23)

3.        Atti tal-istituzzjonijiet – Direttivi – Effett dirett – Limiti – Possibbiltà li tiġi invokata direttiva fil-konfront ta’ individwu – Esklużjoni – Implementazzjoni mill-Istati Membri – Obbligi tal-qrati nazzjonali – Obbligu ta’ eżami ex officio tal-osservanza ta’ ċerti obbligi previsti mid-Direttivi 93/13 u 2008/48 fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi

(It-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/48, Artikolu 10(2); Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 7(1))

4.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur – Direttiva 2008/48 – Rekwiżiti fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tissemma fil-kuntratt – Ammont totali tal- kreditu u ammont tal-ġbid ta’ kreditu – Kunċett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/48, Artikoli 3(h) u (l), 10(2) u Anness I, punt I)

5.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Klawżola inġusta fis-sens tal-Artikolu 3 – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali – Kriterji – Applikazzjoni ta’ klawżola li tipprevedi kumpens sproporzjonatament għoli mill-konsumatur – Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 3, 4, 6(1), 7 u Anness, punt I(e))

1.        L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fi proċeduri ta’ insolvenza, minn naħa, ma tippermettix lill-qorti adita b’dawn il-proċeduri teżamina ex officio l-karattru potenzjalment inġust ta’ klawżoli kuntrattwali li l-krediti rreġistrati fil-kuntest tal-imsemmija proċedura joriġinaw minnhom, minkejja li din il-qorti għandha l-punti ta’ dritt u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan u li, min-naħa l-oħra, tawtorizza lill-imsemmija qorti tipproċedi biss għall-eżami tal-krediti mhux iggarantiti, u dan biss għal numru ta’ motivi limitati għall-preskrizzjoni jew għall-estinzjoni tagħhom.

Fil-fatt, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio l-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, meta tagħmel dan, għandha tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur, meta jkollha quddiemha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan. F’dan ir-rigward, peress li d-dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva jimplika li l-konsumatur ikun awtorizzat jikkontesta quddiem il-qorti nazzjonali l-fondatezza tal-krediti li jirriżultaw minn ftehim ta’ kreditu li jinkludi klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati inġusti, irrispettivament minn jekk ikunux iggarantiti jew le, leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lid-debitur, li jkollu l-ħsieb jikkontesta kreditu mhux iggarantit, li jinvoka biss il-preskrizzjoni jew l-estinzjoni ta’ dan il-kreditu, hija ta’ natura li tippreġudika l-effettività tal-protezzjoni mixtieqa mill-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13.

(ara l-punti 52, 56, 57, 59 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jimponi fuq qorti nazzjonali, adita b’tilwima dwar krediti li joriġinaw minn ftehim ta’ kreditu fis-sens ta’ din id-direttiva, l-obbligu li teżamina ex officio l-osservanza tal-obbligu ta’ informazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni u li tiġbed il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw fid-dritt nazzjonali għal ksur ta’ dan l-obbligu, sakemm is-sanzjonijiet applikabbli josservaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva.

Fil-fatt, l-informazzjoni, qabel u waqt il-konklużjoni ta’ kuntratt, fuq il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tal-imsemmija konklużjoni hija, għal konsumatur, ta’ importanza fundamentali. Huwa b’mod partikolari abbażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx ikun marbut bil-kundizzjonijiet imniżżla minn qabel mill-bejjiegħ jew mill-fornitur. Barra minn hekk, jeżisti riskju mhux negliġibbli li, b’mod partikolari b’nuqqas ta’ għarfien, il-konsumatur ma jinvokax ir-regola ta’ dritt intiża li tipproteġih. Minn dan jirriżulta li l-protezzjoni effettiva tal-konsumatur ma tistax tintlaħaq jekk il-qorti nazzjonali ma setgħetx tevalwa ex officio l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tal-konsumatur. F’dan ir-rigward, peress li l-qorti nazzjonali qiegħda tintalab tiżgura l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumaturi, mixtieqa mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48, ir-rwol li b’hekk huwa attribwit lilha bid-dritt tal-Unjoni, fil-qasam meqjus, ma huwiex limitat għall-possibbiltà biss li tagħti deċiżjoni dwar l-osservanza tal-imsemmija rekwiżiti, iżda jinkludi wkoll l-obbligu li din il-kwistjoni tiġi eżaminata ex officio, minn meta hija jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan.

(ara l-punti 64‑66, 70, 74 u d-dispożittiv 2)

3.        L-obbligu ta’ Stat Membru li jadotta l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jinkiseb ir-riżultat stabbilit minn direttiva huwa obbligu vinkolanti impost mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u mid-direttiva stess. Dan l-obbligu li jittieħdu l-miżuri kollha ġenerali jew partikolari huwa impost fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħhom, il-qrati.

F’dan ir-rigward, fir-rigward tad-Direttivi 93/13, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, u 2008/48, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, l-obbligu li jsir l-eżami ex officio tal-karattru inġust ta’ ċerti klawżoli u tal-inklużjoni ta’ ċerta informazzjoni obbligatorja fi ftehim ta’ kreditu, jikkostitwixxi regola proċedurali imposta, mhux fuq individwu, iżda fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, meta japplikaw il-liġi nazzjonali, il-qrati nazzjonali huma marbuta li jinterpretawha, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-Direttiva 2008/48 sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha u, għaldaqstant, sabiex jikkonformaw ruħhom mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa fil-fatt inerenti fis-sistema tat-Trattat FUE għaliex dan jippermetti lill-qrati nazzjonali li jiżguraw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta dawn jiddeċiedu t-tilwim li jkollhom quddiemhom.

(ara l-punti 76, 77, 79)

4.        L-Artikoli 3(l) u 10(2) tad-Direttiva 2008/48, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, kif ukoll il-punt I tal-Anness I ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ammont totali ta’ kreditu u l-ammont ta’ ġbid ta’ kreditu jinkludu s-somom kollha mpoġġija għad-dispożizzjoni tal-konsumatur, li jeskludi dawk użati mis-sellief għall-ħlas tal-ispejjeż marbuta mal-kreditu inkwistjoni u li ma humiex effettivament mogħtija lil dan il-konsumatur.

Fil-fatt, peress li l-kunċett ta’ “ammont totali pagabbli mill-konsumatur” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(h) tad-Direttiva 2008/48 bħala s-somma tal-ammont totali tal-kreditu u l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur, minn dan jirriżulta li l-kunċetti ta’ “ammont totali ta’ kreditu” u ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur” huma esklużivi għal xulxin u li, b’hekk, l-ammont totali ta’ kreditu ma jista’ jinkludi ebda somma inkluża fl-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur. Għalhekk, ma tista’ tiġi inkluża fl-ammont totali ta’ kreditu, fis-sens tal-Artikoli 3(l) u 10(2) tad-Direttiva 2008/48, ebda somma intiża li tonora l-impenji miftiehma taħt il-kreditu inkwistjoni, bħall-ispejjeż amministrattivi, l-interessi, il-kummissjonijiet u kull tip ta’ spiża oħra li l-konsumatur għandu jħallas. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk somma ġietx inkluża irregolarment fl-ammont totali ta’ kreditu, fis-sens tal-Artikolu 3(l) tad-Direttiva 2008/48, b’dan il-fatt ikun jista’ jkollu effett fuq il-kalkolu tal-rata perċentwali annwali globali u jaffettwa, konsegwentement, l-eżattezza tal-informazzjoni li s-sellief kellu jsemmi, skont l-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, fil-ftehim ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

(ara l-punti 85, 86, 89, 91 u d-dispożittiv 3)

5.        Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġi evalwat il-karattru għoli b’mod sproporzjonat, fis-sens tal-punt 1(e) tal-anness ta’ din id-direttiva, tal-ammont ta’ kumpens impost fuq il-konsumatur li ma jimplementax l-obbligi tiegħu, għandu jiġi evalwat l-effett kumulattiv tal-klawżoli kollha relatati ma’ dan fil-kuntratt inkwistjoni, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-kreditur jinsistix effettivament fuq l-eżekuzzjoni kompleta ta’ kull waħda minnhom u li, skont il-każ, huma l-qrati nazzjonali li għandhom, skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, jiġbdu l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mill-konstatazzjoni tal-karattru inġust ta’ ċerti klawżoli, billi ma japplikawx dawk kollha li jinstab li huma inġusti, sabiex jiġi żgurat li l-konsumatur ma jkunx marbut bihom.

Fil-fatt, il-qrati nazzjonali huma obbligati biss li ma japplikawx klawżola kuntrattwali inġusta sabiex ma tipproduċix effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, mingħajr ma huma awtorizzati jirrevedu l-kontenut tagħha. Minn dan jirriżulta li, qorti nazzjonali li tkun ikkonstatat li diversi klawżoli f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur huma inġusti, fis-sens tad-Direttiva 93/13, għandha teskludi l-klawżoli inġusti kollha u mhux biss uħud minnhom.

(ara l-punti 97, 100, 101 u d-dispożittiv 4)