Language of document : ECLI:EU:C:2018:898

Kawża C-247/17

Denis Raugevicius

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein oikeus)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 18 u 21 TFUE – Talba indirizzata lil Stat Membru minn pajjiż terz, intiża għall-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fl-ewwel Stat Membru – Talba ppreżentata għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija u mhux għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali – Projbizzjoni ta’ estradizzjoni applikata għaċ-ċittadini nazzjonali biss – Restrizzjoni għall-moviment liberu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni tal-impunità – Proporzjonalità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat‑13 ta’ Novembru 2018

1.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Ċittadini ta’ Stat Membru li għandhom ukoll in-nazzjonalità ta’ Stat terz – Inklużjoni

(Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE)

2.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Talba indirizzata lil Stat Membru minn Stat terz intiża għall-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fl-ewwel Stat Membru – Talba għal estradizzjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija – Stat Membru rikjest li jipprojbixxi l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena u li jippermetti li tali piena mogħtija barra mill-pajjiż tiġi eżegwita fit-territorju tiegħu – Obbligu għal dan l-Istat Membru li jiżgura liċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu b’mod permanenti fit-territorju tiegħu trattament identiku għal dak irriżervat għaċ-ċittadini tiegħu stess

(Artikoli 18 TFUE u 21 TFUE)

3.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Talba indirizzata lil Stat Membru minn Stat terz intiża għall-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fl-ewwel Stat Membru – Obbligu ta’ verifika tal-garanziji previsti fl-Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 19)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 29)

2.      L-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-preżenza ta’ talba għal estradizzjoni, magħmula minn pajjiż terz, ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, mhux għall-finijiet ta’ proċeduri ġudizzjarji ta’ prosekuzzjoni, iżda tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, l-Istat Membru rikjest, li d-dritt nazzjonali tiegħu jipprojbixxi l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess barra mill-Unjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena u li jipprevedi l-possibbiltà li tali piena mogħtija barra mill-pajjiż tiġi skontata fit-territorju tiegħu, għandu l-obbligu li jiżgura li dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, fil-mument li dan iċ-ċittadin jirrisjedi b’mod permanenti fit-territorju tiegħu, jirċievi trattament identiku għal dak mogħti liċ-ċittadini tiegħu fil-qasam tal-estradizzjoni.

Sa fejn, kif tfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, in-natura tal-estradizzjoni hija li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità taċ-ċittadini tal-Istati Membri minbarra tal-Istat Membru rikjest u fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti l-estradizzjoni taċ-ċittadini tal-Istati Membri minbarra tar-Repubblika tal-Finlandja, jeħtieġ li tiġi eżaminata n-natura proporzjonata ta’ din il-leġiżlazzjoni billi jiġi vverifikat jekk jeżistux miżuri li jippermettu li jintlaħaq daqstant effikaċement dan l-għan iżda li jippreġudikaw inqas il-moviment liberu tal-imsemmija ċittadini (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 41), billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, ta’ fatt u ta’ liġi.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għandu jitqies li huwa l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31; tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano, C‑34/09, EU:C:2011:124, punt 41, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 30). Għaldaqstant kull ċittadin tal-Unjoni jista’ jinvoka l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità li tinsab fl-Artikolu 18 TFUE fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni, fejn dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu, bħal fil-kawża prinċipali, l-eżerċizzju tal-libertà fundamentali ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE (ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑75/11, EU:C:2012:605, punt 39, u tal‑11 ta’ Novembru 2014, Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 59). Barra minn hekk, għalkemm, fl-assenza ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-estradizzjoni ta’ ċittadini tal-Istati Membri lejn ir-Russja, l-Istati Membri jkollhom il-ġurisdizzjoni sabiex jadottaw tali regoli, dawn l-istess Stati Membri jkollhom obbligu jeżerċitaw din il-ġurisdizzjoni fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 18 TFUE kif ukoll tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri ggarantita fl-Artikolu 21(1) TFUE.

Issa, fid-dawl tal-għan li jikkonsisti f’li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità, iċ-ċittadini Finlandiżi, minn naħa, u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, li jirrisjedu b’mod permanenti fil-Finlandja u li b’hekk juru livell ta’ integrazzjoni ċerta fis-soċjetà ta’ dan l-Istat, min-naħa l-oħra, jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg, C‑123/08, EU:C:2009:616, punt 67). Għalhekk, l-Artikoli 18 u 21 TFUE jirrikjedu li ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirrisjedu b’mod permanenti fil-Finlandja u li jkunu suġġetti għal talba għal estradizzjoni minn pajjiż terz għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija jibbenefikaw mir-regola li tipprojbixxi l-estradizzjoni applikata għaċ-ċittadini Finlandiżi u jkunu jistgħu, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawn tal-aħħar, jiskontaw il-piena tagħhom fit-territorju Finlandiż.

(ara l-punti 40, 43-47, 50 u d-dispożittiv)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 49)