Language of document : ECLI:EU:C:2018:282

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

26 ta’ April 2018 (*)(i)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet – Direttiva 2010/24/UE – Artikolu 14 – Dritt għal rimedju effettiv – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Possibbiltà għall-awtorità rikjesta li tirrifjuta l-assistenza għall-irkupru minħabba li t-talbiet ma ġewx debitament innotifikati”

Fil-Kawża C-34/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Jannar 2017, fil-proċedura

Eamonn Donnellan

vs

The Revenue Commissioners,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑18 ta’ Jannar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal E. Donnellan, minn L. Glennon u E. Silke, solicitors, P. McGarry, SC, kif ukoll minn R. Maguire, barrister,

–        għal the Revenue Commissioners, minn M.‑C. Maney, solicitor, N. Travers, SC, B. Ó Floinn, BL, kif ukoll minn M. Corry, advocate,

–        għall-Gvern Elleniku, minn E. Tsaousi u M. Tassopoulou, kif ukoll minn K. Georgiadis, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u H. Krämer, kif ukoll minn F. Tomat, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Marzu 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas‑16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU 2010, L 84, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Eamonn Donnellan u r-Revenue Commissioners (iktar ’il quddiem il-“Commissioners”), fir-rigward tal-irkupru ta’ talbiet ikkostitwit, minn naħa, minn multa imposta fuq E. Donnellan minn awtorità doganali Ellenika u, min-naħa l-oħra, minn interessi kif ukoll minn penalitajiet relatati ma’ din il-multa.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2010/24

3        Id-Direttiva 2010/24 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 113 u 115 TFUE. Il-premessi 1, 7, 17, 20 u 21 jiddikjaraw:

“(1)      L-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri għall-irkupru tat-talbiet ta’ xulxin u dawk tal-Unjoni fir-rigward ta’ ċerti taxxi u miżuri oħrajn tikkontribwixxi għat-tħaddim xieraq tas-suq intern. [...]

[...]

(7)      L-assistenza reċiproka tista’ tikkonsisti f’dan li ġej: l-awtorità rikjesta tista’ tforni lill-awtorità applikanti l-informazzjoni li din tal-aħħar teħtieġ biex tirkupra t-talbiet li jirriżultaw fl-Istat Membru applikanti u tinnotifika lid-debitur bid-dokumenti kollha marbutin ma’ dawn it-talbiet li gejjin mill-Istat Membru applikanti. L-awtorità rikjesta tista’ wkoll tirkupra, fuq it-talba tal-awtorità applikanti, it-talbiet li jirriżultaw fl-Istat Membru applikanti, jew tieħu miżuri ta’ prekawzjoni biex jiġi ggarantit l-irkupru ta’ dawn it-talbiet.

[...]

(17)      Din id-Direttiva m’għandhiex tipprevjeni t-twettiq ta’ kwalunkwe obbligu sabiex tiġi pprovduta assistenza usa’ li tirriżulta minn ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali.

[...]

(20)      Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-forniment ta’ sistema uniformi ta’ assistenza għall-irkupru fi ħdan is-suq intern, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk [...] jintlaħqu aħjar fil-livell [tal-Unjoni, l-Unjoni] tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà [...]

(21)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jippreċiża li l-imsemmija direttiva “tistabbilixxi r-regoli li skonthom l-Istati Membri għandhom jipprovdu assistenza għall-irkupru f’kull Stat Membru ta’ kwalunkwe talba msemmija fl-Artikolu 2 li tkun ġejja minn Stat Membru ieħor”.

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għal talbiet relatati ma’ dan li ġej:

a)       it-taxxi u d-dazji kollha ta’ kwalunkwe tip imposti minn jew f’isem Stat Membru jew is-sottodiviżjonijiet territorjali jew amministrattivi tiegħu, inklużi l-awtoritajiet lokali, jew f’isem l-Unjoni;

[...]

2.      Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandu jinkludi:

a)      pieni amministrattivi, multi, tariffi u ħlasijiet addizzjonali relatati mat-talbiet li għalihom tista’ tintalab l-assistenza reċiproka skont il-paragrafu 1, imposti mill-awtoritajiet amministrattivi bil-kompetenza li jimponu t-taxxi jew id-dazji kkonċernati, jew iwettqu indaġnijiet amministrattivi fir-rigward tagħhom, jew ikkonfermati minn korpi amministrattivi jew ġudizzjarji fuq it-talba ta’ dawn l-awtoritajiet amministrattivi;

[...]

c)      imgħax u spejjeż relatati mat-talbiet li għalihom tista’ tintalab l-assistenza reċiproka skont il-paragrafu 1 jew il-punt (a) jew (b) ta’ dan il-paragrafu.

[...]”

6        Skont l-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat “Talba għan-notifika ta’ ċerti dokumenti relatati ma’ talbiet”:

“1.      Fuq it-talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha tinnotifika lid-destinatarju bid-dokumenti kollha, inklużi dawk ta’ natura ġudizzjarja, li jkunu ġejjin mill-Istat Membru applikanti u li jkunu relatati ma’ talba kif imsemmi fl-Artikolu 2 jew mal-irkupru tagħha.

[...]”

7        L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2010/24, intitolat “Talba għall-irkupru”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fuq it-talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha tirkupra talbiet li huma s-suġġett ta’ strument li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru applikanti.”

8        L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet li jirregolaw talba għall-irkupru”, jiddikjara, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtorità applikanti ma tistax tagħmel talba għall-irkupru jekk u sakemm it-talba u/jew l-istrument li jippermetti l-infurzar tiegħu fl-Istat Membru applikanti jiġu kkontestati f’dak l-Istat Membru, għajr f’każijiet fejn japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu [14](4).”

9        L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Strument li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru rikjest u dokumenti oħra ta’ akkumpanjament”, jipprovdi:

“1.      Kwalunkwe talba għall-irkupru għandha tkun akkumpanjata minn strument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru rikjest.

Dan l-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru rikjest għandu jirrifletti l-kontenuti sostanzjali tal-istrument inizjali li jippermetti l-infurzar, u jikkostitwixxi l-unika bażi għall-miżuri ta’ rkupru u ta’ prekawzjoni li jittieħdu fl-Istat Membru rikjest. Dan m’għandux ikun soġġett għal kwalunkwe att ta’ rikonoxximent, ta’ supplement jew ta’ sostituzzjoni f’dak l-Istat Membru.

L-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar għandu jkun fih tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

a)      informazzjoni rilevanti għall-identifikazzjoni tal-istrument inizjali li jippermetti l-infurzar, deskrizzjoni tat-talba, inkluża n-natura tagħha, il-perijodu kopert mit-talba, kwalunkwe dati ta’ rilevanza għall-proċess tal-infurzar, u l-ammont tat-talba u l-komponenti differenti tagħha bħal dak prinċipali, l-imgħax akkumulat, eċċ;

b)      l-isem u data oħra rilevanti għall-identifikazzjoni tad-debitur;

c)      l-isem, l-indirizz u dettalji ta’ kuntatt oħra rigward:

i)      l-uffiċċju responsabbli għall-valutazzjoni tat-talba, u, jekk differenti,

ii)      l-uffiċċju fejn tista’ tinkiseb aktar informazzjoni dwar it-talba jew il-possibbiltajiet biex l-obbligu ta’ ħlas jiġi kkontestat.

[...]”

10      L-Artikolu 13 tal-istess direttiva, intitolat “Eżekuzzjoni tat-talba għall-irkupru”, jiddikjara:

“1.      Għall-fini tal-irkupru fl-Istat Membru rikjest, kwalunkwe talba li għaliha tkun saret rikjesta għall-irkupru għandha tiġi ttrattata daqslikieku kienet talba tal-Istat Membru rikjest, għajr fejn huwa pprovdut mod ieħor f’din id-Direttiva. L-awtorità rikjesta għandha tagħmel użu mis-setgħat u l-proċeduri pprovduti taħt il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istat Membru rikjest li japplikaw għal talbiet li jikkonċernaw l-istess taxxa jew dazju, jew fin-nuqqas ta’ dawn, taxxi jew dazji simili, għajr fejn huwa pprovdut mod ieħor f’din id-Direttiva.

[...]

3.      Sa mid-data minn meta tiġi rċevuta t-talba għall-irkupru, l-awtorità rikjesta għandha żżomm imgħax fuq ħlas li jsir tard f’konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru rikjest.

[...]”

11      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/24, intitolat “Tilwim”, jiddikjara:

“1.      Tilwim dwar it-talba, l-istrument inizjali li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru applikanti jew l-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru rikjest u tilwim dwar il-validità ta’ notifika li tkun saret minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru applikanti għandhom jaqgħu taħt il-kompetenza tal-korpi kompetenti tal-Istat Membru applikanti. Jekk, waqt il-proċess tal-proċedura tal-irkupru, it-talba, l-istrument inizjali li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru applikanti jew l-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru rikjest jiġi kkonstestat minn parti interessata, l-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lil dik il-parti li din tal-aħħar għandha tressaq it-tali azzjoni quddiem il-korp kompetenti tal-Istat Membru applikanti f’konformità mal-liġijiet fis-seħħ hemmhekk.

2.      Tilwim dwar il-miżuri ta’ infurzar li jittieħdu fl-Istat Membru rikjest jew dwar il-validità ta’ notifika li tkun saret minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest għandhom jitressqu quddiem il-korp kompetenti ta’ dak l-Istat Membru skont il-liġijiet u r-regolamenti tiegħu.

3.      Meta azzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 tkun tressqet quddiem il-korp kompetenti tal-Istat Membru applikanti, l-awtorità applikanti għandha tgħarraf lill-awtorità rikjesta dwar dan u għandha tindika safejn it-talba mhix ikkontestata.

4.      Hekk kif l-awtorità rikjesta tkun irċeviet l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jew mill-awtorità applikanti jew mill-parti interessata, hija għandha tissospendi l-proċedura ta’ infurzar, safejn tikkonċerna parti kkontestata tat-talba, sakemm tinqata’ d-deċiżjoni tal-korp kompetenti fil-kwistjoni, għajr meta l-awtorità applikanti titlob mod ieħor f’konformità mat-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Fuq it-talba tal-awtorità applikanti, jew fejn jitqies meħtieġ mod ieħor mill-awtorità rikjesta, [...] l-awtorità rikjesta tista’ tieħu miżuri ta’ prekawzjoni biex tiggarantixxi l-irkupru safejn il-liġijiet jew ir-regolamenti fis-seħħ fl-Istat Membru rikjest jippermettu azzjoni bħal din.

L-awtorità applikanti tista’, f’konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru applikanti, titlob lill-awtorità rikjesta biex tirkupra talba kkontestata jew il-parti kkontestata ta’ talba, safejn azzjoni bħal din hija permessa mil-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi rilevanti fis-seħħ fl-Istat Membru rikjest. Kwalunkwe talba ta’ dan it-tip għandha tkun iġġustifikata. Jekk ir-riżultat tal-kontestazzjoni jkun sussegwentement favorevoli għad-debitur, l-awtorità applikanti għandha tkun responsabbli għar-rimborż ta’ kull somma rkuprata, flimkien ma’ kull kumpens dovut, b’mod konformi mal-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru rikjest.

[...]”

12      Skont l-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva, l-Isat Membri kellhom l-obbligu li jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2011, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw lilhom infushom mal-imsemmija direttiva, u li japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet sa mill‑1 ta’ Jannar 2012.

13      Fl-Artikolu 29 tagħha, id-Direttiva 2010/24 ħassret, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2012, id-Direttiva tal-Kunsill 2008/55/KE tas‑26 ta’ Mejju 2008 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra (ĠU 2008, L 150, p. 28).

14      Id-Direttiva 2008/55 kienet ikkodifikat id-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE tal‑15 ta’ Marzu 1976 dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet li jirriżultaw minn ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema li tiffinanzja l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija, u ta’ imposti agrikoli u dazji doganali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2 Vol. 1, p. 44), kif ukoll l-atti modifikattivi tagħha.

 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni

15      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1189/2011 tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati f’relazzjoni ma’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/24 (ĠU 2011, L 302, p. 16), jiddikjara, fl-Artikolu 15(1) tiegħu:

“It-talbiet għal irkupru jew għal miżuri kawtelatorji għandhom jinkludu dikjarazzjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2010/24/UE ġew sodisfatti biex jingħata bidu għall-proċedura ta’ għajnuna reċiproka.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16      E. Donnellan, li huwa ċittadin Irlandiż, ġie rreklutat, matul is-sena 2002, bħala sewwieq tat-trakkijiet minn TLT International Ltd, impriża tat-trasport li taqa’ taħt id-dritt Irlandiż.

17      Fix-xahar ta’ Lulju 2002, E. Donnellan, fuq struzzjonijiet ta’ din l-impriża, ġabar minn negozjant fil-Greċja, 23 palit taż-żejt taż-żebbuġa. In-nota ta’ kunsinna dwar din il-merkanzija kienet tindika bħala destinatarju tagħha impriża li topera supermarkets fl-Irlanda.

18      Fis‑26 ta’ Lulju 2002, E. Donnellan ippreżenta din in-nota ta’ kunsinna lill-Uffiċċju tad-Dwana tal-port ta’ Patra (il-Greċja). F’din l-okkażjoni, waqt spezzjoni tal-imsemmija merkanzija, aġent tad-dwana skopra, minbarra ż-żejt taż-żebbuġa, 171 800 pakkett ta’ sigaretti tal-kuntrabandu. Sussegwentement għal din l-iskoperta, E. Donnellan ġie arrestat u l-vettura tiegħu flimkien mal-merkanzija ta’ ġo fiha ġew miżmuma.

19      Fid‑29 ta’ Lulju 2002, E. Donnellan ġie ġġudikat fl-ewwel istanza bħala ħati ta’ kuntrabandu u ta’ għoti ta’ data fiskali fittizja. Dan il-ksur ta lok rispettivament għall-kundanna tal-persuna kkonċernata għal tliet snin u għal sena priġunerija. E. Donnellan intbagħat immedjatament il-ħabs.

20      Fis‑17 ta’ Ottubru 2002, E. Donnellan inħeles, fl-appell, minn dawn iż-żewġ kapijiet ta’ akkuża u ġie lliberat immedjatament.

21      Fis‑27 ta’ April 2009, l-Uffiċċju tad-Dwana ta’ Patra ħareġ opinjoni sabiex tiġi imposta sanzjoni amministrattiva għal ammont ta’ EUR 1 097 505 fuq E. Donnellan, minħabba l-fatt li l-merkanzija maqbuda fix-xahar ta’ Lulju 2002 kienet tinkludi 171 800 pakkett ta’ sigaretti ta’ kuntrabandu.

22      Fid‑19 ta’ Ġunju 2009, l-Ambaxxata tal-Greċja fl-Irlanda bagħtet ittra rreġistrata lil “Donnellan Eamonn Ballyhaunis, Ireland”, fejn talbitu jagħmel kuntatt mas-servizzi tagħha fl-iqsar żmien, sabiex ikun jista’ jirċievi u jiffirma dokumenti importanti li jirrigwardawh.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Lulju 2009, sussegwentement għall-opinjoni tas‑27 ta’ April 2009, l-Uffiċċju tad-Dwana ta’ Patra impona fuq E. Donnellan is-sanzjoni pekunjarja ta’ EUR 1 097 505. Fl-istess jum, din is-sanzjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Ellenika.

24      Fl‑14 ta’ Novembru 2012, l-awtoritajiet Elleniċi kkomunikaw lill-Commissioners talba għal irkupru, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2010/24, redatta bil-lingwa Ingliża u li kienet tirrigwarda l-imsemmija sanzjoni pekunjarja ta’ EUR 1 097 505, flimkien mal-interessi kkwantifikati għal EUR 384 126.76 u penalitajiet li jammontaw għal EUR 26 340.12.

25      B’mod partikolari din it-talba kienet tinkludi, fir-rigward tad-dikjarazzjoni, rikjesta fl-Artikolu 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1189/2001, li tiċċertifika li l-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2010/24 sabiex jingħata bidu għall-proċedura ta’ assistenza reċiproka ġew issodisfatti, l-informazzjoni li ġejja:

–        “The claim(s) is (are) not contested” [“It-talba (talbiet) ma hijiex (humiex) ikkontestat(i)”];

–        “The claim(s) may no longer be contested by an administrative appeal/by an appeal to the courts” [It-talba (talbiet) ma tistax (jistgħux) iktar tiġi (jiġu) kkontestata(i) permezz ta’ rikors amministrattiv/permezz ta’ rikors ġudizzjarju”];

–        “Appropriate recovery procedures have been applied in the State of the applicant authority but will not result in the payment in full of the claim” [“Proċeduri ta’ rkupru xierqa ġew applikati fl-Istat tal-awtorità applikanti iżda ma jagħtux lok għall-ħlas sħiħ tat-talba”].

26      Fil‑15 ta’Novembru 2012, E. Donnellan irċieva ittra mill-Commissioners, bid-data tal‑14 ta’ Novembru 2012, li kienet titlob mingħandu, f’terminu ta’ 30 jum, is-somma ta’ EUR 1 507 971.88 bħala rkupru tas-sanzjoni pekunjarja, bħala interessi u penalitajiet li kienu s-suġġett tat-talba tal-awtoritajiet Elleniċi.

27      Ma’ din l-ittra kien mehmuż l-“istrument uniformi” msemmi fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2010/24, redatt bil-lingwa Ingliża. Dan l-istrument kien jagħmel riferiment għad-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq tal-Uffiċċju tad-Dwana ta’ Patra u kien jikklassifika t-talba kkonċernata bil-mod li ġej: “Multiple duties for illegal cigarette trading” (numru ta’ dazji minħabba kuntrabandu ta’ sigaretti).

28      Dan l-istess strument kien isemmi n-numru tal-passaport ta’ E. Donnellan u kien jikkwalifika l-indirizz tal-persuna kkonċernata bħala “known” (magħruf).

29      Malli rċieva l-imsemmija ittra tal‑14 ta’Novembru 2012, E. Donnellan inkariga lil solicitor għall-finijiet tal-kisba ta’ preċiżazzjonijiet dwar id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tad-Dwana ta’ Patra.

30      Fil‑11 ta’ Ġunju 2014, E. Donnellan ressaq kawża quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), bil-għan li jikseb dispensa mill-eżekuzzjoni tat-talba għall-irkupru tas-somom mitluba.

31      Fit‑12 ta’ Diċembru 2014, l-imsemmija qorti tat digriet għal miżuri provviżorji li kien jissospendi l-eżekuzzjoni ta’ din it-talba, fl-istennija tar-riżoluzzjoni tal-kawża fuq il-mertu.

32      Il-Commissioners isostnu quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja), fl-assenza ta’ rikors ippreżentat minn E. Donnellan fil-Greċja fir-rigward tat-talba inkwistjoni, li huma għandhom l-obbligu li jagħtu eżitu favorevoli għat-talba għal irkupru u li jkomplu bl-eżekuzzjoni forzata tagħha.

33      E.Donnellan sostna li ġie mċaħħad mid-dritt tiegħu għal rimedju effettiv fil-Greċja u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jingħata eżitu favorevoli, mill-Commissioners, lill-imsemmija talba għal irkupru.

34      F’dan ir-rigward, E. Donnellan b’mod partikolari pproduċa quddiem il-qorti tar-rinviju rapport redatt mis-Sur Sapieras, espert fid-dritt Elleniku. Skont dan ir-rapport, l-aħħar data li fiha E. Donnellan seta’ jippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tad-Dwana ta’ Patra kienet it‑13 ta’ Ottubru 2009, jiġifieri 90 jum wara l-pubblikazzjoni tas-sanzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Ellenika.

35      Mill-atti kollha tal-proċess il-qorti tar-rinviju tiddeduċi, l-ewwel nett, li l-ittra rreġistrata tad‑19 ta’ Ġunju 2009, mibgħuta mill-Ambaxxata tal-Greċja lil E. Donnellan, ma ġietx irrekapitata lil dan tal-aħħar, it-tieni nett, li huwa ħa konjizzjoni tal-eżistenza tad-deċiżjoni li kienet timponilu sanzjoni pekunjarja fil‑15 ta’ Novembru 2012 u, it-tielet nett, li huwa ġie informat dwar il-kontenut u l-motivi ta’ din id-deċiżjoni biss minn ittri ulterjuri, b’mod partikolari permezz tal-ittri tal‑31 ta’ Marzu 2014 u tad‑29 ta’ Diċembru 2015 mill-Ministeru tal-Finanzi Elleniku.

36      Skont il-qorti tar-rinviju, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati Irlandiżi, mill-Kostituzzjoni Irlandiża, kif ukoll mill-obbligi tal-Irlanda fir-rigward tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jirriżulta li ebda qorti Irlandiża ma tista’ tawtorizza l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma ġietx innotifikata lill-persuna kkonċernata u li hi, barra minn hekk, ibbażata fuq fatti li fir-rigward tagħhom ġiet ikkonstatata l-innoċenza ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, l-eżekuzzjoni, fl-Irlanda, ta’ tali deċiżjoni tkun tippreġudika l-ordni pubbliku.

37      Filwaqt li tqis li d-Direttiva 2010/24 ma tippermettix li tiġi kkonstatata l-illegalità tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet Elleniċi quddiem il-qrati Irlandiżi, il-qorti tar-rinviju tqis li l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, hekk kif jirriżultaw mis-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Kyrian (C‑233/08, EU:C:2010:11), madankollu jissuġġerixxu li ċirkustanzi eċċezzjonali jistgħu jawtorizzaw lill-qorti tar-rinviju tibbaża lilha nnifisha fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) sabiex tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ talba għall-irkupru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva 2010/24/UE jipprekludi lill-High Court of Ireland, meta tiġi ddeterminata n-natura eżekuttiva fl-Irlanda ta’ ‘strument uniformi li jippermetti l-infurzar’, maħruġ fl‑14 ta’ Novembru 2012 mill-uffiċċju doganali ta’ Patras, dwar penalitajiet u sanzjonijiet pekunarji amministrattivi fl-ammont ta’ EUR 1 097 505.00 imposti fil-15 ta’ Lulju 2009 għal allegat kuntrabandu fis-26 ta’ Lulju 2002 [li żdied għal EUR 1 507 971.88 bl-interessi u l-penalitajiet], milli:

–        tapplika, fir-rigward tat-talba għal eżekuzzjoni, id-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli għal ċittadin Irlandiż u tal-Unjoni [(ara l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB, kif ukoll l-Artikoli 34, 38 u 40.3 tal-Kostituzzjoni Irlandiża li jagħtu drittijiet paragunabbli liċ-ċittadini)], f’ċirkustanzi fejn il-proċedura kkonċernata ġiet spjegata għall-ewwel darba [lill-persuna kkonċernata] biss permezz ta’ “traduzzjoni mhux uffiċjali” bl-Ingliż [...] b’ittra datata 29 ta’ Diċembru 2015 mill-ministeru tal-finanzi [Elleniku] [...] lill-awtorità tat-taxxa Irlandiża kif ukoll lis-solicitors [tal-persuna kkonċernata] fl-Irlanda;

–        tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tad-Direttiva 2010/24/UE li tipprovdi assistenza reċiproka (premessa 20 tad-Direttiva 2010/24/UE) u li tosserva l-obbligu li tipprovdi assistenza usa’ li tirriżulta mill-KEDB (premessa 17 tad- Direttiva 2010/24/UE) bħad-dritt taċ-ċittadini għal rimedju effettiv, previst fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 13 tal-KEDB;

–        tikkunsidra l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni għaċ-ċittadini tagħha [u, b’mod partikolari, il-punt 63 tas-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Kyrian, C‑233/08, EU:C:2010:11]?”

 Fuq id-domanda preliminari

39      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva 2010/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li awtorità ta’ Stat Membru jirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ talba għal irkupru li tirrigwarda talba relatata ma’ sanzjoni pekunjarja imposta fi Stat Membru ieħor, għal raġunijiet marbuta mad-dritt tal-persuna kkonċernata għal rimedju effettiv quddiem qorti.

40      Qabel kollox għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri għandu importanza fundamentali fid-dritt tal-Unjoni peress li dan il-prinċipju jippermetti l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. Dan il-prinċipju jimponi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, fuq kull wieħed minn dawn l-Istati sabiex iqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 191 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Filwaqt li taqa’ taħt il-qasam tas-suq intern, u mhux taħt dak tal-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, id-Direttiva 2010/24 tistrieħ ukoll fuq il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka mfakkar iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ assistenza reċiproka stabbilita minn din id-direttiva tiddependi mill-eżistenza ta’ tali fiduċja bejn l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati.

42      B’mod partikolari mill-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-irkupru tat-talba fl-Istat Membru rikjest huwa bbażat fuq l-“istrument uniformi” li permezz tiegħu l-awtorità applikanti tittrażmetti, lill-awtorità rikjesta, data li tinsab fl-istrument inizjali li tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri eżekutorji fl-Istat Membru rikjest. Ebda att intiż li jagħti rikonoxximent, li jissupplimenta jew li jissostitwixxi dan l-istrument uniformi ma huwa neċessarju fl-Istat Membru rikjest.

43      Barra minn hekk, mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/24 jirriżulta li kull kontestazzjoni tat-talba, ta’ dan l-istrument inizjali, ta’ dan l-istrument uniformi jew ta’ notifika mwettqa minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru applikant għandha titressaq quddiem l-istanzi kompetenti ta’ dan l-Istat Membru u mhux quddiem dawk tal-Istat Membru rikjest.

44      Filwaqt li d-Direttiva 2010/24 ma tagħtix lill-istanzi tal-Istat Membru rikjest setgħa sabiex jikkontrollaw l-atti tal-Istat Membru applikant, hija tillimita espressament, fl-Artikolu 14(2) tagħha, is-setgħa ta’ kontroll minn dawn l-istanzi tal-atti tal-Istat Membru rikjest.

45      Għalkemm, ċertament, l-atti adottati mill-Istati Membri skont sistema ta’ assistenza reċiproka stabbilita mid-Direttiva 2010/24 għandhom ikunu konformi mad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, fosthom id-dritt għal rimedju effettiv iddikjarat fl-Artikolu 47 tal-Karta, bl-ebda mod ma jirriżulta li l-atti tal-Istat Membru applikant għandhom ikunu jistgħu jiġu kkontestati kemm quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru kif ukoll quddiem dawk tal-Istat Membru rikjest. Għall-kuntrarju, sa fejn din is-sistema ta’ assistenza tibbaża lilha nnifisha, b’mod partikolari, fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, hija tippermetti li tiġi miżjuda ċ-ċertezza legali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-Istat Membru li fi ħdanu jiġi ttrattat ċertu tilwim u, b’hekk, li jiġi evitat il-forum shopping (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 79).

46      Għaldaqstant ir-rikors li l-persuna kkonċernata tippreżenta fl-Istat Membru rikjest biex tikkontesta t-talba ta’ ħlas li ġiet indirizzata lilha mill-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru għall-finijiet tal-irkupru tat-talba magħmula fl-Istat Membru applikant, ma jistax jagħti lok għal eżami tal-legalità ta’ din it-talba.

47      Min-naħa l-oħra, hekk kif diġà osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi eskluż li l-awtorità rikjesta tista’ b’mod eċċezzjonali, tiddeċiedi li ma tagħtix l-assistenza tagħha lill-awtorità applikanti. B’hekk, l-eżekuzzjoni tat-talba għal irkupru tad-dovut tista’ tiġi rrifjutata b’mod partikolari jekk jirriżulta li din l-eżekuzzjoni tkun tali li tippreġudika l-ordni pubbliku tal-Istat Membru li fih tinsab l-awtorità rikjesta (ara, fir-rigward tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 76/308, li għalih jikkorrispondi, essenzjalment, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/24, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Kyrian, C‑233/08, EU:C:2010:11, punt 42).

48      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li, konformement mal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2010/24, id-dovut li huwa s-suġġett ta’ talba għal irkupru huwa meqjus bħala talba tal-Istat Membru rikjest, fejn dan tal-aħħar għandu għalhekk jimplimenta l-kompetenzi u l-proċeduri ddefiniti mil-liġijiet, mir-regolamenti jew mid-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għat-talbiet relatati mad-dazji, taxxi jew ħlasijiet identiċi jew simili fl-ordinament ġuridiku tiegħu. Issa, huwa diffiċilment konċepibbli li titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru ta’ talba identika jew simili tal-Istat Membru rikjest jiġi eżegwit minn dan l-Istat jekk din l-eżekuzzjoni tkun tali li tippreġudika l-ordni pubbliku tiegħu (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-Direttiva 76/308, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Kyrian, C‑233/08, EU:C:2010:11, punt 43).

49      Għalhekk, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkontrolla l-limiti li fihom l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu jirrifjutaw, billi jagħmlu użu minn ideat nazzjonali bħal dawk relatati mal-ordni pubbliku tagħhom, li jagħtu assistenza lil Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punti 56 u 57, kif ukoll tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni, C‑559/14, EU:C:2016:349, punti 39 u 40).

50      Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-limitazzjonijiet tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2013, Baláž, C‑60/12, EU:C:2013:733, punt 29; tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands, C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 41; tal-25 ta’ Mejju 2016, Meroni, C‑559/14, EU:C:2016:349, punt 38, u tat‑23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 48).

51      F’dan il-każ, minkejja d-dikjarazzjoni, li tinsab fit-talba għal irkupru, li ġew applikati proċeduri ta’ rkupru fl-Istat Membru applikant, huwa paċifiku, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, li huwa biss fid-data li fiha l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest bagħat lill-persuna kkonċernata t-talba ta’ ħlas flimkien mal-istrument uniformi li din il-persuna ħadet konjizzjoni tal-fatt li, numru ta’ snin qabel, kienet ġiet imposta sanzjoni pekunjarja fuqha fl-Istat Membru applikant. Il-qorti tar-rinviju tikkonstata, qabel kollox, li huwa ħafna żmien wara li ħadet konjizzjoni tal-eżistenza ta’ din is-sanzjoni li l-persuna kkonċernata kisbet informazzjoni iktar preċiża dwar il-kontenut u l-motivazzjoni tad-deċiżjoni li permezz tagħha ġiet imposta fuqha din is-sanzjoni.

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-qorti tqis li r-rifjut ta’ eżekuzzjoni tat-talba għal irkupru jista’ jkun iġġustifikat għal raġunijiet marbuta mad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv u l-fatt li, fl-Irlanda, l-eżekuzzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja mhux innotifikata lill-persuna kkonċernata hija kuntrarja għall-ordni pubbliku.

53      Għall-finijiet tal-evalwazzjoni dwar jekk ċirkustanzi bħal dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju jistgħux, mingħajr ma jmorru kontra l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, iwasslu għal rifjut ta’ eżekuzzjoni, jeħtieġ li jiġi osservat, qabel kollox, li l-istrument uniformi, indirizzat mill-awtorità applikanti lill-awtorità rikjesta għall-finijiet tal-irkupru ta’ talba u kkomunikat minn din tal-aħħar lill-persuna kkonċernata bħala anness għat-talba ta’ ħlas, ma għandux bħala funzjoni li jinnotifika lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni, adottata fl-Istat Membru tal-awtorità applikanti, li fuqha hija bbażata t-talba li għaliha ntalab l-irkupru. Dan l-istrument, li, hekk kif tfakkar fil-punt 9 ta’ din is-sentenza, isemmi, b’mod partikolari, it-tip ta’ talba, il-quantum tagħha kif ukoll id-data personali tal-persuna kkonċernata, għandu bħala għan li jippermetti lill-awtoritajiet tal-Istat Membru rikjest jadotta miżuri ta’ eżekuzzjoni u b’hekk jagħtu l-assaistenza tagħhom għall-irkupru. Min-naħa l-oħra, il-komunikazzjoni tal-imsemmi strument, mingħajr ma d-deċiżjoni li timponi s-sanzjoni pekunjarja u l-motivazzjoni tagħha jiġu trażmessi lill-persuna kkonċernata, ma tikkostitwixxix notifika ta’ din id-deċiżjoni.

54      Sussegwentement, hemm lok li jitfakkar li s-sistema ta’ assistenza reċiproka fil-qasam tal-irkupru ta’ talbiet hija intiża b’mod partikolari sabiex tiggarantixxi n-notifika effettiva tal-atti u deċiżjonijiet kollha relatati ma’ talba jew mal-irkupru tagħha, li joħorġu mill-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun ibbażata (ara, fir-rigward tad-Direttiva 76/308, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Kyrian, C‑233/08, EU:C:2010:11, punt 57). L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2010/24 jipprevedi, f’dan ir-rigward, il-possibbiltà għall-awtorità li minnha tirriżulta t-talba, li tirrikjedi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna kkonċernata assistenza għan-notifika tad-dokumenti relatati ma’ din it-talba.

55      Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tad-dritt tagħha għal rimedju ġudizzjarju effettiv, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, kontra deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju, il-persuna kkonċernata għandha tkun taf ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha jew billi taqra d-deċiżjoni nnifisha, jew permezz ta’ komunikazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet fuq talba tagħha, sabiex hija tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħhar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatt jekk huwiex utli li tadixxi l-qorti kompetenti (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      F’ċirkustanzi bħal dawk ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali, il-persuna kkonċernata hija suġġetta għal proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-talba għal irkupru msemmija mid-Direttiva 2010/24, minkejja l-fatt li s-sanzjoni pekunjarja inkwistjoni ma ġietx innotifikata lilha. Għalhekk il-persuna kkonċernata tinsab f’sitwazzjoni fejn il-ħlas tal-ammont tal-imsemmija sanzjoni, flimkien mal-interessi u mal-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 2(2)(c) ta’ din id-direttiva kif ukoll mal-interessi moratorji previsti fl-Artikolu 13(3) tagħha, qed jintalab mingħandha mill-awtorità rikjesta, meta, fin-nuqqas ta’ għarfien suffiċjenti tal-kontenut u tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li timponilha sanzjoni, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tikkontestaha fl-Istat Membru li fiha tinsab l-awtorità rikorrenti.

57      Issa, hekk kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijet tiegħu, sitwazzjoni li fiha l-awtorità rikorrenti titlob l-irkupru ta’ talba bbażata fuq deċiżjoni li ma ġietx innotifikata lill-persuna kkonċernata ma hijiex konformi mal-kundizzjoni li tirregola t-talbiet għal irkupru, iddikjarata fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2010/24. Fil-fatt, peress li, skont din id-dispożizzjoni, talba għal irkupru, fis-sens ta’ din id-direttiva, ma tistax titressaq sakemm it-talba għad-dovut u/jew l-istrument li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tagħha fl-Istat Membru ta’ oriġini huma suġġetti għal kontestazzjoni f’dan l-Istat Membru, tali talba lanqas ma tista’ tiġi ppreżentata meta l-persuna kkonċernata ma tkunx ġiet informata dwar l-eżistenza nnifisha ta’ din it-talba għad-dovut, fejn din l-informazzjoni tikkostitwixxi prerekwiżit neċessarju sabiex din tkun tista’ tiġi kkontestata.

58      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-Artikolu 47 tal-Karta u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tar-riċeviment u tan-notifika tal-atti ġudizzjarji. B’mod partikolari minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 47, jeħtieġ li wieħed jara mhux biss li d-destinatarju ta’ att jirċievi realment l-att inkwistjoni, iżda wkoll li jkun f’pożizzjoni li jsir jaf kif ukoll li jifhem b’mod effettiv u komplet is-sens u l-portata tal-azzjoni mressqa kontrih f’pajjiż ieħor, b’tali mod li jkun jista’ utilment jinvoka d-drittijiet tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punti 31 u 32, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Tali kunsiderazzjonijiet huma rilevanti wkoll fil-kuntest tad-Direttiva 2010/24.

59      Konsegwentement, meta titressaq talba għal irkupru, filwaqt li l-persuna kkonċernata ma kellhiex il-possibbiltà li tadixxi lill-qrati tal-Istat Membru applikant taħt kundizzjonijiet kompatibbli mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv, ir-regola ddikjarata fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/24, hekk kif trasposta fid-dritt nazzjonali, ma tistax tiġi raġonevolment użata kontriha.

60      A fortiori, l-istess jirriżulta meta, bħal f’dan il-każ, l-awtorità rikorrenti nnifisha tkun indikat, fit-talba għal irkupru, u għaldaqstant f’data li tippreċedi dik li fiha l-persuna kkonċernata ħadet konjizzjoni tal-eżistenza tat-talba għad-dovut inkwistjoni, li ma kienx iktar possibbli li jiġi ppreżentat rikors amministrattiv jew ġudizzjarju fl-Istat Membru applikant sabiex tiġi kkontestata din it-talba. Għalkemm, ċertament, il-Gvern Elleniku, ulterjorment, fl-osservazzjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sostna l-kuntrarju, billi qali li l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors ma ntemmitx wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors li ġie fis-seħħ bil-pubblikazzjoni ta’ din it-talba f’Il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Ellenika, il-persuna kkonċernata ma tistax tiġi kkritikata talli ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni pprovduta mill-awtorità rikorrenti fit-talba għal irkupru li tagħha, wara li saret taf bl-eżistenza tal-imsemmija talba, kienet irċeviet kopja u li kienet issottomettiet għal verifika minn espert fid-dritt Elleniku, liema espert kien ikkonfermaha.

61      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li sitwazzjoni eċċezzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha awtorità ta’ Stat Membru titlob lil awtorità ta’ Stat Membru ieħor tirkupra talba relatata ma’ sanzjoni pekunjarja li dwarha l-persuna kkonċernata ma kellhiex għarfien, tista’ leġittimament twassal għal rifjut ta’ assistenza għall-irkupru min-naħa ta’ din l-aħħar awtorità. L-assistenza prevista mid-Direttiva 2010/24 hija, hekk kif jindikaw it-titolu u diversi premessi ta’ din tal-aħħar, ikkwalifikata bħala “reċiproka”, liema fatt ifisser, b’mod partikolari, li hija l-awtorità applikanti li għandha toħloq, qabel ma tressaq talba għal irkupru, il-kundizzjonijiet li fihom l-awtorità rikjesta tista’ utilment, u konformement mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, tagħti l-assistenza tagħha.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva 2010/24, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix li awtorità ta’ Stat Membru tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ talba għal irkupru dwar talba relatata ma’ sanzjoni pekunjarja imposta fi Stat Membru ieħor, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li d-deċiżjoni li timponi din is-sanzjoni ma tkunx ġiet debitament innotifikata lill-persuna kkonċernata qabel ma tkun saret it-talba għal irkupru lill-imsemmija awtorità skont din id-direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix li awtorità ta’ Stat Membru tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ talba għal irkupru dwar talba relatata ma’ sanzjoni pekunjarja imposta fi Stat Membru ieħor, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li d-deċiżjoni li timponi din is-sanzjoni ma tkunx ġiet debitament innotifikata lill-persuna kkonċernata qabel ma tkun saret it-talba għal irkupru lill-imsemmija awtorità skont din id-direttiva.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


i Verżjoni riveduta ta’ dan it-test, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.