Language of document : ECLI:EU:C:2018:282

Kawża C-34/17

Eamonn Donnellan

vs

The Revenue Commissioners

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court (l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet – Direttiva 2010/24/UE – Artikolu 14 – Dritt għal rimedju effettiv – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Possibbiltà għall-awtorità rikjesta li tirrifjuta l-assistenza għall-irkupru minħabba li t-talbiet ma ġewx debitament innotifikati”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas‑26 ta’ April 2018

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet tat-taxxa – Prinċipju ta’ fiduċja reċiproka – Portata – Limitazzjonijiet – Interpretazzjoni stretta

(Direttiva tal-Kunsill 2010/24)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet tat-taxxa – Miżuri ta’ rkupru jew miżuri kawtelatorji – Tilwim – Kompetenza tal-awtorità rikjesta – Kompetenza biex tirrifjuta l-assistenza għall-irkupru – Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Kunsill 2010/24, Artikolu 14(2); Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet tat-taxxa – Miżuri ta’ rkupru jew miżuri kawtelatorji – Tilwim – Talba għall-irkupru ta’ talba relatata ma’ sanzjoni pekunjarja imposta fi Stat Membru ieħor – Rifjut mill-awtorità rikjesta li teżegwixxi l-imsemmija talba minħabba l-assenza ta’ notifika korretta tat-talba – Ammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 2010/24, Artikolu 14(1) u (2); Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

1.      Qabel kollox għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri għandu importanza fundamentali fid-dritt tal-Unjoni peress li dan il-prinċipju jippermetti l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. Dan il-prinċipju jimponi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, fuq kull wieħed minn dawn l-Istati sabiex iqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 191 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Filwaqt li taqa’ taħt il-qasam tas-suq intern, u mhux taħt dak tal-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, id-Direttiva 2010/24 tistrieħ ukoll fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka mfakkar iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ assistenza reċiproka stabbilita minn din id-direttiva tiddependi mill-eżistenza ta’ tali fiduċja bejn l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati.

Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-limitazzjonijiet tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2013, Baláž, C‑60/12, EU:C:2013:733, punt 29; tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands, C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 41; tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni, C‑559/14, EU:C:2016:349, punt 38, u tat‑23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 48).

(ara l-punti 40, 41, 50)

2.      Filwaqt li d-Direttiva 2010/24 ma tagħtix lill-istanzi tal-Istat Membru rikjest setgħa sabiex jikkontrollaw l-atti tal-Istat Membru applikant, hija tillimita espressament, fl-Artikolu 14(2) tagħha, is-setgħa ta’ kontroll minn dawn l-istanzi tal-atti tal-Istat Membru rikjest.

Għalkemm, ċertament, l-atti adottati mill-Istati Membri skont sistema ta’ assistenza reċiproka stabbilita mid-Direttiva 2010/24 għandhom ikunu konformi mad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, fosthom id-dritt għal rimedju effettiv iddikjarat fl-Artikolu 47 tal-Karta, bl-ebda mod ma jirriżulta li l-atti tal-Istat Membru applikant għandhom ikunu jistgħu jiġu kkontestati kemm quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru kif ukoll quddiem dawk tal-Istat Membru rikjest. Għall-kuntrarju, sa fejn din is-sistema ta’ assistenza tibbaża lilha nnifisha, b’mod partikolari, fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, hija tippermetti li tiġi miżjuda ċ-ċertezza legali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-Istat Membru li fi ħdanu jiġi ttrattat ċertu tilwim u, b’hekk, li jiġi evitat il-forum shopping (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 79).

Għaldaqstant ir-rikors li l-persuna kkonċernata tippreżenta fl-Istat Membru rikjest biex tikkontesta t-talba ta’ ħlas li ġiet indirizzata lilha mill-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru għall-finijiet tal-irkupru tat-talba magħmula fl-Istat Membru applikant, ma jistax jagħti lok għal eżami tal-legalità ta’ din it-talba.

Min-naħa l-oħra, hekk kif diġà osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi eskluż li l-awtorità rikjesta tista’ b’mod eċċezzjonali, tiddeċiedi li ma tagħtix l-assistenza tagħha lill-awtorità applikanti. B’hekk, l-eżekuzzjoni tat-talba għal irkupru tad-dovut tista’ tiġi rrifjutata b’mod partikolari jekk jirriżulta li din l-eżekuzzjoni tkun tali li tippreġudika l-ordni pubbliku tal-Istat Membru li fih tinsab l-awtorità rikjesta (ara, fir-rigward tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 76/308, li għalih jikkorrispondi, essenzjalment, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/24, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Kyrian, C‑233/08, EU:C:2010:11, punt 42).

Għalhekk, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkontrolla l-limiti li fihom l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu jirrifjutaw, billi jagħmlu użu minn ideat nazzjonali bħal dawk relatati mal-ordni pubbliku tagħhom, li jagħtu assistenza lil Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punti 56 u 57, kif ukoll tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni, C‑559/14, EU:C:2016:349, punti 39 u 40).

(ara l-punti 44-47, 49)

3.      L-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE, tas‑16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix li awtorità ta’ Stat Membru tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ talba għal irkupru dwar talba relatata ma’ sanzjoni pekunjarja imposta fi Stat Membru ieħor, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li d-deċiżjoni li timponi din is-sanzjoni ma tkunx ġiet debitament innotifikata lill-persuna kkonċernata qabel ma tkun saret it-talba għal irkupru lill-imsemmija awtorità skont din id-direttiva.

Issa, hekk kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijet tiegħu, sitwazzjoni li fiha l-awtorità rikorrenti titlob l-irkupru ta’ talba bbażata fuq deċiżjoni li ma ġietx innotifikata lill-persuna kkonċernata ma hijiex konformi mal-kundizzjoni li tirregola t-talbiet għal irkupru, iddikjarata fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2010/24. Fil-fatt, peress li, skont din id-dispożizzjoni, talba għal irkupru, fis-sens ta’ din id-direttiva, ma tistax titressaq sakemm it-talba għad-dovut u/jew l-istrument li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tagħha fl-Istat Membru ta’ oriġini huma suġġetti għal kontestazzjoni f’dan l-Istat Membru, tali talba lanqas ma tista’ tiġi ppreżentata meta l-persuna kkonċernata ma tkunx ġiet informata dwar l-eżistenza nnifisha ta’ din it-talba għad-dovut, fejn din l-informazzjoni tikkostitwixxi prerekwiżit neċessarju sabiex din tkun tista’ tiġi kkontestata.

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-Artikolu 47 tal-Karta u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tar-riċeviment u tan-notifika tal-atti ġudizzjarji. B’mod partikolari minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 47, jeħtieġ li wieħed jara mhux biss li d-destinatarju ta’ att jirċievi realment l-att inkwistjoni, iżda wkoll li jkun f’pożizzjoni li jsir jaf kif ukoll li jifhem b’mod effettiv u komplet is-sens u l-portata tal-azzjoni mressqa kontrih f’pajjiż ieħor, b’tali mod li jkun jista’ utilment jinvoka d-drittijiet tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punti 31 u 32, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Tali kunsiderazzjonijiet huma rilevanti wkoll fil-kuntest tad-Direttiva 2010/24. Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li sitwazzjoni eċċezzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha awtorità ta’ Stat Membru titlob lil awtorità ta’ Stat Membru ieħor tirkupra talba relatata ma’ sanzjoni pekunjarja li dwarha l-persuna kkonċernata ma kellhiex għarfien, tista’ leġittimament twassal għal rifjut ta’ assistenza għall-irkupru min-naħa ta’ din l-aħħar awtorità. L-assistenza prevista mid-Direttiva 2010/24 hija, hekk kif jindikaw it-titolu u diversi premessi ta’ din tal-aħħar, ikkwalifikata bħala “reċiproka”, liema fatt ifisser, b’mod partikolari, li hija l-awtorità applikanti li għandha toħloq, qabel ma tressaq talba għal irkupru, il-kundizzjonijiet li fihom l-awtorità rikjesta tista’ utilment, u konformement mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, tagħti l-assistenza tagħha.

(ara l-punti 57, 58, 61, 62 u d-dispożittiv)