Language of document : ECLI:EU:C:2013:841

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-12 ta’ Diċembru 2013 (1)

Kawża C‑507/12

Jessy Saint Prix

vs

Secretary of State for Work and Pensions

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (ir-Renju Unit)]

“Moviment liberu tal-ħaddiema — Artikolu 45 TFUE — Diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità — Diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess — Direttiva 2004/38/KE — Artikolu 7(1) u (3) — Definizzjoni ta’ “ħaddiem” — Dritt ta’ residenza — Ċittadina tal-Unjoni li titlaq mix-xogħol għal żmien temporanju minħabba l-limitazzjonijiet tat-tqala u l-effetti tal-ħlas — Supplimenti tad-dħul — Riżorsi suffiċjenti — Proporzjonalità”





1.        Ċittadina tal-Unjoni li tirrisjedi u taħdem fi Stat Membru li ma huwiex dak tagħha waqfet taħdem temporanjament minħabba l-limitazzjonijiet tal-istadji aħħarin tat-tqala u l-konsegwenzi immedjati sussegwenti għall-ħlas. Hija applikat imbagħad għal benefiċċju finanzjarju speċjali li ma huwiex kontributorju għal perijodu ta’ żmien li matulu n-nisa li huma ċittadini tal-Istat Membru ospitanti ma humiex meħtieġa jaħdmu jew li jfittxu x-xogħol b’mod attiv. L-applikazzjoni tagħha ġiet miċħuda mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija għandha tiġi ttrattata bħala “ħaddiema” għall-finijiet tal-Artikolu 45 TFUE u, b’mod iktar speċifiku, hija koperta mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38/KE (2) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva taċ-ċittadinanza”)?

2.        Jidhirli li huwa ċar li din id-domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv. Kif ser nipprova nuri iktar ’il quddiem, kull interpretazzjoni oħra tal-Artikolu 7 tad-Direttiva taċ-ċittadinanza tkun tinvolvi mhux biss li jiġi skartat il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, imma wkoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, li ma hemmx dubju li t-tnejn li huma jgawdu status kostituzzjonali fid-dritt tal-Unjoni.

I –    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

3.        J. Saint Prix hija ċittadina Franċiża li ilha tirrisjedi kontinwament fir-Renju Unit mill-10 ta’ Lulju 2006. Minn Settembru 2006 sa Awwissu 2007, hija kellha diversi impjiegi, l-iktar bħala assistenta għalliema. Hija daħlet għal kors postgradwat relatat mal-impjieg preċedenti tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni. Fi Frar 2008, hija telqet l-istudji tagħha minħabba li ħarġet tqila.

4.        Sussegwentement, J. Saint Prix fittxet xogħol fi skejjel sekondarji. Peress li ma kienx hemm postijiet vakanti, kellha tibda xogħol ta’ aġenzija fi skola tat-tfal żgħar għal diversi xhur. Sat-12 ta’ Marzu 2008, jiġifieri 12-il ġimgħa qabel id-data mistennija tal-ħlas, hija waqfet taħdem peress li x-xogħol biex tieħu ħsieb it-tfal zgħar tal-iskola kien sar iebes wisq. Hija damet ftit ġranet tfittex impjieg eħfef, iżda għalxejn.

5.        Fit-18 ta’ Marzu 2008, fuq parir tat-tabib tagħha, J. Saint Prix applikat għal supplimenti tad-dħul, li huwa benefiċċju finanzjarju li ma huwiex kontributorju (3). L-applikazzjoni tagħha ġiet irrifjutata peress li skont il-liġi nazzjonali rilevanti, hija kienet tilfet id-“dritt li tirrisjedi fir-Renju Unit”, li huwa rekwiżit biex hija tkun tista’ tirċievi s-supplimenti tad-dħul. Il-partijiet kollha jidhru li huma ssodisfatti li l-applikazzjoni kienet saret fil-perijodu ta’ 11-il ġimgħa mid-data mistennija tal-ħlas.

6.        It-tarbija ta’ J. Saint Prix twieldet fil-21 ta’ Mejju 2008. Madwar tliet xhur wara li welldet, J. Saint Prix reġgħat daħlet għax-xogħol.

7.        J. Saint Prix ippreżentat appell quddiem il-First Tier Tribunal kontra r-rifjut li tingħata s-supplimenti tad-dħul. L-appell tagħha ntlaqa’ permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2008. Din id-deċiżjoni ġiet imbagħad appellata min-naħa tas-Secretary of State for Work and Pensions quddiem l-Upper Tribunal, li ddeċieda favur is-Secretary of State fis-7 ta’ Mejju 2010. J. Saint Prix, imbagħad, appellat mid-deċiżjoni tal-Upper Tribunal quddiem il-Court of Appeal (Qorti tal-Appell). Meta din tal-aħħar ċaħdet l-appell tagħha fit-13 ta’ Lulju 2011, hija ppreżentat appell ieħor quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom (Qorti Suprema tar-Renju Unit) (iktar ’il quddiem is-“Supreme Court”).

8.        Filwaqt li wriet ċerti dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 7 tad-Direttiva taċ-ċittadinanza, is-Supreme Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi segwenti:

“1.      Id-dritt ta’ residenza mogħti lill-‘ħaddiem’ mill-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza għandu jiġi interpretat bħala li japplika biss għal dawk li huma i) f’relazzjoni ta’ xogħol eżistenti, ii) ([tal]-inqas f’ċerti ċirkustanzi) qed ifittxu impjieg jew iii) koperti mill-[espressjonijiet] tal-Artikolu 7(3), jew inkella dan l-Artikolu għandu jiġi interpretat bħala li ma jipprekludix ir-rikonoxximent ta’ persuni oħra li jibqgħu ‘ħaddiema’ għal dan il-għan?

2.      (i) F’din l-aħħar ipoteżi, dan japplika wkoll għal mara li, leġittimament, tieqaf taħdem jew tfittex impjieg, minħabba limitazzjonijiet fiżiċi marbuta mal-aħħar stadji tat-tqala tagħha (u wara l-ħlas)?

      (ii) Jekk iva, hija għandha d-dritt li tibbenefika mid-definizzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti tal-mument meta huwa leġittimu li hija tieqaf taħdem jew li hija tieqaf tfittex impjieg?”

9.        Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn J. Saint Prix, l-AIRE Centre (4) u l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, kif ukoll mill-Gvernijiet tal-Polonja u tar-Renju Unit, u mill-Kummissjoni, li kollha kemm huma — ħlief għall-Gvern Pollakk — ittrattaw il-kawża oralment waqt is-seduta tal-14 ta’ Novembru 2013.

II – Analiżi

A –    Ċittadin tal-Unjoni li jkun fil-pożizzjoni ta’ J. Saint Prix għandu jibqagħlu l-istatus ta’ ħaddiem

10.      Id-digriet tar-rinviju jispjega li, taħt id-dritt tar-Renju Unit, mara tqila li tkun fil-perijodu ta’ 11-il ġimgħa mid-data mistennija tal-ħlas — li hija ċittadina tar-Renju Unit — ma hijiex meħtieġa li tkun disponibbli għax-xogħol jew inkella li tfittex impjieg b’mod attiv. Wara l-ħlas, il-perijodu ta’ assenza mis-suq tax-xogħol li huwa aċċettat huwa ta’ 15-il ġimgħa (5). Jekk hija tkun tissodisfa r-rekwiżiti rilevanti, ċittadina tar-Renju Unit għandha dritt ukoll għas-supplimenti tad-dħul matul dan il-perijodu.

11.      Din il-possibbiltà ma tkunx miftuħa għal ċittadina ta’ Stat Membru ieħor, bħalma hija J. Saint Prix, sakemm ma tkunx koperta mill-Artikolu 7 tad-Direttiva taċ-ċittadinanza, li jirregola d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perijodu itwal minn tliet xhur (6). Barra miċ-ċirkustanzi (inkluż id-dritt ta’ residenza għal ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom) imsemmija fl-Artikolu 7(1), iċ-ċirkustanzi elenkati fl-Artikolu 7(3) huma partikolarment sinjifikattivi hawnhekk. Dawn huma s-sitwazzjonijiet li fihom ċittadin tal-Unjoni, li ma jibqax ħaddiem jew persuna li taħdem għal rasha, iżomm dan l-istatus xorta waħda. Dawn iċ-ċirkustanzi jinkludu l-inkapaċità temporanja li wieħed jaħdem b’riżultat ta’ mard jew inċident. Madankollu, l-Artikolu 7(3) ma jirreferix għat-tqala. Skont il-qorti tar-rinviju, J. Saint Prix — li fiż-żmien rilevanti kienet tqila — tista’ tirċievi biss, għaldaqstant, il-benefiċċju tas-supplimenti tad-dħul jekk hija titqies li kienet ħaddiema matul il-periodu inkwistjoni.

12.      Mis-suespost nikkonkludi li, bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk mara li tkun fil-pożizzjoni ta’ J. Saint Prix għandhiex tiġi assimilata ma’ ħaddiem għall-finijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva taċ-ċittadinanza.

13.      Biex nagħti risposta għal din id-domanda, ser nibda billi nsemmi l-prinċipji bażiċi tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema. Imbagħad ser ngħaddi biex nikkunsidra — fid-dawl ta’ dik il-ġurisprudenza — l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 7 tad-Direttiva taċ-ċittadinanza billi nittratta, b’mod partikolari, l-argumenti mressqa mill-Gvern tar-Renju Unit.

1.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

14.      Skont ġurisprudenza stabbilita l-kunċett ta’ ħaddiem għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ (7). Dan għaliex huwa jiddelimita l-portata ta’ waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (8).

15.      Għaldaqstant, ħaddiem migrant li kien impjegat fi Stat Membru ospitanti għandu jiġi ttrattat bħala li jaqa’ taħt l-Artikolu 45 TFUE (9). Bħala prinċipju, għaldaqstant, persuna titqies li hija ħaddiem għaż-żmien tal-impjieg tiegħu jew tagħha (10). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement li d-drittijiet iggarantiti lill-ħaddiema migranti mhux bilfors jiddependu fuq l-eżistenza attwali jew kontinwa ta’ relazzjoni ta’ impjieg. Fil-fatt, il-ħaddiema migranti huma ggarantiti ċerti drittijiet li jirriżultaw mill-istatus ta’ ħaddiem anki meta huma ma jkunux għadhom f’tali relazzjoni. Dawn id-drittijiet jinkludu d-dritt għal benefiċċju tas-sigurtà soċjali fl-Istat Membru ospitanti (11).

16.      Fuq dan il-punt, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 45 TFUE — u b’mod partikolari l-paragrafu (3)(d) tiegħu — jistabbilixxi d-dritt ta’ ħaddiem li jibqa’ fit-territorju ta’ Stat Membru wara li kien impjegat hemmhekk. Għaldaqstant, fis-sentenza Lair (12), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ħaddiem migrant li kien telaq xogħlu volontarjament sabiex jibda studji universitarji, li kienu konnessi mal-attività okkupazzjonali preċedenti tiegħu, kellu jitqies li huwa ħaddiem. Filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-problemi li jiltaqa’ magħhom ħaddiem biex jerġa’ jsib xogħol ġdid wara li jsir qiegħed involontarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-kriterju li jirrigwarda l-eżistenza ta’ konnessjoni bejn l-attività okkupazzjonali inkwistjoni u l-istudji meħuda ma jistax jiġi applikat meta l-ħtieġa għal taħriġ mill-ġdid ma tkunx għażla volontarja magħmula mill-persuna kkonċernata (13).

17.      B’mod iktar interessanti, fis-sentenza Orfanopoulos (14), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li ċittadin tal-Unjoni li kien ħadem fl-Istat Membru ospitanti u li kien, għalhekk, kiseb l-istatus ta’ ħaddiem migrant hemmhekk, baqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak li llum huwa l-Artikolu 45 TFUE, u l-leġiżlazzjoni adottata taħtu, għall-perijodu ta’ sentenza li huwa skonta fil-ħabs. Fundamentalment, għaldaqstant, priġunier li kien impjegat qabel ma ntbagħat il-ħabs ma għandux jitqies li ma baqax disponibbli fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti, u dan bil-kundizzjoni li huwa jirnexxielu jikseb impjieg fi żmien raġonevoli minn meta jiġi rrilaxxjat (15).

18.      F’dan il-każ, huwa paċifiku li J. Saint Prix kienet ħaddiema għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva taċ-ċittadinanza sa Marzu 2008 meta hija waqfet taħdem minħabba l-limitazzjonijiet tat-tqala tagħha. Madankollu, J. Saint Prix baqgħat fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti matul iż-żmien li fih hija ma kinitx qiegħda taħdem u reġgħat kompliet tliet xhur wara l-ħlas. Kif osservaw il-partijiet kollha li ppreżentaw sottomissjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja — ħlief għall-Gvern tar-Renju Unit — il-fatt li, fiċ-ċirkustanzi, J. Saint Prix tiġi mċaħħda mill-istatus ta’ ħaddiema jkun jeħtieġ interpretazzjoni sostanzjalment ristretta tal-Artikolu 45 TFUE u tal-Artikolu 7 tad-Diretiva taċ-ċittadinanza. Dan ikun kontra l-approwċ li ħadet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq.

19.      Jiena naqbel ma’ dan l-argument. Il-fatt li J. Saint Prix tiġi mċaħħda mill-istatus ta’ ħaddiema jkun jinvolvi wkoll li l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi interpretata b’mod li jmur kontra l-għan tad-Direttiva taċ-ċittadinanza, li huwa li tippromwovi l-eżerċizzju tad-dritt primarju u individwali — mogħti direttament mit-Trattat liċ-ċittadini tal-Unjoni — li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (16). Għalhekk, jidhirli li huwa ċar li J. Saint Prix għandha tiġi ttrattata bħala ħaddiema anki fir-rigward tal-perijodu li matulu hija ma kinitx qiegħda taħdem. Wara kollox, hija ġenwinament għamlet użu mid-dritt tagħha għall-moviment liberu u ħadmet fl-Istat Membru ospitanti qabel ma nqabdet tqila.

20.      Madankollu, ma nistax naqbel mal-interpretazzjoni proposta minn J. Saint Prix, mill-AIRE Centre u mill-Kummissjoni rigward l-Artikolu 7 tad-Direttiva taċ-ċittadinanza. Essenzjalment, huma jsostnu li — bħall-fatti li wasslu għas-sentenza Orfanopoulos — mara li tkun fil-pożizzjoni ta’ J. Saint Prix ma tkunx ħarġet mis-suq tax-xogħol f’sens permanenti u, għaldaqstant, għandha taqa’ taħt ir-regola ġenerali li tirregola r-residenza għal iktar minn tliet xhur [kif stabbilita fl-Artikolu 7(1)(a)]. Filwaqt li ċertament tkun tentazzjoni li d-dictum tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Orfanopoulos tiġi applikata direttament għal dan il-każ, it-tibdil li seħħew minn dakinhar ’l hawn fil-kamp leġiżlattiv ma għandhom bl-ebda mod jiġu injorati. Filwaqt li fiż-żmien rilevanti f’dan il-każ, ma kien jeżisti ebda strument tad-dritt sekondarju li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu, illum il-ġurnata tali strument (id-Direttiva taċ-ċittadinanza) jeżisti (17). Id-dritt li wieħed jirrisjedi fi Stat Membru ieħor wara tliet xhur huwa rregolat b’mod speċifiku bl-Artikolu 7 tad-Direttiva taċ-ċittadinanza.

21.      Għalkemm l-assenza ta’ J. Saint Prix mis-suq tax-xogħol kienet ċertament temporanja, hija ma daħlet f’ebda attività ekonomika, f’sens sinjifikattiv, matul dak il-perijodu (l-istess bħalma kienx jagħmel xi ħadd li kien marid jew li kien vittma ta’ aċċident). Din hija r-raġuni għaliex nemmen li l-iktar punt ta’ riferiment xieraq biex tiġi evalwata l-pożizzjoni ta’ mara fil-pożizzjoni ta’ J. Saint Prix għandu jinstab fl-eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tinsab fl-Artikolu 7(3)(a), li tirreferi għall-inkapaċità temporanja li wieħed jaħdem minħabba mard jew inċident.

22.      Madankollu, dan iqajjem il-mistoqsija li ġejja: din il-pożizzjoni kif tista’ tiġi rrikonċiljata mal-fatt li l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva taċ-ċittadinanza — li jikkonċerna l-kundizzjonijiet biex jinżamm l-istatus ta’ ħaddiem meta l-persuna kkonċernata ma tibqax involuta f’attività bħala impjegata jew persuna li taħdem għal rasha — ma jsemmix espressament it-tqala? Sabiex inwieġeb din il-mistoqsija, ser nittratta issa l-oġġezzjonijiet imressqa mill-Gvern tar-Renju Unit.

2.      L-oġġezzjonijiet imressqa mill-Gvern tar-Renju Unit

23.      B’kuntrast mal-partijiet l-oħra li ppreżentaw osservazzjonijiet, il-Gvern tar-Renju Unit jagħti importanza kbira lil żewġ fatturi li, fil-fehma tiegħu, jimmilitaw kontra li J. Saint Prix tiġi ttrattata bħala ħaddiema. Minn naħa, huwa jsostni li s-sitwazzjoni ta’ J. Saint Prix għandha tiġi mxebbha maċ-ċirkustanzi msemmija fis-sentenza Dias (18), kawża fejn (b’kuntrast ma’ din il-kawża) il-Qorti tal-Ġustizzja rrevediet il-kundizzjonijiet biex jinkiseb dritt ta’ residenza permanenti taħt l-Artikolu 16 tad-Direttiva taċ-ċittadinanza (19). Għalkemm fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li wasslu għas-sentenza Dias ma qamx il-punt, ir-rikorrenti ma kinitx ittrattata bħala ħaddiema — punt li ma kienx diskuss espressament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja — fl-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-perijodu li matulu hija kienet waqfet taħdem biex tieħu ħsieb tifel minuri, perijodu li beda wara li kien spiċċalha l-leave tal-maternità (20).

24.      Ma nistax naċċetta li s-sentenza Dias hija simili għall-każ ineżami. Fil-fatt, tista’ faċilment issir distinzjoni bejn iż-żewġ każijiet fir-rigward tal-fatti. Fis-sentenza Dias, l-assenza tal-omm mix-xogħol estendiet lil hinn miż-żmien li fih kien hemm raġuni medika għaliha biex ma tirritornax għax-xogħol. Kif tosserva l-qorti tar-rinviju, kemm in-nisa u kif ukoll l-irġiel jistgħu jibqgħu d-dar biex jieħdu ħsieb it-tfal. Min-naħa l-oħra, fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, hemm sitwazzjoni fejn mara tieqaf taħdem għal perijodu ddefinit b’mod ċar minħabba limitazzjonijiet fiżiċi u mentali marbuta mat-tqala (21). Barra minn hekk, dan il-perijodu jikkoinċidi mal-perijodu li fih in-nisa tqal li huma ċittadini tal-Istat Membru ospitanti ma jkunux meħtieġa jaħdmu jew ifittxu x-xogħol b’mod attiv (22).

25.      Min-naħa l-oħra, il-Gvern tar-Renju Unit jpoġġi enfasi partikolari fuq il-fatt li l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva taċ-ċittadinanza jagħmel riferiment espliċitu għas-sitwazzjonijiet li fihom il-persuna kkonċernata ma tkunx tista’ taħdem għal żmien temporanju minħabba mard jew inċident, iżda ma jirreferix għat-tqala. Fil-fehma tiegħu, il-fatt li d-Direttiva ma toffri ebda protezzjoni espressa f’dan ir-rigward fir-rigward tat-tqala u tal-ħlas, huwa indikattiv tal-fatt li ried jieħu deliberatament il-leġiżlatur biex jipprevjeni tali protezzjoni milli tinftiehem bħala li hija inkluża f’din id-dispożizzjoni. Dan huwa partikolarment ċar, skont il-Gvern tar-Renju Unit, minħabba li kien sar attentat fl-istadju tal-kumitat quddiem il-Parlament Ewropew biex fl-Artikolu 7(3) tal-proposta tal-Kummissjoni jiddaħħal riferiment għat-tqala peress li dan ma kien jgħid xejn fuq hekk (23).

26.      Jiena noqgħod lura milli nislet konklużjoni definittiva minn dan.

27.      F’dan ir-rigward, nixtieq nenfasizza l-fatt li, kif jirriżulta mill-proposta tal-Kummissjoni (24), dwar id-Direttiva taċ-ċittadinanza, id-direttiva kienet intiża biss li tirriproduċi dispożizzjonijiet li kienu diġà stabbiliti f’direttivi oħra u, b’mod iktar speċifiku, dawk fid-Direttiva 68/360/KEE (25). Dan japplika b’mod partikolari għall-Artikolu 7 tad-Direttiva taċ-ċittadinanza. Id-direttiva l-ġdida kienet intiża wkoll, kif josserva l-Gvern tar-Renju Unit, biex iddaħħal fid-dritt il-ġurisprudenza (kif kienet dak iż-żmien) tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam taċ-ċittadinanza tal-Unjoni (26). Din il-ġurisprudenza ma indirizzatx il-kwistjoni speċifika tat-tqala (u lanqas ma kienet għamlet dan, minn daqshekk, id-Direttiva 68/360) fil-kuntest fejn kienet qiegħda tiġi stabbilita l-portata tal-kunċett ta’ ħaddiem u d-dritt li jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti, li huwa marbut intrinsikament miegħu.

28.      Fil-fehma tiegħi, l-għan, li kien espress b’mod ċar, tal-proposta tal-Kummissjoni għad-Direttiva taċ-ċittadinanza l-ġdida — biex fid-dispożizzjoni l-ġdida jiġu inkorporati kemm id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi eżistenti u kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja — jgħin biex jispjega għaliex hija ma pproponietx li jiġi inkluż riferiment espliċitu għat-tqala fl-Artikolu 7(3) bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali [stabbilita fl-Artikolu 7(1)(a)] li ż-żamma tal-istatus ta’ ħaddiem tippreżumi relazzjoni ta’ impjieg (27). Fid-dawl ta’ dan il-għan, ma hijiex sorpriża li kien hemm ħafna iktar sitwazzjonijiet li ma kinux ikkontemplati. Jista’ jingħad, madankollu, li l-argumenti mressqa mill-Gvern tar-Renju Unit ikunu iktar konvinċenti kieku l-proposta tal-Kummissjoni inkludiet riferiment espliċitu għat-tqala li l-proċess leġiżlattiv sussegwenti għadda biex neħħieh.

29.      Punt ieħor li għandu jiġi enfasizzat hawnhekk huwa li, għalkemm id-Direttiva taċ-ċittadinanza hija intiża, kif issemma iktar ’il fuq, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu, jibqa’ l-fatt li strument tad-dritt sekondarju ma jistax ibiddel it-tifsira tal-kunċett ta’ “ħaddiem”, li jinsab stabbilit sew fl-Artikolu 45 TFUE, li huwa dispożizzjoni tad-dritt primarju. Barra minn hekk, il-promulgazzjoni ta’ tali strument legali ma tistax tipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tinterpreta u tapplika l-kunċett ta’ ħaddiem kif użat fl-Artikolu 45 TFUE biex tilħaq sitwazzjonijiet ġodda.

30.      Fi ftit kliem, il-kwistjoni dwar jekk xi ħadd għandux jitqies li huwa ħaddiem jew f’liema ċirkustanzi xi ħadd għandu jżomm dan l-istatus hija finalment kwistjoni tad-dritt primarju. Ir-risposta ma tistax tiġi limitata fil-kontenut tagħha minn dispożizzjoni tad-dritt sekondarju. Fil-fatt, kif inhu magħruf, id-dritt sekondarju għandu jiġi interpretat, sa fejn possibbli, skont id-dritt primarju (28). Dan huwa intiż li jirrimedja l-inkonsistenzi li jistgħu jaffettwaw il-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju. Għaldaqstant, il-punt ta’ riferiment rilevanti biex jiġi stabbilit jekk J. Saint Prix għandhiex iżżomm l-istatus ta’ ħaddiema taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva taċ-ċittadinanza huwa, b’mod partikolari, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonċerna dak li llum huwa l-Artikolu 45 TFUE.

31.      Sabiex nevita li ninterpreta l-Artikolu 45 TFUE b’mod li joħloq kategorija ġdida ta’ ħaddiema permezz ta’ interpretazzjoni ġudizzjarja, jidhirli li huwa imperattiv li t-trattament ta’ mara tqila li tkun fil-pożizzjoni ta’ J. Saint Prix jintrabat ukoll mal-Artikolu 7 tad-Direttiva taċ-ċittadinanza. Kif indikajt diġà, l-Artikolu 7(3)(a) tad-direttiva msemmija huwa ta’ importanza sinjifikattiva hawnhekk, peress li jirreferi speċifikament għall-inkapaċità temporanja għal xogħol minħabba mard jew inċident.

32.      Għandu jiġi aċċettat li l-pożizzjoni awtorevoli li toħroġ mis-sentenza Webb (29) tagħmilha ċara li t-tqala ma għandhiex tiġi ttrattata bħala marda. Madankollu, din id-distinzjoni saret fil-kuntest biex jiġu protetti n-nisa tqal kontra tkeċċija inġusta. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement — naturalment biex toffri protezzjoni speċjali lin-nisa tqal u biex iżżid l-ugwaljanza sostantiva (30) — li, b’kuntrast mal-mard, it-tqala waħidha ma tistax tiġġustifika t-tkeċċija (jew tipi oħra ta’ trattament differenti fuq il-post tax-xogħol) (31).

33.      F’din il-kawża, min-naħa l-oħra, qegħdin nittrattaw sitwazzjoni fejn il-fatt li t-tqala ma tiġix assimilita mal-mard iwassal biex id-dritt tal-Unjoni joffri protezzjoni għall-mard, imma mhux għat-tqala. Dan jammonta b’mod ċar għal ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

34.      Ejje nimmaġinaw, għall-grazzja tal-argument, li J. Saint Prix — jew ħaddiem ta’ aġenzija maskili għal daqshekk — ma setgħetx tmur taħdem għal żmien temporanju, mhux minħabba tqala, imma minħabba mard. Minħabba din il-marda, hija ma kinitx tkun tista’ taħdem għal diversi xhur, imma kienet terġa’ tidħol għax-xogħol malli l-kundizzjoni tagħha tippermettilha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li ma tantx hemm dubju li J. Saint Prix kienet tiġi ttrattata, skont l-Artikolu 7(3)(a) tad-Direttiva taċ-ċittadinanza, bħala ħaddiema matul iż-żmien meħtieġ biex hija tirkupra. Skont il-Gvern tar-Renju Unit, dan ma japplikax meta l-mara ma tkunx marida (jew inkella, vittma ta’ inċident), iżda tkun tqila.

35.      Peress li huma biss in-nisa li jistgħu jinqabdu tqal, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva taċ-ċittadinanza, moqri fid-dawl tal-Artikolu 45 TFUE, li twassal biex jintilef l-istatus ta’ ħaddiem fil-każ ta’ assenza temporanja mix-xogħol minħabba l-effetti fiżiċi tal-aħħar stadju tat-tqala u l-konsegwenzi tal-ħlas (effetti li, fil-fehma tiegħi, jistgħu faċilment jixxebbhu mal-effetti ta’ diversi mard li jaffettwaw kemm lin-nisa u kif ukoll lill-irġiel) tkun tfisser, fil-prattika, li tkun qiegħda tingħata inqas protezzjoni lin-nisa milli lill-irġiel. Dan l-approċċ imur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, u dan mhux biss minħabba l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Dan huwa hekk bis-saħħa, b’mod partikolari, tal-prinċipju stabbilit li t-trattament inqas favorevoli minħabba t-tqala jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, u dan mingħajr il-bżonn li tiġi identifikata kontroparti maskili li sservi bħala paragun (32).

36.      Dan premess, huwa imperattiv li tiġi ddefinita b’mod ċar il-portata tal-protezzjoni li għandha tingħata lin-nisa tqal taħt l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva taċ-ċittadinanza.

3.      Delimitazzjoni tal-portata tal-protezzjoni mogħtija lin-nisa tqal

37.      Biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn l-istatus ta’ ħaddiem jinżamm għal perijodu mingħajr limiti qabel u wara l-ħlas, nemmen li l-limitazzjonijiet temporanji li jirriżultaw minħabba t-tqala u l-ħlas għandhom jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva taċ-ċittadinanza għal dak li jirrigwarda l-perijodu li matulu l-kundizzjoni fiżika tal-mara kkonċernata tipprekludiha, ġenwinament, milli taħdem. Jekk dan ma jsirx ikun ifisser li jkun qiegħed jiġi injorat l-għan tad-Direttiva taċ-ċittadinanza li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu.

38.      Biex jiġi żgurat li l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva taċ-ċittadinanza jiġi interpretat b’mod li jkun konsistenti mal-Artikolu 18(1) TFUE u l-Artikolu 21(2) tal-Karta, li jipprojbixxu kull forma ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, jidhirli li l-uniku mod xieraq biex jiġi stabbilit il-perijodu ta’ żmien li matulu l-assenza mis-suq tax-xogħol tista’ titqies raġonevoli — biex nuża l-espressjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Orfanopoulos (33) — għandu jinsab fid-dritt nazzjonali u, b’mod iktar speċifiku, fir-regoli nazzjonali li jirregolaw il-perijodu li matulu n-nisa tqal ma jkunux meħtieġa jaħdmu jew ifittxu x-xogħol b’mod attiv, u r-regoli fuq l-għajnuna soċjali li għandhom ikunu disponibbli għan-nisa matul dak iż-żmien (34).

39.      F’dan il-punt, għandi nenfasizza li jekk ma tingħatax protezzjoni simili lill-ħaddiema migranti, dak ikun jammonta għal diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità. Fil-fatt, peress li fil-perijodu ta’ 11 il-ġimgħa mid-data mistennija tal-ħlas (u għal 15-il ġimgħa wara tmiem it-tqala) ċittadina tar-Renju Unit mhux biss hija eżenti milli tkun disponibbli għax-xogħol, jew milli jkollha tfittex ix-xogħol b’mod attiv, iżda għandha dritt ukoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, għas-supplimenti tad-dħul għal dan il-perijodu, l-istess regoli għandhom japplikaw ukoll għal mara li tkun fil-pożizzjoni ta’ J. Saint Prix.

40.      Madankollu, kif inhu magħruf, l-effetti tat-tqala jistgħu xi kultant jipprekludu x-xogħol anki matul l-ewwel stadji tat-tqala. F’dawn is-sitwazzjonijiet, għandu jkun preżunt li l-ħaddiema kkonċernata, li ma tkunx tista’ taħdem għal żmien temporanju minħabba l-effetti tat-tqala tagħha, tkun assimilata ma’ persuna li hija marida (sakemm hija ssegwi l-proċeduri nazzjonali applikabbli biex tattesta li dan hu fil-fatt il-każ, pereżempju, permezz ta’ ċertifikat mediku) u taqa’ awtomatikament taħt l-Artikolu 7(3)(a) tad-Direttiva taċ-ċittadinanza. Kieku dan ma jkunx hekk, is-sempliċi fatt li persuna tkun tqila ma tagħmilhiex possibbli li tinvoka dik id-dispożizzjoni. Jekk il-leġiżlazzjoni tiġi interpretata b’dan il-mod, dan ikun ifisser ksur ċar, għal darba oħra, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

41.      Dan iwassalni biex nikkonkludi li l-Artikolu 7(3)(a) tad-Direttiva taċ-ċittadinanza, moqri fid-dawl tal-Artikolu 45 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jfisser li mara li ma tkunx tista’ taħdem għal żmien temporanju minħabba l-limitazzjonijiet fiżiċi tal-aħħar stadji tat-tqala għandha żżomm l-istatus ta’ ħaddiema. L-istatus ta’ ħaddiema jinżamm għal perijodu sakemm ikun raġonevoli għaliha li tirritorna għax-xogħol, wara t-twelid tat-tarbija tagħha. Biex jiġi żgurat li jiġi osservat il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, dan il-perijodu ma jistax ikun iqsar mill-perijodu pprovdut fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jirregola l-perijodu li fih in-nisa tqal ikunu eżentati milli jkunu disponibbli għax-xogħol, jew milli jfittxu x-xogħol b’mod attiv.

42.      Dan premess, nixtieq nagħmel l-osservazzjonijiet addizzjonali li ġejjin.

B –    Il-konsegwenzi ta’ meta ċittadin tal-Unjoni ma jżommx l-istatus ta’ ħaddiem

43.      Il-qorti tar-rinviju tidher li taħdem fuq il-preżunzjoni li jekk J. Saint Prix ma tiġix ittrattata bħal “ħaddiema” għall-finijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva taċ-ċittadinanza, hija ma tkunx tista’ titlob jew tirċievi s-supplimenti tad-dħul matul iż-żmien li hija tkun waqfet taħdem. Jidher li dan hu minħabba li hija ma tibqax ikollha d-dritt li tirrisjedi fir-Renju Unit. Għalkemm din il-kwistjoni ma hijiex ta’ rilevanza diretta għall-kawża li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju, din ġiet diskussa estensivament fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

44.      Jien ma nistax naqbel ma’ din il-preżunzjoni tal-qorti tar-rinviju mingħajr riżervi.

45.      L-ewwel nett, infakkar li s-sempliċi fatt li ċittadin tal-Unjoni tilef l-istatus tiegħu jew tagħha bħala ħaddiem ma jfissirx li d-drittijiet kollha marbutin ma’ dak l-istatus jisparixxu awtomatikament u immedjatament. Dan intwera fis-sentenza Trojani (35), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, inter alia, li l-Istat Membru ospitanti għandu diskrezzjoni sostanzjali biex jistabbilixxi jekk ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li rrikorra għall-għajnuna soċjali jissodisfax il-kundizzjonijiet biex ikollu dritt li jirrisjedi (36). Minkejja li żammet f’moħħha l-istatus fundamentali taċ-ċittadinanza tal-Unjoni fis-sistema Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja xorta waħda ddeċidiet, f’dan il-każ, li ċittadin tal-Unjoni li, fl-Istat Membru ospitanti, ma jgawdix minn dritt ta’ residenza taħt dak li llum huwa l-Artikolu 45 TFUE jista’, sempliċement minħabba li huwa ċittadin tal-Unjoni, jibbenefika f’dak l-Istat minn dritt ta’ residenza permezz tal-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 21(1) TFUE. Ċertament, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt huwa suġġett għal-“limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet” imsemmija f’din id-dispożizzjoni, iżda l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni tal-imsemmija limitazzjonijiet u kundizzjonijiet tkun konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (37).

46.      Dan il-prinċipju stabbilit ġie kkonfermat reċentement ħafna fis-sentenza Brey (38), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi l-għoti ta’ benefiċċju partikolari lil ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li ma huwiex ekonomikament attiv. Fis-sentenza Brey, il-Qorti tal-Ġustizzja tat importanza partikolari lil-limiti li l-libertà tal-moviment, bħala prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, timponi fuq id-diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri (inkluża s-setgħa ta’ tkeċċija mit-territorju nazzjonali) fir-rigward ta’ ċittadini barranin tal-Unjoni.

47.      Huwa importanti li din id-diskrezzjoni ma tintużax b’tali mod li tkun ta’ ħsara għall-għan tad-Direttiva taċ-ċittadinanza, li huwa li tiffaċilita u ssaħħaħ l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, u l-effettività prattika ta’ din id-direttiva (39). Naturalment, huwa minnu li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor jista’ jkun suġġett għal-limitazzjonijiet li jkunu ġġustifikati minħabba l-interessi leġittimi ta’ dan l-Istat (bħalma hija l-protezzjoni tal-fondi pubbliċi). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet bil-qawwa l-possibbiltà li tali interessi leġittimi jintużaw biex jiġi ppreġudikat il-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu. Dan il-prinċipju fundamentali jkun ippreġudikat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva taċ-ċittadinanza jiġu interpretati b’mod wiesa’ (40). Skont din id-dispożizzjoni, ċittadini tal-Unjoni li ekonomikament ma jkunux attivi (jiġifieri, persuni li ma jaħdmux jew li ma jaħdmux għal rashom fl-Istat Membru ospitanti) għandhom dritt li jirrisjedu fl-Istat Membru ospitanti sakemm ikollhom riżorsi suffiċjenti biex ma jsirux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ dak l-Istat matul il-perijodu ta’ residenza tagħhom.

48.      Fis-sentenza Brey, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jagħmlu evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi fattwali ta’ kull każ individwali — fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità — sabiex jaċċċertaw jekk l-għoti ta’ benefiċċju soċjali jistax jirrappreżenta piż mhux raġonevoli għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti b’mod ġenerali fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva taċ-ċittadinanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-prinċipju stabbilit li d-Direttiva taċ-ċittadinanza hija bbażata fuq il-preżunzjoni li f’materji ta’ għajnuna soċjali, b’mod partikolari, jekk id-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom il-benefiċjarju jkunu ta’ natura temporanja, hemm ċerta solidarjetà bejn iċ-ċittadini tad-diversi Stati Membri (41). Fil-fatt, is-sempliċi fatt li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jibbenefika minn benefiċċju ta’ għajnuna soċjali ma huwiex biżżejjed sabiex juri li dan iċ-ċittadin jirrappreżenta piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti (42).

49.      Minn dan ir-raġunament — u salv verifika mill-qorti tar-rinviju — insostni li fiċ-ċirkustanzi li wasslu għad-digriet tar-rinviju, jiġifieri, fejn mara li tkun fil-pożizzjoni ta’ J. Saint Prix tista’ titqies li ma tkunx tista’ taħdem għal żmien temporanju minħabba t-tqala u, għaldaqstant, tapplika għal benefiċċju finanzjarju li ma huwiex kontributorju bħalma huwa s-supplimenti tad-dħul, hija ma għandhiex titlef awtomatikament id-dritt tagħha li tirrisjedi minħabba d-diffikultajiet finanzjarji temporanji tagħha. Fid-dawl tad-dictum tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan il-punt fis-sentenza Brey, għandi nikkonkludi li mis-sempliċi fatt li mara tqila applikat għal benefiċċju bħalma huwa s-supplimenti tad-dħul ma jsegwix awtomatikament li hija ma għadx għandha riżorsi biżżejjed biex tirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti. Dan japplika iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li l-problemi ta’ sussistenza li ffaċċjat J. Saint Prix huma fin-natura tagħhom temporanji u li, konsegwentement, l-għajnuna soċjali hija meħtieġa biss għal perijodu limitat, li jinserta li jikkoinċidi mal-perijodu ta’ leave tal-maternità ordinarju taċ-ċittadini tar-Renju Unit, li matulu ma humiex meħtieġa jkunu disponibbli għax-xogħol jew li jfittxu x-xogħol b’mod attiv.

50.      B’kuntrast maċ-ċirkustanzi fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, fil-fehma tiegħi, fis-sentenza Brey jew inkella Dias (43) ma setgħatx tintlaħaq l-istess konklużjoni. Dan għaliex il-ħlas tal-benefiċċju rilevanti kien jikkostitwixxi stat ta’ fatt li jissussisti b’mod indefinittiv f’ċirkustanzi fejn il-persuna kkonċernata ma kinitx għadha ekonomikament attiva b’xi mod utli. Kif spjegajt drabi oħra (44), l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva taċ-ċittadinanza huwa intiż li jipprevjeni lil ċittadini tal-Unjoni li huma ekonomikament inattivi milli jużaw is-sistema tal-protezzjoni soċjali tal-Istat Membru ospitanti biex jiffinanzjaw l-għajxien tagħhom fil-perijodu ta’ residenza inizjali f’dak l-Istat Membru.

51.      Għandu jitfakkar, madankollu, li dak li jikkostitwixxi jew ma jikkostitwixxix piż mhux raġonevoli għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti, meħud b’mod globali, huwa kwistjoni li għandha tiġi evalwata (b’mod globali) mill-awtoritajiet nazzjonali (45). Minkejja dan it-tqassim ta’ inkarigi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, nammetti li nsibha diffiċli nimmaġina sitwazzjoni fejn l-għoti ta’ benefiċċju bħalma huwa s-supplimenti tad-dħul lil mara li tkun fis-sitwazzjoni ta’ J. Saint Prix jkun jikkostitwixxi tali piż. Fid-dawl tan-natura temporanja tal-problemi ffaċċjati u l-perijodu ta’ żmien limitat li għalih intalab il-benefiċċju, kull konklużjoni oħra tkun tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tkun qiegħda ssir din l-evalwazzjoni.

52.      Dan premess, ma jistax jiġi eskluż kategorikament li biex jiġi evitat it-“turiżmu għall-benefiċċji”, ikun hemm bżonn ta’ iktar kundizzjonijiet fil-każ ta’ ċittadini tal-Unjoni li jkunu ekonomikament inattivi li qatt ma stabbilixxew rabta mas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti billi jaħdmu u jħallsu t-taxxi hemmhekk. Madankollu, ma nemminx li tali kundizzjonijiet ikunu ġġustifikati, jew inkella, proporzjonati meta, bħalma hu f’dan il-każ, mara tkun eżerċitat effetivament id-dritt għall-moviment liberu tagħha u pparteċipat f’attività ekonomika ġenwina fl-Istat Membru ospitanti qabel ma nqabdet tqila u ppruvat titlob benefiċċju għal perijodu limitat ta’ żmien qabel ma tirritorna lura fis-suq tax-xogħol.

III – Konklużjoni

53.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Supreme Court of the United Kingdom bil-mod kif ġej:

L-Arikolu 7(3)(a) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 45 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li mara li titqies li ma tkunx tista’ taħdem għal żmien temporanju minħabba l-limitazzjonijiet fiżiċi tal-aħħar stadji tat-tqala għandha żżomm l-istatus ta’ ħaddiema. L-istatus ta’ ħaddiema jinżamm sa dak iż-żmien li jkun raġonevoli għall-mara inkwistjoni li tmur lura għax-xogħol, jew biex tfittex xogħol, wara t-twelid tat-tarbija tagħha. Biex jiġi żgurat li jiġi osservat il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, dan il-perijodu ma jistax ikun iqsar mill-perijodu pprovdut taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-perijodu li matulu n-nisa tqal huma eżentati milli jkunu disponibbli għax-xogħol, jew milli jkollhom ifittxu x-xogħol b’mod attiv.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċcirkolaw u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 5, p. 46).


3 – Is-supplimenti tad-dħul (income support) huwa benefiċċju li persuni li jirrisjedu fir-Renju Unit jistgħu jirċievu jekk ma jkollhomx dħul jew ikollhom dħul baxx, jekk jaħdmu inqas minn 16-il siegħa fil-ġimgħa u ma jkunux irreġistrawx bħala qiegħda. Barra minn hekk, il-persuna kkonċernata għandha taqa’ taħt waħda min-numru ta’ kategoriji speċifiċi. Waħda minn dawn il-kategoriji tkopri lin-nisa tqal u, f’xi każijiet, il-persuni li ma jistgħux jaħdmu minħabba mard jew diżabbiltà.


4 – L-AIRE Centre (Advice on Individual Rights in Europe) hija għaqda karitattevoli li tipprovdi pariri legali mingħajr ħlas fuq il-liġi tad-drittijiet tal-bniedem Ewropej u fuq id-dritt tal-Unjoni. Hija kienet awtorizzata tidher fil-proċeduri quddiem is-Supreme Court.


5 – Dawn is-26 ġimgħa (11-il ġimgħa qabel u 15-il ġimgħa wara l-ħlas), fir-Renju Unit, jikkorrispondu għal-leave tal-maternità ordinarju.


6 – L-Artikolu 7 tad-Direttiva taċ-ċittadinanza jipprovdi: “1. Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma: (a) ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew (b) għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti[...] 3. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta’l-Unjoni li m’għadux jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin: (a) il-persuna kkonċernata ma tistax taħdem għal żmien temporanju minħabba mard jew inċident; (b) il-persuna kkonċernata, wara li tkun spiċċat involontarjament bla xogħol wara li ħadmet għal aktar minn sena, tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti [...]”


7 – Għal dikjarazzjonijiet bikrija li jirriflettu din ir-regola, ara inter alia, is-sentenza Kempf (139/85, Ġabra p. 1741, punt 13); is-sentenza Lawrie‑Blum (66/85, Ġabra p. 2121, punt 16. Ara wkoll is-sentenza Brown (197/86, Ġabra p. 3205, punt 21); is-sentenza Antonissen (C‑292/89, Ġabra p. I‑745, punt 11); u s-sentenza Bernini (C‑3/90, Ġabra p. I‑1071, punt 14). Ara wkoll is-sentenza Ninni-Orasche (C‑413/01, Ġabra p. I‑13187, punt 23) u, iktar reċentement, is-sentenza LN (C‑46/12, punt 39).


8 – Sentenza Kempf, punt 13 u s-sentenza Lawrie-Blum (C‑66/85, Ġabra p. 2120, punt 16).


9 – Ara s-sentenza Caves Krier Frères (C‑379/11, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10 – Għall-kriterji rilevanti biex jiġi stabbilit jekk verament teżistix relazzjoni ta’ impjieg, ara inter alia, is-sentenza LN, punti 40 u 41 u l-ġurisprudenza ċċitata.


11 – Sentenza Lair (39/86, Ġabra p. 3161, punti 31 sa 39). Iktar reċentement, għall-benefiċċji li jirriżultaw minn relazzjoni ta’ impjieg preċedenti, ara s-sentenza Petersen (C‑228/07, Ġabra p. I‑6989, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.


13 – Sentenza Lair, b’mod partikolati l-punti 37 u 39.


14 – Sentenzi Orfanopoulos u Oliveri (Kawżi magħquda C‑482/01 u C‑493/01, Ġabra p. I‑5257).


15 – Sentenza Orfanopoulos u Oliveri, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll, b’analoġija Antonissen, punti 21 u 22.


16 – Ara, iktar reċentement, Brey (C‑140/12, punt 53). Ara wkoll is-sentenza Metock et (C‑127/08, Ġabra p. I‑6241, punti 59 u 82); is-sentenza Lassal (C‑162/09, Ġabra p. I‑9217, punt 30); u s-sentenza McCarthy (C‑434/09, Ġabra p. I‑3375, punt 28).


17 – Sentenza Brey, punt 53. Ara wkoll is-sentenza McCarthy, punt 33, u s-sentenza Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C‑425/10, punti 36 u 40).


18 – Sentenza C‑325/09, Ġabra p. I‑6387.


19 – L-Artikolu 16 jipprovdi li: “Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk [...] 2. Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għexu legalment maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin. 3. Il-kontinwità tar-residenza m’għandhiex tintlaqat minn assenzi temporanji li ma jaqbżux [...] assenza waħda ta’ massimu ta’ 12-il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti bħal tqala u maternità, mard serju, studju jew taħriġ professjonali, jew kariga fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz. [...]”


20 – Ara d-dikjarazzjoni f’dan is-sens li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 39 ta’ dik is-sentenza.


21 – Naturalment, huwa minnu li meta J. Saint Prix applikat għas-supplimenti tad-dħul, il-perijodu li għalih riedet l-għajnuna kien għadu mhux magħruf. Madankollu, dan ma jbiddilx il-fatt li l-perijodu rilevanti fil-proċeduri nazzjonali jikkorrispondi għall-perijodu li matulu ċittadin tar-Renju Unit f’sitwazzjoni simili ma jkunx meħtieġ li jaħdem jew li jfittex li jaħdem minħabba tqala u l-ħlas.


22 – Ir-rationale għal-leave tal-maternità huwa preċiżament li jipproteġi l-kundizzjoni fiżika u mentali ta’ nisa tqal qabel u wara l-ħlas. Ara l-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑363/12 Z, li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


23 – Fil-fatt, il-Committee on Women’s Rights and Equal Opportunities issuġġerixxa li jkun hemm dispożizzjoni speċjali għat-tqala f’dan ir-rigward. Ara r-rapport tat-23 ta’ Jannar 2003 fuq il-Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (COM(2001) 257 – C5‑0336/2001 – 2001/0111(COD)), Committee on Citizens’ Freedoms and Rights, Justice and Home Affairs. Din ir-rakkomandazzjoni ma kinitx, madankollu, segwita fil-proċess leġiżlattiv sussegwenti.


24 – COM(2001) 257 finali, p. 13.


25 – Direttiva tal-Kunsill, tal-15 ta’ Otubru 1968, dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 5, Vol 1, p. 27). Skont is-sentenza Ziolkowski u Szeja, punt 37: “Mill-premessi 3 u 4 tad-Direttiva [taċ-ċittadinanza] jirriżulta li din għandha l-għan li tegħleb approċċ settorjali u fframmentat tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt billi tiżviluppa att leġiżlattiv wieħed li jikkodifika u jirrevedi l-istrumenti tad-dritt tal-[Unjoni] preċedenti għal din id-direttiva”.


26 – COM(2001) 257 finali, p. 13.


27Ibid. p. 33.


28 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (218/82, Ġabra p. 4063, punt 15). Ara wkoll is-sentenza Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑305/05, Ġabra p. I‑5305, punt 28), u s-sentenza Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, Ġabra p. I‑10923, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29 –      C‑32/93, Ġabra p. I‑3567.


30 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Z, punti 44 sa 46, għal diskussjoni iktar iddettaljata tal-portata tal-protezzjoni mogħtija lin-nisa tqal taħt id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, taħt id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 2, p. 110) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-ħaddiema tqal”).


31 – Ara, inter alia, is-sentenza Webb, punt 26; is-sentenza Brown (C‑394/96, Ġabra p. I‑4185, punt 18); is-sentenza Tele Danmark (C‑109/00, Ġabra p. I‑6993, punti 26 u 27); u s-sentenza Paquay (C‑460/06, Ġabra p. I‑8511, punti 30 u 31). Ara wkoll is-sentenza McKenna (C‑191/03, Ġabra p. I‑7631, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-protezzjoni kontra t-tkeċċija tal-ħaddiema tqal testendi għal perijodu kollu tal-leave tal-maternità, iżda meta dan il-leave jispiċċa ma hemmx raġuni għalfejn issir distinzjoni bejn marda marbuta mat-tqala jew ħlas minn xi marda oħra, u li t-tali kundizzjoni patoloġika hija koperta mir-regoli ġenerali applikabbli fil-każ ta’ marda. Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix tkeċċija li hija r-riżultat ta’ assenzi minħabba mard marbut mat-tqala jew ħlas.


32 – Ara b’mod partikolari, is-sentenza Mayr (C‑506/06, Ġabra p. I‑1017, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju jista’ jiġi rrintraċċjat lura għas-sentenza Dekker (C‑177/88, Ġabra p. I‑3941, punt 12).


33 – Ara s-sentenza Orfanopoulos u Oliveri, punt 50.


34 – Madankollu, ninnota li d-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri hija limitata b’mod ċar mid-Direttiva tal-ħaddiema tqal, u b’mod partikolari mill-Artikolu 8 tagħha, li jipprovdi, bħala minimu aċċettat, li l-ħaddiema li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għandhom dritt għal perijodu kontinwu ta’ leave tal-maternità ta’ mill-inqas 14-il ġimgħa allokati qabel u/jew wara l-ħlas.


35 – C‑456/02, Ġabra p. I‑7573.


36 – Sentenza Trojani, punt 45.


37Ibid., punt 46. Ara wkoll, is-sentenza Baumbast u R (C‑413/99, Ġabra p. I‑7091, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata) u s-sentenza Zhu u Chen (C-200/02, Ġabra p. I‑9925, punt 32).


38 – Ara s-sentenza Brey, punt 70, u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16.


39Idem, punt 71.


40Idem, punt 70.


41 – Sentenza Brey, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata. Fil-fatt, dan kien diġà ġie stabbilit fis-sentenza Grzelczyk (C‑184/99, Ġabra p. I‑6193, punt 44). Għandu jiġi nnotat ukoll li din il-konklużjoni hija msaħħa bil-premessa 16 tad-Direttiva taċ-ċittadinanza. Din telenka l-kriterji rilevanti biex jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ raġonevolezza tal-piż li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat jirrappreżenta. Dawn jinkludu n-natura temporanja tad-diffikultajiet iffaċċjati, it-tul tar-residenza, iċ-ċirkustanzi personali u l-ammont ta’ għajnuna mogħtija


42 – Sentenza Brey, punt 75.


43 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.


44 – Ara l-punt 38 tal-konklużjonijiet tigħi fil-Kawża Brey.


45 – Sentenza Brey, punt 77.