Language of document : ECLI:EU:C:2014:2068

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Lulju 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2004/38/KE — Artikolu 16(2) — Dritt ta’ residenza permanenti tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni ċittadini ta’ pajjiż terz — Tmiem tal-ħajja komuni tal-konjuġi — Trasferiment immedjat ma’ msieħba oħra matul il-perijodu ta’ residenza kontinwa ta’ ħames snin — Regolament (KEE) Nru 1612/68 — Artikolu 10(3) — Kundizzjonijiet — Ksur minn Stat Membru tad-dritt tal-Unjoni — Eżami tan-natura tal-ksur inkwistjoni — Neċessità ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari”

Fil-Kawża C‑244/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Ireland (l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ April 2013, fil-proċedura

Ewaen Fred Ogieriakhi

vs

Minister for Justice and Equality,

L-Irlanda,

Attorney General,

An Post,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President ta’ Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.‑C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Marzu 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal E. F. Ogieriakhi, minnu nnifsu,

–        għall-Minister for Justice and Equality, l-Irlanda, l-Attorney General u An Post, minn E. Creedon u B. Lydon, bħala aġenti, assistiti minn R. Barron, SC, E. Brennan, BL u R. Barrett, adviser,

–        għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren, C. Tufvesson u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Mejju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad‑29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), kif ukoll tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal‑15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), u, min-naħa l-oħra, id-determinazzjoni tal-effetti tat-tressiq minn qorti nazzjonali ta’ domanda preliminari dwar il-kwistjoni bażika tad-dritt ta’ residenza permanenti, sabiex jiġi evalwat jekk Stat Membru ttrasponiex b’mod żbaljat il-kundizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn E. F. Ogieriakhi minn naħa, u l-Minister for Justice and Equality, l‑Irlanda, l-Attorney General u An Post min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ talba għad-danni li huwa ressaq kontra dan l-Istat Membru, abbażi tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428), minħabba allegat nuqqas tal-Irlanda tal-obbligi tagħha dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2004/38

3        Skont il-premessa 17 tad-Direttiva 2004/38:

“It-tgawdija ta’ residenza permanenti miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għażlu li jittrasferixxu ruħhom għal perjodu indeterminat fl-Istat Membru ospitanti għandha ssaħħaħ is-sens ta’ ċittadinanza ta’ l-Unjoni u hi element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, li hi waħda mill-għanijiet fondamentali ta’ l-Unjoni. Għandu għalhekk jiġi stabbilit dritt ta’ residenza permanenti għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom li għixu fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva u mingħajr ma jkunu suġġetti għal miżura ta’ tkeċċija.”

4        Taħt it-titolu “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1)      ‘ċittadini ta’ l-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ- ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-Unjoni;

2)      ‘membru tal-familja’ tfisser;

a)      ir-raġel jew martu [il-konjuġi];

[...]

3)      ‘Stat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta’ l-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u residenza.”

5        L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi li:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

6        Taħt it-titolu “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, l-Artikolu 7(1) u (2) tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti […]

[...]

2.      Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a), (b) jew (ċ).”

7        Skont l-Artikolu 13(2) tal-imsemmija direttiva:

“Mingħajr preġudizzju għat-tieni sottoparagrafu, id-divorzju, l-annullament taż-żwieġ taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew it-tmiem ta’ l-unjoni reġistrata, kif imfissra fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2 ma jfissirx telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru fejn:

a)      qabel il-bidu tal-proċeduri ta’ divorzju jew ta’ annullament jew it-tmiem ta’ l-unjoni reġistrata msemmija fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2, iż-żwieġ jew l-unjoni reġistrata damu minn ta’ l-inqas tliet snin, inkluż sena fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)      ir-raġel/mara [il-konjuġi] jew is-sieħeb/sieħba li m’għandhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għandhom il-kustodja tat-tfal taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni skond ftehim bejn il-miżżewġin jew bejn is-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2, jew b’deċiżjoni ġudizjarja; jew

ċ)      dan hu ġustifikat minn ċirkostanzi b’mod partikolari diffiċli, bħall- fatt li tkun vittma ta’ vjolenza domestika matul iż-żwieġ jew l-unjoni reġistrata; jew

d)      ir-raġel/mara [konjuġi] jew is-sieħeb/sieħba li m’għandhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ aċċess għal tifel/tifla minorenni skond ftehim bejn il-miżżewġin jew bejn is-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2, jew b’deċiżjoni ġudizzjarja, b’kondizzjoni li l-Qorti ddeċidiet li dan l-aċċess għandu jkun fl-Istat Membru ospitanti, u għal tul ta’ żmien meqjus bħala neċessarju.

Qabel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, id-dritt ta’ residenza tal-persuni kkonċernati għandu jibqa’ s-suġġett tal-ħtieġa li huma jkunu jistgħu juru li huma ħaddiema jew li huma persuni li jaħdmu għal rashom jew li għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali fl-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta’ residenza tagħhom u li għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti, jew li huma membri min-nukleu familjari, diġà kkostitwit fl-Istat Membru ospitanti, ta’ persuna li tissoddisfa dawn il-ħtiġiet. ‘Riżorsi biżżejjed’ huma dawk indikati fl-Artikolu 8(4).

Dawn il-membri tal-familja għandhom iżommu d-dritt ta’ residenza esklussivament b’titlu personali.”

8        Taħt il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza permanenti”, l-Artikolu 16 tiegħu, li huwa intitolat “Regola ġenerali għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom”, jipprovdi:

“1.      Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għexu legalment maċ- ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin.

3.      Il-kontinwità tar-residenza m’għandhiex tintlaqat minn assenzi temporanji li ma jaqbżux is-sitt xhur f’sena, jew minn assenzi ta’ dewma itwal għal servizz militari obbligatorju, jew minn assenza waħda ta’ massimu ta’ 12‑il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti bħal tqala u maternità, mard serju, studju jew taħriġ professjonali, jew kariga fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz.

4.      Meta jinkiseb, id-dritt ta’ residenza permanenti għandu jintilef biss permezz ta’ assenza mill-Istat Membru ospitanti għal perjodu ta’ sentejn konsekuttivi.”

9        Skont l-Artikolu 18 tal-istess direttiva:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17, il-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li għalihom japplikaw l-Artikoli 12(2) u 13(2), li jissoddisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fihom, għandhom jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti wara li jgħixu legalment għal perjodu ta’ ħames snin konsekuttivi fl-Istat Membru ospitanti.”

 Ir-Regolament Nru 1612/68

10      L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi:

“1.      Dawn li ġejjin għandhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, ikollhom id-dritt li jinstallaw ruħhom ma’ ħaddiem li hu ċittadin ta’ Stat Membru wieħed u li hu mpjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor:

a)      il-mara tiegħu u d-dixxendenti tagħhom li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew huma dipendenti;

b)      qraba dipendenti fil-linja axxendenti tal-ħaddiem u l-mara [konjuġi] tiegħu.

2.      Stati Membri għandhom jiffaċilitaw id-dħul ta’ kwalunkwe membru tal-familja li ma jaqax taħt il-paragrafu 1 jekk ikun dipendenti fuq il-ħaddiem li saret referenza għalih hawn fuq jew ikun qed jgħix taħt is-saqaf tiegħu fil-pajjiż mnejn ġie.

3.      Għall-iskopijiet ta’ paragrafi 1 u 2, il-ħaddiem għandu jkollu disponibbli għall-familja tiegħu dar għall-abitazzjoni meqjusa bħala normali għall-ħaddiema ċittadini ta’ dak l-Istat fir-reġjun fejn hu jkun impjegat; din id-dispożizzjoni, madanakollu m’għandux joħloq diskriminazzjoni bejn ħaddiema ċittadini u ħaddiema mill-Istati Membri l-oħra.”

 Id-dritt Irlandiż

11      Ir-Regolament dwar il-Komunitajiet Ewropej (moviment liberu tal-persuni) tal‑2006 [European Communities (Free Movement of Persons) Regulations 2006, SI 2006 Nru 656, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-2006”] jimplementa d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 fid-dritt Irlandiż.

12      L-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament jiżgura t-traspożizzjoni tal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      E. F. Ogieriakhi, ċittadin Niġerjan, wasal l-Irlanda fix-xahar ta’ Mejju 1998, data li fiha huwa ressaq talba għal ażil politiku. Matul ix-xahar ta’ Mejju 1999, huwa żżewweġ ma’ ċittadina Franċiża, is-Sinjura Georges. Wara ż-żwieġ tiegħu, huwa rtira t-talba tiegħu għal ażil u kiseb titolu ta’ residenza għall-perijodu mill‑11 ta’ Ottubru 1999 sal‑11 ta’ Ottubru 2000. Mal-iskadenza ta’ dan il-perijodu, huwa talab it-tiġdid tat-titolu ta’ residenza tiegħu li ngħatalu għall-perijodu mill‑11 ta’ Ottubru 2000 sal‑11 ta’ Ottubru 2004.

14      Matul il-perijodu li jkopri s-snin 1999 sal‑2001, E. F. Ogieriakhi u martu għexu flimkien f’Dublin (l-Irlanda), f’diversi indirizzi, f’akkomodazzjoni mikrija.

15      Ftit wara x-xahar ta’ Awwissu 2001, Georges telqet mid-dar konjugali biex tmur tgħix ma’ raġel ieħor. Sussegwentement, E. F. Ogieriakhi nnifsu telaq mill-imsemmija dar biex mar jgħix ma’ ċittadina Irlandiża, is-Sinjura Madden, li magħha kellu tarbija, li twieldet fix-xahar ta’ Diċembru 2003. Huwa paċifiku li, mis-sena 2002, Georges ma kellha ebda rwol fil-provvista jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ akkomodazzjoni għal E. F. Ogieriakhi.

16      Matul il-perijodu inkluż bejn ix-xahar ta’ Ottubru 1999 u x-xahar ta’ Ottubru 2004, bl-eċċezzjoni ta’ xahar, Georges jew ħadmet, jew irċeviet benefiċċji ta’ sigurtà soċjali li kienu suġġetti għall-kundizzjoni li hija tfittex impjieg. Fix-xahar ta’ Diċembru 2004, hija telqet mill-Irlanda u marret tgħid definittivament lura fi Franza.

17      Id-divorzju bejn E. F. Ogieriakhi u Georges ingħata fix-xahar ta’ Jannar 2009. Fix-xahar ta’ Lulju tal-istess sena, E. F. Ogieriakhi żżewweġ lil Madden. E. F. Ogieriakhi kiseb ulterjorment iċ-ċittadinanza Irlandiża permezz ta’ naturalizzazzjoni matul is-sena 2012.

18      Fix-xahar ta’ Settembru 2004, E. F. Ogieriakhi talab it-tiġdid tat-titolu ta’ residenza tiegħu. Madankollu din it-talba ġiet miċħuda minħabba l-fatt li E. F. Ogieriakhi ma setax jipprova li f’dan il-perijodu Georges kienet tgawdi mid-drittijiet li hija kienet tikseb mit-Trattat UE billi taħdem jew tirrisjedi f’dan l-Istat, peress li l-provi għad-dispożizzjoni tal-Minister for Justice and Equality kienu jindikaw li hija kienet marret tgħix lura Pariġi (Franza), matul ix-xahar ta’ Diċembru 2004, sabiex teżerċita impjieg hemmhekk.

19      Wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38, lejn nofs is-sena 2007, E. F. Ogieriakhi ppreżenta talba intiża sabiex jinkiseb titolu ta’ residenza permanenti fl-Irlanda, minħabba li kien għadda minn perijodu ta’ residenza legali kontinwa ta’ 5 snin, jiġifieri mis-sena 1999 sas-sena 2004, li kien dovut għaż-żwieġ tiegħu ma’ Georges matul l-imsemmi perijodu.

20      Din it-talba ġiet miċħuda fix-xahar ta’ Settembru 2007 mill-Minister for Justice and Equality li kkunsidra li E. F. Ogieriakhi ma kienx jibbenefika minn dritt ta’ residenza fl-Irlanda, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-2006, minħabba l-assenza ta’ prova li tistabbilixxi li martu kienet għadha teżerċita matul l-imsemmi perijodu, f’dan l-Istat Membru, id-drittijiet li hija kienet tikseb mit-Trattat.

21      Fix-xahar ta’ Ottubru 2007, E. F. Ogieriakhi tkeċċa mill-impjieg tiegħu bħala sorter il-posta, li kien jokkupa f’An Post (kumpannija postali tal-Istat) minħabba li ma kien jibbenefika minn ebda dritt ta’ residenza fl-Irlanda.

22      Peress li E. F. Ogieriakhi kien iqis li huwa kien kiseb dritt ta’ residenza permanenti f’dan l-Istat, huwa ppreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal-Minister for Justice and Equality, li ġie miċħud mill-High Court, fix-xahar ta’ Jannar 2008, minħabba li r-Regolament tal‑2006 ma kienx applikabbli għall-perijodi ta’ residenza preċedenti għad-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

23      E. F. Ogieriakhi ma appellax immedjatament minn din id-deċiżjoni. Madankollu, wara s-sentenza Lassal (C‑162/09, EU:C:2010:592), li minnha jirriżulta li perijodu ta’ residenza preċedenti għas-sena 2006 jista’, bħala prinċipju, jitqies li jissodisfa l-kriterju ta’ residenza kontinwa ta’ ħames snin, huwa talab lis-Supreme Court sabiex jibbenefika minn estensjoni tat-terminu għall-preżentata ta’ appell sabiex ikun jista’ jippreżenta appell quddiemha. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Frar 2011, is-Supreme Court ċaħdet din it-talba billi osservat, madankollu, li l-Minister for Justice and Equality kien aċċetta li jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni preċedenti tiegħu u li kien possibbli għal E. F. Ogieriakhi li jressaq l-azzjonijiet kollha li huwa kien iqis utli, inkluż dawk ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni.

24      Wara l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tiegħu tax-xahar ta’ Settembru 2007, il-Minister for Justice and Equality ta lil E. F. Ogieriakhi, fis‑7 ta’ Novembru 2011, dritt ta’ residenza permanenti minħabba l-fatt li kien jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha rilevanti previsti mir-Regolament tal‑2006.

25      Billi invoka l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Francovich et (EU:C:1991:428), E. F. Ogieriakhi għalhekk ippreżenta rikors għal kumpens quddiem il-High Court bil-għan li jikseb kumpens għad-dannu subit minħabba allegata assenza ta’ traspożizzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 fid-dritt nazzjonali. B’mod partikolari, din it-talba hija bbażata fuq it-telf subit minn E. F. Ogieriakhi minħabba r-rexissjoni tal-kuntratt tiegħu ta’ xogħol li seħħet fl‑24 ta’ Ottubru 2007, minħabba l-fatt li huwa ma kienx jibbenefika iżjed minn dritt ta’ residenza fl-Irlanda.

26      Billi ressqet din il-kawża, il-qorti tar-rinviju qieset li r-rikors ippreżentat minn E. F. Ogieriakhi abbażi tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Francovich et (EU:C:1991:428), dwar traspożizzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni (u li kien jikkonċerna, ukoll, l-applikazzjoni żbaljata tal-imsemmi dritt), kien suġġett għall-kundizzjoni li E. F. Ogieriakhi juri li kien ibbenefika, fid-data tat-tkeċċija tiegħu minn An Post matul ix-xahar ta’ Ottubru 2007, minn dritt ta’ residenza kontinwa matul perijodu ta’ ħames snin (kompletament jew parzjalment, qabel jew wara s-sena 2006), u, barra minn hekk, li dan id-dritt ta’ residenza kien jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni.

27      Huwa f’dan il-kuntest li l-High Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Jista’ jingħad li l-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea li f’dak iż-żmien ma kienx huwa nnifsu ċittadin ta’ Stat Membru ‘[għex] legalment maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin’ għall-finijiet tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38[...], f’ċirkustanzi fejn il-konjuġi żżewwġu f’Mejju 1999, fejn dritt ta’ residenza ngħata f’Ottubru 1999 u fejn, mhux iktar tard mill-bidu tal-2002, il-partijiet kienu qablu li ma jirrisjedux iktar flimkien u fejn il-partijiet bdew joqogħdu ma’ msieħba kompletament differenti fl-aħħar tal-2002?

2)      Jekk ir-risposta għad-domanda 1 hija fl-affermattiv u b’kunsiderazzjoni tal-fatt li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz qiegħed jinvoka dritt għal residenza permanenti skont l-Artikolu 16(2) ibbażat fuq ħames snin ta’ residenza kontinwa qabel April 2006 għandu jipprova wkoll li r-residenza tiegħu jew tagħha kienet konformi, inter alia, mar-rekwiżiti tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament [...] Nru 1612/68, il-fatt li matul dak il-perijodu ta’ ħames snin preżunt, iċ-ċittadin tal-Unjoni Ewropea telaq mid-dar tal-familja u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz imbagħad beda jirrisjedi ma’ individwu ieħor f’dar tal-familja ġdida li ma ġietx ipprovduta jew imqiegħda għad-dispożizzjoni mill-konjuġi (preċedenti) ċittadin tal-Unjoni Ewropea jfisser li r-rekwiżiti tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1612/68 għalhekk ma humiex sodisfatti?

3)      Jekk ir-risposta għad-domanda 1 hija fl-affermattiv u r-risposta għad-domanda 2 hija fin-negattiv, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk Stat Membru ttrasponiex b’mod żbaljat jew inkella naqas milli japplika korrettament ir-rekwiżiti tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva tal-2004, il-fatt li l-qorti nazzjonali adita b’rikors għad-danni minħabba fi ksur tad-dritt tal-Unjoni kienet meħtieġa tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-kwistjoni sostantiva tad-dritt tar-rikorrent għal residenza permanenti huwa minnu nnifsu fattur li din il-qorti tista’ tikkunsidra fid-determinazzjoni ta’ jekk kienx hemm ksur ovvju tad-dritt tal-Unjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

28      Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz li, matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, irrisjeda fi Stat Membru, fil-kwalità tiegħu bħala konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni ħaddiem fl-imsemmi Stat Membru, għandu jitqies li kiseb id-dritt ta’ residenza permanenti previst f’din id-dispożizzjoni, anki meta, matul l-imsemmi perijodu, il-miżżewġin iddeċidew li jisseparaw ruħhom u bdew jgħixu ma’ msieħba oħra, fejn id-dar ta’ residenza okkupata mill-imsemmi ċittadin ma baqgħetx disponibbli u lanqas ma’ tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ dan tal-aħħar mill-konjuġi tiegħu ċittadina tal-Unjoni.

29      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, previst fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ residenza kontinwa ta’ ħames snin, li għandhom jiddekorru qabel id-data ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jiġifieri t‑30 ta’ April 2006, konformement mal-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni preċedenti għal din id-data (sentenza Lassal, EU:C:2010:592, punt 40).

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kliem “l-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea preċedenti” għad-Direttiva 2004/38, imsemmija fil-punt 40 tas-sentenza Lassal (EU:C:2010:592), għandhom jinftiehmu fis-sens li jirreferi għall-istrumenti li din id-direttiva kkodifikat, irrivediet u ħassret (sentenza Alarape u Tijani, C‑529/11, EU:C:2013:290, punt 47).

31      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li huma biss il-perijodi ta’ residenza li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38 li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba mill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru tad-dritt ta’ residenza permanenti fis-sens ta’ din id-direttiva (sentenza Alarape u Tijani, EU:C:2013:290, punt 42).

32      Għalhekk, meta l-perijodu ta’ residenza kontinwa ta’ ħames snin jiddekorri kompletament jew parzjalment qabel id-data limitu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38, sabiex persuna tkun tista’ tinvoka d-dritt ta’ residenza permanenti, skont l-Artikolu 16(2) ta’ din id-direttiva, l-imsemmi perijodu għandu jissodisfa kemm il-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija direttiva kif ukoll dawk previsti mid-dritt tal-Unjoni fis-seħħ matul il-perijodu ta’ residenza.

33      Issa, peress li r-Regolament Nru 1612/68 jikkostitwixxi l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fi żmien il-fatti, hemm lok li jiġi analizzat, preliminarjament, jekk il-perijodu kontinwu ta’ ħames snin imwettaq minn E. F. Ogieriakhi jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 21004/38 u, sussegwentement, jekk l-imsemmi perijodu jissodisfax ukoll dawk previsti minn dan ir-regolament.

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, waqt l-analiżi tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru fi kwalunkwe każ jiddependi mill-fatt li, minn naħa, dan iċ-ċittadin innifsu jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva u li, min-naħa l-oħra, l-imsemmija membri rrisjedew miegħu matul il-perijodu kkonċernat (sentenza Alarape u Tijani, EU:C:2013:290, punt 34).

35      Fil-kawża prinċipali, ma ġiex ikkontestat li, matul il-perijodu kkonċernat, Georges kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38.

36      Issa, sa fejn l-Artikolu 16(2) tal-imsemmija direttiva jissuġġetta l-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti mill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni għall-kundizzjoni li jkun irrisjeda legalment “maċ-”ċittadin tal-Unjoni matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin, tirriżulta l-kwistjoni dwar jekk is-separazzjoni tal-miżżewġin matul il-perijodu kkonċernat, mhux biss minħabba l-assenza ta’ koabitazzjoni iżda, fuq kollox, l-assenza ta’ komunjoni konjugali effettiva, tipprekludix li jiġi kkunsidrat li l-imsemmija kundizzjoni hija sodisfatta.

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-rabta konjugali ma tistax titqies li hija rexissa sakemm ma ttemmhiex l-awtorità kompetenti u li dan ma huwiex il-każ ta’ miżżewġin li jgħixu sempliċement b’mod separat, anki meta jkollhom l-intenzjoni li jiddivorzjaw ulterjorment, b’tali mod li l-konjuġi ma għandux neċessarjament jgħix b’mod permanenti maċ-ċittadin tal-Unjoni sabiex igawdi minn dritt derivat ta’ residenza (sentenzi Diatta, 267/83, EU:C:1985:67, punti 20 u 22, kif ukoll Iida, C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 58).

38      Għalhekk, il-fatt li, matul il-perijodu mill‑11 ta’ Ottubru 1999 sal‑11 ta’ Ottubru 2004, il-miżżewġin mhux biss waqfu milli jgħixu flimkien iżda għexu wkoll ma’ msieħba oħra, huwa nieqes minn rilevanza għall-finijiet tal-kisba minn E. F. Ogieriakhi ta’ dritt ta’ residenza permanenti, skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38.

39      Fil-fatt, sa fejn il-miżżewġin baqgħu miżżewġa sax-xahar ta’ Jannar 2009 fl-Istat Membru fejn Georges kienet teżerċita d-dritt tagħha għal moviment liberu, matul il-perijodu msemmi iktar ’il fuq, E. F. Ogieriakhi ma jistax jitqies li tilef il-kundizzjoni tiegħu ta’ konjuġi ta’ ċittadina tal-Unjoni li qed jakkumpanjaha jew jingħaqad magħha fl-Istat Membru ospitanti, fejn b’hekk jissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 7(2) tal-imsemmija direttiva.

40      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija konformi man-neċessità li ma jiġux interpretati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 b’mod restrittiv u biex ma tiġix miċħuda lilhom l-effettività tagħhom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li kieku l-Artikolu 16(2) tal-imsemmija direttiva kellu jiġi ssuġġettat għal interpretazzjoni litterali, iċ-ċittadin tal-pajjiż terz jista’ jsib ruħu vulnerabbli minħabba l-miżuri unilaterali meħuda mill-konjuġi tiegħu, liema fatt imur kontra l-ispirtu tal-imsemmija direttiva, fejn wieħed mill-għanijiet tagħha huwa, preċiżament, skont il-premessa 15 tagħha, li toffri protezzjoni ġuridika lill-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti, bil-għan li tippermettilhom, f’ċerti każijiet u taħt ċerti kundizzjonijiet, li jżommu d-dritt ta’ residenza tagħhom esklużivament fuq bażi individwali.

41      Madankollu, interpretazzjoni tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38, li, għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, l-obbligu ta’ residenza maċ-ċittadin tal-Unjoni jista’ jitqies li ġie sodisfatt biss fil-każ speċifiku fejn il-konjuġi li jirrisjedi maċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti ma jkunx qata’ kull komunjoni ta’ ħajja konjugali ma’ dan tal-aħħar, ma tidhirx koerenti mal-għan ta’ din id-direttiva msemmi iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, meta mqabbla mad-drittijiet rikonoxxuti, fil-qasam ta’ residenza, fl-Artikoli 13 u 18, tal-imsemmija direttiva, favur ex konjuġi, taħt ċerti kundizzjonijiet, fil-każ ta’ divorzju.

42      Fil-fatt, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 49 sa 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali interpretazzjoni tagħti lok għall-applikazzjoni ta’ reġim iktar favorevoli fir-rigward taċ-ċittadini mill-pajjiżi terzi kkonċernati, fil-każ ta’ divorzju, minn dak applikabbli fil-każ ta’ separazzjoni, meta, f’dan l-aħħar każ, l-imsemmi ċittadin, żamm ir-rabta konjugali u, għaldaqstant, jibqa’ membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni fis-sens tad-Direttiva 2004/38.

43      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1612/68, tqum, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjoni imposta fuq il-ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru, fl-Artikolu 10(3) tal-imsemmi regolament, li jkollu akkomodazzjoni għall-familja tiegħu, li titqies li hija normali għall-ħaddiema nazzjonali fir-reġjun fejn huwa jkun ġie impjegat, tkunx sodisfatta meta dan il-ħaddiem jitlaq l-akkomodazzjoni tal-familja tiegħu u fejn il-konjuġi jmur jgħix ma’ sieħeb ieħor f’akkomodazzjoni ġdida li la tkun ġiet ipprovduta u lanqas ma tkun tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ dan il-konjuġi mill-imsemmi ħaddiem.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tispeċifika l-portata tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1612/68, fid-dawl tal-għan segwit minn dan ir-regolament, jiġifieri li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-ħaddiema.

45      B’hekk, fil-punt 18 tas-sentenza Diatta (EU:C:1985:67), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fejn l-imsemmi artikolu jipprevedi li l-membru tal-familja tal-ħaddiem migrant għandu d-dritt li jmur jgħix ma’ dan tal-aħħar, huwa ma jirrikjedix li l-membru tal-familja kkonċernata jgħix miegħu b’mod permanenti, iżda, biss, li l-akkomodazzjoni tal-ħaddiem tista’ titqies li hija normali biex fiha jilqa’ l-familja tiegħu, b’tali mod li r-rekwiżit tal-uniċità ta’ akkomodazzjoni permanenti tal-familja ma jistax jiġi impliċitament aċċettat.

46      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1612/68 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li l-ħaddiem ikollu akkomodazzjoni meqjusa li hija normali hija neċessarja biss bħala kundizzjoni ta’ akkoljenza ta’ kull membru tal-familja fi ħdan il-ħaddiem (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, 249/86, EU:C:1989:204, punt 12), b’tali mod li, fi kwalunkwe każ, l-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni tista’ tiġi evalwata biss fid-data fejn iċ-ċittadin tal-pajjiż terz jibda ħajja komuni mal-konjuġi tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, f’dan il-każ matul is-sena 1999.

47      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz li, matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin li jippreċedi d-data ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, irrisjeda fi Stat Membru, inkwantu konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni ħaddiem fl-imsemmi Stat Membru, għandu jitqies li kiseb id-dritt ta’ residenza permanenti previst f’din id-dispożizzjoni, anki meta, matul l-imsemmi perijodu, il-miżżewġin iddeċidew li jisseparaw minn xulxin u bdew jgħixu ma’ msieħba oħra, fejn l-akkomodazzjoni okkupata mill-imsemmi ċittadin ma tkunx ġietx iżjed ipprovduta u lanqas ma tkun tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ dan tal-aħħar mill-konjuġi tiegħu ċittadin tal-Unjoni.

 Fuq it-tielet domanda

48      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-fatt li, fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, qorti nazzjonali qieset li kien neċessarju li ssir domanda preliminari dwar id-dritt tal-Unjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandux jitqies li huwa fattur deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistix jew le ksur manifest ta’ dan id-dritt mill-Istat Membru.

49      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilha huwa inerenti għas-sistema tat-Trattat (sentenzi Francovich et EU:C:1991:428, punt 35; Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 31, kif ukoll British Telecommunications, C‑392/93, EU:C:1996:131, punt 38).

50      Bl-istess mod, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dritt għal kumpens huwa rikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni meta jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li r-regola ta’ dritt miksura jkollha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi, li l-ksur huwa suffiċjentement ikkaratterizzat u li teżisti rabta kawżali diretta bejn il-ksur tal-obbligu li għandu l-Istat u d-dannu subit mill-persuni leżi (sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, EU:C:1996:79, punt 51).

51      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonstatat li l-kriterju deċiżiv, sabiex tqis li ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa suffiċjentement ikkaratterizzat, huwa dak tal-ksur manifest u gravi, minn Stat Membru, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu, indikat kriterji li l-qrati nazzjonali, li huma l-uniċi kompetenti sabiex jistabbilixxu l-fatti tal-kawżi prinċipali u sabiex jikkaratterizzaw il-ksur tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni, jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni bħal-livell ta’ kjarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura (sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, EU:C:1996:79, punti 55, 56 u 58).

52      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet numru ta’ drabi li l-qrati nazzjonali għandhom il-possibbiltà iktar estiża li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem domandi li jirrikjedu interpretazzjoni jew evalwazzjoni ta’ validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 64).

53      Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sempliċi fatt li ssir domanda preliminari ma jistax jillimita l-libertà tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu. Fil-fatt, ir-risposta għad-domanda dwar jekk ksur tad-dritt tal-Unjoni kienx suffiċjentement ikkaratterizzat ma jirriżultax mill-eżerċizzju nnifsu tal-possibbiltà prevista fl-Artikolu 267 TFUE, iżda mill-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja.

54      Issa, hemm lok li jiġi osservat li l-possibbiltà rikonoxxuta lill-qrati nazzjonali li jippreżentaw rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk huma jqisu li dan huwa neċessarju, sabiex din tinterpretalhom dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, anki jekk il-kwistjoni mqajma diġà ġiet deċiża, tkun mingħajr dubju limitata li kieku l-eżerċizzju ta’ tali possibbiltà kellu jkun deċiżiv għall-konstatazzjoni tal-eżistenza jew tan-nuqqas ta’ eżistenza ta’ ksur manifest tad-dritt tal-Unjoni, sabiex tiġi ddeterminata, jekk ikun il-każ, ir-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni. B’hekk, tali effett iqiegħed inkwistjoni s-sistema, l-għan kif ukoll il-karatteristiċi tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-fatt li, fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, qorti nazzjonali qieset li kien neċessarju li tressaq domanda preliminari li tikkonċerna d-dritt tal-Unjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandux jitqies li huwa fattur deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistix ksur manifest ta’ dan id-dritt mill-Istat Membru.

 Fuq l-ispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad‑29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz li, matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin li jippreċedi d-data ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, irrisjeda fi Stat Membru, inkwantu konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni ħaddiem fl-imsemmi Stat Membru, għandu jitqies li kiseb id-dritt ta’ residenza permanenti previst f’din id-dispożizzjoni, anki meta, matul l-imsemmi perijodu, il-miżżewġin iddeċidew li jisseparaw minn xulxin u bdew jgħixu ma’ msieħba oħra, fejn l-akkomodazzjoni okkupata mill-imsemmi ċittadin ma tkunx ġiet iżjed ipprovduta u lanqas ma tkun tqegħdet għad-dispożizzjoni ta’ dan tal-aħħar mill-konjuġi tiegħu ċittadin tal-Unjoni.

2)      Il-fatt li, fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, qorti nazzjonali qieset li kien neċessarju li tressaq domanda preliminari li tikkonċerna d-dritt tal-Unjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandux jitqies li huwa fattur deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistix ksur manifest ta’ dan id-dritt mill-Istat Membru.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.