Language of document : ECLI:EU:C:2014:2450

Kawża C‑202/13

The Queen, fuq talba ta’:
Sean Ambrose McCarthy et

vs

Secretary of State for the Home Department

[talba għal deċiżjoni preliminari,
imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales),
Queen’s Bench Division (Administrative Court)]

“Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Direttiva 2004/38/KE — Dritt ta’ ċittadini tal-Unjoni u ta’ membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju ta’ Stat Membru — Dritt ta’ dħul — Ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li għandu permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dħul fit-territorju nazzjonali għal kisba minn qabel tal-permess ta’ dħul — Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38/KE — Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru 20) dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-Artikolu 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għar-Renju Unit u għall-Irlanda”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Diċembru 2014

1.        Ċittadinanza tal-Unjoni — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 — Benefiċjarji — Membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni ċittadini ta’ pajjiżi terzi — Kundizzjoni — Ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 3(1))

2.        Ċittadinanza tal-Unjoni — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 — Dritt ta’ dħul u ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni — Dritt ta’ dħul limitat għall-Istati Membri barra l-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni — Assenza

(Direttiva 2004/38/5 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikoli 5 u 10)

3.        Ċittadinanza tal-Unjoni — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 u Protokoll (Nru 20) dwar l‑applikazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-Artikolu 26 TFUE għar-Renju Unit u għall-Irlanda — Dritt ta’ dħul u ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni — Abbuż ta’ dritt jew frodi — Pussess mill-imsemmija ċittadini ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat Membru ieħor — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta, għal skopijiet ta’ prevenzjoni ġenerali, id-dħul tal-imsemmija ċittadini fit-territorju nazzjonali għall-kisba minn qabel ta’ permess ta’ dħul — Inammissibbiltà

(Protokoll (Nru 20) anness mat-Trattati UE u FUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 10 u 35)

4.        Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 33-38)

2.        Id-dispożizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, jirrigwardaw “l-Istati Membri” u ma jagħmlux distinzjoni skont l-Istat Membru ta’ dħul, b’mod partikolari, sa fejn jipprevedu li l-pussess tal-permess ta’ residenza validu msemmi fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jeżenta lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkollhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru mill-obbligu li jiksbu viża ta’ dħul. Għaldaqstant, bl-ebda mod ma jirriżulta minn dan l-Artikolu 5 li d-dritt ta’ dħul ta’ membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni li ma’ jkollhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru għandu jkun limitat għall-Istati Membri l-oħra għajr l-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni.

(ara l-punt 41)

3.        Kemm l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, kif ukoll l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 20 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-Artikolu 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għar-Renju Unit u għall-Irlanda għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jippermettux li Stat Membru jissuġġetta, sabiex isegwi għan ta’ prevenzjoni ġenerali, lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkollhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru u li jkunu detenturi ta’ permess ta’ residenza validu, maħruġ bis-saħħa tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38 mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor, għall-obbligu li jkollhom fil-pussess tagħhom, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, permess ta’ dħul, bħall-permess ta’ familja Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), sabiex jidħlu fit-territorju tiegħu.

Fil-fatt, minn naħa, il-miżuri adottati mill-awtoritajiet nazzjonali, abbażi tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38, intiżi li jirrifjutaw, jannullaw jew jirtiraw dritt mogħti minn din id-direttiva għandhom ikunu bbażati fuq eżami individwali tal-każ inkwistjoni. Il-miżuri li jsegwu għan ta’ prevenzjoni ġenerali ta’ każ mifrux ta’ abbuż ta’ dritt jew frodi, min-natura awtomatika tagħhom, jippermettu lill-Istati Membri ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 u jiksru s-sustanza stess tad-dritt fundamentali u individwali ta’ ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u li jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, kif ukoll tad-drittijiet derivati li jgawdu l-membri tal-familja ta’ dawn iċ-ċittadini li ma jkollhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 20 jawtorizza lir-Renju Unit jivverifika jekk persuna li tixtieq tidħol fit-territorju tiegħu tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ dħul, b’mod partikolari, dawk previsti mid-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1 ma jippermettix lil dan l-Istat Membru jiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ dħul ta’ persuni li jkollhom dritt ta’ dħul skont id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, li jimponi fuqhom kundizzjonijiet ta’ dħul addizzjonali jew kundizzjonijiet oħra minbarra dawk previsti mid-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punti 52, 56-58, 64, 66 u d-dispożittiv)

4.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 54-56)