Language of document : ECLI:EU:C:2016:214

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

7 ta’ April 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Kapaċitajiet tekniċi u/jew professjonali tal-operaturi ekonomiċi – Artikolu 48(3) – Possibbiltà li wieħed jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra – Kundizzjonijiet u modalitajiet – Natura tar-rabtiet eżistenti bejn l-offerent u l-entitajiet l-oħra – Modifika tal-offerta – Annullament u repetizzjoni ta’ rkant elettroniku – Direttiva 2014/24/UE”

Fil-Kawża C-324/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajowa Izba Odwoławcza (awla tal-appell nazzjonali, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Lulju 2014, fil-proċedura

Partner Apelski Dariusz

vs

Zarząd Oczyszczania Miasta,

fil-preżenza ta’:

Remondis sp. z o.o.,

MR Road Service sp. z o.o.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, F. Biltgen, E. Levits, M. Berger u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Mejju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Partner Apelski Dariusz, minn T. Krześniak, adwokat,

–        għal Zarząd Oczyszczania Miasta, minn K. Wąsik, radca prawny,

–        għal Remondis sp. z o.o. u MR Road Service sp. z o.o., minn K. Kamiński u K. Dajczer, radcowie prawni,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna kif ukoll minn M. Szwarc u D. Lutostańska, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

–        għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u I. Ņesterova, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 44 u 48 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Partner Apelski Dariusz (iktar ’il quddiem “Partner”) u ż-Zarząd Oczyszczania Miasta (uffiċċju tat-tindif tal-belt, iktar ’il quddiem l-“uffiċċju tat-tindif tal-belt ta’ Varsavja”) dwar l-esklużjoni tagħha mill-proċedura għall-għoti tal-kuntratt pubbliku relatat mat-tindif mekkaniku komprensiv tat-toroq tal-belt ta’ Varsavja (il-Polonja) għas-snin mill-2014 sa 2017.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2004/18

3        Il-premessa 46 tad-Direttiva 2004/18 hija fformulata kif ġej:

“Kuntratti għandhom jiġu assenjati fuq il-bażi ta’ kriterja oġġettiva li tassigura konformità mal-prinċipji ta’ trasparenza, bla diskriminazzjoni u trattament ugwali u li tiggarantixxi illi l-offerti huma assessjati fuq il-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva. Bħala riżultat, huwa xieraq li tħalli l-applikazzjoni ta’ kriterja fuq l-għoti lil tnejn biss: ‘l-inqas prezz’ u ‘l-aktar offerta vantaġġjuża ekonomikament’.

Biex tassigura konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-għoti tal-kuntratti, huwa xieraq li tistipula obbligazzjoni – stabbilita b’każ legali [bil-ġurisprudenza] – biex tassigura t-trasparenza neċessarja sabiex tgħin lil dawk kollha li jitfgħu l-offerti biex ikunu infurmati tajjeb fuq il-kriterji u l-arranġamenti li se jkunu applikabbli biex tiġi identifikata l-aktar offerta vantaġġjuża ekonomikament. [...]”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipji ta’ assenjar ta’ kuntratti”, jipprovdi:

“L-awtoritajiet kuntrattwali se jistmaw l-operaturi ekonomiċi [b’mod] ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti.”

5        L-Artikolu 44 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Verifikata’ l-adattabilità u għażla ta’ parteċipanti u għoti ta’ kuntratti” jipprovdi:

“1.      Kuntratti għandhom jingħataw fuq il-bażi tal-kriterji imniżżlin fl-Artikoli 53 u 55, jittieħed akkont l-Artikolu 24, wara li l-adattabilità ta’ operaturi ekonomiċi mhux eklużi taħt l-Artikoli 45 u 46 ikun ġie mixtarr mill-awtoritajiet kontrattwanti skond il-kriterji ta’ permessi [kapaċitajiet] ekonomiċi u finanzjarji, ta’ stabilità professjonali u teknika jew abilità li sar riferiment għalihom fl-Artikoli 47 sa 52, u, fejn xieraq, mar-regoli non-diskriminatorji u kriterji li sar riferiment għalihom fil-paragrfu 3.

2.      L-awtoritajiet kontrattwanti jistgħu jeżiġu li kandidati u dawk li jixħtu l-offerta jilħqu l-livell minimu ta’ kapaċità skond l-Artikoli 47 u 48.

Il-limitu ta’ l-informazzjoni li sar riferiment għalih fl-Artikoli 47 u 48 u l-livelli minimi ta’ abilità meħtieġa għal kuntratt speċifiku għandu jkun relatat u proporzjonat mal-kontenut suġġettiv tal-kuntratt.

Dawn il-livelli minimi għandhom ikunu indikati fl-avviż tal-kuntratt.

[...]”

6        L-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Stabilità ekonomika u finanzjarja” jiddikjara, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Operatur ekonomiku jista’, fejn xieraq u għal xi kuntratt partikolari, joqgħod fuq il-ħiliet ta’ entitajiet oħrajn, bla rigward għan-natura legali tar-rabtiet li hi għandha [li hu jkollu] magħhom. Huwa għandu f’dak il-każ jipprova lill-awtorità kontrattwanti li se jkollu għad-disposizzjoni tiegħu ir-riżorsi neċessarji, per eżempju, billi jipproduċi garanzija minn dawk l-entitajiet għal dak l-effett.”

7        L-Artikolu 48 tal-istess direttiva, intitolat “Abilità [kapaċità] teknika u/jew professjonali”, jipprovdi:

“1.      L-abilitajiet Tekniċi u/jew professjonali ta’ l-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu evalwati u eżaminati skond il-paragrafi 2 u 3.

2.      Evidenza ta’ l-abilitajiet [t]ekniċi ta’ l-operaturi ekonomiċi jistgħu jkunu fornuti b’mezz jew aktar ta’ dan li ġej skond in-natura, kwantità jew importanza, u użu tax-xogħlijiet, fornimenti jew servizzi:

a)      [...]

ii)      lista ta’ konsenji ewliena effettwati jew is-servizzi ewlenin provduti fl-aħħar tliet snin, bl-ammonti, dati u riċevituri, sew pubbliċi jew privati, involuti. [...]

[...]

[...]

3.      Operatur ekonomiku jista’, fejn xieraq u għal xi kuntratt partikolari, joqgħod fuq il-ħiliet ta’ entitajiet oħrajn, bla rigward għan-natura legali tar-rabtiet li hu jkollu magħhom. Hu għandu f’dak il-każ jipprova lill-awtorità kontrattwanti li se jkollu għad-disposizzjoni tiegħu r-riżorsi meħtieġa għat-twettiq tal-kuntratt, per eżempju, billi jipproduċi garanzija mingħand dawk l-entitajiet li jpoġġi [jpoġġu] r-riżorsi meħtieġa għad-disposizzjoni ta’ l-operatur ekonomiku.

[...]”

8        L-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Dokumentazzjonali [Dokumentazzjoni] u informazzjoni addizzjonali”, jipprevedi:

“L-awtorità kontrattwanti [kontraenti] tista’ tistieden lil operaturi ekonomiċi li jissupplimentaw jew jiċċaraw iċ-ċertifikati u dokumenti sottomessi fis-segwitu ta’ l-Artikoli 45 sa 50.”

9        L-Artikolu 54 ta’ din id-direttiva, intitolat “Użu ta’ rkantijiet elettroniċi”, jipprovdi:

“1.      Stati Membri jistgħu jipprovdu li awtoritajiet kontrattwanti jistgħu jużaw irkantijiet elettroniċi.

[...]

4.      Qabel jipproċedu b’irkant elettroniku, awtoritajiet kontrattwanti għandhom jagħmlu evalwazzjoni inizjali sħiħa ta’ l-offerti skond il-kriterju/kriterji ta’ għotja imniżżlin u mal-piż iffissat għalihom.

Dawk kollha li jkunu issottomettew offerti ammissibli għandhom ikunu mistiedna fl-istess żmien b’mezzi elettroniċi biex jissottomettu prezzijiet ġodda u/jew valuri ġodda; [...]

[...]

8.      Wara li jagħlqu xi rkant elettroniku awtoritajiet kontrattwanti għandhom jagħtu l-kuntratt skond l-Artikolu 53 fuq il-bażi tar-riżultati ta’ l-irkant elettroniku.

Awtoritajiet kontrattwanti ma jistgħux ikollhom rikors mhux xieraq lejn irkantijiet elettroniċi [u] lanqas ma jistgħu jużawhom b’tali mod li jimpedixxu, jirestrinġu jew ifixxklu kompetizzjoni jew li jbiddlu l-kontentut suġġettiv tal-kuntratt, kif imqiegħed għal offerta fl-avviz tal-kuntratt ippubblikat u definit fl-ispeċifikazzjoni.”

 Id-Direttiva 2014/24/UE

10      Il-premessa 2 tad-Direttiva 2014/24/UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, p. 65), tistabbilixxi dan li ġej:

“[...] ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku adottati skont [...] [id]-Direttiva 2004/18/KE [...] għandhom jiġu riveduti u modernizzati sabiex tiżdied l-effiċjenza tan-nefqa pubblika, [billi] tiġi ffaċilitata b’mod partikolari l-parteċipazzjoni tal-impriżi żgħar u medji (SMEs) fl-akkwist pubbliku [...]. Hemm bżonn ukoll li jiġu ċċarati ideat u kunċetti bażiċi sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u sabiex jiġu inkorporati ċerti aspetti relatati ta’ każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.”

11      L-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Dipendenza fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-qagħda ekonomika u finanzjarja kif stabbilit skont l-Artikolu 58(3), u l-kriterji relatati mal-abbiltà teknika jew professjonali kif stabbilit skont l-Artikolu 58(4), operatur ekonomiku jista’, fejn dan ikun adegwat u għal kuntratt partikolari, jiddependi fuq il-kapaċitjiet ta’ entitajiet oħra, irrilevanti min-natura legali tar-rabtiet li għandu magħhom. Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-kwalifiki edukattivi u professjonali kif jinsabu fil-punt (f) tal-Anness XII Parti II jew l-esperjenza professjonali rilevanti, l-operaturi ekonomiċi jistgħu madankollu jiddependu biss fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra meta dawn tal-aħħar ser iwettqu l-ħidmiet jew is-servizzi li għalihom huma meħtieġa dawn il-kapaċitajiet. Meta operatur ekonomiku jkun irid jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, dan għandu jagħti prova lill-awtorità kontraenti li huwa ser ikollu r-riżorsi meħtieġa għad-dispożizzjoni tiegħu, pereżempju, billi jippreżenta impenn minn dawk l-entitajiet għal dan il-għan.

[...]

2.      Fil-każ ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet, kuntratti ta’ servizzi u operazzjonijiet ta’ tqegħid fil-post jew ta’ istallazzjoni fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ provvista, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu li ċerti kompiti kritiċi jitwettqu direttament mill-offerent stess [...]”

12      Skont l-Artikolu 90(1) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sat-18 ta’ April 2016. [...]”

 Id-dritt Pollakk

13      Id-Direttiva 2004/18 hija trasposta fl-ordinament ġuridiku Pollakk permezz tal-Liġi dwar Kuntratti Pubbliċi (Dz. U. tal-2013, intestaturi 907, 984, 1047 u 1473, kif ukoll Dz. U. tal-2014, intestatura 423, iktar ‘il quddiem il-“Liġi KP”).

14      L-Artikolu 26(2b) tal-Liġi KP jgħid dan li ġej:

“Operatur ekonomiku jista’ jinvoka l-konoxxenzi, l-esperjenza, il-kapaċità teknika u l-persuni li huma idonei sabiex jeżegwixxu l-kuntratt jew il-kapaċitajiet finanzjarji ta’ entitajiet oħra, irrispettivament min-natura ġuridika tar-rabtiet eżistenti li hu jkollu magħhom. F’dan il-każ, dan għandu jagħti prova lill-awtorità kontraenti li huwa ser ikollu l-mezzi neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, b’mod partikolari permezz tal-produzzjoni ta’ garanzija ta’ dawn l-entitajiet li skontha huwa ser ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-mezzi neċessarji għat-tul tal-użu ekwivalenti għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt [...]”

15      L-Artikolu 83(2) u (3) tal-Liġi KP jipprevedi:

“2.      L-awtorità kontraenti tista’ taċċetta li tirċievi offerta parzjali fil-każ li s-suġġett tal-kuntratt ikun jista’ jinqasam.

3.      Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 2, operatur ekonomiku jista’ jitfa’ offerti parzjali li jirrigwardaw parti waħda jew diversi partijiet tal-kuntratt, sakemm l-awtorità kontraenti ma tkun stabbilixxiet numru massimu ta’ partijiet tal-kuntratt li fir-rigward tagħhom jistgħu jintefgħu offerti parzjali minn operatur ekonomiku.”

16      L-Artikolu 91b(1) tal-Liġi KP jipprovdi:

“L-awtorità kontraenti għandha tistieden, b’mod elettroniku, lill-operaturi ekonomiċi kollha li jkunu tefgħu offerta mhux miċħuda sabiex jipparteċipaw f’irkant elettroniku.”

17      Il-punt 7 tal-Artikolu 93(1) tal-Liġi KP jipprevedi:

“L-awtorità kontraenti għandha tannulla l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt meta din [...] tkun irrimedjabbilment ivvizzjata minn irregolarità li tirrendi impossibbli l-konklużjoni ta’ kuntratt pubbliku li ma tkunx ivvizzjata minn kawża għal annullament.”

18      L-Artikolu 1(6) tar-Regolament tal-President tal-Kunsill tal-Ministri, tad-19 ta’ Frar 2013, dwar it-tip ta’ dokumenti meħtieġa, mill-awtorità kontraenti, min-naħa ta’ operatur ekonomiku u dwar il-forma tal-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti (Dz. U. tal-2013, intestatura 231) huwa fformulat b’dan il-mod:

“Jekk, sabiex juri li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 22(1) tal-[Liġi KP], operatur ekonomiku jinvoka l-mezzi ta’ entitajiet oħra skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26(2b) tal-[Liġi KP], l-awtorità kontraenti, sabiex tevalwa jekk l-operatur ekonomiku huwiex ser ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu mezzi ta’ entitajiet oħra sabiex jeżegwixxi l-kuntratt b’mod tajjeb, jew jekk ir-rabta bejn l-operatur ekonomiku u dawn l-entitajiet tiggarantixxix effettivament l-aċċess għal dawn il-mezzi, tista’ teħtieġ:

1)      għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 4 tal-Artikolu 22(1) tal-[Liġi KP], id-dokumenti elenkati fil-paragrafu 1, punti 9 sa 11, kif ukoll dokumenti oħra relatati mal-kapaċità ekonomika u finanzjarja, kif previsti fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt:

2)      dokumenti dwar, b’mod partikolari:

a)      il-portata tal-mezzi ta’ entità li għalihom operatur ekonomiku jista’ jaċċedi,

b)      il-modalitajiet ta’ użu ta’ mezzi ta’ entità oħra mill-operatur ekonomiku sabiex jeżegwixxi l-kuntratt,

c)      in-natura tar-rabta bejn operatur u entità oħra, u

d)      il-portata u t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ entità oħra fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fix-xahar ta’ Diċembru 2013, l-uffiċċju tat-tindif tal-belt ta’ Varsavja fetaħ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku relatat mat-tindif mekkaniku komprensiv tat-toroq tal-belt ta’ Varsavja fix-xitwa u fis-sajf għas-snin mill-2014 sal-2017. It-tindif matul ix-xitwa li huwa s-suġġett ta’ dan il-kuntratt essenzjalment jikkonsisti fil-prevenzjoni u fit-tneħħija tas-silġ permezz ta’ tfigħ ta’ melħ u l-użu ta’ vetturi kbar li jneħħu s-silġ min-nofs tat-triq f’ċerti kategoriji ta’ toroq urbani, filwaqt li t-tindif matul is-sajf jikkonsisti fil-knis u fit-tindif tat-toroq permezz tal-ilma.

20      L-uffiċċju tat-tindif tal-belt ta’ Varsavja għażel li jwettaq proċedura ta’ sejħa għal offerti li kellha tintemm b’irkant elettroniku. Is-suġġett tal-imsemmi kuntratt inqasam fi tmiem partijiet, li jikkorrispondu għal diversi distretti tal-belt ta’ Varsavja, u b’hekk ippermetta li kull offerent jitfa’ offerta għat-totalità tal-istess kuntratt jew jitfa’ offerta parzjali.

21      Hekk kif kien ġie previst fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, sabiex jiġġustifika l-kapaċitajiet tekniċi tiegħu, kull offerent kellu jippreżenta lista tas-servizzi ta’ manutenzjoni ta’ matul ix-xitwa tat-toroq permezz ta’ teknoloġija ta’ tixrid ta’ likwidu pprovduti matul it-tliet snin ta’ qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-offerta. Dawn is-servizzi kellhom ikollhom valur globali minimu ta’ 1 000 000 złot Pollakk (PLN) (madwar EUR 224 442) għal kull waħda mit-tmien partijiet tal-kuntratt inkwistjoni. Konsegwentement, sabiex jitfa’ offerta għat-totalità ta’ dan il-kuntratt, offerent kellu jagħti prova li pprovda servizzi ta’ valur minimu ta’ PLN 8 000 000 (madwar EUR 1 795 537).

22      Wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ sejħa għal offerti fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Partner tefgħet kandidatura għat-totalità tal-imsemmi kuntratt filwaqt li sostniet li, matul it-tliet snin ta’ qabel, hija kienet żgurat il-provvista ta’ erbatax-il servizz, tnax minnhom ipprovduti minnha stess filwaqt li tnejn kienu pprovduti minn PUM sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “PUM”), stabbilita fi Grudziądz (il-Polonja), belt li tinsab madwar 230 km bogħod minn Varsavja.

23      Minbarra dan, mal-offerta tagħha hija hemżet garanzija minn PUM li tgħid li din tal-aħħar kienet se tqiegħed il-kapaċitajiet tagħha għad-dispożizzjoni ta’ Partner b’mod partikolari servizzi ta’ konsulenza li jinkludu, inter alia, taħriġ tal-impjegati ta’ din tal-aħħar kif ukoll għajnuna għar-riżoluzzjoni tal-problemi li jistgħu jinqalgħu matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni. Partner enfasizzat ukoll li, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, din il-kollaborazzjoni kellha tkun irregolata minn kuntratt bejn iż-żewġ impriżi.

24      Fis-26 ta’ Frar 2014, l-uffiċċju tat-tindif tal-belt ta’ Varsavja stieden lil Partner sabiex tippreċiża iktar l-attivitajiet li PUM kienet ser teżerċita u r-rilevanza li dawn l-attivitajiet setgħu jkollhom fuq il-kwalità u l-effikaċità tas-servizzi pprovduti fit-territorju ta’ Varsavja, b’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tad-distanza li tissepara lil Grudziądz minn Varsavja.

25      Peress li ma kienx issodisfatt bir-risposta mogħtija minn Partner u billi qies li l-konoxxenzi u l-esperjenza ta’ PUM ma setgħux jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fin-nuqqas ta’ parteċipazzjoni personali u effettiva tal-imsemmija kumpannija fit-twettiq tal-kuntratt inkwistjoni, l-uffiċċju tat-tindif tal-belt ta’ Varsavja, permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Marzu 2014, talab li Partner sabiex tikkompleta l-fajl tagħha f’dan ir-rigward.

26      Fir-risposta tagħha tat-18 ta’ Marzu 2014, filwaqt li kkontestat l-approċċ adottat mill-uffiċċju tat-tindif tal-belt ta’ Varsavja, Partner talbet li l-offerta tagħha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-għoti ta’ kull waħda mit-tmien partijiet tal-imsemmi kuntratt, skont ċertu ordni ta’ prijorità.

27      L-uffiċċju tat-tindif tal-belt ta’ Varsavja madankollu ċaħad l-offerta ta’ Partner b’mod totali u għalaq il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni wara t-twettiq ta’ irkant elettroniku.

28      Għaldaqstant Partner ressqet appell quddiem il-Krajowa Izba Odwoławcza (awla tal-appell nazzjonali) sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha ġiet eskluża mill-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni kif ukoll ta’ dik li għażlet l-iktar offerta vantaġġuża għad-diversi partijiet ta’ dan il-kuntratt. Barra minn hekk, hija talbet li l-offerti li ntefgħu fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ għoti jiġu eżaminati mill-ġdid u li hija tiġi aċċettata għal irkant elettroniku ġdid.

29      Fil-kuntest ta’ dan l-appell, il-Krajowa Izba Odwoławcza (awla tal-appell nazzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikoli 48(3) u 2 tad-Direttiva [2004/18] jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-frażi “fejn xieraq”, li ssemmi sitwazzjoni li fiha operatur ekonomiku jista’ jikseb il-ħiliet ta’ entitajiet oħrajn, tinkludi kull sitwazzjoni li fiha operatur ekonomiku ma jiddisponix mill-ħiliet mitluba mill-awtorità aġġudikanti u jkun bi ħsiebu jinvoka l-ħiliet korrispondenti ta’ entitajiet oħrajn? L-indikazzjoni li operatur ekonomiku jista’ jinvoka l-ħiliet ta’ entitajiet oħrajn biss “fejn xieraq” hija restrizzjoni li biha operatur jista’ jinvoka dawn il-ħiliet eċċezzjonalment biss u mhux bħala regola ta’ għażla ta’ operatur ekonomiku fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku?

2)      Id-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikoli 48(3) u 2 tad-Direttiva [2004/18] jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-fatt, għal operatur ekonomiku, li jinvoka l-ħiliet relattivi għall-konoxxenzi u għall-esperjenza ta’ entitajiet oħrajn ‘bla rigward għan-natura legali tar-rabtiet li hu jkollu magħhom’ u li ‘jkollu għad-disposizzjoni tiegħu r-riżorsi’ ta’ dawn l-entitajiet jimplika li, fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, l-operatur ma jkunx marbut li jkollu rabtiet ma’ dawn l-entitajiet jew jista’ jkollu rabtiet informali u mhux iddefiniti, b’tali mod li l-imsemmi operatur ikun jista’ jeżegwixxi kuntratt wieħed biss (mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ entità oħra), jew inkella din il-parteċipazzjoni tkun tista’ tieħu l-forma ta’ ‘parir’, ta’ ‘konsultazzjonijiet’, ta’ ‘taħriġ’, eċċ? jew, allura, l-Artikolu 48(3) għandu jiġi interpretat fis-sens li entità li tagħha operatur [ekonomiku] jinvoka l-ħiliet hija marbuta li teżegwixxi realment u personalment kuntratt sa fejn il-ħiliet tagħha jkunu ġew iddikjarati?

3)      Id-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikoli 48(3) u 2 tad-Direttiva [2004/18] jistgħu jiġu interpretati fis-sens li operatur ekonomiku li jiddisponi minn esperjenza tiegħu nnifsu, imma f’livell inqas minn dak li jkun irid jindika lill-awtorità kontraenti (pereżempju, insuffiċjenti biex jissottometti offerta fuq il-partijiet kollha ta’ kuntratt), jista’ jinvoka wkoll il-ħiliet ta’ entitajiet oħra sabiex isaħħaħ s-sitwazzjoni tiegħu fil-proċedura?

4)      Id-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikoli 48(3) u 2 tad-Direttiva [2004/18] jistgħu jiġu interpretati fis-sens li, f’avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet, l-awtorità kontraenti tista’ (jew għandha) tindika r-regoli li meta jsegwihom operatur ekonomiku ikun jista’ jinvoka l-ħiliet ta’ entitajiet oħrajn, pereżempju l-modalitajiet ta’ parteċipazzjoni ta’ entità oħra fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt jew ta’ assoċjazzjoni tal-ħiliet ta’ operatur ekonomiku u ta’ entità oħra jew ukoll jekk entità oħra jkollha tinżamm solidalment responsabbli mal-operatur ekonomiku għat-twettiq konformi tal-kuntratt sa fejn operatur ekonomiku jkun invoka l-ħiliet ta’ din l-entità?

5)      Bis-saħħa tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi li jidhru fl-Artikolu 2 tad-Direttiva [2004/18], wieħed jista’ jinvoka l-ħiliet ta’ entità oħra, kif indikati fl-Artikolu 48(3), b’tali mod li jżid il-ħiliet ta’ żewġ jew iktar entitajiet li, kieku ma jkunx hekk, ma jkollhomx il-ħiliet li jirrigwardaw il-konoxxenzi u l-esperjenza li tkun qed teżiġi l-awtorità kontraenti?

6)      Konsegwentement, bis-saħħa tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi li jidhru fl-Artikolu 2 tad-Direttiva [2004/18], l-Artikoli 44 u 48(3) tad-Direttiva [2004/18] jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni fi proċedura, li timponi awtorità kontraenti, jistgħu jiġu ssodisfatti biss formalment, għall-finijiet tal-parteċipazzjoni fi proċedura, u indipendentement mill-ħiliet reali ta’ operatur ekonomiku?

7)      Bis-saħħa tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi li jidhru fl-Artikolu 2 tad-Direttiva [2004/18], jekk l-awtorità kontraenti tammetti [taċċetta] s-sottomissjoni ta’ offerti dwar il-partijiet ta’ kuntratt, jista’ operatur ekonomiku, wara li jressaq offerta, pereżempju biex jikkompleta jew jikkjarifika xi dokumenti, jiddikjara għal liema partijiet ta’ kuntratt għandhom jiġu attribwiti l-mezzi li jkun invoka u b’hekk juri li jissodisfa l-kundizzjoni ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura?

8)      Il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi li jidhru fl-Artikolu 2 tad-Direttiva [2004/18], u ta’ trasparenza, jawtorizzawhom jannullaw appalt [irkant] u jirrepetu appalt elettroniku [irkant] jekk dan ikun ivvizzjat b’irregolarità rilevanti, pereżempju jekk l-operaturi ekonomiċi kollha li jkunu ppreżentaw offerta ammissibbli ma jkunux ġew mistiedna jagħmlu hekk?

9)      Il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi li jidhru fl-Artikolu 2 tad-Direttiva [2004/18], u ta’ trasparenza, jawtorizzawhom jagħtu kuntratt lil operatur ekonomiku li l-offerta tiegħu tkun intagħżlet fil-ftuħ ta’ tali appalt mingħajr repetizzjoni tiegħu, filwaqt li ma jkunx jista’ jiġi kkonstatat li l-parteċipazzjoni tal-operatur ekonomiku skartat kien biddel ir-riżultat tiegħu?

10)      Il-kontenut tad-dispożizzjonijiet u tal-preambolu tad-Direttiva [2014/24], [j]ista’ [j]intuża, bħala kundizzjoni għall-interpretazzjoni, sabiex jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2004/18], minkejja li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha għadu ma skadiex, u sa fejn hija tindika ċerti approċċi u intenti tal-leġiżlatur tal-Unjoni u [sa fejn] hija ma tmurx kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2004/18]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Dwar l-ewwel, it-tieni, it-tielet, il-ħames u s-sitt domanda

30      Permezz tal-ewwel, it-tieni, it-tielet, il-ħames u s-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex operatur ekonomiku jkun jista’ jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra fis-sens tal-Artikolu 48(3) tad-Direttiva 2004/18 u sabiex jiġu ċċarati l-modalitajiet li skonthom it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-mezzi neċessarji min-naħa ta’ tali entitajiet għandha tikkonkretizza ruħha, u għaldaqstant l-eventwali parteċipazzjoni tagħhom fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni.

31      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, b’mod preliminari għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 44(1) tad-Direttiva 2004/18, hija l-awtorità kontraenti li għandha tivverifika l-adattabbiltà tal-kandidati jew tal-offerenti skont il-kriterji msemmija fl-Artikoli 47 sa 52 ta’ din id-direttiva.

32      Minbarra dan, skont l-Artikolu 44(2) tal-imsemmija direttiva, l-awtorità kontraenti tista’ teżiġi li l-operaturi ekonomiċi jissodisfaw livelli minimi ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja kif ukoll ta’ kapaċitajiet tekniċi u/jew professjonali, skont l-Artikoli 47 u 48 tal-istess direttiva.

33      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18 jagħtu d-dritt lil kull operatur ekonomiku sabiex, għal kuntratt partikolari, jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, irrispettivament min-natura tar-rabtiet li huwa għandu ma’ dawn l-entitajiet, bil-kundizzjoni li huwa jagħti prova lill-awtorità kontraenti li l-kandidat jew l-offerent ser ikollu effettivament għad-dispożizzjoni tiegħu l-mezzi ta’ dawn l-entitajiet li huma neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Swm Costruzioni 2 u Mannocchi Luigino, C-94/12, EU:C:2013:646, punti 29 u 33).

34      Tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan, li d-direttivi f’dan il-qasam ifittxu li jilħqu, li l-kuntratti pubbliċi jkunu miftuħa għall-iktar kompetizzjoni wiesgħa possibbli għall-benefiċċju mhux biss tal-operaturi ekonomiċi, iżda wkoll tal-awtoritajiet kontraenti. Minbarra dan, din hija wkoll ta’ natura li tiffaċilita l-aċċess tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju għall-kuntratti pubbliċi, għan li d-Direttiva 2004/18 tixtieq tilħaq ukoll, kif turi l-premessa 32 tagħha (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Swm Costruzioni 2 u Mannocchi Luigino, C-94/12, EU:C:2013:646, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      Minn dan isegwi li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-importanza li għandu fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, id-dritt stabbilit bl-Artikoli 47(2) u 48(3) tal-imsemmija direttiva jikkostitwixxi regola ġenerali li tagħha l-awtoritajiet kontraenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni meta jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom ta’ verifika tal-adattabbiltà tal-offerent sabiex jeżegwixxi kuntratt partikolari.

36      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-fatt li, skont l-Artikolu 48(3) tad-Direttiva 2004/18, operatur ekonomiku jista’ jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra “fejn xieraq”, ma jistax jiġi interpretat, kif jidher li tissuġġerixxi b’mod partikolari l-qorti tar-rinviju, fis-sens li huwa biss b’mod eċċezzjonali li tali operatur jista’ jirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ entitajiet terzi.

37      Madankollu, fl-ewwel lok għandu jiġi ppreċiżat li minkejja li huwa liberu li jistabbilixxi rabtiet mal-entitajiet li tagħhom jinvoka l-kapaċitajiet u li jagħżel in-natura ġuridika ta’ dawn ir-rabtiet, l-offerent madankollu huwa obbligat jagħti prova li huwa effettivament għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-mezzi tagħhom li ma jappartjenux lilu u li huma neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 1999, Holst Italia, C-176/98, EU:C:1999:593, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Għaldaqstant, b’mod konformi mal-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18, offerent ma jistax jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra sabiex jissodisfa b’mod purament formali l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-awtorità kontraenti.

39      Fit-tieni lok, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diġà, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18 ma jipprekludux li l-eżerċizzju tad-dritt stabbilit bl-Artikoli 47(2) u 48(3) ta’ din id-direttiva jkun limitat f’ċirkustanzi eċċezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Swm Costruzioni 2 u Mannocchi Luigino, C-94/12, EU:C:2013:646, punt 36).

40      Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li jeżistu xogħlijiet li għandhom karatteristiċi li jirrikjedu ċerta kapaċità li ma tistax tinkiseb billi ssir akkumulazzjoni tal-kapaċitajiet inferjuri ta’ diversi operaturi. F’tali ipoteżi, l-awtorità kontraenti għaldaqstant tkun iġġustifikata teħtieġ li l-livell minimu tal-kapaċità kkonċernata tintlaħaq minn operatur ekonomiku uniku jew, fejn xieraq, billi jsir użu minn numru limitat ta’ operaturi ekonomiċi, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18, sa fejn dan ir-rekwiżit ikun marbut u proporzjonat mas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Swm Costruzioni 2 u Mannocchi Luigino, C-94/12, EU:C:2013:646, punt 35).

41      Bl-istess mod, ma jistax ikun eskluż li, f’ċirkustanzi partikolari, fir-rigward tan-natura u tal-għanijiet ta’ kuntratt partikolari, il-kapaċitajiet li jkollha entità terza, u li huma neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt partikolari, ma jkunux jistgħu jiġu trażmessi lill-offerent. Konsegwentement, f’tali ċirkustanzi, l-offerent ikun jista’ jinvoka l-imsemmija kapaċitajiet biss jekk l-entità terza tipparteċipa direttament u personalment fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni.

42      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-kapaċitajiet ta’ PUM jistgħux jiġu trażmessi lil Partner b’mod validu, fis-sens li dawn jistgħu jwasslu għal tqegħid għad-dispożizzjoni tal-mezzi neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod konformi mal-kliem tal-Artikolu 48(3) tad-Direttiva 2004/18, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li tali tqegħid għad-dispożizzjoni jikkonkretizza ruħu bis-sempliċi eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ konsulenza u ta’ taħriġ, fl-assenza ta’ kwalunkwe parteċipazzjoni diretta ta’ PUM fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, deskritt fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, għandha bħala suġġett it-tindif mekkaniku komprensiv tat-toroq tal-belt ta’ Varsavja, kemm matul ix-xitwa kif ukoll matul is-sajf, għal erba’ snin konsekuttivi.

44      Fir-rigward, b’mod partikolari, tat-tindif matul ix-xitwa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-provvista teħtieġ kompetenzi speċifiċi kif ukoll konoxxenza fil-fond tat-tipografija tal-belt ta’ Varsavja u, fuq kollox, teħtieġ kapaċità ta’ reazzjoni immedjata sabiex, f’tul ta’ ħin preċiż, jintlaħaq ċertu livell ta’ tindif tat-toroq.

45      Barra minn hekk, l-imsemmija provvista tibbaża fuq l-użu ta’ teknoloġija partikolari li teħtieġ livell ta’ esperjenza u kapaċità elevata fl-użu ta’ din it-teknoloġija li hija biss tippermetti li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi eżegwit b’mod xieraq, filwaqt li jiġu evitati konsegwenzi perikolużi għat-traffiku fit-toroq.

46      F’dawn il-kundizzjonijiet, it-twettiq konkret ta’ tali kuntratt jeħtieġ l-intervent ta’ persunal esperjenzat li, permezz ta’, b’mod partikolari, osservazzjonijiet diretti tal-istat tal-wiċċ tat-toroq kif ukoll permezz ta’ stħarriġ imwettaq fuq il-post, ikun jista’ jiġi antiċipat jew, fi kwalunkwe każ, wieħed ikun jista’ jirrispondi b’mod xieraq għall-bżonnijiet speċifiċi ta’ dan il-kuntratt.

47      Issa, b’teħid inkunsiderazzjoni tas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll tal-għanijiet tiegħu, ma jistax jiġi eskluż li l-parteċipazzjoni prevista ta’ PUM, li tikkonsisti fis-sempliċi twettiq ta’ attivitajiet ta’ konsulenza u ta’ taħriġ, ma tistax titqies bħala suffiċjenti sabiex tiggarantixxi lil Partner it-tqegħid għad-dispożizzjoni effettiv tal-mezzi neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 33 ta’ din is-sentenza. Dan huwa iktar u iktar iġġustifikat mill-fatt li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, is-sede ta’ PUM tinsab fil-belt ta’ Grudziądz, jiġifieri madwar 230 km bogħod minn Varsavja.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi konkreti kollha tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha tiddetermina jekk tali tqegħid għad-dispożizzjoni jistax jitwettaq b’mod li jissodisfa r-rekwiżiti imposti mill-imsemmija ġurisprudenza.

49      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel, it-tieni, it-tielet, il-ħames u s-sitt domanda għandha tkun li l-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18, moqrija flimkien mal-Artikolu 44(2) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        huma jirrikonoxxu d-dritt ta’ kull operatur ekonomiku sabiex, għal kuntratt partikolari, jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, irrispettivament min-natura tar-rabtiet li huwa għandu ma’ dawn l-entitajiet, bil-kundizzjoni li huwa jagħti prova lill-awtorità kontraenti li l-kandidat jew l-offerent ser ikollu effettivament għad-dispożizzjoni tiegħu l-mezzi tal-imsemmija entitajiet li huma neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt;

–        ma huwiex eskluż li l-eżerċizzju tal-imsemmi dritt jista’ jkun limitat, f’ċirkustanzi partikolari, fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt ikkonċernat kif ukoll tal-għanijiet tiegħu. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-kapaċitajiet li jkollha entità terza, u li huma neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, ma jkunux jistgħu jiġu trażmessi lill-kandidat jew lill-offerent, b’mod li dan tal-aħħar ikun jista’ jinvoka l-imsemmija kapaċitajiet biss jekk din l-entità terza tipparteċipa b’mod dirett u personali fl-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt.

 Fuq ir-raba’ domanda

50      Permezz tar-raba’ domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 48(2) u (3) tad-Direttiva 2004/18 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kontraenti għandha l-possibbiltà li tindika b’mod espress, fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, regoli preċiżi li fid-dawl tagħhom operatur ekonomiku jista’ jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħrajn.

51      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda għandu jitfakkar li, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 33 u 49 tas-sentenza preżenti, l-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18 jirrikonoxxu d-dritt lil kull operatur ekonomiku li jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, bil-kundizzjoni li huwa jagħti prova lill-awtorità kontraenti li l-kandidat jew l-offerent ser ikollu effettivament għad-dispożizzjoni tiegħu l-mezzi ta’ dawn l-entitajiet li huma neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ikkonċernat.

52      Għal dan l-għan, minkejja li l-offerent għandu jagħti prova li huwa effettivament għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-mezzi tagħhom, li ma jappartjenux lilu u li huma neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt partikolari, madankollu huwa liberu jagħżel, minn naħa, in-natura ġuridika tar-rabtiet li huwa għandu l-intenzjoni jistabbilixxi mal-entitajiet l-oħra li tagħhom invoka l-kapaċitajiet għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt u, min-naħa l-oħra, il-modalità ta’ prova tal-eżistenza ta’ dawn ir-rabtiet (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2016, Ostas celtnieks, C-234/14, EU:C:2016:6, punt 28).

53      Għaldaqstant, bħala prinċipju l-awtorità kontraenti ma tistax timponi kundizzjonijiet espressi li jistgħu jxekklu l-eżerċizzju tad-dritt ta’ kwalunkwe operatur ekonomiku li jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra b’mod partikolari billi jindika bil-quddiem il-modalitajiet konkreti li skonthom il-kapaċitajiet ta’ dawn l-entitajiet l-oħra jistgħu jiġu invokati. Din il-konstatazzjoni hija iktar u iktar neċessarja, fil-prattika, kif ġustament tirreleva l-Kummissjoni Ewropea, għaliex jidher diffiċli u saħansitra impossibbli għall-operatur ekonomiku li jipprevedi, a priori, ix-xenarji kollha, li wieħed jista’ jaħseb fihom bil-quddiem, ta’ użu tal-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra.

54      Madankollu, hekk kif ġie rrikonoxxut fl-ewwel, it-tieni, it-tielet, il-ħames u s-sitt domanda, fir-rigward tas-suġġett tal-kuntratt ikkonċernat kif ukoll fir-rigward tal-għanijiet tiegħu, l-eżerċizzju ta’ tali dritt jista’ jkun limitat f’ċirkustanzi partikolari, bħal dawk imsemmija fil-punti 39 sa 41 tas-sentenza preżenti.

55      Issa, f’tali ċirkustanzi, qabelxejn ma jistax jiġi eskluż li l-awtorità kontraenti tista’, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni korretta tal-kuntratt inkwistjoni, tindika b’mod espress, fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, regoli preċiżi li jippermettu lil operatur ekonomiku li jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra.

56      Madankollu, meta l-awtorità kontraenti tiddeċiedi li tirrikorri għal tali possibbiltà, din ikollha tiżgura li r-regoli li hija tistabbilixxi jkunu marbuta u proporzjonati mas-suġġett u mal-għanijiet tal-imsemmi kuntratt.

57      Tali ħtieġa barra minn hekk tippermetti li tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju ta’ trasparenza fir-rigward tar-regoli applikati mill-awtorità kontraenti, filwaqt li tħalli l-possibbiltà għall-operaturi ekonomiċi li jipproponu lill-awtorità kontraenti modalitajiet alternattivi ta’ użu mill-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra li jiggarantixxu li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-imsemmija kapaċitajiet ikun effettiv.

58      Konsegwentement, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 48(2) u (3) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tas-suġġett ta’ kuntratt partikolari kif ukoll fir-rigward tal-għanijiet tiegħu, l-awtorità kontraenti tista, f’ċirkustanzi partikolari, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni korretta ta’ dan il-kuntratt, tindika b’mod espress, fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, regoli preċiżi li skonthom operatur ekonomiku jista’ jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, sa fejn dawn ir-regoli jkunu marbuta u proporzjonati mas-suġġett u mal-għanijiet tal-imsemmi kuntratt.

 Fuq is-seba’ domanda

59      Permezz tas-seba’ domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi, imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu li awtorità kontraenti, wara l-ftuħ tal-offerti mitfugħa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, taċċetta t-talba ta’ operatur ekonomiku, li jkun tefa’ offerta għat-totalità tal-kuntratt inkwistjoni, sabiex l-offerta tiegħu teħodha inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-għoti ta’ ċerti partijiet biss ta’ dan il-kuntratt.

60      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda għandu jitfakkar li, skont il-premessa 46 u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, l-awtoritajiet kontraenti huma obbligati jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi b’mod ugwali, b’mod nondiskriminatorju u trasparenti.

61      Fil-fatt, minn naħa, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ nondiskriminazzjoni jimponu li l-offerenti jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tat-termini tal-offerti tagħhom u għaldaqstant jimplikaw li dawn l-offerti jkunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet għall-offerenti kollha. Min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ trasparenza għandu bħala għan li jiggarantixxi l-assenza ta’ riskju ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti. Dan l-obbligu jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt kollha jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku, fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, b’mod, l-ewwel nett, li jippermetti lill-offerenti raġonevolment informati u normalment diliġenti kollha li jifhmu l-portata eżatta tagħhom u li jinterpretawhom bl-istess mod u, it-tieni nett, li jqiegħed lill-awtorità kontraenti f’pożizzjoni li tivverifika effettivament jekk l-offerti tal-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2014, Cartiera dell’Adda, C-42/13, EU:C:2014:2345, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Barra minn hekk, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza jipprekludu negozjati bejn l-awtorità kontraenti u offerent fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, u dan jimplika li, bħala prinċipju, offerta ma tistax tiġi emendata wara li tintefa’, sew jekk dan ikun fuq l-inizjattiva tal-awtorità kontraenti jew fuq dik tal-offerent. Minn dan isegwi li l-awtorità kontraenti ma tistax titlob kjarifiki mingħand offerent li hija tqis li l-offerta tiegħu hija impreċiża jew li ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tekniċi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Manova, C-336/12, EU:C:2013:647, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ppreċiżat li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 ma jipprekludix il-possibbiltà li d-data dwar l-offerta tiġi kkoreġuta jew ikkompletata fuq punti speċifiċi, b’mod partikolari għaliex ikun evidenti li teħtieġ sempliċi kjarifika, jew sabiex jiġu kkoreġuti żbalji materjali manifesti (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Manova, C-336/12, EU:C:2013:647, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Għal dan il-għan, hija l-awtorità kontraenti li għandha tiżgura, b’mod partikolari, li t-talba għal kjarifika ta’ offerta ma twassalx għall-preżentazzjoni, mill-offerent ikkonċernat, ta’ dik li fir-realtà tkun tidher li hija offerta ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Manova, C-336/12, EU:C:2013:647, punt 36).

65      Barra minn hekk, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li għandha f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li titlob lill-kandidati jiċċaraw l-offerta tagħhom, l-awtorità kontraenti għandha tittratta lill-kandidati b’mod ugwali u leali, b’mod li talba għal kjarifika ma tkunx tista’ tidher, fi tmiem il-proċedura għall-għażla tal-offerti jew fid-dawl tar-riżultat ta’ din l-għażla, bħala li tkun ivvantaġġjat jew żvantaġġjat indebitament lill-kandidat jew lill-kandidati li kien jew li kienu s-suġġett ta’ din it-talba (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Manova, C-336/12, EU:C:2013:647, punt 37).

66      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-uffiċċju tat-tindif tal-belt ta’ Varsavja, billi kellha dubji dwar il-punt ta’ jekk Partner kellhiex il-mezzi neċessarji sabiex teżegwixxi l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, stiednet lil-imsemmija kumpannija, wara l-preżentata tal-offerta tagħha, sabiex tispeċifika n-natura tal-parteċipazzjoni ta’ PUM fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

67      Bi tweġiba għat-talba għal kjarifika, Partner talbet lill-uffiċċju tat-tindif tal-belt tal-Varsavja, għall-każ fejn huwa kellu jqis li l-esperjenza murija kienet insuffiċjenti, sabiex il-mezzi li hija kienet semmiet jattribwixxihom għal kull waħda mit-tmien partijiet tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont ċertu ordni ta’ prijorità, b’mod li ċ-ċaħda eventwali tkun tirrigwarda mhux it-totalità ta’ dan il-kuntratt, iżda biss il-lottijiet li għalihom hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet mitluba.

68      Issa, huwa paċifiku li tali komunikazzjoni, li permezz tagħha operatur ekonomiku jindika lill-awtorità kontraenti, wara l-ftuħ tal-offerti, l-ordni ta’ prijorità tal-partijiet tal-kuntratt ikkonċernat li skontha l-offerta tagħha għandha tiġi evalwata, tirrappreżenta xi ħaġa differenti ħafna minn sempliċi kjarifika fuq punt partikolari jew korrezzjoni ta’ żbalji materjali manifesti, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, u fir-realtà tikkostitwixxi modifika essenzjali li pjuttost tixbah il-preżentazzjoni ta’ offerta ġdida.

69      Minn dan isegwi li awtorità kontraenti ma tistax tippermetti lil operatur ekonomiku jippreċiża b’dan il-mod l-offerta inizjali tiegħu taħt piena li jinkisru l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, li għalihom l-awtoritajiet kontraenti huma suġġetti skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2014, Cartiera dell’Adda, C-42/13, EU:C:2014:2345, punt 43).

70      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-risposta għas-seba’ domanda għandha tkun li l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi, imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, huma jipprekludu li awtorità kontraenti, wara l-ftuħ tal-offerti mitfugħa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, taċċetta t-talba ta’ operatur ekonomiku, li jkun tefa’ offerta għat-totalità tal-kuntratt inkwistjoni, sabiex l-offerta tiegħu teħodha inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-għoti ta’ ċerti partijiet biss ta’ dan il-kuntratt.

 Fuq it-tmien u d-disa’ domanda

71      Permezz tat-tmien u tad-disa’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi, imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jeżiġu l-annullament u r-repetizzjoni tal-irkant elettroniku li, għall-parteċipazzjoni fih, operatur ekonomiku li jkun tefa’ offerta ammissibbli ma ġiex mistieden, u dan anki jekk ma jistax jiġi kkonstatat li l-parteċipazzjoni tal-operatur eskluż kienet tibdel ir-riżultat tal-irkant.

72      Skont il-premessa 14 u l-Artikolu 1(7) tad-Direttiva 2004/18, l-użu tal-irkanti elettroniċi jippermetti lill-awtoritajiet kontraenti, wara evalwazzjoni inizjali kompluta tal-offerti, sabiex jitolbu lill-offerenti jippreżentaw prezzijiet ġodda rriveduti ’l isfel u, meta l-kuntratt jingħata lill-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, ukoll sabiex itejbu elementi tal-offerti li ma humiex il-prezz.

73      Fil-kuntest ta’ tali proċedura, hekk kif issemmi l-imsemmija premessa, id-Direttiva 2004/18 teħtieġ espressament li l-irkanti elettroniċi jiżvolġu bl-osservanza sħiħa tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza.

74      Għal dan l-għan, minn naħa, l-Artikolu 54(4) tad-Direttiva 2004/18 jipprevedi d-dritt ta’ kull offerent li jkun tefa’ offerta ammissibbli sabiex jiġi mistieden jipparteċipa fl-irkant elettroniku sabiex jippreżenta prezzijiet ġodda u/jew valuri ġodda.

75      Min-naħa l-oħra, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(8) tal-istess direttiva jimponi b’mod espliċitu fuq l-awtoritajiet kontraenti, meta huma jiddeċiedu li jorganizzaw irkant elettroniku, sabiex ma jagħmlux użu minn tali proċedura b’mod abbużiv jew b’mod li jxekkel, jirrestrinġi jew ifixkel il-kompetizzjoni jew b’mod li jbiddel is-suġġett tal-kuntratt, kif tkun saret sejħa għal offerti għalih permezz tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt u ddefinit fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

76      Minn dan isegwi li, meta offerent jitfa’ offerta ammissibbli u b’hekk ikun jissodisfa l-kriterji msemmija fl-avviż tal-kuntratt, tkun l-awtorità kontraenti, b’mod konformi mal-Artikolu 54(4) tad-Direttiva 2004/18, li jkollha tiżgura l-eżerċizzju tad-dritt ta’ dan l-offerent sabiex jipparteċipa, jekk ikun xieraq, fl-irkant elettroniku.

77      Konsegwentement, meta tali offerent ma jiġix mistieden sabiex jieħu sehem fl-imsemmi rkant, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, jimponu fuq l-awtorità kontraenti li tannulla u tirrepeti tali rkant.

78      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li wieħed għandu jasal għal din il-konklużjoni indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-parteċipazzjoni tal-operatur eskluż kinitx tibdel ir-riżultat tal-irkant inkwistjoni.

79      Fil-fatt, l-eżerċizzju tad-dritt tal-offerent li jipparteċipa f’irkant elettroniku bl-ebda mod ma jista’ jkun suġġett għar-riżultat irrakkomandat tiegħu u għaldaqstant ma jistax jiġi eskluż minn qabel minħabba kunsiderazzjonijiet ipotetiċi min-naħa tal-awtorità kontraenti.

80      Fi kliem ieħor, hekk kif tirrileva anki l-Krajowa Izba Odwoławcza (awla tal-appell nazzjonali) fid-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha, ma huwiex possibbli li, a priori, jiġi eskluż li l-operatur ekonomiku li ma jkunx ġie aċċettat sabiex jipparteċipa fl-irkant elettroniku kien ser jitfa’ l-iktar offerta vantaġġuża, b’mod li l-iżball imwettaq mill-awtorità kontraenti neċessarjament iwassal għall-annullament u għar-repetizzjoni tal-irkant.

81      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tmien u d-disa’ domanda għandha tkun li l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi, imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jeżiġu l-annullament u r-repetizzjoni ta’ rkant elettroniku li, għall-parteċipazzjoni fih, operatur ekonomiku li jkun tefa’ offerta ammissibbli ma ġiex mistieden, u dan anki jekk ma jistax jiġi kkonstatat li l-parteċipazzjoni tal-operatur eskluż kienet tibdel ir-riżultat tal-irkant.

 Fuq l-għaxar domanda

82      Permezz tal-għaxar domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18 jistgħux jiġu interpretati fid-dawl ta’ dawk tad-Direttiva 2014/24, u dan minkejja li t-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar għadu ma skadiex u sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħha ma jmorrux kontra dawk tad-Direttiva 2004/18.

83      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, preliminarjament għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, bħala prinċipju d-direttiva applikabbli hija dik li tkun fis-seħħ fil-mument li fih l-awtorità kontraenti tagħżel it-tip ta’ proċedura li għandha ssegwi u tiddeċiedi b’mod definittiv il-kwistjoni ta’ jekk hemmx obbligu jew le li ssir sejħa għal offerti qabel l-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Min-naħa l-oħra, huma inapplikabbli d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha skada wara dan il-mument (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Fil-kawża prinċipali, il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt inkwistjoni ġiet ippubblikata fl-24 ta’ Diċembru 2013 filwaqt li d-Direttiva 2014/24 ġiet adottata biss fis-26 ta’ Frar 2014 u, fi kwalunkwe każ, it-terminu għat-traspożizzjoni tagħha ser jiskadi, skont l-Artikolu 90 tagħha, fit-18 ta’ April 2016.

85      F’dawn il-kundizzjonijiet, id-Direttiva 2014/24 ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.

86      Minbarra dan, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 li, hekk kif jirriżulta mit-titolu tagħha stess, tħassar id-Direttiva 2004/18, qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha, ixxekkel lill-Istati Membri, bħalma xxekkel lill-awtoritajiet kontraenti u lill-operaturi ekonomiċi, milli jibbenefikaw minn żmien suffiċjenti sabiex jadattaw ruħhom għad-dispożizzjonijiet il-ġodda introdotti minnha.

87      B’dan imfakkar, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, permezz tad-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju b’mod partikolari tfittex li ssir taf jekk l-Artikolu 48(3) tad-Direttiva 2004/18, li jirrikonoxxi d-dritt ta’ kull operatur ekonomiku li, għal kuntratt partikolari, jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, għandux jiġi interpretat b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut tal-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24, li jikkostitwixxi d-dispożizzjoni li tikkorrispondi għall-imsemmi Artikolu 48.

88      F’dan ir-rigward għandu jiġu osservat, bħalma għamlet il-qorti tar-rinviju, li l-Artikolu 48(3) tad-Direttiva 2004/18 hija fformulata bi kliem ġeneriku u ma jindikax b’mod espress il-modalitajiet li skonthom operatur ekonomiku jista’ jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

89      Għall-kuntrarju, l-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24 issa jipprevedi li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jiddependu “biss fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra meta dawn tal-aħħar ser iwettqu l-ħidmiet jew is-servizzi li għalihom huma meħtieġa dawn il-kapaċitajiet”.

90      Issa, minkejja li huwa minnu li, hekk kif tistabbilixxi, b’mod partikolari, il-premessa 2 tagħha, id-Direttiva 2014/24 hija intiża sabiex tiċċara ċerti ideat u kunċetti fundamentali sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u sabiex jiġu inkorporati ċerti aspetti tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 63 ta’ din id-direttiva jġib miegħu ċerti modifiki essenzjali fir-rigward tad-dritt li operatur ekonomiku għandu sabiex jirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku.

91      Fil-fatt, lil hinn milli jipprovdi kontinwità għall-Artikolu 48(3) tad-Direttiva 200/18 u milli jiċċara l-portata tiegħu, l-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24 jintroduċi kundizzjonijiet ġodda li ma kinux previsti bis-sistema ġuridika preċedenti.

92      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-imsemmija dispożizzjoni tad-Direttiva 2014/24 ma tistax tintuża bħala kriterju għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 48(3) tad-Direttiva 2004/18 peress li, f’dan il-każ, ma hijiex kwistjoni li jitneħħa dubju ta’ interpretazzjoni dwar il-kontenut ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

93      Approċċ differenti jirriskja li b’xi mod, bi żball, tiġi antiċipata l-applikazzjoni ta’ sistema ġuridika ġdida, distinta minn dik prevista bid-Direttiva 2004/18, u tkun manifestament kuntrarja għall-prinċipju ta’ ċertezza legali tal-operaturi ekonomiċi, prinċipju li d-Direttiva 2014/24, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 2 tagħha, barra minn hekk hija intiża li b’mod espress tiżgura l-osservanza tiegħu.

94      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-għaxar domanda għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48(3) tad-Direttiva ma jistgħux jiġu interpretati fid-dawl ta’ dawk tal-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24.

 Fuq l-ispejjeż

95      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], moqrija flimkien mal-Artikolu 44(2) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        huma jirrikonoxxu d-dritt ta’ kull operatur ekonomiku sabiex, għal kuntratt partikolari, jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, irrispettivament min-natura tar-rabtiet li huwa għandu ma’ dawn l-entitajiet, bil-kundizzjoni li huwa jagħti prova lill-awtorità kontraenti li l-kandidat jew l-offerent ser ikollu effettivament għad-dispożizzjoni tiegħu l-mezzi tal-imsemmija entitajiet li huma neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, u

–        ma huwiex eskluż li l-eżerċizzju tal-imsemmi dritt jista’ jkun limitat, f’ċirkustanzi partikolari, fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt ikkonċernat kif ukoll tal-għanijiet tiegħu. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-kapaċitajiet li jkollha entità terza, u li huma neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, ma jkunux jistgħu jiġu trażmessi lill-kandidat jew lill-offerent, b’mod li dan tal-aħħar ikun jista’ jinvoka l-imsemmija kapaċitajiet biss jekk din l-entità terza tipparteċipa b’mod dirett u personali fl-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt.

2)      L-Artikolu 48(2) u (3) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tas-suġġett ta’ kuntratt partikolari kif ukoll fir-rigward tal-għanijiet tiegħu, l-awtorità kontraenti tista, f’ċirkustanzi partikolari, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni korretta ta’ dan il-kuntratt, tindika b’mod espress, fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, regoli preċiżi li skonthom operatur ekonomiku jista’ jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, sa fejn dawn ir-regoli jkunu marbuta u proporzjonati mas-suġġett u mal-għanijiet tal-imsemmi kuntratt.

3)      Il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi, imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, huma jipprekludu li awtorità kontraenti, wara l-ftuħ tal-offerti mitfugħa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, taċċetta t-talba ta’ operatur ekonomiku, li jkun tefa’ offerta għat-totalità tal-kuntratt inkwistjoni, sabiex l-offerta tiegħu teħodha inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-għoti ta’ ċerti partijiet biss ta’ dan il-kuntratt.

4)      Il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi, imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jeżiġu l-annullament u r-repetizzjoni ta’ rkant elettroniku li, għall-parteċipazzjoni fih, operatur ekonomiku li jkun tefa’ offerta ammissibbli ma ġiex mistieden, u dan anki jekk ma jistax jiġi kkonstatat li l-parteċipazzjoni tal-operatur eskluż kienet tibdel ir-riżultat tal-irkant.

5)      F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48(3) tad-Direttiva 2004/18 ma jistgħux jiġu interpretati fid-dawl ta’ dawk tal-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.