Language of document : ECLI:EU:C:2016:701

Kawżi magħquda C-8/15 P sa C-10/15 P

Ledra Advertising Ltd et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

u

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Appell – Programm ta’ sostenn għall-istabbiltà tar-Repubblika ta’ Ċipru – Memorandum ta’ qbil tas-26 ta’ April 2013 dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ politika ekonomika, konkluż bejn ir-Repubblika ta’ Ċipru u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) – Funzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Bank Ċentrali Ewropew – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea – It‑tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE – Kundizzjonijiet – Obbligu li tiġi żgurata l-kompatibbiltà ta’ dan il-memorandum ta’ qbil mad-dritt tal-Unjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-20 ta’ Settembru 2016

1.        Appell – Aggravji – Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u tal-argumenti mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali – Assenza ta’ identifikazzjoni tal-iżball ta’ liġi invokat – Inammissibbiltà – Kontestazzjoni tal-interpretazzjoni jew tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali – Ammissibbiltà

(Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 168(1)(d) u 169(2))

2.        Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi – Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà – Konklużjoni ta’ memorandum ta’ qbil ma’ Stat Membru – Imputazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew – Esklużjoni

(Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, Artikolu 13(3))

3.        Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi – Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà – Għoti ta’ kompiti ġodda lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew – Assenza ta’ effett fuq il-kompetenzi mogħtija mit-Trattati UE u FUE lil dawn l-istituzzjonijiet – Possibbiltà li n-natura illegali tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija kompiti tiġi invokata fil-kuntest ta’ rikors għad-danni

(Artikolu 17(1) TUE; Artikoli 263 TFUE u 268 TFUE, u t-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 340 TFUE; Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, Artikolu 13(3) u (4))

4.        Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi – Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà – Konklużjoni ta’ memorandum ta’ qbil ma’ Stat Membru – Obbligu tal-Kummissjoni li tiżgura li l-memorandum ikun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni

(Artikolu 17(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, Artikolu 13(3) u (4))

5.        Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi – Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà – Konklużjoni ta’ memorandum ta’ qbil li jipprevedi l-konverżjoni ta’ depożiti mhux assigurati ta’ bank nazzjonali f’azzjonijiet u l-iffriżar temporanju ta’ depożiti oħra mhux assigurati ta’ dan il-bank – Restrizzjoni mhux ġustifikata tad-dritt għall-proprjetà tad-depożitanti – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 17(1); Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, Artikolu 12)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 34-38)

2.      Parteċipazzjoni mill-Kummissjoni u mill-Bank Ċentrali Ewropew, kif prevista fl-Artikolu 13(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, fil-proċedura li twassal għall-iffirmar ta’ memorandum ta’ qbil ma’ Stat Membru ma tippermettix il-klassifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar bħala att li huwa imputabbli lilhom. Fil-fatt, il-funzjonijiet mogħtija lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew fil-kuntest tal-imsemmi trattat, importanti kemm huma importanti, ma jinkludu l-ebda setgħa deċiżjonali proprja. Barra minn hekk, l-attivitajiet eżerċitati minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet fil-kuntest tal-istess trattat jorbtu biss lill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà.

(ara l-punti 52, 53)

3.      Il-fatt li istituzzjoni waħda jew iktar tal-Unjoni jista’ jkollha ċertu rwol fil-kuntest tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà ma jibdilx in-natura tal-atti ta’ dan tal-aħħar, li ma jaqgħux fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Madankollu, għalkemm tali konstatazzjoni tista’ taffettwa l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament li jista’ jiġi ppreżentat fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, din il-konstatazzjoni ma hijiex ta’ natura li tipprekludi l-invokazzjoni, fil-konfront tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew, ta’ aġir illegali marbut, jekk ikun il-każ, mal-adozzjoni ta’ memorandum ta’ qbil f’isem il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni skont l-Artikolu 268 TFUE u skont it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 340 TFUE.

F’dan ir-rigward, il-kompiti mogħtija lill-Kummissjoni mit-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà jobbligawha, kif jipprevedi l-Artikolu 13(3) u (4) ta’ dan it-trattat, tiżgura l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-memorandums ta’ qbil konklużi mill-imsemmi mekkaniżmu. Għaldaqstant, din l-istituzzjoni żżomm, fil-kuntest tal-imsemmi trattat, ir-rwol tagħha ta’ gwardjan tat-Trattati, kif jirriżulta mill-Artikolu 17(1) TUE, b’tali mod li hija jkollha tastjeni milli tiffirma memorandum ta’ qbil li jkollha dubju fir-rigward tal-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punti 54, 55, 58, 59)

4.      Għalkemm huwa minnu li l-Istati Membri ma jimplementawx id-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tat-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, b’tali mod li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma tapplikax għalihom f’dan il-kuntest, il-Karta, min-naħa l-oħra, tapplika għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluż meta jaġixxu barra mill-qafas legali tal-Unjoni. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ memorandum ta’ qbil konkluż bejn il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u Stat Membru, il-Kummissjoni hija meħtieġa, kemm taħt l-Artikolu 17(1) TUE, li jagħtiha l-missjoni ġenerali li tissorvelja l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u kemm taħt l-Artikolu 13(3) u (4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-imsemmi mekkaniżmu, li jobbligaha tiżgura l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-memorandums ta’ qbil konklużi mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, tiżgura li tali memorandum ta’ qbil ikun kompatibbli mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta.

(ara l-punt 67)

5.      Fir-rigward ta’ memorandum ta’ qbil iffirmat minn Stat Membru u mill-Kummissjoni f’isem il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, fid-dawl tal-għan ta’ interess ġenerali tiegħu li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja fiż-żona tal-euro, u fid-dawl tar-riskju imminenti ta’ telf finanzjarju li għalih kienu ser jiġu esposti d-depożitanti fil-banek tal-Istat Membru kkonċernati fil-każ ta’ falliment ta’ dawn tal-aħħar, miżuri li jipprevedu b’mod partikolari l-integrazzjoni, f’bank ċentrali nazzjonali, tad-depożiti assigurati ta’ bank nazzjonali, il-konverżjoni tad-depożiti mhux assigurati tal-bank ċentrali nazzjonali f’azzjonijiet, bi dritt ta’ vot sħiħ u bi drittijiet għad-dividendi, kif ukoll l-iffriżar temporanju ta’ parti oħra minn dawn id-depożiti mhux assigurati, ma jikkostitwixxux intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-essenza stess tad-dritt għall-proprjetà tad-depożitanti. Għaldaqstant, dawn il-miżuri ma jistgħux jitqiesu li huma restrizzjonijiet mhux ġustifikati għal dan id-dritt iggarantit mill-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(ara l-punti 71, 73-75)