Language of document : ECLI:EU:T:2016:508

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

16 ta’ Settembru 2016 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista tal-persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent – Obbligu ta’ motivazzjoni – Bażi legali – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Użu ħażin ta’ poter – Nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji ta’ inklużjoni fil-lista – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Dritt għall-proprjetà”

Fil-Kawża T‑348/14,

Oleksandr Viktorovych Yanukovych, residenti f’Donetsk (l-Ukraina), irrappreżentat minn T. Beazley, P. Saini, S. Fatima, QC, J. Hage, K. Howard, barristers, u C. Kennedy, solicitor,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn E. Finnegan u J.‑P. Hix, sussegwentement minn M.  Hix u P. Mahnič Bruni, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Bartelt u D. Gauci, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, l-ewwel nett tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal‑5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 26), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2015, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 1), kif emendati, rispettivament, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/216/PESK, tal-14 ta’ April 2014, li timplimenta d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2014, L 111, p. 91) u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 381/2014, tal-14 ta’ April 2014, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2014, L 111, p. 33), it-tieni nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/143, tad-29 ta’ Jannar 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK (ĠU 2015, L 24, p. 16), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/138, tad-29 ta’ Jannar 2015, li jemenda r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 24, p. 1), u, it-tielet nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/364, tal-5 ta’ Marzu 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2015, L 62, p. 25), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/357, tal-5 ta’ Marzu 2015, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 62, p. 1), sa fejn isem ir-rikorrent ġie inkluż jew inżamm fil-lista tal-persuni, entitajiet u korpi li għalihom għandhom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn G. Berardis (Relatur), President, O. Czúcz, I. Pelikánová, A. Popescu u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad-29 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, Oleksandr Viktorovych Yanukovych, huwa negozjant, iben l-ex President tal-Ukraina, Viktor Fedorovych Yanukovych.

2        Din il-kawża tidħol fil-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina wara r-repressjoni tal-manifestazzjonijiet tal-Pjazza tal-Indipendenza fi Kiev (l-Ukraina) fi Frar 2014.

3        Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2014/119/PESK, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014 L 66, p. 26). Fl-istess data, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi kontra ċerti persuni, ċerti entitajiet u ċerti korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014 L 66, p. 1).

4        Il-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2014/119 tispeċifika:

“Fit-3 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill qabel biex jiffoka miżuri restrittivi fuq l-iffriżar u rkupru ta’ assi ta’ persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan tal-konsolidazzjoni u s-sostenn tal-[I]stat ta’ dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina.”

5        L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2014/119 jipprovdi:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati mill-persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness [kif ukoll il-fondi u r-riżorsi kollha li dawn il-persuni, entitajiet jew korpi jipposjedu], għandhom jiġu ffriżati.

2.      L-ebda fond jew riżors ekonomiku ma għandu jsir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’, persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew entitajiet elenkati fl-Anness.”

6        Il-modalitajiet għal dan l-iffriżar ta’ fondi huma ddefiniti fil-paragrafi sussegwenti ta’ dan l-istess artikolu.

7        Konformement mad-Deċiżjoni 2014/119, ir-Regolament Nru 208/2014 jimponi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u jiddefinixxi l-modalitajiet għal dan l-iffriżar f’termini identiċi, essenzjalment, għal dawk tal-imsemmija deċiżjoni.

8        L-ismijiet tal-persuni msemmija mid-Deċiżjoni 2014/119 u mir-Regolament Nru 208/2014 (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2014”) jidhru fil-lista, identika, li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/119 u fl-Anness I għar-Regolament Nru 208/2014 (iktar ’il quddiem il-“lista”) flimkien, b’mod partikolari, mal-motivazzjoni għall-inklużjoni tagħhom.

9        L-isem tar-rikorrrent ġie inkluż fil-lista flimkien mal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “iben l-ex-President [Yanukovych], negozjant” u l-motivazzjoni li ġejja:

“Persuna soġġetta għal investigazzjoni fl-Ukraina dwar involviment f’reati b’rabta mal-approprjazzjoni indebita ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u t-trasferiment illegali tagħhom barra l-Ukraina.”

10      Fis-6 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-Avviż għall-attenzjoni tal-persuni soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti [mill-atti ta’ Marzu 2014] (ĠU 2014, C 66, p. 1). Skont dan l-avviż, “[i]l-persuni kkonċernati jistgħu jibagħtu talba lill-Kunsill, flimkien ma’ dokumentazzjoni ta’ sostenn, biex id-deċiżjoni li huma jiġu inklużi fil-lista msemmija iktar ’il fuq terġa’ tiġi kkunsidrata [...]”.

11      Id-Deċiżjoni 2014/119 u r-Regolament Nru 208/2014 ġew emendati, rispettivament, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/216/PESK, tal-14 ta’ April 2014, li timplimenta d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2014 L 111, p. 91), u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 381/2014, tal‑14 ta’ April 2014, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2014 L 111, p. 33). Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/216 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 381/2014 biddlu l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni tar-rikorrent.

12      Permezz ta’ skambji ta’ ittri matul is-sena 2014, ir-rikorrent ikkontesta l-fondatezza tal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista u talab lill-Kunsill sabiex jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu. Huwa talab ukoll li jingħata aċċess għall-informazzjoni u għall-provi li jissostanzjaw l-imsemmija inklużjoni.

13      Il-Kunsill wieġeb it-talba tar-rikorrent għal kunsiderazzjoni mill-ġdid tat-talba. Huwa sostna li, fl-opinjoni tiegħu, il-miżuri restrittivi li jirrigwardaw lir-rikorrent kienu għadhom iġġustifikati għar-raġunijiet imsemmija fil-motivazzjoni tal-atti ta’ Marzu 2014. Fir-rigward tat-talba għal aċċess għall-fajl tar-rikorrent, il-Kunsill ikkomunikalu numru ta’ dokumenti mill-fajl tiegħu, fosthom, b’mod partikolari, dokumenti tal-awtoritajiet Ukreni tat-3 ta’ Marzu 2014 (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-3 ta’ Marzu 2014”), tat-8 ta’ Lulju 2014 (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-8 ta’ Lulju 2014”) u tal-10 ta’ Ottubru 2014 (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-10 ta’ Ottubru 2014”).

14      Fid-29 ta’ Jannar 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/143, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2015, L 24, p. 16), u r-Regolament (UE) 2015/138, li jemenda r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 24, p. 1) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti ta’ Jannar 2015”).

15      Id-Deċiżjoni 2015/143 ippreċiżat, mill-31 ta’ Jannar 2015, il-kriterji ta’ klassifikazzjoni tal-persuni milquta mill-iffriżar ta’ fondi. B’mod partikolari, l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119 ġie ssostitwit bit-test li ġej:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni li jkunu ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna jinkludu persuni li huma soġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukrajna:

a)      għall-misapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali misapproprjazzjoni; jew

b)      għall-abbuż tal-uffiċju bħala detentur ta’ pożizzjoni pubblika biex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih jew għal parti terza, u li b’hekk jikkawża telf ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali abbuż.”

16      Ir-Regolament 2015/138 emenda r-Regolament Nru 208/2014 konformement mad-Deċiżjoni 2015/143.

17      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Frar 2015, il-Kunsill informa lir-rikorrent dwar l-intenzjoni tiegħu li jżomm fis-seħħ il-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu, u kkomunikalu dokument tal-awtoritajiet Ukreni tat-30 ta’ Diċembru 2014 (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-30 ta’ Diċembru 2014”), fejn informah dwar il-possibbiltà li jippreżenta osservazzjonijiet. Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Frar 2015, ir-rikorrent stieden lill-Kunsill jerġa’ jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu u sabiex jipprovdilu l-elementi eventwali l-oħra li jiġġustifikaw il-pożizzjoni tal-Kunsill.

18      Fil-5 ta’ Marzu 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/364, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2015, L 62, p. 25), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 62, p. 1) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2015”).

19      Id-Deċiżjoni 2015/364 emendat l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2014/119, billi estendiet il-miżuri restrittivi, fir-rigward tar-rikorrent, sas-6 ta’ Marzu 2016. Konsegwentement, id-Deċiżjoni 2015/364 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/357 issostitwixxew il-lista.

20      Wara dawn l-emendi, l-isem tar-rikorrent inżamm fil-lista flimkien mal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “iben l-eks President, negozjant” u l-motivazzjoni l-ġdida segwenti:

“Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi.”

21      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Marzu 2015, il-Kunsill informa lir-rikorrent dwar iż-żamma tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu.

22      Id-Deċiżjoni 2014/119 u r-Regolament Nru 208/2014 ġew emendati, fl-aħħar lok, rispettivament, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/318, tal-4 ta’ Marzu 2016 (ĠU 2016, L 60, p. 76), u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/311, tal-4 ta’ Marzu 2016, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2016, L 60, p. 1).

23      Id-Deċiżjoni 2016/318 emendat l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2014/119, billi estendiet il-miżuri restrittivi, fir-rigward tar-rikorrent, sas-6 ta’ Marzu 2017.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

25      Fit-22 ta’ Settembru 2014, il-Kunsill ippreżenta r-risposta. Sussegwentement, fis‑26 ta’ Settembru 2014, huwa ppreżenta addendum mal-annessi għar-risposta u, fit-3 ta’ Ottubru 2014, dokument addizzjonali. Huwa ressaq ukoll talba mmotivata konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(8) tal-istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali, intiża sabiex il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti ma jiġix iċċitat fid-dokumenti marbuta ma’ din il-kawża li għalihom il-pubbliku għandu aċċess. Ir-rikorrent ikkomunika l-oġġezzjonijiet tiegħu għat-talba ta’ trattament kunfidenzjali.

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Novembru 2014, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent. Permezz ta’ att ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha. Ir-rikorrent u l-Kunsill ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din fit-termini mogħtija.

27      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Settembru 2014, l-Ukraina talbet sabiex tintervjeni f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Diċembru 2014, l-Ukraina informat lill-Qorti Ġenerali li kienet qed tirtira l-intervent tagħha. Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Marzu 2015, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddikjara l-irtirar tal-Ukraina bħala parti intervenjenti.

28      Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati mir-rikorrent, fil-21 ta’ Novembru 2014 u, mill-Kunsill, fil-15 ta’ Jannar 2015, rispettivament.

29      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ April 2015, ir-rikorrent aġġorna t-talbiet tiegħu, b’tali mod li dawn jinkludu wkoll l-annullament tad-Deċiżjoni 2015/143, tar-Regolament 2015/138, tad-Deċiżjoni 2015/364 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/357, sa fejn dawn l-atti kienu jirrigwardawh. Il-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-termini stabbiliti. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrent ipproduċa provi ġodda.

30      Fuq proposta tad-Disa’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tirreferi l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

31      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

32      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tad-Disa’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tal‑5 ta’ April 2016, wara li nstemgħu l-partijiet, din il-kawża u l-kawża T‑346/14, Yanukovych vs Il‑Kunsill, ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali, konformement mal-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura.

33      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-29 ta’ April 2016.

34      Ir- rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla, l-ewwel nett, id-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/216, u r-Regolament Nru 208/2014, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 381/2014, it-tieni nett, id-Deċiżjoni 2015/143 u r-Regolament 2015/138 u, it-tielet nett, id-Deċiżjoni 2015/364, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/357 sa fejn dawn jirrigwardawh;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

35      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        sussidjarjament, fil-każ ta’ annullament parzjali tal-atti ta’ Marzu 2014, tordna ż-żamma fis-seħħ tal-effetti fir-rigward tar-rikorrent tad-Deċiżjoni 2014/119 sakemm isir effettiv l-annullament parzjali tal-atti ta’ Marzu 2015, tordna ż-żamma fis-seħħ tal-effetti fir-rigward tar-rikorrent tad-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata, sakemm isir effettiv l-annullament parzjali tar-Regolament Nru 208/2014, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/357;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq it-talbiet għal annullament tal-atti ta’ Marzu 2014, kif emendati, rispettivament, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/216 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 381/2014, sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrent

36      Insostenn tar-rikors tiegħu intiż għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2014, kif emendati bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/216 u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 381/2014, ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq assenza ta’ bażi legali. It-tieni motiv huwa bbażat fuq użu ħażin ta’ poter. It-tielet motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji ta’ inklużjoni fil-lista. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal rimedju effettiv u s-seba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà.

37      Permezz tar-raba’ motiv tiegħu, li jeħtieġ li jiġi eżaminat fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni, b’mod partikolari, li l-inklużjoni ta’ ismu fil-lista minħabba s-sempliċi fatt li huwa kien suġġett għal investigazzjoni ma tissodisfax, fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti, il-kriterji previsti mill-atti ta’ Marzu 2014, li jsemmu “persuni identifikati bħala responsabbli” għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, u li, fi kwalunkwe każ, l-oneru huwa fuq il-Kunsill sabiex jipprova dan.

38      Barra minn hekk, fin-nota ta’ adattament tiegħu, ir-rikorrent isostni li, għall-perijodu mill-31 ta’ Jannar sas-6 ta’ Marzu 2015, jiġifieri mis-sena tad-dħul fis-seħħ tal-atti ta’ Jannar 2015 u sad-dħul fis-seħħ ta’ dawk ta’ Marzu 2015, il-motivazzjonijiet inizjali għall-inklużjoni ta’ ismu fil-lista ma jissodisfawx iktar il-kriterji ta’ inklużjoni, hekk kif emendati bid-Deċiżjoni 2015/143.

39      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jenfasizza, qabel kollox, li, konformement mal-ġurisprudenza rilevanti, huwa għandu l-obbligu li jipproċedi għall-identifikazzjoni tal-persuni li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala responsabbli mill-fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi abbażi ta’ informazzjoni konkordanti u li l-espressjoni “identifikati” għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa sabiex tinkludi wkoll il-persuni li kontrihom jitressqu proċeduri kriminali minħabba fatti bħal dawn.

40      Huwa jsostni, sussegwentement, li l-provi li huwa kellu jikkonferma li kienu tressqu proċeduri kriminali kontra r-rikorrent u li kienu ġew stabbiliti fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi għal ammonti importanti u ta’ trasferiment illegali ta’ dawn il-fondi barra mit-territorju tal-Ukraina. Barra minn hekk, huwa kontra applikazzjoni ġeneralizzata tal-allegat obbligu li jiġi vverifikat li l-leġiżlazzjoni tal-Istat ikkonċernat tiżgura protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

41      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, għalkemm il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kriterji ġenerali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu adottati miżuri restrittivi, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tirrikjedi li, għall-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li isem ta’ persuna jiġi inkluż jew jinżamm fil-lista ta’ persuni li huma suġġetti għal miżuri restrittivi, il-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha tiżgura ruħha li din id-deċiżjoni, li għandha portata individwali għal din il-persuna, tkun tistrieħ fuq bażi fattwali u solida biżżejjed. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tax-xebh astratt tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi, jew, għall-inqas wieħed minnhom meqjus suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex issostanzjati b’mod suffiċjentement preċiż u konkret (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punti 41 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan il-każ, il-kriterju previst fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119 jipprovdi li miżuri restrittivi għandhom jiġu adottati fir-rigward tal-persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għal atti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Barra minn hekk, mill-premessa 2 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li l-Kunsill adotta dawn il-miżuri “bil-għan tal-konsolidazzjoni u s-sostenn tal-istat tad-dritt [...] fl-Ukraina”.

43      L-isem tar-rikorrent ġie inkluż fil-lista minħabba li kien “[p]ersuna soġġetta għal investigazzjoni fl-Ukraina dwar involviment f’reati b’rabta mal-approprjazzjoni indebita ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u t-trasferiment illegali tagħhom barra l-Ukraina.”

44      Insostenn tal-motiv għall-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista, il-Kunsill jinvoka l-ittra tat-3 ta’ Marzu 2014. L-ewwel parti ta’ din l-ittra tispeċifika li l-“aġenziji ta’ infurzar Ukreni” fetħu għadd ta’ proċeduri kriminali sabiex jinvestigaw reati mwettqa minn ex uffiċjali għolja, li isimhom jidher eżatt wara, u li l-investigazzjoni tar-reati msemmija ppermettiet li tiġi stabbilita l-misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi ta’ ammonti importanti u t-trasferiment illegali sussegwenti ta’ dawn il-fondi barra mit-territorju tal-Ukraina. It-tieni parti tal-ittra żżid li “l-investigazzjoni tivverifika l-parteċipazzjoni ta’ uffiċjali għolja oħra li jirrappreżentaw l-awtoritajiet ta’ qabel fl-istess tip ta’ reati” u li huwa previst li dawn jiġu nnotifikati minnufih bil-ftuħ tal-investigazzjoni. L-ismijiet ta’ dawn il-persuni l-oħra, fosthom dak tar-rikorrent, huma wkoll elenkati eżatt wara.

45      Huwa paċifiku li huwa abbażi ta’ dan biss li r-rikorrent ġie identifikat “bħala responsabbli mill-misapproprjazzjoni ta’ fondi li jappartjenu lill-Istat Ukren” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119. Fil-fatt, l-ittra tat-3 ta’ Marzu 2014 hija, fost il-provi prodotti mill-Kunsill matul din l-istanza, l-unika waħda li tippreċedi l-atti ta’ Marzu 2014 u, għaldaqstant, l-illegalità tal-imsemmija atti għandha tiġi evalwata fir-rigward ta’ din il-prova waħedha.

46      Għandu jiġi kkunsidrat li, filwaqt li ntbagħtet minn awtorità ġudizzjarja superjuri ta’ pajjiż terz, l-imsemmija ittra tinkludi biss affermazzjoni ġenerali u vaga li toħloq ness bejn isem ir-rikorrent, fost ex uffiċjali għolja oħra, u investigazzjoni li, essenzjalment, stabbilixxiet fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. L-ittra ma tipprovdi ebda preċiżazzjoni dwar l-istabbiliment tal-fatti li l-investigazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet Ukreni kienet qed tivverifika u, wisq inqas, dwar ir-responsabbiltà individwali, anki jekk preżunta, tar-rikorrent fir-rigward ta’ dawn il-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Azarov vs Il‑Kunsill, T‑332/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:48, punt 46; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il‑Kunsill, T‑290/14, EU:T:2015:806, punti 43 u 44).

47      Għandu jiġi rrilevat ulterjorment li, kuntrarjament għall-kawża li tat lok għas-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93, punti 57 sa 61), ikkonfermata fuq appell bis-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il‑Kunsill (C‑220/14 P, EU:C:2015:147), invokati mill-Kunsill, f’dan il-każ, minn naħa, huwa ma kellux informazzjoni dwar il-fatti jew l-aġir li bih ġie speċifikament akkużat ir-rikorrent mill-awtoritajiet Ukreni u, min-naħa l-oħra, l-ittra tat-3 ta’ Marzu 2014, anki jekk wieħed jeżaminaha fil-kuntest tagħha, ma tistax tikkostitwixxi bażi fattwali suffiċjentement solida fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq biex isem ir-rikorrent jiġi inkluż fil-lista minħabba li kien identifikat “bħala responsabbli” għal misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il‑Kunsill, T‑290/14, EU:T:2015:806, punti 46 sa 48).

48      Irrispettivament mill-istadju li fih kienet tinsab il-proċedura li tagħha r-rikorrent kellu jkun is-suġġett, il-Kunsill ma setax jadotta miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu mingħajr ma kien jaf il-fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi li kien qed jiġi speċifikament akkużat bihom mill-awtoritajiet Ukreni. Fil-fatt, huwa biss b’għarfien ta’ dawn il-fatti li l-Kunsill kien ikun f’pożizzjoni li jistabbilixxi li dawn setgħu, minn naħa, jiġu kkwalifikati bħala misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u, min-naħa l-oħra, iqiegħdu inkwistjoni l-Istat tad-dritt fl-Ukraina, li l-konsolidazzjoni u s-sostenn tiegħu jikkostitwixxu, hekk kif tfakkar fil-punt 42 iktar ’il fuq, l-għan imfittex mill-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni (sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2016, Klyuyev vs Il‑Kunsill, T‑341/14, EU:T:2016:47, punt 50, u tat-28 ta’ Jannar 2016, Azarov vs Il‑Kunsill, T‑331/14, EU:T:2016:49, punt 55).

49      Fuq kollox, hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, f’każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuna kkonċernata, u ma huwiex kompitu ta’ din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija motivi (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 120 u 121, u tat-28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punti 65 u 66).

50      Fid-dawl tal-punti preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista ma tistrieħx fuq bażi fattwali suffiċjenti biex tiġi ggarantita l-osservanza tal-kriterji li permezz tagħhom jiġu identifikati l-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni ffissati mid-Deċiżjoni 2014/119.

51      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li din l-illegalità kompliet sad-dħul fis-seħħ tal-atti ta’ Marzu 2015, li ssostitwixxew il-lista u biddlu l-motivazzjoni għall-inklużjoni tar-rikorrent.

52      Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba tar-rikorrent intiża sabiex l-inklużjoni ta’ ismu permezz tal-atti ta’ Marzu 2014 tiġi ddikjarata illegali għall-perijodu mill-31 ta’ Jannar sas-6 ta’ Marzu 2015, jiġifieri mid-dħul fis-seħħ tal-atti ta’ Jannar 2015 u sad-dħul fis-seħħ ta’ dawk ta’ Marzu 2015. Fil-fatt, fid-dawl tal-annullament tal-atti ta’ Marzu 2014, sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrent, dan tal-aħħar huwa meqjus li ma kienx suġġett għall-miżuri restrittivi matul dan il-perijodu.

53      Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jintlaqa’ u d-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/216 għandha tiġi annullata, sa fejn tirrigwarda lir-rikorrent, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra.

54      Għandu jiġi annullat ukoll, sa fejn jirrigwarda lir-rikorrent, ir-Regolament Nru 208/2014, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 381/2014, li, skont l-Artikolu 215(2) TFUE, jippresupponi deċiżjoni adottata konformement mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, b’konsegwenza tal-annullament tad-Deċiżjoni 2014/119.

2.     Fuq it-talbiet għal annullament tal-atti ta’ Marzu 2014, kif emendati mill-atti ta’ Jannar u ta’ Marzu 2015, sa fejn dawn jirrigwardaw lir-rikorrent

55      Permezz tan-nota ta’ adattament tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent talab sabiex tiġi estiża l-portata tar-rikors tiegħu sabiex dan jinkludi l-annullament tal-atti ta’ Jannar u ta’ Marzu 2015, sa fejn dawn jirrigwardawh.

56      Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nota ta’ adattament tat-talbiet, il-Kunsill isostni, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex kompetenza, fis-sens tal-Artikolu 275 TFUE, sabiex tiddeċiedi dwar l-estensjoni tat-talbiet għad-Deċiżjoni 2015/143, li ġiet adottata b’mod partikolari abbażi tal-Artikolu 29 TFUE, u, min-naħa l-oħra, li l-estensjoni tat-talbiet għar-Regolament 2015/138 kienet inammissibbli minħabba nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrent. Fir-rigward tal-kumplament, il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-adattament tar-rikors.

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali sabiex teżamina l-legalità tad-Deċiżjoni 2015/143

57      Għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-eżami tal-ewwel motiv iktar ’il quddiem, ir-rikorrent, mingħajr ma jqajjem formalment eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE, jinvoka n-nuqqas ta’ konformità tal-kriterju ta’ inklużjoni mal-għanijiet tat-Trattat UE, fil-kuntest tat-talbiet intiżi għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2015 li żammew lil ismu fil-lista. Peress li d-Deċiżjoni 2015/143 tikkostitwixxi preċiżament bidla fl-imsemmi kriterju ta’ inklużjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, meta jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni 2015/143, ir-rikorrent ikollu l-intenzjoni, fil-verità, jinvoka eċċezzjoni ta’ illegalità insostenn tat-talbiet tiegħu għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2015 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Post Bank Iran vs Il‑Kunsill, T‑13/11, EU:T:2013:402, punt 37).

58      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE jipprovdi espliċitament li, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, il-qorti tal-Unjoni għandha kompetenza sabiex “tiddeċiedi dwar rikorsi, mressqa skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 263 [TFUE] dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet li jipprovdu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar [UE]”. Din id-dispożizzjoni għalhekk tkopri, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, id-deċiżjonijiet kollha tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li jaqgħu taħt il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, mingħajr ma ssir distinzjoni bejn deċiżjonijiet ta’ portata ġenerali u deċiżjonijiet individwali. B’mod partikolari, hija ma teskludix il-possibbiltà li tikkontesta, permezz ta’ eċċezzjoni, il-legalità ta’ dispożizzjoni ta’ portata ġenerali, insostenn ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra miżura restrittiva individwali (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2014, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, T‑578/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:678, punti 92 u 93; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Azarov vs Il‑Kunsill, T‑331/14, EU:T:2016:49, punt 62).

59      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, il-Qorti Ġenerali għandha kompetenza sabiex teżamina l-legalità tad-Deċiżjoni 2015/143 sa fejn temenda l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119.

60      Din l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha għaldaqstant tiġi eżaminata fil-kuntest tal-ewwel motiv, insostenn tat-talbiet għal annullament tal-atti ta’ Marzu 2015, li permezz tiegħu ir-rikorrent jallega n-nuqqas ta’ konformità mal-għanijiet tat-Trattat UE tal-kriterju ta’ inklużjoni applikat kontrih.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażat fuq in-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrent fir-rigward tar-Regolament 2015/138

61      Fir-rigward tal-kwistjoni tal-locus standi tar-rikorrent, imqajjma mill-Kunsill fir-rigward tar-Regolament 2015/138, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 208/2014 ġie emendat bir-Regolament 2015/138 biss sa fejn il-kriterji ta’ identifikazzjoni għall-iffriżar tal-fondi immirati lejn persuni responsabbli minn misapproprjazzjoni ta’ fondi li jappartjenu lill-Istat Ukren ġew ippreċiżati.

62      Ir-Regolament 2015/138 ma jidentifikax lir-rikorrent b’ismu u lanqas ma ġie adottat wara eżami mill-ġdid komplet tal-lista. Fil-fatt, dan l-att jirrigwarda biss il-kriterji ġenerali għall-iskrizzjoni applikabbli għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u li għandhom effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni u entitajiet imsemmija b’mod ġenerali u astratt, u mhux l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista. Konsegwentement, dan la jirrigwarda direttament u lanqas individwalment lir-rikorrent u t-talba ta’ dan tal-aħħar biex jadatta t-talbiet tiegħu sabiex jitlob l-annullament tiegħu ma hijiex ammissibbli (ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Azarov vs Il‑Kunsill, T‑331/14, EU:T:2016:49, punti 64 u 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Jeħtieġ li jintlaqa’ l-ilment tal-Kunsill u li r-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli, sa fejn jirrigwarda l-annullament tar-Regolament 2015/138.

 Fuq il-mertu

64      Insostenn tat-talba tiegħu għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2014, kif emendati mill-atti ta’ Jannar u ta’ Marzu 2015, ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq assenza ta’ bażi legali. It-tieni motiv huwa bbażat fuq użu ħażin ta’ poter. It-tielet motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji ta’ inklużjoni fuq il-lista. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal rimedju effettiv u s-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà.

65      Qabel kollox, għandu jiġi eżaminat is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sussegwentement, it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, u, fl-aħħar nett, il-motivi l-oħra, fl-ordni li fih ġew invokati.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

66      Permezz tas-sitt motiv tiegħu, ir-rikorrent jilmenta li ma ġiex ikkonsultat b’mod xieraq qabel ma ismu nżamm fil-lista u, b’mod iktar partikolari, talli ma ngħatax terminu u informazzjoni suffiċjenti sabiex jikkontesta ż-żamma ta’ ismu fil-lista.

67      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

68      Qabel kollox, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li huwa stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li lilha t-Trattat UE jirrikonoxxi l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati, jinkludi d-dritt li wieħed jinstema’ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl, filwaqt li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa ddikjarat fl-Artikolu 47 tal-imsemmija karta, jirrikjedi li l-parti kkonċernata tkun tista’ ssir taf ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 98 sa 100).

69      Għalhekk, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li żżomm l-isem ta’ persuna, entità jew korp f’lista ta’ persuni, entitajiet jew korpi suġġetti għal miżuri restrittivi, il-Kunsill għandu jirrispetta d-dritt ta’ din il-persuna, ta’ din l-entità jew ta’ dan il-korp li jinstema’ minn qabel meta jkollu elementi ġodda fir-rigward tagħha fid-deċiżjoni li tiddeċiedi li isimha għandu jinżamm fil-lista, jiġifieri elementi li ma jirriżultawx fid-deċiżjoni inizjali ta’ inklużjoni f’din il-lista (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2014, Sina Bank vs Il‑Kunsill, T‑67/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:348, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 62).

70      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista wara l-atti ta’ Marzu 2015 hija bbażata biss fuq l-ittra tat-30 ta’ Diċembru 2014.

71      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li, qabel ma adotta d-deċiżjoni li jżomm isem ir-rikorrent fil-lista, il-Kunsill ikkomunika lir-rikorrent l-ittra tat-30 ta’ Diċembru 2014 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Frar 2015, il-Kunsill informa lir-rikorrent dwar l-intenzjoni tiegħu li jżomm fis-seħħ il-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu, fejn informah dwar il-possibbiltà li jressaq osservazzjonijiet (ara l-punt 17 iktar ’il fuq).

72      Għalhekk ir-rikorrent kellu aċċess għall-informazzjoni u għall-provi li mmotivaw lill-Kunsill iżomm fis-seħħ il-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu u kellu l-opportunità jifformola osservazzjonijiet fi żmien xieraq (ara l-punt 17 iktar ’il fuq).

73      Barra minn hekk, ir-rikorrent ma weriex li d-diffikultajiet allegati dwar l-informazzjoni rċevuta u ż-żmien mogħti sabiex iwieġeb għall-allegazzjonijiet tal-Kunsill ipprekludewh milli jadatta t-talbiet tiegħu fi żmien xieraq jew li jiżviluppa argumenti għad-difiża tiegħu.

74      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-komunikazzjoni tal-provi matul il-proċeduri kienet suffiċjenti sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent.

75      Għaldaqstant is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

76      Permezz tat-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni, minn naħa, li l-motivazzjoni għall-inklużjoni ta’ ismu fil-lista ma tipprovdi ebda preċiżazzjoni dwar il-fatti kkontestati u dwar il-proċeduri li jirrigwardawh, li jippermettu li tiġi ssostanzjata l-allegazzjoni fil-konfront tiegħu ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u tat-trasferiment illegali tagħhom barra mill-Ukraina, u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija motivazzjoni hija ta’ natura sterjotipata.

77      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

78      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha tiġi adattata għan-natura tal-att ikkontestat u għall-kuntest li fih huwa ġie adottat. Hija għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-parti kkonċernata ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il‑Kunsill, T‑200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tal-ġabra tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat. B’hekk, minn naħa, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha. Min-naħa l-oħra, il-livell ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ att għandu jkun proporzjonat għall-possibbiltajiet materjali u għall-kundizzjonijiet tekniċi jew għat-terminu li fihom hija għandha tintervjeni (ara s-sentenza tal‑14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il‑Kunsill, T‑200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      B’mod partikolari, il-motivazzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ assi, bħala prinċipju, ma tistax tikkonsisti biss f’formulazzjoni ġenerali u sterjotipata. Taħt ir-riżervi msemmija fil-punt 79 iktar ’il fuq, tali miżura għandha, għall-kuntrarju, tindika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti għalfejn il-Kunsill iqis li r-regolamentazzjoni rilevanti hija applikabbli għall-persuna kkonċernata (ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il‑Kunsill, T‑200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi osservat li, bħall-motivazzjoni ta’ inklużjoni inizjali, il-motivazzjoni, kif mibdula permezz tal-atti ta’ Marzu 2015 (ara l-punt 20 iktar ’il fuq), issemmi l-elementi li jikkostitwixxu l-bażi tal-inklużjoni tar-rikorrent, jiġifieri ċ-ċirkustanza li huwa suġġett għal proċeduri kriminali mressqa mill-awtoritajiet Ukreni minħabba misapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi.

82      Barra minn hekk, iż-żamma fis-seħħ tal-miżuri fir-rigward tar-rikorrent seħħet f’kuntest magħruf minnu, li kellu għarfien, waqt l-iskambji li seħħew matul din l-istanza, tal-ittra tat-30 ta’ Diċembru 2014, li fuqha l-Kunsill ibbaża ż-żamma fis-seħħ tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu, u li permezz tagħha l-Kunsill kien ipprovda preċiżazzjonijiet dwar l-inklużjoni ta’ ismu fil-lista (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punti 53 u 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑35/10 u T‑7/11, EU:T:2013:397, punt 88), b’mod partikolari deskrizzjoni ddettaljata tal-fatti allegati kontrih.

83      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-natura allegatament sterjotipata tal-motivazzjoni għal inklużjoni, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu f’din il-motivazzjoni huma l-istess bħal dawk li abbażi tagħhom il-persuni fiżiċi l-oħra msemmija fil-lista kienu ssuġġettati għal miżuri restrittivi, madankollu huma intiżi sabiex jiddeskrivu s-sitwazzjoni konkreta tar-rikorrent, li, bħal fil-każ ta’ persuni oħra, skont il-Kunsill, kien suġġett għal proċeduri ġudizzjarji li jippreżentaw rabta mal-investigazzjonijiet li jirrigwardaw il-misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi fl-Ukraina (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 115).

84      Fid-dawl tal-argumenti kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-atti ta’ Marzu 2014, kif emendati bl-atti ta’ Jannar u ta’ Marzu 2015, jiddikjaraw suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi l-punti ta’ dritt u ta’ fatt li, skont l-awtur tagħhom, jikkostitwixxu l-bażi tagħhom.

85      Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ bażi legali

86      Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li d-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata bl-atti ta’ Jannar u ta’ Marzu 2015, ma hijiex konformi mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 29 TUE u għaldaqstant hija nieqsa minn bażi legali, u li, fid-dawl tal-invalidità tad-Deċiżjoni 2014/119, ir-Regolament Nru 208/2014, kif emendat bl-atti ta’ Jannar u ta’ Marzu 2015, huwa invalidu wkoll, peress li ma teżisti ebda deċiżjoni valida skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE li tippermetti li jiġi invokat l-Artikolu 215 TFUE.

87      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

–       Fuq l-argument prinċipali tar-rikorrent, ibbażat fuq l-assenza ta’ proporzjonalità tal-kriterju ta’ inklużjoni fir-rigward tal-għanijiet tat-Trattat UE

88      Permezz tal-argument prinċipali tiegħu, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li d-Deċiżjoni 2014/119 ma tfittixx iż-żewġ għanijiet invokati minnha, jiġifieri dawk li tikkonsolida u ssostni l-Istat tad-dritt u li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina, u lanqas ma ssegwi l-għanijiet l-oħra tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) iddikjarati fl-Artikolu 21(2)(b) TUE. Huwa jżid li l-bidla fil-motivazzjoni li tirrigwardah permezz tal-atti ta’ Marzu 2015, wara l-estensjoni tal-kriterju ta’ inklużjoni permezz tal-atti ta’ Jannar 2015, ma kinitx iġġustifikata, peress li l-Kunsill ma pprovax li huwa kien ippreġudika d-demokrazija, l-Istat tad-dritt jew id-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina u lanqas li kien ippreġudika l-iżvilupp ekonomiku jew soċjali sostenibbli tal-Ukraina.

89      Għaldaqstant hemm lok sabiex tiġi eżaminata l-konformità tal-kriterju ta’ inklużjoni msemmi fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/143, mal-għanijiet tal-PESK u, b’mod iktar partikolari, il-proporzjonalità tal-imsemmi kriterju fir-rigward tal-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq.

90      Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-għanijiet tat-Trattat UE dwar il-PESK huma msemmija, b’mod partikolari, fl-Artikolu 21(2)(b) TUE li jipprovdi kif ġej:

“L-Unjoni għandha tiddefinixxi u twettaq politika u azzjonijiet komuni, u għandha taħdem sabiex tassigura grad għoli ta’ koperazzjoni fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet internazzjonali, sabiex: […] tikkonsolida u tappoġġa d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali”.

91      Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2014/119 tipprovdi kif ġej:

“Fit-3 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill qabel biex jiffoka miżuri restrittivi fuq l-iffriżar u rkupru ta’ assi ta’ persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan tal-konsolidazzjoni u s-sostenn tal-[I]stat ta’ dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina.”

92      Fuq din il-bażi, il-kriterju ta’ inklużjoni msemmi fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119, kif emendat bid-Deċiżjoni 2015/143, huwa s-segwenti:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni li jkunu ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna jinkludu persuni li huma soġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukrajna:

a)      għall-misapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali misapproprjazzjoni […]”

93      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista, wara l-atti ta’ Marzu 2015, hija s-segwenti:

“Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi.”

94      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirrikonoxxi l-Kunsill fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, il-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent ġew adottati bis-sempliċi għan li jikkonsolidaw u jsostnu l-Istat tad-dritt fl-Ukraina. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrent, li l-kriterju ta’ inklużjoni msemmi mid-Deċiżjoni 2014/119 ma jtwettaqx għanijiet oħra tal-PESK, huma ineffettivi.

95      Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-kriterju ta’ inklużjoni previst mid-Deċiżjoni 2014/119 u kif emendat bid-Deċiżjoni 2015/143, immirat lejn persuni identifikati bħala responsabbli mill-misapproprjazzjoni ta’ fondi li jappartjenu għall-Istat Ukren, jikkorrispondix għall-għan, invokat mill-istess deċiżjoni, ta’ konsolidazzjoni jew ta’ sostenn tal-Istat tad-dritt fl-Ukraina.

96      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-ġurisprudenza żviluppata fir-rigward tal-miżuri restrittivi li jirrigwardaw is-sitwazzjoni fit-Tuneżija u fl-Eġittu stabbilixxiet li għanijiet bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 21(2)(b) u (d) TUE kellhom il-karatteristika li jiġu indirizzati permezz ta’ ffriżar ta’ fondi li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kien, bħal f’dan il-każ, ristrett għall-persuni identifikati bħala responsabbli mill-misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi kif ukoll għall-persuni, entitajiet jew organi marbuta magħhom, jiġifieri persuni li l-aġir tagħhom seta’ kien tali li kkomprometta l-funzjonament it-tajjeb tal-istituzzjonijet pubbliċi u tal-korpi marbuta magħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Mejju 2013, Trabelsi et vs Il‑Kunsill, T‑187/11, EU:T:2013:273, punt 92; tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 44, u tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il‑Kunsill, T‑200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 68).

97      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-kriterju ta’ inklużjoni jistrieħ, għal dak li jirrigwarda r-rikorrent, fuq ksur ta’ “misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi” u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi kriterju jidħol f’qafas ġuridiku ddelinjat b’mod ċar mid-Deċiżjoni 2014/119 u t-tiftix tal-għan rilevanti tat-Trattat UE li hija tinvoka, iddikjarat fil-premessa 2, jiġifieri dak tal-konsolidazzjoni u ta’ sostenn tal-Istat tad-dritt fl-Ukraina.

98      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rispett tal-Istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri ewlenin li fuqhom tistrieh l-Unjoni, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2 TUE kif ukoll mill-preamboli tat-Trattat UE u minn dawk tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Barra minn hekk ir-rispett tal-Istat tad-dritt jikkostitwixxi rekwiżit għall-adeżjoni fl-Unjoni, skont l-Artikolu 49 TUE. Il-kunċett ta’ Stat tad-dritt huwa wkoll stabbilit, taħt il-formulazzjoni alternattiva ta’ “preeminenza tad-dritt” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fil-preambolu tal-Konvenzjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑14 ta’ Novembru 1950.

99      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll il-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa, permezz tal-Kummissjoni Ewropea għad-demokrazija permezz tad-dritt, jipprovdu lista mhux eżawrjenti tal-prinċipji u tar-regoli li jistgħu jagħmlu parti mill-kunċett ta’ Stat tad-dritt. Fost dawn hemm il-prinċipji ta’ legalità, ta’ ċertezza legali u ta’ projbizzjoni li l-awtorità eżekuttiva taġixxi b’mod arbitrarju; qrati indipendenti u imparzjali; stħarriġ ġudizzjarju effettiv, inkluż ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-ugwaljanza quddiem il-liġi [ara, f’dan ir-rigward, il-lista tal-kriterji tal-Istat tad-dritt adottata mill-Kummissjoni Ewropea għad-demokrazija permezz tad-dritt fil-mija u sitta sessjoni plenarja tagħha (Venezia, 11‑12 ta’ Marzu 2016)]. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, ċerti strumenti ġuridiċi jsemmu b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħala prinċipju li jidħol fil-kunċett ta’ Stat tad-dritt [ara, pereżempju, ir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 2006, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta’ Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ĠU 2006, L 310, p. 1)].

100    Issa, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li ċertu aġir li jirrigwarda fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi jista’ jippreġudika l-Istat tad-dritt, ma jistax jiġi aċċettat li kull fatt ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, imwettaq f’pajjiż terz, jiġġustifika intervent tal-Unjoni bil-għan li jiġi kkonsolidat u sostnut l-Istat tad-dritt f’dan il-pajjiż, fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam tal-PESK. Sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit li misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi tista’ tiġġustifika azzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tal-PESK, ibbażata fuq l-għan li jiġi kkonsolidat u sostnut l-Istat tad-dritt, huwa, mill-inqas, neċessarju li l-fatti kkontestati jkunu tali li jippreġudikaw il-bażi istituzzjonali u ġuridika tal-pajjiż ikkonċernat.

101    F’dan il-kuntest, il-kriterju ta’ inklużjoni jista’ jitqies li huwa konformi mal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni biss sa fejn huwa possibbli li jiġi attribwit lilu sens li huwa kompatibbli mar-rekwiżiti tar-regoli superjuri li għalihom huwa suġġett, u b’mod iktar speċifiku mal-għan tal-konsolidazzjoni u ta’ sostenn tal-Istat tad-dritt fl-Ukraina. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tippermetti li tiġi osservata s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li minnha jgawdi l-Kunsill sabiex jiddefinixxi l-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni, filwaqt li jiggarantixxi stħarriġ, bħala prinċipju konkret, tal-legalità tal-atti tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2014, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, T‑578/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:678, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    Għalhekk, l-imsemmi kriterju għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix, b’mod astratt, kull fatt ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, iżda jirrigwarda pjuttost fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi li, fid-dawl tal-ammont jew tat-tip ta’ fondi jew ta’ assi misapproprjati jew li fil-kuntest li fih seħħew, jistgħu minn tal-inqas jippreġudikaw il-bażi istituzzjonali u ġuridika tal-Ukraina, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ legalità, ta’ projbizzjoni li l-awtorità eżekuttiva taġixxi b’mod arbitrarju, tal-istħarriġ ġudizzjarju effettiv u ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi, u, fl-aħħar lok, jippreġudikaw l-osservanza tal-Istat tad-dritt f’dan il-pajjiż (ara l-punt 100 iktar ’il fuq). Hekk interpretat, il-kriterju ta’ inklużjoni huwa konformi u proporzjonat mal-għanijiet rilevanti tat-Trattat UE.

–       Fuq l-argumenti l-oħra invokati mir-rikorrent

103    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-għan marbut mal-konsolidazzjoni u mas-sostenn tal-Istat tad-dritt ittieħed inkunsiderazzjoni għall-ewwel darba tardivament, jiġifieri waqt il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-affarijiet esteri dwar l-Ukraina tat-3 ta’ Marzu 2014.

104    Sa fejn, permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrent għandu l-intenzjoni jsostni li kunsiderazzjonijiet ta’ natura politika mmotivaw l-inklużjoni ta’ ismu fil-lista, għandu jiġi osservat li l-argument ibbażat fuq l-allegata natura tardiva tar-riferiment magħmul għall-għan marbut mal-konsolidazzjoni u mas-sostenn tal-Istat tad-dritt ma huwiex suffiċjenti waħdu sabiex jintwera li, meta ġew adottati l-atti ta’ Marzu 2014, il-Kunsill ma bbażax ruħu fuq l-għan, iddikjarat u leġittimu, tal-konsolidazzjoni u tas-sostenn tal-Istat tad-dritt fl-Ukraina u li l-imsemmi għan barra minn hekk ma mmotivax iż-żamma tal-miżuri fir-rigward tar-rikorrent permezz tal-atti ta’ Marzu 2015.

105    Sa fejn, permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrent iressaq, fil-verità, ilment ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li dan kien is-suġġett tal-eżami tat-tieni motiv iktar ’il quddiem.

106    Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-estensjoni tal-kriterju ta’ inklużjoni permezz tal-atti ta’ Jannar 2015 (ara l-punt 15 iktar ’il fuq) ma jistax jiġi debitament interpretat fis-sens li jfisser li sempliċi investigazzjoni hija suffiċjenti sabiex l-imsemmi kriterju jiġi sodisfatt. Li kieku kellu jkun mod ieħor, il-Kunsill jiddelega lill-awtoritajiet Ukreni s-setgħa li jiddeċiedu dwar l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni mingħajr l-iċken stħarriġ min-naħa ta’ din tal-aħħar.

107    F’dan ir-rigward, għalkemm il-qorti tal-Unjoni stabbilixxiet li l-identifikazzjoni ta’ persuna bħala responsabbli minn ksur ma jfissirx bilfors li għandu jkun hemm kundanna għal tali ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il‑Kunsill, C‑220/14 P, EU:C:2015:147, punti 71 u 72), xorta jibqa’ l-fatt li mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 49 iktar ’il fuq jirriżulta li hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi kkunsidrati kontra l-persuna kkonċernata, u mhux għal din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija motivi.

108    F’dan il-każ, il-kriterju ta’ inklużjoni msemmi mill-atti ta’ Marzu 2014, kif mibdul mill-atti ta’ Jannar 2015, jippermetti lill-Kunsill, konformement mas-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93), jieħu inkunsiderazzjoni investigazzjoni għal fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi bħala element li jista’ jiġġustifika, jekk ikun il-każ, l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi, bla ħsara għaċ-ċirkustanza li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq u tal-interpretazzjoni tal-kriterju ta’ inklużjoni fil-punti 89 sa 102 iktar ’il fuq, is-sempliċi fatt li persuna hija suġġetta għal investigazzjoni dwar ksur ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi ma jistax, waħdu, jiġġustifika l-azzjoni tal-Kunsill taħt l-Artikoli 21 u 29 TUE. B’hekk, il-kriterju ta’ inklużjoni ma jistax jiġi interpretat bħala delega lill-awtoritajiet Ukreni tas-setgħa li jiddeċiedu dwar l-impożizzjoni ta’ miżuri.

109    Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li l-estensjoni tal-kriterju mill-atti ta’ Jannar 2015, sabiex jiġu inklużi l-“persuni li huma soġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukraina [...] għall-abbuż tal-uffiċju bħala detentur ta’ pożizzjoni pubblika biex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih jew għal parti terza, u li b’hekk jikkawża telf ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukraina, jew għall-kompliċità f’tali abbuż”, ma jikkorrospondix mal-għanijiet tal-PESK.

110    Issa, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li din l-estensjoni tal-kriterju ta’ inklużjoni ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, peress li isem ir-rikorrent ġie inkluż fil-lista għas-sempliċi raġuni li kien suġġett għal proċeduri kriminali min-naħa tal-awtoritajiet Ukreni għal misapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi u mhux għal abbuż ta’ poter bħala persuna li żżomm kariga pubblika.

111    Fir-raba’ lok, ir-rikorrent għandu l-intenzjoni jqiegħed inkwistjoni r-regolarità tal-bidla tal-poter fl-Ukraina, wara l-ġrajjiet ta’ Frar 2014. Huwa jsostni li jeżistu bosta provi li juru li t-tmexxija attwali stess fl-Ukraina tippreġudika d-demokrazija u l-Istat tad-dritt, tikser u hija lesta li tikser sistematikament id-drittijiet tal-bniedem u jenfasizza li huwa ma huwiex ser jibbenefika minn trattament ekwu, indipendenti jew imparzjali min-naħa tal-aġenziji ta’ infurzar jew tal-awtoritajiet ġudizzjarji Ukreni. Huwa jirreferi, minn naħa, għall-assenza ta’ drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq fl-Ukraina u, min-naħa l-oħra għas-sitwazzjoni deplorevoli tad-drittijiet tal-bniedem f’dan il-pajjiż.

112    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Ukraina huwa Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa sa mill-1995 u rratifika l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u li t-tmexxija ġdida Ukrena ġiet irrikonoxxuta bħala leġittima mill-Unjoni kif ukoll mill-komunità internazzjonali. Għaldaqstant il-Kunsill ma wettaqx żball billi bbaża ruħu fuq provi li kienu ġew ipprovduti lilu minn awtorità ġudizzjarja għolja ta’ dan il-pajjiż fir-rigward tal-eżistenza ta’ proċeduri kriminali relatati ma’ allegazzjonijiet ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi kontra r-rikorrent, mingħajr ma jqiegħed inkwistjoni l-legalità u l-leġittimità tat-tmexxija u tas-sistema ġudizzjarja Ukrena.

113    Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li, fil-mument li r-rikorrent jipproduċi elementi tali li juru li l-fatti li bihom huwa akkużat huma manifestament foloz jew mgħawġa, huwa l-Kunsill li għandu l-obbligu li jivverifika l-informazzjoni li ġiet ipprovduta lilu u li jirrikjedi, jekk ikun il-każ, informazzjoni jew provi kumplimentari.

114    Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrent isemmi, l-ewwel nett, l-eżistenza ta’ persekuzzjoni politika fir-rigward tiegħu, li xhieda tagħha hija l-kwantità ta’ akkużi li jirrigwardawh, fejn ċerti kapi ta’ attribuzzjoni ta’ tort huma foloz u mmotivati minn kunsiderazzjonijiet politiċi, it-tieni nett, bosta dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ membri tat-tmexxija attwali li jippreżentaw lir-rikorrent bħala ħati minn numru ta’ ksur u, it-tielet nett, ksur proċedurali fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji li jirrigwardawh. B’mod iktar ġenerali, huwa jesprimi dubji dwar il-leġittimità tat-tmexxija l-ġdida Ukrena u dwar l-imparzjalità tas-sistema ġudizzjarja kif ukoll dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina.

115    Issa, dawn l-elementi la kienu tali li jqiegħdu inkwistjoni n-natura probabbli tal-akkużi mressqa kontra r-rikorrent dwar il-fatti kunsiderevolment preċiżi ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, liema fatt huwa suġġett għal eżami mwettaq fil-kuntest tar-raba’ motiv iktar ’il quddiem, u lanqas ma kienu suffiċjenti sabiex juru li s-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrent kienet affettwata mill-problemi li huwa jinvoka fir-rigward tas-sistema ġudizzjarja Ukrena, matul il-proċeduri li jirrigwardawh u li fuqhom hija bbażata l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu. Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kunsill ma kellux l-obbligu li jwettaq verifika addizzjonali tal-provi li kienu ġew prodotti lilu mill-awtoritajiet Ukreni.

116    Mill-kumplament, sa fejn l-eżami tal-argument tar-rikorrent jimplika li l-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar ir-regolarità tat-tranżizzjoni tat-tmexxija Ukrena u teżamina l-fondatezza tal-evalwazzjonijiet magħmula minn diversi istanzi internazzjonali f’dan ir-rigward, inklużi l-evalwazzjonijiet politiċi tal-Kunsill, għandu jiġi kkonstatat li tali eżami ma jaqax taħt il-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali fuq l-atti li huma s-suġġett ta’ din il-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Gbagbo vs Il‑Kunsill, T‑119/11, EU:T:2013:216, punt 75).

–       Konklużjoni dwar l-ewwel motiv

117    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-kriterju ta’ inklużjoni msemmi fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119, kif mibdul bid-Deċiżjoni 2015/143, huwa konformi mal-għanijiet tal-PESK, kif iddikjarati fl-Artikolu 21 TUE, sa fejn jindika l-persuni identifikati bħala responsabbli minn misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi Ukreni li tista’ tippreġudika l-Istat tad-dritt fl-Ukraina.

118    L-istess konklużjoni għandha tingħata fir-rigward tat-talbiet intiżi għall-annullament tar-Regolament Nru 208/2014. Dan jimponi miżura ta’ ffriżar ta’ fondi prevista minn deċiżjoni adottata konformement mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE u għaldaqstant hija konformi mal-Artikolu 215 TFUE, sa fejn teżisti deċiżjoni valida fis-sens tal-imsemmi artikolu.

119    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

120    Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-veru għan imfittex mill-Kunsill permezz tal-miżuri restrittivi inkwistjoni kien li jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod favorevoli mill-allegata tmexxija ta’ tranżizzjoni tal-Ukraina bil-għan li jiġġenera gvern Ukren favorevoli għall-Unjoni, liema fatt huwa finalità politika tal-Unjoni, u mhux l-għan li jikkonsolida u jsostni l-Istat tad-dritt fl-Ukraina. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-Kunsill ma stabbilixxa l-eżistenza ta’ ebda proċeduri kriminali kontra r-rikorrent fir-rigward ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u t-trasferiment illegali tagħhom barra mill-Ukraina.

121    B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-atti ta’ Jannar 2015, l-użu ħażin tal-poter huwa wisq iżjed evidenti meta jitqies, minn naħa, li l-Kunsill wessa’ l-kriterji ta’ inklużjoni minnflok ma neħħa isem ir-rikorrent mil-lista u, min-naħa l-oħra, billi wessa’ l-imsemmija kriterji, huwa, essenzjalment, iddelega lill-gvern Ukren kontroll sħiħ fuq dawn il-kriterji.

122    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

123    Preliminarjament, għandu jitfakkar li att ikun ivvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħed bil-għan esklużiv, jew minn tal-inqas bil-għan determinanti, li jilħaq għanijiet differenti minn dawk indikati jew bil-għan li tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattat għaċ-ċirkustanzi inkwistjoni (ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑390/10, EU:T:2009:401, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-atti ta’ Marzu 2014, fil-formulazzjoni inizjali tagħhom u kif emendati mill-atti ta’ Jannar u ta’ Marzu 2015, jipprevedu miżuri restrittivi kontra persuni identifikati bħala responsabbli mill-misapproprjazzjoni ta’ fondi li jappartjenu lill-Istat Ukren bil-għan li jsostnu l-Istat tad-dritt fl-Ukraina.

125    Konformement mal-konklużjonijiet ifformulati fil-kuntest tal-ewwel motiv, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-għan imfittex mid-Deċiżjoni 2014/119 jikkorrispondi ma wieħed mill-għanijiet iddikjarati fl-Artikolu 21(2)(b)TUE u, min-naħa l-oħra, li dan l-għan jista’ jintlaħaq permezz tal-miżuri kontenzjużi.

126    Għaldaqstant, ir-rikorrent ma pprovax li, billi adotta l-atti ta’ Marzu 2014 jew billi emendahom permezz tal-atti ta’ Jannar u ta’ Marzu 2015, il-Kunsill kellu għan li ma kienx dak li jikkonsolida jew isostni l-Istat tad-dritt fl-Ukraina.

127    Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni biċ-ċirkustanza, imfakkra mir-rikorrent, li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ffavorixxew ukoll, de facto jew b’mod intenzjonali, viċinanza bejn l-Ukraina u l-Unjoni.

128    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat ulterjorment li l-allegata assenza ta’ kull proċedura kriminali jew tal-eżistenza ta’ sempliċi investigazzjoni preliminari fl-Ukraina huma ċirkustanzi li ma humiex suffiċjenti sabiex tiġi ssostanzjata l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter min-naħa tal-Kunsill, sa fejn peress li dan straħ fuq bażi fattwali solida hekk kif jirriżulta mill-eżami tar-raba’ motiv (ara l-punti 131 sa 153 iktar ’il quddiem), huwa kellu għarfien tal-fatti attribwiti lir-rikorrent u li dawn il-fatti setgħu jiġġustifikaw intervent għall-finijiet tal-konsolidazzjoni u tas-sostenn tal-Istat tad-dritt fl-Ukraina.

129    Bl-istess mod, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrent, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, permezz tal-atti ta’ Jannar 2015, il-Kunsill ma wessax il-kriterji ta’ inklużjoni, iżda llimita lilu nnifsu sabiex jispjega l-kunċett ta’ “misapporprjazzjoni ta’ fondi”, u li, fi kwalunkwe każ, l-ispjegazzjoni tal-kriterju ta’ inklużjoni ma hijiex rilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-inklużjoni inizjali ta’ isem ir-rikorrent fil-lista permezz tal-atti ta’ Marzu 2014 (ara l-punti 50 sa 52 iktar ’il fuq) u għaldaqstant ma kinitx tinvolvi l-irtirar ta’ ismu mil-lista. Min-naħa l-oħra, kif ġie osservat fil-punt 108 iktar ’il fuq, il-kriterju ta’ inklużjoni ma jistax jiġi interpretat bħala delega lill-awtoritajiet Ukreni tas-setgħa li jiddeċiedu dwar l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni.

130    Għalhekk hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji ta’ inklużjoni fil-lista

131    Permezz tar-raba’ motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-inklużjoni ta’ ismu fil-lista ma kinitx tosserva l-kriterji ta’ inklużjoni ddikjarati mid-Deċiżjoni 2014/119, kif emendati bid-Deċiżjoni 2015/143.

132    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

–       Fuq l-argument prinċipali tar-rikorrent

133    Permezz tal-argument prinċipali tiegħu, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-motivazzjoni għall-inklużjoni ta’ ismu fil-lista, kif mibdula permezz tal-atti ta’ Marzu 2015, ma tissodisfax il-kriterji ta’ inklużjoni, hekk kif emendati mill-atti ta’ Jannar 2015.

134    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, mis-7 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrent huwa suġġett għal miżuri restrittivi ġodda introdotti mill-atti ta’ Marzu 2015 abbażi tal-kriterju ta’ inklużjoni msemmi fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119 hekk kif “spjegat” mill-atti ta’ Jannar 2015. Fil-fatt, id-Deċiżjoni 2015/364 ma hijiex sempliċi att konfermattiv, iżda tikkostitwixxi deċiżjoni awtonoma, adottata mill-Kunsill wara kunsiderazzjoni mill-ġdid perijodika prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2014/119.

135    Għaldaqstant hemm lok li tiġi eżaminata l-legalità tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista, mill-atti ta’ Marzu 2015, qabel kollox, fid-dawl tal-kriterju ta’ inklużjoni, hekk kif spjegat mill-atti ta’ Jannar 2015, u sussegwentement, tal-motivazzjoni għall-inklużjoni u, fl-aħħar nett, tal-provi li fuqhom hija bbażata l-imsemmija inklużjoni.

136    Qabel kollox, fir-rigward tal-kriterju ta’ inklużjoni, għandu jitfakkar li dan il-kriterju, kif mibdul bl-atti ta’ Jannar 2015, jipprovdi li l-miżuri restrittivi inkwistjoni għandhom japplikaw, b’mod partikolari, għall-persuni “identifikati bħala responsabbli” għal misapproprjazzjoni ta’ fondi li jappartjenu għall-Istat Ukren, li jinkludu l-persuni “li huma soġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukrajna” dwar misapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi Ukreni (ara l-punt 15 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, kif ġie spjegat fil-kuntest tal-ewwel motiv, l-imsemmi kriterju għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirrigwardax b’mod astratt kull fatt ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, iżda pjuttost fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi li jistgħu jippreġudikaw ir-rispett tal-Istat tad-dritt fl-Ukraina (ara l-punt 102 iktar ’il fuq).

137    Sussegwentement, fir-rigward tal-motivazzjoni għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista, għandu jitfakkar li, mis-7 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrent huwa inkluż fil-lista minħabba li kien suġġett għal “proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi” (ara l-punt 20 iktar ’il fuq).

138    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-provi li fuqhom hija bbażata l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista, għandu jiġi osservat, hekk kif jirrikonoxxi l-Kunsill, li l-legalità tal-motivazzjoni għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent, hekk kif ġiet mibdula, għandha tiġi evalwata b’mod prinċipali fir-rigward tal-ittra tat-30 ta’ Diċembru 2014, li tistabbilixxi l-iżviluppi li seħħew waqt diversi investigazzjonijiet li jirrigwardaw ir-rikorrent.

139    Din l-ittra tistabbilixxi investigazzjoni preliminari fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra r-rikorrent u li jirrigwardaw fatti kkwalifikati bħala misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u li jikkostitwixxu l-bażi għall-inklużjoni ta’ ismu fil-lista. Din l-investigazzjoni kienet tirrigwarda, b’mod iktar partikolari, żewġ ksur: evażjoni ta’ taxxi u ta’ ħlasijiet oħra obbligatorji, b’mod partikolari permezz ta’ atti ta’ falsifikazzjoni ta’ dokumenti, u tentattiv ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi permezz ta’ kreditu ta’ taxxa fittizju marbut mat-taxxa fuq il-valur miżjud.

140    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li din l-ittra, li tikkostitwixxi l-prova li fuqha l-Kunsill ibbaża ruħu għall-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2015, tipprovdi prova suffiċjenti tal-fatt li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2015, ir-rikorrent kien suġġett għal proċeduri kriminali li kienu jirrigwardaw misapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi.

141    Fit-tieni lok, għaldaqstant hemm lok li jiġi vverifikat jekk iż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista wara l-atti ta’ Marzu 2015 minħabba li huwa kien suġġett għal proċeduri kriminali għal tali ksur tissodisfax il-kriterju ta’ inklużjoni, hekk kif speċifikat mill-atti ta’ Jannar 2015 u kif interpretat fil-kuntest tal-ewwel motiv (ara l-punt 136 iktar ’il fuq).

142    Fid-dawl tal-ksur li bih huwa akkużat ir-rikorrent, elenkat fl-ittra tat-30 ta’ Diċembru 2014, minn naħa, għandu jitfakkar li t-tressieq ta’ azzjoni kontra reati ekonomiċi, bħall-misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, huwa mezz importanti għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tikkostitwixxi, fil-kuntest tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, prinċipju stabbilit fi ħdan il-kunċett ta’ Stat tad-dritt (ara l-punt 99 iktar ’il fuq).

143    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-ksur li biha qed jiġi akkużat ir-rikorrent jidħol f’kuntest usa’ fejn parti mhux żgħira tal-klassi diriġenti l-qadima Ukrena hija ssuspettata li wettqet ksur gravi fl-amministrazzjoni tar-riżorsi pubbliċi, b’tali mod li ġew serjament mhedda l-bażijiet istituzzjonali u ġuridiċi tal-pajjiż u li ġew ippreġudikati b’mod partikolari l-prinċipji ta’ legalità, ta’ projbizzjoni li l-awtorità eżekuttiva taġixxi b’mod arbitrarju, tal-istħarriġ ġudizzjarju effettiv u ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi (ara l-punti 100 sa 102 iktar ’il fuq).

144    Għaldaqstant, meħuda flimkien u fid-dawl tal-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrent fi ħdan il-klassi diriġenti l-qadima Ukrena u, b’mod iktar partikolari, mal-ex President, il-miżuri restrittivi inkwistjoni jikkontribwixxu, b’mod effikaċi, sabiex jiffaċilitaw it-tressieq ta’ azzjoni kontra reati ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi mwettqa għad-detriment tal-istituzzjonijiet Ukreni u jippermettu li jkun iktar faċli, għall-awtoritajiet Ukreni, li jiksbu r-restituzzjoni tal-frott ta’ tali misapproprjazzjonijiet minn dawn tal-aħħar. Dan jippermetti li tiġi ffaċilitata, fl-ipoteżi fejn jirriżulta li t-tressiq ta’ azzjonijiet ġudizzjarji huma fondati, ir-respressjoni, b’mezzi ġudizzjarji, tal-atti allegati ta’ korruzzjoni mwettqa minn membri tat-tmexxija l-qadima, u b’hekk jingħata kontribut għas-sostenn tal-Istat tad-dritt f’dan il-pajjiż (ara, f’dan is-sens, il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 96 iktar ’il fuq).

145    Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista, permezz tal-atti ta’ Marzu 2015, abbażi tal-provi pprovduti fl-ittra tat-30 ta’ Diċembru 2014, hija konformi mal-kriterju ta’ inklużjoni, kif emendat bl-atti ta’ Jannar 2015 u interpretat fid-dawl tal-għan li fuqu huwa bbażat, jiġifieri dak li jiġi kkonsolidat u sostnut l-Istat tad-dritt fl-Ukraina.

–       Fuq l-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrent

146    Qabel kollox, ir-rikorrent isostni li huwa kien suġġett għal sempliċi investigazzjoni li, billi ma kienx suġġett għal proċedura ġudizzjarja, huwa ma kienx jissodisfa l-kriterju ta’ inklużjoni.

147    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li l-kriterju ta’ inklużjoni msemmi mill-atti ta’ Marzu 2014, kif mibdul bl-atti ta’ Jannar 2015, jippermetti lill-Kunsill jieħu inkunsiderazzjoni investigazzjoni għal fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi bħala element li jista’ jiġġustifika, jekk ikun il-każ, l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill għandu l-obbligu li jistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi kkunsidrati kontra l-persuna kkonċernata, billi tistrieħ fuq bażi fattwali suffiċjenti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-investigazzjoni preliminari li għaliha kien suġġett ir-rikorrent kinitx tidħol fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ġenwina fis-sens tal-kodiċi kriminali Ukren (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2016, Klyuyev vs Il‑Kunsill, T‑341/14, EU:T:2016:47, punt 50, u tat-28 ta’ Jannar 2016, Azarov vs Il‑Kunsill, T‑331/14, EU:T:2016:49, punt 55).

148    Ċertament, il-ftuħ ta’ proċedura ġudizzjarja fis-sens tal-kodiċi ta’ proċedura kriminali Ukren jikkostitwixxi element li l-Kunsill jista’ jieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-istabbiliment tal-eżistenza tal-fatti li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fuq livell tal-Unjoni u tal-evalwazzjoni tal-ħtieġa li jiġu adottati tali miżuri għall-finijiet tal-garanzija tal-effetti tal-azzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali. Xorta jibqa’ l-fatt li l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi taqa’ taħt il-kompetenza tal-Kunsill, li jiddeċiedi b’mod awtonomu dwar il-ħtieġa u l-opportunità li jiġu adottati tali miżuri, fid-dawl tal-għanijiet tal-PESK, indipendentement minn talba f’dan is-sens mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat u minn kull provvediment ieħor adottat minnhom fuq livell nazzjonali, dejjem sakemm huwa jistrieħ fuq bażi fattwali solida fis-sens tal-ġurisprudenza rilevanti (ara l-punt 41 iktar ’il fuq).

149    Sussegwentement, ir-rikorrent isostni, minn naħa, li, kuntrarjament għal dak li qed jiġi sostnut fl-ittra tat-30 ta’ Diċembru 2014, l-evażjoni mit-taxxi u ħlasijiet oħra obbligatorji ma tikkostitwixxix misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u, min-naħa l-oħra, li l-akkuża li wettaq tenttattiv ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi msemmija f’din l-ittra ma hijiex issostanzjata u, sa fejn tirrigwarda tentattiv ta’ ksur, ma tissodisfax il-kriterju ta’ inklużjoni.

150    Madankollu, minkejja li huwa ta’ dispjaċir li l-Kunsill ma kisibx informazzjoni iktar preċiża fir-rigward tal-akkużi mressqa fir-rigward tar-rikorrent, l-argumenti mqajjma minn dan tal-aħħar ma jqiegħdu inkwistjoni la l-eżistenza tal-investigazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet Ukreni u lanqas il-possibbiltà le seħħew il-fatti li huma suġġetti għal dawn l-investigazzjonijiet li wasslu lill-Kunsill jadotta l-miżuri restrittivi inkwistjoni. Dawn l-argumenti huma pjuttost intiżi sabiex jikkontestaw aspetti proċedurali, bħall-assenza ta’ “proċedura ġudizzjarja” ġenwina jew sabiex jikkonfutaw akkużi magħmula mill-imsemmija awtoritajiet fir-rigward tar-rikorrent, inkluża l-kwalifika tal-fatti li bihom huwa akkużat fis-sens tad-dritt kriminali Ukren, kwistjoni li tirrigwarda l-fondatezza ta’ dawn l-allegazzjonijiet.

151    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma għandux l-obbligu li jivverifika l-fondatezza tal-investigazzjonijiet li għalihom ikun suġġett ir-rikorrent, iżda biss li jivverifika l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi fir-rigward tal-elementi disponibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il‑Kunsill, C‑220/14 P, EU:C:2015:147, punt 77).

152    Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill missu wettaq verifika partikolarment rigoruża tal-bażi fattwali għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi f’dan il-każ, b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni speċifika tal-Ukraina. Huwa jistrieħ, b’mod partikolari, fuq iċ-ċirkustanzi li ġejjin: l-ewwel nett, il-fatt li l-Ukraina ma hijiex Stat Membru tal-Unjoni, it-tieni nett, it-timbru politiku tal-allegazzjonijiet kontrih, it-tielet nett, l-assenza ta’ żvilupp fil-proċess kriminali inkwistjoni, ir-raba’ nett, l-assenza ta’ kull proċedura ekwilibrata jew ekwa fl-Ukraina fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet fi stadju preċedenti għall-akkuża, il-ħames nett, il-fatt li l-qrati Ukreni diġà stabbilixxew li ċerta informazzjoni: mogħtija mill-awtoritajiet Ukreni kienet falza u, is-sitt nett, il-fatt li l-Kunsill kellu ċertu terminu sabiex jipproduċi jew jivverifika l-provi u l-informazzjoni li jiġġustifikaw ir-raġunijiet il-ġodda tiegħu.

153    Dawn l-argumenti diġà ġew miċħuda fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv (ara l-punti 111 sa 116 iktar ’il fuq). Sa fejn huma intiżi li jistabbilixxu li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward, qed jiġu ttrattati fil-kuntest tal-ħames motiv iktar ’il quddiem.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

154    Permezz tal-ħames motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill ma jistax validament jibbaża ruħu biss fuq allegazzjonijiet ippreżentati lilu minn Stat Membru jew minn pajjiż terz u li għandu jistħarreġ huwa nnifsu l-eżattezza tal-allegazzjonijiet imressqa quddiemu. Għaldaqstant il-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi bbaża ruħu fuq allegazzjonijiet mhux issostanzjati sabiex jinkludi u jżomm isem ir-rikorrent fil-lista.

155    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

156    Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 41 iktar ’il fuq, il-Kunsill issodisfa l-oneru tal-prova impost fuqu. Fil-fatt, waqt l-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2015, il-Kunsill kellu informazzjoni iktar issostanzjata dwar il-fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi li kienet tiġġustifika, skont l-awtoritajiet Ukreni, il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet fir-rigward tar-rikorrent. Il-Kunsill kien ħa konjizzjoni ta’ dawn il-fatti, b’mod partikolari permezz tal-ittra tat‑30 ta’ Diċembru 2014, li kienet ġiet ikkomunikata lir-rikorrent qabel l-adozzjoni tal-imsemmija atti.

157    Barra minn hekk, peress li l-inklużjoni tar-rikorrent hija bbażata fuq att tal-amministrazzjoni ġudizzjarja Ukrena deskritta fl-ittra tat-30 ta’ Diċembru 2014, jiġifieri l-ftuħ ta’ investigazzjoni bbażata fuq ksur minħabba misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, il-Kunsill ma jistax jiġi akkużat li ma vverifikax li informazzjoni minn waħda mill-ogħla awtoritajiet ġudizzjarji tal-pajjiż u li tikkonferma l-eżistenza ta’ dawn l-investigazzjonijiet kienet korretta u ssostanzjata (ara l-punti 111 sa 116 iktar ’il fuq).

158    Wara kollox, il-Kunsill ma għandux jivverifika l-fondatezza tal-investigazzjonijiet li tagħhom huwa suġġett ir-rikorrent, iżda biss li jivverifika l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi fid-dawl ta’ dawn l-investigazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il‑Kunsill, C‑220/14 P, EU:C:2015:147, punt 77), kif għamel meta adotta l-atti ta’ Marzu 2015, abbażi tal-provi li kienu jikkonfermaw l-eżistenza ta’ proċeduri kriminali għal fatti, ippreċiżati sew, ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

159    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà

160    Permezz tas-seba’ motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni, l-ewwel nett, li l-miżuri restrittivi ġew imposti fir-rigward tiegħu mingħajr ma ġew osservati l-garanziji adegwati li ppermettewlu jiddefendi ruħu quddiem il-Kunsill. It-tieni nett, dawn il-miżuri ġew adottati bi ksur tal-kriterji ta’ inklużjoni. It-tielet nett, il-motivazzjoni għall-inklużjoni ma tipprevedix iżjed il-ksur ta’ trasferiment illegali ta’ fondi pubbliċi Ukreni barra mill-Ukraina. Ir-raba’ nett, il-Kunsill ma weriex li l-iffriżar totali tal-assi, b’differenza ta’ ffriżar parzjali, kien proporzjonat f’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt, minn naħa, li minn dawn l-akkużi kontra r-rikorrent ma jirriżultax li l-proprjetà immobbli allegatament misapproprjata nbiegħet jew ma tistax tiġi rkuprata mod ieħor u, min-naħa l-oħra, li ffriżar ta’ fond ma jiġġustifikax ruħu lil hinn mill-valur tal-beni allegatament misapproprjati, hekk kif jirriżulta mill-ittra tat-30 ta’ Diċembru 2014.

161    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

162    Preliminarjament għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel u t-tieni argumenti ġew ittrattati u miċħuda, rispettivament, fil-kuntest tas-sitt u r-raba’ motivi.

163    Jeħtieġ ukoll li jiġi miċħud it-tielet argument tar-rikorrent, li l-motivazzjoni għall-inklużjoni ma tipprevedix iżjed il-ksur ta’ trasferiment illegali ta’ fondi pubbliċi Ukreni barra mill-Ukraina. Fil-fatt, minkejja li t-trasferiment illegali ta’ fondi pubbliċi barra mill-Ukraina ma huwiex iżjed previst mill-motivazzjoni għall-inklużjoni, hekk kif mibdula mill-atti ta’ Marzu 2015, xorta jibqa’ l-fatt li r-riferiment għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, fil-każ li titqies li hija fondata, huwa suffiċjenti, waħdu, sabiex jiġġustifika l-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent.

164    Fir-rigward tar-raba’ argument, ibbażat, essenzjalment, fuq nuqqas ta’ proporzjonalità tal-miżuri restrittivi, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. B’hekk, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tiġi adottata l-inqas waħda restrittiva u l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxa (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 205 u l-ġurisprudenza ċċitata).

165    F’dan il-każ, huwa minnu li d-dritt tar-rikorrent għall-proprjetà huwa limitat, peress li huwa ma jistax, b’mod partikolari, jiddisponi mill-fondi tiegħu preżenti fit-territorju tal-Unjoni, b’eċċezzjoni għal awtorizzazzjonijiet partikolari, u ebda fond jew riżors ekonomiku ma jista’ jitqiegħed, direttament jew indirettament, għad-dispożizzjoni tiegħu.

166    F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jitfakkar, hekk kif ġie stabbilit fil-kunest tal-ewwel u r-raba’ motivi, li, minn naħa, il-kriterju ta’ inklużjoni, stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119, kif mibdul bid-Deċiżjoni 2015/143, huwa konformi mal-għanijiet tal-PESK u, min-naħa l-oħra, li l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista hija konformi mal-kriterju ta’ inklużjoni (ara l-punti 89 sa 117 u 135 sa 145 iktar ’il fuq).

167    Sussegwentement, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrent li, minn naħa, ma huwiex sostnut li l-proprjetà immobbli allegatament misapproprjata inbiegħet jew ma tistax tiġi rkuprata mod ieħor u, min-naħa l-oħra, iffiriżar ta’ fondi ma jkunx ġustifikat lil hinn mill-valur tal-beni allegatament misapproprjati, kif jirriżulta mill-ittra tat-30 ta’ Diċembru 2014.

168    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif jenfasizza l-Kunsill, minn naħa, li ċ-ċifri msemmija f’din l-ittra jagħtu biss indikazzjoni tal-valur tal-assi li ġew misapproprjati u, min-naħa l-oħra, li kull tentattiv intiż sabiex jiġi ddelimitat l-ammont tal-fondi ffriżati jkun diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli, li jiġi implementat fil-prattika.

169    Wara kollox, l-inkonvenjent iġġenerat mill-miżuri restrittivi ma huwiex sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet imfittxa, fid-dawl, minn naħa, tal-fatt li dawn il-miżuri huma ta’ natura temporanja u reversibbli u, għalhekk, ma jippreġudikawx l-“essenza” tad-dritt għall-proprjetà, u, min-naħa l-oħra, li jista’ jiġi dderogat minn dan id-dritt sabiex jiġu koperti l-ħtiġijiet fundamentali, l-ispejjeż legali jew ukoll l-ispejjeż straordinarji tal-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 209).

170    Għaldaqstant hemm lok li jiġi miċħud is-seba’ motiv u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu, sa fejn jirrigwarda l-annullament taż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista permezz tal-atti ta’ Marzu 2015.

 Fuq iż-żamma fis-seħħ tal-effetti tad-Deċiżjoni 2014/119

171    Sussidjarjament, il-Kunsill jitlob li, fil-każ ta’ annullament parzjali tal-atti ta’ Marzu 2014, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, il-Qorti Ġenerali tiddikjara li l-effetti tad-Deċiżjoni 2014/119 jinżammu fis-seħħ sakemm isir effettiv l-annullament parzjali tar-Regolament Nru 208/2014. Huwa jitlob ukoll li, fil-każ ta’ annullament parzjali tal-atti ta’ Marzu 2015, l-effetti tad-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata, jinżammu fis-seħħ sakemm isir effettiv l-annullament parzjali tar-Regolament Nru 208/2014, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/357.

172    Ir-rikorrent jikkontesta t-talba tal-Kunsill.

173    Għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, annullat id-Deċiżjoni 2014/119 u r-Regolament Nru 208/2014, fil-verżjoni inizjali tagħhom, sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrent, u, min-naħa l-oħra, ċaħdet ir-rikors sa fejn huwa indirizzat kontra r-Regolament 2015/138 u l-atti ta’ Marzu 2015, sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrent.

174    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif tfakkar fil-punt 134 iktar ’il fuq, id-Deċiżjoni 2015/364 ma hijiex sempliċi att konfermattiv, iżda tikkostitwixxi deċiżjoni awtonoma, adottata mill-Kunsill wara li tkun saret kunsiderazzjoni mill-ġdid perjodika, kif previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2014/119. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm l-annullament tal-atti ta’ Marzu 2014, sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrent, jinvolvi l-annullament tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista għall-perijodu ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-atti ta’ Marzu 2015, min-naħa l-oħra, dan ma huwiex tali li jqiegħed inkwistjoni l-legalità ta’ din l-istess inklużjoni għall-perijodu ta’ wara l-imsemmi dħul fis-seħħ.

175    Konsegwentement, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-talba tal-Kunsill li tirrigwarda ż-żamma fis-seħħ tal-effetti tad-Deċiżjoni 2014/119.

 Fuq l-ispejjeż

176    Skont l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

177    F’dan il-każ, peress li l-Kunsill tilef fir-rigward tat-talba għal annullament imressqa fir-rikors, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż relatati ma’ din it-talba, konformement mat-talbiet tar-rikorrent. Peress li r-rikorrent tilef fir-rigward tat-talba għal annullament magħmula fin-nota ta’ adattament tat-talbiet, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż relatati ma’ din it-talba, konformement mat-talbiet tal-Kunsill.

178    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal‑5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/216/PESK, tal-14 ta’ April 2014, li timplimenta d-Deċiżjoni 2014/119 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2015, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 381/2014, tal-14 ta’ April 2014, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014, huma annullati sa fejn isem Oleksandr Viktorovych Yanukovych ġie inkluż fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li fir-rigward tagħhom japplikaw dawn il-mużuri restrittivi, u dan sad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/364, tal-5 ta’ Marzu 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/357, tal-5 ta’ Marzu 2015, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti minn O.V. Yanukovych, fir-rigward tat-talba għal annullament ifformulata fir-rikors.

4)      O.V. Yanukovych huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti mill-Kunsill, fir-rigward tat-talba għal annullament ifformulata fin-nota ta’ adattament tat-talbiet tiegħu.

5)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Berardis

Czúcz

Pelikánová

Popescu

 

       Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Settembru 2016.


Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq it-talbiet għal annullament tal-atti ta’ Marzu 2014, kif emendati, rispettivament, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/216 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 381/2014, sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrent

2.  Fuq it-talbiet għal annullament tal-atti ta’ Marzu 2014, kif emendati mill-atti ta’ Jannar u ta’ Marzu 2015, sa fejn dawn jirrigwardaw lir-rikorrent

Fuq il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali sabiex teżamina l-legalitŕ tad-Deċiżjoni 2015/143

Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażat fuq in-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrent fir-rigward tar-Regolament 2015/138

Fuq il-mertu

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ bażi legali

–  Fuq l-argument prinċipali tar-rikorrent, ibbażat fuq l-assenza ta’ proporzjonalitŕ tal-kriterju ta’ inklużjoni fir-rigward tal-għanijiet tat-Trattat UE

–  Fuq l-argumenti l-oħra invokati mir-rikorrent

–  Konklużjoni dwar l-ewwel motiv

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji ta’ inklużjoni fil-lista

–  Fuq l-argument prinċipali tar-rikorrent

–  Fuq l-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrent

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetŕ

Fuq iż-żamma fis-seħħ tal-effetti tad-Deċiżjoni 2014/119

Fuq l-ispejjeż


** Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.