Language of document : ECLI:EU:T:2018:51

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

1 ta’ Frar 2018 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva Superior Quality Cigarettes FILTER CIGARETTES Raquel – Trade mark internazzjonali figurattiva preċedenti Marlboro – Raġuni relattiva għal rifjut – Produzzjoni ta’ provi għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell – Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell – Artikolu 76(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 95(2) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Regola 50(1) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95”

Fil-Kawża T‑105/16,

Philip Morris Brands Sàrl, stabbilita f’Neuchâtel (l-Isvizzera), irrappreżentata minn L. Alonso Domingo, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral u M. Simandlova, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Explosal Ltd, stabbilita f’Larnaca (Ċipru), irrappreżentata minn D. McFarland, barrister,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO, tal-4 ta’ Jannar 2016 (Każ R 2775/2014‑1), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Philip Morris u Explosal,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, I. S. Forrester (Relatur) u E. Perillo, Imħallfin,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Marzu 2016,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Mejju 2016,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Ġunju 2016,

wara s-seduta tat-12 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-1 ta’ Lulju 2011, l-intervenjenti, Explosal Ltd, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 34 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti “boroż tat-tabakk; tabakk; tabakk tat-tipjip; tabakk, sigarri u sigaretti; tabakk ipproċessat”.

4        Fit-28 ta’ Mejju 2013, is-sinjal figurattiv irrappreżentat fil-punt 2 iktar ’il fuq ġie rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea.

5        Fil-15 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti, Philip Morris Brands Sàrl ippreżentat applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark inkwistjoni skont l-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 60(1)(a) tar-Regolament 2017/1001), moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(b)), tar-Regolament 2017/1001 u l-Artikolu 8(5), tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament 2017/1001).

6        L-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq tlettax-il trade mark figurattiva preċedenti.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2014, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li prinċipalment, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-proċeduri, għamlet paragun bejn it-trade mark ikkontestata u t-trade mark internazzjonali preċedenti rreġistrata bin-numru 1064851 (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti”) segwenti:

Image not found

8        Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sabet, minn naħa, li x-xebh baxx bejn it-trade marks inkwistjoni ma wassalx għal probabbiltà ta’ konfużjoni skont l-Artikolu8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u, min-naħa l-oħra, li fir-rigward tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova li turi r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

9        Fid-29 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Fl-10 ta’ Novembru 2014, hija ppreżentat ukoll talba għal restitutio in integro għar-raġuni li l-possibbiltà li tipproduċi l-prova tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ma ngħatatlilhiex.

10      Fil-5 ta’ Diċembru 2014, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal restitutio in integrum, peress li kkunsidrat li r-rikorrenti ma wrietx il-viġilanza sħiħa rikjesta sabiex tosserva t-terminu mogħti għall-preżentata tad-dokumenti insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Ir-rikorrenti ma appellatx minn din id-deċiżjoni.

11      B’deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

12      L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell ċaħad l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-ksur allegat tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-elementi dominanti tas-sinjali figurattivi konfliġġenti kienu l-elementi verbali “marlboro” u “raquel”, filwaqt li l-forma ġeometrika ta’ kulur skur li tidher fil-parti ta’ fuq tas-sinjali, il-“forma ta’ bejt” mitluba mir-rikorrenti, kienet tikkostitwixxi “dekorazzjoni” iktar milli element distintiv. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, għaldaqstant, minkejja l-identità tal-prodotti kkonċernati, is-sinjali figurattivi inkwistjoni kienu differenti jew simili għal grad estremament baxx, li kien jeskludi kull probabbiltà ta’ konfużjoni.

13      It-tieni nett, il-Bord tal-Appell ċaħad il-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu, dwar il-karattru distintiv qawwi miksub mit-trade mark preċedenti, b’mod partikolari tal-element grafiku tagħha “fil-forma ta’ bejt”. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 95(2) tar-Regolament Nru 2017/1001) li jagħtih setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedi kienx hemm lok jew le li jieħu inkunsiderazzjoni jew le fatti u provi prodotti tardivament. Barra minn hekk, skont ir-Regola 50(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), l-eżami tal-appell huwa limitat għall-provi prodotti fl-ewwel istanza. Għalhekk, l-ammissibbiltà ta’ provi ġodda tkun suġġetta għall-kundizzjoni li dawn ikunu kumplimentari, li, skont il-Bord tal-Appell, ma kienx il-każ f’dan il-każ.

14      Il-Bord tal-Appell eżamina l-fatturi li, skont ir-rikorrenti, kienu jiġġustifikaw in-nuqqas li jkunu prodotti provi quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, b’mod partikolari l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-intenzjoni tagħha kienet li tipproduċihom wara li tirċievi l-osservazzjonijiet tal-intervenjenti; issa, peress li din tal-aħħar ma weġbitx fit-terminu mogħti, il-fażi kontenzjuża tal-proċedimenti kienet ingħalqet. Il-Bord tal-Appell qies li din il-ġustifikazzjoni ma kinitx konvinċenti għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, ir-Regola 37(b)(iv) tar-Regolament Nru 2868/95 għandha tiġi interpretata bħala li tirrikjedi minn min jitlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità li jissottomettu l-argumenti u l-provi tagħhom fil-mument tal-preżentata tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. It-tieni nett, ir-Regola 40(2) tar-Regolament Nru 2868/95 (li sar l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 2017 li jissupplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trademark Komunitarja u li jirrevoka r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 u (KE) Nru 216/96 (ĠU 2017, L 205, p. 1)], ippermettiet lill-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità abbażi tal-provi li kellha disponibbli, anki mingħajr l-osservazzjonijiet tal-intervenjenti. It-tielet nett, fid-dawl tal-assenza ta’ kwalunkwe limitu ratione temporis sabiex titressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ir-rikorrenti kellha żmien biżżejjed sabiex tiġbor il-provi li tqis neċessarja li tehmeż mat-talba tagħha.

15      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Bord tal-Appell iddeċieda li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu mir-rikorrenti.

16      It-tielet nett, il-Bord tal-Appell ċaħad argument tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn il-prova tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti kienet ġiet prodotta għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell u, minħabba dan, ma setgħetx titttieħed inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li għalkemm din ir-reputazzjoni kien ġiet ippruvata, il-grad ta’ xebh estremament baxx bejn it-trade marks konfliġġenti kien insuffiċjenti sabiex rabta bejniethom setgħet inħolqot f’moħħ il-pubbliku.

 It-talbiet tal-partijiet

17      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiddikjara l-invalidità tat-trade mark ikkontestata jew, sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Bord tal-Appell għal eżami ulterjuri fid-dawl tal-provi prodotti fir-rigward tar-reputazzjoni u tal-karattru distintiv iktar qawwi tat-trade mark preċedenti.

–        tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

18      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

19      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

20      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi bbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 76(1) tal-imsemmi regolament (li sar l-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001) u, it-tielet, fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

21      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkritika, essenzjalment, il-Bord tal-Appell talli rrifjuta li jikkunsidra l-provi tar-reputazzjoni u tal-karattru distintiv għoli tat-trade mark preċedenti li hija kienet ipproduċiet għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell. B’dan il-mod, il-Bord tal-Appell ivvizzja d-deċiżjoni kkontestata bi ksur tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009.

22      It-tieni motiv tar-rikorrenti huwa maqsum f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell wettaq żball fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark ikkontestata u t-trade mark preċedenti. Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-karattru distintiv għoli tat-trade mark preċedenti, bi ksur tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 8(1)(b) tal-istess regolament.

23      Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li, anki jekk il-prova tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni, il-grad ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni kien insuffiċjenti sabiex tinħoloq rabta f’moħħ il-konsumaturi.

24      Għall-finijiet tas-sentenza preżenti, il-Qorti Ġenerali eżaminat, qabel kollox, flimkien, l-ewwel motiv u t-tieni parti tat-tieni motiv, sa fejn huma intiżi, it-tnejn li huma, għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009.

25      Ir-rikorrenti tikkritika lill-EUIPO li applika b’mod żbaljat l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95, sa fejn il-Bord tal-Appell ċaħad il-provi tar-reputazzjoni u tal-karattru distintiv għoli tat-trade mark preċedenti għar-raġuni li kienu ġew prodotti għall-ewwel darba quddiemu.

26      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, abbażi tal-verżjoni Ingliża tar-Regolament Nru 2868/95, li r-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 ma jipprekludix l-aċċettazzjoni ta’ provi ġodda, it-termini “supplimentari” u “adizzjonali” li jinsabu t-tnejn fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li jimplika li l-Bord tal-Appell seta’ ħa inkunsiderazzjoni fatti u provi ġodda, jiġifieri prodotti l-ewwel darba quddiemu. Ir-rikorrenti tenfasizza r-rilevanza manifesta tal-provi ġodda li hija pproduċiet quddiem il-Bord tal-Appell, il-fatt li l-parti l-oħra fil-proċedimenti jiġifieri l-intervenjenti, setgħet tikkontestahom utilment, kif ukoll il-kontradizzjoni ċara bejn id-deċiżjoni kkontestata u deċiżjoni preċedenti tal-Bord tal-Appell, mogħtija xi xhur qabel id-deċiżjoni kkontestata, li kienet tikkonċerna t-trade mark preċedenti u l-element grafiku tagħha fil-forma ta’ bejt.

27      Mingħajr ma tikkontesta l-fakultà ta’ diskrezzjoni tal-Bord tal-Appell li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatti u l-provi prodotti tardivament, ir-rikorrenti tqis li din il-fakultà ma tistax issir arbitrarja meta tali elementi ġodda jista’ jkollhom rilevanza reali għall-eżitu tal-proċedimenti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul (C‑29/05 P, EU:C:2007:162), sabiex issostni li ma huwiex ipprojbit li l-EUIPO jieħu inkunsiderazzjoni fatti u provi prodotti tardivament. Għall-kuntrarju, kunsiderazzjonijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba jimmiltaw favur l-aċċettazzjoni ta’ tali elementi.

28      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka d-deċiżjoni preċedenti tal-ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO tas- 27 ta’ Frar 2015 fil-Kawża R 1585/2013‑1 li opponiet li l-proprjetarju tat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea SUPER ROLL (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni SUPER ROLL”), li fiha ġie rrikonoxxut li t-trade mark Marlboro u l-element grafiku tagħha f’forma ta’ bejt kienu kisbu “reputazzjoni kbira” fl-Unjoni Ewropea kollha mal-pubbliku rilevanti.

29      Ir-rikorrenti ssostni li, fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, hija kienet ippreżentat kopja tad-deċiżjoni “SUPER ROLL”, flimkien mal-provi sabiex tiġi stabbilita r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Issa, il-Bord tal-Appell kien ċaħad kemm il-provi kif ukoll il-kontenut tad-deċiżjoni “ROLL SUPER”, billi qies, kuntrarjament għall-imsemmija deċiżjoni, li l-forma ġeometrika ta’ kulur skur tiġi pperċepita bħala sempliċi “dekorazzjoni” li l-konsumaturi ma jibqgħux jiftakru.

30      Minn dan isegwi, skont ir-rikorrenti, li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 billi ma ħax inkunsiderazzjoni “fatti magħrufin”, jiġifieri r-reputazzjoni u l-karattru distintiv għoli tal-element grafiku “fil-forma ta’ bejt” u l-libsa kummerċjali tat-trade mark preċedenti. Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jistax jiġi interpretat bħala li jobbliga lill-EUIPO sabiex jadotta deċiżjonijiet abbażi ta’ ipoteżijiet fattwali manifestament inkompleti jew “kontra r-realtà”, a fortiori meta jkunu kontra l-kontenut ta’ deċiżjonijiet preċedenti mogħtija fl-istess kuntest.

31      L-EUIPO jsostni li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jagħtih setgħa diskrezzjonali sabiex jiddeċiedi, filwaqt li jagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu dwar dan il-punt, jekk hemmx lok jew le li tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni prodotta barra t-termini mogħtija (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punt 43). Issa, il-provi prodotti mir-rikorrenti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell ma kinux elementi supplimentari iżda elementi kompletament ġodda, li, fid-dawl ta’ ġurisprudenza stabbilita, kien jagħmilhom inammissibbli, minħabba nuqqas li jiġu prodotti fit-terminu inizjalment mogħti (sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2013, Centrotherm Systemtechnik vs UASI, C‑610/11 P, EU:C:2013:593, punti 86 sa 88 u 117, u tal-21 ta’ Novembru 2013, Recaro vs UASI – Certino Mode (RECARO), T‑524/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:604, punti 62 sa 66).

32      L-EUIPO jenfasizza li l-Bord tal-Appell xorta waħda eżamina jekk ċirkustanzi partikolari jippermettux li jġġustifikaw t-teħid inkunsiderazzjoni tal-provi prodotti tardivament mir-rikorrenti, qabel ma kkonkluda li dan ma kienx il-każ, b’mod partikolari fir-rigward tal-fatt li ma kien hemm l-ebda limitu ratione temporis sabiex titressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti kienet deliberatament naqset milli tipproduċi l-provi fil-proċedimenti fl-ewwel istanza.

33      L-EUIPO jqis li, fid-dawl tal-prinċipji tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet u l-amministrazzjoni tajba kif ukoll tal-ħtieġa li jiġi żgurati l-iżvolġiment tajjeb u l-effikaċja tal-proċedimenti, il-Bord tal-Appell kellu raġun li ma jagħtix vantaġġ inġust lil parti waħda għad-detriment tal-oħra. Il-fatt li r-rikorrenti “b’inġenwinità” ippreżumiet li hija tista’ tipproduċi l-provi ulterjorment ma jistax jitqies bħala raġuni leġittima; għall-kuntrarju, dan l-aġir għandu jiġi kklassifikat bħala negliġenti.

34      Fir-rigward tal-karattru allegatament magħruf globalment tal-element grafiku “fil-fomra ta’ bejt” tat-trade mark preċedenti, li jmur lil hinn minn sempliċi element dekorattiv, l-EUIPO jsostni li r-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova li dan l-element ikun irrikonoxxut bħala indikazzjoni ta’ oriġini. Din tkun forma ġeometrika rudimentali, jiġifieri pentagonu, li minnu tlieta minn kull ħames naħat jiġi ddeterminati mill-forma tal-pakkett tas-sigaretti. Ma hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jemmen li huwa għal dan l-element figurattiv sempliċi, u mhux għall-element verbali distintiv, jiġifieri “marlboro”, li l-konsumaturi ser jagħtu iktar attenzjoni.

35      Fir-rigward tar-riferiment, mir-rikorrenti għad-deċiżjoni “SUPER ROLL”, li tirrikonoxxi l-karattru distintiv għoli tat-trade mark preċedenti, l-EUIPO jqis li dan bl-ebda mod ma jorbot lill-Bord tal-Appell sa fejn dak ir-rikonoxximent huwa limitat għal kull proċedura individwali (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2015, Calida vs UASI – Quanzhou Green Garments (dadida), T-597/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:804, punti 42 sa 48). Konklużjoni opposta tmur kontra d-drittijiet tad-difiża tal-parti l-oħra fil-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u twessa’, b’mod żbaljat, il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata għal deċiżjoni amministrattiva.

36      Dwar l-intervenjenti, din tikkonkludi li r-rikors għandu jiġi miċħud u, essenzjalment, issostni li r-rikors ma jidentifikax b’mod preċiż il-motivi ta’ rikors u l-allegati żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, iżda huwa limitat għal espressjonijiet ta’ diżappunt u ta’ diżgust u għal eżortazzjonijiet ġenerali. L-intervenjenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija “solida” u ma hijiex ibbażata fuq ebda żball ta’ liġi jew ta’ fatt. L-evalwazzjoni analitika tat-trade marks inkwistjoni magħmula mill-bord hija korretta, motivata tajjeb u skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009 u motivata tajjeb.

37      Għandu jitfakkar, qabel kollox, li t-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95, applikabbli b’analoġija għall-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, jipprevedi, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell jillimita l-eżami tar-rikors għall-fatti u għall-provi ppreżentati quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, sakemm il-Bord tal-Appell iqis li fatti u provi addizzjonali jew supplimentari għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi li l-UASI jista’ ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatti li ma kinux imsemmija mill-partijiet jew provi li ma kinux prodotti fi żmien utli.

38      Ir-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi b’hekk espressament li waqt l-eżami ta’ appell minn deċiżjoni ta’ Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, il-Bord tal-Appell għandu setgħa diskrezzjonali li tirriżulta mit-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 u mill-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, sabiex jiddeċiedi jekk hemmx lok li jieħu inkunsiderazzjoni fatti u provi addizzjonali jew supplimentari li ma ġewx prodotti fit-termini stabbiliti jew speċifikati mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni (ara s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Rintisch vs UASI, C‑122/12 P, EU:C:2013:628, punt 33, u tal-24 ta’ Ottubru 2014, Grau Ferrer vs UASI Rubio Ferrer (Bugui va), T‑543/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:911, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġa’ kellha l-okkażjoni tirrileva li l-verżjoni Franċiża tat-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 hija differenti mill-verżjoni Spanjola, Ingliża u Ġermaniża fir-rigward ta’ element essenzjali. Fil-fatt, filwaqt li dawn l-aħħar imsemmija verżjonijiet jipprevedu li l-Bord tal-Appell jista’ jikkunsidra biss fatti u provi “addizzjonali jew kumplimentari”, il-verżjoni Franċiża tikklassifika dawn l-istess fatti u provi bħala “ġodda jew supplimentari”.

40      Abbażi tal-istruttura ġenerali u l-iskop tal-leġiżlazzjoni li r-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 jikkostitwixxi element tagħha u, b’mod partikolari, l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ din ir-regola, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, meta ma tiġi prodotta l-ebda prova ta’ użu mit-trade mark ikkonċernata fit-terminu stabbilit mill-EUIPO, dan tal-aħħar għandu jiddikkjara ċ-ċaħda tal-oppożizzjoni ex officio. Għall-kuntrarju, meta l-provi jkunu ġew prodotti fit-terminu mogħti mill-EUIPO, tibqa’ dejjem possibbli l-produzzjoni ta’ provi supplimentari (ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, EUIPO vs Grau Ferrer, C–597/14 P, EU:C:2016:579, punti 24 sa 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-istess interpretazzjoni tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għandha tingħata fir-rigward tal-prova dwar l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark, peress li l-imsemmija dispożizzjoni tinkludi regola bi rwol orizzontali fis-sistema tal-imsemmi regolament, sa fejn hija tapplika independentement min-natura tal-proċedura kkonċernata. Isegwi li r-Regola 50 tar-Regolament Nru 2868/95 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija testendi s-setgħat diskrezzjonali tal-Bordijiet tal-Appell għal provi ġodda (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, EUIPO vs Grau Ferrer, C‑597/14 P, EU:C:2016:579, punt 27), iżda jirrigwardaw provi msemmija “addizzjonali” jew “supplimentarii”, li jiżdiedu mal-provi rilevanti, prodotti fit-terminu stabbilit (ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, CEDC International vs UASI – Underberg (Forma ta’ werqa ħaxixa ġewwa flixkun), T-235/12, EU:T:2014:1058, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit jekk il-provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell jistgħux ikunu kklassifikati bħala “addizzjonali” jew “supplimentari” skont it-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95.

43      Huwa paċifiku li r-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti skont ir-Regola 37(b)(iv) tar-Regolament Nru 2868/95, jiġifieri fil-mument tal-introduzzjoni tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità lanqas, barra minn hekk, fi kwalunkwe mument ieħor matul il-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, u dan anki jekk indikat, fl-ittra li takkumpanja t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-15 ta’ Jannar 2014, li hija qed tipproduċi l-prova tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, bl-argumenti li kienu relatati magħha, “fil-mument opportun”.

44      Ma huwiex ikkontestat f’dan il-każ li din l-intenzjoni ma seħħet bl-ebda qabel tmiem il-proċeduri mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni iktar minn sitt xhur wara, jiġifieri l-21 ta’ Lulju 2014.

45      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti mressaq waqt is-seduta, li hija d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li kellha tistedinha tikkompleta l-fajl tagħha, b’mod partikolari billi tipproduċi l-provi tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur għamel distinzjoni fundamentali bejn, min-naħa waħda, il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità sabiex tkun ammissibbli u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet dwar il-produzzjoni tal-fatti, provi u osservazzjonijiet kif ukoll dokumenti ta’ sostenn ta’ din it-talba, li jaqgħu fl-istruzzjoni ta’ din tal-aħħar. Huwa biss dwar il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidita’ li l-leġiżlatur ippreveda, fir-Regola 38(1) tar-Regolament Nru 2868/95 (li sar l-Artikolu 146(7) tar-Regolament 2017/1001) u r-Regola 39(3) tal-imsemmi regolament (li sar l-Artikolu 15(4) tar-Regolament Delegat 2017/1430), li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet obbligata li tippermetti lill-parti kkonċernata sabiex tirrimedja l-irregolaritajiet li vvizzjaw it-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità meta dawn tal-aħħar jistgħu jwasslu għaċ-ċaħda tal-imsemmija talba bħala inammissibbli, filwaqt li ma jeżisti l-ebda obbligu simili fir-rigward tar-rekwiżiti sabiex talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tista’ tiġi ddikjarata fondata (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Chef Revival USA vs UASI – Massagué Marín (Chef), T‑232/00, EU:T:2002:157, punt 54, u f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2008, El Corte Inglés vs UASI – Abril Sánchez u Ricote Saugar (BoomerangTV), T‑420/03, EU:T:2008:203, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Konsegwentement, kuntrarjament għall-argument tar-rikorrenti, ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 2868/95 ma kienet tobbliga lid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li tinforma lir-rikorrenti bil-fatt li t-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma kinitx sostnuta minn provi relatati mar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-allegazzjoni tal-eżistenza tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, espressa fl-ittra li takkumpanja t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-15 ta’ Jannar 2014, kienet biss dikjarazzjoni li ma kinitx sostnuta minn provi konkreti, il-provi prodotti quddiem il-Bord tal-Appell ma jistgħux jitqiesu bħala provi “addizzjonali” jew “supplimentari” li jiżdiedu ma’ provi diġà prodotti mir-rikorrenti.

48      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Bord tal-Appell kien, bħala regola ġenerali, marbut li ma jeħodhomx inkunsiderazzjoni, skont ir-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 u l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

49      Madankollu, għandha jiġi eżaminata mill-ġdid l-argumentazzjoni tar-rikorrenti li, essenzjalment, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-deċiżjoni “SUPER ROLL” imur kontra kunsiderazzjonijiet ta’ amministrazzjoni tajba.

50      Mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li d-deċiżjoni “SUPER ROLL” tikkonċerna l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni mressqa mir-rikorrenti kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea SUPER ROLL, abbażi tat-trade mark tagħha fl-Unjoni Ewropea Nru 4179801.

51      Mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni “SUPER ROLL” jirriżulta li “Marlboro għandha reputazzjoni tajba u l-pakkett tagħha magħruf sew li jinkludi l-element trijangulari li għandu karattru distintiv qawwi”, kif ukoll “it-trade mark Marlboro u l-element grafiku forma ta’ bejt innifsu (li huwa parti mit-trade mark Marlboro) kisbu reputazzjoni kbira madwar l-Ewropa kollha mal-pubbliku rilevanti”.

52      Meta r-rikorrenti bbażat ruħha fuq ir-rilevanza tad-deċiżjoni “SUPER ROLL” quddiem il-Bord tal-Appell, l-argument tagħha ġie miċħud, fil-punt 51 tad-deċiżjoni kkontestata, għar-raġuni li d-deċiżjoni preċedenti kkonċernat sitwazzjoni differenti, li rrigwardat trade mark posterjuri differenti tal-Unjoni Ewropea u li l-provi tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti kienu ġew prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

53      Kuntrarjament għal din l-evalwazzjoni, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-eżistenza tad-deċiżjoni “SUPER ROLL” kellha tkun biżżejjed għall-Bord tal-Appell sabiex jirrikonoxxi r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti bħala li kienet “fatt magħruf”, billi jevita li jadotta deċiżjoni li tmur kontra l-konklużjonijiet preċedenti tiegħu magħmula fl-istess kuntest.

54      Dan l-argument ma jistax jirnexxi sa fejn ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, rikonoxximent awtomatiku tar-reputazzjoni tat trade mark preċedenti biss abbażi ta’ prattika deċiżjonali tal-EUIPO.

55      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-fatt, id-deċiżjonijiet li l-Bordijiet tal-Appell jaslu sabiex jieħdu abbażi tar-Regolament Nru 207/2009 jaqgħu fl-eżerċizzju ta’ kompetenza relatata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-legalità tal-imsemmija deċiżjonijiet għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-qrati tal-Unjoni, u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti (ara d-digriet tal-14 ta’ April 2016, KS Isport vs EUIPO, C‑480/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:266, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li r-rikonoxximent tar-reputazzjoni eventwali tat-trade mark preċedenti mill-Bord tal-Appell ma jistax jiddependi fuq ir-rikonoxximent tal-imsemmija reputazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura separata dwar punti ta’ liġi u ta’ fatt differenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2015, dadida, T‑597/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:804, punt 43).

56      Hija kull parti li tibbaża fuq ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti tagħha li għandha turi, fil-kuntest ċirkoskritt ta’ kull proċedura li fiha hija parti u abbażi ta’ fatti li hija tqis l-iktar xierqa, li l-imsemmija trade marke kisbet tali reputazzjoni, mingħajr ma tikkuntenta li sempliċiment tipproduċi din il-prova permezz tar-rikonoxximent ta’ tali reputazzjoni, inkluż fiha għal din it-trade mark, fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva separata (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2015, dadida, T‑597/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:804, punt 45).

57      Kieku kien biżżejjed li r-rikorrenti tibbaża fuq deċiżjoni preċedenti tal-Bord tal-Appell sabiex turi r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, dan, minn naħa, jikser id-drittijiet tad-difiża tal-intervenjenti, sa fejn din tal-aħħar ma setgħetx teżamina, tevalwa u tikkontesta l-elementi fattwali li abbażi tagħhom il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu u, min-naħa l-oħra, jestendi b’mod żbaljat il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata għal deċiżjoni amministrattiva li tikkonċerna partijiet oħra għajr dawk li kienu fil-proċedura, u b’hekk jipprekludi l-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni amministrattiva minn awtorità ġudizzjarja, li manifestament imur kontra l-prinċipju tal-legalità (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2015, dadida, T‑597/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:804, punt 46).

58      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, l-EUIPO ma kellu l-ebda obbligu li jirrikonoxxi awtomatikament ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti biss abbażi ta’ konstatazzjonijiet magħmula fil-kuntest ta’ proċedura oħra li ta lok għal deċiżjoni oħra, f’dan il-każ għad-deċiżjoni “SUPER ROLL”.

59      Fir-rigward ukoll tal-ilment tar-rikorrenti li r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti kellha tiġi rikonoxxuta ex officio, abbażi tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, dan għandu wkoll jiġi miċħud sa fejn minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-obbligu fuq l-EUIPO li jeżamina ex officio l-fatti huwa limitat għall-fatti rilevanti li jistgħu jwassluh sabiex japplika r-raġunijiet assoluti għal rifjut għall-eżami tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea magħmula mill-eżaminaturi u, fuq appell, mill-Bordijiet tal-Appell matul il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ proċeduri bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, huwa l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti li għandu jipproduċi l-prova tal-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tal-imsemmija trade mark (ara, fir-rigward ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, is-sentenza tat-28 ta’ Settembru 2016, Pinto Eliseu Baptista Lopes Canhoto vs EUIPO – University College London (CITRUS SATURDAY), T‑400/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:569, punt 38).

60      Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li r-reputazzjoni ta’ trade mark preċedenti ma tistax tintwera permezz ta’ preżunzjonijiet, iżda għandha tkun ibbażata fuq elementi konkreti u oġġettivi li jippruvawha.

61      Issa, il-provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell segwew eżattament dan l-għan. Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li kunsiderazzjonijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba jimmilitaw favur l-aċċettazzjoni ta’ provi prodotti tardivament.

62      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-EUIPO huwa obbligat jeżerċita l-kompetenzi tiegħu b’mod konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 73). Skont l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li jkollha l-affarijiet tagħha ttrattati b’mod ġust.

63      Issa, huwa manifestament fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li l-Bord tal-Appell jista’ jiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti meta jiddeċiedi fi proċedimenti mressqa quddiemu. Għaldaqstant, huwa għandu jeżamina bir-reqqa u b’imparzjalità l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

64      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-kontenut tad-deċiżjoni “SUPER ROLL”, adottata biss ħdax-il xahar qabel id-deċiżjoni kkontestata, kienet ġiet imressqa għall-attenzjoni tal-Bord tal-Appell u li, konsegwentement, dan tal-aħħar kien konxju tal-konstatazzjonijiet magħmula f’din id-deċiżjoni fir-rigward tar-“reputazzjoni kbira” tat-trade mark Marlboro kif ukoll tal-“element grafiku fil-forma ta’ bejt” tagħha, li jagħmel parti integrali mit-trade mark preċedenti inkwistjoni f’dan il-każ.

65      Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirrikjedi li l-EUIPO jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà adottati u li jistaqsi b’attenzjoni partikolari dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 74), id-deċiżjoni “SUPER ROLL” kkostitwixxiet manifestament indizju li t-trade mark preċedenti setgħet tgawdi minn reputazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-provi prodotti mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell setgħu kjarament ikollhom rilevanza vera fir-rigward tal-eżitu tal-proċedimenti, sa fejn kienu intiżi li jistabbilixxu r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Konsegwentement, billi rrifjuta li jeżamina l-prova għall-motiv li kienet tardiva, il-Bord tal-Appell naqas milli jeżamina fattur potenzjalment rilevanti fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

67      Mingħajr preġudizzju għall-interpretazzjoni tar-Regola 50 tar-Regolament Nru 2868/95 u tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, kif espost fil-punti 40 sa 42 iktar ’il fuq, u tal-konklużjoni li tinsab fil-punt 50 iktar ’il fuq, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jgawdi l-EUIPO fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ma tistax teżentah mill-obbligu tiegħu li jiġbor il-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu f’każijiet fejn ir-rifjut li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti elementi prodotti tard iwassluh sabiex jikser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

68      Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-Bord tal-Appell kellu, skont id-dmir tiegħu ta’ amministrazzjoni tajba, jaċċetta l-provi tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti prodotti għall-ewwel darba quddiemu, u dan biss sabiex jirrifjutahom.

69      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-EUIPO li, fil-każ li l-provi inkwistjoni kienu ġew ammessi bħala ammissibbli mill-Bord tal-Appell, dan kien iwassal għal ksur tal-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

70      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar it-tieni sentenza tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2017/1001), id-deċiżjonijiet tal-EUIPO jistgħu jkunu bbażati biss fuq motivi li fuqhom il-partijiet setgħu jieħdu pożizzjoni. Din id-dispożizzjoni tirrigwarda kemm il-motivi ta’ fatt u dawk ta’ liġi kif ukoll il-provi (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2006, Freixenet vs UASI (Forma ta’ flixkun xkumat abjad), T‑190/04, mhux ippubblikata, EU:T:2006:291, punt 28).

71      Isa, f’dan il-każ, mill-provi tal-proċess jirriżulta li l-provi tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti prodotti fl-istadju tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell kif ukoll l-osservazzjonijiet tal-intervenjenti fuq dawn il-provi kienu kompletament suġġetti għal dibattitu kontradittorju. B’mod partikolari, mill-proċess jirriżulta li n-nota li tesponi l-aggravji tat-8 ta’ Jannar 2015, ippreżentata mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell, li tinkludi l-provi tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, kienet verament ikkomunikata lill-intervenjenti b’rispett tad-drittijiet proċedurali tagħha u pprovditilha l-possibbiltà li tesprimi l-opinjonijiet tagħha f’dan ir-rigward. Mill-proċess jirriżulta wkoll li l-intervenjenti saħansitra bbenefikat minn estensjoni tat-terminu qabel ma ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fl-14 ta’ Mejju 2015. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fl-osservazzjonijiet tagħha, l-intervenjenti ħadet pożizzjoni ċara dwar il-provi prodotti mir-rikorrenti insostenn tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, fejn ikkontestat ir-rilevanza tagħhom u qisithom insuffiċjenti.

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa paċifiku li l-intervenjenti ngħatat l-opportunitajiet kollha u t-termini kollha neċessarji sabiex issostni l-opinjonijiet tagħha u teżamina, tevalwa u tikkontesta l-provi prodotti mir-rikorrenti. Konsegwentement, fil-każ li l-Bord tal-Appell kien eżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu b’mod konsistenti mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba, billi aċċetta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, li jieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija provi, ma jista’ jiġi kkritikat b’ebda ksur tal-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

73      Lanqas ma tista’ tiddgħajjef il-konklużjoni li tinsab fil-punt 67 iktar ’il fuq mill-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata li, anki jekk ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti kienet ġiet ippruvata, il-livell ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti kien ikun, fi kwalunkwe każ, insuffiċjenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, sabiex rabta bejn dawn it-trade marks tista’ tinħoloq fil-moħħ tal-pubbliku.

74      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, kif sostniet ir-rikorrenti fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, din il-pożizzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark ikkontestata fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 għandha tiġi evalwata b’mod globali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ, fosthom b’mod partikolari, il-livell ta’ xebh bejn it-trade marks konfliġġenti u bejn il-prodotti rrappreżentati b’dawn it-trade marks kif ukoll l-intensità tar-reputazzjoni u l-livell ta’ karattru distintiv tat-trade mark preċedenti (sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Ferrero vs UASI, C‑552/09 P, EU:C:2011:177, punt 64).

75      Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 jeżiġi biss li x-xebh eżistenti jista’ jwassal lill-pubbliku kkonċernat mhux sabiex iħawwad is-sinjali konfliġġenti, iżda sabiex jagħmel konnessjoni bejniethom, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejniethom, il-protezzjoni li tipprovdi din id-dispożizzjoni favur trade marks magħrufa hija tali li tapplika anki meta s-sinjali konfliġġenti jkollhom grad ta’ xebh minimu (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, El Corte Inglés vs UASI, C-603/14 P, EU:C:2015:807, punt 42).

76      Minn dan isegwi li, anki fil-każ fejn it-trade marks konfliġġenti ma għamdhomx livell baxx ta’ xebh, ma jistax jiġi dedott, kuntrarjament għall-konklużjoni tal-Bord tal-Appell, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 kien neċessarjament eskluż. Konsegwentement, l-aċċettazzjoni eventwali tal-provi ppreżentati mir-rikorrenti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell kif ukoll l-eżami tagħhom setgħu kellhom effett fuq l-eżitu tal-proċediment rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

77      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li, billi kkunsidra li l-provi prodotti mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell għall-ewwel darba ma għandhomx jiġu kkunsidrati minħabba l-introduzzjoni tardiva tagħhom, il-Bord tal-Appell wettaq żball proċedurali bi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

78      Madankollu, irregolarità proċedurali twassal għall-annullament totali jew parzjali ta’ deċiżjoni biss jekk jiġi stabbilit li fl-assenza ta’ din l-irregolarità d-deċiżjoni kkontestata seta’ kellha kontenut differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2005, Wilfer vs UASI (ROCKBASS), T-315/03, EU:T:2005:211, punt 33).

79      F’dan il-każ, kif diġà ġie rrilevat fil-punti 65 u 66 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi eskluż li l-provi li l-Bord tal-Appell indebitament irrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni setgħu jkunu tali li jbiddlu l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Insegwitu, in-nuqqas ta’ eżami ta’ dawn il-provi mill-Bord tal-Appell iwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Konsegwentement, hemm lok li jintlaqgħu l-ewwel motiv u t-tieni parti tat-tieni motiv u li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors.

80      Fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tiddikjara l-invalidittà tat-trade mark ikkontestata jew, sussidjarjament, tibgħat il-kawża quddiem il-Bord tal-Appell għal eżami iktar fil-fond, hemm lok li jitfakkar li s-setgħa ta’ riforma mogħtija lill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 72(3) tar-Regolament Nru 2017/1001) ma għandhiex l-effett li tagħti lil din tal-aħħar s-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik ta’ Bord tal-Appell tal-EUIPO u, mhux lanqas, li tagħmel evalwazzjoni li fuqha tali bord għadu ma ħax pożizzjoni. L-eżerċizzju tas-setgħa ta’ riforma għandu konsegwentement, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, liema deċiżjoni l-Bord tal-Appell kellu jadotta (ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C-263/09 P, EU:C:2011:452, punti 71 u 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija annullata għar-raġuni li l-Bord tal-Appell irrifjuta b’mod żbaljat li jieħu inkunsiderazzjoni l-provi tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti u l-Bord tal-Appell għandu għaldaqstant jiddeċiedi mill-ġdid fuq il-valur probatorju tal-imsemmija provi, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq l-invalidità tat-trade mark ikkontestata.

82      Konsegwentement, it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud sa fejn il-Qorti Ġenerali qed tintalab li tiddikjara l-invalidità tat-trade mark ikkontestata.

 Fuq l-ispejjeż

83      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

84      F’dan il-każ, peress li l-UASI u l-intervenjenti essenzjalment tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż tar-rikorrenti, kif mitluba minn din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (EUIPO) tal-4 ta’ Jannar 2016 (Każ R 2775/20141) hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      EUIPO u Explosal Ltd għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, dawk sostnuti minn Philip Morris Brands Sàrl.

Frimodt Nielsen

Forrester

Perillo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-1 ta’ Frar 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.