Language of document : ECLI:EU:C:2016:879

Kawża C316/15

Timothy Martin Hemming et

vs

Westminster City Council

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 13(2) – Proċeduri ta’ awtorizzazzjoni – Kunċett ta’ spiża li tista’ tirriżulta minnhom”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas‑16 ta’ Novembru 2016

Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123 – Skema ta’ awtorizzazzjoni – Rekwiżit tal-ħlas ta’ tariffa – Parti mit-tariffa li tikkorrispondi għall-ispejjeż marbuta mal-ġestjoni u mal-infurzar tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni kkonċernata – Inammissibbiltà – Parti li tista’ tinġabar lura fil-każ li l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tiġi miċħuda – Assenza ta’ effett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/123, Artikolu 13(2))

L-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/123, dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi r-rekwiżit tal-ħlas, fil-mument tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-għoti jew għat-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni, ta’ tariffa li parti minnha tikkorrispondi għall-ispejjeż marbuta mal-ġestjoni u mal-infurzar tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni kkonċernata, anki jekk dik il-parti tista’ tinġabar lura fil-każ li dik l-applikazzjoni tiġi miċħuda.

Il-punt ta’ jekk it-tariffa dovuta minn applikant tistax tinġabar lura fil-każ li l-applikazzjoni tiegħu għal liċenzja tiġi miċħuda ma għandu l-ebda effett fuq l-identifikazzjoni ta’ spiża fis-sens tal-Artikolu 13(2) tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, il-fatt li wieħed ikollu jħallas tariffa jikkostitwixxi obbligu finanzjarju, u għaldaqstant spiża, li l-applikant għandu jħallas sabiex l-applikazzjoni tiegħu tittieħed inkunsiderazzjoni, indipendentement mill-fatt li l-ammont jista’ jinġabar lura sussegwentement fil-każ li din l-applikazzjoni tiġi miċħuda.

Sabiex ikunu jikkonformaw mal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva, l-ispejjeż imsemmija għandhom, skont din id-dispożizzjoni, ikunu raġonevoli u proporzjonati man-nefqa tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u ma għandhomx jaqbżu n-nefqa ta’ dawn il-proċeduri. Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont ta’ drittijiet ta’ natura remuneratorja, Stat Membru jista’ jieħu inkunsiderazzjoni mhux biss in-nefqiet, materjali u salarjali, li huma marbuta direttament mat-twettiq tal-operazzjonijiet li tagħhom huma jikkostitwixxu l-korrispettiv, iżda anki l-frazzjoni tal-ispejjeż ġenerali tal-amministrazzjoni kompetenti li huma imputabbli għal dawn l-operazzjonijiet.

L-ispejjeż mittieħda inkunsiderazzjoni ma jistgħux jinkludu l-ispejjeż marbuta mal-attività ġenerali ta’ sorveljanza tal-awtorità inkwistjoni peress li, minn naħa, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/123 jirrigwarda biss in-nefqa tal-proċeduri u, min-naħa l-oħra, ifittex l-għan li jiffaċilita l-aċċess għall-attivitajiet ta’ servizzi. Fil-fatt, dan l-għan ma jistax jintlaħaq minn rekwiżit ta’ prefinanzjament tal-ispejjeż marbuta mal-ġestjoni u mal-infurzar, li jinkludu b’mod partikolari n-nefqa marbuta mal-identifikazzjoni u mar-repressjoni tal-attivitajiet mhux awtorizzati, tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni kkonċernata.

(ara l-punti 28, 29, 31-34 u dispożittiv)