Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Settembru 2009 - RWE Transgas vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-381/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: RWE Transgas a.s. (Praga, ir-Repubblika Ċeka) (rappreżentanti: W. Deselaers, D. Seeliger u S. Einhaus, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla t-tielet sentenza tal-punt 89(a) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 4694, tat-12 ta' Ġunju 2009, sa fejn hija tipprovdi li l-kotba tal-kontabbiltà tar-rikorrenti u ta' Gazprom għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni flimkien u li, m'għandhomx jaqbżu, flimkien, il-50 %, sakemm bejniethom jeżisti ftehim ta' provvista bażiku u fuq żmien twil;

sussidjarjament, tanulla d-deċiżjoni fl-intier tagħha, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti, li hija importatur tal-gass fir-Repubblika Ċeka, tikkontesta ittra li l-Kummissjoni indirizzat lill-awtorità regolatorja Ġermaniża tal-enerġija, il-Bundesnetzagentur, fit-12 ta' Ġunju 2009, li fiha l-Kummissjoni titlob lil din tal-aħħar sabiex tibdel ċerti aspetti tal-eżenzjoni mogħtija għall-proġett tal-bini tal-pipeline (iktar 'il quddiem, l-"OPAL") skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/55 1. Ir-rikorrenti tilmenta li waħda mill-kundizzjonijiet tal-Kummissjoni twassal għal restrizzjoni jew prevenzioni tal-aċċess tar-rikorrenti għall-kapaċità ta' trasport jew ta' provvista tal-OPAL fir-Repubblika Ċeka.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-konvenuta kisret id-dritt tagħha għal smigħ, sa fejn hija ma tatha l-ebda opportunità tieħu pożizzjoni quddiemha dwar il-kundizzjonijiet inkriminanti.

Fit-tieni lok, hija ssostni li l-konvenuta kisret id-dritt tar-rikorrenti ta' aċċess għal dokumenti, sa fejn hija ma kellha l-ebda opportunità tikkonsulta l-atti tal-fajl.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tilmenta li l-konvenuta applikat b'mod żbaljat l-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2003/55/KE, kif ukoll kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità, ta' trattament ugwali, kif ukoll l-obbligu ta' motivazzjoni (Artikolu 253 KE).

____________

1 - Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta' Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 12 Volum 02, p. 230).