Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Settembru 2009 - L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-379/09)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Italja (rappreżentant: F. Arena, avvocato dello Stato)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5497, tat-13 ta' Lulju 2009, dwar l-iskemi ta' għajnuna mill-Istat Nri C 6/2004 (ex NN 70/01) u C 5/2005 (ex NN 71/04) implementati mill-Italja favur l-agrikolturi li jikkultivaw fis-serer (eżenzjoni mid-dazji tas-sisa fuq in-nafta użata għat-tisħin tas-serer)

Tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Gvern Taljan ikkontesta quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5497, tat-13 ta' Lulju 2009, dwar l-iskemi ta' għajnuna mill-Istat Nri C 6/2004 (ex NN 70/01) u C 5/2005 (ex NN 71/04) implementati mill-Italja favur l-agrikolturi li jikkultivaw fis-serer (eżenzjoni mid-dazji tas-sisa fuq in-nafta użata għat-tisħin tas-serer)

Din il-kontestazzjoni hija bbażata fuq ħames motivi.

Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi ksur tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE, sa fejn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, meqjusa li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni, ma għandhomx il-karatteristika ta' selettività, u dan kemm minħabba l-fatt li kwalunkwe operatur tas-settur agrikolu jista' jibbenefika mir-rati mnaqqsa tad-dazji tas-sisa fuq nafta użata għat-tisħin tas-serer, kif ukoll minħabba d-differenzi sostanzjali bejn il-kultivazzjoni f'serrer u l-kultivazzjoni fil-miftuħ, li għaliha m'hemmx spejjeż ta' produzzjoni fir-rigward ta' nafta għat-tisħin.

Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti, filwaqt li tallega l-ksur tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE, issostni wkoll in-nuqqas ta' kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni kkważata mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi inkwistjoni. Insostenn tal-argument tagħha, ir-rikorrenti tirreferi wkoll għall-linji gwida tal-Komunità dwar is-settur agrikolu u forestali 2007-2013, li, fil-punt 167, jaffermaw espressament li l-eżenzjonijiet totali jew parzjali tat-taxxa fuq il-karburant użat għal attività agrikola primarja mhumiex tali li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fid-dawl tal-iskala żgħira tal-istrutturi tal-azjendi agrikoli fl-Unjoni Ewropea.

Permezz tat-tielet motiv qed jiġi allegat nuqqas ta' motivazzjoni dejjem fir-rigward tal-allegata distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Permezz tar-raba' motiv ir-rikorrenti tallega l-ksur tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/81/KE1, tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/96/KE2, kif ukoll tal-Artikoli 33, 36 u 87 tat-Trattat KE. B'mod partikolari qed jiġi sostnut li l-eżenzjonijiet kienu espressament awtorizzati mill-imsemmija direttivi u li, fi kwalunkwe każ, il-verifika tal-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju għandha ssir fid-dawl, mhux biss, tar-regoli tal-kompetizzjoni, iżda wkoll u fuq kollox tad-dispożizzjonijiet tal-politika agrikola komuni. F'dan ir-rigward qed jiġi sostnut li l-politika agrikola komuni hija intiża sabiex tipprevali fuq ir-regoli tal-kompetizzjoni. Minn dan jirriżulta li peress li l-miżuri kkontestati huma konformi mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 33 tat-Trattat, mhemmx lok li tista' tipprevali l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

Permezz tal-ħames u l-aħħar motiv, ir-rikorrenti tallega l-ksur tal-Artikolu 87(3) tat-Trattat KE, billi, fi kwalunkwe każ, tqis bħala applikabbli d-deroga stabbilita fl-imsemmija regola b'riferiment speċifiku għall-applikabbiltà tad-deroga għal raġunijiet ta' ħarsien tal-ambjent imsemmija fil-punt 3.5 tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna fis-settur agrikolu tas-sena 2000.

____________

1 - Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta' Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, p. 12).

2 - Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta' Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283, p. 51).