Language of document : ECLI:EU:T:2016:340

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

9 ta’ Ġunju 2016 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti – Dazju antidumping definittiv – Rikors għal annullament – Assoċjazzjoni – Nuqqas ta’ interess dirett tal-membri – Inammissibbiltà – Dazju antidumping fuq skala internazzjonali – Trattament Individwali – Teħid ta’ kampjuni – Drittijiet ta’ difiża – Nondiskriminazzjoni – Dmir ta’ diliġenza”

Fil-Kawża T-276/13,

Growth Energy, stabbilita f’Washington, DC (l-Istati Uniti),

Renewable Fuels Association, stabbilita f’Washington,

inizjalment irrappreżentati minn P. Vander Schueren, avukat, sussegwentement minn P. Vander Schueren u M. Peristeraki, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Boelaert, bħala aġent, assistita inizjalment minn G. Berrisch, avukat, u minn B. Byrne, solicitor, sussegwentement minn R. Bierwagen u C. Hipp, avukati,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. França u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

u minn

ePURE, de Europese Producenten Unie van Hernieuwbare Ethanol, irrappreżentata minn O. Prost u A. Massot, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 157/2013, tat-18 ta’ Frar 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 49, p. 10), sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti u lill-membri tagħhom,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn A. Dittrich, President, J. Schwarcz u V. Tomljenović (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 u tal-21 ta’ Mejju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Growth Energy u Renewable Fuels Association, huma assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-produtturi Amerikani tal-bijoetanol kif ukoll lil organizzazzjonijiet oħra attivi fil-bijokarburanti, fil-każ ta’ Growth Energy, u lil parteċipanti fis-suq tal-etanol fl-Istati Uniti, fil-każ ta’ Renewable Fuels Association.

2        Wara lment ippreżentat minn ePURE, de Europese Producenten Unie van Hernieuwbare Ethanol (Assoċjazzjoni Ewropea tal-produtturi tal-etanol rinnovabbli, iktar ’il quddiem “ePure”), il-Kummissjoni Ewropea bdiet proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea ta’ bioetanol li joriġina mill-Istati Uniti abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, iktar ’il quddiem ir-“ir-regolament bażiku”).

3        Ir-rikorrenti jsostnu li huma kellhom il-kwalità ta’ assoċjazzjonijiet rappreżentattivi matul il-proċedura antidumping u li huma ġew ittrattati bħala partijiet interessati matul l-investigazzjoni kollha.

4        Permezz tal-Avviż ta’ inizjazzjoni ta’ proċedura tal-antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ bijoetanol li joriġina fl-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU 2011, C 345, p. 7), il-Kummissjoni ssinjalat li, minħabba n-numru għoli ta’ produtturi‑esportaturi fl-Istati Uniti kif ukoll ta’ produtturi tal-Unjoni, din kellha l-intenzjoni li tirrikorri għal teħid ta’ kampjun kemm tal-ewwel kif ukoll tat-tieni, konformement mal-Artikolu 17 tar-regolament bażiku.

5        Fis-16 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni nnotifikat permezz ta’ ittra lil Marquis Energy LLC, lil Patriot Renewable Fuels LLC, lil Plymouth Energy Company LLC, lil POET LLC u lil Platinum Ethanol LLC (iktar ’il quddiem il-“produtturi fil-kampjun”), kumpanniji li huma membri tar-rikorrenti, li kienu ntgħażlu fil-kampjun tal-produtturi-esportaturi fl-Istati Uniti. Sussegwentement, dawn il-kumpanniji bagħtu lill-Kummissjoni r-risposti tagħhom għall-kwestjonarju antidumping fit-22 ta’ Frar 2012 u l-Kummissjoni wettqet il-viżti ta’ verifika fl-uffiċċji tagħhom.

6        Fis-26 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrenti kkomunikaw lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar il-ftuh tal-proċedura antidumping.

7        Fl-24 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti d-dokument ta’ informazzjoni provviżorju li fih esponiet il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom iddeċidiet li tibda l-investigazzjoni mingħajr ma imponiet miżuri provviżorji (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ informazzjoni provviżorju”). Fil-punti 45 sa 47 tad-dokument imsemmi, din ikkonstatat b’mod partikolari li f’dan l-istadju ma kienx possibbli li jiġi evalwat jekk l-esportazzjonijiet ta’ bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti kinux saru bi prezzijiet ta’ dumping, għaliex il-produtturi fil-kampjun ma kinux jagħmlu distinzjoni bejn il-bejgħ intern u l-bejgħ għall-esportazzjoni u peress li kienu jwettqu l-bejgħ kollu tagħhom lejn operaturi tas-suq/blenders indipendenti stabbiliti fl-Istati Uniti, li kienu sussegwentement iħalltu l-bijoetanol mal-fjuwil u kienu jerġgħu jbigħuh. Konsegwentement, il-produtturi fil-kampjun ma kellhom ebda għarfien dwar id-destinazzjoni tal-prodott u tal-prezz għall-esportazzjoni tiegħu. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-investigazzjoni u li testendiha b’mod li tkopri lill-operaturi tas-suq/blenders sabiex tikseb informazzjoni dwar il-prezz għall-esportazzjoni kif ukoll stampa ċara tas-suq tal-bijoetanol (punt 50 tad-dokument imsemmi).

8        Fil-11 ta’ Settembru 2012, wara talba tar-rikorrenti, ta’ Plymouth Energy Company u ta’ POET, saret seduta quddiem l-uffiċjal tas-seduta tal-Kummissjoni.

9        Fl-24 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-dokument ta’ informazzjoni provviżorju.

10      Fis-6 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti d-dokument ta’ informazzjoni provviżorju li fih eżaminat, abbażi tal-informazzjoni tal-operaturi tas-suq/blenders indipendenti, l-eżistenza ta’ dumping li jikkawża dannu lill-industrija tal-Unjoni (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ informazzjoni definittiv”). Din b’hekk ikkunsidrat li timponi miżuri definittivi, b’rata ta’ 9.6 % fuq skala nazzjonali, għal perijodu ta’ tliet snin.

11      Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan id-dokument fis-17 ta’ Diċembru 2012.

12      B’ittra tal-21 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni kkomunikat dokument ta’ informazzjoni supplimentari, minn naħa, li kien jikkunsidra li jestendi, essenzjalment, il-perijodu ta’ validità tal-miżura antidumping definittiva minn tlieta għal ħames snin u, min-naħa l-oħra, li kien jistieden lir-rikorrenti jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fuq din l-emenda kif ukoll fuq id-dokument ta’ informazzjoni definittiv sa mhux iktar tard mit-2 ta’ Jannar 2013.

13      Fit-2 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dan id-dokument.

14      B’ittra tat‑30 ta’ Jannar 2013, il‑Kummissjoni rrispondiet għall‑osservazzjonijiet tar‑rikorrenti relattivi għad-dokument ta’ informazzjoni definittiv.

15      Fit-18 ta’ Frar 2013, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 157/2013 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 49, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”), li permezz tiegħu stabbilixxa dazju antidumping fuq il-bijoetanol, imsejjaħ “karburant etanol”, jiġifieri l-alkoħol etiliku prodott minn prodotti agrikoli, denaturat jew le, esklużi prodotti b’kontenut ta’ ilma ta’ iktar minn 0.3 % (m/m) imkejjel skont l-istandard EN 15376, iżda inkluż l-alkoħol etiliku prodott minn prodotti agrikoli li jinsab f’taħlit ma’ gażolina b’kontenut ta’ alkoħol etiliku ta’ iktar minn 10 % (v/v) intiż għall-użu bħala karburant, li joriġina fl-Istati Uniti tal-Amerika, li attwalment jaqa’ fil-kodiċi NM ex 2207 10 00, ex 2207 20 00, ex 2208 90 99, ex 2710 12 21, ex 2710 12 25, ex 2710 12 31, ex 2710 12 41, ex 2710 12 45, ex 2710 12 49, ex 2710 12 51, ex 2710 12 59, ex 2710 12 70, ex 2710 12 90, ex 3814 00 10, ex 3814 00 90, ex 3820 00 00 u ex 3824 90 97 (Kodiċijiet TARIC 2207100012, 2207200012, 2208909912, 2710122111, 2710122592, 2710123111, 2710124111, 2710124511, 2710124911, 2710125111, 2710125911, 2710127011, 2710129011, 3814001011, 3814009071, 3820000011 u 3824909767), għal rata ta’ 9.5 % fuq skala nazzjonali, iddefinit taħt forma ta’ ammont fiss ta’ EUR 62.30 għal kull tunnellata netta, applikabbli pro rata għall-kontenut totali, f’piż, tal-kontenut ta’ bijoetanol, għal perijodu ta’ ħames snin.

16      Fir-rigward tat-teħid ta’ kampjuni tal-produtturi-esportaturi fl-Istati Uniti, il-Kunsill ikkonstata, fil-premessi 12 sa 16 tar-regolament ikkontestat, li l-investigazzjoni kienet uriet li ebda wieħed mill-produtturi fil-kampjun imsemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq ma kien esporta bijoetanol fis-suq tal-Unjoni. Fil-fatt, il-bejgħ tagħhom kien sar fis-suq intern lil operaturi tas-suq/blenders indipendenti li sussegwentement kienu jħalltu l-bijoetanol mal-fjuwil bil-għan li jerġgħu jbigħuh fis-suq intern u għall-esportazzjoni, b’mod partikolari lejn l-Unjoni. Dawn il-produtturi mhux neċessarjament kienu jafu jekk il-produzzjoni tagħhom kinitx iddestinata għas-suq tal-Unjoni u ma kellhom ebda għarfien dwar il-prezzijiet tal‑bejgħ ipprattikati mill-operaturi tas-suq/blenders. Dan ifisser li l-produtturi tal-Istati Uniti ta’ bijoetanol ma humiex l-esportaturi tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni. L-esportaturi huma fil-fatt l-operaturi tas-suq/blenders. Sabiex iwettaq tajjeb l-investigazzjoni relattiva għad-dumping, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq l-informazzjoni taż-żewġ operaturi tas-suq/blenders li aċċettaw li jikkooperaw fl-investigazzjoni.

17      Fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ dumping, il-Kunsill spjega, fil-premessi 62 sa 64 tar-regolament ikkontestat, li kien iqis opportun li jiġi stabbilit marġni ta’ dumping fuq skala nazzjonali. Għalkemm ċerti produtturi kienu sostnew li kien possibbli li jiġu identifikati l-prodotti tagħhom u li jiġi ttraċċat it-traġitt tagħhom meta nbiegħu lil operaturi fl-Istati Uniti bil-għan li jiġu esportati, dawn ma setgħux jistabbilixxu r-rabta bejn il-bejgħ tagħhom fis-suq tal-Istati Uniti u l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni mwettqa minn operaturi oħrajn u ma kinux jafu l-livell tal-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Skont il-Kunsill, l-istruttura tal-industrija tal-bijoetanol u l-mod kif il-prodott ikkonċernat kien iffabbrikat u mibjugħ fis-suq tal-Istati Uniti u esportat lejn l-Unjoni għamluha imprattikabbli li jiġu stabbiliti marġni ta’ dumping individwali għall-produtturi tal-Istati Uniti.

18      B’ittra tal‑20 ta’ Frar 2013, il‑Kummissjoni rrispondiet għall‑osservazzjonijiet tar‑rikorrenti u ta’ Plymouth Energy Company relattivi għad-dokument ta’ informazzjoni supplimentari.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Mejju 2013 u emendat permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Mejju 2013, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

1.     Fuq it-talba għal tgħaqqid mal-Kawża T-277/13, Marquis Energy vs Il-Kunsill

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Ġunju 2013, ir-rikorrenti talbu t-tgħaqqid ta’ din il-kawża mal-Kawża T-277/13, Marquis Energy vs Il-Kunsill. Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Kunsill talab lill-Qorti Ġenerali biex tissospendi d-deċiżjoni dwar l-eventwali tgħaqqid taż-żewġ kawżi sakemm tingħalaq il-fażi bil-miktub tal-proċedura u sakemm tkun eżaminat l-argumenti tal-partijiet fuq l-ammissibbiltà.

21      Fil-31 ta’ Lulju 2013, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li ma jgħaqqadx din il-kawża mal-Kawża T-277/13, Marquis Energy vs Il-Kunsill.

2.     Fuq l-interventi

22      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Ir-rikorrenti u l-Kunsill ma qajmux oġġezzjonijiet għal dan l-intervent.

23      B’att ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2013, ePure talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Ir-rikorrenti u l-Kunsill ma qajmux oġġezzjonijiet għal dan l-intervent.

24      B’digrieti tal-4 ta’ Frar 2014, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dawn it-talbiet għal intervent.

25      Fit-18 ta’ April 2014, il-Kummissjoni u ePure ppreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom.

3.     Fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u fuq il-fażi orali tal-proċedura

26      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha tat-2 ta’ Mejju 1991, għamlet mistoqsija bil-miktub lill-Kunsill u lir-rikorrenti. Il-partijiet wieġbu l-mistoqsijiet bil-miktub fit-terminu mogħti.

27      Madankollu, il-Kunsill informa lill-Qorti Ġenerali, b’ittra tad-29 ta’ April 2015, li kien iqis li xi informazzjoni neċessarja biex tingħata risposta għall-mistoqsijiet imsemmija kienet kunfidenzjali, u talab lill-Qorti Ġenerali biex tadotta miżuri istruttorji biex dan ikun jista’ “jipprovdi dawn id-dokumenti” filwaqt li jitlob it-trattament kunfidenzjali tagħhom.

28      B’ittra tad-19 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrenti ressqu tliet talbiet lill-Qorti Ġenerali, li jikkonsistu, l-ewwel nett, fl-adozzjoni ta’ miżuri istruttorji billi tordna lill-Kunsill biex jippreżenta d-dokumenti msemmija, it-tieni nett, fl-irtirar tat-Taqsima (i) 1 tar-risposta tal-Kunsill għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali jew, alternattivament, tippermettilhom li jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u, it-tielet nett, f’li tagħtihom il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub sabiex jikkoreġu l-iżbalji ta’ fatt magħmula fir-risposta tal-Kunsill.

29      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-20 u tal-21 ta’ Mejju 2015. Matulha, ir-rikorrenti rrinunzjaw parzjalment għat-talba tagħhom tad-19 ta’ Mejju 2015 billi rtiraw, b’mod partikolari, it-tieni u t-tielet talbiet tagħhom esposti fil-punt 28 iktar ’il fuq, liema ħaġa l-Qorti Ġenerali ħadet nota tagħha fil-minuti tas-seduta.

30      Wara s-seduta, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali ddifferixxa d-data tal-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura għal data ulterjuri.

31      Peress li l-Qorti Ġenerali ma qisitx li kien neċessarju li tiġi ordnata l-miżura istruttorja msemmija iktar ’il fuq, il-partijiet ġew informati, b’ittra tad-9 ta’ Diċembru 2015, li l-fażi orali tal-proċedura kienet ingħalqet fl-istess data.

4.     Fuq it-talbiet għal trattament kunfidenzjali

32      B’att ippreżentat fit-22 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti talbu t-trattament kunfidenzjali, fir-rigward ta’ ePure, ta’ xi dokumenti annessi mar-rikors, ta’ parti mir-replika tagħhom kif ukoll ta’ xi dokumenti annessi magħha.

33      B’att ippreżentat fit-22 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti talbu t-trattament kunfidenzjali, fir-rigward ta’ ePure, ta’ xi dokumenti annessi mar-rikors, ta’ parti mir-replika tagħhom kif ukoll ta’ xi dokumenti annessi magħha.

34      ePure rċeviet biss verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dokumenti msemmija u ma qajmet ebda oġġezzjoni kontra t-talbiet għal trattament kunfidenzjali mressqa fir-rigward tagħha.

5.     It-talbiet tal-partijiet

35      Fir-rikors kif emendat bl-ittra tas-17 ta’ Mejju 2013, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat sa fejn dan jikkonċerna lilhom, kif ukoll lill-membri tagħhom;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

36      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

37      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

38      ePure titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad il-motivi invokati mir-rikorrenti;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id‑dritt

39      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw għaxar motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(8), tal-Artikolu 9(5) u tal-Artikolu 18(1), (3) u (4) tar-regolament bażiku, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, tal-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku. It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll tal-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 1(4), tal-Artikolu 3(1) sa (3) u (5) sa (7), u tal-Artikolu 4(1) tar-regolament bażiku. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 3(1) tar-regolament bażiku. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna r-rabta kawżali. It-tmien motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 9(2) tar-regolament bażiku u tal-prinċipju ta’ prinċipju ta’ proporzjonalità. Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(2) u (3) tar-regolament bażiku u tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ nondiskriminazzjoni. Finalment, l-għaxar motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(7), tal-Artikolu 19(1) u (2), tal-Artikolu 20(2), (4) u (5) tar-regolament bażiku, tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti.

40      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, fil-kitbiet tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu sensiela ta’ argumenti li, filwaqt li huma intiżi biex jistabbilixxu l-illegalità tar-regolament ikkontestat, madankollu jirreferu għall-ksur ta’ liġi mwettaq mill- “Kummissjoni”. Bħala eżempju, l-ewwel sal-ħames, is-seba’ u d-disa’ motivi kif miġbura fil-qosor fil-punt 5 tar-rikors huma bbażati fuq il-konstatazzjoni tad-diversi ċirkustanzi ta’ ksur tar-regolament bażiku mwettqa mill-“Kummissjoni”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-referenza għaċ-ċirkustanzi ta’ ksur li jirriżultaw mir-regolament ikkontestat u mwettqa mill-“Kummissjoni” pjuttost milli mill-“Kunsill” jikkostitwixxi żball tal-pinna fil-kitbiet tar-rikorrenti. Fil-fatt, minn naħa, mill-qari tal-kitbiet tar-rikorrenti jirriżulta b’mod ċar li l-argumentazzjoni tagħhom hija intiża biex tikseb l-annullament tar-regolament ikkontestat minħabba ċ-ċirkustanzi ta’ ksur imwettqa mill-Kunsill. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li r-risposta li taw il-Kunsill u l-Kummissjoni għal dawn l-argumenti juru li dawn qiesu li r-rikorrenti kienu fir-realtà qegħdin jirreferu għal ċirkustanzi ta’ ksur imwettqa mill-Kunsill. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu eżaminati dawn l-argumenti tar-rikorrenti fis-sens imsemmi iktar ’il fuq, kif qiesu wkoll il-Kunsill u l-Kummissjoni.

41      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u minn ePure, mingħajr ma jqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, josserva li r-rikors huwa inammissibbli. Dan iqis li r-rikorrenti ma għandhomx locus standi, la bħala rappreżentanti tal-membri tagħhom, u lanqas personalment, għar-raġuni li, skontu, il-kundizzjonijiet previsti mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma humiex issodisfatti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma għandhomx interess ġuridiku.

1.     Fuq l‑ammissibbiltà

42      Peress li r-rikorrenti huwa assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-industrija Amerikana tal-bijoetanol, għandha qabel kollox tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk tali assoċjazzjonijiet jistgħux jinvokaw dritt ta’ azzjoni f’dan il-każ, qabel ma jiġi eżaminat, sussegwentement, jekk għandhomx locus standi individwalment u, ukoll, jekk għandhomx locus standi għal uħud mill-membri tagħhom. Finalment, għandu jiġi eżaminat l-interess ġuridiku tar-rikorrenti f’din il-kawża.

 Fuq id-dritt ta’ azzjoni tal-assoċjazzjonijiet bħar-rikorrenti

43      Il-Kunsill iqis li r-rikorrenti, bħala assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-membri tagħhom, jistgħu biss jitolbu l-annullament tar-regolament ikkontestat sa fejn dan jaffettwa lill-membri tagħhom li huma kkonċernati individwalment. Dan josserva wkoll li, ħlief fil-każ ta’ Marquis Energy li ddeċidiet li tattakka personalment ir-regolament ikkontestat (fil-Kawża T-277/13, Marquis Energy vs Il-Kunsill), ir-regolament ikkontestat sar definittiv fir-rigward tal-membri tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, dan isostni li r-rikors preżenti, ippreżentat minn assoċjazzjoni, ma jistax ikollu bħala riżultat, fil-każ li huwa ammissibbli u fondat, li jpoġġi indiskussjoni n-natura definittiva tar-regolament ikkontestat, għaliex inkella jinkiser il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, stabbilit mid-dritt tal-Unjoni.

44      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argumentazzjoni tal-Kunsill, billi jsostnu li din tal-aħħar iċċaħħad lill-assoċjazzjonijiet mid-dritt ta’ azzjoni tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, rikors għal annullament ippreżentat minn assoċjazzjoni, meta jkun awtorizzat, għandu joħloq l-effetti tiegħu fir-rigward tal-membri kollha tal-assoċjazzjoni li kienu legalment imsieħba fiha fil-mument tal-preżentata tar-rikors.

45      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn assoċjazzjoni li għandha l-għan li tiddefendi l-interessi kollettivi tal-membri tagħha tista’ biss tiġi awtorizzata fi tliet tipi ta’ sitwazzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, meta dispożizzjoni legali tkun tirrikonoxxi dan espressament (ara, f’dan is-sens, id-Digriet tal-10 ta’ Diċembru 2004, EFfCI vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T-196/03, Ġabra, EU:T:2004:355, punt 42), it-tieni nett, meta l-impriżi li din tirrappreżenta jew xi wħud minnhom ikollhom locus standi individwali jew, it-tielet nett, jekk din tkun tista’ tinvoka interess individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C-182/03 u C-217/03, Ġabra, EU:C:2006:416, punt 56 u l‑ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tal-24 ta’ Ġunju 2014, PPG u SNF vs ECHA, T-1/10 RINV, EU:T:2014:616, punt 30).

46      B’hekk, għandu jiġi identifikat jekk f’dan il-każ ir-rikorrenti jinvokawx waħda jew l-oħra jew diversi minn dawn it-tliet ipoteżijiet.

47      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ewwel ipoteżi li tgħid li r-rikors ippreżentat minn assoċjazzjoni jkun ammissibbli meta dispożizzjoni legali tkun tirrikonoxxih espressament, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li r-rikorrenti ma jidentifikaw ebda dispożizzjoni legali li tagħtihom dritt speċifiku li jippreżentaw rikors u, min-naħa l-oħra, li ebda prova li tirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali ma tippermetti li jiġi konkluż li teżisti dispożizzjoni legali li r-rikorrenti jistgħu jinvokaw f’dan ir-rigward.

48      B’hekk, dan ir-rikors ma jistax jiġi ddikjarat ammissibbli minħabba li r-rikorrenti jibbenefikaw minn dispożizzjoni legali speċifika li tawtorizzahom jaġixxu.

49      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tieni ipoteżi, li tgħid li r-rikors ippreżentat minn assoċjazzjoni jkun ammissibbli meta din tirrappreżenta impriża jew iktar li jkollhom locus standi individwali, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti josservaw, essenzjalment, li huma għandhom locus standi, minħabba li xi wħud mill-membri tagħhom huma “esportaturi ta’ bijoetanol provenjenti mill-Istati Uniti tal-Amerika lejn l-Unjoni”.

50      B’hekk, fir-rigward tal-membri tar-rikorrenti, għandu jiġi eżaminat jekk l-erba’ kategoriji segwenti ta’ operaturi għandhomx locus standi:

–        Marquis Energy, li hija produttur Amerikan ta’ bijoetanol li ntgħażlet fil-kampjun u li ppreżentat ir-rikors tagħha stess kontra r-regolament ikkontestat fil-Kawża T-277/13, Marquis Energy vs Il-Kunsill;

–        l-erba’ produtturi Amerikani ta’ bijoetanol li ntgħażlu fil-kampjun, minbarra Marquis Energy, li ssemmew fil-premessa 36 tar-regolament ikkontestat (iktar ’il quddiem “l-erba’ produtturi fil-kampjun”), jiġifieri Patriot Renewable Fuels, Plymouth Energy Company, POET u Platinum Ethanol, u li huma kollha membri ta’ mill-inqas waħda mir-rikorrenti. Fil-fatt, dawn l-erba’ gruppi ta’ produtturi huma membri tal-ewwel rikorrenti, Growth Energy, u Patriot Renewable Fuels kif ukoll Plymouth Energy Company huma wkoll membri tat-tieni rikorrenti, Renewable Fuels Association.

–        l-operaturi tas-suq/blenders ta’ bijoetanol Murex u CHS;

–        kull membru ieħor tar-rikorrenti.

51      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li għandu jiġi eskluż li dan ir-rikors jista’ jkun ammissibbli għall-ewwel minn dawn il-motivi, jiġifieri li r-rikorrenti tirrappreżenta lil Marquis Energy. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, assoċjazzjoni, li taġixxi bħala rappreżentant tal-membri tagħha, hija awtorizzata li taġixxi għal annullament meta dawn ma jkunux ippreżentaw rikors huma stess meta kienu awtorizzati li jagħmlu dan (ara d-digriet tad-29 ta’ Marzu 2012, Asociación Española de Banca vs Il-Kummissjoni, T-236/10, Ġabra, EU:T:2012:176, punti 23 u 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, f’dan il-każ, sa fejn Marquis Energy ippreżentat ir-rikors tagħha stess quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-Kawża T-277/13, Marquis Energy vs Il-Kunsill, kontra r-regolament ikkontestat, ir-rikors preżenti ppreżentat mir-rikorrenti sa fejn dawn jinvokaw li huma jirrappreżentaw lil Marquis Energy huwa f’kull każ inammissibbli. Min-naħa l-oħra, din il-konklużjoni ma għandhiex konsegwenzi fuq il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk ir-rikors tar-rikorrenti huwiex ammissibbli sa fejn dawn jirrappreżentaw ukoll lil membri oħra.

52      It-tieni nett, fir-rigward tal-membri tar-rikorrenti li huma operaturi tas-suq/blenders esportaturi tal-bijoetanol, għandu jiġi rrilevat li, waqt is-seduta, ir-rikorrenti qajmu l-argument li jgħid li tnejn mill-membri tagħhom “assoċjati”, Murex u CHS, kienu operaturi tas-suq/blenders li kienu esportaturi tal-bijoetanol. Murex hija “membru assoċjat” ta’ Growth Energy u CHS hija “membru assoċjat” ta’ Renewable Fuels Association. Għal din ir-raġuni, dawn iqisu li għandhom, konsegwentement, locus standi, bħala rappreżentanti ta’ dawn. Barra minn hekk, ir-rikorrenti osservaw li dawn iż-żewġ esportaturi ppreżentaw formularji għat-teħid ta’ kampjuni.

53      Huwa stabbilit li CHS hija membru “assoċjat” ta’ Renewable Fuels Association. Issa, hekk kif indikat ġustament il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-Artikolu IV(4)(b) tal-istatut ta’ Renewable Fuels Association jgħid li membru “assoċjat” ta’ din l-assoċjazzjoni għandu d-dritt li jassisti għal-laqgħat tal-membri, iżda min-naħa l-oħra ma għandux id-dritt li jivvota, hekk kif tniżżel fil-minuti tas-seduta.

54      Fir-rigward ta’ Murex, huwa stabbilit li din tal-aħħar hija membru “assoċjat” ta’ Growth Energy. Issa, hekk kif indikat ġustament il-Kummissjoni waqt is-seduta, ir-raba’ Artikolu tal-“articles of incorporation” (statut) ta’ Growth Energy jipprevedi kategoriji ta’ membri bid-dritt u mingħajr id-dritt ta’ vot, hekk kif tniżżel fil-minuti tas-seduta. B’mod iktar speċifiku, skont l-Artikolu II, Taqsima 2.01(c) tas-“Second Amended and Restated Bylaws” (it-tieni regoli emendati u modifikati) ta’ Growth Energy, membru “assoċjat” ta’ din l-assoċjazzjoni ma għandux id-dritt li jivvota.

55      Issa, mingħajr dritt ta’ vot, CHS u Murex ma għandhomx il-possibbiltà li jinvokaw l-interessi tagħhom matul eventwali rappreżentanza tagħhom mill-assoċjazzjoni kkonċernata. F’dawn iċ-ċirkustanzi u fin-nuqqas ta’ provi oħra li jistgħu juru li membru “assoċjat” għandu tali possibbiltà li jinvoka l-interessi tiegħu, għandu jiġi konkluż li, f’dan il-każ, Renewable Fuels Association ma għandhiex locus standi sa fejn din tosserva li hija kienet tirrappreżenta lil CHS u li Growth Energy ma għandhiex locus standi sa fejn din tosserva li hija kienet tirrappreżenta lil Murex.

56      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 51 sa 55 iktar ’il fuq jirriżulta li, għalkemm għandu jiġi eskluż li dan ir-rikors huwa ammissibbli sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw il-fatt li dawn kienu jirrappreżentaw lil Marquis Energy kif ukoll lil CHS jew Murex, min-naħa l-oħra għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikors tagħhom huwiex ammissibbli sa fejn dawn jinvokaw il-fatt li huma jirrappreżentaw, l-ewwel nett, lill-erba’ produtturi fil-kampjun minbarra lill-grupp Marquis Energy u, it-tieni nett, lil kull membru ieħor minbarra l-erba’ produtturi fil-kampjun, Marquis Energy jew lill-operaturi tas-suq/blenders CHS u Murex.

57      Fit-tielet lok, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti li jgħid li rikors għal annullament ippreżentat minn assoċjazzjoni, meta jkun awtorizzat, għandu joħloq l-effetti tiegħu fir-rigward tal-membri kollha tal-assoċjazzjoni li kienu legalment imsieħba fiha fil-mument tal-preżentata tar-rikors.

58      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm huwa minnu li, fir-rigward tal-kriterji tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-regolamenti li jimponu dazji antidumping għandhom effettivament, min-natura u mill-portata tagħhom, natura normattiva, peress li japplikaw għall-ġeneralità tal-operaturi ekonomiċi interessati, madankollu ma huwiex eskluż li xi operaturi ekonomiċi għandhom locus standi kontra wħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 1984, Allied Corporation et vs Il-Kummissjoni, 239/82 u 275/82, Ġabra, EU:C:1984:68, punt 11, u tal-20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 264/82, Ġabra, EU:C:1985:119, punt 12).

59      Issa, skont il-ġurisprudenza, meta regolament li jistabbilixxi dazju antidumping jimponi dazji differenti fuq sensiela ta’ kumpanniji, kumpannija jkollha locus standi biss kontra d-dispożizzjonijiet li jimponu dazju antidumping partikolari fuqha u li jistabbilixxu l-ammont tad-dazju, u mhux kontra dawk li jimponu dazji antidumping fuq kumpanniji oħra, b’mod li r-rikors ta’ din il-kumpannija huwa ammissibbli biss sa fejn huwa jitlob l-annullament tad-dispożizzjonijiet tar-regolament li jirrigwardawha esklużivament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe, C-239/99, Ġabra, EU:C:2001:101, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Barra minn hekk, mill-punt 29 tas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fiskeri og Havbruksnæringens Landsforening et vs Il-Kunsill (T-115/06, EU:T:2012:136), li r-rikorrenti jinvokaw f’dan ir-rigward, moqri flimkien mal-punti 27 u 28 tal-istess sentenza, jirriżulta li l-effetti ta’ annullament ma jistgħux jipproduċu ruħhom fir-rigward tal-membri kollha ta’ assoċjazzjoni sa fejn ir-rikorsi tal-imsemmija membri kienu ammissibbli.

61      Fil-fatt, kieku kien mod ieħor, assoċjazzjoni professjonali tkun tista’ tinvoka l-locus standi ta’ wħud mill-membri tagħha biex tikseb l-annullament ta’ regolament favur il-membri kollha tagħha, inklużi dawk li ma jissodisfawx, individwalment, il-kundizzjonijiet imsemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Dan iwassal biex jiġu evitati r-regoli relattivi għall-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi li jistgħu jiġu ppreżentati kontra r-regolamenti li jimponu dazji antidumping.

62      B’hekk, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jistgħux jitolbu l-annullament tar-regolament ikkontestat favur il-membri tagħhom ħlief sa fejn dan jaffettwa lil dawk il-membri tagħhom li għandhom huma stess locus standi biex jippreżentaw rikors għal annullament abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kontra r-regolament ikkontestat.

63      Fir-raba’ lok, fir-rigward tat-tielet ipoteżi li tgħid li r-rikors ta’ assoċjazzjoni jkun ammissibbli meta assoċjazzjoni tkun tista’ tinvoka interess individwali, ir-rikorrenti jqisu li huma għandhom dritt jippreżentaw rikors b’mod individwali fil-kwalità tagħhom ta’ assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-produtturi prinċipali ta’ etanol u jfakkru li huma kienu partijiet interessati fil-proċedura amministrattiva antidumping. B’hekk, f’dan ir-rigward għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti għandhomx interess individwali f’dan il-każ, fil-kwalità tagħhom bħala assoċjazzjoni li pparteċipat fil-proċedura antidumping (ara l-punti 75 sa 87 iktar ’il quddiem).

 Fuq il-locus standi tar-rikorrenti

64      Għandu jitfakkar li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jsemmi tliet ċirkustanzi li fihom kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors għal annullament. Fil-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ dan l-artikolu, din tista’, l-ewwel nett, tippreżenta rikors kontra l-atti li din tkun id-destinatarja tagħhom. It-tieni nett, din tista’ tippreżenta rikors kontra l-atti li jikkonċernawha direttament u individwalment, kif ukoll, it-tielet nett, kontra l-atti regolatorji li jikkonċernawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni.

65      Għandu jiġi rrilevat li l-kriterju tal-interess dirett huwa identiku fit-tieni u fit-tielet każijiet imsemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (digriet tat-13 ta’ Marzu 2015, European Coalition to End Animal Experiments vs ECHA, T‑673/13, Ġabra, EU:T:2015:167, punt 67).

66      F’dan il-każ, huwa stabbilit li r-rikorrenti ma humiex destinatarji tar-regolament ikkontestat. Għalhekk, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk ir-rikorrenti jistgħux jippreżentaw rikors għal annullament kontra r-regolament ikkontestat abbażi tat-tieni u tat-tielet każijiet imsemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jew, l-ewwel nett, sa fejn jaġixxu individwalment, jew, it-tieni nett, sa fejn jaġixxu bħala rappreżentanti ta’ waħda mill-kategoriji ta’ operaturi li huma membri tagħhom.

67      Fir-rigward tal-kunċett ta’ interess dirett previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi kkonstatat li dan jeħtieġ li jkunu issodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li l-att li r-rikorrenti jridu jannullaw joħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom u, min-naħa l-oħra, li dan l-att ma jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ din il-miżura inkarigati bl-implementazzjoni tiegħu, peress li dan ikollu natura purament awtomatika u jkun jirriżulta mis-sempliċi regolamentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (digriet tal-24 ta’ Settembru 2009, Município de Gondomar vs Il-Kummissjoni, C-501/08 P, EU:C:2009:580, punt 25, u s-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-463/10 P u C-475/10 P, Ġabra, EU:C:2011:656, punt 66).

68      F’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ interess dirett previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija ġurisprudenza stabbilita li l-persuni l-oħra għajr id‑destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jqisu li huma kkonċernati individwalment biss fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, għalhekk, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak li bih huma individwalizzati d-destinatarji ta’ tali deċiżjoni (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra, EU:C:1963:17, p. 223, u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C-78/03 P, Ġabra, EU:C:2005:761, punt 33).

69      Fir-rigward tal-qasam tad-difiża kontra l-prattiki ta’ dumping, l-ewwel nett, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-atti li jistabbilixxu dazji antidumping huma tali li jikkonċernaw direttament u individwalment lill-impriżi produtriċi u esportatriċi li jistgħu juru li huma ġew identifikati fl-atti tal-Kummissjoni jew tal-Kunsill jew ikkonċernati mill-investigazzjonijiet preparatorji (sentenzi Allied Corporation et vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, EU:C:1984:68, punt 12, u tat-23 ta’ Mejju 1985, Allied Corporation et vs Il-Kunsill, 53/83, Ġabra, EU:C:1985:227, punt 4).

70      It-tieni nett, l-importaturi tal-prodott ikkonċernat li l-prezzijiet għall-bejgħ mill-ġdid tagħhom ittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kostruzzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni u li huma, għalhekk, ikkonċernati mill-kontestazzjonijiet relattivi għall-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping huma direttament u individwalment ikkonċernati minn regolamenti li jistabbilixxu dazji antidumping (sentenzi tal-14 ta’ Marzu 1990, Nashua Corporation et vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, C‑133/87 u C-150/87, Ġabra, EU:C:1990:115, punt 15, u Gestetner Holdings vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-156/87, Ġabra, EU:C:1990:116, punt 18). L-istess jgħodd għal dawk l-importaturi assoċjati ma’ esportaturi ta’ pajjiżi terzi li l-prodotti tagħhom intlaqtu minn dazji antidumping b’mod partikolari fil-każ fejn il-prezz tal-esportazzjoni ġie kkalkolat mill-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni pprattikati minn dawn l-importaturi u fil-każ fejn id-dazju antidumping innifsu huwa kkalkolat skont dawn il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1990, Neotype Techmashexport vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, C-305/86 u C‑160/87, Ġabra, EU:C:1990:295, punti 19 u 20).

71      It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li manifattur ta’ tagħmir oriġinali, mingħajr ma għandu jiġi kkwalifikat bħala importatur jew esportatur, kien direttament u individwalment ikkonċernat mid-dispożizzjonijiet tar-regolament relattivi għall-prattiki ta’ dumping tal-produttur li mingħandu kien jixtri l-prodotti minħabba l-partikolaritajiet tar-relazzjonijiet kummerċjali tiegħu ma’ dan il-produttur. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kien biex jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-partikolaritajiet li l-Kunsill kien iffissa ċertu rata ta’ marġni ta’ qligħ fil-kuntest tal-kostruzzjoni tal-valur normali, li kienet sussegwentement ittieħdet inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-marġni ta’ dumping li abbażi tagħha kien ġie ffissat id-dritt antidumping, b’tali mod li l-manifattur ta’ tagħmir oriġinali kien ikkonċernat mill-konstatazzjonijiet relattivi għall-eżistenza tal-prattika ta’ dumping inkriminata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Nashua Corporation et vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, punt 70 iktar ’il fuq, EU:C:1990:115, punti 17 sa 20, u Gestetner Holdings vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, EU:C:1990:116, punti 20 sa 23).

72      Ir-raba’ nett, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet il-locus standi ta’ produttur tal-Unjoni peress li r-regolament li stabbilixxa dazju antidumping kien ibbażat fuq is-sitwazzjoni individwali ta’ dan il-produttur, fabbrikant prinċipali tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni. Biex tasal għal din il-konstatazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-ilmenti ppreżentati mill-produttur imsemmi kienu wasslu għall-ilment li wassal għall-ftuh tal-proċedura ta’ investigazzjoni, li l-osservazzjonijiet tiegħu kienu nstemgħu matul din il-proċedura, li l-iżvolġiment tagħha kien iddeterminat ħafna mill-imsemmija osservazzjonijiet, u li d-dazju antidumping kien ġie stabbilit skont il-konsegwenzi li d-dumping ikkonstatat kien ħoloq għalih (ara, f’dan is-sens, is-sens Timex vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, EU:C:1985:119, punti 14 u 15).

73      Il-ħames nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li r-rikonoxximent tad-dritt ta’ ċerti kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi li jippreżentaw rikors għal annullament ta’ regolament antidumping ma jistax jipprekludi li operaturi oħra jistgħu wkoll ikunu individwalment ikkonċernati minn tali regolament, minħabba ċerti karatteristiċi partikolari tagħhom u li jikkaratterizzawhom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra. Għalhekk, din qieset bħala ammissibbli r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża msemmija, minħabba li kienet l-iktar importatur importanti tal-prodott li kien is-suġġett tal-miżura antidumping, l-utenti finali ta’ dan il-prodott u li l-attivitajiet ekonomiċi tagħha kienu jiddependu, fil-biċċa l-kbira, minn dawn l-importazzjonijiet u kienu serjament milquta mir-regolament ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 1991, Extramet Industrie vs Il-Kunsill, C‑358/89, Ġabra, EU:C:1991:214, punti 16 sa 18).

74      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti f’dan il-każ.

 Fuq il-locus standi tar-rikorrenti b’mod individwali

75      Ir-rikorrenti josservaw li huma assoċjazzjonijiet li l-membri tagħhom huma l-produtturi prinċipali Amerikani ta’ etanol, li pparteċipaw attivament fil-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat. L-għan tagħhom huwa li jipproteġu l-industrija Amerikana tal-etanol. Peress li l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat tikkostitwixxi problema kbira għar-rikorrenti u peress li dawn ġew irrikonoxxuti bħala partijiet interessati matul il-proċedura antidumping kollha, dawn għandu jkollhom locus standi biex jippreżentaw dan ir-rikors f’isimhom stess, b’mod individwali.

76      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, isostni li ma huwiex biżżejjed, għar-rikorrenti, li jsostnu li jirrappreżentaw lill-industrija Amerikana tal-bijoetanol fl-intier tagħha jew li jippromwovu l-interessi tagħha jew li kkollaboraw mal-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni billi rrappreżentaw l-interessi tal-membri tagħhom, biex ikunu jistgħu jaġixxu quddiem il-Qorti Ġenerali. Dan josserva li ma jeżistux ċirkustanzi partikolari li jindividwalizzaw lir-rikorrenti.

77      B’hekk għandu jinstab jekk, f’dan il-każ, ir-regolament ikkontestat jaffettwax direttament u individwalment lir-rikorrenti b’mod individwali, sa fejn is-sitwazzjoni legali tagħhom tinbidel fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 67 iktar ’il fuq.

78      Minn naħa, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li huwa stabbilit li r-regolament ikkontestat jimponi dazju antidumping uniku fuq l-importazzjonijiet kollha ta’ bijoetanol fl-istat pur tiegħu, jiġifieri alkoħol etiliku miksub minn prodotti agrikoli, kif ukoll bijoetanol imħallat mal-fjuwil fi proporzjoni superjuri għal 10 % (v/v), fil-livell tal-pajjiż fornitur, jiġifieri l-Istati Uniti. Min-naħa l-oħra, ma huwiex ikkontestat li, għalkemm ir-rikorrenti huma assoċjazzjonijiet li huwa stabbilit li jirrappreżentaw l-interessi tal-industrija Amerikana tal-bijoetanol u li pparteċipaw fil-proċedura antidumping, madankollu ma humiex marbuta li jeżerċitaw id-dritt imsemmi b’mod individwali.

79      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r-regolament ikkontestat, sa fejn jimponi dazji antidumping biss fuq il-prodotti tal-membri tar-rikorrenti, ma jimmodifikax is-sitwazzjoni legali tagħhom. Fil-fatt, l-impożizzjoni fir-regolament ikkontestat ta’ dazji antidumping fuq il-prodotti tal-membri tar-rikorrenti ma mmodifikatx id-dazji favur ir-rikorrenti b’mod individwali, jew l-obbligi imposti fuqhom.

80      Għalkemm il-fatt li r-rikorrenti kienu partijiet fil-proċedura antidumping ma għandux impatt fuq il-konstatazzjoni li l-impożizzjoni tad-dazji antidumping fuq il-prodotti tal-membri tagħhom ma joħloq ebda dritt favurihom u ebda obbligu fuqhom, għandu jingħad li huma josservaw, fl-għaxar motiv tar-rikors, li, bħala partijiet interessati fil-proċedura antidumping, huma għandhom interess individwali biex jiksbu l-annullament tar-regolament ikkontestat minħabba li nkisru d-drittijiet proċedurali tagħhom, jiġifieri dawk ibbażati fuq l-Artikolu 6(7), fuq l-Artikolu 19(1) u (2), u fuq l-Artikolu 20(2), (4) u (5) tar-regolament bażiku.

81      Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li persuna tintervjeni b’mod jew ieħor fil-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni huwa biss ta’ natura li jindividwalizza lil din il-persuna fir-rigward tal-att inkwistjoni meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli tagħtiha ċerti garanziji proċedurali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 1983, Fediol vs Il-Kummissjoni, 191/82, Ġabra, EU:C:1983:259, punt 31, u tas-17 ta’ Jannar 2002, Rica Foods vs Il-Kummissjoni, T-47/00, Ġabra, EU:T:2002:7, punt 55).

82      B’hekk għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet imsemmija tar-regolament bażiku msemmija fil-punt 80 iktar ’il fuq jagħtux garanziji proċedurali lill-persuni li intervjenew fil-proċess ta’ adozzjoni ta’ regolament li jimponi dazji antidumping, kif isostni r-rikorrenti.

83      L-Artikolu 6(7) tar-regolament bażiku jirrikonoxxi għall-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi, bħar-rikorrenti, li jagħmlu lilhom infushom magħrufa konformement mal-Artikolu 5(10), id-dritt li jsiru jafu, fuq talba miktuba, l-informazzjoni kollha magħmula disponibbli minn kull parti kkonċernata mill-investigazzjoni, minbarra d-dokumenti interni ppreparati mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew mill-Istati Membri tagħha, sakemm din l-informazzjoni tkun rilevanti għad-difiża tal-interessi tagħhom, ma tkunx kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 19, u li tintuża fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, għandu jingħatalhom id-dritt ta’ risposta għal din l-informazzjoni u l-kummenti tagħhom għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sa fejn ikunu sostanzjati biżżejjed fir-risposta.

84      Barra minn hekk, l-Artikolu 20(2), (4) u (5) tal-istess regolament jagħti lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi d-dritt li jitolbu informazzjoni finali fuq il-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ikun maħsub li jiġi rrakkomandat l-istabbiliment ta’ miżuri definittivi jew l-għeluq ta’ investigazzjoni jew ta’ proċedura mingħajr l-istabbiliment ta’ miżuri. Dawn għandhom id-dritt li jippreżentaw osservazzjonijiet fuq l-informazzjoni finali f’terminu ta’ mill-inqas għaxart ijiem. F’dan il-każ, huwa stabbilit li r-rikorrenti kellhom aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni mhux kunfidenzjali u li rċevew l-informazzjoni finali skont l-Artikolu 20(2) tar-regolament bażiku kif ukoll l-informazzjoni supplimentari tal-21 ta’ Diċembru 2012.

85      Għalhekk, sa fejn ir-rikorrenti jibbażaw ir-rikors tagħhom għall-protezzjoni tal-garanziji proċedurali li jingħatawlhom mill-Artikolu 6(7), mill-Artikolu 19(1) u (2), u mill-Artikolu 20(2), (4) u (5) tar-regolament bażiku, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-rikors huwa ammissibbli sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti li jaġixxu b’mod individwali.

86      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jenfasizzaw li għandhom locus standi minħabba li pparteċipaw fil-proċedura antidumping bħala assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li kienu interlokuturi bejn il-Kummissjoni u “l-industrija Amerikana tal-bijoetanol b’mod sħiħ”. Dawn jinvokaw, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni (C-313/90, Ġabra, EU:C:1993:111, punti 28 sa 30), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-pożizzjoni ta’ assoċjazzjoni fil-kwalità tagħha bħala negozjatur kienet affettwata mid-deċiżjoni inkwistjoni. Madankollu, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-pożizzjoni tar-rikorrenti bħala assoċjazzjonijiet rappreżentattivi skont ir-regolament bażiku ma hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ negozjatur li jaġixxi formalment f’isem il-membri tiegħu. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li s-sentenza msemmija kienet tikkonċerna talba għal annullament, ifformulata minn assoċjazzjoni, ta’ deċiżjoni adottata fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, jiġifieri rifjut mill-Kummissjoni li tiftah il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 108(2) TFUE intiża għall-konstatazzjoni li għajnuna mogħtija ma hijiex kompatibbli mas-suq intern. B’mod partikolari, CIRFS ma kinitx tirrappreżenta l-interessi tal-kumpannija li tibbenefika mill-għajnuna inkwistjoni. Madankollu, din il-kawża tikkonċerna regolament adottat fil-qasam tal-antidumping. Permezz tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill ma rrifjutax li jiftaħ xi proċedura u r-rikorrenti jqisu li huma r-rappreżentanti tal-interessi tal-operaturi ekonomiċi li l-prodott tagħhom huwa milqut mill-miżura antidumping. B’hekk, din il-kawża tikkonċerna sitwazzjoni differenti minn dik li wasslet għas-sentenza CIRFS et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (EU:C:1993:111), li ma hijiex, f’dan ir-rigward, rilevanti f’dan il-każ.

87      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 77 sa 86 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti għandhom jingħataw, bħala partijiet interessati fil-proċedura, locus standi minħabba li huma direttament u individwalment ikkonċernati, iżda li dawn jistgħu biss jinvokaw b’mod ammissibbli l-għaxar motiv tar-rikors, li huwa l-uniku motiv intiż għas-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tagħhom.

 Fuq il-locus standi tar-rikorrenti bħala rappreżentanti tal-membri tagħhom

88      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, iqis li r-rikorrenti ma għandhomx locus standi bħala rappreżentanti tal-membri tagħhom.

89      Ir-rikorrenti jikkontestaw dan l-argument.

90      F’dan il-każ, għall-finijiet tal-eżami tal-locus standi, għandha ssir distinzjoni bejn l-erba’ produtturi Amerikani ta’ bijoetanol magħżula fil-kampjun u l-membri l-oħra tar-rikorrenti.

91      Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun għandhomx locus standi kontra r-regolament ikkontestat, għandu jiġi eżaminat jekk humiex direttament u individwalment ikkonċernati minnu fis-sens tat-tieni ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

–       Fuq interess dirett tar-rikorrenti bħala rappreżentanti tal-produtturi ta’ bijoetanol magħżula fil-kampjun

92      F’dak li jikkonċerna l-kwistjoni jekk l-erba’ produtturi fil-kampjun għandhomx interess dirett fir-regolament ikkontestat, għandu jiġi kkonstatat li kumpannija, li l-prodotti tagħha huma milquta minn dazju antidumping, hija direttament ikkonċernata minn regolament li jistabbilixxi dan id-dazju antidumping, għaliex dan tal-aħħar jobbliga lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri biex jirċievu d-dazju stabbilit mingħajr ma jħallilhom xi marġni ta’ diskrezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Settembru 1997, Shanghai Bicycle vs Il-Kunsill, T‑170/94, Ġabra, EU:T:1997:134, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ Novembru 1998, Champion Stationery et vs Il-Kunsill, T-147/97, Ġabra, EU:T:1998:266, punt 31).

93      F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, minflok ma jimponi dazju individwali fuq kull fornitur tal-prodott inkwistjoni, l-Artikolu 1(1) tar-regolament ikkontestat jimponi dazju antidumping uniku fuq l-importazzjonijiet kollha ta’ bijoetanol fl-istat pur tiegħu, jiġifieri alkoħol etiliku miksub minn prodotti agrikoli, kif ukoll bijoetanol imħallat mal-fjuwil fi proporzjoni superjuri għal 10 % (v/v), fil-livell tal-pajjiż fornitur, jiġifieri l-Istati Uniti. B’mod iktar speċifiku, dan jimponi dazju antidumping fuq skala nazzjonali b’rata ta’ EUR 62.30 għal kull tunnellata netta, applikabbli pro rata għall-kontenut totali, f’piż, ta’ bijoetanol. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r-regolament ikkontestat ma jidentifikax l-importazzjonijiet ta’ bijoetanol mis-sors individwali tagħhom billi jindika lill-operaturi rilevanti għall-esportazzjoni fil-katina kummerċjali.

94      It-tieni nett, il-Kunsill jirrileva, fil-premessa 12 tar-regolament ikkontestat kif ukoll fin-nota tad-difiża tiegħu, li, peress li ebda wieħed mill-erba’ produtturi fil-kampjun ma esporta huwa stess bijoetanol fis-suq tal-Unjoni, il-bejgħ tagħhom sar fis-suq intern lil operaturi tas-suq/blenders indipendenti li sussegwentement ħalltu l-bijoetanol u l-fjuwil sabiex jerġgħu jbigħu fis-suq intern u għall-esportazzjoni, b’mod partikolari lejn l-Unjoni.

95      It-tielet nett, il-Kunsill jirrileva, fl-istess premessa 12 tar-regolament ikkontestat, li l-ħames produtturi Amerikani inklużi fil-kampjun “semmew esportazzjonijiet ta’ bijoetanol lejn l-Unjoni fil-formularju tat-teħid ta’ kampjuni tagħhom”.

96      Ir-raba’ nett, fil-premessi 10 u 11 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill jindika li, waqt il-proċedura amministrattiva antidumping, il-Kummissjoni ħadet kampjun ta’ sitt produtturi ta’ bijoetanol fl-Istati Uniti abbażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet ta’ bijoetanol lejn l-Unjoni li fuqu setgħet raġonevolment issir l-investigazzjoni, fid-dawl taż-żmien disponibbli. Kumpannija tneħħiet mill-kampjun, matul l-investigazzjoni, minħabba li kien ġie kkonstatat li l-produzzjoni tagħha ma kinitx ġiet esportata lejn l-Unjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni, jiġifieri l-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2010 sat-30 ta’ Settembru 2011, filwaqt li l-ħames produtturi l-oħra fil-kampjun kienu baqgħu fil-kampjun.

97      B’hekk, mill-konstatazzjonijiet esposti fil-punti 92 sa 96 iktar ’il fuq, relattivi għall-funzjonament tas-suq tal-bijoetanol kif stabbilit mill-Kunsill, jirriżulta li dan tal-aħħar ikkunsidra huwa stess, fir-regolament ikkontestat, li volum għoli ta’ bijoetanol provenjenti mill-erba’ produtturi fil-kampjun kien ġie esportat b’mod regolari lejn l-Unjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni.

98      Il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 97 iktar ’il fuq hija barra minn hekk ikkonfermata mill-evalwazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fformulati matul il-proċedura antidumping kif ukoll fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħhom.

99      Fil-fatt, qabel kollox, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill ikkonstata, fir-risposta tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li “[kien] jidher probabbli ħafna” li l-bijoetanol li jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet ta’ standards Ewropej (iktar ’il quddiem l-“l-ispeċifikazzjonijiet EN”) mibjugħ fl-Unjoni miż-żewġ operaturi tas-suq/blenders li kienu qegħdin jikkooperaw mal-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni “[kien] fih bijoetanol prodott minn [kunfidenzjali] (1)”. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill qies li kien “probabbli” li l-bijoetanol mibjugħ fl-Unjoni minn żewġ operaturi tas-suq/blenders oħrajn “[kien] fih bijoetanol prodott minn [kunfidenzjali]”.

100    Sussegwentement, il-Kummissjoni kkonfermat, waqt l-investigazzjoni, fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Jannar 2013, mibgħuta lir-rikorrenti, li t-tmien operaturi tas-suq/blenders li hija kienet identifikat, li kienu jbigħu l-bijoetanol prodott mill-produtturi fil-kampjun, kienu jirrappreżentaw iktar minn 90 % tat-totalità tal-esportazzjonijiet ta’ bijoetanol lejn l-Unjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni.

101    Barra minn hekk, fir-risposta għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kunsill ipprovda ċifri għall-kwantitajiet totali, li kienu jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet EN, miksuba matul il-perijodu tal-investigazzjoni mit-tmien operaturi tas-suq/blenders, interrogati permezz ta’ kwestjonarju matul l-investigazzjoni, mingħand il-ħames produtturi Amerikani inklużi fil-kampjun. Dawn iċ-ċifri kienu jikkorrispondu għal iktar minn [kunfidenzjali] tal-importazzjonijiet ta’ bijoetanol provenjenti mill-Istati Uniti mit-tmien operaturi tas-suq/blenders matul l-istess perijodu.

102    Finalment, il-Kunsill indika waqt is-seduta li ma kienx jikkontesta li l-maġġoranza tal-bejgħ ta’ bijoetanol li kien jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet EN kien ġie esportat lejn l-Unjoni. Fil-fatt, il-Kunsill illimita ruħu biex jindika, f’dan ir-rigward, fin-nota tad-difiża li l-operaturi tas-suq/blenders li kkooperaw matul il-proċedura kienu jiksbu l-bijoetanol mingħand diversi produtturi, kienu jħalltuh u jbigħuh għall-esportazzjoni. B’hekk, skont dan, ma kienx iktar possibbli li jiġi identifikat il-produttur fil-mument tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni u lanqas li jirrikostitwixxi l-perkors tax-xiri kollu individwalment u li jiġu pparagunati l-valuri normali mal-prezzijiet għall-esportazzjoni korrispondenti.

103    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li ġie stabbilit b’mod suffiċjenti li l-volumi kunsiderevoli ħafna ta’ bijoetanol li nxtraw matul il-perijodu tal-investigazzjoni mit-tmien operaturi tas-suq/blenders investigati mingħand il-ħames produtturi Amerikani ta’ bijoetanol inklużi fil-kampjun ġew fil-parti l-kbira esportati lejn l-Unjoni. Il-Kunsill ma ppreżenta ebda informazzjoni li tikkontradixxi jew li tista’ xxejjen lil din il-konstatazzjoni.

104    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun huma direttament ikkonċernati, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 67 u 92 iktar ’il fuq, mid-dazju antidumping stabbilit fir-regolament ikkontestat minħabba li dawn kienu l-produtturi tal-prodott li, matul l-importazzjoni tiegħu fl-Unjoni wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament ikkontestat, kien milqut mid-dazju antidumping.

105    Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti l-oħra tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

106    L-ewwel nett, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, josserva li r-rikorrenti kienu jirrappreżentaw, għal dak li jikkonċerna l-perijodu tal-investigazzjoni, lill-produtturi ta’ bijoetanol, iżda mhux lill-esportaturi tal-bijoetanol. Issa, il-produtturi tal-bijoetanol ma humiex, diversament mill-blenders/esportaturi, direttament ikkonċernati mir-regolament ikkontestat peress li, fir-regolament ikkontestat, il-Kunsill ma “jilmentax” li dawn jimplementaw prattiki ta’ dumping u peress li l-bejgħ dirett tagħhom ma huwiex suġġett għad-dazji antidumping.

107    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li timplika l-argumentazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ma hemmx lok li bħala prinċipju jiġi eskluż li l-produtturi fil-kampjun, diversament mill-esportaturi, ikollhom id-dritt li jippreżentaw rikors kontra r-regolament ikkontestat.

108    Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 67, 69 u 92 iktar ’il fuq, l-ammissibbiltà ta’ rikors kontra regolament li jimponi dazji antidumping ma tiddependix mill-istatus tiegħu bħala produttur jew esportatur.

109    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-regoli antidumping huma intiżi biex jiżguraw id-difiża kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping. Minn naħa, skont l-Artikolu 1(1) tar-regolament bażiku, jista’ jiġi impost dazju antidumping fuq kull prodott li huwa suġġett ta’ dumping li r-rilaxx tiegħu fiċ-ċirkulazzjoni ħielsa fl-Unjoni jikkawża ħsara. Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza, il-proċeduri antidumping jikkonċernaw l-importazzjonijiet kollha ta’ ċerta kategorija ta’ prodotti li joriġinaw minn pajjiż terz u mhux l-importazzjonijiet tal-prodotti minn impriżi speċifiċi (sentenza tas-7 ta’ Diċembru 1993, Rima Electrometalurgia vs Il-Kunsill, C-216/91, Ġabra, EU:C:1993:912, punt 17). Għalhekk, għall-eżami tal-interess dirett, ma huwiex rilevanti li jkun magħruf lil min l-istituzzjonijiet “jilmentaw” li jimplementa l-prattiki ta’ dumping inkwistjoni.

110    Minn dak li ntqal jirriżulta li, peress li d-dazji antidumping huma marbuta mal-prodotti esportati, produttur, anki jekk ma għandux il-kwalità ta’ esportatur tal-imsemmija prodotti, jista’ jinsab sostanzjalment milqut mill-impożizzjoni ta’ tali dazji antidumping fuq il-prodott ikkonċernat importat fl-Unjoni.

111    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, huwa stabbilit li l-erba’ produtturi fil-kampjun kienu jipproduċu l-bijoetanol fl-istat pur tiegħu matul il-perijodu tal-investigazzjoni u li huma l-prodotti tagħhom li l-operaturi tas-suq/blenders kienu jħalltu mal-fjuwil u kienu jesportaw lejn l-Unjoni.

112    Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 107 sa 111 iktar ’il fuq jirriżulta li ċ-ċirkustanzi msemmija mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, li jgħidu li r-regolament ikkontestat ma “jilmentax” li l-membri tar-rikorrenti implementaw prattiki ta’ dumping, li jgħidu li l-bejgħ dirett tagħhom ma huwiex suġġett għad-dazju antidumping u li jgħidu li, essenzjalment, dawn ma humiex esportaturi, ma jippermettux li jiġi injorat, b’mod prinċipali, li dawn ġew direttament milquta mill-adozzjoni tar-regolament ikkontestat fil-kwalità tagħhom ta’ produtturi fil-kampjun.

113    It-tieni nett, il-Kummissjoni tosserva li r-regolament ikkontestat ma għandux effetti legali fuq il-membri tar-rikorrenti u jista’ biss ikollu effetti indiretti fuqhom minħabba li kienu jbigħu l-bijoetanol lil terzi, li jistgħu, min-naħa tagħhom, jesportaw parti minn dan il-bijoetanol lejn l-Unjoni. Skont din, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ effett ekonomiku fuq is-sitwazzjoni tal-membri tar-rikorrenti ma kinitx biżżejjed biex jiġi pprovat l-interess dirett tagħhom.

114    F’dan ir-rigward, anki jekk jitqies li l-operaturi tas-suq/blenders ibatu d-dazju antidumping u jseħħ li l-katina kummerċjali tal-bijoetanol tiġi interrotta b’mod li dawn ma jkunux f’pożizzjoni li jpoġġu l-oneru tad-dazju antidumping fuq il-produtturi, għandu madankollu jitfakkar li l-istabbiliment ta’ dazju antidumping ibiddel il-konsegwenzi legali li taħthom il-kummerċjalizzazzjoni tal-bijoetanol prodott mill-erba’ produtturi fil-kampjun isseħħ fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, il-pożizzjoni legali tal-produtturi inkwistjoni fis-suq tal-Unjoni hija, f’kull każ, direttament u sostanzjalment milquta.

115    Għalhekk, għall-istess raġuni, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tiżbalja meta tikkontesta l-fatt li impriża tal-katina kummerċjali differenti minn dan l-aħħar esportatur, li jiġi kkonstatat li jwettaq id-dumping, tista’ tikkontesta dazju antidumping “li jikkonċerna l-prattika ta’ dumping tal-esportatur u mhux dik tal-impriżi tal-katina ta’ proviżjoni”.

116    It-tielet nett, il-Kummissjoni tqis li r-regolament ikkontestat għandu biss effetti indiretti fuq il-membri tar-rikorrenti minħabba li d-dazju antidumping jolqot direttament it-tranżazzjoni bejn in-negozjant/blender u l-importatur. F’dan ir‑rigward, għandu jiġi rrilevat li l-istruttura tal-arranġamenti kuntrattwali bejn operaturi ekonomiċi fi ħdan il-katina kummerċjali tal-bijoetanol ma għandha ebda effett fuq il-kwistjoni jekk produttur tal-bijoetanol huwiex direttament ikkonċernat mir-regolament ikkontestat. Fil-fatt, minn naħa, konklużjoni kuntrarja tkun tfisser li jitqies li huwa biss produttur li jbigħ direttament il-prodott tiegħu lill-importatur fl-Unjoni li jista’ jkun direttament ikkonċernat minn regolament li jimponi dazju antidumping fuq prodotti li rriżultaw mill-produzzjoni tiegħu, liema ħaġa b’ebda mod ma’ taqa’ taħt ir-regolament bażiku. Min-naħa l-oħra, tali approċċ ikollu l-effett li jirrestrinġi l-protezzjoni legali tal-produtturi milquta minn dazji antidumping sempliċement skont l-istruttura kummerċjali tal-esportazzjonijiet tal-produttur inkwistjoni.

117    F’dan il-kuntest, għandu wkoll jiġi miċħud bħala ineffettiv l-argument tal-Kummissjoni mqajjem waqt is-seduta, li jgħid li, sabiex ikollu locus standi, produttur għandu jkun jaf li l-prodott speċifiku tiegħu huwa esportat lejn l-Unjoni. Fil-fatt, il-fatt li produttur ikun jaf eżattament liema merkanzija li tirriżulta mill-produzzjoni tiegħu tiġi esportata lejn l-Unjoni huwa irrilevanti għall-kwistjoni jekk huwiex direttament milqut mir-regolament ikkontestat.

118    Mill-eżami mwettaq fil-punti 106 sa 117 iktar ’il fuq jirriżulta li l-argumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jgħidu li l-erba’ produtturi fil-kampjun ma humiex direttament ikkonċernati mir-regolament ikkontestat għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq interess individwali tar-rikorrenti bħala rappreżentanti tal-produtturi ta’ bijoetanol magħżula fil-kampjun

119    Fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun kinux individwalment ikkonċernati mir-regolament ikkontestat, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 69 iktar ’il fuq, l-atti li jistabbilixxu dazji antidumping huma tali li jikkonċernaw individwalment lil dawk tal-impriżi produttriċi u esportatriċi li jistgħu jipprovaw li huma ġew identifikati fl-atti tal-Kummissjoni jew tal-Kunsill jew ikkonċernati mill-investigazzjonijiet preparatorji.

120    Ċertament, il-partijiet ma jiftiehmux fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-erba’ produtturi fil-kampjun għandhomx il-kwalità ta’ esportatur tal-prodott li rriżulta mill-produzzjoni tagħhom f’dan il-każ.

121    Issa, għandu jiġi nnotat li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 73 iktar ’il fuq, ma huwiex eskluż li tali operaturi jistgħu wkoll ikunu individwalment ikkonċernati minn tali regolament, minħabba ċerti karatteristiċi partikolari tagħhom u li jikkaratterizzawhom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra. Għalkemm ir-rikorrenti jpoġġu indiskussjoni, f’isem l-erba’ produtturi fil-kampjun, il-fondatezza tad-deċiżjoni li timponi dazju antidumping bħala tali, huma għandhom juru li dawn għandhom statut partikolari fis-sens tas-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq (EU:C:1963:17, p. 223) (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 68 iktar ’il fuq, EU:C:2005:761, punt 37).

122    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk jitqies li huma l-produtturi tal-prodott li huma milquta minn dazju antidumping, iżda li ma huma b’ebda mod involuti fl-esportazzjoni tiegħu, dan ikun ċertament il-każ jekk, l-ewwel nett, dawn ikunu jistgħu juru li kienu ġew identifikati fl-atti tal-Kummissjoni jew tal-Kunsill jew ikkonċernati mill-investigazzjonijiet preparatorji (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Allied Corporation et vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, EU:C:1984:68, punt 12) u, it-tieni nett, il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tkun sostanzjalment milquta bid-dazju antidumping li jkun is-suġġett tar-regolament ikkontestat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 68 iktar ’il fuq, EU:C:2005:761, punt 37).

123    F’dan il-każ, fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun fil-proċedura amministrattiva, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif josservaw ir-rikorrenti, dawn ippreżentaw bħala produtturi Amerikani tal-bijoetanol formularji ta’ teħid ta’ kampjuni b’risposta għall-avviż ta’ bidu ta’ proċedura tal-Kummissjoni (ara l-punt 4 iktar ’il fuq). Dawn ġew inklużi fil-kampjun u baqgħu membri fil-kampjun matul l-investigazzjoni kollha.

124    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun ipparteċipaw fl-investigazzjoni preparatorja. B’mod partikolari, bħala produtturi fil-kampjun, dawn ikkooperaw fl-investigazzjoni billi pprovdew risposti għall-kwestjonarji tal-Kummissjoni u billi laqgħu s-servizzi tagħha, fl-uffiċċji tagħhom, biex iwettqu żjarat ta’ verifika.

125    Barra minn hekk, l-informazzjoni tagħhom intużat għal-kalkolu tal-valur normali fl-istadju tad-dokument ta’ informazzjoni provviżorju.

126    Finalment, provi oħra jindikaw li xi wħud mill-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun kienu wkoll involuti fi stadji oħra tal-proċedura antidumping inkwistjoni. Fil-fatt, minn naħa, fir-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 relattiv għas-seduta tal-11 ta’ Settembru 2012, l-uffiċjal tas-seduta kkonferma li ż-żamma ta’ din il-laqgħa kienet intalbet mir-rikorrenti kif ukoll minn Plymouth Energy Company u POET. Min-naħa l-oħra, fl-ittra tal-20 ta’ Frar 2013 mibgħuta lill-avukati tar-rikorrenti, il-Kummissjoni tindika li rrispondiet l-argumenti mqajma, b’mod partikolari, minn “Plymouth” dwar l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom fir-rigward tad-dokument ta’ informazzjoni tal-21 ta’ Diċembru 2012.

127    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun ipparteċipaw b’mod intensiv fl-investigazzjoni preparatorja. Dawn kienu, kemm mill-perspettiva tagħhom kif ukoll minn dik tal-Kummissjoni, partijiet parteċipanti fl-investigazzjoni preparatorja u l-pożizzjoni tagħhom ġiet eżaminata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-impożizzjoni tad-dazju antidumping.

128    Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-pożizzjoni fis-suq tal-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun kinitx sostanzjalment milquta bid-dazju antidumping li huwa s-suġġett tar-regolament ikkontestat, diġà ġie espost fil-punti 93 sa 103 iktar ’il fuq li volumi kunsiderevoli ħafna ta’ bijoetanol li nxtraw matul il-perijodu tal-investigazzjoni mit-tmien operaturi tas-suq/blenders investigati mingħand il-produtturi Amerikani ta’ bijoetanol inklużi fil-kampjun kienu fil-parti l-kbira esportati lejn l-Unjoni u li l-bijoetanol prodott mill-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun huwa, mid-dħul fis-seħħ tar-regolament ikkontestat, milqut bid-dazju antidumping impost minn dan tal-aħħar waqt l-importazzjoni tiegħu fl-Unjoni. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li huma l-produtturi fil-kampjun li pproduċew il-bijoetanol esportat lejn l-Unjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni, u mhux operaturi tas-suq/blenders li kienu jħalltuh mal-fjuwil u kienu jesportawh lejn l-Unjoni. Fuq dan il-punt, għandu jiġi osservat li dawn tal-aħħar ma humiex iddefiniti bħala produtturi tal-prodott ikkonċernat fir-regolament ikkontestat.

129    Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li l-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun kienu kkonċernati mill-investigazzjonijiet preparatorji minħabba li pparteċipaw intensivament fiha u minħabba li kienu sostanzjalment milquta mid-dazju antidumping li kien is-suġġett tar-regolament ikkontestat.

130    Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 119 sa 129 iktar ’il fuq jirriżulta li għandu jiġi konkluż li l-erba’ produtturi fil-kampjun, li huma membri tar-rikorrenti, huma individwalment ikkonċernati mir-regolament ikkontestat skont it-tieni ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

131    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argumenti l-oħra mqajma mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

132    L-ewwel nett, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, iqis qabel kollox li l-membri tar-rikorrenti ma humiex individwalment ikkonċernati mir-regolament ikkontestat minħabba li, anki jekk xi wħud mill-membri tagħhom ġew identifikati bħala produtturi fir-regolament ikkontestat, id-dumping kien ipprattikat mill-operaturi tas-suq/blenders u imputat lil dawn tal-aħħar.

133    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 123 sa 127 iktar ’il fuq, l-erba’ produtturi fil-kampjun ipparteċipaw b’mod sħiħ fl-investigazzjoni preparatorja u li l-pożizzjoni tagħhom ġiet eżaminata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-impożizzjoni tad-dazju antidumping. Barra minn hekk, fil-punti 128 u 129 iktar ’il fuq ġie spjegat li l-pożizzjoni tal-erba’ membri fil-kampjun tar-rikorrenti fis-suq kienet sostanzjalment milquta mid-dazju antidumping li hija s-suġġett tar-regolament ikkontestat. Għal dawn ir-raġunijiet, għandu jitqies li l-erba’ produtturi fil-kampjun huma individwalment ikkonċernati mir-regolament ikkontestat.

134    Sussegwentement, sa fejn il-Kummissjoni żżid li ma kienx “ilmentat” li l-erba’ produtturi fil-kampjun implementaw prattiki ta’ dumping u li r-regolament ikkontestat ma jikkostitwixxix deċiżjoni li taffettwahom minħabba l-aġir tagħhom stess, għandu jitfakkar li r-regolament imsemmi jimponi dazju antidumping fuq skala nazzjonali fuq l-importazzjoni lejn l-Unjoni tal-bijoetanol, inkluż dak li rriżulta mill-produzzjoni tal-erba’ produtturi fil-kampjun. B’hekk, il-kwistjoni dwar min eżattament implementa l-prattiki ta’ dumping inkwistjoni ma hijiex rilevanti għad-determinazzjoni jekk l-erba’ produtturi fil-kampjun humiex individwalment ikkonċernati mir-regolament ikkontestat. Fil-fatt, il-produtturi inkwistjoni jbatu l-konsegwenzi tal-imputazzjoni tal-prattiki antidumping anki jekk dawn il-prattiki ma humiex imputati lilhom.

135    Finalment, sa fejn il-Kunsill josserva li l-erba’ produtturi fil-kampjun ma humiex individwalment ikkonċernati, skont il-punt 45 tas-sentenza tat-28 ta’ Frar 2002, BSC Footwear Supplies et vs Il-Kunsill (T-598/97, Ġabra, EU:T:2002:52), minħabba li dawn ma jistgħux jitqiesu li huma produtturi jew esportaturi “li lilhom huma imputati l-prattiki ta’ dumping”, għandu jiġi kkonstatat li l-imputazzjoni tal-prattiki ta’ dumping lill-impriża li l-locus standi tagħha huwa eżaminat ma hijiex kundizzjoni neċessarja sabiex jiġi konkluż l-impatt individwali fuqha. Skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 73 iktar ’il fuq, ir-rikonoxximent tad-dritt ta’ ċerti kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi li jippreżentaw rikors għal annullament ta’ regolament antidumping ma jistax jipprekludi li operaturi oħra jkunu jistgħu wkoll ikunu individwalment ikkonċernati minn tali regolament, minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom u li jikkaratterizzawhom fil-konfront ta’ persuni oħra. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-imputazzjoni tal-prattika ta’ dumping lil produttur jew lil esportatur hija element li jista’ jindividwalizza lil dan, iżda ma hijiex rekwiżit għal dawn l-operaturi ekonomiċi. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni rrikonoxxiet l-interess individwali ta’ tali operaturi ekonomiċi mingħajr ma tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-prattiki ta’ dumping setgħu jiġu imputati lilha (sentenzi Allied Corporation et vs Il-Kunsill, punt 69 iktar ’il fuq, EU:C:1985:227, punt 4; Shanghai Bicycle vs Il-Kunsill, punt 92 iktar ’il fuq, EU:T:1997:134, punt 39; u Champion Stationery et vs Il-Kunsill, punt 92 iktar ’il fuq, EU:T:1998:266, punt 47).

136    Għaldaqstant, l-argument tal-Kunsill li jgħid li l-membri tar-rikorrenti ma humiex individwalment ikkonċernati, għaliex ma jistgħux jitqiesu li huma produtturi jew esportaturi li lilhom huma imputati l-prattiki ta’ dumping, abbażi tal-informazzjoni relattiva għall-attività kummerċjali tagħhom, ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, kieku kien mod ieħor, dan ikun imur kontra l-prinċipju, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza esposta fil-punti 69 sa 73 iktar ’il fuq, li jgħid li lanqas jista’ jiġi eskluż li kemm l-importaturi kif ukoll il-produtturi tal-Unjoni jistgħu jkollhom locus standi.

137    It-tieni nett, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, iqis li l-fattur li jindividwalizza lil xi impriżi meta mqabbla mal-impriżi l-oħra fil-katina ta’ valur huwa l-fatt li d-dumping ġie stabbilit abbażi tal-informazzjoni pprovduta minnhom u li tikkonċerna l-attivitajiet kummerċjali tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Kunsill u l-Kummissjoni jirreferu għall-ġurisprudenza relattiva għall-interess individwali tal-importaturi marbuta. B’mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni rrilevat li mis-sentenza Nashua Corporation et vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, punt 70 iktar ’il fuq (EU:C:1990:115), kif ukoll mid-digriet tas-7 ta’ Marzu 2014, FESI vs Il-Kunsill (T-134/10, EU:T:2014:143), jirriżulta li l-element determinanti huwa dak jekk l-istituzzjonijiet effettivament użawx l-informazzjoni b’mod li jindividwalizza lill-impriża li pprovdietha.

138    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, minħabba li s-sitwazzjoni tal-erba’ produtturi fil-kampjun ma hijiex paragunabbli ma’ dik tal-importaturi marbuta. Il-ġurisprudenza tagħmel distinzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom il-produtturi u l-esportaturi, minn naħa, u l-importaturi, min-naħa l-oħra, huma individwalment ikkonċernati mir-regolamenti li jimponu dazji antidumping (sentenzi Nashua Corporation et vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, punt 70 iktar ’il fuq, EU:C:1990:115, punti 14 u 15, u Gestetner Holdings vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, EU:C:1990:116, punti 17 u 18).

139    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, il-fatt li ddeċieda li ma jużax l-informazzjoni pprovduta mill-produtturi ta’ bijoetanol magħżula fil-kampjun biex jikkalkola marġni ta’ dumping individwali fir-rigward tagħhom, liema ħaġa hija preċiżament ikkontestata mir-rikorrenti taħt l-ewwel motiv tagħhom, ma jistax jeskludi l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn dawn il-produtturi.

140    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-Kawża Shanghai Bicycle vs Il-Kunsill (punt 92 iktar ’il fuq, EU:T:1997:134, punt 38), li fiha dazju antidumping uniku ġie impost fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina miċ-Ċina, li l-protezzjoni ġudizzjarja ta’ impriżi individwalment ikkonċernati minn dazju antidumping ma tistax tkun milquta mis-sempliċi fatt li d-dazju inkwistjoni huwa uniku u impost permezz ta’ referenza għal Stat u mhux b’referenza għal impriżi individwali. Għall-istess raġuni, il-fatt li d-dazju antidumping impost, f’dan il-każ, mir-regolament ikkontestat huwa dazju antidumping uniku, impost fuq skala nazzjonali u mhux b’referenza għall-produtturi fil-kampjun, ma jistax jostakola l-protezzjoni ġudizzjarja tal-membri tar-rikorrenti.

141    Minn naħa, fil-fatt, is-sempliċi użu mill-istituzzjonijiet tal-kampjuni ma jistax jikkostitwixxi raġuni valida biex jiġi miċħud il-locus standi tal-produtturi lil hinn mill-kampjun, li l-informazzjoni tiegħu ma ntużatx mill-istituzzjonijiet. Dan jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, Sinochem Heilongjiang vs Il-Kunsill (T-161/94, Ġabra, EU:T:1996:101, punti 47 u 48), li fiha l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tużax l-informazzjoni pprovduta minn esportatur u li tirrigwarda l-mertu tal-kawża ma kienx tali li jpoġġi indiskussjoni l-konklużjoni li tgħid li dan l-esportatur kien ikkonċernat mill-investigazzjonijiet preparatorji. B’hekk, a fortiori, l-istess japplika għas-sitwazzjoni ta’ produttur li jifforma parti minn kampjun.

142    Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn produttur jew minn esportatur inkluż fil-kampjun issir dipendenti fuq l-użu tal-informazzjoni pprovduta minnu jwassal biex titneħħa, fid-diskrezzjoni tal-Kunsill, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku għall-produtturi, bħal dawk f’dan il-każ, minn kull stħarriġ dirett mill-Qorti Ġenerali.

143    Għalhekk, għandu jiġi miċħud l-argument li jgħid li l-fattur li jindividwalizza lil xi impriżi meta mqabbla mal-impriżi l-oħra fil-katina ta’ valur huwa l-fatt li d-dumping ġie stabbilit abbażi tal-informazzjoni pprovduta minnhom.

144    It-tielet nett, il-Kummissjoni tqis, diversament mir-rikorrenti, li l-importanza tal-produzzjoni tal-membri tagħhom ma tikkostitwixxix prova rilevanti għad-determinazzjoni tal-effett fuq l-interess individwali tagħhom mir-regolament ikkontestat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-konstatazzjonijiet esposti fil-punti 119 sa 130 iktar ’il fuq jirriżulta li l-erba’ produtturi fil-kampjun, li huma membri tar-rikorrenti, huma individwalment ikkonċernati mir-regolament ikkontestat, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat id-daqs tal-produzzjoni tagħhom tal-prodott inkwistjoni.

145    Għaldaqstant, mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 132 sa 144 iktar ’il fuq jirriżulta li l-argumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li jgħidu li l-erba’ produtturi fil-kampjun ma humiex direttament ikkonċernati mir-regolament ikkontestat, għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq l-eżistenza ta’ rimedji alternattivi

146    Il-Kummissjoni ssostni li l-membri tar-rikorrenti ma humiex imċaħħda minn rimedji fil-każ fejn ikun jixtiequ jibdew jesportaw il-bijoetanol fl-Unjoni. Minn naħa, jistgħu jipprevedu, fil-kuntratti tagħhom mal-importaturi, li jassumu r-responsabbiltà għad-dazji doganali sabiex ikunu f’pożizzjoni li jikkontestaw id-dejn doganali quddiem il-qrati tal-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, il-membri kkonċernati minn dazju antidumping għandhom ukoll il-possibbiltà li jitolbu eżami mill-ġdid bħala esportatur ġdid, abbażi tal-Artikolu 11(4) tar-regolament bażiku. Skont il-Kummissjoni, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, l-esportaturi l-ġodda fil-pajjiż ta’ esportazzjoni inkwistjoni, li ma esportawx il-prodott matul il-perijodu tal-investigazzjoni li fuqu kienu bbażati l-miżuri, jistgħu jitolbu l-ftuh ta’ tali eżami mill-ġdid jekk jipprovaw li kienu effettivament esportaw fl-Unjoni wara l-perijodu tal-investigazzjoni jew jekk ikunu f’pożizzjoni li juru li kienu daħlu f’obbligu kuntrattwali u irrevokabbli ta’ esportazzjoni ta’ kwantità kbira ta’ prodotti fl-Unjoni. Id-dazju fis-seħħ jitħassar għal dawn l-importazzjonijiet, li jkunu suġġetti għal reġistrazzjoni. L-istituzzjonijiet jipproċedu b’eżami mill-ġdid b’urġenza, li fl-aħħar tiegħu dawn jiddeterminaw l-eżistenza jew le ta’ dumping għal dan l-esportatur il-ġdid. Jekk ikun il-każ, dawn jirċievu d-dazju retroattivament.

147    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni jekk il-membri tar-rikorrenti għandhomx rimedji oħrajn sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom ma għandha ebda effett fuq l-eżami tal-interess dirett u individwali fir-rigward tar-regolament ikkontestat.

148    Sussegwentement, sa fejn, b’dan l-argument, il-Kummissjoni tipproponi li l-produttur jew l-esportatur ibigħ il-merkanzija skont il-kundizzjoni ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratti kummerċjali (incoterm) imsejħa “rimbors tad-dazji mħallsa” (RDM) sabiex ikollu l-possibbiltà li jikkontesta l-komunikazzjoni tad-dejn doganali mill-awtoritajiet nazzjonali quddiem il-qrati nazzjonali jew li jwettaq tranżazzjoni kummerċjali ma’ xerrej fl-Unjoni, bl-uniku skop li jkun jista’ jikkontesta d-dejn doganali quddiem il-qrati nazzjonali u eventwalment quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 69 sa 73 u 122 iktar ’il fuq, ma teżistix tali restrizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn produtturi bħall-erba’ produtturi fil-kampjun. Fil-fatt, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 109 u 110 iktar ’il fuq, id-dazji antidumping jintrabtu mal-prodott inkwistjoni. Isegwi li r-rabtiet kuntrattwali bejn esportatur u produttur ma għandhom ebda effett fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet previsti mill-ġurisprudenza msemmija għandhomx jiġu ssodisfatti jew le. Għaldaqstant, dan l-argument tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

149    Finalment, sa fejn il-Kummissjoni tinvoka bl-argument tagħha l-possibbiltà li jintalab eżami mill-ġdid għall-esportatur il-ġdid abbażi tal-Artikolu 11(4) tar-regolament bażiku, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li r-raba’ subparagrafu tal-paragrafu msemmi jeskludi espressament il-possibbiltà ta’ tali eżami mill-ġdid f’sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tkun użat il-metodu ta’ teħid ta’ kampjun. Min-naħa l-oħra, il-paragrafu msemmi ma jikkostitwixxix, f’kull każ, rimedju alternattiv xieraq għal produttur li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza esposta fil-punti 69 sa 73 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dan ma jippermettilux, pereżempju, li jirrimedja għall-effetti tad-dazju antidumping fuq il-produzzjoni tiegħu, peress li l-produttur inkwistjoni ma bediex jesporta direttament din lejn l-Unjoni. Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

150    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija fil-punti 92 sa 149 iktar ’il fuq jirriżulta li, abbażi tat-tieni ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti għandhom locus standi biex jippreżentaw dan ir-rikors f’dak li jirrigwarda l-annullament tar-regolament ikkontestat sa fejn dan tal-aħħar jikkonċerna lill-erba’ produtturi fil-kampjun.

 Fuq il-locus standi tar-rikorrenti bħala rappreżentanti tal-membri tagħhom differenti mill-erba’ produtturi inklużi fil-kampjun

151    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ressqu ebda argument konkret fil-kitbiet tagħhom u ma pprovdew ebda informazzjoni li tidher fil-fajl quddiem il-Qorti Ġenerali li tippermetti lil din tal-aħħar li tikkonkludi li wieħed jew iktar mill-membri li ma kinux inklużi fil-kampjun tal-produtturi Amerikani kienu direttament ikkonċernati mid-dazju antidumping stabbilit mir-regolament ikkontestat.

152    Fil-fatt, minbarra l-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun, Marquis Energy, Murex u CHS, ir-rikorrenti ma identifikaw lil ħadd iktar mill-membri tagħhom li b’mod partikolari, skonthom, jista’ jkollu locus standi f’dan il-każ.

153    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ressqu ebda prova li turi li l-bijoetanol ta’ tali jew tali membru ieħor ġie esportat lejn l-Unjoni u kien, konsegwentement, milqut mid-dazju antidumping inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-membri l-oħra tar-rikorrenti setgħu kienu direttament ikkonċernati mir-regolament ikkontestat.

154    Peress li ma huwiex stabbilit li l-membri tar-rikorrenti, minbarra l-erba’ produtturi fil-kampjun, kienu direttament ikkonċernati mir-regolament ikkontestat, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 65 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti, abbażi tat-tieni u tat-tielet ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma għandhomx locus standi biex jippreżentaw dan ir-rikors sa fejn huwa intiż għall-annullament tar-regolament ikkontestat, sa fejn dan tal-aħħar jikkonċerna lill-membri tagħhom differenti mill-erba’ produtturi fil-kampjun.

 Fuq l-interess ġuridiku

155    Għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma għandhomx interess reali u ċert fl-annullament tar-regolament ikkontestat. Din tosserva li r-rikorrenti ma kkontestawx li l-membri tagħhom ma kinux esportaw bijoetanol lejn l-Unjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni u li huma lanqas ma pprovaw li l-membri tagħhom kienu bdew jagħmlu dan fid-data tal-preżentata tar-rikors. B’hekk, il-bejgħ tagħhom ma kienx issuġġettat għad-dazju antidumping impost mir-regolament ikkontestat. Konsegwentement, l-annullament tar-regolament ikkontestat ma jistax ikollu konsegwenzi legali fuq il-membri tagħhom.

156    Ir-rikorrenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

157    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, it-talbiet tan-nota ta’ intervent jistgħu jkunu intiżi biss sabiex isostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 142(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjent għandu jaċċetta l-kawża fl-istat li tinsab fih fil-mument tal-intervent tiegħu. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandhiex locus standi biex tinvoka l-inammissibbiltà, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti, li ma ġietx invokata mill-Kunsill u li għalhekk il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta li teżamina dan il-motiv ta’ inammissibbiltà. Madankollu, fir-rigward ta’ motiv ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, għandu jiġi eżaminat ex officio l-interess ġuridiku tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CIRFS et vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, EU:C:1993:111, punti 20 sa 23).

158    Għandu jiġi kkonstatat li l-interess ġuridiku jikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u primarja għal kull rimedju legali (sentenza tal-10 ta’ April 2013, GRP Security vs Il-Qorti tal-Awdituri, T-87/11, EU:T:2013:161, punt 44) u għandu, fid-dawl tal-għan tar-rikors, jeżisti fl-istadju tal-preżentata tiegħu taħt piena ta’ inammissibbiltà. L-interess ġuridiku għandu jibqa’ jeżisti sal-pronunzja tad-deċiżjoni ġudizzjarja (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C-362/05 P, Ġabra, EU:C:2007:322, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

159    L-eżistenza ta’ interess ġuridiku tippresupponi li r-rikors jista’, bir-riżultat tiegħu, jikseb benefiċċju lill-parti li ppreżentatu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, C‑337/09 P, Ġabra, EU:C:2012:471, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, T-299/05, Ġabra, EU:T:2009:72, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

160    F’dan il-każ, biżżejjed li jiġi kkonstatat li, essenzjalment, il-Kummissjoni tqis li d-dazju antidumping impost mir-regolament ikkontestat ma jolqotx il-bijoetanol li jirriżulta mill-produzzjoni tal-membri tar-rikorrenti għaliex dan huwa esportat mill-operaturi tas-suq/blenders. Madankollu, diġà ġie kkonstatat fil-punt 104 iktar ’il fuq li l-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun kienu l-produtturi tal-prodott li, matul l-importazzjoni tiegħu fl-Unjoni, kien milqut bid-dazju antidumping. Konsegwentement, minn naħa, ir-rikorrenti għandhom interess ġuridiku f’dan il-każ sa fejn l-annullament tad-dazju antidumping impost mir-regolament ikkontestat, li jolqot l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ bijoetanol prodott mill-membri tagħhom inklużi fil-kampjun, jista’ jikseb benefiċċju lill membri msemmija. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti għandhom interess ġuridiku f’dan il-każ sa fejn jinvokaw ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom stess fil-kuntest tal-għaxar motiv.

161    Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li:

–        dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament tar-regolament ikkontestat sa fejn jikkonċerna lil Marquis Energy (ara l-punt 51 iktar ’il fuq);

–        l-ewwel disa’ motivi għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw il-locus standi personali tagħhom (ara l-punt 87 iktar ’il fuq);

–        dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament tar-regolament ikkontestat sa fejn jikkonċerna lill-membri tar-rikorrenti differenti mill-ħames produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun (ara l-punti 55 u 154 iktar ’il fuq);

162    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-rikors huwa ammissibbli sa fejn ir-rikorrenti jitolbu:

–        l-ewwel nett, l-annullament tar-regolament ikkontestat sa fejn dan jikkonċerna lill-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun (ara l-punt 150 iktar ’il fuq) u,

–        it-tieni nett, l-annullament tar-regolament ikkontestat sa fejn dawn jinvokaw, fl-għaxar motiv, ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom stess matul il-proċedura antidumping (ara l-punt 87 iktar ’il fuq).

2.     Fuq il‑mertu

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(8), tal-Artikolu 9(5) u tal-Artikolu 18(1), (3) u (4) tar-regolament bażiku, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, tal-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill minħabba r-rifjut tiegħu li jikkalkola l-marġni ta’ dumping individwali u li jattribwixxi dazju antidumping individwali, jekk ikun il-każ, lill-membri tar-rikorrenti inklużi fil-kampjun

163    Peress li dan ir-rikors huwa ammissibbli għar-raġuni li ġie ppreżentat f’isem l-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun, għandu jinbeda l-eżami tal-mertu tal-kawża permezz tal-ewwel motiv.

164    Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti josservaw, essenzjalment, li, meta rrifjuta li jikkalkola marġni ta’ dumping individwali għall-membri tagħhom, li huma produtturi tal-prodott ikkonċernat fl-Istati Uniti inklużi fil-kampjun ta’ produtturi/esportaturi, u meta stabbilixxa minflokhom marġni ta’ dumping fuq skala nazzjonali, il-Kunsill kiser diversi artikoli tar-regolament bażiku kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali, tal-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba.

165    L-ewwel motiv jinqasam f’erba’ partijiet. L-ewwel parti tikkonċerna ksur tal-Artikolu 2(8) tar-regolament bażiku f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-prezz għall-esportazzjoni. It-tieni parti tikkonċerna ksur tal-Artikolu 9(5) tar-regolament imsemmi, li jiddefinixxi l-obbligu tal-istituzzjonijiet li jimponu dazji individwali għal kull fornitur. It-tielet parti tikkonċerna allegat ksur tal-Artikolu 18(1), (3) u (4) tar-regolament imsemmi, li jirrigwarda l-użu tal-aħjar provi disponibbli, sa fejn l-istituzzjonijiet użaw provi mressqa minn operaturi tas‑suq/blenders indipendenti biex jikkalkolaw marġni ta’ dumping fuq skala nazzjonali. Finalment, ir-raba’ parti tikkonċerna ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba.

166    Sussegwentement, għandu jinbeda l-eżami tat-tieni parti tal-ewwel motiv.

167    Bit-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti josservaw, essenzjalment, li l-Kunsill kellu jikkalkola marġni ta’ dumping individwali kif ukoll dazju antidumping individwali għal kull wieħed mill-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun. Billi minflok dan uża marġni ta’ dumping u dazju antidumping fuq skala nazzjonali għall-partijiet kollha li joperaw fl-industrija tal-bijoetanol fl-Istati Uniti, il-Kunsill kiser l-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu.

168    B’mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti jqisu li l-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku jittrasponi fid-dritt tal-Unjoni l-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi doganali u l-kummerċ tal-1994 (GATT) (ĠU L 336, p. 103, iktar ’il quddiem il-“ftehim antidumping tal-ODK”). Skont ir-rikorrenti, l-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK jimponu obbligu li jiġu kkalkolati marġni ta’ dumping individwali u li jiġu attribwiti dazji antidumping individwali lill-produtturi u esportaturi, ħlief għall-“esportaturi” mhux inklużi fil-kampjun fil-każ ta’ teħid ta’ kampjun u, min-naħa l-oħra, fil-każ tal-esportaturi li jikkostitwixxu entità ekonomika unika mal-Istat. Għalhekk, l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tat-terminu “mhux prattikabbli” użat fl-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku, li jgħid li huwa possibbli li jiġu applikati eċċezzjonijiet għall-obbligu li jiġu attribwiti marġni ta’ dumping u dazji antidumping individwali differenti minn dawn, bħall-istruttura tal-esportazzjonijiet Amerikani ta’ bijoetanol jew il-mod li bih jiġi esportat il-prodott, hija żbaljata u illegali.

169    Il-Kunsill, sostnut minn ePure, jikkontesta dawn l-argumenti. Essenzjalment, minn naħa, dan iqis li, meta l-istituzzjonijiet ma jkunux jistgħu jirrikostitwixxu l-perkors ta’ kull xiri u lanqas li jipparagunaw il-valuri normali mal-prezzijiet għall-esportazzjoni korrispondenti, bħal f’dan il-każ, l-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku ma jistax jobbligahom jiddefinixxu miżuri antidumping individwali għal kull produttur. Huwa impossibbli li jagħmel dan. Min-naħa l-oħra, dan isostni li t-terminu “mhux prattikabbli” użat fl-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku għandu portata iktar ġenerali minn dak użat fl-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK, u b’hekk jippermetti l-applikazzjoni ta’ eċċezzjoni għall-obbligu li f’dan il-każ jiġu attribwiti marġni ta’ dumping u dazji antidumping individwali.

170    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, li japplika f’dan il-każ, peress li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 765/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2012, li jemenda r-regolament bażiku (ĠU L 237, p. 1), jipprovdi li l-verżjoni emendata tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku tapplika għall-investigazzjonijiet kollha mibdija wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 765/2012, jistabbilixxi li dazju antidumping li l-ammont tiegħu jkun xieraq għal kull każ għandu jiġi impost b’mod mhux diskriminatorju fuq l-importazzjonijiet ta’ prodott, ikun xi jkun is-sors tagħhom, li dwarhom ikun ġie kkonstatat li huma s-suġġett ta’ dumping u joħolqu dannu, bl-eċċezzjoni tal-importazzjonijiet provenjenti mis-sorsi li għalihom ġie aċċettat impenn adottat abbażi tar-regolament bażiku. L-istess paragrafu jipprovdi wkoll li r-regolament li jimponi d-dazju għandu jispeċifika l-ammont tad-dazju għal kull fornitur jew, jekk dan mhux prattikabbli, b’mod ġenerali, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2(7)(a) tal-istess regolament, l-isem tal-pajjiż fornitur ikkonċernat.

171    L-Artikolu 6.10 tal-ftehim antidumping tal-ODK jipprovdi li ġej:

“Bħala regola ġenerali, l-awtortajiet għandhom jistabbilixxu marġini ta’ dumping individwali għal kull esportatur magħruf jew produttur ikkonċernat bil-prodott li qed ikun investigat. Fil-każijiet fejn in-numru ta’ esportaturi, ta’ produtturi, ta’ importaturi jew ta’ tipi ta’ prodott ikkunsidrati jkun tant kbir li l-istabbiliment ta’ tali determinazzjoni ma jkunx prattikabbli, l-awtoritajiet jistgħu jillimitaw l-eżami tagħhom jew għal numru raġjonevoli ta’ partijiet interessati jew ta’ prodotti, billi jużaw kampjuni li jkunu validi minn perspettiva statistika skont l-informazzjoni li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom fil-mument tal-għażla, jew għall-ikbar perċentwali ta’ volum tal-esportazzjonijiet provenjenti mill-pajjiż inkwistjoni li fir-rigward tagħhom tista’ raġjonevolment issir l-investigazzjoni.”

172    L-Artikolu 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK jipprovdi li ġej:

“Meta dazju antidumping huwa impost fir-rigward ta’ xi prodott, dan id-dazju, li l-ammont tiegħu għandu jkun xieraq f’kull każ, għandu jiġi rkuprat mingħajr diskriminazzjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ dan il-prodott, ikun xi jkun is-sors tagħhom, li minnhom ikun ġie kkonstatat li huma s-suġġett ta’ dumping u li jikkawżaw dannu, bl-eċċezzjoni tal-importazzjonijiet li joriġinaw minn sorsi li minnhom ikun ġie aċċettat impenn rigward prezz abbażi ta’ dan il-ftehim. L-awtoritajiet għandhom isemmu l-isem tal-fornitur jew tal-fornituri tal-prodott ikkonċernat. Jekk, madankollu, huma involuti bosta fornituri mill-istess pajjiż u ma jkunx prattiku li jingħataw l-ismijiet tagħhom kollha, l-awtoritajiet jistgħu jidentifikaw il-pajjiż fornitur inkwistjoni.”

173    B’hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kunsill setax, ġustament, jikkalkola l-marġni ta’ dumping fuq l-iskala nazzjonali u, konsegwentement, jimponi dazju antidumping fuq tali skala, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk il-ftehim antidumping tal-ODK huwiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku f’dan il-każ, it-tieni nett, jekk l-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun għandhomx, bħala regola ġenerali, dritt li jiġi applikat fil-konfront tagħhom dazju antidumping individwali abbażi tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku u, it-tielet nett, jekk il-Kunsill ikkunsidrax ġustament li kienet teżisti eċċezzjoni għal din ir-regola ġenerali minħabba li kien “mhux prattikabbli” li jiġu ppreċiżati fir-regolament ikkontestat l-ammonti individwali għal kull fornitur.

 Fuq l-applikazzjoni tal-ftehim antidumping tal-ODK f’dan il-każ

174    Mill-preambolu tar-regolament bażiku, u b’mod partikolari mill-premessa 3 tiegħu, jirriżulta li r-regolament imsemmi għandu b’mod partikolari l-għan li jittrasponi fid-dritt tal-Unjoni r-regoli l-ġodda u dettaljati li jinsabu fil-ftehim antidumping tal-ODK (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, C-76/00 P, Ġabra, EU:C:2003:4, punt 55, u tal-24 ta’ Settembru 2008, Reliance Industries vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑45/06, Ġabra, EU:T:2008:398, punt 89). Barra minn hekk, l-istess premessa tipprovdi wkoll li, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni xierqa u trasparenti ta’ dawn ir-regoli, it-termini tal-ftehim imsemmi għandhom jiġu trasposti, sa fejn ikun possibbli, fid-dritt tal-Unjoni. Fost ir-regoli elenkati fl-istess premessa, li huma trasposti mir-regolament bażiku fid-dritt tal-Unjoni, jidhru b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-impożizzjoni tad-dazji antidumping, jiġifieri l-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK.

175    Madankollu, ġie deċiż kemm-il darba li, fid-dawl tan-natura u tal-istruttura tagħhom, il-ftehimiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ODK), li jifforma parti minnhom il-ftehim antidumping tal-ODK, ma jinsabux, bħala prinċipju, fost ir-regoli li fir-rigward tagħhom il-qorti tal-Unjoni tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara s-sentenzi Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, punt 174 iktar ’il fuq, EU:C:2003:4, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-18 ta’ Diċembru 2014, LVP, C-306/13, Ġabra, EU:C:2014:2465, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

176    Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni tikkunsidra li l-fatt li jiġi ammess li l-obbligu li tiġi żgurata konformità tad-dritt tal-Unjoni mar-regoli tal-ODK huwa impost direttament fuq il-qorti tal-Unjoni jwassal sabiex iċaħħad lill-organi leġiżlattivi jew eżekuttivi tal-Unjoni mill-marġni ta’ manuvra li jgawdu minnhom l-organi simili tal-imsieħba kummerċjali tal-Unjoni. Fil-fatt huwa stabbilit li ċerti partijiet kontraenti, fosthom il-partijiet l-iktar importanti tal-Unjoni mill-perspettiva kummerċjali, waslu preċiżament, fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-ftehimiet tal-ODK, għall-konsegwenza li dawn tal-aħħar ma jirriżultawx fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom l-organi ġudizzjarji tagħhom għandhom jistħarrġu l-legalità tar-regoli tagħhom tad-dritt intern. Tali assenza ta’ reċiproċità, li kieku kellha tiġi aċċettata, tista’ twassal għal applikazzjoni mhux ibbilanċjata tar-regoli tal-ODK (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-120/06 P u C-121/06 P, Ġabra, EU:C:2008:476, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata, u LVP, punt 175 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2465, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

177    Huwa biss fl-ipoteżi fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplementa obbligu speċifiku adottat fil-kuntest tal-ODK jew fil-każ fejn l-att tal-Unjoni jirreferi espliċitament għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Ftehim tal-ODK li hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tistħarreġ il-legalità tal-att tal-Unjoni inkwistjoni fid-dawl tar-regoli tal-ODK (ara s-sentenzi Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, punt 174 iktar ’il fuq, EU:C:2003:4, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, u LVP, punt 175 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2465, punt 47).

178    Fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-ftehim antidumping tal-ODK mill-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku, għandu jiġi osservat li dan tal-aħħar, li l-verżjoni oriġinali tiegħu hija applikabbli f’dan il-każ, ġie emendat bir-Regolament Nru 765/2012 minħabba l-adozzjoni, mill-organu għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-ODK (iktar ’il quddiem l-“OST”), tar-rapport tal-organu tal-appell tal-15 ta’ Lulju 2011 (WT/DS397/AB/R, iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-organu ta’ appell tal-15 ta’ Lulju 2011 fil-kawża ‘elementi ta’ twaħħil’”) u tar-rapport tal-grupp speċjali tat-3 ta’ Diċembru 2010 (WT/DS397/R), emendat bir-rapport tal-organu tal-appell, fil-każ bit-titolu “Komunitajiet Ewropej – Miżuri antidumping definittivi li jikkonċernaw lil xi elementi ta’ twaħħil tal-ħadid jew tal-azzar provenjenti miċ-Ċina” (iktar ’il quddiem il-“każ ‘elementi ta’ twaħħil’”).

179    Fil-premessi tar-Regolament Nru 765/2012, il-leġiżlatur tal-Unjoni jfakkar li, fir-rapporti tal-ODK, ġie kkonstatat, b’mod partikolari, li l-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku kien inkompatibbli mal-Artikoli 6.10, 9.2 u 18.4 tal-ftehim antidumping tal-ODK u mal-Artikolu XVI.4 tal-ftehim li jistabbilixxi l-ODK (ĠU 1994, L 336, p. 3). Il-leġiżlatur tal-Unjoni kkonferma, fil-premessi 5 u 6 tar-Regolament Nru 765/2012, li daħħal l-emendi tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku bl-intenzjoni li jimplementa r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-OST relattivi għall-każ “elementi ta’ twaħħil”, b’mod li jirrispetta l-obbligi tal-Unjoni fil-kuntest tal-ODK.

180    Għandu jiġi kkonstatat li mill-adozzjoni tal-istess Regolament Nru 765/2012 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li, permezz tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku, l-Unjoni kellha l-intenzjoni li teżegwixxi obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-ODK, li f’dan il-każ jinsab fl-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK.

181    Minn naħa, mill-konstatazzjonijiet jirriżulta li r-Regolament Nru 765/2012 jirrikonoxxi li l-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku jittrasponi fid-dritt tal-Unjoni l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK, kif jirrilevaw ġustament ir-rikorrenti.

182    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-emendi, magħmula abbażi tar-Regolament Nru 765/2012, għall-kliem tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku jikkonċernaw l-emenda ta’ eċċezzjoni għall-obbligu li jiġu imposti dazji antidumping individwali, relattivi għall-esportaturi li għalihom kien japplika l-Artikolu 2(7)(a) tar-regolament bażiku. Issa, dawn ma jirrigwardawx, essenzjalment, il-parti tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku li hija rilevanti f’dan il-każ u li skontha r-regolament li jimponi d-dazju għandu jippreċiża l-ammont tad-dazju impost fuq kull fornitur jew, jekk dan ma huwiex prattikabbli, l-isem tal-pajjiż fornitur ikkonċernat.

183    B’mod iktar speċifiku, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kienx jikkunsidra bħala neċessarju li jemenda t-termini ta’ “importazzjonijiet ta’ prodott mill-għejun kollha li jinstab li kien l-oġġett ta’ dumping u li kkawża l-ħsara”, l-istess bħat-termni “fornitur” u “mhux prattikabbli” sabiex jimplementa r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-OST relattivi għall-każ “elementi ta’ twaħħil”, b’mod li josserva l-obbligi tiegħu fil-kuntest tal-ODK. Għalhekk, it-termini rilevanti f’dan il-każ għandhom l-istess tifsira fl-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku fil-verżjoni oriġinali tiegħu bħal fil-verżjoni tiegħu li rriżultat mill-emenda tar-Regolament Nru 765/2012.

184    Konsegwentement, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku fil-verżjoni oriġinali tiegħu, sa fejn huwa rilevanti għal dan il-każ, għandu jiġi interpretat konformement mal-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK.

 Fuq il-kwistjoni jekk l-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun għandhomx dritt li jiġi applikat fil-konfront tagħhom dazju antidumping individwali abbażi tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku

185    Ir-rikorrenti jqisu li produttur inkluż fil-kampjun, bħall-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun, għandu dritt li jiġi applikat fil-konfront tiegħu dazju antidumping individwali abbażi tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku.

186    Il-Kunsill isostni li la l-ftehim antidumping tal-ODK u lanqas ir-regolament bażiku ma jeżiġu li l-istituzzjonijiet jagħmlu l-“impossibbli”. Meta l-istituzzjonijiet ma jkunux jistgħu jirrikostitwixxu l-perkors ta’ kull xiri u lanqas li jipparagunaw il-valuri normali mal-prezzijiet għall-esportazzjoni korrispondenti, bħal f’dan il-każ, dawn ma jkunux obbligati li jiddefinixxu miżuri antidumping individwali għal kull produttur.

187    Sabiex jiġi ddeterminat jekk produttur inkluż fil-kampjun tal-prodott li huwa s-suġġett tad-dumping kellux dritt li jiġi applikat fil-konfront tiegħu dazju antidumping individwali, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku kif ukoll l-Artikolu 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK jistabbilixxu li, fil-prinċipju, dazju antidumping għandu jiġi impost individwalment għal kull fornitur fuq l-importazzjonijiet ta’ prodott, indipendentement mis-sors tagħhom, li dwarhom ġie kkonstatat li huma s-suġġett ta’ dumping u li jikkawżaw dannu. Mill-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li operatur li ma jitqiesx li għandu l-kwalità ta’ “fornitur” ma għandu ebda dritt għall-impożizzjoni ta’ dazju antidumping individwali fir-rigward tiegħu.

188    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, skont il-punt 624(a)(i) tar-rapport tal-organu tal-appell tal-15 ta’ Lulju 2011 fil-każ “elementi ta’ twaħħil”, l-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku jikkonċerna mhux biss l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping, iżda wkoll il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping.

189    Fir-rigward tad-dritt tal-ODK, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każijiet fejn l-awtoritajiet japplikaw metodu ta’ teħid ta’ kampjuni, l-Artikolu 6.10.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK jipprovdi li dawn għandhom jiddeterminaw marġni ta’ dumping individwali għal kull esportatur jew produttur li ma ntgħażilx inizjalment u li jippreżenta l-informazzjoni neċessarja fil-ħin biex din tiġi eżaminata matul l-investigazzjoni, ħlief fil-każijiet fejn in-numru ta’ esportaturi jew ta’ produtturi huwa tant kbir li eżamijiet individwali jikkomplikaw mingħajr bżonn ix-xogħol tal-awtoritajiet imsemmija u jipprekludu t-tlestija tal-investigazzjoni fi żmien utli.

190    Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, ħlief fil-każ fejn in-numru ta’ esportaturi jew ta’ produtturi jkun kbir ħafna, l-awtorità inkarigata bl-investigazzjoni hija marbuta li tiddetermina marġni ta’ dumping individwali għal kull esportatur jew produttur li ma ntgħażilx inizjalment u li jippreżenta l-informazzjoni neċessarja fil-ħin biex tiġi eżaminata matul l-investigazzjoni. F’dan ir-rigward, skont il-punt 6.90 tar-rapport tal-grupp speċjali tat-28 ta’ Settembru 2001 (WT/DS189/R), fil-każ intitolat “Arġentina – Miżuri antidumping definittivi għall-importazzjoni ta’ madum tal-art taċ-ċeramika provenjenti mill-Italja”, ġie rrilevat li r-regola ġenerali msemmija fl-ewwel frażi tal-Artikolu 6.10 tal-ftehim antidumping tal-ODK, li titlob li marġni ta’ dumping individwali jiġu ddeterminati għal kull esportatur jew produttur magħruf tal-prodott ikkonċernat mill-investigazzjoni, hija applikabbli b’mod sħiħ għal-esportaturi li jintgħażlu għall-eżami abbażi tat-tieni frażi tal-istess artikolu. Il-fażi msemmija tippermetti lill-awtorità inkarigata bl-investigazzjoni li tillimita l-eżami tagħha għal ċerti esportaturi jew produtturi, iżda din ma tipprevedix derogi għar-regola ġenerali li tgħid li marġni individwali għandhom jiġu ddeterminati għall-esportaturi jew produtturi li huma kkonċernati mill-eżami. Anki jekk il-produtturi li ma ġewx inklużi fil-kampjun inizjali huma fondati biex jibbenefikaw mill-kalkolu ta’ marġni individwali, isegwi, skont ir-rapport imsemmi, li l-produtturi li ġew inklużi f’dan il-kampjun huma fondati wkoll.

191    B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-awtorità inkarigata bl-investigazzjoni hija marbuta li tiddetermina marġni ta’ dumping individwali għal kull esportatur jew produttur magħżul fil-kampjun tal-fornituri tal-prodott li huwa s-suġġett tad-dumping.

192    Isegwi li, skont id-dritt tal-ODK, kull esportatur jew produttur magħżul fil-kampjun u li b’hekk ikkoopera mal-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni matul l-investigazzjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jitqies li huwa “fornitur” fis-sens tal-Artikolu 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK.

193    F’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif diġà ġie kkonstatat fil-punti 183 u 184 iktar ’il fuq, l-Artikolu 9(5) tar-regolament imsemmi fil-verżjoni oriġinali tiegħu, sa fejn huwa rilevanti f’dan il-każ, għandu jiġi interpretat konformement mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim antidumping tal-ODK. Barra minn hekk, l-Artikolu 17(1) tar-regolament bażiku jipprovdi wkoll li, fil-każ li n-numru ta’ persuni li jilmentaw, ta’ esportaturi jew ta’ importaturi, ta’ tip ta’ prodotti jew ta’ tranżazzjonijiet ikun kbir, l-investigazzjoni tista’ tillimita ruħha għal numru raġonevoli ta’ partijiet, ta’ prodotti jew ta’ tranżazzjonijiet bl-użu tal-kampjuni. Il-paragrafu 3 tal-istess artikolu jipprovdi li, meta l-Kummissjoni twettaq it-teħid ta’ kampjun marġni ta’ dumping individwali għandu, madankollu, jiġi kkalkolat għal kull esportatur jew produttur mhux inizjalment magħżul, li jippreżenta l-informazzjoni neċessarja fit-terminu previst, ħlief fil-każ fejn in-numru ta’ esportaturi jew ta’ produtturi jkun tant kbir li eżaminazzjonijiet individwali jikkomplikaw b’mod indebitu l-inkarigu u jipprekludu t-tlestija tal-investigazzjoni fi żmien utli. Għandu jiġi kkonstatat li mid-dispożizzjonijiet imsemmija tar-regolament bażiku interpretati konformement mad-dritt tal-ODK, jirriżulta wkoll li, anki jekk il-produtturi li ma ġewx inklużi fil-kampjun inizjali huma fondati biex jibbenefikaw mill-kalkolu ta’ marġni individwali, a fortiori, il-produtturi li ġew inklużi f’dan il-kampjun huma fondati wkoll. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-aħħar frażi tal-Artikolu 9(6) tar-regolament bażiku tfakkar li dazji individwali għandhom jiġu applikati għall-importazzjonijiet provenjenti minn esportaturi jew minn produtturi li jibbenefikaw minn trattament individwali, konformement mal-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament.

194    Isegwi li, b’applikazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku, kull esportatur jew produttur li ntgħażel fil-kampjun tal-fornituri tal-prodott li huwa s-suġġett ta’ dumping u li b’hekk ikkoopera mal-istituzzjonijiet matul l-investigazzjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jitqies li huwa “fornitur” fis-sens tal-Artikolu 9(5) tal-imsemmi regolament.

195    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tal-kostituzzjoni ta’ kampjun ta’ produtturi-esportaturi huwa li tiġi stabbilita, matul investigazzjoni limitata, bl-iktar mod eżatt possibbli, il-pressjoni fuq il-prezzijiet subita mill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li temenda, f’kull mument, il-kompożizzjoni ta’ kampjun skont il-bżonnijiet tal-investigazzjoni. Fil-fatt, ebda dispożizzjoni tal-ftehim antidumping tal-ODK jew tar-regolament bażiku ma tobbliga lill-istituzzjonijiet li jżommu l-produtturi inizjalment inklużi fil-kampjun tal-fornituri tal-prodott li huma s-suġġett tad-dumping jekk ikunu jqisu li dawn ma għandhomx il-kwalità ta’ fornituri jew li ma jikkostitwixxux sorsi ta’ importazzjoni tal-prodott li huwa s-suġġett tad-dumping u li jikkawżaw dannu. Fir-rigward tal-kwistjoni jekk għandux jinżamm operatur f’kampjun, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u legali li din għandha teżamina (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C-351/04, Ġabra, EU:C:2007:547, punt 40). Issa, peress li l-Kummissjoni ma kinitx eskludiet lil xi produttur li kien jifforma parti mill-kampjun ta’ fornituri tal-prodott li kien is-suġġett tad-dumping, din kienet, fil-prinċipju, marbuta li tikkalkola marġni ta’ dumping individwali kif ukoll li tistabbilixxi dazju antidumping individwali għalih.

196    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk l-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun kellhomx dritt li jiġi applikat fil-konfront tagħhom dazju antidumping individwali abbażi tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku.

197    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, qabel kollox, għalkemm il-Kummissjoni eskludiet lil produttur inizjalment inkluż fil-kampjun minħabba li l-bijoetanol li rriżulta mill-produzzjoni tiegħu ma kienx ġie esportat lejn l-Unjoni u li, konsegwentement, ma kienx sors tal-prodott li huwa s-suġġett tal-prattiki ta’ dumping, madankollu din żammet lill-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun fi ħdan il-kampjun tal-fornituri tal-prodott li huwa suġġett għad-dumping sal-aħħar tal-proċedura amministrattiva.

198    Fir-rigward tal-eżistenza ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ bijoetanol provenjenti mill-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun u li fir-rigward tagħhom ġie kkonstatat li huma s-suġġett ta’ dumping u li jikkawżaw dannu, issemma’, fil-punti 93 sa 104 iktar ’il fuq, li parti mill-bijoetanol li rriżulta mill-produzzjoni tagħhom kienet esportata lejn l-Unjoni u li l-esportazzjonijiet provenjenti minn din il-produzzjoni kienu, mid-dħul fis-seħħ tar-regolament ikkontestat, suġġetti għad-dazju antidumping stabbilit minnu. Barra minn hekk, skont il-punt 338 tar-rapport tal-organu tal-appell tal-15 ta’ Lulju 2011 fil-każ “elementi ta’ twaħħil”, ir-regoli stabbiliti mill-Artikolu 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK, li jgħidu li d-dazji antidumping, li l-ammonti tagħhom għandhom ikunu xierqa għal kull każ, għandhom jiġu rkuprati fuq l-importazzjonijiet indipendentement mis-sors tagħhom, jirreferu għall-esportaturi jew li huma s-suġġett tal-investigazzjoni, ikkunsidrati individwalment. F’dan ir-rigward, il-premessa 60 tar-regolament ikkontestat tistabbilixxi li l-investigazzjoni kienet tirrigwarda, minn naħa, lill-produtturi tal-bijoetanol u, min-naħa l-oħra, lill-operaturi tas-suq/blenders li kienu jesportaw il-prodott ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni. Isegwi li l-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun huma “sorsi” tal-importazzjonijiet tal-prodott milqut mid-dazju antidumping stabbilit mir-regolament ikkontestat fis-sens tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku kif ukoll tal-Artikolu 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK.

199    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Kunsill ma jikkontestax il-fatt li l-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun ikkooperaw mal-istituzzjonijiet matul l-investigazzjoni u li b’hekk ma kien hemm ebda raġuni għalfejn dawn jiġu esklużi mill-kampjun minħabba nuqqas ta’ kooperazzjoni.

200    Apparti dan, għandu jiġi rrilevat li l-istituzzjonijiet ma eskludewx lill-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun mill-kampjun minħabba l-fatt li ma kellhomx il-kwalità ta’ fornitur. Min-naħa l-oħra, fil-premessa 63 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill qies li l-istruttura tal-industrija tal-bijoetanol u l-mod kif il-prodott ikkonċernat kien iffabbrikat u mibjugħ fis-suq tal-Istati Uniti u esportat lejn l-Unjoni għamluha imprattikabbli li jiġu stabbiliti marġni ta’ dumping individwali għall-produtturi tal-Istati Uniti. Skont dan, huwa ma setax jirrikostitwixxi l-perkors tal-bejgħ individwali u lanqas seta’ jipparaguna l-valuri normali mal-prezzijiet għall-esportazzjoni korrispondenti għall-produtturi fil-kampjun, u b’hekk ikkonkluda li ma kienx possibbli għalih li jiddetermina marġni ta’ dumping individwali abbażi tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku. Minn dan ir-raġunament jirriżulta li l-Kunsill xtaq japplika d-dazju antidumping fuq il-prodotti li rriżultaw mill-produzzjoni tal-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun mingħajr ma jagħmel differenza bejn il-każ fejn dawn kienu esportati mill-operaturi tas-suq/blenders u l-każ fejn kienu esportati minnhom.

201    B’hekk, isegwi li, meta żammet lill-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun bħala membri fil-kampjun tal-produtturi u esportaturi Amerikani, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li dawn kienu “fornituri” tal-prodott li huwa s-suġġett tad-dumping u, konsegwentement, li l-Kunsill kien, fil-prinċipju, marbut, abbażi tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku, li jikkalkola marġni ta’ dumping individwali kif ukoll li jistabbilixxi dazji antidumping individwali għal kull wieħed minnhom.

202    Din il-konstatazzjoni ma titpoġġiex indiskussjoni mill-argument tal-Kunsill li jgħid li, meta l-istituzzjonijiet ma jkunux jistgħu jirrikostitwixxu l-perkors ta’ kull xiri u lanqas li jipparagunaw il-valuri normali mal-prezzijiet għall-esportazzjoni korrispondenti, bħal f’dan il-każ, dawn ma jkunux obbligati li jiddefinixxu miżuri antidumping individwali għal kull produttur.

203    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li fis-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Zhejiang Aokang Shoes vs Il-Kunsill (C-247/10 P, EU:C:2012:710, punt 33), ġie deċiż li l-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku jifforma parti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament iddedikati biss għad-determinazzjoni tal-valur normali, filwaqt li l-Artikolu 17 tal-istess regolament, relattiv għat-teħid tal-kampjun, jifforma parti mid-dispożizzjonijiet li b’mod partikolari jirrigwardaw il-metodi disponibbli għad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping u li, b’hekk, huma dispożizzjonijiet li għandhom skop u kontenut differenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-istess prinċipji japplikaw, b’analoġija, għar-relazzjoni bejn, minn naħa, l-Artikolu 2(8) u (9) tar-regolament bażiku li jirrigwardaw lil waħda mill-valuri rilevanti għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9(5) tal-istess regolament li jirrigwarda l-marġni ta’ dumping stess. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku ddedikati għad-determinazzjoni tal-valur normali jew tal-prezz għall-esportazzjoni għandhom kontenut u għan differenti mid-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-metodi disponibbli għad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 9(5) u fl-Artikolu 17 tal-istess regolament.

204    Barra minn hekk, mill-punt 325 tar-rapport tal-organu tal-appell tal-15 ta’ Lulju 2011 fil-każ “elementi ta’ twaħħil” jirriżulta wkoll li l-fatt li awtorità għandha tirrikostitwixxi l-valur normali u/jew il-prezz għall-esportazzjoni għal wieħed jew diversi mill-esportaturi jew produtturi mhux neċessarjament jimplika deroga mir-regola ġenerali relattiva għad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping individwali u li marġni ta’ dumping ibbażati fuq valur normali u prezz għall-esportazzjoni mibni abbażi tal-istess informazzjoni għal ħafna fornituri ma humiex identiċi għal marġni applikabbli fuq skala nazzjonali.

205    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku u lanqas l-Artikolu 6.10 jew l-Artikolu 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK ma jipprovdu li l-istituzzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jirrikostitwixxu l-perkors ta’ kull xiri u li jipparagunaw il-valuri normali mal-prezzijiet għall-esportazzjoni korrispondenti sabiex ikunu obbligati li jikkalkolaw marġni ta’ dumping individwali u li jimponu dazju antidumping individwali għal kull fornitur. B’hekk, tali diffikultajiet ma għandhom ebda effett fuq il-kwistjoni jekk dazju antidumping individwali għandux jiġi impost u għandu jiġi osservat li jeżistu, fil-kuntest tar-regolament bażiku, strumenti oħra biex tiġi rrimedjata tali sitwazzjoni.

206    Madankollu, meta l-istituzzjonijiet isibu diffikultajiet biex jiddeterminaw il-valur normali jew il-prezz għall-esportazzjoni għal ċerti produtturi jew esportaturi, l-Artikolu 2(3) u (9) tar-regolament bażiku jiddefinixxi r-regoli relattivi għall-possibbiltà li jiġu rrikostruwiti dawn il-valuri.

207    Fil-fatt, l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jipprovdi li, meta ma jkunx hemm prezz ta’ esportazzjoni jew meta jidher li l-prezz ta’ esportazzjoni ma huwiex affidabbli minħabba l-eżistenza ta’ assoċjazzjoni jew ta’ arranġament ta’ tpaċija bejn l-esportatur u l-importatur jew parti terza, il-prezz ta’ esportazzjoni jista’ jitfassal fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti importati jinbiegħu mill-ġdid għall-ewwel darba lil xerrej indipendenti jew, jekk il-prodotti ma jinbiegħux mill-ġdid lil xerrej indipendenti jew ma jinbiegħux mill-ġdid fil-kundizzjoni li fiha ġew importati, fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra. F’dawn il-każijiet, isiru aġġustamenti biex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż kollha, inklużi d-dazji u t-taxxi, sofruti bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, u marġni ta’ profitti, sabiex jiġi stabbilit prezz tal-esportazzjoni affidabbli fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni.

208    Barra minn hekk u fuq livell ieħor, l-Artikolu 18(1) u (3) tar-regolament bażiku jipprovdi l-kundizzjonijiet li fihom l-istituzzjonijiet jistgħu, rispettivament, jirrikorru għall-informazzjoni disponibbli meta parti interessata ma tipprovdix l-informazzjoni neċessarja jew meta din ma tipprovdix l-aħjar informazzjoni f’kull rigward. B’mod partikolari, fil-punti 7.215 sa 7.216 tar-rapport tal-grupp speċjali tat-22 ta’ April 2003 (WT/DS241/R) fil-każ intitolat “Arġentina – dazji antidumping definittivi li jirrigwardaw il-laħam tat-tjur provenjenti mill-Brażil” ġie kkonstatat li l-fatt li l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni tirċievi informazzjoni li ma tistax tintuża jew li ma hijiex affidabbli ma għandux jipprekludi l-kalkolu ta’ marġni ta’ dumping individwali għal esportatur, peress li l-ftehim antidumping tal-ODK jawtorizza espressament lill-awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjoni biex jikkompletaw l-informazzjoni li tirrigwarda lil esportatur partikolari sabiex jiddeterminaw marġni ta’ dumping jekk l-informazzjoni mogħtija ma tkunx affidabbli jew jekk l-informazzjoni meħtieġa sempliċement ma tkunx ingħatat.

209    F’dan il-każ, fir-rigward tal-valur normali tal-erba’ produtturi fil-kampjun, mill-punt 45 tad-dokument ta’ informazzjoni provviżorju jirriżulta li l-Kummissjoni stess spjegat li kienet f’pożizzjoni li tirrikostitwixxi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 2(3) tar-regolament bażiku, il-valur normali tagħhom abbażi tal-ispiża ta’ produzzjoni fil-pajjiż tal-oriġini, miżjuda b’ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra u b’marġni ta’ profitt raġonevoli. Il-Kunsill ma jikkontestax din il-konstatazzjoni.

210    Peress li l-Kunsill iqis, fil-premessa 76 tar-regolament ikkontestat, li ma kienx possibbli li jiġi stabbilit b’mod affidabbli prezz għall-esportazzjoni u marġni ta’ dumping għall-produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku jippermetti l-kostituzzjoni mill-ġdid ta’ prezz għall-esportazzjoni meta ma jkunx hemm prezz għall-esportazzjoni għal operatur ikkonċernat mill-investigazzjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tippermetti, hekk kif ġie espost fil-punt 207 iktar ’il fuq, rikostruzzjoni tal-prezz għall-esportazzjoni abbażi tal-prezz li bih il-prodotti importati jinbiegħu għall-ewwel darba lil xerrej indipendenti jew fuq kull bażi raġonevoli oħra u bl-aġġustamenti xierqa. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza esposta fil-punt 203 iktar ’il fuq jirriżulta li, filwaqt li l-Artikolu 2(8) u (9) tar-regolament bażiku stabbilixxa, b’mod eżawrjenti, il-metodi possibbli għad-determinazzjoni tal-prezz għall-esportazzjoni, diffikultà fid-determinazzjoni ta’ dan tal-aħħar ma jkollha ebda effett fuq il-kwistjoni jekk jeżistix obbligu li jiġi applikat dazju antidumping individwali lil ċerti operaturi.

211    B’hekk għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kunsill li jgħid li l-istituzzjonijiet ma kinux obbligati li jistabbilixxu miżuri antidumping individwali għal kull produttur inkluż fil-kampjun f’dan il-każ.

212    B’hekk, fir-rigward tal-konstatazzjoni esposta fil-punt 201 iktar ’il fuq, għandu sussegwentement jiġi eżaminat jekk il-Kunsill setax jinvoka eċċezzjoni għall-obbligu intiż biex jiġi ddeterminat marġni ta’ dumping individwali għall-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun f’dan il-każ.

 Fuq il-kwistjoni jekk ma kienx prattikabbli li jiġu stabbiliti dazji antidumping individwali f’dan il-każ

213    Sussegwentement, il-kawża bejn il-partijiet tiffoka fuq l-interpretazzjoni tat-terminu “mhux prattikabbli” li jinsab fl-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku.

214    Skont ir-rikorrenti, it-terminu “mhux prattikabbli” għandu, essenzjalment, jiġi interpretat konformement mal-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK u mat-terminu tar-rapport tal-organu tal-appell tal-15 ta’ Lulju 2011 fil-każ “elementi ta’ twaħħil”.

215    Il-Kunsill iqis li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku għandu portata iktar ġenerali mill-imsemmija artikoli tal-ftehim antidumping tal-ODK, minħabba li ma jippreċiżax iċ-ċirkustanzi li fihom jitqies li “mhux prattikabbli” li jiġu applikati dazji individwali. F’dan ir-rigward ifakkar il-prinċipju li jgħid li l-qrati tal-Unjoni għandhom jinterpretaw sa fejn huwa possibbli t-testi tal-Unjoni fid-dawl tad-dritt internazzjonali. B’hekk, il-Kunsill iqis, essenzjalment, li din id-differenza waħedha tiġġustifika interpretazzjoni differenti tat-terminu “mhux prattikabbli” fil-kuntest tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku.

216    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK jippermettux li tiġi applikata eċċezzjoni għall-obbligu li jiġi ddeterminat marġni ta’ dumping individwali għal kull esportatur magħruf jew produttur ikkonċernat li tista’ tiġġustifika l-istabbiliment ta’ dazju antidumping fuq skala nazzjonali f’dan il-każ.

217    Fir-rigward tal-Artikolu 6.10 tal-ftehim antidumping tal-ODK, il-punti 316 sa 318 tar-rapport tal-organu tal-appell tal-15 ta’ Lulju 2011 fil-każ “elementi ta’ twaħħil” isemmu li l-ewwel frażi tiegħu, li tgħid li l-awtoritajiet għandhom jiddeterminaw marġni ta’ dumping individwali għal kull esportatur magħruf jew produttur ikkonċernat, tistabbilixxi regola imperattiva u mhux preferenza. Dawn isemmu wkoll li dan l-obbligu ma huwiex assolut u li jista’ jkun hemm eċċezzjonijiet għalih. Il-kampjun huwa l-unika eċċezzjoni għad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping individwali għal kull esportatur magħruf jew kull produttur ikkonċernat, li huwa espressament previst fl-Artikolu 6.10 tal-imsemmi ftehim. Fil-fatt it-tieni frażi tal-artikolu msemmi tipprovdi eċċezzjoni fil-każijiet fejn in-numru ta’ esportaturi, ta’ produtturi, ta’ importaturi jew ta’ tipi ta’ prodotti kkonċernati jkun tant kbir li l-istabbiliment ta’ tali determinazzjonijiet ma jkunx prattikabbli. F’dawn il-każijiet, l-awtoritajiet jistgħu jillimitaw l-eżami tagħhom jew għal numru raġonevoli ta’ partijiet interessati jew ta’ prodotti, billi jużaw kampjuni li jkunu validi minn perspettiva statistika, jew għall-ikbar perċentwali tal-volum tal-esportazzjonijiet provenjenti mill-pajjiż inkwistjoni li fir-rigward tagħhom tista’ raġonevolment issir l-investigazzjoni.

218    Skont il-punt 320 tar-rapport tal-organu tal-appell tal-15 ta’ Lulju 2011 fil-każ “elementi ta’ twaħħil”, it-termini “bħala regola ġenerali […] għandhom jiddeterminaw”, li jinsabu fl-Artikolu 6.10 tal-ftehim antidumping tal-ODK, għandhom l-għan li ma jesprimux obbligu li huwa kuntrarju għal dispożizzjonijiet oħra tal-istess ftehim, u jippermettu deroga mir-regola tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping individwali, lil hinn mill-eċċezzjoni tat-teħid tal-kampjun. Dawn l-eċċezzjonijiet għandhom ikunu previsti mill-ftehimiet ikkonċernati mill-memorandum ta’ ftehim fuq ir-regoli u proċeduri li jirregolaw is-soluzzjoni tat-tilwim (iktar ’il quddiem il-“ftehimiet ikkonċernati”), b’mod li jiġi evitat l-evitar tal-obbligu intiż biex jiġu ddeterminati marġni ta’ dumping individwali. Issa, il-membri tal-ODK ma għandhomx possibbiltà illimitata li joħolqu eċċezzjonijiet għall-Artikolu 6.10 tal-ftehim antidumping tal-ODK.

219    Fil-punt 323 tar-rapport tal-organu tal-appell tal-15 ta’ Lulju 2011 fil-każ “elementi ta’ twaħħil”, l-organu tal-appell ċaħad l-argument li jgħid li l-attribuzzjoni tal-marġni ta’ dumping tal-produttur lin-negozjant li jesporta l-prodott hija eċċezzjoni. Fil-fatt, ir-riferenza għall-“esportaturi jew produtturi”, li tinsab fl-Artikolu 6.10 tal-ftehim antidumping tal-ODK, tippermetti lill-awtoritajiet li ma jiddeterminawx marġni ta’ dumping separat għall-produttur u għall-esportatur tal-istess prodott, iżda li jiddeterminaw marġni wieħed biss għat-tnejn. Dan jikkostitwixxi applikazzjoni tal-obbligu li jiġu ddeterminati marġni ta’ dumping individwali.

220    B’hekk, skont il-punt 327 tar-rapport tal-organu tal-appell tal-15 ta’ Lulju 2011 fil-każ “elementi ta’ twaħħil”, kull eċċezzjoni għar-regola ġenerali msemmija fl-ewwel frażi tal-Artikolu 6.10 tal-ftehim antidumping tal-ODK għandha tiġi prevista fil-ftehimiet ikkonċernati.

221    Finalment, fil-punt 328 tar-rapport tal-organu tal-appell tal-15 ta’ Lulju 2011 fil-każ “elementi ta’ twaħħil”, huwa kkonstatat li l-ftehimiet tal-ODK ma jipprovdu ebda eċċezzjoni, bħal dik imsemmija fl-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku, dwar il-produtturi-esportaturi individwali ta’ pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, li għalihom japplika l-Artikolu 2(7)(a) tal-istess regolament u li huma suġġetti għal dazju antidumping fuq skala nazzjonali, sa kemm dawn l-esportaturi ma jipprovawx li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jippermettulhom jibbenefikaw minn trattament individwali.

222    F’dak li jikkonċerna l-Artikolu 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK, fil-punt 344 du rapport tal-organu tal-appell tal-15 ta’ Lulju 2011 fil-każ “elementi ta’ twaħħil” hemm spjegat li hemm paralleliżmu qawwi bejnu u bejn l-Artikolu 6.10 tal-ftehim antidumping tal-ODK, peress li dan tal-aħħar jistabbilixxi d-determinazzjoni ta’ marġni ta’ dumping individwali, liema ħaġa għandha bħala konsegwenza li tobbliga lill-awtoritajiet inkwistjoni li jimponu dazji antidumping fuq bażi individwali hekk kif previst fl-Artikolu 9.2 tal-istess ftehim. Barra minn hekk, l-organu tal-appell jikkonstata li l-artikoli msemmija jużaw l-istess termini “imprattikabbli” jew “mhux prattikabbli” biex jiddeskrivu l-każijiet fejn tapplika l-eċċezzjoni, u b’hekk jindikaw li ż-żewġ eċċezzjonijiet jirrelataw mas-sitwazzjoni li fiha awtorità tiddetermina marġni ta’ dumping bl-użu ta’ kampjun. Madankollu, l-organu tal-appell tal-ODK osserva wkoll li t-talba mressqa quddiemu ma kienet tikkonċerna la l-firxa tal-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK, u lanqas il-kwistjoni jekk din l-eċċezzjoni u dik stabbilita fl-Artikolu 6.10 tal-istess ftehim kinux jikkoinċidu eżattament.

223    Madankollu, ġie deċiż, fil-punt 354 tar-rapport tal-organu tal-appell tal-15 ta’ Lulju 2011 fil-każ “elementi ta’ twaħħil”, li l-Artikolu 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK jobbliga lill-awtoritajiet jippreċiżaw id-drittijiet imposti fuq kull fornitur, ħlief meta dan ma jkunx prattikabbli, meta jkunu kkonċernati diversi fornituri.

224    Finalment, skont il-punt 376 tar-rapport tal-organu tal-appell tal-15 ta’ Lulju 2011 fil-każ “elementi ta’ twaħħil”, l-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK ma jipprekludux li l-awtorità inkarigata bl-investigazzjoni tiddetermina marġni ta’ dumping uniku u dazju ta’ dumping uniku għal ċertu numru ta’ esportaturi jekk din tistabbilixxi li dawn jikkostitwixxu entità unika għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-artikoli msemmija.

225    Għalhekk, mill-eżami tar-rapport tal-organu tal-appell tal-15 ta’ Lulju 2011 fil-każ “elementi ta’ twaħħil” jirriżulta li, meta l-awtorità tuża t-teħid ta’ kampjun bħal f’dan il-każ, il-ftehim antidumping jistabbilixxi l-obbligu li jiġu stabbiliti marġni ta’ dumping individwali u li jiġu stabbiliti dazji antidumping individwali għal kull fornitur li jikkoopera fl-investigazzjoni u li dan l-obbligu, fil-prinċipju, għandu bħala eċċezzjonijiet, l-ewwel nett, il-każ tal-produtturi jew tal-esportaturi mhux inklużi fil-kampjun, ħlief dawk imsemmija fl-Artikolu 6.10.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK, u, it-tieni nett, il-każ tal-operaturi li jikkostitwixxu entità unika. Madankollu, mill-ftehim antidumping tal-ODK ma jirriżultax li teżisti eċċezzjoni għall-obbligu li jiġi stabbilit dazju antidumping individwali għal produttur inkluż fil-kampjun li kkoopera fl-investigazzjoni meta l-istituzzjonijiet iqisu li ma jkunux f’pożizzjoni li jistabbilixxu għalih prezz għall-esportazzjoni individwali.

226    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk dawn il-konstatazzjonijiet tar-rapport tal-organu tal-appell tal-15 ta’ Lulju 2011 fil-każ “elementi ta’ twaħħil” li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK japplikawx ukoll sa fejn il-Kunsill japplika l-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku.

227    Fir-rigward tal-argument tal-Kunsill li jgħid li l-obbligu ta’ interpretazzjoni tar-regolament bażiku b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ftehim antidumping tal-ODK huwa limitat minħabba li l-kliem tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni huwa differenti, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku kif ukoll l-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK jużaw it-termini “imprattikabbli” jew “mhux prattikabbli”, li huma sinonimi. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li ma hemm xejn fil-kliem tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku li jipprekludi interpretazzjoni tat-terminu “mhux prattikabbli” konformement mal-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku ma jipprovdix preċiżazzjonijiet fir-rigward tat-terminu “mhux prattikabbli” ma jippermettix li jiġi konkluż, hekk kif jinvoka l-Kunsill, li d-dispożizzjoni msemmija b’hekk tipprevedi eċċezzjoni ta’ portata iktar wiesgħa minn dik stabbilit fid-dispożizzjonijiet tal-ftehim antidumping tal-ODK.

228    It-tieni nett, għandu jitfakkar li mill-kliem tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku jirriżulta b’mod ċar li d-determinazzjoni ta’ marġni ta’ dumping u l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping fuq skala nazzjonali hija eċċezzjoni għar-regola ġenerali. Interpretazzjoni “iktar ġenerali” tat-terminu “mhux prattikabbli” kif proposta mill-Kunsill tagħti lil dan marġni ta’ diskrezzjoni estremament wiesa’ fir-rigward tal-possibbiltajiet li jiċħad l-istabbiliment ta’ dazji antidumping individwali. Tali interpretazzjoni tmur kontra l-għan tal-leġiżlatur li jimplementa r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-OST relattivi għall-każ “elementi ta’ twaħħil”, b’mod li jirrispetta l-obbligi tagħha fil-kuntest tal-ODK (ara l-punt 179 iktar ’il fuq).

229    Fil-fatt, mill-premessi tar-Regolament Nru 765/2012 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jimplementa d-deċiżjoni tal-organu tal-appell tal-ODK fil-kawża msemmija b’mod sħiħ. B’mod speċifiku, permezz tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 765/2012, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħassar, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku, ir-referenza għall-Artikolu 2(7)(a) tar-regolament imsemmi kif ukoll it-tieni subparagrafu, li kien jippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom il-produtturi-esportaturi individwali ta’ pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq setgħu jipprovaw li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jippermettu li dawn jibbenefikaw minn trattament individwali. Barra minn hekk, mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 765/2012 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni żied tieni subparagrafu ġdid fl-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku sabiex jinkludi l-preċiżazzjonijiet magħmula mill-organu tal-appell tal-ODK dwar iċ-ċirkustanzi li fihom l-awtoritajiet setgħu jiddeterminaw marġni ta’ dumping u dazju ta’ dumping uniku għal diversi esportaturi li jikkostitwixxu entità unika.

230    Barra minn hekk, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 182 iktar ’il fuq, l-emendi għall-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku essenzjalment ma jirrigwardawx il-parti li hija rilevanti f’dan il-każ u li skontha r-regolament li jimponi d-dazju għandu jippreċiża l-ammont tad-dazju impost fuq kull fornitur jew, jekk dan ma huwiex prattikabbli, l-isem tal-pajjiż fornitur ikkonċernat.

231    Isegwi li l-Kunsill iqis b’mod żbaljat li l-kliem tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku kif ukoll tal-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK, sa fejn dawn huma rilevanti f’dan il-każ, huma essenzjalment differenti. Għalhekk, l-argument tal-Kunsill, li jgħid li t-terminu “mhux prattikabbli”, imsemmi fl-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku għandu portata ġenerali, għandu jiġi miċħud.

232    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-terminu “mhux prattikabbli” msemmi fl-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku għandu jiġi interpretat konformement mat-termini użati fl-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK. Għaldaqstant, meta l-awtorità tagħmel użu mit-teħid ta’ kampjuni, it-terminu “mhux prattikabbli” użat fl-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku jawtorizza, fil-prinċipju, żewġ eċċezzjonijiet għad-determinazzjoni ta’ marġni ta’ dumping individwali kif ukoll għall-istabbiliment ta’ dazji antidumping individwali għall-operaturi li kkooperaw fl-investigazzjoni, jiġifieri, l-ewwel nett, il-każ tal-produtturi jew esportaturi mhux inklużi fil-kampjun, ħlief dawk li għalihom l-Artikolu 17(3) tar-regolament bażiku jistabbilixxi marġni ta’ dumping individwali, u, it-tieni nett, il-każ tal-operaturi li jikkostitwixxu entità unika. Fi kliem ieħor, sa fejn l-istituzzjonijiet għamlu użu mit-teħid ta’ kampjuni, bħal f’dan il-każ, fil-prinċipju, eċċezzjoni għad-determinazzjoni ta’ marġni ta’ dumping individwali kif ukoll għall-istabbiliment ta’ dazji antidumping individwali hija possibbli biss għall-impriżi li ma jifformawx parti minn kampjun u li ma għandhomx b’mod ieħor dritt li jkollhom dazju antidumping individwali tagħhom stess. B’mod partikolari, l-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku ma jippermetti ebda eċċezzjoni għall-obbligu li jiġi stabbilit dazju antidumping individwali għal produttur inkluż fil-kampjun li kkoopera fl-investigazzjoni meta l-istituzzjonijiet iqisu li ma jkunux f’pożizzjoni li jistabbilixxu għalih prezz għall-esportazzjoni individwali.

233    Għalhekk, mill-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku jirriżulta li, meta produtturi u/jew esportaturi jkunu jifformaw parti minn kampjun, l-istituzzjonijiet huma marbuta li jippreċiżaw id-dazji antidumping dovuti minn kull fornitur.

234    Fit-tielet lok, huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Kunsill setax ġustament jirrikorri għal eċċezzjoni mill-obbligu li jiġi ddeterminat marġni ta’ dumping individwali għal kull esportatur magħruf jew produttur ikkonċernat li tista’ tiġġustifika l-istabbiliment ta’ dazju antidumping fuq skala nazzjonali.

235    F’dan il-każ, mill-premessi 6 sa 10 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li, minħabba n-numru għoli ta’ produtturi-esportaturi fl-Istati Uniti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel użu mit-teħid ta’ kampjuni konformement mal-Artikolu 17 tar-regolament bażiku.

236    Skont il-premessa 64 tar-regolament ikkontestat, il-marġni ta’ dumping ġie stabbilit fuq skala nazzjonali għall-Istati Uniti. Konsegwentement, ir-regolament ikkontestat jimponi dazju antidumping fuq skala nazzjonali b’rata ta’ EUR 62.30 għal kull tunnellata netta, applikabbli pro rata għall-kontenut totali, f’piż, ta’ bijoetanol.

237    Fil-premessa 63 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill jiġġustifika d-determinazzjoni ta’ marġni ta’ dumping fuq skala nazzjonali f’dan il-każ billi jqis li l-istruttura tal-industrija tal-bijoetanol u l-mod kif il-prodott ikkonċernat kien iffabbrikat u mibjugħ fis-suq tal-Istati Uniti u esportat lejn l-Unjoni għamluha imprattikabbli li jiġu stabbiliti marġni ta’ dumping individwali għall-produtturi tal-Istati Uniti. Skont dan, il-produtturi tal-kampjun Amerikan ma esportawx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni u l-operaturi tas-suq/blenders li kienu suġġetti għall-investigazzjoni kienu jiksbu l-bijoetanol mingħand produtturi differenti, kienu jħalltuh u jbigħuh, b’mod partikolari għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Għalhekk, il-Kunsill iqis li ma kienx possibbli li jirrikostitwixxi l-perkors tax-xiri kollu individwalment u li jiġu pparagunati l-valuri normali mal-prezzijiet għall-esportazzjoni korrispondenti, l-istess kif ma kienx possibbli li jiġi identifikat il-produttur fil-mument tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

238    B’hekk, essenzjalment, il-Kunsill iqis li ma setax, abbażi tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku, jiddetermina marġni ta’ dumping individwali minħabba li ma kienx possibbli li jiġi stabbilit b’mod affidabbli prezz għall-esportazzjoni u marġni ta’ dumping għall-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun, peress li dawn ma kienu wettqu ebda esportazzjoni lejn l-Unjoni tal-prodott ikkonċernat matul il-perijodu tal-investigazzjoni, peress li b’hekk dan ma kienx f’pożizzjoni li jirrikostitwixxi l-perkors tal-prodotti tagħhom esportati lejn l-Unjoni u peress li ġeneralment dawn ma kellhomx idea tad-data tal-esportazzjonijiet u lanqas tal-prezz imħallas jew li kellu jitħallas mill-importaturi tal-Unjoni (ara l-premessa 76 tar-regolament ikkontestat).

239    B’hekk, f’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill jibbaża l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni għar-regola li tikkonsisti fid-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping individwali u fl-istabbiliment tad-dazji antidumping individwali fuq raġunijiet differenti mill-eċċezzjoni li tirrigwarda lill-produtturi jew esportaturi mhux inklużi fil-kampjun meta l-awtorità tagħmel użu mit-teħid ta’ kampjuni jew dik li tirrigwarda lill-operaturi li jikkostitwixxu entità unika (ara l-punti 225 u 232 iktar ’il fuq).

240    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma jinvokax li l-eċċezzjoni li applika kienet ibbażata fuq eċċezzjoni oħra li tirriżulta mill-ftehimiet ikkonċernati, li ssir riferenza għalihom fil-punti 218 u 220 iktar ’il fuq.

241    Għalhekk, il-Kunsill ikkonkluda b’mod żbaljat li l-istabbiliment tad-dazji antidumping individwali għall-membri tal-kampjun tal-esportaturi Amerikani kienu “mhux prattikabbli” fis-sens tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku.

242    Fil-fatt, fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu kkalkolati marġni ta’ dumping individwali, fil-punti 202 sa 211 iktar ’il fuq ġie spjegat li, meta l-istituzzjonijiet isibu diffikultajiet biex jiddeterminaw il-valur normali u l-prezz għall-esportazzjoni għal ċerti produtturi jew esportaturi, l-Artikolu 2(3) u (9) tar-regolament bażiku kien jiddefinixxi r-regoli li jippermettu li jiġu rrikostruwiti dawn il-valuri.

243    Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-kunsiderazzjonijiet li jgħidu li ma kienx possibbli li jirrikostitwixxi l-perkors tal-prodotti tal-produtturi fil-kampjun li kienu ġew esportati lejn l-Unjoni u li jgħidu li l-produtturi fil-kampjun ġeneralment ma kellhom ebda idea tad-data tal-esportazzjonijiet u lanqas tal-prezz imħallas jew li kellu jitħallas mill-importaturi tal-Unjoni, biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet, abbażi tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tagħha, teskludi lill-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun mill-kampjun tal-produtturi u esportaturi, minħabba li dawn ma kinux fornituri involuti fl-esportazzjoni tal-bijoetanol lejn l-Unjoni, peress li, skontha u skont il-Kunsill, dawn ma kinux identifikabbli fil-mument tal-esportazzjoni tal-bijoetanol lejn l-Unjoni. Issa, il-Kummissjoni żammithom fil-kampjun imsemmi matul l-investigazzjoni kollha.

244    Għalhekk, il-fatt li l-istituzzjonijiet kienu jqisu li kellhom diffikultajiet biex jirrikostruwixxu l-perkors tal-bejgħ individwali u biex jipparagunaw il-valuri normali mal-prezzijiet għall-esportazzjoni korrispondenti, għall-produtturi fil-kampjun, ma kienx jippermetti li jitqies li, f’dan il-każ, l-istabbiliment tad-dazji antidumping individwali għall-membri tal-kampjun tal-esportaturi Amerikani kien “mhux prattikabbli” fis-sens tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku.

245    Għandu jiġi konkluż li r-regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku minħabba li jistabbilixxi dazju antidumping fuq skala nazzjonali f’dak li jikkonċerna lill-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun.

246    Minn dak li ntqal jirriżulta li għandha tiġi milqugħa t-tieni parti tal-ewwel motiv u b’hekk, l-ewwel motiv kollu, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-partijiet l-oħra tal-motiv imsemmi kif ukoll l-argumenti mqajma fil-kuntest tat-tieni parti, li bihom ir-rikorrenti jinvokaw, b’mod ġeneriku, ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(7), tal-Artikolu 19(1) u (2), tal-Artikolu 20(2), (4) u (5) tar-regolament bażiku, kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti.

247    Peress li dan ir-rikors huwa ammissibbli għar-raġuni li ġie ppreżentat mir-rikorrenti b’mod individwali, għandha tiġi eżaminata wkoll il-fondatezza tal-għaxar motiv.

248    Fil-kuntest tal-għaxar motiv, ir-rikorrenti josservaw, essenzjalment, li l-istituzzjonijiet wettqu diversi irregolaritajiet proċedurali li minnhom irriżulta ksur tad-drittijiet proċedurali.

249    L-għaxar motiv jinqasam f’erba’ partijiet, ibbażati, rispettivament, l-ewwel waħda, fuq il-ksur tal-Artikolu 20(2) u (4) tar-regolament bażiku u fuq motivazzjoni insuffiċjenti, it-tieni waħda, fuq ksur tal-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku, it-tielet waħda, fuq ksur tal-Artikolu 6(7) u tal-Artikolu 19(1) u (2) tal-istess regolament kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża u, ir-raba’ waħda, fuq ksur tal-Artikolu 20(5) tal-imsemmi regolament kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża.

 Osservazzjonijiet preliminari

250    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura kontra persuna li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju, huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi żgurat, anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura. Dan il-prinċipju jeħtieġ li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod sinjifikattiv jiġu mogħtija l-opportunità li jinstemgħu (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, C-141/08 P, Ġabra, EU:C:2009:598, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

251    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa ta’ importanza kbira fil-proċeduri bħal dawk f’dan il-każ (ara s-sentenza Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, punt 250 iktar ’il fuq, EU:C:2009:598, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

252    Ikun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża meta tkun teżisti l-possibbiltà li, minħabba irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni, il-proċedura amministrattiva mwettqa minnha tkun setgħet wasslet għal riżultat differenti. Rikorrent jistabbilixxi li jkun seħħ tali ksur meta jipprova b’mod suffiċjenti fil-liġi mhux li d-deċiżjoni kkontestata kien ikollha kontenut differenti, iżda li dan seta’ jiżgura aħjar id-difiża tiegħu fin-nuqqas ta’ irregolarità, pereżempju minħabba l-fatt li dan seta’ juża għad-difiża tiegħu dokumenti li l-aċċess għalihom ġie miċħud lilu matul il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, punt 250 iktar ’il fuq, EU:C:2009:598, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

253    Barra minn hekk, meta regolament li jistabbilixxi dazji antidumping definittivi jkun jidħol fil‑kuntest sistematiku ta’ totalità ta’ miżuri, ma jistax jiġi mistenni li l‑motivazzjoni tiegħu tispeċifika l‑punti varji ta’ fatt u ta’ liġi, ta’ spiss numerużi u kumplessi, li huma s‑suġġett tiegħu, u lanqas li l‑istituzzjonijiet jieħdu pożizzjoni dwar l‑argumenti kollha invokati mill‑partijiet interessati. Bil‑kontra, huwa suffiċjenti li l‑awtur tal‑att jesponi l‑fatti u l‑kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li jkollhom importanza essenzjali fl‑ekonomija tar‑regolament ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2010, Whirlpool Europe vs Il-Kunsill, T‑314/06, Ġabra, EU:T:2010:390, punt 114).

254    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Skont ġurisprudenza stabbilita, dawn il-punti għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra. Sabiex tiġi garantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ir-rikors ikun ibbażat jirriżultaw, almenu fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jistgħu jinftiehmu sewwa, mit-test tar-rikors innifsu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-11 ta’ Jannar 2013, Charron Inox u Almet vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, T-445/11 u T-88/12, EU:T:2013:4, punt 57).

255    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti fl-erba’ partijiet tal-għaxar motiv.

 Fuq l-ewwel parti tal-għaxar motiv, ibbażata fuq in-natura inkompleta tad-dokument ta’ informazzjoni definittiv u fuq il-ksur tal-Artikolu 20(2) u (4) tar-regolament bażiku, kif ukoll fuq l-iżbalji ta’ motivazzjoni fir-regolament ikkontestat

256    Ir-rikorrenti josservaw li d-dokument ta’ informazzjoni definittiv ma kienx fih biżżejjed informazzjoni fuq diversi elementi li jikkonċernaw il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping u tad-dannu, xi aġġustamenti, l-industrija tal-Unjoni u l-bidla fil-perijodu ta’ validità tal-miżuri imposti għal ħames snin. Skont ir-rikorrenti, minn dan jirriżulta ksur tal-Artikolu 20(2) u (4) tar-regolament bażiku u b’hekk ir-regolament ikkontestat ma huwiex immotivat korrettement. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jqajmu seba’ lmenti distinti.

257    Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti.

258    Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, skont it-titolu tal-għaxar motiv fir-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw “diversi ċirkustanzi ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u tal-membri tagħhom”. Issa, fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, għandu jiġi kkonstatat li mill-punt 152 tar-rikors jirriżulta li din tikkonċerna “d-dokument ta’ informazzjoni definittiv li rċevew [ir-rikorrenti]”. Barra minn hekk, fir-rikors, ir-rikorrenti b’ebda mod ma jikkonstataw li din il-parti tikkonċerna l-komunikazzjoni tad-dokument ta’ informazzjoni definittiv lil parti oħra fil-proċedura amministrattiva. Isegwi li din il-parti għandha tiġi interpretata fis-sens li tirrigwarda allegat ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti bħala partijiet interessati fil-proċedura antidumping.

259    Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 20(2) tar-regolament bażiku jipprovdi, b’mod partikolari, li l-lanjanti, l-importaturi u l-esportaturi kif ukoll l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom u r-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni jistgħu jitolbu żvelar finali tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali fuq il-bażi li fuqha huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi. Skont l-Artikolu 20(4) tal-istess regolament, l-iżvelar finali għandu jingħata bil-miktub u, filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, kemm jista’ jkun malajr u, normalment, mhux iktar tard minn xahar qabel id-deċiżjoni definittiva jew mis-sottomissjoni mill-Kummissjoni ta’ proposta għal deċiżjoni finali. Dan jipprovdi wkoll li, meta l‑Kummissjoni ma tkunx fil‑pożizzjoni li tiżvela xi fatti jew kunsiderazzjonijiet f’dak il‑ħin, dawn għandhom jiġu żvelati kemm jista jkun malajr wara.

260    Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti josservaw li d-dokument ta’ informazzjoni definittiv ma pprovda ebda informazzjoni dwar il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping u dwar id-dannu fuq skala nazzjonali, lil hinn minn xi dikjarazzjonijiet ġenerali. Dan in-nuqqas poġġa lir-rikorrenti “u lill-membri tagħhom” f’sitwazzjoni fejn kien impossibbli li jipprovdu xi tip ta’ osservazzjonijiet fuq in-nuqqas ta’ żbalji amministrattivi fil-kalkoli, fuq in-nuqqas ta’ żbalji fil-metodoloġija applikata, fuq il-kwistjoni jekk il-prezzijiet tal-bejgħ nazzjonali kinux reġgħu marru lura għal-livell mill-fabbrika u fuq il-kwistjoni jekk kinux saru l-aġġustamenti neċessarji.

261    L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-marġni ta’ dannu, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel ilment huwa kontradett mit-tieni lment (ara l-punti 268 sa 270 iktar ’il quddiem) li jgħid li l-Kummissjoni pprovdiet “nota ta’ spjega u tabelli Excel biex issostni l-kalkolu tal-marġni ta’ dannu”. Għalhekk, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud sa fejn jikkonċerna informazzjoni relattiva għall-marġni ta’ dannu.

262    It-tieni nett, fir-rigward tal-marġni ta’ dumping, għandu jiġi osservat li, minn naħa, fil-kitbiet tagħhom, ir-rikorrenti ma jidentifikawx il-“ftit dikjarazzjonijiet ġenerali” relattivi għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping fid-dokument ta’ informazzjoni definittiv li dawn jirreferu għalihom. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma jispjegawx għal liema raġuni jqisu li dawn id-dikjarazzjonijiet ma humiex xierqa u ma jidentifikawx l-informazzjoni li, skont huma, kellhom bżonn. Fin-nuqqas ta’ tali preċiżazzjonijiet, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 252 iktar ’il fuq, kif ukoll abbażi ta’ dik iċċitata fil-punt 254 iktar ’il fuq, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

263    F’kull każ, fir-rigward tal-marġni ta’ dumping, għandu jitfakkar li, skont il-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw id-dumping li jinsabu fil-punti 60 sa 74 tad-dokument ta’ informazzjoni definittiv, li jikkorrispondu, essenzjalment, għall-premessi 60 sa 62, 64 sa 68, 72, 74 u 75 kif ukoll għal partijiet mill-premessi 70, 73 u 76 tar-regolament ikkontestat, f’dan il-każ, dan ġie ddeterminat abbażi ta’ informazzjoni pporvduta mill-operaturi tas-suq/blenders indipendenti, jiġifieri l-prezzijiet tal-bejgħ interni tagħhom għall-valur normali u l-prezzijiet tagħhom għall-klijenti fl-Unjoni għall-prezzijiet għall-esportazzjoni. Għaldaqstant, din l-informazzjoni ġeneralment tikkostitwixxi, kif jirrileva ġustament il-Kunsill, informazzjoni kunfidenzjali tal-operaturi tas-suq/blenders li setgħet, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi partikolari, ma tiġix żvelata lill-partijiet interessati bħar-rikorrenti li kienu jirrappreżentaw l-interessi tal-fornituri tagħhom.

264    Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jistabbilixxux kif dawn setgħu jiżguraw id-difiża tagħhom aħjar fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 252 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dawn ma jressqu ebda argument fir-rigward ta’ żball ta’ fatt jew ta’ liġi mwettaq mill-istituzzjonijiet, iżda jillimitaw ruħhom biex jikkonstataw l-impossibbiltà għalihom li jipprovdu osservazzjonijiet fuq sitwazzjonijiet ipotetiċi, bħal dawk relattivi għan-nuqqas ta’ żbalji amministrattivi fil-kalkoli u ta’ żbalji fil-metodoloġija applikata, u fuq il-kwistjoni jekk kinux twettqu l-aġġustamenti neċessarji. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jispjegaw b’ebda mod kif dawn kienu f’pożizzjoni li jipprovdu osservazzjonijiet rilevanti fir-rigward tal-informazzjoni mhux kunfidenzjali relattiva għall-prezzijiet tal-operaturi tas-suq/blenders inkwistjoni u lanqas ma jispjegaw l-aġġustamenti li, skont huma, setgħu kienu neċessarji.

265    F’dak li jikkonċerna l-allegata impossibbiltà li jipprovdu osservazzjonijiet “dwar il-kwistjoni jekk il-prezzijiet tal-bejgħ nazzjonali kinux marru lura għall-livell mill-fabbrika”, ir-rikorrenti ma jippreċiżawx il-kalkolu li jirreferu għalih. Konsegwentement, dan l-argument ma jitqajjimx b’mod koerenti u li jinftiehem fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 254 iktar ’il fuq u b’hekk għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. F’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li mill-punt 94 tad-dokument ta’ informazzjoni definittiv u mill-premessa 97 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-prezzijiet tal-bejgħ medji kkalkolati skont it-tip ta’ prodott iffatturat mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun lil klijenti indipendenti fis-suq tal-Unjoni ġew effettivament aġġustati għal-livell mill-fabbrika.

266    It-tielet nett, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li “l-membri tagħhom” kienu preklużi milli jipprovdu ċerti osservazzjonijiet, biżżejjed li jiġi osservat li r-rikorrenti ma jispjegawx fil-kitbiet tagħhom liema huma dawk li kienu kkonċernati mill-argumenti tagħhom. Għaldaqstant, mill-kitbiet tar-rikorrenti ma jirriżultax b’mod li jinftiehem, fis-sens tal-ġurisprudenza esposta fil-punt 254 iktar ’il fuq, liema huma l-membri li dawn jirreferu għalihom, u b’hekk l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn jikkonċerna ksur tad-drittijiet proċedurali tal-membri tar-rikorrenti matul il-proċedura antidumping.

267    Minn dan isegwi li l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

268    Bit-tieni lment, ir-rikorrenti josservaw li, f’dak li jikkonċerna liż-żewġ operaturi tas-suq/blenders li kkooperaw fl-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma pprovdiet la nota ta’ spjega dwar il-metodu użat għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping u lanqas verżjoni elettronika tat-tabelli “Excel” li jibbażaw il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, liema ħaġa “kienet tagħmel il-komprensjoni tar-riżultat finali ħafna iktar diffiċli”.

269    Għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti ma jispjegawx sa fejn, fin-nuqqas tal-irregolarità allegata, il-proċedura antidumping kienet tista’ twassal għal riżultat differenti, kuntrarjament għal dak li huwa meħtieġ mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 252 iktar ’il fuq.

270    F’kull każ u f’kull ipoteżi, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill isostni li ż-żewġ operaturi tas-suq/blenders li kkooperaw fl-investigazzjoni effettivament irċevew il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping kif ukoll dokument ta’ informazzjoni supplimentari wara l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-dokument ta’ informazzjoni definittiv. Il-Kunsill isostni li huwa ma setax ipoġġi dawn id-dokumenti fil-fajls mhux kunfidenzjali minħabba l-fatt li dawn kien fihom informazzjoni li ma setgħetx tiġi żvelata lir-rikorrenti għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità. Ir-rikorrenti ma jikkontestawx dan l-argument. It-tieni nett, fir-rigward tan-nuqqas allegat tal-ispjegazzjoni dwar il-metodu użat biex jiġi kkalkolat il-marġni ta’ dumping, ir-rikorrenti ma jindikawx kif huma jqisu li l-ispjegazzjonijiet mogħtija fil-punti 72 u 73 tad-dokument ta’ informazzjoni definittiv, kif riprodotti fil-premessi 74 u 75 tar-regolament ikkontestat, ma humiex adegwati. It-tielet nett, f’dak li jikkonċerna n-nuqqas ta’ tabelli fil-format “Excel”, għandu jiġi kkonstatat li l-istituzzjonijiet ma huma b’ebda mod marbuta li jipprovdu lill-partijiet interessati “verżjoni elettronika tat-tabelli Excel li jibbażaw il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping”.

271    Minn dan jirriżulta li t-tieni lment għandu jiġi miċħud.

272    Bit-tielet ilment, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma eżaminatx, fid-dokument ta’ informazzjoni definittiv, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti u l-membri tagħhom fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-dokument ta’ informazzjoni provviżorju, b’mod partikolari “fir-rigward tal-motivi speċifiċi li abbażi tagħhom din ikkonkludiet li l-kumpanniji inklużi fil-kampjun ma kellhomx prezz għall-esportazzjoni, minkejja l-provi ppreżentati minn diversi mill-membri tar-rikorrenti”.

273    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħhom mogħtija bħala risposta għad-dokument ta’ informazzjoni provviżorju li jikkonċerna n-nuqqas ta’ prezz għall-esportazzjoni tal-kumpanniji fil-kampjun, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-informazzjoni finali, fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-regolament bażiku, tirrigwarda l-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom jitqies li jiġi rrakkomandat l-istabbiliment ta’ miżuri definittivi. Isegwi li minn din id-dispożizzjoni ma jirriżulta ebda obbligu għall-Kummissjoni li teżamina, fid-dokument ta’ informazzjoni definittiv, l-argumenti mressqa minn parti interessata fl-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dokument ta’ informazzjoni provviżorju, jekk din ma tikkunsidrax li dawn l-argumenti jirrigwardaw il-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom jitqies li jiġi rrakkomandat l-istabbiliment ta’ miżuri definittivi.

274    Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni osservat, fil-punti 62 u 68 tad-dokument ta’ informazzjoni definittiv, li essenzjalment jikkorrispondu għall-premessi 63 u 69 tar-regolament ikkontestat, li l-produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun ma kinux esportaw il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni, li ma kienx possibbli li jirrikostitwixxi l-perkors tax-xiri kollu individwalment u li jiġu pparagunati l-valuri normali mal-prezzijiet għall-esportazzjoni korrispondenti, li ma kienx possibbli li jiġi identifikat il-produttur fil-mument tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni u li dawn il-produtturi ma kinux jafu l-livell tal-prezzijiet għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Abbażi ta’ dan, din ċaħdet l-argument ta’ ċerti produtturi Amerikani li jgħid li l-prezz tal-bejgħ ipprattikat mill-produtturi tal-Istati Uniti fir-rigward tal-operaturi tas-suq/blenders indipendenti mill-pajjiż tagħhom jista’ jservi bħala prezz għall-esportazzjoni. Ir-rikorrenti ma jispjegawx kif dawn il-konstatazzjonijiet ma humiex xierqa.

275    Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-argumenti li jgħidu li l-Kummissjoni naqset milli teżamina fid-dokument ta’ informazzjoni definittiv l-argumenti mressqa mir-rikorrenti u mill-membri tagħhom fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-dokument ta’ informazzjoni provviżorju u li jgħid li din ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-“provi pprovduti minn ħafna mill-membri tar-rikorrenti”, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma jidentifikawx liema argumenti ma ġewx eżaminati mill-Kummissjoni fid-dokument ta’ informazzjoni definittiv, liema huma, fost il-membri, dawk li mingħandhom ġew ippreżentati dawn l-argumenti jew liema provi ma ttiħdux inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. B’hekk, dawn l-argumenti ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 44(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 li jeżiġi li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat ir-rikors ikunu jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess (ara l-punt 254 iktar ’il fuq) u għandhom, konsegwentement, jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

276    Għaldaqstant, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

277    Bir-raba’ lment, ir-rikorrenti josservaw li d-dokument ta’ informazzjoni definittiv ma pprovda ebda spjegazzjoni fuq in-nuqqas ta’ aġġustament fil-volum tal-importazzjonijiet Amerikani skont il-perċentwali tal-karburant, filwaqt li dan l-aġġustament kien twettaq għall-importazzjonijiet provenjenti mill-pajjiżi l-oħra kollha.

278    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti ma jispjegawx, fil-kuntest ta’ dan l-ilment, kif, fin-nuqqas tal-irregolarità allegata, il-proċedura antidumping kienet tista’ twassal għal riżultat differenti, kuntrarjament għal dak li huwa meħtieġ mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 252 iktar ’il fuq. F’kull każ, mit-tielet motiv jirriżulta li l-ispjegazzjoni mogħtija f’dan ir-rigward fid-dokument ta’ informazzjoni definittiv ippermettiet lir-rikorrenti jikkonstataw l-assenza ta’ aġġustament analogu fil-każ tal-importazzjonijiet provenjenti mill-Istati Uniti. Isegwi li r-raba’ lment għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

279    Bil-ħames ilment, ir-rikorrenti jsostnu li d-dokument ta’ informazzjoni definittiv ma pprovda ebda dettall fuq ir-raġuni għalfejn l-esklużjoni “sa mill-bidu” tal-produtturi tat-taħlita E85 u ta’ taħlita analoga tal-industrija tal-Unjoni ma kellha ebda impatt fuq id-determinazzjoni tad-dannu kbir. F’dan ir-rigward, ebda prova mill-proċess ma ssostni l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fir-risposta tagħha għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq id-dokument ta’ informazzjoni definittiv, li jgħid li l-produzzjoni ta’ tali taħlitiet “[kienet] limitata ħafna”.

280    F’dan ir-rigward, fid-difiża l-Kunsill spjega li dawn l-allegazzjonijiet huma żbaljati minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ma eskludietx it-taħlitiet E85 “mill-bidu”. Skont l-informazzjoni disponibbli, kien hemm biss ftit produtturi tat-taħlitiet E85 fl-Unjoni, li l-produzzjoni tagħhom kienet tidher li hija limitata ħafna, peress li l-kwestjonarji mhux kunfidenzjali ta’ żewġ produtturi tal-Unjoni indikaw li dawn kienu jipproduċu l-E85 fi kwantitajiet baxxi, u b’hekk dawn il-kwantitajiet baxxi kkonstatati ntużaw fil-kalkoli.

281    Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jsostnux l-espressjoni “taħlitiet simili”. Konsegwentement, l-argument li jikkonċerna lill-imsemmija “taħlitiet simili” ma jitqajjimx b’mod koerenti u li jinftiehem fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 254 iktar ’il fuq u b’hekk għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

282    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-veraċità tal-provi elenkati mill-Kunsill fid-difiża. Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li mill-ispjegazzjonijiet tal-Kunsill jirriżulta li t-taħlitiet E85 ma ġewx esklużi “sa mill-bidu” tal-investigazzjoni u li kien hemm provi fil-fajl amministrattiv li jsostnu l-fatt li l-produzzjoni tat-taħlitiet inkwistjoni fl-Unjoni kienet “limitata ħafna”. Għaldaqstant, il-ħames ilment għandu għall-bqija jiġi miċħud bħala infondat.

283    Bis-sitt ilment, ir-rikorrenti josservaw li, minkejja t-talba tagħhom lill-uffiċjal tas-seduta waqt is-seduta quddiem il-Kummissjoni, il-Kunsill ma ppreżentax l-informazzjoni relattiva għall-prezz tal-materja prima tal-produtturi tal-industrija tal-Unjoni. Din l-informazzjoni kienet kieku tippermettilhom jipprovaw “b’iktar ċertezza” li d-dannu kbir allegat kien ikkawżat miż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima tal-industrija tal-Unjoni.

284    Qabel kollox, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti talbu waqt is-seduta tal-11 ta’ Settembru 2012 li jiġu informati bl-“informazzjoni li tikkonċerna t-tendenzi fil-prezzijiet ta’ produzzjoni u tal-materja prima”. Skont il-minuti ta’ din is-seduta, l-uffiċjal tas-seduta talab lill-grupp investigattiv tal-Kummissjoni biex jipprovdi spjegazzjonijiet bil-miktub mhux iktar tard mit-18 ta’ Settembru 2012. Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li fil-kitbiet tagħhom, ir-rikorrenti b’ebda mod ma jsostnu li ma kienx hemm segwitu xieraq fir-rigward ta’ din it-talba tal-uffiċjal tas-seduta. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti lanqas ma juru li rrepetew it-talba tagħhom fil-kuntest tal-informazzjoni finali abbażi tal-Artikolu 20(2) tar-regolament bażiku.

285    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ppreżentaw ebda prova li tindika li talbu lill-Kunsill jipprovdilhom l-informazzjoni inkwistjoni.

286    Finalment, il-Kunsill spjega li l-informazzjoni li tgħid li l-parti l-kbira tal-produtturi tal-industrija tal-Unjoni kienu jassiguraw ir-riskju ta’ varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-materja prima għandha karattru kunfidenzjali u li b’hekk ma kienx possibbli li din titpoġġa fil-fajl mhux kunfidenzjali, liema ħaġa ma tpoġġietx indiskussjoni mir-rikorrenti.

287    Isegwi li r-rikorrenti ma pprovawx li l-istituzzjonijiet ma kinux ipproċedew b’mod sodisfaċenti, fil-kuntest tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 20(2) u (4) tar-regolament bażiku, fir-rigward tat-talbiet tagħhom għal aċċess għall-informazzjoni supplimentari fir-rigward tal-prezzijiet tal-materja prima tal-industrija tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-argument li jibbaża s-sitt ilment ma jistax jintlaqa’.

288    Bis-seba’ lment, ir-rikorrenti josservaw li d-dokument ta’ informazzjoni supplimentari, li fih il-Kummissjoni pproponiet li tibdel il-perijodu ta’ validità tal-miżura antidumping definittiva proposta minn tliet snin għal ħames snin, ma kienx immotivat biżżejjed, minħabba li dan “ċaħad biss tnejn mit-tliet raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kunsill kien inizjalment ippropona validità ta’ tliet snin” u ma “eżaminax it-tielet raġuni”.

289    Għandu jiġi kkonstatat, kif isostni ġustament il-Kunsill, mingħajr ma huwa kontradett mir-rikorrenti f’dan ir-rigward, li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) tar-regolament bażiku, il-perijodu ta’ validità normali ta’ miżuri antidumping huwa ta’ ħames snin. B’hekk, id-dokument ta’ informazzjoni supplimentari kien jipprovdi ritorn għall-perijodu normali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu ta’ motivazzjoni fil-kuntest tal-miżuri antidumping ma jimponix fuq l-istituzzjonijiet li jispjegaw għalfejn pożizzjoni maħsuba f’ċertu stadju tal-proċedura antidumping kienet eventwalment infondata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Whirlpool Europe vs Il-Kunsill, punt 253 iktar ’il fuq, EU:T:2010:390, punt 116).

290    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jesponux liema jkun l-effett tan-nuqqas ta’ eżami, fid-dokument ta’ informazzjoni definittiv, tat-“tielet raġuni” invokata inizjalment mill-Kummissjoni biex tiġġustifika perijodu ta’ validità ta’ tliet snin biss.

291    Għaldaqstant, is-seba’ lment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

292    Peress li s-seba’ lmenti mressqa mir-rikorrenti ma jistgħux jintlaqgħu, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-regolament ikkontestat ma huwiex “korrettement immotivat” minħabba li d-dokument ta’ informazzjoni definittiv ma kienx komplet. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-għaxar motiv għandha tiġi miċħuda parzjalment bħala inammissibbli u parzjalment bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti tal-għaxar motiv, ibbażata fuq il-fatt li d-dokument ta’ informazzjoni supplimentari ġie kkomunikat, fl-ewwel lok, lill-Istati Membri u lil min ressaq l-ilment u wara lir-rikorrenti, u dan bi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ nondiskriminazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża, kif ukoll tal-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku

293    Ir-rikorrenti josservaw, essenzjalment, li l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta li jinbidel il-perijodu ta’ validità tal-miżuri minn tlieta għal ħames snin lir-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-kumitat konsultattiv u lill-persuna li lmentat qabel ma din l-informazzjoni ġiet ikkomunikata lilhom, u dan bi ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ amministrazzjoni tajba, kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u tal-“membri tagħhom”. Barra minn hekk, il-fatt li l-kumitat konsultattiv approva l-bidla fil-perijodu ta’ validità tal-miżuri waqt laqgħa li seħħet jumejn qabel ma d-dokument ta’ informazzjoni definittiv ġie kkomunikat lill-partijiet interessati, u b’hekk qabel l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, jikser l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet relattivi għad-dokument ta’ informazzjoni definittiv, stabbilit fl-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku.

294    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

295    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku “[r]appreżentazzjonijiet magħmula wara li jingħata t-tagħrif finali għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk riċevuti fi żmien perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni f’kull każ, li għandu jkun mill-inqas 10t’ijiem [għaxart ijiem]”.

296    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża, biżżejjed jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jispjegawx kif huma stess jew il-membri tagħhom kienu jkunu jistgħu jiżguraw aħjar id-difiża tagħhom fin-nuqqas tal-irregolarità preżunta. Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 252 iktar ’il fuq.

297    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li jgħid li l-persuna li lmentat ġiet informata bil-bidla fil-perijodu ta’ validità tal-miżuri qabel ma din l-informazzjoni ġiet ikkomunikata lill-partijiet interessati l-oħra, ir-rikorrenti jinvokaw komunikazzjoni stampa ppubblikata fuq is-sit Internet ta’ ePure fl-20 ta’ Diċembru 2012, li fiha din tal-aħħar ħabbret li l-Unjoni kienet ipproċediet biex timponi miżuri antidumping, f’dan il-każ, għal perijodu ta’ ħames snin, għaliex tali “deċiżjoni” kienet “approvata” minn maġġoranza ta’ Stati Membri.

298    Il-Kunsill jikkontesta din l-affermazzjoni u fid-difiża josserva li l-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati kollha, inkluż lill-persuna li lmentat, bil-proposta li jinbidel il-perijodu ta’ validità tal-miżuri fl-istess ħin, jiġifieri fil-21 ta’ Diċembru 2012. Dan iżid li ma huwiex obbligat li jispjega jew li jiġġustifika l-kontenut ta’ komunikazzjoni stampa ppubblikata minn terz.

299    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-komunikazzjoni stampa msemmija hija biss ħjiel li ma jipprovax li l-Kunsill jew il-Kummissjoni fir-realtà informaw lill-persuna li ressqet l-ilment qabilhom bil-bidla fit-tul tal-miżuri u li r-rikorrenti ma ppreżentaw ebda prova insostenn tal-affermazzjoni tagħhom. Konsegwentement, dan l-argument għandu jiġi miċħud minħabba li r-rikorrenti ma ppreżentawx provi għalih.

300    Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat l-argument li jgħid li l-proposta li jinbidel il-perijodu ta’ validità tal-miżuri ġiet ikkomunikata minn qabel lir-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-kumitat konsultattiv.

301    Skont ir-rikorrenti, il-komunikazzjoni ta’ ePure tal-20 ta’ Diċembru 2012 tirreferi għall-vot fi ħdan il-kumitat konsultattiv waqt il-laqgħa li seħħet fid-19 ta’ Diċembru 2012 u turi li l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta li jinbidel il-perijodu ta’ validità tal-miżuri minn tlieta għal ħames snin lir-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-kumitat konsultattiv u lill-persuna li lmentat qabel ma din l-informazzjoni ġiet ikkomunikat lilhom. Issa, il-Kunsill jikkontesta dan l‑argument u fid-difiża tiegħu jsostni li l-Kummissjoni informat lill-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet interessati bil-proposta li jinbidel il-perijodu ta’ validità tal-miżuri fl-istess ħin, jiġifieri fil-21 ta’ Diċembru 2012.

302    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li dan jippreżupponi li dawn ittrattaw b’mod differenti lil sitwazzjonijiet paragunabbli, u b’hekk inħoloq żvantaġġ għal xi operaturi meta mqabbla ma’ oħrajn, mingħajr ma din id-differenza fit-trattament tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ differenzi oġġettivi ta’ ċerta importanza (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Changzhou Hailong Electronics & Light Fixtures u Zhejiang Yankon vs Il-Kunsill, T-255/01, Ġabra, EU:T:2003:282, punt 60).

303    F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi rrilevat li r-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat konsultattiv ma humiex, diversament mir-rikorrenti, partijiet interessati fil-proċedura antidumping. Isegwi li r-rikorrenti u l-Istati Membri ma kinux jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli fis-sens tal-ġurisprudenza. Għalhekk, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-Istati Membri ma hijiex irregolata mill-Artikolu 20 tar-regolament bażiku, iżda ssir abbażi tal-Artikolu 15(2) tiegħu, fil-verżjoni oriġinali li tapplika f’dan il-każ, li jgħid li l-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istati Membri, qabel il-laqgħa tal-kumitat konsultattiv, “l-informazzjoni rilevanti kollha”.

304    Fir-rigward, fit-tieni nett, l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni u l-Kunsill huma marbuta li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni matul il-proċedura amministrattiva, li fosthom hemm id-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tiġbor fiha sensiela ta’ drittijiet speċifiċi. Issa, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, minnu nnifsu, ma jikkonferix drittijiet lill-individwi, ħlief meta dan ikun jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ drittijiet speċifiċi fis-sens tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2006, Tillack vs Il-Kummissjoni, T-193/04, Ġabra, EU:T:2006:292, punt 127). Madankollu, ir-rikorrenti b’ebda mod ma jinvokaw tali dritt speċifiku.

305    F’kull każ, anki jekk jitqies li l-argument tar-rikorrenti jinftiehem li jallega ksur tad-dmir ta’ diliġenza, għandu jitfakkar li d-dmir imsemmi jimponi fuq l-istituzzjoni kompetenti li teżamina b’kura u imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2014, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il-Kunsill, T-643/11, Ġabra (Estratti), EU:T:2014:1076, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Issa, f’dan il-każ, peress li r-rikorrenti ma ressqu ebda prova li tista’ turi, bil-mod meħtieġ, li l-Kummissjoni jew il-Kunsill kiser dan l-obbligu, b’hekk, l-argument li jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba għandu jiġi miċħud bħala infondat.

306    Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti li jirrigwarda ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ amministrazzjoni tajba għandu jiġi miċħud.

307    Fir-raba’ lok, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku nkiser minħabba l-fatt li l-proposta li jinbidel il-perijodu ta’ validità tal-miżuri kienet ġiet ippreżentata lill-kumitat konsultattiv u “rratifikata” minnu qabel ma kienu ġew ippreżentati l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati. Anki jekk jitqies li din id-dispożizzjoni toħloq, kif isostnu r-rikorrenti, obbligu “għall-istituzzjonijiet” li jieħdu inkunsiderazzjoni “l-osservazzjonijiet relattivi għad-dokument ta’ informazzjoni definittiv”, biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jispjegawx sa fejn, fin-nuqqas tal-irregolarità allegata, il-proċedura antidumping kienet tista’ twassal għal riżultat differenti, kuntrarjament għal dak li huwa meħtieġ mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 252 iktar ’il fuq. F’kull każ, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 9(4) tar-regolament bażiku fil-verżjoni oriġinali tiegħu applikabbli f’dan il-każ, il-kumitat konsultattiv, li barra minn hekk ma huwiex istituzzjoni, jiġi kkonsultat qabel ma l-Kunsill jistabbilixxi dazju antidumping definittiv. Ċertament, l-Artikolu 15(2) tar-regolament bażiku fil-verżjoni oriġinali tiegħu jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tikkomunika minn qabel lill-Istati Membri “l-informazzjoni rilevanti kollha”. Issa, minn naħa, ir-rikorrenti ma josservawx li l-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati fit-2 ta’ Jannar 2013 dwar it-tul tal-miżuri waqt l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti lanqas ma jsostnu li l-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati fit-2 ta’ Jannar 2013 kien fihom informazzjoni rilevanti li l-Kummissjoni kellha tikkomunika lill-Istati Membri, abbażi tal-istess paragrafu.

308    B’hekk, it-tieni parti tal-għaxar motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tal-għaxar motiv, ibbażata fuq l-aċċess mhux komplet għall-fajl mhux kunfidenzjali tal-investigazzjoni, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-Artikolu 6(7) u tal-Artikolu 19(1) u (2) tar-regolament bażiku

309    Ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni rrifjutat li tagħtihom l-aċċess għal xi informazzjoni, għal xi provi u għal xi dokumenti minkejja diversi talbiet imressqa minnhom f’dan ir-rigward matul l-investigazzjoni. Dan imur kontra l-Artikolu 6(7) u l-Artikolu 19(1) u (2) tar-regolament bażiku u jikser id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Ir-rikorrenti jqajmu ħames ilmenti li bihom isostnu li l-Kummissjoni ma tatx aċċess komplet għall-fajl mhux kunfidenzjali tal-investigazzjoni.

310    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

311    L-Artikolu 6(7) tar-regolament bażiku jipprovdi li:

“Min qiegħed jagħmel l-ilmenti, l-importaturi u l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, utenti u organizzazzjonijiet tal-konsumatur, li għamlu lilhom infushom magħrufa skond l-Artikolu 5(10), kif ukoll ir-rappreżentanti tal‑pajjiż ta’ esportazzjoni jistgħu, fuq talba miktuba, jispezzjonaw l-informazzjoni kollha magħmula disponibbli minn kwalunklwe parti għal investigazzjoni, bħala distinta minn dokumenti interni ppreparati mill-awtoritajiet tal-Komunità jew mill-Istati Membri tagħha, li hija rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każijiet tagħhom u mhux kunfidenzjali fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 19, u li hija wżata fl-investigazzjoni. Partijiet bħal dawn jistgħu jirrispondu għal informazzjoni bħal din u l-kummenti tagħhom għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni, kull fejn huma sostanzjati biżżejjed fit-tweġiba.”

312    Skont l-Artikolu 19(1) tar-regolament bażiku, “[k]walunkwe informazzjoni li hija ta’ xorta kunfidenzjali, (per eżempju, minħabba li r-rivelazzjoni tagħha kienet ta’ vantaġġ kompetittiv sinifikanti għall-kompetitur jew kien ikollha effett kuntrarju sinifikanti fuq il-persuna li tforni l-informazzjoni jew fuq il-persuna li minn għandha jkun akkwista l-informazzjoni) jew li hija mogħtija fuq bażi kunfidenzjali minn partijiet għall-investigazzjoni għandha, jekk tiġi murija raġuni tajba, tiġi ttrattata b’hekk mill-awtoritajiet”.

313    L-Artikolu 19(5) tar-regolament bażiku jipprovdi li:

“Il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri, jew l-uffiċjali ta’ kwalunkwe minn dawn, ma għandhomx jiżvelaw kwalunkwe informazzjoni riċevuta skond dan id-Regolament li għaliha jkun ġie mitlub trattament kunfidenzjali mill-fornitur tagħha, mingħajr permess speċifiku mill-fornitur. Skambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, jew kwalunkwe informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ konsultazzjonijiet magħmula skond l-Artikolu 15, jew kwalunkwe dokumenti interni ppreparati mill-awtoritajiet [tal-Unjoni] jew l-Istati Membri tagħha, ma għandhomx jiġu żvelati għajr kif previst f’dan ir-Regolament speċifiku.”

314    Il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni ma jistax jirriżulta fl-annullament tar-regolament ikkontestat ħlief jekk l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni kellu possibbiltà, anki ridotta, li jwassal lill-proċedura amministrattiva għal riżultat differenti fil-każ fejn l-impriża kkonċernata kienet tkun tista’ tużahom matul il-proċedura msemmija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C-191/09 P u C-200/09 P, Ġabra, EU:C:2012:78, punt 174).

315    Fir-rigward tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni rrifjutat li tagħti aċċess jew li tipprovdi sunt mhux kunfidenzjali tad-databases ta’ Eurostat (L-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea) u ta’ databases doganali nazzjonali oħra użati biex jiġi stabbilit il-volum u l-valur tad-diversi importazzjonijiet.

316    Għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti ma jispjegawx sa fejn, fin-nuqqas tal-irregolarità allegata, il-proċedura antidumping kienet tista’ twassal għal riżultat differenti, kuntrarjament għal dak li huwa meħtieġ mill‑ġurisprudenza ċċitata fil-punti 252 u 314 iktar ’il fuq. Għalhekk, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

317    Bit-tieni lment, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni rrifjutat li tikkomunikalhom dokument intern li fih l-opinjoni tad-Direttorat Ġenerali (DG) tagħha “Intaxxar u Unjoni Doganali”, relattiva għad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

318    Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, b’dan l-ilment, ir-rikorrenti ma jispjegawx sa fejn, fin-nuqqas tal-irregolarità allegata, il-proċedura antidumping kienet tista’ twassal għal riżultat differenti, kuntrarjament għal dak li huwa meħtieġ mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 252 u 314 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 19(5) tar-regolament bażiku, id-dokumenti interni ma għandhomx jiġu żvelati, ħlief meta dan ikun espressament previst mir-regolament imsemmi. Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

319    Bit-tielet ilment, ir-rikorrenti josservaw li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-parti tal-produzzjoni tal-etanol mill-pitravi taz-zokkor, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq email tal-persuna li lmentat li kienet issemmi ċifra ta’ 12 %, iżda ma kienet tagħti ebda dettall fuq is-sors tal-informazzjoni u fuq il-metodu applikat biex waslet għal din l-istima. B’hekk, ir-rikorrenti jqisu li kien impossibbli għalihom li jipprovaw lill-Kummissjoni li “ċ-ċifri iktar għolja” tagħhom tal-produzzjoni mill-pitravi taz-zokkor kienu ċ-”ċifri korretti”.

320    Għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti ma jispjegawx sa fejn il-komunikazzjoni tas-sors u tal-metodu użat għall-kalkolu kienet tista’ twassal għal riżultat differenti tal-proċedura antidumping, kuntrarjament għal dak li huwa meħtieġ mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 252 u 314 iktar ’il fuq.

321    F’kull każ, il-Kummissjoni tispjega li hija ma kinitx awtorizzata li tiżvela l-informazzjoni inkwistjoni minħabba li din kienet tinkludi fiha informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali ppreżentata mill-persuna li lmentat. F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-rikorrenti ma jispjegawx kif l-indikazzjoni, fil-parti tal-email inkwistjoni li dawn jiċċitaw fil-paġna 434 tal-Anness A.10 tar-rikors, li tgħid li l-perċentwali ta’ 12 % kienet tipprovjeni minn analista kummerċjali, ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi identifikat is-sors tal-informazzjoni inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, mill-kwotazzjoni msemmija ma jirriżulta b’ebda mod li din l-email kien fiha deskrizzjoni tal-metodu użat għall-kalkolu tas-sehem tas-suq inkwistjoni.

322    Għaldaqstant, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

323    Bir-raba’ lment, ir-rikorrenti josservaw li fil-fajl mhux kunfidenzjali ma hemm ebda prova li ssostni l-konstatazzjoni magħmula fil-premessa 141 tar-regolament ikkontestat li tgħid li l-parti l-kbira tal-produtturi tal-industrija tal-Unjoni kienu jassiguraw ir-riskju ta’ varjazzjoni fil-prezzijiet tal-materja prima.

324    Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, permezz tar-raba’ lment, ir-rikorrenti ma jinvokaw ebda ksur tad-dritt ta’ aċċess tagħhom għall-fajl mhux kunfidenzjali. Għalhekk, dan l-ilment huwa ineffettiv u għandu jiġi miċħud.

325    Min-naħa l-oħra u f’kull każ, il-Kunsill jispjega li, matul il-verifiki li saru fuq il-post, il-produtturi tal-Unjoni pprovdew spjegazzjonijiet dettaljati fir-rigward tal-kopertura tar-riskji u li l-informazzjoni inkwistjoni għandha natura kunfidenzjali u li b’hekk ma kienx possibbli li dawn jitpoġġew fil-fajl mhux kunfidenzjali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jikkontestawx l-affermazzjoni tal-Kunsill li tgħid li l-prattika li tikkonsisti fl-assigurazzjoni tar-riskju ta’ varjazzjonijiet fil-prezzijiet hija komuni fis-settur inkwistjoni u li tgħid li din hija faċilment ivverifikata permezz tal-informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku fir-rapporti annwali tal-produtturi tal-Unjoni. Konsegwentement, ir-raba’ lment għandu jiġi miċħud ukoll bħala infondat.

326    Permezz tal-ħames ilment, ir-rikorrenti jqisu li l-osservazzjonijiet ta’ ePure relattivi għall-bidla fil-perijodu ta’ validità tal-miżuri minn tlieta għal ħames snin ma tpoġġewx fil-fajl mhux kunfidenzjali fi żmien utli biex jippermettilhom jippreparaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ din il-bidla sat-2 ta’ Jannar 2013. L-osservazzjonijiet ta’ ePure tpoġġew fil-fajl mhux kunfidenzjali biss fl-4 ta’ Frar 2013.

327    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jispjegawx sa fejn, fin-nuqqas tal-irregolarità allegata, il-proċedura antidumping kienet tista’ twassal għal riżultat differenti, kuntrarjament għal dak li huwa meħtieġ mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 252 u 314 iktar ’il fuq.

328    F’kull każ, il-Kunsill josserva li, fid-dokument ta’ informazzjoni supplimentari tal-21 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni kienet tiġbor fil-qosor l-argumenti ta’ ePure li jikkonċernaw il-perijodu ta’ validità u kienet tispjega r-raġunijiet għar-ritorn lejn il-perijodu normali ta’ ħames snin. F’dak li jikkonċerna l-osservazzjonijiet tal-persuna li lmentat, għandu jiġi osservat li d-dokument ta’ informazzjoni supplimentari fih, essenzjalment, l-istess informazzjoni bħall-premessa 173 tar-regolament ikkontestat u b’hekk kien jirriproduċi l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom l-istituzzjonijiet kienu jixtiequ jibbażaw ruħhom f’dan il-każ. Min-naħa l-oħra, fir-replika, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom biex jikkontestaw l-affermazzjoni tal-Kunsill, mingħajr ma jispeċifikaw liema osservazzjonijiet ta’ ePure ma kinux miġbura fil-qosor b’mod suffiċjenti fid-dokument ta’ informazzjoni supplimentari.

329    Barra minn hekk, fir-replika, ir-rikorrenti jqisu li d-dokument ta’ informazzjoni supplimentari jikkostitwixxi sempliċement negazzjoni tal-argumenti favur il-perijodu ta’ validità inizjalment propost mill-Kummissjoni, mingħajr l-iċken spjegazzjoni reali. Għandu jiġi kkonstatat, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(c) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, li dan l-ilment ġdid tressaq tard, peress li tqajjem fir-replika, u għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-24 ta’ Settembru 2009, Alcon vs L-UASI, C-481/08 P, EU:C:2009:579, punt 17, u s-sentenza tat-30 ta’ April 2015, VTZ et vs Il-Kunsill, T-432/12, EU:T:2015:248, punt 158). Anki jekk jitqies li dan l-ilment il-ġdid ma tressaqx tard, biżżejjed li jiġi kkonstatat li, permezz tiegħu, ir-rikorrenti ma jinvokaw ebda ksur tad-dritt ta’ aċċess tagħhom għall-fajl mhux kunfidenzjali tal-investigazzjoni. B’hekk dan għandu jiġi miċħud ukoll bħala ineffettiv.

330    B’hekk għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti kienu f’pożizzjoni li jippreparaw fi żmien utli l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-bidla fil-perijodu ta’ validità tal-miżuri antidumping. Għaldaqstant, il-ħames ilment kif ukoll l-ilment il-ġdid imsemmi fil-punt preċedenti għandhom jiġu miċħuda.

331    Isegwi li t-tielet parti tal-għaxar motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti tal-għaxar motiv, ibbażata fuq perijodu insuffiċjenti mogħti lir-rikorrenti biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-dokument ta’ informazzjoni definittiv, bi ksur tal-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku u tad-drittijiet tad-difiża

332    Ir-rikorrenti jqisu li l-Kunsill ma tahomx it-terminu legali minimu ta’ għaxart ijiem, previst fl-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku, biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-dokument ta’ informazzjoni definittiv. F’kull każ, it-terminu legali minimu ta’ għaxart ijiem ma kienx, skonthom, jikkostitwixxi terminu suffiċjenti biex jippreżentaw osservazzjonijiet fuq dokument ta’ informazzjoni kumpless daqs dak ikkomunikat f’dan il-każ.

333    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

334    Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, skont it-titolu tar-raba’ parti tal-għaxar motiv fir-rikors, il-Kunsill ma allokax biżżejjed żmien “lir-rikorrenti” biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-dokument ta’ informazzjoni definittiv. Issa, fir-rikors, ir-rikorrenti josservaw li huma “u l-membri tagħhom” ma bbenefikawx minn biżżejjed żmien biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

335    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li fil-kitbiet tagħhom, ir-rikorrenti ma jispjegawx liema huma, fost il-membri tagħhom, dawk li rċevew id-dokument ta’ informazzjoni definittiv. B’hekk, sa fejn ir-rikorrenti jixtiequ, permezz ta’ din il-parti, jinvokaw ksur tad-drittijiet proċedurali tal-“membri tagħhom”, għandu jiġi rrilevat li talba daqstant ftit preċiża ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, li jeżiġi li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat ir-rikors ikunu jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess (ara l-punt 254 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, sa fejn ir-rikorrenti josservaw li l-membri tagħhom ma bbenefikawx minn biżżejjed żmien biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward tad-dokument ta’ informazzjoni definittiv, din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

336    Fir-rigward tal-argument li jgħid li l-Kunsill ma allokax żmien biżżejjed lir-rikorrenti biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-dokument ta’ informazzjoni definittiv, għandu jitfakkar li l-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku jipprovdi, essenzjalment, li l-istituzzjonijiet huma biss marbuta li jieħdu inkunsiderazzjoni osservazzjonijiet magħmula minn partijiet interessati biss bil-kundizzjoni li dawn jintbagħtu fit-terminu ffissat mill-Kummissjoni, li ma jistax ikun inqas minn għaxart ijiem.

337    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti, fis-6 ta’ Diċembru 2012, id-dokument ta’ informazzjoni definittiv, li talab l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom “f’terminu ta’ għaxart-ijiem […], jiġifieri sas-17 ta’ Diċembru 2012, f’nofsinhar”. It-terminu ta’ għaxart ijiem biex isiru kummenti dwar dan id-dokument, previst fl-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku, intemm il-Ħadd 16 ta’ Diċembru 2012. Abbażi tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71, tat-3 ta’ Ġunju 1971, li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 51), meta l-aħħar ġurnata tal-perijodu tkun il-Ħadd, il-perijodu għandu jispiċċa fit-tmiem tal-aħħar siegħa tal-ġurnata tax-xogħol ta’ wara, jiġifieri mal-iskadenza tal-aħħar siegħa tas-17 ta’ Diċembru 2012. Madankollu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jikkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dan id-dokument sas-17 ta’ Diċembru 2012, f’nofsinhar, u mhux sa nofsillejl. Madankollu, ir-rikorrenti kkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu mogħti mill-Kummissjoni. B’ittra tal‑21 ta’ Diċembru 2006, il‑Kummissjoni bagħtet id‑dokument ta’ informazzjoni supplimentari, relattiv għall-bidla fit-tul tal-miżuri proposti. Madankollu, f’din l-ittra, il-Kummissjoni talbet lill-partijiet jikkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-bidla proposta kif ukoll dwar id-dokument ta’ informazzjoni definittiv tas-6 ta’ Diċembru 2012 sa mhux iktar tard mit-2 ta’ Jannar 2013, mal-għeluq tal-uffiċċji.

338    Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li fil-kitbiet tagħhom, ir-rikorrenti ma jispjegawx kif, skonthom, il-proċedura amministrattiva setgħet, minħabba l-irregolarità preżunta, twassal għal riżultat differenti. F’dan ir-rigward, ġie deċiż li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku jista’ jwassal għall-annullament tar-regolament ikkontestat biss fejn hemm il-possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti, u għalhekk taffettwa b’mod konkret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, punt 250 iktar ’il fuq, EU:C:2009:598, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

339    Min-naħa l-oħra, hekk kif ġustament josserva l-Kunsill, permezz tal-ittra tagħha tal-21 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni allokat terminu supplimentari lir‑rikorrenti biex jikkomunikaw osservazzjonijiet dwar id-dokument ta’ informazzjoni definittiv tas-6 ta’ Diċembru 2012. Isegwi li l-istituzzjonijiet ma wettqu ebda ksur tal-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku.

340    Fir-rigward tal-argument li jgħid li t-terminu ta’ għaxart ijiem ma kienx suffiċjenti biex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet fuq dokument ta’ informazzjoni daqstant kumpless u fid-dawl tan-nuqqas ta’ regolament li jistabbilixxi dazji provviżorji li fihom kalkolu provviżorju tal-marġni ta’ dumping, biżżejjed li jitfakkar, hekk kif ġie espost fil-punt 337 iktar ’il fuq, li r-rikorrenti mhux biss ibbenefikaw mit-terminu legali minimu, iżda li sussegwentement il-Kummissjoni allokatilhom, fil-21 ta’ Diċembru 2012, terminu supplimentari ta’ tnax-il ġurnata kalendarja biex jikkummentaw dwar dan id-dokument. Ir-rikorrenti ma josservawx li dan it-terminu estiż ma kienx suffiċjenti.

341    Barra minn hekk, fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu li, bid-dokument ta’ informazzjoni supplimentari tal-21 ta’ Diċembru 2012, l-istituzzjonijiet wettqu żball proċedurali ieħor minħabba li l-kumitat konsultattiv antidumping kien diġà ġie kkonsultat waqt il-laqgħa tad-19 ta’ Diċembru 2012 mingħajr ma kien jaf b’element essenzjali, jiġifieri l-opinjoni tar-rikorrenti u tal-produtturi Amerikani dwar il-validità mibdula tal-miżuri proposti. B’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(c) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment ġdid tressaq tard, peress li tqajjem fir-replika, u għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 329 iktar ’il fuq).

342    Isegwi li r-raba’ parti tal-għaxar motiv għandha tiġi miċħuda wkoll.

343    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-għaxar motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

344    Għaldaqstant, peress li t-tieni parti tal-ewwel motiv ġiet milqugħa u b’hekk intlaqa’ l-motiv imsemmi, ir-regolament ikkontestat għandu jiġi annullat sa fejn jikkonċerna lil Patriot Renewable Fuels, Plymouth Energy Company, POET u Platinum Ethanol, li huma membri tar-rikorrenti. Għall-bqija, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondat.

 Fuq l‑ispejjeż

345    Skont l‑Artikolu 134(1) u (3) tar‑Regoli tal‑Proċedura, il‑parti li titlef il‑kawża għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

346    F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti u l-Kunsill tilfu parzjalment, dawn għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

347    Skont l-Artikolu 138(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni u ePure għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il‑motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 157/2013, tat-18 ta’ Frar 2013, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika huwa annullat sa fejn jikkonċerna lil Patriot Renewable Fuels LLC, Plymouth Energy Company LLC, POET LLC uPlatinum Ethanol LLC.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Growth Energy u Renewable Fuels Association, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea u ePURE, de Europese Producenten Unie van Hernieuwbare Ethanol għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Dittrich

Schwarcz

Tomljenović

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Ġunju 2016.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

1.  Fuq it-talba għal tgħaqqid mal-Kawża T-277/13, Marquis Energy vs Il-Kunsill

2.  Fuq l-interventi

3.  Fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u fuq il-fażi orali tal-proċedura

4.  Fuq it-talbiet għal trattament kunfidenzjali

5.  It-talbiet tal-partijiet

Id‑dritt

1.  Fuq l‑ammissibbiltà

Fuq id-dritt ta’ azzjoni tal-assoċjazzjonijiet bħar-rikorrenti

Fuq il-locus standi tar-rikorrenti

Fuq il-locus standi tar-rikorrenti b’mod individwali

Fuq il-locus standi tar-rikorrenti bħala rappreżentanti tal-membri tagħhom

–  Fuq interess dirett tar-rikorrenti bħala rappreżentanti tal-produtturi ta’ bijoetanol magħżula fil-kampjun

–  Fuq interess individwali tar-rikorrenti bħala rappreżentanti tal-produtturi ta’ bijoetanol magħżula fil-kampjun

–  Fuq l-eżistenza ta’ rimedji alternattivi

Fuq il-locus standi tar-rikorrenti bħala rappreżentanti tal-membri tagħhom differenti mill-erba’ produtturi inklużi fil-kampjun

Fuq l-interess ġuridiku

2.  Fuq il‑mertu

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(8), tal-Artikolu 9(5) u tal-Artikolu 18(1), (3) u (4) tar-regolament bażiku, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, tal-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill minħabba r-rifjut tiegħu li jikkalkola l-marġni ta’ dumping individwali u li jattribwixxi dazju antidumping individwali, jekk ikun il-każ, lill-membri tar-rikorrenti inklużi fil-kampjun

Fuq l-applikazzjoni tal-ftehim antidumping tal-ODK f’dan il-każ

Fuq il-kwistjoni jekk l-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun għandhomx dritt li jiġi applikat fil-konfront tagħhom dazju antidumping individwali abbażi tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku

Fuq il-kwistjoni jekk ma kienx prattikabbli li jiġu stabbiliti dazji antidumping individwali f’dan il-każ

Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(7), tal-Artikolu 19(1) u (2), tal-Artikolu 20(2), (4) u (5) tar-regolament bażiku, kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti.

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-ewwel parti tal-għaxar motiv, ibbażata fuq in-natura inkompleta tad-dokument ta’ informazzjoni definittiv u fuq il-ksur tal-Artikolu 20(2) u (4) tar-regolament bażiku, kif ukoll fuq l-iżbalji ta’ motivazzjoni fir-regolament ikkontestat

Fuq it-tieni parti tal-għaxar motiv, ibbażata fuq il-fatt li d-dokument ta’ informazzjoni supplimentari ġie kkomunikat, fl-ewwel lok, lill-Istati Membri u lil min ressaq l-ilment u wara lir-rikorrenti, u dan bi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ nondiskriminazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża, kif ukoll tal-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku

Fuq it-tielet parti tal-għaxar motiv, ibbażata fuq l-aċċess mhux komplet għall-fajl mhux kunfidenzjali tal-investigazzjoni, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-Artikolu 6(7) u tal-Artikolu 19(1) u (2) tar-regolament bażiku

Fuq ir-raba’ parti tal-għaxar motiv, ibbażata fuq perijodu insuffiċjenti mogħti lir-rikorrenti biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-dokument ta’ informazzjoni definittiv, bi ksur tal-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku u tad-drittijiet tad-difiża

Fuq l‑ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 –      Data kunfidenzjali moħbija.