Language of document : ECLI:EU:C:2016:199

Kawża C‑689/13

Puligienica Facility Esco SpA (PFE)

vs

Airgest SpA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di giustizia amministrativa per la Regione siciliana)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Direttiva 89/665/KEE – Artikolu 1(1) u (3) – Proċeduri ta’ reviżjoni – Rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku ppreżentat minn offerent li l-offerta tiegħu ma ntgħażlitx – Azzjoni inċidentali tal-offerent rebbieħ – Regola ġurisprudenzjali nazzjonali li timponi li l-azzjoni inċidentali tiġi eżaminata minn qabel u, jekk din tkun fondata, l-azzjoni prinċipali tiġi ddikjarata inammissibbli, mingħajr eżami dwar il-mertu – Kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 267 TFUE – Prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Prinċipju tad-dritt stabbilit b’deċiżjoni tas-seduta plenarja tal-qorti amministrattiva suprema ta’ Stat Membru – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi n-natura vinkolanti ta’ din id-deċiżjoni għall-awli ta’ din il-qorti – Obbligu tal-awla adita bi kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil mad-deċiżjoni tas-seduta plenarja, li din il-kwistjoni tintbagħat lura lilha – Fakultà jew obbligu tal-awla li tadixxi, b’mod preliminari, lill-Qorti tal-Ġustizzja”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ April 2016

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri ta’ reviżjoni fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet – Direttiva 89/665 – Obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu proċedura ta’ appell – Aċċess għall-proċeduri ta’ appell – Regoli proċedurali nazzjonali li jipprevedu l-inammissibbiltà tar-rikors ta’ offerent intiż għall-esklużjoni ta’ offerent ieħor minħabba t-trattament prijoritarju tar-rikors inċidentali ppreżentat minn dan tal-aħħar – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 89/665, kif emendata permezz tad-Direttiva 2007/66, Artikolu 1(1) u (3))

2.        Domandi preliminari – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali – Portata – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lil awla ta’ qorti nazzjonali li tagħti l-aħħar deċiżjoni sabiex tadixxi s-seduta plenarja ta’ dik il-qorti fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil ma’ orjentazzjoni stabbilita minn din tal-aħħar – Impossibbiltà għall-qorti adita b’mod regolari konfermement mad-dritt nazzjonali li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod preliminari – Inammissibbiltà

(Artikolu 267 TFUE)

3.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali – Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja – Leġiżlazzjoni nazzjonali li xxekkel lill-qorti milli ma tiħux inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet nazzjonali li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni – Inammissibbiltà

(Artikolu 267 TFUE)

1.        It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, kif emendata permezz tad-Direttiva 2007/66, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li rikors prinċipali ppreżentat minn offerent, li għandu interess li jikseb kuntratt partikolari u li sarlu dannu jew ikun jinsab f’riskju li jsirlu dannu permezz ta’ ksur allegat tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew tar-regoli nazzjonali li jittrasponu dan id-dritt, u intiż għall-esklużjoni ta’ offerent ieħor, jiġi ddikjarat inammissibbli b’applikazzjoni tar-regoli proċedurali nazzjonali li jipprevedu l-eżami prijoritarju tar-rikors inċidentali ppreżentat minn dan l-offerent l-ieħor.

Fil-fatt, minn naħa, kull waħda mill-partijiet fil-kawża għandha interess leġittimu ekwivalenti għall-esklużjoni tal-offerta tal-kompetituri l-oħra. Min-naħa l-oħra, ma huwiex eskluż li waħda mill-irregolaritajiet li jiġġustifikaw l-esklużjoni, kemm tal-offerta tal-offerent rebbieħ kif ukoll ta’ dik tal-offerent li jikkontesta d-deċiżjoni ta’ għoti tal-awtorità kontraenti tivvizzja anki l-offerti l-oħra mitfugħa fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, li jista’ jwassalha sabiex tniedi proċedura ġdida. F’dan ir-rigward, in-numru ta’ parteċipanti fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku kkonċernat, l-istess bħan-numru ta’ parteċipanti li ppreżentaw rikorsi kif ukoll id-diverġenza tal-motivi mqajma minnhom, ma humiex rilevanti.

(ara l-punti 28-30, dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali sa fejn din hija interpretata fis-sens li, f’dak li jikkonċerna kwistjoni li tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, meta awla ta’ qorti li tagħti l-aħħar deċiżjoni ma tkunx taqbel mal-orjentazzjoni ddefinita minn deċiżjoni tas-seduta plenarja ta’ din il-qorti, għandha tibgħat din il-kwistjoni lura lill-imsemmija seduta plenarja u għaldaqstant din ma tistax tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.

Fil-fatt, il-qrati nazzjonali għandhom il-fakultà l-iktar wiesgħa sabiex jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja bi kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, b’din il-fakultà tittrasforma ruħha f’obbligu għall-qrati li jagħtu l-aħħar deċiżjoni, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet. Regola ta’ dritt nazzjonali ma tistax ixxekkel lil qorti nazzjonali, skont il-każ, milli tagħmel użu mill-imsemmija fakultà jew milli tikkonforma ma’ dan l-obbligu. Kemm din il-fakultà kif ukoll dan l-obbligu huma inerenti għas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE, u inerenti għall-funzjonijiet ta’ qorti responsabbli mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fdati minn din id-dispożizzjoni lill-qrati nazzjonali. Konsegwentement, meta qorti nazzjonali, adita b’kawża, tqis li, fil-kuntest tagħha, tqajmet kwistjoni li tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, din ikollha l-fakultà jew l-obbligu li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari, mingħajr ma din il-fakultà jew dan l-obbligu jkunu jistgħu jixxekklu minn regoli nazzjonali ta’ natura leġiżlattiva jew ġurisprudenzjali.

(ara l-punti 32-34, 36, dispożittiv 2)

3.        L-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, wara li tirċievi r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal domanda li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija tkun għamlitilha jew meta l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat tweġiba ċara għal din il-kwistjoni, awla ta’ qorti li tagħti l-aħħar deċiżjoni għandha, hija stess, tagħmel dak kollu li huwa neċessarju sabiex din l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tiġi implementata.

Għaldaqstant, kull dispożizzjoni, ta’ ordinament ġuridiku nazzjonali jew kull prassi, leġiżlattiva, amministrattiva jew ġudizzjarja, li jkollha bħala effett li tnaqqas l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni peress li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tapplika dan id-dritt tiġi mċaħħda mis-setgħa li tagħmel, fil-mument stess ta’ din l-applikazzjoni, dak kollu li huwa neċessarju sabiex jiġu esklużi d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li eventwalment jkunu ta’ ostakolu għall-effikaċja sħiħa tar-regoli tal-Unjoni, tkun inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti għan-natura stess tad-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punti 41, 42, dispożittiv 3)