Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Marzu 2009 - Zhejiang Xinshiji Foods u Hubei Xinshiji Foods vs Il-Kunsill

(Kawża T-122/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Zhejiang Xinshiji Foods Co. Ltd, Hubei Xinshiji Foods Co. Ltd (rappreżentanti: F. Carlin, Barrister, A. MacGregor, Solicitor, N. Niejahr u Q. Azau, lawyers)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament sa fejn jimponi dazji antidumping fuq il-prodotti manifatturati u esportati mir-rikorrenti;

tordna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li tħallas l-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż tar-rikorrenti fil-kuntest ta' dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti qed jitolbu l-annullament, skont l-Artikolu 230 KE, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1355/2008, tat-18 ta' Diċembru 2008, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina1 (iktar 'il quddiem ir-"Regolament Definittiv"), sa fejn jirrigwarda lir-rikorrenti.

Ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament Definittiv għandu jiġi annullat sa fejn jirrigwardahom peress li jikser id-drittijiet tad-difiża tagħhom, l-obbligu ta' motivazzjoni u l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba.

Ir-rikorrenti jsostnu li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom,

minħabba li ma ġewx informati fi żmien utli bil-fatti essenzjali, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 384/962, kif ukoll in-nuqqas li jingħataw spjegazzjonijiet adegwati fir-rigward tal-inkonsistenzi fil-volum tal-bejgħ tal-industrija Komunitarja, bl-effett li r-rikorrenti ma setgħux jagħtu l-opinjoni tagħhom jew jiddefendu l-interessi tagħhom b'mod utli.

fil-kuntest tad-determinazzjoni tad-dannu fejn il-Kummissjoni naqset:

li tirrispondi għad-domandi tar-rikorrenti dwar inkonsistenzi fid-data tal-volum tal-bejgħ tal-industrija Komunitarja fi żmien utli sabiex ir-rikorrenti jagħtu l-opinjoni tagħhom qabel ma' l-Kunsill adotta r-Regolament Definittiv.

li tipprovdi lir-rikorrenti bl-ispjegazzjonijiet mitluba fir-rigward taċ-ċaħda li jitqies l-impatt fuq il-prezz ta' materji primi;

li tispjega kif l-Kummissjoni kienet ikkalkolat iż-żieda ta' 2 % għall-ispejjeż tal-importazzjoni u l-marġni tal-importatur, u

permezz ta' żball manifest ta' evalwazzjoni billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni inkonsistenzi sinjifikattivi fir-rigward tad-data tal-bejgħ tal-industrija Komunitarja meta ddeterminat id-danni.

Ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament Definittiv jikser ukoll l-Artikolu 253 KE billi jonqos milli jiddikjara l-motivazzjonijiet li fuqhom ġie bbażat fir-rigward ta' element essenzjali ta' fatt, b'mod partikolari ż-żieda ta' 2 % għall-ispejjeż tal-importazzjoni u l-marġini tal-importatur, li huwa rilevanti għall-konstatazzjonijiet magħmula fir-Regolament Definittiv li wasslu għall-impożizzjoni tad-dazji antidumping definittivi applikabbli għar-rikorrenti.

Fl-aħħar, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet magħmula minnhom waqt il-proċedura, fir-rigward tan-nuqqasijiet diversi tal-Kummissjoni li tispjega b'mod xieraq il-bażi fattwali li fuqha l-Kummissjoni kienet qed tipproponi li tadotta miżuri antidumping definittivi u li tħares sew id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, il-Kunsill kiser il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba meta adotta r-Regolament Definittiv kif propost mill-Kummissjoni.

____________

1 - ĠU L 350, p. 35.

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 56, p. 1)