Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Frar 2024 – Pollinis France vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-75/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Pollinis France (Pariġi, Franza) (rappreżentant: A. Bailleux, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2023 li biha l-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal reviżjoni interna mressqa mir-rikorrenti skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 , dwar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/918 2 (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), fis-sens li l-Kummissjoni testendi l-perjodu ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva boscalid;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur mid-deċiżjoni kkontestata tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 , ikkunsidrat flimkien mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, mal-Artikolu 168(1) u mal-Artikolu 191(2) TFUE, kif ukoll mall-Artikoli 35 u 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

L-Artikolu 17 tar-Regolament 1107/2009 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jimponi li l-Kummissjoni testendi approvazzjoni b’mod indefinit, irrispettivament min-numru u mit-tul ta’ estensjonijiet mogħtija qabel u irrispettivament mir-riskji li tali estensjoni tista’ tikkawża għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.

Fir-rigward b’mod partikolari ta’ boscalid, il-Kummissjoni ma setgħetx testendi l-approvazzjoni tagħha għal tant snin, peress li t-talba għal tiġdid qajmet għadd sinjifikattivi ta' mistoqsijiet mill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel u li diversi studji joħolqu dubji serji dwar is-sigurtà ta’ boscalid kemm għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

It-tieni motiv ibbażat, sussidjarjament, fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 17 tar-Regolament 1107/2009 li għandu jiġi ddikjarat skont l-Artikolu 277 TFUE peress li jmur kontra l-prinċipju ta’ prekawzjoni, l-Artikoli 168 u 191 TFUE, kif ukoll l-Artikoli 35 u 37 tal-Karta.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata (u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2023/918) huma bbażati fuq interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 17 tar-Regolament 1107/2009, din id-dispożizzjoni leġiżlattiva għandha titwarrab għall-finijiet tal-kawża, skont l-Artikolu 277 TFUE, peress li tmur kontra l-prinċipju ta’ prekawzjoni, kontra l-Artikoli 168 u 191 TFUE, kif ukoll kontra l-Artikoli 35 u 37 tal-Karta. Għalhekk, l-Artikolu 17 tar-Regolament 1107/2009 ma jistax jiġi applikat u ma jistax jikkostitwixxi bażi legali xierqa għad-deċiżjoni kkontestata, li għalhekk għandha tiġi annullata.

It-tielet motiv ibbażat, b’mod iktar sussidjarju, fuq l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni meta kkunsidrat li l-kundizzjonijiet stipulati espressament fl-Artikolu 17 tar-Regolament 1107/2009 kienu ssodisfatti.

Il-Kummissjoni wettqet żball meta kkunsidrat li l-kundizzjonijiet rikjesti sabiex tingħata estensjoni, stipulati b’mod espress fl-Artikolu 17 tar-Regolament 1107/2009, ġew issodisfati:

il-Kummissjoni wettqet żball meta kkunsidrat li d-dewmien fil-proċedura ta’ tiġdid ma kienx attribwibbli lir-rikorrenti għat-tiġdid, mingħajr ma eżaminat ir-rwol tar-rikorrenti f’dan id-dewmien;

il-Kummissjoni wettqet żball meta kkunsidrat li l-estensjoni tal-perjodu ta’ approvazzjoni għal boscalid, għal perijodu addizzjonali ta’ sentejn u tmien xhur u nofs, kienet meħtieġa sabiex tiġi eżaminata t-talba għal tiġdid.

____________

1 Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-5 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13).

1 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/918 tal-4 ta’ Mejju 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi aclonifen, ametoktradin, beflubutamid, benthiavalicarb, boscalid, captan, kletodim, ċiklossidim, ċiflumetofen, dażomet, diklofop, dimethomorph, ethephon, fenażakwin, fluopicolide, fluoxastrobin, fluworokloridon, folpet, formetanate, Helicoverpa armigera nucleopolyhedrovirus, imessażol, aċidu indolilbutiriku, mandipropammid, metalaxyl, metaldeid, metam, metazachlor, metribuzin, milbemectin, paklobutrażol, penoxsulam, fenmedifam, pirimiphos-methyl, propamocarb, proquinazid, prothioconazole, S-metolachlor, Spodoptera littoralis nucleopolyhedrovirus, Trichoderma asperellum ir-razza T34 u Trichoderma atroviride ir-razza I-1237 (ĠU 2023, L 119, p. 160).

1 Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1).