Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Ottubru 2010 - Prima TV vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-504/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Prima TV SpA (Milano, l-Italja) (rappreżentanti: L.Fossati, avukat, L. Perfetti, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni kkontestata f'din il-kawża hi l-istess bħal dik ikkontestata fil-kawża T-501/10, TI Media Broadcasting u TI Media vs Il-Kummissjoni.

Insostenn tal-pretensjonijiet tagħha r-rikorrenti ssostni tliet motivi.

Permezz tal-ewwel motiv qed jintalab l-annullament tad-deċiżjoni, minħabba ksur tal-liġi fil-forma ta' żball manifest ta' evalwazzjoni, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat bi żball li l-kundizzjonijiet tas-suq Taljan tat-televiżjoni bi ħlas (pay-TV) inbidlu, fil-konfront tal-2003, b'tali mod li setgħu jiġu rriveduti l-impenji ppreżentati minn Newscorp fil-Każ COMP/M.2876. Għall-kuntrarju, il-provi kollha juru li l-kundizzjonijiet tas-suq li abbażi tagħhom l-impenji ġew ippreżentati u approvati mill-Kummissjoni fl-2003 ma nbidlux b'mod sinjifikattiv u permanenti. B'mod partikolari, Sky Italia għad għandha pożizzjoni assolutament dominanti fis-suq Taljan tal-pay-TV.

Permezz tat-tieni motiv qed jintalab l-annullament tad-deċiżjoni minħabba ksur tal-liġi u abbuż ta' poter, ukoll bħala konsegwenza ta' żball manifest ta' evalwazzjoni, kif ukoll minħabba ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, peress li l-Kummissjoni biddlet l-impenji ppreżentati minn Newscorp fil-Każ COMP/M.2876, meta assumiet bi żball li n-nuqqas ta' parteċipazzjoni ta' Sky Italia fil-proċedura li jmiss għall-assenjazzjoni ta' frekwenzi diġitali terrestri kien jipprekludiha milli tkun attiva fit-televiżjoni bla ħlas fl-Italja. F'dan ir-rigward, ġie speċifikat li, għall-kuntrarju, Sky Italia diġà hija attiva fit-televiżjoni bla ħlas, tittrażmetti fuq frekwenzi diġitali terrestri u tkun tista' takkwista kapaċità li tittrażmetti anki jekk ma jinbidlux l-impenji inkwistjoni.

Permezz tat-tielet motiv qed jintalab l-annullament tad-deċżijoni, minħabba ksur tal-liġi u żball manifest ta' evalwazzjoni, peress li l-Kummissjoni biddlet l-impenji ppreżentati minn Newscorp fil-Każ COMP/M.2876, fuq talba ta' Sky Italia, minkejja li r-risposti li nkisbu matul l-investigazzjoni tas-suq li twettqet matul il-proċedura amministrattiva - inklużi dawk mibgħuta mill-entitajiet pubbliċi Taljani - taw indikazzjonijiet ċari dwar l-impatt negattiv tat-tibdil fl-impenji inkwistjoni fuq ix-xena kompetittiva nazzjonali.

____________