Language of document : ECLI:EU:C:2023:700

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA GENERAL

MEDINA

ippreżentati fil‑21 ta’ Settembru 2023 (1)

Kawża C334/22

Audi AG

vs

GQ

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Regjonali ta’ Varsavja, il-Polonja))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) 2017/1001 – Artikolu 9(2) u (3) – Drittijiet mogħtija minn trade mark tal-Unjoni – Użu minn terz ta’ sinjal identiku jew simili – Partijiet ta’ bdil tal-karozzi – Grilji tar-radjatur – Element għall-iffissar għall-inseriment tal-emblema tal-manifattur tal-karrozzi – Artikolu 14(1)(c) u (2) – Limitazzjoni tal-effetti ta’ trade mark tal-Unjoni – Użu ta’ sinjal identiku jew simili sabiex jindika l-għan ta’ prodott bħala aċċessorji jew partijiet ta’ bdil – Prattiki onesti fil-qasam kummerċjali u industrijali – Kriterji ta’ evalwazzjoni)






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2017/1001 (2), kif ukoll tal-Artikolu 14(1)(c) u (2) ta’ dan ir-regolament.

2.        It-talba saret f’kawża bejn Audi AG, manifattur tal-karozzi u tal-aċċessorji tal-karozzi, u GQ, bejjiegħ bl-ingrossa ta’ partijiet ta’ bdil li jbigħ dawn il-prodotti fuq sit internet. It-tilwima tikkonċerna ksur allegat minn GQ tad-drittijiet mogħtija lil Audi AG minn trade mark figurattiva tal-Unjoni li hija tiddetjeni.

3.        Din il-kawża hija bbażata fuq il-portata tal-protezzjoni tad-dritt esklużiv mogħti minn trade mark tal-Unjoni u fuq il-limitazzjonijiet tal-effetti ta’ din it-trade mark sabiex tippermetti lil terzi l-użu fil-kummerċ. Il-kawża tirrappreżenta opportunità għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament 2017/1001 fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ partijiet ta’ bdil, b’mod partikolari għall-karozzi.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      IrRegolament 2017/1001

4.        L-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001, bl-intestatura “Drittijiet mogħtija minn trademark tal-UE”, jipprevedi:

“1.      Ir-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE għandha tagħti drittijiet esklużivi lill-proprjetarju.

2.      Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetarji li jkunu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni jew id-data ta’ prijorità tat-trademark tal-UE, il-proprjetarju ta’ dik it-trademark tal-UE għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi kull parti terza, li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu, li tuża, fil-proċess normali tan-negozju, marbut mal-oġġetti jew servizzi, kwalunkwe sinjal fejn:

(a)      is-sinjal ikun identiku għat-trademark tal-UE u jintuża b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE;

(b)      is-sinjal ikun identiku jew simili għat-trademark tal-UE u jintuża b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi, jew simili, għall-oġġetti jew is-servizzi li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE, jekk ikun hemm il-probabbiltà li ssir konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trademark;

[…]

3.      Dawn li ġejjin, b’mod partikolari, jistgħu jiġu pprojbiti skont il-paragrafu 2:

(a)      it-twaħħil ta’ sinjal mal-oġġetti jew mal-imballaġġ ta’ dawk l-oġġetti;

(b)      l-offerta ta’ oġġetti, it-tqegħid fis-suq, jew il-ħżin tagħhom għal dawk l-għanijiet taħt is-sinjal, jew l-offerta jew il-provvista ta’ servizzi b’dak l-istess sinjal;

(c)      l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti taħt is-sinjal;

[…]”

5.        L-Artikolu 14 tar-Regolament 2017/1001, bl-intestatura “Limitazzjoni tal-effetti ta’ trademark tal-UE”, jipprevedi:

“1.      Trademark tal-UE ma għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi li, fil-proċess normali tan-negozju, parti terza tuża:

(a)      l-isem jew l-indirizz tal-parti terza, fejn dik il-parti terza tkun persuna fiżika;

[…]”

(c)      it-trademark tal-UE għall-fini tal-identifikazzjoni jew biex issir referenza għal oġġetti jew servizzi bħala dawk tal-proprjetarju ta’ dik it-trademark, b’mod partikolari fejn l-użu ta’ dik it-trademark ikun neċessarju biex jiġi indikat l-għan maħsub ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts.

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika biss fejn l-użu li jsir minn parti terza tikkonforma ma’ prattiki onesti f’materji industrijali jew kummerċjali.”

B.      IrRegolament (KE) Nru 6/2002

6.        L-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (3), bl-intestatura “Drittijiet ikkonferiti bid-disinn Komunitarju”, jistipula:

“1.      Disinn Komunitarju rreġistrat għandu jikkonferixxi fuq il-pussessur tiegħu id-dritt esklużiv li jużah u jipprevjeni kull parti terza li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu milli tużah. L-użu msemmi hawn fuq għandu jkopri, b’mod partikolari, l-għemil, l-offerta, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li jiġi applikat fih jew il-ħażna ta’ dan il-prodott għal dawn l-għanijiet.

[…]”

7.        L-Artikolu 110 tar-Regolament Nru 6/2002, bl-intestatura “Dispożizzjoni transitorja”, jipprevedi:

“1.      Saż-żmien li l-emendi għal dan ir-Regolament jidħlu fi-seħħ fuq proposta mill-Kummissjoni dwar dan is-suġġett, il-protezzjoni bħala disinn Komunitarju ma għandhiex teżisti għal disinn li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott ikkumplikat użat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 19(1) bl-għan tat-tiswija ta’ dan il-prodott kompless hekk li tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tiegħu.

[…]”

III. Ilfatti u ddomandi magħmula

8.        Ir-rikorrenti, Audi AG, hija impriża stabbilita f’Ingolstadt (il-Ġermanja) li għandha drittijiet esklużivi għat-trade mark figurattiva tal-Unjoni murija hawn taħt, irreġistrata taħt Nru 000018762, inter alia, fillKlassi 12 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice (vetturi, partijiet ta’ bdil, aċċessorji tal-karozzi). It-trade mark hija sinjal magħmul minn erba’ ċrieki maġenb xulxin u li huma sovrappożti orizzontalment, li r-rikorrenti tirriproduċi u tuża bħala l-emblema tagħha:

Image not found

9.        Il-konvenut, GQ, huwa persuna fiżika attiva fil-bejgħ ta’ partijiet ta’ bdil tal-karozzi. Huwa ma joffrix dawn il-prodotti direttament lill-konsumaturi, iżda jbigħhom lil distributuri oħra. Bejn l‑1986 u l‑2017, il-konvenut irreklama u offra għall-bejgħ fuq is-sit internet tiegħu grilji tar-radjatur magħmulin apposta u ddisinjati għal mudelli Audi antiki mis-snin tmenin u disgħin. Dawn il-grilji tar-radjatur, bħal dawk oriġinali, kienu jinkludu spazju minqux għall-inseriment u l-iffissar tal-emblema tal-manifattur tal-karozza, li jikkorrispondi għall-kontorn tat-trade mark tal-Unjoni tar-rikorrenti.

10.      Mill‑2017, ir-rikorrenti bdiet proċeduri ġudizzjarji kontra l-konvenut, bil-għan li timblokka l-offerta ta’ bejgħ ta’ partijiet ta’ bdil mhux oriġinali li l-forma ta’ ċerti elementi fihom ikkorrispondew, parzjalment jew kompletament, għat-trade mark tar-rikorrenti. B’mod partikolari, f’Mejju 2020, ir-rikorrenti talbet mandat quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, sabiex tipprojbixxi lill-konvenut milli jimporta, joffri, jikkummerċjalizza u jirreklama grilji tar-radjatur li ma humiex oriġinali b’sinjal identiku jew simili għat-trade mark tal-Unjoni tagħha. Ir-rikorrenti talbet ukoll il-qerda ta’ 70 grilja tar-radjatur tal-karozzi maqbuda mid-dwana.

11.      Il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex tagħti deċiżjoni fil-kawża, hija għandha tiddetermina jekk il-portata tal-protezzjoni tat-trade mark tal-Unjoni tar-rikorrenti – li, skont din il-qorti, għandha karattru distintiv ħafna, hija magħrufa sew fil-Polonja u hija assoċjata b’mod ċar mar-rikorrenti – testendix ukoll għall-element li jippermetti l-inseriment u l-iffissar tal-emblema tal-manifattur tal-karozzi fuq grilja tar-radjatur u li, minħabba l-forma tiegħu, huwa identiku jew simili b’mod li joħloq konfużjoni ma’ din it-trade mark.

12.      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju għandha dubji, fl-ewwel lok, dwar jekk l-element għall-inseriment u l-iffissar tal-emblema tal-manifattur tal-karozzi fuq grilja tar-radjatur għandux il-funzjoni ta’ trade mark, jiġifieri li jindika l-oriġini tal-prodott. Dan id-dubju jqum anki jekk wieħed jassumi li l-element imsemmi jikkorrispondi għall-forma tal-emblema tal-manifattur u għalhekk jista’ jitqies identiku jew, għall-inqas, simili b’mod li joħloq konfużjoni mat-trade mark tal-Unjoni tagħha.

13.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-assenza, fid-dritt tat-trade marks tal-Unjoni, ta’ dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 – il-“klawżola ta’ tiswija” – li, fir-rigward tad-disinni tal-Unjoni, teskludi l-protezzjoni għal disinn li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless għall-finijiet tat-tiswija ta’ dan il-prodott sabiex terġa’ tingħata d-dehra oriġinali tiegħu. Hija tqis ukoll li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2) u (3) tar-Regolament 2017/1001 għandha tkun iggwidata mill-għan tad-dritt tat-trade marks tal-Unjoni li tipproteġi kompetizzjoni mhux imxekkla u l-interess tal-konsumaturi sabiex ikunu jistgħu jagħżlu jekk jixtrux partijiet ta’ bdil tal-karozza li huma oriġinali jew li ma humiex oriġinali.

14.      Fit-tieni lok, jekk jiġi aċċettat li l-element ta’ inseriment u ffissar tal-emblema ta’ manifattur tal-karozzi grilja tar-radjatur kellu l-funzjoni ta’ trade mark, titqajjem id-domanda wkoll, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, dwar jekk l-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 jippermettix lil bejjiegħ ta’ partijiet ta’ bdil jikkummerċjalizza grilji li ma humiex oriġinali li jkollhom dan l-element. F’każ ta’ risposta affermattiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema kriterji ta’ evalwazzjoni għandhom jiġu applikati sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trade mark tal-Unjoni ntużatx skont prattiki onesti fil-qasam kummerċjali u industrijali, kif rikjest mill-Artikolu 14(2) tar-Regolament 2017/1001.

15.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(a)      L-Artikolu 14(1)(c) tar-[Regolament 2017/1001] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-proprjetarju tat-trade mark jew lill-qorti milli jipprojbixxu lil terzi l-użu fil-kummerċ ta’ sinjal, identiku jew simili b’mod li joħloq konfużjoni, ta’ trade mark tal-Unjoni, fir-rigward ta’ spare parts tal-karozzi (apparat li jkessaħ l-arja/grilji tar-radjatur), fejn dan is-sinjal ikun jikkostitwixxi struttura għall-iffissar ta’ aċċessorju tal-karozzi (emblema li tirrifletti trade mark tal-Unjoni), u:

–        fejn minn perspettiva teknika jeżistu possibbiltajiet ta’ twaħħil tal-emblema oriġinali li tirrifletti trade mark tal-Unjoni ma’ spare part ta’ karozza (apparat li jkessaħ l-arja/grilja tar-radjatur) mingħajr ir-riproduzzjoni, fuq dawn il-parts, ta’ sinjal identiku jew simili b’mod li joħloq konfużjoni għat-trade mark tal-Unjoni;

jew f’sitwazzjoni

–        fejn minn perspettiva teknika ma huwiex possibbli t-twaħħil tal-emblema oriġinali li tirrifletti trade mark tal-Unjoni ma’ spare part ta’ karozza (apparat li jkessaħ l-arja/grilja tar-radjatur) mingħajr ir-riproduzzjoni, fuq dawn il-parts, ta’ sinjal identiku jew simili b’mod li joħloq konfużjoni għat-trade mark tal-Unjoni?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

(b)      Liema kriterji ta’ evalwazzjoni għandhom jiġu applikati f’dawn il-każijiet biex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk l-użu ta’ trade mark tal-Unjoni huwiex konformi mal-prattiki onesti fil-qasam kummerċjali u industrijali?

(c)      L-Artikolu 9(2) u (3)(a) tar-Regolament 2017/1001 għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ fejn it-trade mark huwa element tal-forma ta’ spare part u fl-assenza, [f’dan ir-regolament] ta’ klawżola ekwivalenti għall-klawżola ta’ tiswija fl-Artikolu 110(1) tar-[Regolament Nru 6/2002], f’tali sitwazzjoni t-trade mark ma jissodisfax funzjoni ta’ indikazzjoni tal-oriġini?

(d)      L-Artikolu 9(2) u (3)(a) tar-Regolament 2017/1001 għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ fejn l-element għall-iffissar tat-trade mark, li jirrifletti l-forma tat-trade mark jew huwa simili għaliha b’mod joħloq konfużjoni, huwa element tal-forma ta’ spare part u fl-assenza, [f’dan ir-regolament] ta’ klawżola ekwivalenti għall-klawżola ta’ tiswija fl-Artikolu 110(1) tar-[Regolament Nru 6/2002], l-element għall-iffissar ma jistax jitqies bħala trade mark li tissodisfa funzjonijiet ta’ indikazzjoni tal-oriġini anki jekk dan ikun identiku għat-trade mark jew huwa simili għaliha b’mod li joħloq konfużjoni?”

IV.    Evalwazzjoni

16.      Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel, jekk l-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 jistax jiġi interpretat fis-sens li bejjiegħ ta’ partijiet ta’ bdil tal-karozzi li ma humiex oriġinali, jiġifieri grilji tar-radjatur, huwa awtorizzat jikkummerċjalizza dawn il-partijiet meta dawn jinkludu element għall-inseriment u l-iffissar tal-emblema ta’ manifattur tal-karozzi u li, minħabba l-forma tiegħu, huwa identiku jew simili b’mod li joħloq konfużjoni għal trade mark tal-Unjoni miżmuma minn dan il-manifattur.

17.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel din id-domanda billi tirreferi għal żewġ eventwalitajiet plawżibbli, jiġifieri, skont jekk huwiex teknikament possibbli jew teknikament impossibbli l-inseriment u l-iffissar tal-emblema ta’ dan il-manifattur mingħajr ma tiġi rriprodotta t-trade mark tiegħu (l-ewwel domanda (a)). F’każ li d-domanda preċedenti tingħata risposta affermattiva f’dawn iż-żewġ eventwalitajiet jew f’xi waħda minnhom, il-qorti tar-rinviju tistaqsi allura liema jkunu l-kriterji sabiex jiġi evalwat jekk dan l-użu huwiex, kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2) tar-Regolament 2017/1001, konformi mal-prattiki onesti fil-qasam kummerċjali u industrijali (l-ewwel domanda (b)).

18.      It-tieni, il-qorti tar-rinviju tixtieq tivverifika jekk l-element ta’ grilja tar-radjatur li jservi għall-inseriment u l-iffissar tal-emblema tal-manifattur tal-karozzi u li għalhekk jirriproduċi l-forma ta’ trade mark figurattiva tal-Unjoni jistax jitqies bħala trade mark li tissodisfa l-funzjoni tal-indikazzjoni tal-oriġini skont l-Artikolu 9(2) u (3) tar-Regolament 2017/1001 (l-ewwel domanda (c) u (d)) (4).

19.      L-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-limitazzjonijiet għad-dritt esklużiv li jirriżulta minn trade mark tal-Unjoni, kif previst fl-Artikolu 14 tar-Regolament 2017/1001, hija rilevanti biss sa fejn ikun hemm ksur ta’ dan id-dritt esklużiv, li l-portata tiegħu hija definita fl-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001 (5). Għal din ir-raġuni, ser nirrispondi, fl-ewwel lok, għall-punti (c) u (d) tal-ewwel domanda flimkien u, sussegwentement, il-punti (a) u (b) ta’ dik l-istess domanda.

A.      Lewwel domanda (c) u (d)

20.      L-ewwel domanda (c) u (d) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001. Essenzjalment, iż-żewġ partijiet ta’ din id-domanda jirrikjedu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk l-inklużjoni ta’ kostruttur indipendenti ta’ element fi grilja tal-karozzi għall-finijiet tal-inseriment u l-iffissar ta’ emblema tal- manifattur tal-karozzi, li jirriproduċi l-forma ta’ trade mark tal-Unjoni miżmuma minn dan il-manifattur, tikkostitwix użu ta’ sinjal fil-proċess normali tan-negozju fis-sens ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

21.      Bħala osservazzjoni preliminari, huwa importanti li jitfakkar li, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2017/1001, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni tagħti lill-proprjetarju drittijiet esklużivi li, skont l-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-regolament, jintitolaw lil dak il-proprjetarju mpedixxi lil kull terz li ma jkollux il-kunsens tiegħu, li juża, fil-proċess normali tan-negozju, kwalunkwe sinjal, identiku jew simili, marbut ma’ oġġetti jew ma’ servizzi fejn ċerti kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti.

22.      L-Artikolu 9(3) tar-Regolament 2017/1001 jelenka, b’mod mhux eżawrjenti, it-tipi ta’ użu li jistgħu jiġu pprojbiti mill-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni. Dawn jinkludu t-twaħħil tas-sinjal mal-oġġetti jew mal-imballaġġ tagħhom (il-punt (a)); l-offerta ta’ oġġetti, it-tqegħid fis-suq, jew il-ħżin tagħhom għal dawk l-għanijiet taħt dan is-sinjal (il-punt (b)), u l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti taħt is-sinjal imsemmi (il-punt (c)) (6).

23.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt esklużiv tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni jingħata sabiex jippermettilu jipproteġi l-interessi speċifiċi tiegħu bħala proprjetarju, jiġifieri sabiex jiġi żgurat li t-trade mark tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet proprji tagħha. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu għalhekk ikun irriżervat għall-każijiet li fihom l-użu ta’ sinjal minn terz jippreġudika jew jista’ jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark. Dawk jindikaw nmhux biss il-funzjoni essenzjali tat-trade mark li hija dik li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz, iżda wkoll il-funzjonijiet l-oħra tagħha, bħal b’mod partikolari, dik li tiggarantixxi l-kwalità ta’ dan il-prodott jew ta’ dan is-servizz, jew dawk tal-komunikazzjoni, tal-investiment jew tar-reklamar (7).

24.      Minn dan isegwi li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni ma jistax jopponi l-użu ta’ sinjal identiku, jew simili b’mod li joħloq konfużjoni, mat-trade mark fuq il-bażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001 jekk dan l-użu ma jkun jista’ jippreġudika ebda waħda mill-funzjonijiet ta’ din it-trade mark (8).

25.      F’din il-kawża, l-ewwel għandi nfakkar li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma grilji tar-radjatur tal-karozzi li ma humiex oriġinali, li jirriproduċu l-mudelli oriġinali skont id-dritt tal-disinji(9). Dawn il-grilji huma partijiet ta’ bdil maħsuba sabiex jgħattu u jipproteġu r-radjatur tal-karozza bħala komponent tas-sistema tat-tkessiħ tal-magna. Il-grilji tar-radjatur huma partijiet esterni u viżibbli tal-karozzerija ta’ karozza u għandhom impatt konsiderevoli fuq id-dehra ta’ quddiem tagħha. Il-pożizzjoni tagħhom tagħmilhom vulnerabbli fil-każ ta’ ħabta frontali. Barra minn hekk, huwa komuni għall-manifatturi tal-karozzi li jiddisinjaw il-grilja tar-radjatur tal-karozzi tagħhom sabiex jinkludu element għall-inseriment u l-iffissar tal-emblema tagħhom, ħafna drabi f’finitura tal-kromju, li tirriproduċi trade mark irreġistrata preċedentement miżmuma minnhom.

26.      Il-post għall-inseriment u l-iffissar tal-emblema tal-manifattur tal-karozzi jifforma parti integrali mill-grilja tar-radjatur, li normalment ikun fit-terz ta’ fuq fin-nofs tal-parti ta’ quddiem tal-karozza. Dan l-element huwa ffurmat minn spazju minqux għall-inseriment tal-emblema u minn sensiela ta’ fetħiet għall-iffissar tagħha. B’mod simili, in-naħa ta’ wara tal-emblema jkollha msiemer għat-twaħħil tal-emblema mal-grilja. Huwa importanti li wieħed jiftakar li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża ma jirrigwardawx ir-riproduzzjoni tal-emblema ta’ manifattur tal-karozzi bħala tali, iżda l-post previst għat-twaħħil ta’ dan l-aċċessorju mal-grilja tar-radjatur, li, skont id-definizzjoni, għandu l-forma tal-kontorn tal-emblema nnifisha.

27.      Fit-tieni lok, fir-rigward tad-domanda ta’ jekk element bħal dak deskritt qabel jikkostitwixxix sinjal li jista’ jippreġudika l-funzjonijiet ta’ trade mark, kif titlob il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq, nixtieq infakkar, qabel kollox, li t-terminu “sinjal” użat fl-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001 ma huwa ddefinit fl-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-regolament. Madankollu, kif isostnu r-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni Ewropea u l-konvenut fil-kawża prinċipali, kundizzjoni essenzjali għall-kunċett tat-terminu “sinjal” hija l-karattru distint u awtonomu tiegħu fir-rigward tal-prodott li jindika. Fi kliem ieħor, sabiex jiġi konkluż li element ta’ prodott jiffunzjona bħala sinjal, għandu jiġi pperċepit bħala indipendenti u distint mill-prodott innifsu.

28.      Nirrileva li dan il-fehim tal-kunċett tat-terminu “sinjal” ġie kkonfermat diversi drabi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ssostni, kif jistqarr il-konvenut, li sinjal ma jistax ikun sempliċi proprjetà tal-prodott ikkonċernat (10). Dan essenzjalment ifisser li sinjal ma jistax jiġi ekwiparat mal-komponenti ta’ dan il-prodott, speċjalment dawk li jaqdu biss funzjoni speċifika u li, minkejja li jkollhom impatt fuq id-dehra ġenerali tal-imsemmi prodott, ma humiex ipperċepiti bħala sinjal.

29.      Raġunament illustrattiv f’dan ir-rigward ġie pprovdut mill-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Dyson (11), fejn ikkonkluda, essenzjalment, li element funzjonali li jifforma parti mid-dehra ta’ prodott – reċipjent trasparenti li jagħmel parti mill-wiċċ estern ta’ vacuum cleaner – ma jissodisfax il-kundizzjonijiet rikjesti sabiex jikkostitwixxi sinjal peress li dan l-element ma huwiex kapaċi jiddistingwi l-merkanzija u s-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra (12).

30.      Fil-fehma tiegħi, dan huwa minnu wkoll fil-każ tal-element inkwistjoni f’din il-kawża, li, kif diġà ddeskrivejt fil-punti 25 u 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jikkostitwixxi l-appoġġ għal emblema ta’ manifattur tal-karozzi fi grilja tar-radjatur, u b’hekk jifforma parti mill-prodott innifsu u jissodisfa sempliċi funzjoni teknika. Din il-funzjoni teknika hija evidenti meta jitqies li l-ispazju minqux li jibqa’ fil-grilja tar-radjatur jintuża biss għall-inseriment u l-iffissar ta’ aċċessorju addizzjonali – l-emblema – u li, sabiex jaqdi dan il-għan speċifiku, għandu jiġi adattat skont il-kontorni ta’ dan l-aċċessorju.

31.      F’dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed jiftakar li l-għan tal-partijiet ta’ bdil tal-karozzi huwa li jissostitwixxu l-partijiet immuntati fil-bidument (13). Fil-każ ta’ elementi esterni, il-partijiet ta’ bdil huma primarjament maħsuba sabiex terġa’ tingħata dehra oriġinali tal-karozza msewwija. Inkella, is-sostituzzjoni ta’ parti mmuntata f’karozza tista’ taqa’ taħt il-prattika tal-irfinar (“tuning”), li jista’ wkoll jagħti dehra ġdida lil karozza, iżda kunċettwalment huwa differenti mit-tiswija ta’ dik il-karozza bil-għan li terġa’ tingħata d-dehra oriġinali tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt approvat dan il-fehim, u enfasizzat li l-iskop tat-tiswija jista’ jintlaħaq biss minn partijiet li huma identiċi fuq il-livell viżiv għall-partijiet oriġinali (14).

32.      Fil-fehma tiegħi, huwa evidenti li hija biss grilja tar-radjatur b’pożizzjoni ddisinjata b’tali mod li tippermetti l-inseriment u l-iffissar tal-emblema tal-manifattur tal-karozza, kif imfassla fil-grilja tar-radjatur oriġinali, li jippermetti li tiġi rreplikata d-dehra oriġinali tal-vettura. Konsegwentement, bħala partijiet ta’ bdil, il-grilji tar-radjatur jistgħu jservu sabiex terġa’ tingħata d-dehra oriġinali ta’ karozza biss jekk il-pożizzjoni għat-twaħħil tal-emblema tirriproduċi fedelment il-pożizzjoni pprovduta fil-grilja oriġinali. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal tipi oħra ta’ partijiet ta’ bdil bħal rimmijiet tar-roti u hubcaps, grilji tar-radjatur, minħabba l-pożizzjoni ta’ quddiem tagħhom fil-karozzerija tal-karozza, ma jistgħux jerġgħu jagħtu d-dehra oriġinali tal-karozza sakemm ma jkunux identiċi għall-prodott oriġinali. Dan jispjega għaliex il-grilji tar-radjatur b’dehra mhux identika ma jiġux offruti spiss fis-suq minn manifatturi indipendenti, ħlief meta jkunu maħsuba, kif diġà osservajt, għall-finijiet ta’ rfinar.

33.      Barra minn hekk, l-użu ta’ sinjal għall-finijiet tal-indikazzjoni ta’ oġġetti jew servizzi bħala li joriġinaw minn impriża partikolari għandu jiġi evalwat fil-kuntest tal-proċess normali tan-negozju (15). Din l-evalwazzjoni għandha ssir fid-dawl tal-perċezzjoni u l-ġudizzju tal-konsumatur li jista’ jkun attwalment interessat li jixtri partijiet ta’ bdil għal marka partikolari ta’ vettura. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva fid-deċiżjoni tar-rinviju li l-konvenuta fil-kawża prinċipali tbigħ il-partijiet ta’ bdil lil distributuri professjonali biss, li għalhekk għandhom jitqiesu bħala l-konsumatur medju tal-prodotti inkwistjoni f’din il-kawża (16).

34.      Huwa interessanti li sar studju empiriku reċenti, ippubblikat f’rivista akkademika speċjalizzata u li jirreplika l-premessi prinċipali tal-kawża preżenti, sabiex jiġi ddeterminat kif il-preżenza tat-trade mark oriġinali tal-manifattur fuq parti ta’ bdil taffettwa l-perċezzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-parti ta’ bdil u l-aspettattivi tal-kwalità tal-konsumaturi, b’mod partikolari fis-suq Pollakk (17).

35.      L-istudju jissuġġerixxi, l-ewwel, li l-kuntest tal-użu tas-sinjal jista’ jinnewtralizza l-impatt tiegħu bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali ta’ prodott, speċjalment, kif ġie diskuss waqt is-seduta għal din il-kawża, meta l-informazzjoni disponibbli matul il-bejgħ tal-grilji tar-radjatur jinkludi l-elementi ewlenin li ġejjin: (i) l-isem tal-prodott u l-mudelli ta’ karozzi li għalihom huwa applikabbli; (ii) il-prezz għal kull unità, normalment iktar baxx mill-parti ta’ bdil oriġinali; (iii) informazzjoni addizzjonali li l-parti ta’ bdil offruta min-negozjant ma hijiex oriġinali, u (iv) l-isem tal-manifattur indipendenti (18).

36.      It-tieni, l-istudju jispjega, abbażi tal-istħarriġ imwettaq, li l-bejjiegħa bl-imnut u l-workshops professjonali indikaw “b’mod qawwi” li l-partijiet ta’ bdil kienu ġejjin minn sors indipendenti, li wera li dawn il-bejjiegħa professjonali ma għandhomx it-tendenza li jiġu mqarrqa fir-rigward tal-oriġini tal-grilji tar-radjatur. Anki fil-każ tal-utenti finali, il-perċentwal li jindika l-manifattur oriġinali kien relattivament insinjifikattiv. Fuq dawn il-bażijiet, l-istudju jikkonkludi li l-professjonisti jidhru li jipperċepixxu t-trade mark tal-Unjoni tal-manifattur oriġinali fil-kuntest tal-bejgħ ta’ partijiet ta’ bdil minn sorsi indipendenti bħala deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-prodott – bħala element li jissodisfa skop tekniku – iktar milli bħala indikazzjoni tal-oriġini (19).

37.      Ċertament, studju empiriku ma jistax tkun l-uniku fattur deċiżiv fl-evalwazzjoni finali ta’ sitwazzjoni individwali fid-dritt tat-trade marks. Madankollu, l-istudju msemmi iktar ’il fuq juri li għandha ssir analiżi ċirkustanzjali fuq bażi ta’ każ b’każ sabiex jiġi ddefinit il-grad ta’ perċezzjoni tas-sinjal inkwistjoni mill-konsumaturi rilevanti. Għal dak il-għan, għandha tingħata attenzjoni partikolari, inter alia, lill-informazzjoni disponibbli matul il-proċess tal-bejgħ tal-parti ta’ bdil ikkonċernata u lill-karatteristiċi speċjali tas-suq ġeografiku inkwistjoni. Pereżempju, fil-każ tal-Polonja, jidher li ma hemmx diskussjoni fost il-partijiet fil-kawża preżenti li, peress li kwantitajiet sinjifikattivi ta’ karozzi użati u bil-ħsara għadhom jiġu importati f’dan l-Istat Membru min Stati Membri oħra. F’dak il-kuntest, karozzi antiki li jeħtieġu tiswija huma notevolment komuni fis-suq tal-karozzi tal-Polonja. Dan jagħmel is-suq tat-tiswija ta’ dan il-pajjiż żviluppat ħafna u magħruf sew lill-konsumaturi, li juru rieda li jsewwu karozzi antiki bħal dawn sabiex terġa’ tingħata d-dehra oriġinali tagħhom (20).

38.      Din il-konklużjoni hija konformi wkoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza Adam Opel (21), li ġiet iċċitata mid-dottrina (22) bħala illustrazzjoni tar-riproduzzjoni ta’ terz ta’ trade mark tal-Unjoni miżmuma minn manifattur tal-karozzi li ma tissodisfax il-funzjoni tal-indikazzjoni tal-oriġini ta’ prodott.

39.      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dik il-kawża, fir-rigward tal-użu, fuq mudelli mċekkna ta’ karozzi ġugarelli, ta’ trade mark tal-Unjoni proprjetà ta’ manifattur tal-karozzi, li ma kien hemm ebda effett negattiv fuq il-funzjoni ta’ din it-trade mark peress li il-pubbliku rilevanti ma jipperċepixxix l-emblema tal-karozzi li tidher fuq il-karozzi ġugarelli bħala indikazzjoni li l-mudelli mċekkna ġew minn dak il-manifattur jew minn impriża ekonomikament marbuta miegħu (23). Għal darba oħra, iċ-ċirkustanzi u l-prattiki partikolari fis-settur ikkonċernat kellhom rwol deċiżiv. Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-konstatazzjoni fattwali tal-qorti tar-rinviju li l-konsumatur medju tal-prodotti tal-industrija tal-ġugarelli kien imdorri b’mudelli mċekkna bbażati fuq eżempji reali u saħansitra tat importanza kbira lill-fedeltà assoluta għall-oriġinal, b’tali mod li l-konsumatur jipperċepixxi l-emblema tal-manifattur tal-karozza li tidher fuq il-karozzi ġugarelli bħala karatteristika tar-riproduzzjoni fuq skala mċekkna ta’ karozza, u mhux bħala indikazzjoni li l-karozza ġugarell stess tkun ħarġet minn dak il-manifattur (24).

40.      Fil-fehma tiegħi, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma biżżejjed sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja teskludi, f’din il-kawża, is-sempliċi riflessjoni tas-siluwett ta’ trade mark tal-Unjoni ta’ manifattur tal-karozzi, bħala parti minn riproduzzjoni fidila ta’ grilja tar-radjatur oriġinali u bl-iskop uniku tekniku tal-inseriment u l-iffissar tal-emblema ta’ dak il-manifattur, milli tissodisfa l-funzjonijiet ta’ trade mark u b’hekk milli tikkostitwixxi użu ta’ sinjal fil-proċess normali tan-negozju fis-sens tal-Artikolu 9(2) u (3) tar-Regolament 2017/1001 – speċjalment fejn jinqalgħu ċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti 35 u 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa dan.

41.      Għal raġunijiet ta’ kompletezza, nixtieq ninnota wkoll li l-assenza, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ dispożizzjoni ekwivalenti għall-“klawżola ta’ tiswija” fid-dritt Komunitarju tad-disinni li, assenza li għaliha sar riferiment mill-qorti tar-rinviju fil-formulazzjoni tal-ewwel domanda, punti (c) u (d), hija irrilevanti sabiex tasal għall-konklużjoni preċedenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet, fid-digriet Ford Motor Company(25), li l-“klawżola ta’ tiswija” li tinsab fl-Artikolu 110 tar-Regolament Nru 6/2002 iġġib ċerti limitazzjonijiet biss għall-protezzjoni bħala disinni, mingħajr ma tirreferi bl-ebda mod għall-protezzjoni tat-trade marks (26). Din l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk teskludi li jittieħed inkunsiderazzjoni, fuq il-livell formali, il-“klawżola ta’ tiswija” tal-Artikolu 110 tar-Regolament Nru 6/2002 għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001.

42.      Madankollu, f’kawżi fejn id-dritt tat-trade marks tal-Unjoni tikkonverġi ma’ oqsma oħra tal-liġi tal-proprjetà intellettwali, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b’mod konsistenti dispożizzjonijiet ewlenin tar-Regolament 2017/1001 – u atti preċedenti qabilhom – sabiex tevita li tinnewtralizza l-għanijiet komuni segwiti minn dawn l-oqsma u sabiex jiġi żgurat li dawn l-għanijiet jintlaħqu bis-sħiħ, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi protetta sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq.

43.      Pereżempju, fis-sentenza Lego Juris (27), li kienet tikkonċerna l-intersezzjoni bejn id-dritt tat-trade marks u d-dritt tal-privattivi, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-ħtieġa li tipprevjeni li trade marks jingħataw monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew karatteristiċi utililitarji ta’ prodott (28). B’mod partikolari il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, meta l-forma ta’ prodott kull ma tagħmel huwa li tinkorpora s-soluzzjoni teknika implementata mill-manifattur ta’ dan il-prodott u privattivata fuq l‑‑applikazzjoni tiegħu, protezzjoni ta’ din il-forma bħala trade mark wara l‑‑iskadenza ta; privattiva tnaqqas kunsiderevolment u perpetwalment il-possibbiltà għall-impriżi l-oħra li jużaw din is-soluzzjoni teknika (29). Deċiżjonijiet bħal dawk mogħtija fis-sentenza Lego Juris juru biċ-ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha s-sens komun li tadotta interpretazzjoni koerenti u realistika tal-oqsma kollha tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, u b’hekk tevita l-ħolqien ta’ monopolji u tipproteġi l-interess tal-konsumaturi li jaċċessaw prodotti jew servizzi ġejjin minn sorsi varji ħafna.

44.      F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li l-attività ta’ manifattura u distribuzzjoni ta’partijiet ta’ bdil għal vetturi bil-mutur hija mwettqa essenzjalment fi tliet segmenti tas-suq: (a) il-partijiet ta’ bdil immanifatturati minn manifatturi tal-karozzi; (b) il-partijiet immanifatturati minn operaturi għajr manifatturi tal-karozzi, ħafna drabi f’isem jew b’kooperazzjoni ma’ manifatturi tal-karozzi, u (c) il-partijiet immanifatturati minn manifatturi indipendenti li ma humiex fornuti lill-manifatturi tal-karozzi iżda li huma prodotti skont speċifikazzjonijiet u standards ta’ manifattura fornuti minn dawk il-manifatturi tal-karozzi (30). Evidentement, interpretazzjoni wiesgħa tat-terminu “sinjal” li jinsab fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001 ikollha, bħala konsegwenza, li tiffavorixxi l-ħolqien ta’ monopolju fuq it-tiswija ta’ grilji tar-radjatur sabiex terġa’ tingħata d-dehra oriġinali li jibbenefika l-manifatturi tal-karozzi – li jaġixxu jew b’mod awtonomu jew permezz ta’ liċenzji ma’ bejjiegħa indipendenti. Dawk l-effetti, li jistgħu jillimitaw l-għażliet tal-konsumaturi u jimpattaw l-għanjiet ta’ strumenti leġiżlattivi fid-dritt tal-Unjoni ta’ disinji (31), ikunu manifesti kieku l-manifatturi tal-karozzi oġġezzjonaw, taħt id-dritt tal-Unjoni tat-trade marks, tal-kummerċjalizzazzjoni, minn bejjiegħa indipendenti ta’ grilji tar-radjatur li ma jkunux oriġinali li għandhom element għall-inserzjoni jew l-iffissar tal-emblema tagħhom (32).

45.      Huwa għal dawn ir-raġunijiet li, minkejja li, kif diġà spjegajt, il-“klawżola ta’ tiswija” ma hijiex applikabbli f’din il-kawża, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tar-Regolament 2017/1001, u minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa l-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament li huwa intiż li jirrikonċilja l-interessi fundamentali tal-protezzjoni tat-trade marks fi ħdan sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta (33), attenzjoni għandha tingħata attenzjoni lill-konsegwenzi ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt tat-trade marks tal-Unjoni, li tista’ wkoll tippreġudika l-għanijiet segwiti minn qasam qrib id-dritt tal-proprjetà intellettwali tal-Unjoni, jiġifieri d-dritt tad-disinni, maħsub sabiex iwessa’ l-għażla għall-konsumaturi tal-partijiet għal bdil għall-kosumaturi, bejn manifatturi indipendenti u mhux indipendenti.

46.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 9(3)(a) tar-Regolament 2017/1001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li li l-inklużjoni ta’ element fi grilja tar-radjatur li ma hijiex oriġinali għall-inseriment u l-iffisssar tal-emblema tal-manifattur tal-karozza li tirriproduċi l-forma ta’ trade mark figurattiva tal-Unjoni miżmuma minn dak il-manifattur jew simili għaliha b’mod li joħloq konfużjoni ma tikkostitwixxix użu ta’ sinjal fil-proċess normali tan-negozju fis-sens ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, speċjalment meta jinqalgħu ċ-ċirkustanzi msemmija f’dawn il-konklużjonijiet fir-rigward tal-proċess ta’ bejgħ ta’ dawn il-grilji tar-radjaturi u għal dan is-suq ġeografiku kkonċernat, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa dan.

B.      L-ewwel domanda (a)

47.      Kif għidt fil-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tar-Regolament 2017/1001, hija prekundizzjoni li jiġi stabbilit ksur ta’ trade mark tal-Unjoni minn terz. Għall-finijiet ta’ din il-kawża, dan ifisser li huwa biss li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha ma taqbilx dwar ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda (c) u (d) u tikkunsidra li l-inklużjoni tal-element inkwistjoni f’din il-kawża kienet tikkostitwixxi użu ta’ sinjal fil-proċess normali tan-negozju, fis-sens tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001, li tkun meħtieġa risposta għall-ewwel domanda (a) u (b) magħmula mill-qorti tar-rinviju.

48.      B’mod partikolari, permezz tal-ewwel domanda (a), dik il-qorti tixtieq tivverifika jekk l-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 jippermettix li bejjiegħ ta’ grilji tar-radjatur li ma humiex oriġinali jikkummerċjalizza dawn il-prodotti meta jkunu jinkorporaw element għall-finijiet tal-inseriment u l-iffissar tal-emblema tal-manifattur tal-karozza u li, minħabba l-forma tiegħu, ikun identiku jew simili b’mod li joħloq konfużjoni għal trade mark tal-Unjoni ta’ dak il-manifattur.

49.      Kif diġà rrilevajt, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni tagħti lill-proprjetarju drittijiet esklużivi li jagħtu d-dritt lil dan il-proprjetarju li jimpedixxi lil terzi li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-proċess normali tan-negozju kwalunkwe sinjal, identiku jew simili, fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi. Id-drittijiet esklużivi mogħtija lill-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni, madankollu, huma suġġetti għal-limitazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 14 tar-Regolament 2017/1001.

50.      B’mod iktar speċifiku, skont l-Artikolu 14(1)(c) ta’ dan ir-regolament, trade mark tal-Unjoni ma għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju jimpedixxi lil terz milli juża, fil-proċess normali tan-negozju, it-trade mark tal-Unjoni għall-finijiet ta’ identifikazzjoni jew riferiment għal prodotti jew servizzi bħala dawk tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark, b’mod partikolari fejn l-użu ta’ din it-trade mark huwa meħtieġ sabiex jindika l-għan maħsub ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew partijiet ta’ bdil.

51.      Bħala osservazzjoni preliminari, nixtieq infakkar li, minkejja li l-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 jirreferi, minn perspettiva letterali, għall-użu ta’ “trade mark tal-Unjoni” minn terz għall-fini tal-identifikazzjoni jew biex isir riferiment għal oġġetti jew servizzi, din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem bħala applikabbli meta dan it-terz ma jużax trade mark tal-Unjoni bħala tali, iżda sinjal li jitqies li huwa identiku jew simili b’mod li joħloq konfużjoni. Wara kollox, l-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 jistabbilixxi difiża kontra l-allegazzjoni li l-Artikolu 9 ta’ dan l-istess regolament inkiser, li, kif diġà spjegajt fl-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda (c) u (d), tirreferi sempliċement għall-użu ta’ sinjal fil-kuntest tan-negozju. F’din il-kawża, dan ifisser li l-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 xorta jista’ jiġi applikat għall-fatti tal-kawża prinċipali anki jekk jitqies li l-konvenut ma użax it-trade mark tal-Unjoni tar-rikorrenti fuq il-grilji tar-radjatur tiegħu, iżda biss, kif tinnota l-qorti tar-rinviju, sinjal simili b’mod li joħloq konfużjoni.

52.      Barra minn hekk, huma importanti li jiġi rrilevat li, fis-sentenza Gillette (34), il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tinterpreta l-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 89/104/KEE (35). Din id-dispożizzjoni ġiet imħassra u bħalissa hija applikabbli fir-rigward tat-trade marks nazzjonali bis-saħħa tal-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 (36) li huwa l-kontroparti tal-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament 2017/2001.

53.      Fit-tilwima li tat lok għas-sentenza Gillette, impriża kienet qiegħda tbigħ imwies tal-leħja li kellhom manku u xafra sostitwibbli u xfafar simili għal dawk ikkummerċjalizzati minn Gillette Company, il-proprjetarja tat-trade marks Gillette u Sensor. Dawn ix-xfafar kienu qegħdin jinbigħu taħt it-trade mark Parason Flexor u fuq l-imballaġġ tagħhom kien hemm tikketta tgħid: “Il-mankijiet kollha [Parason] Flexor u Gillette Sensor huma kompatibbli ma’ din ix-xafra”(37). L-impriża kkonċernata ma kinitx awtorizzata b’liċenzja ta’ trade mark jew b’xi kuntratt ieħor sabiex tuża t-trade marks proprjetà ta’ Gillette Company. F’dawk iċ-ċirkustanzi, din tal-aħħar ippreżentat rikors quddiem qorti nazzjonali li fiha sostniet li din l-impriża kienet kisret it-trade marks reġistrati tagħha.

54.      Mis-sentenza Gillette jirriżulta li l-użu ta’ trade mark tal-Unjoni minn terz skont l-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 89/104 jiddependi fuq jekk l-iskop ta’ dan l-użu huwiex li jagħti informazzjoni intelliġibli u kompleta lill-pubbliku dwar l-iskop intiż tal-prodott li jikkummerċjalizza (38). Barra minn hekk, dan l-użu kellu jkun jkun neċessarju, jiġifieri, din l-imsemmija informazzjoni ma setatx, fil-prattika, tingħata lill-pubbliku minn terz mingħajr ma ntużat it-trade mark li ma hijiex tiegħu (39).

55.      Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li l-formulazzjoni tal-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 ma għadhiex tiffoka fuq ir-rekwiżit ta’ neċessitàa, u dan jissemma biss bħala illustrazzjoni fir-rigward ta’ “indikazzjoni tal-għan maħsub”. Konsegwentement, il-kriterju ewlieni u għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 għandu jkun jekk l-użu tat-trade mark tal-Unjoni minn terz jaqdix il-funzjoni li tidentifika jew tirreferi esklussivament għall-prodotti jew is-servizzi tat-trade mark (iktar ’il quddiem l-“użu ta’ riferiment” (40). Din id-difiża kontra allegazzjoni li l-Artikolu 9 ta’ dak l-istess regolament inkiser ma hijiex suġġetta għar-rekwiżit ta’ neċessità stabbilit fis-sentenza Gillette, li jibqa’ applikabbli għall-użu ta’ trade mark tal-Unjoni biss għall-iskop speċifiku ta’ indikazzjoni tal-għan maħsub ta’ prodott jew servizz (41).

56.      Il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux, minn naħa, dwar jekk l-użu ta’ sinjal bħala element ta’ grilja tar-radjatur jissodisfax l-funzjoni li jidentifika jew jirreferi esklużivament għall-prodotti jew is-servizzi tal-proprjetarju tat-trade mark. Huma ma jaqblux ukoll dwar jekk dak is-sinjal jistax jerġa; jintuża sabiex jinforma lill-pubbliku rilevanti dwar l-iskop maħsub tal-grilja tar-radjatur u dwar jekk ir-rekwiżit ta’ neċessità, applikabbli f’dak il-każ, jistax jiġi kkunsidrat bħala ta’ natura teknika iktar milli ta’ valur informattiv.

57.      F’dan ir-rigward, jien tal-fehma, l-ewwel, li l-użu tas-sinjal inkwistjoni f’din il-kawża ma jservix il-funzjoni li jidentifika jew jirreferi għall-oġġetti jew għas-servizzi bħala li ġejjin mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Ċertament, il-konsumaturi ta’ grilji tar-radjatur għandhom ikunu jistgħu jiksbu informazzjoni li parti ta’ bdil hija adattata jew maħsuba għal karozzi ta’ manifattur partikolari. Madankollu, huwa ċar, fil-fehma tiegħi, li l-inklużjoni ta’ element ta’ grilja ta’ radjatur, li jintuża biss sabiex jinserixxi u jiffissa aċċessorju addizzjonali – l-emblema tal-manifattur tal-karozza –,ma jammontax għal użu ta’ riferiment li fis-sens tal-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 (42) u mhux għan ta’ indikazzjoni.

58.      It-tieni nett, nikkunsidra għal raġunijiet simili li s-sinjal inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jinftiehem bħala indikazzjoni tal-għan maħsub tal-grilja tar-radjatur, b’mod partikolari bħala aċċessorju jew parti ta’ bdil. Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi l-kuntrarju, in-neċessità teknika li tintuża sinjal identiku, jew simili għat-trade mark ikkonċernata, ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ neċessità tal-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, peress li l-informazzjoni lill-konsumatur finali tibqa’ l-għan li għandu jiġi segwit bl-użu tat-trade mark. Fi kliem ieħor, neċessità teknika, hekk kif imsemmija mill-qorti tar-rinviju fil-formulazzjoni tal-ewwel domanda (a) ma tistax tiġi invokata sabiex jiġu limitati d-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark taħt l-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament 2017/1001.

59.      Minn dak li ntqal hawn fuq isegwi li l-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li bejjiegħ ta’ partijiet ta’ bdil tal-karozzi, jiġifieri ta’ grilji tar-radjatur, jikkummerċjalizza dawk il-partijiet meta dawn jinkludu element għall-inseriment u l-iffissar tal-emblema tal-manifattur tal-karozza u li, minħabba l-forma tiegħu, huwa identiku jew simili b’mod li joħloq konfużjoni għal trade mark tal-Unjoni ta’ dak il-manifattur.

C.      Lewwel domanda (b)

60.      Fir-rigward tal-ewwel domanda (b), risposta tingħata biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel domanda (a) b’mod kuntrarju għall-proposta tiegħi.. F’dak il-każ, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-użu tat-trade mark tal-Unjoni huwiex konformi ma’ prattiki onesti fil-qasam kummerċjali u industrijali fis-sens tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament 2017/1001.

61.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi gwida dettaljata f’dan ir-rigward (43).

62.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-użu ta’ trade mark ma huwiex konformi ma’ prattiki onesti fil-qasam kummerċjali u industrijali fejn, l-ewwel, isir b’tali mod li jista’ jagħti l-impressjoni li jkun hemm rabta kummerċjali bejn it-terz u l-proprjetarju tat-trade mark. Barra minn hekk, tali użu tat-trade mark ma jistax jaffettwa l-valur tagħha billi jieħu vantaġġ inġust min-natura distintiva jew ir-reputazzjoni tagħha. Barra minn hekk, trade mark ma tintużax skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament 2017/1001 jekk tiskredita jew timmalafama dik it-trade mark. Finalment, l-użu ta’ trade mark huwa wkoll inkompatibbli ma’ prattiki onesti fl-oqsma industrijali u kummerċjali fejn terz jippreżenta l-prodott tiegħu bħala imitazzjoni jew replika tal-prodott li għandu dik it-trade mark.

63.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-użu tat-trade mark kienx konformi ma’ prattiki onesti. Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, tliet elementi speċifiċi ta’ din l-evalwazzjoni jidhru li huma ta’ importanza partikolari fid-dawl tal-fatti tal-kawża.

64.      L-ewwel, kif irrilevajt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-użu ta’ trade mark ma huwiex konformi ma’ prattiki kummerċjali f’oqsma industrijali jew kummerċjali mu tan-negozju onesti meta tali użu “jiskredita jew jimmalafama” din it-trade mark (44). Fid-dawl tax-xebh bejn il-forma tat-trade mark użata għall-element ta’ ffissar u t-trade mark innifisha – jiġifieri l-emblema tal-manifattur tal-karozza – il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina, inter alia, jekk il-garanzija tal-kwalità tal-oġġetti offruti mill-konvenut hijiex rilevanti f’dak il-kuntest. Kwalità inferjuri għal dik żgurata mill-manifatturi tal-partijiet ta’ bdil oriġinali tista’ taffettwa ħażin il-funzjoni ta’ garanzija tal-kwalità tat-trade mark.

65.      It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-preżentazzjoni ta’ prodott bħala “imitazzjoni jew replika tal-prodott” tmur kontra l-prattiki onesti (45). Hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, fid-dawl tan-natura tal-partijiet ta’ bdil tal-prodotti inkwistjoni u x-xebh tagħhom mal-partijiet oriġinali, jekk il-konvenut ikunx ħa l-passi neċessarji sabiex jindika li l-prodotti kienu mmanifatturati minnu u sabiex jiżgura li ma jitqisux bħala imitazzjonijiet jew riproduzzjonijiet tal-partijiet oriġinali.

66.      It-tielet, fid-dawl tal-kundizzjonijiet simili għal dawk stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 (46), il-manifattur jew il-bejjiegħ ta’ partijiet ta’ bdil huwa suġġett għal dmir ta’ diliġenza fir-rigward tal-konformità mal-kundizzjonijiet rikjesti sabiex jiġi żgurat li l-utenti downstream jikkonformaw ma’ prattiki onesti fil-qasam kummerċjali u industrijali. B’mod partikolari, sabiex tiġi determinata l-konformità ma’ prattiki onesti, huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk il-manifattur ta’ partijiet ta’ bdil li ma humiex oriġinali jkunx ikkonforma mal-obbligu li jinforma lill-utent downstream fil-katina tal-provvista b’mod ċar u viżibbli billi jindika fuq prodott, l-imballaġġ, il-katalgi jew id-dokumenti tal-bejgħ tiegħu li dawn il-partijiet ma humiex prodotti mill-manifattur tal-partijiet ta’ bdil oriġinali. Għandu jiġi aċċertat ukoll jekk, b’mezzi xierqa, inklużi kuntrattwali, il-manifattur tal-partijiet ta’ bdil żgurax li l-utenti downstream fil-katina tal-provvista ma jinvolvux ruħhom fi prattiki li jistgħu jiżgwidaw l-oriġini tal-prodotti jew jiskreditaw it-trade mark inkwistjoni.

67.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra – kuntrarjament għall-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda (a) – li l-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 ippermetta l-użu ta’ trade mark tal-Unjoni f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 14(2) ta’ dan l-istess regolament għandu jiġi interpretat bħala li jirrikjedi, l-ewwel, li l-użu tat-trade mark tal-Unjoni ma jinvolvix skreditar jew malafama ta’ dikn it-trade mark; it-tieni, li l-utent ikun ħa l-passi meħtieġa sabiex jindika li l-prodotti kienu mmanifatturati minnu u sabiex jiżgura li ma jitqisux bħala imitazzjonijiet jew riproduzzjonijiet tal-parti oriġinali, u, it-tielet, li l-manifattur jew il-bejjiegħ tal-partijiet ta’ bdil huwa suġġett għal dmir ta’ diliġenza fir-rigward tal-konformità mal-kundizzjonijiet rikjesti sabiex jiġi żgurat li l-utenti downstream jikkonformaw ma’ prattiki onesti fl-oqsma kummerċjali jew industrijali.

V.      Konklużjoni

68.      Abbażi tal-analiżi esposta iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda (c) u (d) magħmula mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 9(2) u (3)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li l-inklużjoni ta’ element fi grilja tar-radjatur li ma hijiex oriġinali għall-inseriment u l-iffisssar tal-emblema tal-manifattur tal-karozza li tirriproduċi l-forma ta’ trade mark figurattiva tal-Unjoni miżmuma minn dak il-manifattur jew simili għaliha b’mod li joħloq konfużjoni ma tikkostitwixxix użu ta’ sinjal fil-proċess normali tan-negozju fis-sens ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, speċjalment meta jinqalgħu ċ-ċirkustanzi msemmija f’dawn il-konklużjonijiet fir-rigward tal-proċess ta’ bejgħ ta’ dawn il-grilji tar-radjaturi u għal dan is-suq ġeografiku kkonċernat, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa dan.

F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel domanda (c) u (d) magħmula f’sens oppost, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda (a) kif ġej:

(2)      L-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament 2017/1001,

għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li ma jippermettix li bejjiegħ ta’ partijiet ta’ bdil tal-karozzi, jiġifieri ta’ grilji tar-radjatur, jikkummerċjalizza dawk il-partijiet meta dawn jinkludu element għall-inseriment u l-iffissar tal-emblema tal-manifattur tal-karozza u li, minħabba l-forma tiegħu, huwa identiku jew simili b’mod li joħloq konfużjoni għal trade mark tal-Unjoni ta’ dak il-manifattur.

F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel domanda (a) magħmula f’sens oppost, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda (b) kif ġej:

(3)      L-Artikolu 14(2) tar-Regolament 2017/1001,

għandu jiġi interpretat bħala li jirrikjedi, l-ewwel, li l-użu tat-trade mark tal-Unjoni ma jinvolvix skreditar jew malafama ta’ din it-trade mark; it-tieni, li l-utent ikun ħa l-passi meħtieġa sabiex jindika li l-prodotti kienu mmanifatturati minnu u sabiex jiżgura li ma jitqisux bħala imitazzjonijiet jew riproduzzjonijiet tal-parti oriġinali, u, it-tielet, li l-manifattur jew il-bejjiegħ tal-partijiet ta’ bdil huwa suġġett għal dmir ta’ diliġenza fir-rigward tal-konformità mal-kundizzjonijiet rikjesti sabiex jiġi żgurat li l-utenti downstream jikkonformaw ma’ prattiki onesti fl-oqsma kummerċjali jew industrijali.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).


3 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 7, p. 14.


4      Fil-punti (c) u (d) tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tiddistingwi, sabiex tiddetermina jekk it-trade mark inkwistjoni f’din il-kawża tiddeterminax il-funzjoni li tindika l-oriġini, bejn, rispettivament, (i) jekk it-trade mark hijiex parti mill-forma ta’ parti tal-karozzi, u (ii) jekk din it-trade mark hijiex parti mill-element ta’ ffissar li huwa inkluż fil-forma ta’ parti tal-karozzi. Konformement mal-pożizzjoni ġenerali tal-partijiet, iż-żewġ punti tad-domanda jistgħu jiġu rriformulati fit-termini indikati f’dan il-punt.


5      Ara wkoll, f’dan ir-rigward, Hasselblatt, G., N., (ed.), European Union Trade Mark Regulation (EU) 2017/1001 – Article-by-Article Commentary, Beck, 2018, p. 431.


6      L-ewwel domanda (c) u (d) tirreferi biss għall-punt (a) tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament 2017/1001. Madankollu, fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali kif spjegati fid-deċiżjoni tar-rinviju, jidher li l-Artikolu 9(3)(b) u (c) ta’ dan ir-regolament għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll għall-għanijiet ta’ din il-kawża.


7      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Mitsubishi Shoji Kaisha u Mitsubishi Caterpillar Forklift Europe (C‑129/17, EU:C:2018:594, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8      Ara, f’dan il-għan, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et (C‑487/07, EU:C:2009:378, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9      Kif irrilevat iktar ’il fuq, ara l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002, li fih il-“klawżola ta’ tiswija”


10      Sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244, punt 27).


11      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Dyson (C‑321/03, EU:C:2006:558, konklużjoni).


12      Ibidem, punt 43.


13      Għal definizzjoni tat-terminu “partijiet ta’ bdil” fid-dritt tal-Unjoni, ara l-Artikolu 1(1)(h) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 461/2010 tas‑27 ta’ Mejju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur (ĠU 2010, L 129, p. 52), li jipprevedi li t-terminu jfisser “oġġetti li għandhom jiġu stallati fi jew fuq vettura bil-mutur ħalli jibdlu komponenti ta’ dik il-vettura”.


14      Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Acacia u D’Amato (C‑397/16 u C‑435/16, EU:C:2017:992, punti 75).


15      Sentenza tat‑23 ta’ Frar 1999, BMW (C‑63/97, EU:C:1999:82, punt 38, iktar ’il quddiem is-“sentenza BMW”).


16      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti ddeċidiet li, minħabba n-natura teknika, anki oneruża, tal-partijiet ta’ bdil għall-karozzi, li huma intiżi, fil-prinċipju, għal pubbliku ta’ speċjalisti u ta’ professjonisti, dan il-pubbliku ser jakkwistahom effettivament biss wara eżami bir-reqqa tal-proprjetajiet, tal-kompożizzjoni u ta’ karatteristiċi oħra tagħhom (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2019, MAN Truck & Bus vs EUIPO – Halla Holdings (MANDO) (T‑792/17, EU:T:2019:533, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Tischner, A., u Stasiuk, K., Spare Parts, Repairs, Trade Marks and Consumer Understanding, IIC – International Review of Intellectual Property and Competition Law, Nru 54, 2023, p. 42.


18      Ibidem, p. 44.


19      Ibidem p. 53.


20      Ibidem, p. 42.


21      Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel (C‑48/05, EU:C:2007:55) (“is-sentenza f’Adam Opel”).


22      Kur, A., u Senftleben, M., European Trade Mark Law – A commentary, Oxford University Press, 2017, p. 301.


23      Sentenza Adam Opel (punt 24).


24      Ibidem, punt 23.


25      Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Ford Motor Company (C‑500/14, EU:C:2015:680).


26      Ibidem, punt 39.


27      Sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI (C‑48/09 P, EU:C:2010:516, iktar ’il quddiem “is-sentenza Lego Juris”).


28      Ibidem, punt 43.


29      Ibidem, punt 46.


30      Din is-segmentazzjoni tas-suq tal-partijiet ta’ bdil tirriżulta indirettament mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar ftehimiet vertikali u prattiki miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur, b’mod partikolari mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 461/2010. Ara wkoll, Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, Market structure of motor vehicle visible spare parts in the EU, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021, p. 14, disponibbli hawn: https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/BRIE/2023/751401/EPRS_BRI(2023)751401_EN.pdf.


31      Fit‑28 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni ppubblikat proposti sabiex tirrevedi: (i) id-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-protezzjoni legali tad-disinni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Volum 21, p. 120) u (ii) ir-Regolament Nru 6/2002, bħala passi lejn il-ħolqien ta’ pakkett koerenti għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni dwar il-proprjetà intellettwali ppubblikat f’Novembru 2020 B’mod partikolari, l-Artikolu 19 tad-direttiva proposta u l-Artikolu 20a tar-regolament propost jirrelataw mal-“klawżola ta’ tiswija” u juru biċ-ċar li l-proprjetarju disinn relatat ma’ parti ta’ disinn ma jistax jeżerċita monopolju u ma jistax jostakola lil terz milli tqiegħed partijiet ta’ bdil fis-suq bil-għan li jsewwi prodott jew terġa’ tingħata d-dehra oriġinali tiegħu. Ara Parlament Ewropew, Revision of the EU legislation on design protection, Lulju 2023, p. 5, disponibbli hawn https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/BRIE/2023/751401/EPRS_BRI(2023)751401_EN.pdf


32      Ara f’dan ir-rigward, Kur, A., ‘As Good as New’ – Sale of Repaired or Refurbished Goods: Commendable Practice or Trade Mark Infringement?’, GRUR International, Oxford University Press, vol. 70, 2021, p. 236. Dan ikun iktar u iktar fir-rigward ta’ partijiet ta’ bdil għal mudelli ta’ karozzi li ma għadhomx jiġu prodotti mill-manifatturi, bħalma huwa l-każ tal-grilji tar-radjaturi kkonċernati fil-kawża prinċipali.


33      Ara, f’dan is-sens, inter alia, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Ford Motor Company (C‑500/14, EU:C:2015:680, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2005, Gillette Company u Gillette Group Finland, C‑228/03, EU:C:2005:177 (iktar ’il quddiem“is-sentenza Gillette”).


35      L-ewwel Direttiva tal-Kunsill tal‑21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92)


36      Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (riformulazzjoni) (ĠU 2015, L 336, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 110, p. 5).


37      Sentenza Gillette (punt 14).


38      Sentenza Gillette (punt 34).


39      Sentenza Gillette (punt 35). Ara wkoll is-sentenza BMW (punt 60).


40      Hasselblatt, G.N. (ed.), European Union Trade Mark Regulation (EU) 2017/1001 – Article-by-Article Commentary, Beck, 2018, p. 436.


41      Ara wkoll Kur, A, u Senftleben, M., European Trade Mark Law – A commentary, Oxford University Press, 2017, p. 420.


42      Ara l-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43      Ara s-sentenza Gillette (punti 41 sa 49), u s-sentenza BMW (punti 51, 52 u 61).


44      Sentenza Gillette (punt 44).


45      Sentenza Gillette (punt 45).


46      Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Acacia u D’Amato (C‑397/16 u C‑435/16, EU:C:2017:992, punti 85 sa 88).