Language of document : ECLI:EU:C:2024:76

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

25 ta’ Jannar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (UE) 2017/1001 – Artikolu 9(2) u (3)(a) sa (c) — Dritt mogħti mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Kunċett ta’ ‘użu fil-proċess normali tan-negozju ta’ trade mark’ – Artikolu 14(1)(c) – Limitazzjoni tal-effetti ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea – Dritt tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li jopponi l-użu minn terz ta’ sinjal identiku għal jew simili għat-trade mark fir-rigward ta’ partijiet ta’ bdil tal-karozzi – Element ta’ grilja tar-radjatur li jservi għall-iffissar ta’ emblema li tirrappreżenta t-trade mark ta’ manifattur ta’ vetturi bil-mutur”

Fil-Kawża C‑334/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura

Audi AG

vs

GQ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei (Relatriċi), J.-C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Ġunju 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Audi AG, minn J. Alchimionek, B. Kochlewski, M. Popielska u P. Siekierzyński, adwokaci,

–        għal GQ, minn E. Jaroszyńska-Kozłowska u S. Karpierz, radcowie prawni,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, J. Lachowicz u J. Sawicka, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard, A. Daniel u E. Timmermans, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn S. L. Kalėda, P. Němečková, J. Samnadda u B. Sasinowska, sussegwentement minn P. Němečková, J. Samnadda u B. Sasinowska, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Settembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2)(a) u (3)(a) kif ukoll tal-Artikolu 14(1)(c) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Audi AG u GQ minħabba allegat ksur tad-dritt mogħti minn trade mark tal-Unjoni Ewropea li tagħha Audi hija l-proprjetarja.

 Ilkuntest ġuridiku

 IrRegolament 2017/1001

3        L-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trademark tal-UE”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      Ir-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE għandha tagħti drittijiet esklużivi lill-proprjetarju.

2.      Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetarji li jkunu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni jew id-data ta’ prijorità tat-trademark tal-UE, il-proprjetarju ta’ dik it-trademark tal-UE għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi kull parti terza, li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu, li tuża, fil-proċess normali tan-negozju, marbut mal-oġġetti jew servizzi, kwalunkwe sinjal fejn:

(a)      is-sinjal ikun identiku għat-trademark tal-UE u jintuża b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE;

(b)      is-sinjal ikun identiku jew simili għat-trademark tal-UE u jintuża b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi, jew simili, għall-oġġetti jew is-servizzi li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE, jekk ikun hemm il-probabbiltà li ssir konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trademark;

(c)      is-sinjal ikun identiku jew simili għat-trademark tal-UE, irrispettivament minn jekk tintużax b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi, simili jew mhux simili għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE, meta din tal-aħħar ikollha reputazzjoni fl-Unjoni u meta l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ inġust min-natura distintiva jew ir-reputazzjoni tat-trademark tal-UE, jew ikun ta’ detriment għaliha.

3.      Dawn li ġejjin, b’mod partikolari, jistgħu jiġu pprojbiti skont il-paragrafu 2:

(a)      it-twaħħil ta’ sinjal mal-oġġetti jew mal-imballaġġ ta’ dawk l-oġġetti;

(b)      l-offerta ta’ oġġetti, it-tqegħid fis-suq, jew il-ħżin tagħhom għal dawk l-għanijiet taħt is-sinjal, jew l-offerta jew il-provvista ta’ servizzi b’dak l-istess sinjal;

(c)      l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti taħt is-sinjal;

(d)      l-użu tas-sinjal bħala isem kummerċjali jew tal-kumpannija jew parti minn isem kummerċjali jew tal-kumpannija;

(e)      l-użu tas-sinjal f’gazzetti kummerċjali u fir-riklamar;

f)      l-użu tas-sinjal f’reklamar komparattiv b’mod li jmur kontra d-Direttiva 2006/114/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (ĠU 2006, L 376, p. 21)].”

4        L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament intitolat “Limitazzjoni tal-effetti ta’ trademark tal-UE”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Trademark tal-UE ma għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi li, fil-proċess normali tan-negozju, parti terza tuża:

[…]

(c)      it-trademark tal-UE għall-fini tal-identifikazzjoni jew biex issir referenza għal oġġetti jew servizzi bħala dawk tal-proprjetarju ta’ dik it-trademark, b’mod partikolari fejn l-użu ta’ dik it-trademark ikun neċessarju biex jiġi indikat l-għan maħsub ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts.

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika biss fejn l-użu li jsir minn parti terza tikkonforma ma’ prattiki onesti f’materji industrijali jew kummerċjali.”

 IrRegolament (KE) Nru 6/2002

5        L-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142, intitolat “Drittijiet ikkonferiti bid-disinn Komunitarju”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 tiegħu:

“Disinn Komunitarju rreġistrat għandu jikkonferixxi fuq il-pussessur tiegħu id-dritt esklużiv li jużah u jipprevjeni kull parti terza li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu milli tużah. L-użu msemmi hawn fuq għandu jkopri, b’mod partikolari, l-għemil, l-offerta, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li jiġi applikat fih jew il-ħażna ta’ dan il-prodott għal dawn l-għanijiet.”

6        L-Artikolu 110 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjoni transitorja”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi:

“Saż-żmien li l-emendi għal dan ir-Regolament jidħlu fi-seħħ fuq proposta mill-Kummissjoni [Ewropea] dwar dan is-suġġett, il-protezzjoni bħala disinn Komunitarju ma għandhiex teżisti għal disinn li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott ikkumplikat użat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 19(1) bl-għan tat-tiswija ta’ dan il-prodott kompless hekk li tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tiegħu.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

7        Audi hija manifattur ta’ vetturi bil-mutur, li hija proprjetarja tat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata iktar ’il quddiem, irreġistrata bin-numru 000018762, li tindika b’mod partikolari l-“vetturi tal-art, tal-ajru u tal-baħar, partijiet u partijiet li jikkostitwixxu dawn l-oġġetti inklużi f’din il-klassi, inklużi muturi”, li jaqgħu fil-klassi 12 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat (iktar ’il quddiem it-“trade mark AUDI”):

Image not found

8        GQ hija persuna fiżika li teżerċita attività ta’ bejgħ, permezz ta’ sit internet, ta’ partijiet ta’ bdil għal vetturi bil-mutur prinċipalment intiżi għad-distributuri ta’ tali partijiet. Fil-kuntest ta’ din l-attività, GQ irreklamat grilji tar-radjatur, adattati u ddisinjati għal mudelli qodma ta’ vetturi bil-mutur Audi tal‑1980 u l‑1990, u offriet dawn il-grilji tar-radjatur għall-bejgħ. Dawn kienu jinkludu element iddisinjat għall-iffissar ta’ emblema tat-trade mark tal-manifattur tal-vetturi bil-mutur Audi (iktar ’il quddiem l-“emblema ta’ Audi”).

9        Mill‑2017, Audi ppreżentat rikors ġudizzjarju kontra GQ bil-għan li timblokka l-offerta ta’ bejgħ ta’ partijiet ta’ bdil mhux oriġinali li l-forma ta’ ċerti elementi fihom ikkorrispondew, parzjalment jew kompletament, għat-trade mark AUDI.

10      B’mod partikolari, fil‑5 ta’ Mejju 2020, Audi ressqet talba quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju, intiża sabiex tipprojbixxi lil GQ milli tirreklama, timporta, toffri għall-bejgħ jew tqiegħed fis-suq grilji tar-radjatur mhux oriġinali b’sinjal identiku jew simili għat-trade mark AUDI. Hija talbet ukoll il-qerda ta’ 70 grilja tar-radjatur li kienu nqabdu mill-awtoritajiet doganali Pollakki u li kienu jiksru d-dritt esklużiv mogħti mit-trade mark AUDI.

11      GQ tikkontesta dawn it-talbiet, billi tinvoka prassi tal-produtturi tal-vetturi bil-mutur li ma jopponux il-bejgħ ta’ grilji tar-radjatur mhux oriġinali li jinkludi element iddisinjat għall-iffissar tal-emblema li tirrappreżenta t-trade mark tagħhom.

12      Il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima li tressqet quddiemha, hija għandha tiddetermina jekk il-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark AUDI, li, skont din il-qorti, għandha karattru distintiv għoli, ikollha reputazzjoni kbira fil-Polonja u hija assoċjata b’mod ċar ma’ Audi, testendix ukoll għall-elementi ddisinjati għall-iffissar tal-emblema ta’ Audi fuq il-grilji tar-radjatur u li huma minħabba d-dehra tagħhom, b’mod partikolari l-forma tagħhom, identiċi għat-trade mark AUDI, simili għaliha b’tali mod li joħolqu konfużjoni jew sempliċement simili għaliha.

13      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tqis li għandhom jiġu eżaminati l-konsegwenzi tal-assenza, fid-dritt tat-trade marks, ta’ dispożizzjoni ekwivalenti għall-klawżola msejħa “tat-tiswija” prevista fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

14      Din il-qorti tenfasizza, fil-fatt, in-neċessità li tiġi protetta kompetizzjoni mhux distorta u l-interess tal-konsumaturi li jkunu jistgħu jagħżlu bejn ix-xiri ta’ parti għal vettura bil-mutur oriġinali u dak ta’ parti mhux oriġinali. L-imsemmija qorti tippreċiża li, minkejja li f’dan il-każ ma hijiex inkwistjoni l-protezzjoni ta’ disinn Komunitarju, ir-riferiment għall-klawżola msejħa “tat-tiswija” huwa bbażat fuq l-idea li d-dritt mogħti minn trade mark tal-Unjoni Ewropea ma jistax jagħti lill-proprjetarju ta’ din it-trade mark protezzjoni iktar estiża minn dik li tirriżulta mid-drittijiet mogħtija kemm minn tali trade mark u minn disinn Komunitarju. L-istess qorti tirrileva li mid-digriet tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Ford Motor Company (C‑500/14, EU:C:2015:680, punti 39 u 42), jirriżulta li din il-klawżola ma tistax tiġi applikata b’analoġija fid-dritt tat-trade marks. Madankollu, hija tistaqsi jekk is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Acacia u D’Amato (C‑397/16 u C‑435/16, EU:C:2017:992), ma timponix qari ġdid ta’ dan id-digriet, sabiex tiġi evitata sitwazzjoni li fiha terzi la jkunu awtorizzati jużaw trade mark ta’ manifattur ta’ vetturi bil-mutur sabiex jipproduċu u jipproponu għall-bejgħ partijiet ta’ bdil ta’ vetturi ta’ dan il-manifattur, u lanqas ma jkunu awtorizzati jużaw din it-trade mark għal tali għan. Hija tqis li, anki jekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa eskluż li tiġi applikata b’analoġija l-klawżola msejħa “tat-tiswija” fid-dritt tat-trade marks, dan ma jeskludix li l-possibbiltà li tiġi limitata l-protezzjoni tat-trade marks kienet prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni jew tirriżulta mid-digriet tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Ford Motor Company (C‑500/14, EU:C:2015:680).

15      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża li hija adita biha, trade mark tissodisfax funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini ta’ parti ta’ bdil meta din tkun element ta’ din il-parti. Hija tistaqsi wkoll jekk, meta element ta’ parti ta’ bdil ta’ vettura bil-mutur, jiġifieri grilja tar-radjatur, jippermetti li tiffissa l-emblema tal-manifattur ta’ din il-vettura fuq din il-parti u jirrappreżenta l-forma ta’ trade mark ta’ dan il-manifattur jew huwa simili għal din it-trade mark sal-punt li joħloq konfużjoni, dan l-element jistax jiġi kkunsidrat bħala trade mark li tissodisfa funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini.

16      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxi lil terz l-użu, fil-proċess normali tan-negozju, ta’ sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark tant li joħloq konfużjoni, għal partijiet ta’ bdil għal vetturi bil-mutur, jiġifieri grilji tar-radjatur, meta dan is-sinjal jikkostitwixxi element ta’ dawn il-partijiet, iddisinjat għall-iffissar tal-emblema tal-manifattur ta’ dawn il-vetturi fuqhom. Hija tiddistingwi bejn żewġ sitwazzjonijiet f’dan ir-rigward, skont jekk huwiex teknikament possibbli jew le li tiffissa tali emblema mingħajr ma tirriproduċi fuq l-imsemmija partijiet sinjal identiku għal din it-trade mark jew simili għaliha tant li joħloq konfużjoni. Madankollu, hija tippreċiża li tali kriterju ta’ natura teknika ma jikkostitwixxix kriterju ta’ evalwazzjoni faċilment applikabbli.

17      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema kriterji ta’ evalwazzjoni għandhom, jekk ikun il-każ, jiġu applikati sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trade mark tal-Unjoni Ewropa ntużatx skont prattiki onesti fil-qasam kummerċjali u industrijali, kif rikjest mill-Artikolu 14(2) tar-Regolament 2017/1001.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 14(1)(c) tar-[Regolament 2017/1001] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-proprjetarju tat-trade mark jew lill-qorti milli jipprojbixxu lil terzi l-użu fil-kummerċ ta’ sinjal, identiku jew simili b’mod li joħloq konfużjoni, ta’ trade mark tal-Unjoni, fir-rigward ta’ spare parts tal-karozzi (apparat li jkessaħ l-arja/grilji tar-radjatur), fejn dan is-sinjal ikun jikkostitwixxi struttura għall-iffissar ta’ aċċessorju tal-karozzi (emblema li tirrifletti trade mark tal-Unjoni), u:

–        fejn minn perspettiva teknika jeżistu possibbiltajiet ta’ twaħħil tal-emblema oriġinali li tirrifletti trade mark tal-Unjoni ma’ spare part ta’ karozza (apparat li jkessaħ l-arja/grilja tar-radjatur) mingħajr ir-riproduzzjoni, fuq dawn il-parts, ta’ sinjal identiku jew simili b’mod li joħloq konfużjoni għat-trade mark tal-Unjoni;

jew f’sitwazzjoni

–        fejn minn perspettiva teknika ma huwiex possibbli t-twaħħil tal-emblema oriġinali li tirrifletti trade mark tal-Unjoni ma’ spare part ta’ karozza (apparat li jkessaħ l-arja/grilja tar-radjatur) mingħajr ir-riproduzzjoni, fuq dawn il-parts, ta’ sinjal identiku jew simili b’mod li joħloq konfużjoni għat-trade mark tal-Unjoni?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda [l-ewwel jew it-tieni inċiż]:

(2)      Liema kriterji ta’ evalwazzjoni għandhom jiġu applikati f’dawn il-każijiet biex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk l-użu ta’ trade mark tal-Unjoni huwiex konformi mal-prattiki onesti fil-qasam kummerċjali u industrijali?

(3)      L-Artikolu 9(2) u (3)(a) tar-Regolament 2017/1001 għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ fejn it-trade mark huwa element tal-forma ta’ spare part u fl-assenza, fir-Regolament2017/1001, ta’ klawżola ekwivalenti għall-klawżola ta’ tiswija fl-Artikolu 110(1) tar-[Regolament Nru 6/2002], f’tali sitwazzjoni t-trade mark ma jissodisfax funzjoni ta’ indikazzjoni tal-oriġini?

(4)      L-Artikolu 9(2) u (3)(a) tar-Regolament 2017/1001 għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ fejn l-element għall-iffissar tat-trade mark, li jirrifletti l-forma tat-trade mark jew huwa simili għaliha b’mod joħloq konfużjoni, huwa element tal-forma ta’ spare part u fl-assenza, fir-Regolament 2007/1001, ta’ klawżola ekwivalenti għall-klawżola ta’ tiswija fl-Artikolu 110(1) tar-[Regolament Nru 6/2002], l-element għall-iffissar ma jistax jitqies bħala trade mark li tissodisfa funzjonijiet ta’ indikazzjoni tal-oriġini anki jekk dan ikun identiku għat-trade mark jew huwa simili għaliha b’mod li joħloq konfużjoni?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq ittielet u rraba’ domanda

19      Għandu jitfakkar preliminarjament, li, skont l-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament Nru 2017/1001, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea tagħti lid-detentur tagħha d-dritt esklużiv li jipprojbixxi li kull terz li juża, fil-proċess normali tan-negozju, sinjal identiku għal din it-trade mark għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li hija rreġistrata għalihom, jew ta’ sinjal li għalih, minħabba li huwa identiku jew simili għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn din it-trade mark u s-sinjal, tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku, jew ukoll ta’ sinjal identiku jew simili għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea għal prodotti jew servizzi li ma humiex simili għal dawk li hija rreġistrata għalihom din it-trade mark, meta din ikollha reputazzjoni fl-Unjoni u li l-użu tas-sinjal mingħajr motiv ġust jieħu profitt indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark jew jikkawżalhom dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany, C‑567/18, EU:C:2020:267, punt 31).

20      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tfittex, fir-realtà, li tkun taf jekk l-importazzjoni u l-offerta għall-bejgħ ta’ parti ta’ bdil ta’ vettura bil-mutur, jiġifieri ta’ grilja tar-radjatur, li tinkludi element li l-forma tiegħu hija identika jew simili għal trade mark li l-manifattur ta’ din il-vettura huwa proprjetarju tagħha u li hija ddisinjata għall-iffisar, fuq din il-parti, tal-emblema ta’ dan il-manifattur, li jirrappreżenta l-imsemmija trade mark, tikkostitwixxix “użu fil-proċess normali tan-negozju ta’ sinjal” imsemmi fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001.

21      Min-naħa l-oħra, minkejja l-formulazzjoni tat-tielet domanda, din il-qorti ma tistaqsix dwar il-kapaċità ta’ sinjal li jiġi rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, il-funzjoni essenzjali ta’ trade mark individwali tal-Unjoni Ewropea li ġiet irreġistrata, bħal f’dan il-każ it-trade mark AUDI, hija li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li hija tindika. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze, C‑689/15, EU:C:2017:434, punti 40 u 41, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Tali trade mark b’hekk titqies li tippermetti li tiġi indikata, fiha nnifisha u fl-assenza ta’ kull element ieħor, l-oriġini ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi. Issa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-fondatezza tar-reġistrazzjoni tat-trade mark AUDI bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea u l-kapaċità ta’ din it-trade mark li tindika l-oriġini tal-prodotti li għalihom hija rreġistrata.

22      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001 dwar l-“użu fil-proċess normali tan-negozju ta’ sinjal” għandha tiġi eżaminata qabel l-evalwazzjoni eventwali tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 9(2)(b) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ tali riskju ma tikkostitwixxix premessa għall-eżami tal-punt dwar jekk sinjal jintużax fil-proċess normali tan-negozju.

23      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 9(3)(b) u (c) tal-imsemmi regolament, jista’ jiġi pprojbit, rispettivament, li jiġu offruti l-prodotti, li jitqiegħdu fis-suq jew li jinżammu għal dawn l-għanijiet taħt dan is-sinjal u li jiġu importati jew esportati l-prodotti taħt l-imsemmi sinjal. B’hekk, fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali kif esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jkunu wkoll rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni dwar din it-tilwima.

24      Għaldaqstant, it-tielet u r-raba’ domanda għandhom jiġu fformulati mill-ġdid fis-sens li, permezz tagħhom, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fl-assenza, fir-Regolament 2017/1001, ta’ dispożizzjoni ekwivalenti għall-klawżola msejħa “tat-tiswija” tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002, l-Artikolu 9(2) u (3)(a) sa (c) tar-Regolament 2017/1001 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-terz li, mingħajr il-kunsens tal-manifattur ta’ vetturi bil-mutur proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, jimporta u joffri għall-bejgħ partijiet ta’ bdil, jiġifieri grilji tar-radjatur għal dawn il-vetturi bil-mutur, li fihom element li huwa ddisinjat għall-iffissar tal-emblema li tirrappreżenta din it-trade mark u li l-forma tiegħu hija identika jew simili għall-imsemmija trade mark, jagħmel użu minn sinjal fil-proċess normali tan-negozju b’mod li jista’ jippreġudika funzjoni jew funzjonijiet tal-istess trade mark.

25      Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, għalkemm sinjal protett bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea jista’ wkoll, f’ċerti ċirkustanzi, ikun protett bħala disinn Komunitarju, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda biss il-protezzjoni mogħtija minn trade mark tal-Unjoni Ewropea, u mhux ukoll minn dik mogħtija minn disinn Komunitarju.

26      Issa, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-qorti tar-rinviju, li klawżola msejħa “tat-tiswija”, bħal dik eżistenti fid-dritt tad-disinni fl-Artikolu 110 tar-Regolament Nru 6/2002, ma kinitx prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-Regolament 2017/1001.

27      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat il-portata tal-Artikolu 110 tar-Regolament Nru 6/2002 fis-sens li joħloq ċerti limitazzjonijiet biss għall-protezzjoni mogħtija fir-rigward tad-disinni u japplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar it-trade marks. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma fiha ebda deroga mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tat-trade marks (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Ford Motor Company, C‑500/14, EU:C:2015:680, punti 39, 41 u 42).

28      Barra minn hekk, l-għan taż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta ttieħed inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tar-Regolament 2017/1001, sa fejn l-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament li jillimita l-effetti tad-dritt li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jislet mill-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament. Dan l-Artikolu 14 huwa intiż li jirrikonċilja l-interessi fundamentali tal-protezzjoni tad-dritt mogħti minn tali trade mark ma’ dawk tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-suq intern, u dan b’tali mod li l-imsemmi dritt ikun jista’ jissodisfa r-rwol tiegħu ta’ element essenzjali tas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta li t-Trattat FUE jrid jistabbilixxi u jżomm fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Ford Motor Company, C‑500/14, EU:C:2015:680, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Konsegwentement, ma tistax issir interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001 li twassal, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni għan li jibqa’ jkun hemm kompetizzjoni mhux distorta bejn manifatturi ta’ vetturi bil-mutur u bejjiegħa ta’ partijiet ta’ bdil mhux oriġinali, għall-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 110 tar-Regolament Nru 6/2002 u sabiex jiġi llimitat, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, id-dritt mogħti lill-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea minn dan l-Artikolu 9.

30      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “użu”, fis-sens tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001, ma huwiex iddefinit minn dan ir-regolament (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Louboutin (Użu ta’ sinjal kontrafatt f’suq online), C‑148/21 u C‑184/21, EU:C:2022:1016, punt 25).

31      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, skont l-Artikolu 9(2)(a) u (b) ta’ dan ir-regolament, il-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea huwa intitolat li jipprojbixxi lil kwalunkwe terz milli juża, fl-eżerċizzju tal-kummerċ u fl-assenza tal-kunsens tiegħu, sinjal identiku għat-trade mark għal prodotti jew għal servizzi identiċi għal dawk li għalihom din tkun ġiet irreġistrata jew sinjal li għalih, minħabba l-identiċità tiegħu jew ix-xebh tiegħu mat-trade mark u minħabba l-identiċità jew ix-xebh ta’ prodotti jew ta’ servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku li tinkludi l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu madankollu jkun irriżervat għall-każijiet li fihom l-użu tas-sinjal minn terz jippreġudika jew jista’ jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark, li fosthom hemm mhux biss il-funzjoni essenzjali tat-trade mark li hija li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz, iżda wkoll il-funzjonijiet l-oħra tagħha, bħal b’mod partikolari, dik li tiggarantixxi l-kwalità ta’ dan il-prodott jew ta’ dan is-servizz, jew dawk ta’ komunikazzjoni, ta’ investiment jew ta’ reklamar (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Mitsubishi Shoji Kaisha u Mitsubishi Caterpillar Forklift Europe, C‑129/17, EU:C:2018:594, punti 33 u 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      Barra minn hekk, mill-Artikolu 9(2)(c) tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li jkollha reputazzjoni huwa intitolat jipprojbixxi l-użu mingħajr il-kunsens tiegħu minn terz, fil-proċess normali tan-negozju, ta’ sinjal identiku jew simili għal din tal-aħħar, indipendentement mill-fatt li l-prodotti jew is-servizzi li għalihom jintuża dan is-sinjal ikunu identiċi, simili jew le għal dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, meta dan l-użu, mingħajr raġuni valida, jislet vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark jew jikkawżalhom ħsara.

33      F’dan ir-rigward, fir-rigward tat-terminu “użu”, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li dan jirreferi esklużivament għal aġir attiv min-naħa tat-terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Mitsubishi Shoji Kaisha u Mitsubishi Caterpillar Forklift Europe, C‑129/17, EU:C:2018:594, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u li l-elenkar tat-tipi ta’ użu li l-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea jista’ jipprojbixxi, li jinsab fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament 2017/1001, ma huwiex eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany, C‑567/18, EU:C:2020:267, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      L-użu tas-sinjal identiku jew simili għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea iseħħ “fil-proċess normali tan-negozju” peress li jinsab fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża sabiex jinkiseb profitt u mhux fil-qasam privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club, C‑206/01, EU:C:2002:651, punt 40, kif ukoll tat‑23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google, C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punt 50).

35      Fir-rigward tal-funzjonijiet tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, dik, essenzjali, imsemmija fil-punti 21 u 31 ta’ din is-sentenza, li tikkonsisti f’li tiġi ggarantita l-identità tal-oriġini sservi b’mod partikolari sabiex tikkonferma li l-prodotti jew is-servizzi kollha koperti minn din it-trade mark ġew immanifatturati jew ipprovduti taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom, u dan sabiex hija tkun tista’ taqdi r-rwol tagħha ta’ element essenzjali tas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club, C‑206/01, EU:C:2002:651, punt 48, kif ukoll tal‑25 ta’ Lulju 2018, Mitsubishi Shoji Kaisha u Mitsubishi Caterpillar Forklift Europe, C‑129/17, EU:C:2018:594, punt 35).

36      Fost il-funzjonijiet l-oħra tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, dik ta’ investiment testendi għall-possibbiltà għall-proprjetarju ta’ trade mark li jużaha sabiex jikseb jew iżomm reputazzjoni li tista’ tattira jew tikseb il-fideltà tal-konsumaturi permezz ta’ diversi tekniki kummerċjali. B’hekk, meta l-użu minn terz, bħala kompetitur tal-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, ta’ sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark għal prodotti jew servizzi identiċi, simili jew differenti, għal dawk li għalihom din hija rreġistrata jinterferixxi b’mod sostanzjali mal-użu, minn dan il-proprjetarju, tat-trade mark sabiex jikseb jew iżomm reputazzjoni li tista’ tattira jew tikseb il-fideltà tal-konsumaturi, dan l-użu jippreġudika din il-funzjoni. L-imsemmi proprjetarju huwa, konsegwentement, intitolat jipprojbixxi tali użu skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta Lulju 2018, Mitsubishi Shoji Kaisha u Mitsubishi Caterpillar Forklift Europe, C‑129/17, EU:C:2018:594, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li t-tielet u r-raba’ domanda huma bbażati fuq il-premessa li l-grilji tar-radjatur importati u proposti għall-bejgħ minn GQ ma humiex prodotti li joriġinaw mill-proprjetarju tat-trade mark AUDI jew li tqiegħdu fis-suq bil-kunsens tiegħu.

38      Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-forma tal-element ta’ dawn il-grilji tar-radjatur iddisinjati għall-iffissar tal-emblema AUDI hija kkunsidrata mill-qorti tar-rinviju bħala li hija identika jew simili għat-trade mark AUDI. Din il-forma tikkostitwixxi b’hekk sinjal fis-sens tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001, peress li l-fatt li dan huwa element ta’ parti ta’ bdil għal vettura bil-mutur, jiġifieri grilja tar-radjatur, ma jistax ibiddel din il-konstatazzjoni.

39      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta wkoll li dan is-sinjal huwa mwaħħal fuq dawn il-grilji tar-radjatur jew integrat fihom, għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, li jirrappreżenta użu li jaqa’ taħt l-Artikolu 9(3)(a) tar-Regolament 2017/1001. Barra minn hekk, sa fejn GQ timporta u toffri għall-bejgħ grilji tar-radjatur li fihom l-imsemmi sinjal, hija tista’ tiġi kkunsidrata bħala li twettaq it-tipi ta’ użu li jaqgħu taħt l-Artikolu 9(3)(b) u (ċ) ta’ dan ir-regolament.

40      Dan japplika iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, l-imsemmi element jitqiegħed fuq il-parti ta’ bdil, jiġifieri l-grilja tar-radjatur, b’tali mod li, sakemm l-emblema li tirrappreżenta t-trade mark tal-manifattur tal-vetturi ma tkunx iffissata, is-sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark ikun viżibbli għall-pubbliku rilevanti meta dan jara din il-parti, meta dan il-pubbliku huwa dak li jixtieq jixtri tali parti sabiex isewwi jew tissewwa vettura bil-mutur. Tali fatt huwa ta’ natura li jikkonkretizza l-eżistenza ta’ rabta materjali bejn din l-istess parti, li terz jimporta, li huwa jirreklama u joffri għall-bejgħ, u l-proprjetarju tat-trade mark AUDI.

41      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li tali użu jista’, skont il-każ, jippreġudika funzjoni jew funzjonijiet tat-trade mark.

42      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament 2017/1001 jirrigwarda l-ipoteżi msejħa ta’ “identità doppja”, jiġifieri l-użu mit-terz ta’ sinjal identiku għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata. F’din l-ipoteżi, l-użu tas-sinjal mit-terz fis-sens tal-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-regolament jista’ jiġi pprojbit mill-proprjetarju ta’ din it-trade mark skont l-Artikolu 9(2)(a) tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit, C‑323/09, EU:C:2011:604, punt 33), meta dan l-użu jippreġudika jew jista’ jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark, fosthom jinsabu mhux biss il-funzjoni essenzjali tat-trade mark li hija li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz, iżda wkoll il-funzjonijiet l-oħra tagħha, bħal, b’mod partikolari, dik li tiggarantixxi l-kwalità ta’ dan il-prodott jew ta’ dan is-servizz, jew dawk tal-komunikazzjoni, tal-investiment jew tar-reklamar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2016, Daimler, C‑179/15, EU:C:2016:134, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Jekk ma teżistix identiċità doppja bejn is-sinjal użat mit-terz u t-trade mark tal-Unjoni Ewropea kif ukoll bejn il-prodotti kkonċernati, b’mod partikolari meta s-sinjal użat mit-terz u mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea huma simili, u mhux identiċi, peress li l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati huma identiċi jew simili, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa jekk l-użu ta’ dan is-sinjal joħloqx probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament 2017/1001. Skont il-ġurisprudenza, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament (sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, EU:C:1999:323, punt 17, u tat‑8 ta’ Lulju 2010, Portakabin, C‑558/08, EU:C:2010:416, punt 51). Għaldaqstant, skont din id-dispożizzjoni, il-proprjetarju tat-trade mark jista’ jipprojbixxi l-użu mit-terz tas-sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark biss jekk, minħabba l-eżistenza ta’ tali probabbiltà ta’ konfużjoni, dan l-użu jippreġudika jew jista’ jippreġudika l-imsemmija funzjoni “essenzjali” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2016, Daimler, C‑179/15, EU:C:2016:134, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Barra minn hekk, meta t-trade mark ikollha reputazzjoni fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 9(2)(c) tar-Regolament 2017/1001, il-proprjetarju ta’ din it-trade mark huwa intitolat jipprojbixxi l-użu minn terz, fil-proċess normali tan-negozju, ta’ sinjal identiku jew simili għall-imsemmija trade mark fil-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt mill-proprjetarju tat-trade mark li jkollha reputazzjoni ma jippreżumix l-eżistenza ta’ possibbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit, C‑323/09, EU:C:2011:604, punti 70 u 71, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan il-każ, hija l-qorti nazzjonali li qabel kollox għandha tiddetermina, minn naħa, jekk is-sinjal użat minn GQ, li jikkonsisti fil-forma tal-element tal-grilja tar-radjatur ddisinjat għall-iffissar tal-emblema ta’ Audi, huwiex identiku jew simili għat-trade mark AUDI u, min-naħa l-oħra, jekk grilja tar-radjatur hijiex identika jew simili għal wieħed jew iktar mill-prodotti li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, imsemmija fil-punt 7 ta’ din is-sentenza.

46      Jekk il-qorti nazzjonali tiddetermina li din il-forma hija sinjal identiku għat-trade mark AUDI u li dawn il-grilji, bħala partijiet ta’ bdil, huma identiċi għall-prodotti li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, hija għandha tapplika l-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament 2017/1001.

47      Jekk, min-naħa l-oħra, din il-qorti tiddetermina li GQ tuża sinjal simili, u mhux identiku, għat-trade mark AUDI u li l-grilji tar-radjatur tagħha, bħala partijiet ta’ bdil, huma identiċi jew simili għall-prodotti li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, hija għandha tevalwa l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament 2017/1001, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha, b’mod partikolari l-livell ta’ xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti, il-perċezzjoni tal-konsumatur medju tal-pubbliku rilevanti, normalment informat u raġonevolment attent u avżat meta jara l-prodotti li għalihom it-terz juża s-sinjal, kif ukoll il-livell ta’ attenzjoni ta’ dan il-pubbliku, il-karattru distintiv tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea jew ukoll il-kundizzjonijiet li fihom il-prodotti huma kkummerċjalizzati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, EU:C:1997:528, punt 22, u tal‑4 ta’ Marzu 2020, EUIPO vs Equivalenza Manufactory, C‑328/18 P, EU:C:2020:156, punti 57 u 70).

48      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-trade mark AUDI jkollha reputazzjoni kbira fil-Polonja u għandha karattru distintiv għoli. Jekk il-qorti nazzjonali tqis li din it-trade mark ikollha reputazzjoni u li l-forma tal-element tal-grilja tar-radjatur iddisinjat sabiex tiġi ffissata l-emblema ta’ Audi hija identika jew simili għall-imsemmija trade mark, din tal-aħħar għandha tibbenefika minn protezzjoni f’dan ir-rigward, ftit jimporta li l-grilji tar-radjatur importati u proposti għall-bejgħ minn GQ u l-prodotti li għalihom l-istess trade mark hija rreġistrata huma identiċi, simili jew differenti. L-użu tas-sinjal minn GQ jista’ għalhekk jiġi pprojbit, skont l-Artikolu 9(2)(c) tar-Regolament 2017/1001, jekk il-qorti nazzjonali tistabbilixxi li dan l-użu mingħajr raġuni valida jislet vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark AUDI, jew jikkawżalhom dannu. F’dan il-każ, din il-qorti ma tkunx obbligata tevalwa l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, għaliex, f’dan il-kuntest, huwa irrilevanti l-fatt li l-konsumatur medju jipperċepixxi l-grilji bħala mhux oriġinali.

49      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għandha tingħata tweġiba għat-tielet u r-raba’ domanda li l-Artikolu 9(2) u (3)(a) sa (c) tar-Regolament 2017/1001 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terz li, mingħajr il-kunsens tal-manifattur ta’ vetturi bil-mutur proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, jimporta u joffri għall-bejgħ partijiet ta’ bdil, jiġifieri grilji tar-radjatur għal dawn il-vetturi bil-mutur, li fihom element li huwa ddisinjat għall-iffissar tal-emblema li tirrappreżenta din it-trade mark u li l-forma tagħhom hija identika jew simili għall-imsemmija trade mark, jagħmel użu minn sinjal fil-proċess normali tan-negozju b’mod li jista’ jippreġudika funzjoni jew funzjonijiet tal-istess trade mark, u hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.

 Fuq lewwel domanda

50      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-manifattur ta’ vetturi bil-mutur li huwa proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxi lil terz l-użu ta’ sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark għal partijiet ta’ bdil għal dawn il-vetturi bil-mutur, jiġifieri grilji tar-radjatur, meta dan is-sinjal jikkonsisti fil-forma ta’ element tal-grilja tar-radjatur, iddisinjat għall-iffissar fuqu tal-emblema li tirrappreżenta l-imsemmija trade mark, u dan fid-dawl tal-eżistenza jew le ta’ possibbiltà teknika ta’ ffissar ta’ din l-emblema fuq l-imsemmija grilja tar-radjatur mingħajr ma l-imsemmi sinjal jitwaħħal fuqha.

51      Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li, meta l-użu ta’ sinjal identiku jew simili għal trade mark tal-Unjoni Ewropea minn terz jista’ jiġi pprojbit mill-proprjetarju tiegħu skont l-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001, l-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament jillimita, fis-sitwazzjonijiet li huwa jistabbilixxi, id-dritt ta’ dan il-proprjetarju li jopponi dan l-użu.

52      B’hekk, skont l-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, trade mark tal-Unjoni ma għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju jimpedixxi lil terz milli juża, fil-proċess normali tan-negozju, din it-trade mark għall-finijiet ta’ identifikazzjoni jew riferiment għal prodotti jew servizzi bħala dawk ta’ dan il-proprjetarju, b’mod partikolari fejn l-użu ta’ din it-trade mark huwa meħtieġ sabiex jindika l-għan intiż ta’ prodott jew ta’ servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorju jew parti ta’ bdil.

53      Minkejja l-eżistenza ta’ differenzi notevoli bejn din id-dispożizzjoni, li tikkorrispondi għall-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 110, p. 5, u d-dispożizzjoni li ppreċedietha fil-verżjonijiet preċedentement fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-impossibbiltà, għall-proprjetarju ta’ trade mark, li jipprojbixxi lil terz milli juża din it-trade mark meta dan l-użu huwa neċessarju sabiex jindika l-iskop intiż ta’ prodott jew ta’ servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorju jew parti ta’ bdil, u jsir skont prattiki onesti fil-qasam industrijali jew kummerċjali, inżamm u issa jikkostitwixxi waħda mis-sitwazzjonijiet li fihom id-dritt esklużiv mogħti mit-trade mark ma jistax jiġi invokat kontra terz (f’dan is-sens is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Inditex, C‑361/22, EU:C:2024:17, punti 44 sa 46).

54      L-iskop tal-limitazzjoni, prevista f’din l-ipoteżi, tad-dritt esklużiv mogħti mit-trade mark huwa li jippermetti lill-fornituri ta’ prodotti jew ta’ servizzi komplementari għal prodotti jew għal servizzi offruti mill-proprjetarju ta’ trade mark li jużaw din it-trade mark sabiex jinformaw, b’mod komprensibbli u komplet, lill-pubbliku fuq l-użu intenzjonat tal-prodott li huwa jikkummerċjalizza jew bis-servizz li joffri jew, fi kliem ieħor, fuq ir-rabta utilitarja li teżisti bejn il-prodotti jew is-servizzi tagħhom u dawk tal-imsemmi proprjetarju tat-trade mark (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑17 ta’ Marzu 2005, Gillette Company u Gillette Group Finland, C‑228/03, EU:C:2005:177, punti 33 u 34, kif ukoll tal‑11 ta’ Jannar 2024, Inditex, C‑361/22, EU:C:2024:17, punt 51).

55      B’hekk, l-użu ta’ trade mark minn terz sabiex jindika jew jirreferi għal prodotti jew servizzi bħala li huma dawk tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark meta dan l-użu huwa neċessarju sabiex jiġi indikat l-iskop intiż ta’ prodott ikkummerċjalizzat minn dan it-terz jew ta’ servizz offrut minnu, jaqa’, skont l-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, taħt waħda mill-każijiet li fihom l-użu tat-trade mark ma jistax jiġi pprojbit mill-proprjetarju tagħha (ara, f’dan is-sens is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Inditex, C‑361/22, EU:C:2024:17, punt 52). Din il-limitazzjoni tad-dritt esklużiv mogħti lill-proprjetarju tat-trade mark mill-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament tapplika biss, madankollu, meta l-imsemmi użu ta’ din it-trade mark mit-terz isir skont prattiki onesti fil-qasam industrijali jew kummerċjali, fis-sens tal-Artikolu 14(2) tal-imsemmi regolament.

56      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-element tal-grilja tar-radjatur li l-forma tiegħu hija identika jew simili għat-trade mark AUDI jippermetti li tiġi ffissata l-emblema li tirrappreżenta din it-trade mark fuq din il-grilja tar-radjatur. Kif jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet, l-għażla tal-forma ta’ dan l-element hija ggwidata mir-rieda li tiġi kkummerċjalizzata grilja tar-radjatur li tixbah bl-iktar mod fidil possibbli l-grilja tar-radjatur oriġinali tal-manifattur tal-vetturi bil-mutur inkwistjoni.

57      Issa, għandha ssir distinzjoni bejn tali sitwazzjoni, li fiha impriża li ma hijiex ekonomikament marbuta mal-proprjetarju tat-trade mark tiffissa sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark fuq il-partijiet ta’ bdil kkummerċjalizzati minnha u intiżi sabiex jiġu integrati fil-prodotti ta’ dan il-proprjetarju, minn sitwazzjoni li fiha tali impriża tagħmel, mingħajr madankollu ma tiffissa sinjal identiku jew simili għat-trade mark fuq dawn il-partijiet ta’ bdil, użu minn din it-trade mark sabiex tindika li l-imsemmija partijiet ta’ bdil huma intiżi sabiex jiġu inkorporati i fil-prodotti tal-proprjetarju tal-imsemmija trade mark. Għalkemm it-tieni waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet taqa’ taħt l-ipoteżi msemmija fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, l-ewwel waħda mill-imsemmija sitwazzjonijiet ma taqax taħtha. L-iffissar ta’ sinjal identiku jew simili għat-trade mark fuq il-prodott ikkummerċjalizzat mit-terz jeċċedi, kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tagħha, l-użu bħala riferiment imsemmi fl-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 u għalhekk ma jaqa’ taħt ebda waħda mill-ipoteżijiet koperti minn din id-dispożizzjoni.

58      Minn dan isegwi li, meta sinjal, identiku jew simili għal trade mark tal-Unjoni Ewropea, jikkostitwixxi element ta’ parti ta’ bdil għal vetturi bil-mutur, li huwa ddisinjat għall-iffissar tal-emblema tal-manifattur ta’ dawn il-vetturi fuqha u ma jintużax sabiex jindika jew isemmi prodotti jew servizzi bħala dawk tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark, iżda sabiex jirriproduċi b’mod daqstant fidil possibbli prodott minn dan il-proprjetarju, tali użu tal-imsemmija trade mark ma jaqax taħt l-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament 2017/1001.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ftit jimporta jekk teżistix jew le possibbiltà teknika li tiġi ffissata l-emblema li tirrappreżenta t-trade mark tal-manifattur tal-vetturi bil-mutur fuq il-grilja tar-radjatur mingħajr ma l-forma tal-element tal-grilja tar-radjatur iddisinjat għal dan l-iffissar tikkostitwixxi sinjal identiku jew simili għat-trade mark. L-użu, minn GQ, ta’ din il-forma, li f’dan il-każ hija kkunsidrata, mill-qorti tar-rinviju, bħala sinjal identiku jew simili għat-trade mark AUDI, għandu jiġi evalwat mill-perspettiva tar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 42 sa 48 ta’ din is-sentenza.

60      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-manifattur ta’ vetturi bil-mutur proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxi lil terz l-użu ta’ sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark għal partijiet ta’ bdil għal dawn il-vetturi bil-mutur, jiġifieri grilji tar-radjatur, meta dan is-sinjal jikkonsisti fil-forma ta’ element tal-grilja tar-radjatur, iddisinjat għall-iffissar fuqha tal-emblema li tirrappreżenta l-imsemmija trade mark, mingħajr ma huwa rilevanti f’dan ir-rigward jekk teżistix jew le possibbiltà teknika li tiġi ffissata din l-emblema fuq din tal-aħħar mingħajr mal-imsemmi sinjal jitwaħħal fuqha.

 Fuq ittieni domanda

61      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq lispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 9(2) u (3)(a) sa (c) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

t-terz li, mingħajr il-kunsens tal-manifattur ta’ vetturi bil-mutur proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, jimporta u joffri għall-bejgħ partijiet ta’ bdil, jiġifieri grilji tar-radjatur għal dawn il-vetturi bil-mutur, li fihom element li huwa ddisinjat għall-iffissar tal-emblema li tirrappreżenta din it-trade mark u li l-forma tagħhom hija identika jew simili għall-imsemmija trade mark, jagħmel użu minn sinjal fil-proċess normali tan-negozju b’mod li jista’ jippreġudika funzjoni jew funzjonijiet tal-istess trade mark, u hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.

2)      L-Artikolu 14(1)(c) tar-Regolament 2017/1001,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix li l-manifattur ta’ vetturi bil-mutur proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxi lil terz l-użu ta’ sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark għal partijiet ta’ bdil għal dawn il-vetturi bil-mutur, jiġifieri grilji tar-radjatur, meta dan is-sinjal jikkonsisti fil-forma ta’ element tal-grilja tar-radjatur, iddisinjat għall-iffissar fuqha tal-emblema li tirrappreżenta l-imsemmija trade mark, mingħajr ma huwa rilevanti f’dan ir-rigward jekk teżistix jew le possibbiltà teknika li tiġi ffissata din l-emblema fuq din tal-aħħar mingħajr mal-imsemmi sinjal jitwaħħal fuqha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.