Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Mejju 2007 - Avaya vs L-UASI - ZyXEL Communications (VANTAGE CNM)

(Kawża T-171/07)

Lingwa tar-rikors: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Avaya Inc. (Basking Ridge, l-Istati Uniti ) (rappreżentanti: A. Beschorner, B. Glaser, C. Thomas, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord ta' l-Appell: ZyXEL Communications Corp. (Hsin-Chu, it-Tajwan)

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-14 ta' Marzu 2007 fil-każ R 156/2006-2, dwar l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 3 291 457 "VANTAGE CNM"; u

tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u tordna lill-intervenjenti tbati l-ispejjeż tal-proċeduri amministrattivi quddiem il-Bord ta' l-Appell.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: ZyXEL Communications Corp.

Trade mark Komunitarja kkonċernata: It-trade mark figurattiva Komunitarja "VANTAGE" għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9 u 42 - applikazzjoni Nru 3 291 457

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat in sostenn ta' l-oppożizzjoni: Avaya Inc.

Trade mark jew sinjal invokat in sostenn ta' l-oppożizzjoni: It-trade mark verbali Komunitarja "MULTIVANTAGE" għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 38 u 42 - applikazzjoni Nru 2 409 589

Deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni: Ċaħda ta' l-oppożizzjoni kollha kemm hi

Deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell: Ċaħda ta' l-appell

Motivi invokati: Ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi differenti in sostenn tar-rikors tagħha, jiġifieri, minn naħa, ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali u ta' konsistenza mal-ġurisprudenza, u, min-naħa l-oħra, ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt dwar it-trade marks.

Permezz ta' l-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tissottometti li l-Bord tbiegħed minn deċiżjoni preċedenti meħuda f'każ parallel li jirrigwarda kwistjoni kważi identika mingħajr ma ta ebda raġuni għal din il-bidla għal għarrieda fil-prassi.

Barra minn dan, ir-rikorrenti ssostni, permezz tat-tieni motiv tagħha, li l-Bord ma ħax in kunsiderazzjoni biżżejjed l-identiċità tal-prodotti u tas-servizzi tat-trade marks konfliġġenti kif ukoll ix-xebh qawwi tat-trade marks infushom.

____________