Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Mejju 2007 - Opus Arte UK vs L-UASI - Arte (OPUS ARTE)

(Kawża T-170/07)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Opus Arte UK (Waldron, l-Ingilterra) (rappreżentanti: D. McFarland, Barrister, u J.A. Alchin, Solicitor)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord ta' l-Appell : Arte G.E.I.E. (Strasbourg, Franza)

It-talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-8 ta' Marzu 2007 fil-Każ 733/2005-1; u

tikkundanna lill-konvenut ibati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Ir-rikorrenti

Trade mark Komunitarja kkonċernata: It-trade mark Komunitarja figurattiva "Opus Arte" għal prodotti u servizzi fil-Klassi 9, 16, 25 u 41 - Applikazzjoni Nru 2 551 778

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat in sostenn ta' l-oppożizzjoni: ARTE G.E.I.E.

Trade mark jew sinjal invokat: It-trade marks Komunitarji u nazzjonali figurattivi u verbali li jinkludu l-kelma "ARTE" għal prodotti u servizzi fil-Klassijiet 9, 16, 25 u 41 fost Klassijiet oħra li ma jaqgħux taħt dawn il-proċedimenti

Deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni: L-oppożizzjoni ġiet miċħuda kollha kemm hi

Deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell: Aċċettat l-appell għall-Klassi 41 għal servizzi ta' "produzzjoni u distribuzzjoni ta' films u televiżjoni" u ppermettiet li ssir ir-reġistrazzjoni għall-bqija tal-prodotti u servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni.

Motivi invokati:

Ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi in sostenn tar-rikors tagħha.

Permezz ta' l-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikoli 73 u 74 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (iktar 'il quddiem ir-"RTMK"). Skond ir-rikorrenti, il-Bord ta' l-Appell la kellu jirrifjuta li jieħu in kunsiderazzjoni l-fatti, l-provi u l-argumenti rilevanti mressqa mir-rikorrenti, u lanqas ma kellu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq preżunzjonijiet ta' fatt li ma kinux ġew preċedentement imqajma mill-partijiet jew fuq allegazzjonijiet vagi u mhux issostanzjati magħmula mill-opponenti.

Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 8(1)(b) RTMK billi tikkonstata probabbiltà ta'konfużjoni bejn "ARTE" u "OPUS ARTE". Skond ir-rikorrenti, tali konstatazzjoni ma tistax tkun ibbażata fuq l-allegat xebħ bejn it-trade marks, u l-anqas ma tista' validament tikkonfuta l-preżunzjonijiet permezz tal-prova ta' nuqqas ta' konfużjoni u n-nuqqas attwali ta' kull prova ta' konfużjoni u l-eżistenza paċifika tat-trade marks fis-suq Ewropew.

____________