Language of document : ECLI:EU:T:2009:505

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

15 ta’ Diċembru 2009 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi lil EDF – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l‑irkupru tagħha – Drittijiet proċedurali tal-benefiċjarju tal-għajnuna – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Kriterju tal-investitur privat”

Fil-Kawża T‑156/04,

Électricité de France (EDF), stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn M. Debroux, avukat,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u A.‑L. Vendrolini, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Buendía Sierra u C. Giolito, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Iberdrola, SA, stabbilita f’Bilbao (Spanja), irrappreżentata minn J. Ruiz Calzado u É. Barbier de La Serre, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba intiża għall-annullament tal-Artikoli 3 u 4 tad‑Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar miżuri ta’ għajnuna favur EDF u s-settur tal‑industriji tal-elettriku u tal-gass (C 68/2002, N 504/2003 u C 25/2003), adottata fis-16 ta’ Diċembru 2003,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Novembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-regoli tat-Trattat KE

1        Skont l-Artikolu 87(1) KE, bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata fit-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall‑kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn Stati Membri, tkun inkomaptibbli mas-suq komuni.

2        Skont l-Artikolu 88(1) u (2) KE:

“1. Il-Kummissjoni għandha teżamina kostantement mal-Istati Membri is-sistemi kollha ta’ għajnuna li jeżiżtu f’dawk l-Istati. Hija għandha tipproponi lil dawn ta’ l-aħħar kull miżura xierqa meħtieġa għall-iżvilupp progressiv [jew] għall‑funzjonament tas-suq komuni.

2. Jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat, m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni skond l‑Artikolu 87, jew li dik l-għajnuna tkun applikata b’mod [abbużiv], hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritti mill-Kummissjoni.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999

3        L-Artikolu 1(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), jipprovdi:

“[…] ‘għajnuna eżistenti’ għandha tfisser:

i)      […] l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fi Stati Membri rispettivi, li jfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat;

[…]

v)      [kull] għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżisteni minħabba li jista’ jitwaqqaf li meta daħlet fis-seħħ ma kkostitwietx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Memrbu. Billi ċerti miżuri jsiru għajnuna wara l-liberalizzazzjoni ta’ attività mill-liġi tal-Komunità, dawn il-miżuri m’għandhomx ikunu kkunsidrati li huma għajnuna eżistenti wara d-data ffissata għall-liberalizzazzjoni;”

4        L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi li l-poteri tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tiġi rkuprata l-għajnuna huma suġġetti għal perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin.

5        Skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 659/1999, il-perijodu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-jum meta l-għajnuna llegali tingħata lill-benefiċjarju.

6        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi li kull parti interessata tista’ tissottometti kummenti skont l-Artikolu 6 tar-regolament imsemmi wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

 Id-dritt Franċiż applikabbli

7        L-Artikolu 38(2) tal-code général des impôts (Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi) jipprovdi:

“Il-profitt nett jikkonsisti fid-differenza bejn il-valuri tal-attiv nett fl-egħluq u fil-ftuħ tal-perijodu li għalih ir-riżultati għandhom iservu bħala bażi għat-taxxa, imnaqqsa bis-supplimenti tad-dħul u miżjuda bit-tnaqqis li sar matul dan il-perijodu mill-operatur jew minn dawk assoċjati miegħu. L-attiv nett jikkonsisti fil-valur tal-attiv li jeċċedi l-passiv totali tal-pretensjonijiet tat-terzi, id-deprezzament u r-riżervi ġġustifikati.”

8        L-Artikolu 4(I) u (II) tal-Liġi Nru 97‑1026, tal-10 ta’ Novembru 1997, li tistabbilixxi miżuri urġenti ta’ natura fiskali u finanzjarja (JORF tal-11 ta’ Novembru 1997, p. 16387), jipprovdi:

“I. Il-kostruzzjonijiet tan-netwerk tal-provvista ġenerali ta’ enerġija elettrika jitqiesu li huma l-proprjetà ta’ Électricité de France minn meta l-konċessjoni ta’ din in-netwerk ġiet mogħtija lilha.

II. Għall applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-[paragrafu] I, sa mill-1 ta’ Jannar 1997, il-kontro-valur tal-beni in natura mogħtija b’konċessjoni lin-netwerk ta’ provvista ġenerali li jidhru bħala passiv ta’ Électricité de France għandu jiġi rreġistrat, nett mid-differenzi ta’ rievalwazzjoni korrispondenti, fil-pożizzjoni ‘Żiediet fil-kapital)’.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Il-kuntest ġenerali tal-kawża

9        Ir-rikorrenti, Électricité de France (EDF), tipproduċi, tittrasporta, u tiddistribwixxi l-elettriku, b’mod partikolari fuq it-territorju Franċiż kollu.

10      Fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) KE fl-2002, EDF kienet ikkontrollata b’mod sħiħ mill-Istat, il-Prim Ministru Franċiż kien jinnomina l-president tagħha, u l-politika tagħha kienet stabbilita b’kooperazzjoni stretta mal-Ministeru tal-Enerġija Franċiż.

11      EDF ġiet stabbilita mil-Liġi Franċiża Nru 46‑628, tat-8 ta’ April 1946, dwar in-nazzjonalizzazzjoni tal-elettriku u tal-gass (JORF tad-9 ta’ April 1946, p. 2651), li nnazzjonalizzat is-settur tal-elettriku fi Franza. Din ġiet stabbilita bl-istatut ta’ stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali.

12      L-Artikolu 36 tal-Liġi Nru 46‑628 stabbilixxa l-prinċipju tat-trasferiment lil EDF tal-konċessjonijiet ta’ elettriku nazzjonalizzat, u kien il-konċessjonarju li kellu josserva l-ispeċifikazzjonijiet standard l-ġodda li l-istabbiliment tagħhom kien previst fl-Artikolu 37 tal-liġi msemmija.

13      Id-diversi konċessjonijiet ta’ trasport ta’ elettriku mogħtija mill-Istat ġew magħquda fl-1958 f’konċessjoni unika, imsejħa r-“réseau d’alimentation générale” (netwerk tal-provvista ġenerali) (iktar ’il quddiem ir-“RAG”), li l-ispeċifikazzjonijiet tagħha ġew approvati mid-Digriet Legali Nru 56‑1225, tat-28 ta’ Novembru 1956 (JORF tal-4 ta’ Diċembru 1956, p. 11562).

14      L-Artikolu 2 ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet jelenka l-beni li jifformaw parti mill-konċessjoni (linji, substations, eċċ) u l-Artikolu 8 tagħhom jippreċiżaw li EDF hija marbuta li teżegwixxi “bi spejjeż tagħha x-xogħolijiet kollha ta’ manutenzjoni u ta’ tiġdid neċessarji għaż-żamma tal-kostruzzjonijiet tal-konċessjoni fi stat ta’ tħaddim tajjeb”.

15      Wara emenda li saret permezz tad-Digriet Legali tat-23 ta’ Diċembru 1994 (JORF tat-28 ta’ Diċembru 1994, p. 18564), l-Artikolu 2 ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet huwa mfassal b’dan il-mod:

“Jifformaw parti mill-konċessjoni l-linji, is-substations u, b’mod ġenerali, il-kostruzzjonijiet tal-elettriku eżistenti u li għandhom jinbnew, li huma neċessarji għall-eżerċizzju, min-naħa tal-konċessjonarju, tal-attività tiegħu ta’ trasport u ta’ provvista tal-enerġija elettrika, bl-esklużjoni tal-kostruzzjonijiet ta’ produzzjoni.

[…]”

16      Madankollu, fil-passat, ir-RAG kienet distinta minn forom oħra ta’ konċessjonijiet, b’mod partikolari peress li, l-ewwel nett, ma kinitx tippreċiża s-sistema ta’ proprjetà tal-beni taħt konċessjoni, it-tieni nett, ma kienx fiha klawżola ta’ sistema ta’ restituzzjoni tal-beni konċessi u, it-tielet nett, kienet għal żmien eċċezzjonalment twil ta’ 75 sena.

17      Fin-nuqqas ta’ regoli ta’ kontabilità speċifiċi għall-konċessjonijiet u bi ftehim mal-Conseil national de la comptabilité (Kunsill Nazzjonali tal-Kontabilità) (CNC), EDF qieset ruħha, sa mill-1946, bħala proprjetarja tar-RAG.

18      Għalhekk, il-beni li jifformaw parti mir-RAG ġew irreġistrati bħala beni li jappartjenu lil EDF fl-attiv tal-karta tal-bilanċ tagħha u kienu s-suġġett ta’ trattament kontabbli tad-dritt komuni, fejn id-deprezzament sar b’applikazzjoni tal-“metodu tal-prezz storiku”, li wassal għal deprezzament ordinarju matul iż-żmien kollu tal-kostruzzjonijiet, u dan sal-1986.

19      L-applikazzjoni lil EDF tal-pjan ta’ kontabbiltà ġenerali tal-1982, li kien jinkludi fih regoli ta’ kontabilità speċifiċi għall-konċessjonijiet, wasslet, sa mill-1987, sabiex jiġi emendat it-trattament kontabbli tar-RAG, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-1975 mis-CNC fil-“Gwida għall-konċessjonijiet” tiegħu.

20      Dan kien jinvolvi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-obbligi speċifiċi li kellhom josservaw il-konċessjonarji, li kellhom l-obbligu ta’ restituzzjoni tal-beni konċessi fi stat tajjeb ta’ tħaddim fl-aħħar tal-konċessjoni, abbażi tal-“prinċipju ta’ perennità tas-servizzi pubbliċi”.

21      Minbarra li kien jipprovdi l-obbligu fuq il-konċessjonarju li jirreġistra taħt taqsima speċifika għall-attiv tal-karta tal-bilanċ tiegħu l-assi fissi mogħtija b’konċessjoni, il-pjan kontabbli ġenerali tal-1982 kien jistabbilixxi l-prinċipju segwenti:

“Iż-żamma fil-livell meħtieġ mis-servizz pubbliku tal-potenzjal produttiv tal-installazzjonijiet konċessi għandu jintlaħaq permezz tad-deprezzamenti jew, eventwalment, permezz ta’ riżervi adegwati. Sa fejn il-valur utli ta’ installazzjoni jista’ jiġi kkonservat permezz ta’ manutenzjoni konvenjenti, l-installazzjoni msemmija ma tkunx is-suġġett, fuq il-livell tal-ispejjeż tat-tħaddim tal-konċessjonarju, ta’ allokazzjonijiet għal tnaqqis minħabba deprezzament. Ir-riżervi użati biex ikopru l-manutenzjoni tal-potenzjal produttiv huma riżervi għat-tiġdid.”

22      B’applikazzjoni tal-pjan kontabbli ġenerali tal-1982, ġie stabbilit pjan kontabbli speċifiku għal EDF. Dan il-pjan kontabbli kien is-suġġett ta’ opinjoni konformi tas-CNC fid-19 ta’ Diċembru 1984, u sussegwentement ġie approvat mid-digriet interministerjali tal-21 ta’ Diċembru 1986 (JORF tat-30 ta’ Diċembru 1986, p. 15794).

23      B’applikazzjoni tal-pjan kontabbli partikolari ta’ EDF, ir-RAG ġiet irreġistrata mal-attiv tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF fit-taqsima bit-titolu “Assi fissi korporali tat-taqsima konċessa”.

24      Riżervi speċifiċi abbażi tat-tiġdid tal-assi fissi konċessi ġew miżjuda mad-deprezzament ordinarju riżultanti mill-applikazzjoni tal-“metodu tal-prezz storiku”, liema riżervi kienu intiżi sabiex jippermettu lill-konċessjonarju li jagħti lura lill-konċedent il-beni tiegħu fi stat perfett fl-aħħar tal-konċessjoni.

25      Riżervi għat-tiġdid ġew kostitwiti bejn l-1987 u l-1996.

26      L-ispejjeż għat-tiġdid imħallsa minn EDF ġew irreġistrati fil-karta tal-bilanċ fit-taqsima bit-titolu “Kontro-valur tal-beni taħt konċessjoni”.

27      Din it-taqsima, imsejħa wkoll “Drittijiet tal-konċedent”, kienet tirrappreżenta dejn ta’ EDF fir-rigward tal-Istat Franċiż, marbut mar-restituzzjoni gratwita tal-beni mibdula fl-aħħar tal-konċessjoni.

28      Madankollu, f’rapport tal-1994, il-Qorti tal-Awdituri Franċiża kkunsidrat is-segwenti:

“Il-prinċipji kontabbli derogatorji tad-dritt komuni huma bbażati fuq l-eżistenza ta’ terminu reali għall-kuntratt ta’ konċessjoni li, waħdu, jippermetti li ssir distinzjoni bejn assi fissi rinnovabbli u assi fissi mhux rinnovabbli. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan it-terminu jikkostitwixxi l-iskop tal-mekkaniżmu kontabbli. Dan jikkondizzjona l-possibbiltà ta’ restituzzjoni tal-assi fissi tal-qasam mogħti b’konċessjoni lill-awtorità konċedenti, u jiġġustifika l-eżistenza tad-drittijiet tal-konċedent fil-passiv tal-karta tal-bilanċ. Dan huwa l-bażi tal-eżistenza u tat-tnaqqis tar-riżervi għat-tiġdid, li jippermetti li jiġi kkonstatat l-oneru li jikkostitwixxi għall-konċessjonarju r-restituzzjoni lill-konċedent tal-aħħar ass fiss li sar mhux rinnovabbli […]

Fil-preżenza ta’ stabbiliment pubbliku konċessjonarju permanenti tal-Istat b’riżultat tal-liġi ta’ nazzjonalizzazzjoni stess, wieħed jista’ jistaqsi biss dwar ir-realtà tad-distinzjoni li saret fil-kontijiet bejn patrimonju tal-konċessjoni u patrimonju tal-konċessjonarju, u jenfasizza li n-nuqqas ta’ terminu għall-konċessjoni ma jawtorizzax l-applikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-gwida kontabbli tal-impriżi konċessjonarji.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

29      Il-Qorti tal-Awdituri Franċiża rrilevat ukoll in-natura irregolari tat-tnaqqis fiskali li kienet ibbenifikat minnu EDF wara l-ħolqien irregolari tar-riżervi għat-tiġdid tar-RAG.

30      Għalhekk, l-Istat Franċiż ipproċeda għal kjarifika tal-istatus patrimonjali tar-RAG kif ukoll għal ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF.

31      Il-kuntratt ta’ impriża “État-EDF 1997-2000”, iffirmat fit-8 ta’ April 1997, kien jipprovdi għal normalizzazzjoni tal-kontijiet tal-impriża u tar-relazzjonijiet finanzjarji tagħha mal-Istat, bil-għan li jinfetaħ is-suq tal-elettriku kif previst mid-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 3):

“Is-suq tal-elettriku jinsab […] f’tibdil sħiħ. Fi ħdan l-Unjoni Ewropea, għadhom kif ġew stabbiliti regoli dwar it-tħaddim tas-suq intern tal-elettriku […]

Finalment, l-impenji stabbiliti f’dan il-kuntratt ser ikunu intiżi wkoll sabiex jistabilizzaw ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istat u EDF u sabiex jiċċaraw l-eżerċizzju tal-kontroll tal-Istat fuq EDF billi jiggarantixxu l-awtonomija tal-impriża fil-kuntest ta’ proġett kondiviż […]

Il-karta tal-bilanċ ta’ EDF ser tkun ristrutturata, bl-iskop doppju li tissaħħaħ is-sitwazzjoni netta tal-impriża u li tkun stabilizzata r-relazzjoni finanzjarja bejn l-Istat u l-impriża fuq bażijiet relatati mill-viċin mad-dritt komuni. Fl-1997, ser titressaq miżura leġiżlattiva quddiem il-Parlament b’tali mod li d-data għal din ir-ristrutturazzjoni jkollha effett mill-1 ta’ Jannar 1997.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

32      Huwa minn din il-perspettiva li ġiet adottata l-Liġi Nru 97‑1026.

33      Qabel l-adozzjoni ta’ din il-liġi, il-karta tal-bilanċ ta’ EDF kienet ifformulata b’dan il-mod:

–        fl-attiv, taqsima bit-titolu “Assi fissi korporali tal-qasam konċess” fl-ammont ta’ 285.7 biljun Frank Franċiżi (FRF), li minnhom, madwar FRF 90 biljun abbażi tar-RAG;

–        fil-passiv, taqsima bit-titolu “Riżervi”, li minnhom, madwar FRF 38.5 biljun abbażi tar-RAG, kif ukoll taqsima bit-titolu “Kontro-valur tal-beni konċessi” fejn jiġu rreġistrati l-ispejjeż ta’ tiġdid imwettqa. Din it-taqsima kienet tammonta għal FRF 145.2 biljun, li minnhom FRF 18.3 biljun abbażi tar-RAG.

34      Wara l-adozzjoni tal-Liġi Nru 97‑1026 u b’applikazzjoni tal-Artikolu 4 tagħha, ġie deċiż is-segwenti:

–        l-ewwel nett, il-beni li jikkostitwixxu r-RAG ġew riklassifikati, għal FRF 90.325 biljun, bħala “beni proprji”, u b’hekk tilfu l-kwalifika bħala “beni konċessi”;

–        it-tieni nett, ir-riżervi mhux użati għat-tiġdid tar-RAG, f’ammont ta’ FRF 38.521 biljun, ġew inklużi bħala qliegħ mhux distribwit mingħajr ma għaddew mill-kont tal-profitti u telf, u ġew riklassifikati fl-ammont ta’ FRF 20.225 biljun fit-trasferiment tat-telf, b’liema mod dan il-kont ġie estint, u l-bqija ta’ FRF 18.296 biljun ġiet destinata għar-riżervi. Għalkemm ma dehrux fir-rapport tal-qliegħ, dawn ir-riklassifikazzjonijiet wasslu għall-konstatazzjoni ta’ dħul taxxabbli, intaxxat bir-rata ta’ 41.66 %, b’applikazzjoni tal-Artikolu 38(2) tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi;

–        it-tielet nett, id-“drittijiet tal-konċedent” ġew allokati direttament fit-taqsima taż-żiediet fil-kapital f’ammont ta’ FRF 14.119 biljun (fuq total ta’ FRF 18.345 biljun) mingħajr ma għaddew mir-rapport tal-qliegħ, u l-bqija ġiet irreġistrata f’diversi kontijiet ta’ rievalwazzjoni.

35      Din ir-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF hija spjegata fl-Anness 1 tal-ittra tal-Ministeru tal-Ekonomija, tal-Finanzi u tal-Industrija, tas-Segretarju tal-Istat għall-Baġit u tas-Segretarju tal-Istat għall-Industrija Franċiża mibgħuta lil EDF fit-22 ta’ Diċembru 1997.

 Il-proċedura amministrattiva

36      Permezz ta’ ittri tal-10 ta’ Lulju u tas-27 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex jipprovdulha xi informazzjoni dwar diversi miżuri li ttieħdu fir-rigward ta’ EDF u li jistgħu jinvolvu elementi ta’ għajnuna mill-Istat.

37      L-awtoritajiet Franċiżi kkomunikaw ċertu numru ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni permezz tal-ittri tat-12 ta’ Ottubru 2001 u tal-21 ta’ Frar 2002. Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ April 2002, dawn għamlu xi preċiżazzjonijiet, li jinsabu f’nota tad-Direttorat Ġenerali tat-Taxxi tal-Ministeru tal-Ekonomija, tal-Finanzi u tal-Industrija Franċiża (iktar ’il quddiem id-“Direttorat Ġenerali tat-Taxxi”), li fiha kien hemm b’mod partikolari indikat is-segwenti:

“L-argumentazzjoni li tgħid li l-ipproċessar kontabbli u fiskali mill-ġdid tar-riżervi għat-tiġdid relatati mar-[RAG] li sar fl-1997 ippermetta l-konsolidazzjoni ta’ benefiċċju fiskali mhux ġustifikat ma tistax tiġi aċċettata. F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn l-ipproċessar mill-ġdid tar-riżervi għat-tiġdid użati li jidhru, skont l-informazzjoni pprovduta mill-EDF, fit-taqsima ‘[D]rittijiet tal-konċedent’ f’ammont ta’ [FRF] 14.119 [biljun] u mhux ta’ [FRF] 18.345 [biljun], minn dak tar-riżervi li għadhom mhux użati f’ammont ta’ [FRF] 38.5 [biljun].

Id-drittijiet tal-konċedent relatati mar-RAG jirrappreżentaw dejn mhux dovut li l-inkorporazzjoni fil-kapital ħelset mit-taxxa b’mod inġustifikat.

Dawn ir-riżervi ġew inkorporati fil-kapital mingħajr effett fiskali, peress li r-RAG ma hijiex suġġetta għas-sistema fiskali u kontabbli tal-konċessjonijiet. Peress li r-RAG tikkonsisti minn beni proprji, EDF ma kinitx marbuta fir-rigward tal-Istat minn ebda dejn ta’ restituzzjoni ta’ dawn il-beni, b’tali mod li l-ammonti korrispondenti li jidhru fit-taqsima ‘[D]rittijiet tal-konċedent’ jikkostitwixxu mhux passiv reali, iżda riżerva mhux liberata ta’ taxxa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din ir-riżerva kellha, qabel l-inkorporazzjoni tagħha fil-kapital, tiġi ttrasferita mill-passiv tal-istabbiliment fejn kienet tidher bi żball, lejn kont patrimonjali nett, u b’hekk tinvolvi varjazzjoni pożittiva ta’ attiv nett taxxabbli b’applikazzjoni tal-Artikolu 38 [(2)], diġà ċċitat.

Il-benefiċċji fiskali miksuba b’dan il-mod jistgħu jiġu stmati għal [FRF] 5.88 [biljun] (14.119 x 41.66 %).

B’mod parallel, għandu jiġi osservat li madankollu, l-aġġustament magħmul permezz tal-assenjazzjoni diretta fil-kont ‘trasferiment’ mingħajr ma għadda mir-rapport tal-qliegħ, wassal għall-konstatazzjoni ta’ dħul taxxabbli ta’ FRF 38.5 biljun (EUR 5.869 biljun), b’applikazzjoni tal-Artikolu 38(2) tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi. Minn dan jirriżulta li l-benefiċċju fiskali riżultanti mit-tnaqqis, waqt il-kostituzzjoni tagħhom, tar-riżervi mhux użati, ġie effettivament newtralizzat.

[…]

Minn dan isegwi li jekk ir-riklassifikazzjoni fil-kapital tar-riżervi għat-tiġdid diġà użati u li jidhru fit-taqsima ‘[D]rittijiet tal-konċedent’ kellha, f’kull każ, tgħaddi mir-rapport tal-qliegħ, din kienet iktar milli ampjament ikkumpensata, abbażi tal-istess sena, permezz tar-reintegrazzjoni tar-riżervi għat-tiġdid mhux użati.

Ladarba approċċ komprensiv għall-operazzjonijiet ma jurix li kien hemm benefiċċju inġust, l-aġġustamenti ta’ natura kontabbli u fiskali magħmula fl-1997 ma jikkostitwixxux għal EDF għajnuna li tista’ ssaħħaħ indebitament il-pożizzjoni kompetittiva tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

38      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Mejju 2002, il-Kummissjoni indikat li xi informazzjoni kienet għadha nieqsa, minkejja t-talbiet preċedenti tagħha, u barra minn hekk, hija talbet xi kjarifiki fir-rigward tal-aħħar informazzjoni li kienet ġiet mogħtija lilha.

39      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ġunju 2002, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu xi informazzjoni kumplimentari, u saret laqgħa fit-3 ta’ Settembru 2002.

40      Il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Franċiżi tliet deċiżjonijiet magħquda fir-rigward ta’ EDF, permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Ottubru 2002, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fis-16 ta’ Novembru 2002 (ĠU C 280, p. 8) fil-lingwa awtentika (il-Franċiż), preċeduta minn sommarju fil-lingwi uffiċjali l-oħra.

41      Minn naħa, il-Kummissjoni pproponiet lill-awtoritajiet Franċiżi, b’mod konformi mal-Artikolu 88(1) KE it-tneħħija, bħala miżura utli, tal-garanzija illimitata tal-Istat li kienet tibbenifika minnha EDF fuq l-obbligi kollha tagħha abbażi tal-istatus tagħha bħala stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali, li jipprekludi kull applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar ir-riabilitazzjoni u l-likwidazzjoni ta’ kumpaniji f’diffikultà. Min-naħa l-oħra, b’mod konformi mal-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-benefiċċju li jirriżulta min-nuqqas ta’ ħlas minn EDF tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta fuq il-parti tar-riżervi kontabbli maħluqa b’eżenzjoni mit-taxxi għat-tiġdid tar-RAG (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”). Finalment, hija ordnat lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex jipprovdu xi informazzjoni neċessarja għall-eżami ta’ dan il-benefiċċju fiskali.

42      L-awtoritajiet Franċiżi kkomunikaw il-kummenti tagħhom lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Diċembru 2002, li fiha huma kkontestaw li EDF ibbenifikat minn benefiċċju fiskali fl-1997.

43      Inżammet laqgħa teknika fit-12 ta’ Frar 2003 fir-rigward tal-benefiċċju fiskali li allegatament ibbenifikat minnu EDF fl-1997, li għaliha pparteċipaw il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi.

44      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Ġunju 2003, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu lill-Kummissjoni l-kummenti tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

45      Fis-17 ta’ Novembru 2003, ġiet organizzata laqgħa teknika oħra bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi u r-rappreżentanti ta’ EDF fir-rigward tal-benefiċċju fiskali li allegatament ibbenifikat minnu EDF fl-1997. L-awtoritajiet Franċiżi bagħtu informazzjoni kumplimentari dwar din il-kwistjoni permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Novembru 2003.

46      Fis-16 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni dwar miżuri ta’ għajnuna favur EDF u s-settur tal-industriji tal-elettriku u tal-gass (C 68/2002, N 504/2003 u C 25/2003) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Id-deċiżjoni kkontestata

47      Id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda, rispettivament, sistema ta’ “garanzija illimitata” mogħtija mir-Repubblika Franċiża lil EDF, fuq ċerti aspetti tas-sistema tal-irtirar fis-settur tal-industriji tal-elettriku u tal-gass, u fuq in-nuqqas ta’ ħlas minn EDF, fl-1997, tat-taxxa fuq il-kumpanniji fuq il-parti tar-riżervi maħluqa b’eżenzjoni mit-taxxi għat-tiġdid tar-RAG.

48      L-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jiddisponi:

“In-nuqqas ta’ ħlas min-naħa ta’ EDF, fl-1997, tat-taxxa fuq il-kumpanniji fuq il-parti tar-riżervi maħluqa b’eżenzjoni mit-taxxa għat-tiġdid tar-RAG, korrispondenti għal [FRF] 14.119 biljun ta’ drittijiet tal-konċedent riklassifikati bħala żiediet fil-kapital, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni.

L-element ta’ għajnuna implikat fin-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji jammonta għal EUR 888.89 miljun.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

49      L-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“Franza għandha tadotta kull miżura neċessarja sabiex tirkupra mingħand EDF l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3 u li diġà tpoġġiet għad-dispożizzjoni tagħha illegalment.

L-irkupru għandu jsir mingħajr dewmien b’mod konformi mal-proċeduri tad-dritt nazzjonali, kemm-il darba dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-deċiżjoni. L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata tinkludi l-interessi mid-data li fiha din tpoġġiet għad-dispożizzjoni ta’ EDF, sad-data tal-irkupru effettiv tagħha. L-interessi huma kkalkulati abbażi tar-rata ta’ referenza użata għall-kalkolu tal-ekwivalenti għas-sussidju fil-kuntest tal-għajnuna bi skop reġjonali u fuq bażi komposta b’mod konformi mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rati ta’ imgħax applikabbli fil-każ ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

50      Fir-rigward tal-benefiċċju fiskali li allegatament ibbenifikat minnu EDF fl-1997, il-Kummissjoni kkunsidrat is-segwenti:

“84. Peress li l-Liġi [Nru 97‑1026] stabbilixxiet li EDF kienet meqjusa bħala l-proprjetarja tar-RAG sa mill-1956, għandu jiġi vverifikat jekk din il-liġi timplikax it-trasferiment tal-proprjetà tar-RAG.

85. Skont l-informazzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet Franċiżi, EDF tista’ raġjonevolment titqies bħala l-proprjetarja tar-RAG sa mill-ewwel speċifikazzjonijiet tal-1956. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq l-elementi segwenti: il-karatteristiċi tad-diversi tipi ta’ kuntratti ta’ konċessjoni fid-dritt Franċiż, il-karatteristiċi partikolari tal-konċessjoni oriġinali lil EDF, li ma kinitx tinkludi klawżola preċiża ta’ restituzzjoni, il-proċedura ta’ akkwist tal-attivi kkonċernati, li għalihom EDF kellha ċċedi dritt simili għal kumpens għal esproprjazzjoni, u l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tal-manutenzjoni u l-iżvilupp tar-RAG għall-ispejjeż ta’ EDF. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li minnha nnifisha, il-‘kjarifika’ fuq il-proprjetà tar-RAG, imwettqa mil-Liġi [Nru 97‑1026], ma fihiex elementi ta’ għajnuna mill-Istat.

86. Issa għandu jiġi eżaminat jekk il-Liġi [Nru 97‑1026] ikkunsidratx il-konsegwenzi fiskali kollha ta’ din il-‘kjarifika’ u, jekk dan ma huwiex il-każ, jekk kienx hemm benefiċċju ta’ natura fiskali favur ta’ EDF.

87. Matul il-perijodu mill-1987 sal-1996, EDF ħolqot riżervi b’eżenzjoni mit-taxxa għat-tiġdid tar-RAG. B’konsegwenza tal-Liġi [Nru 97‑1026] li qieset lil EDF bħala proprjetarja tar-RAG sa mill-1956, dawn ir-riżervi saru mingħajr skop, u b’hekk kellhom jiġu riklassifikati f’taqsimiet oħra tal-karta tal-bilanċ.

88. L-ittra tal-Ministru tal-Ekonomija, li tistabbilixxi l-konsegwenzi fiskali tar-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF, turi li r-riżervi għat-tiġdid tar-RAG mhux użati ġew suġġetti mill-awtoritajiet Franċiżi għat-taxxa fuq il-kumpanniji b’rata ta’ 41.66 %, ir-rata applikabbli fl-1997.

89. Min-naħa l-oħra, b’mod konformi mal-Artikolu 4 tal-Liġi [97‑1026], parti minn dawn ir-riżervi, id-drittijiet tal-konċedent, korrispondenti għall-operazzjonijiet ta’ tiġdid diġà mwettqa, ġiet riklassifikata bħala żieda fil-kapital fl-ammont ta’ FRF 14.119 biljun mingħajr ma ġiet suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji. L-awtoritajiet Franċiżi stess jirrikonoxxu n-natura illegali ta’ din l-operazzjoni. F’nota tad-Direttorat Ġenerali tat-Taxxi tad-9 ta’ April 2002, mibgħuta lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi jindikaw li ‘d-drittijiet tal-konċedent relatati mar-RAG jirrappreżentaw dejn mhux dovut li l-inkorporazzjoni fil-kapital ħelset mit-taxxa b’mod mhux ġustifikat’ u li ‘din ir-riżerva kellha, qabel l-inkorporazzjoni tagħha fil-kapital, tiġi ttrasferita mill-passiv tal-istabbiliment fejn kienet tidher b’mod żbaljat, lejn kont patrimonjali nett, biex b’hekk twassal għal varjazzjoni pożittiva tal-attiv nett taxxabbli b’applikazzjoni tal-Artikolu 38(2)’ tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi. Huma jikkonstataw li ‘l-benefiċċju f’taxxi akkwistat b’dan il-mod [fl-1997 minn EDF] jista’ jiġi valutat għal FRF 5.88 biljun (14.119 × 41.66 %)’, jiġifieri EUR 888.89 miljun.

90. Minn naħa, il-Kummissjoni tikkonstata li b’mod konformi mal-opinjoni tas-[CNC], il-korrezzjonijiet tal-iżbalji għandhom jiġu kontabilizzati fir-riżultat tas-sena li matulha dawn ġew ikkonstatati. Min-naħa l-oħra, għalkemm ir-riżervi mhux użati li kienu ġew maħluqa b’eżenzjoni mit-taxxa f’ammont ta’ FRF 38.5 biljun ġew issuġġettati għat-taxxa fuq il-kumpanniji b’rata ta’ 41.66 % fl-1997, il-Kummissjoni tqis li ma teżisti l-ebda raġuni oġġettiva għalfejn ma ġietx suġġetta għat-taxxa l-parti l-oħra tar-riżervi maħluqa b’eżenzjoni mit-taxxa bl-istess rata.

91. Il-Kummissjoni tqis li d-drittijiet tal-konċedent kellhom jiġu ntaxxati flimkien ma’ u bl-istess rata bħar-riżervi kontabbli l-oħra maħluqa b’eżenzjoni mit-taxxa. Dan ifisser li l-FRF 14.119 biljun ta’ drittijiet tal-konċedent kellhom jiżdiedu mal-FRF 38.5 biljun ta’ riżervi mhux użati sabiex jiġu ntaxxati bir-rata ta’ 41.66 % applikata għar-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF mill-awtoritajiet Franċiżi. Meta ma ħalsitx it-total tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta matul ir-ristrutturar tal-karta tal-bilanċ tagħha, EDF iffrankat EUR 888.89 miljun.

92. Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna ġiet mogħtija fl-1997, għaliex f’din id-data, l-ammont ta’ FRF 14.119 biljun kien dejn lejn l-Istat, irreġistrat fil-karta tal-bilanċ bħala drittijiet tal-konċedent, li l-Istat abbanduna permezz tal-Liġi [Nru 97‑1026].

93. L-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li, anki fin-nuqqas ta’ riżervi għat-tiġdid tar-RAG, EDF ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tħallas it-taxxa fuq il-kumpanniji mill-1987 sal-1996 minħabba t-trasferiment fiskali b’defiċit. Il-Kummissjoni tqis li dan l-argument ma huwiex rilevanti, peress li l-benefiċċju fiskali ilu mill-1997, u mhux mis-snin preċedenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li, fin-nuqqas ta’ dan it-tnaqqis ta’ riżervi, it-trasferimenti fiskali b’defiċit kien jgħib b’mod progressiv mill-1987 sal-1996, u b’hekk li fl-1997, l-ammont tat-taxxa dovuta mill-EDF kien nettament superjuri.

94. L-awtoritajiet Franċiżi jqisu wkoll li għalkemm il-kostituzzjoni tar-riżervi għat-tiġdid tar-RAG irriżultat f’benefiċċju, dan għandu jitqies bħala annullat miż-żieda tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa fl-1997. Il-Kummissjoni tista’ biss tiċħad dan l-argument. Kif għadha kif weriet u kif jindikaw l-awtoritajiet Franċiżi stess fin-nota tagħhom tad-9 ta’ April 2002, għalkemm ir-riżervi għat-tiġdid mhux użati ġew intaxxati b’mod normali, id-drittijiet tal-konċedent ġew riklassifikati bħala żieda fil-kapital mingħajr ma ġew issuġġettati għat-taxxa fuq il-kumpanniji. B’hekk, it-taxxa mħallsa minn EDF fl-1997 hija inferjuri għat-taxxa normalment dovuta.

95. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi jallegaw li r-riforma kontabbli tal-1997 hija ekwivalenti għal tnaqqis kumplimentari tal-kapital f’ammont ugwali għall-eżenzjoni parzjali mit-taxxa. B’hekk, min-naħa tagħhom, din hija kwistjoni ta’ investiment u mhux ta’ għajnuna. Huma jsostnu wkoll li fil-perijodu mill-1987 sal-1996, EDF ħallset globalment lill-Istat somma superjuri għat-taxxa fuq il-kumpanniji li kien ikollha tħallas kumpannija tad-dritt kummerċjali li ma kinitx ħolqot riżervi għat-tiġdid tar-RAG u li kienet ħallset lill-azzjonisti tagħha dividend ugwali għal 37.5 % tad-dħul nett wara t-taxxa.

96. Il-Kummissjoni tista’ biss tiċħad dawn l-argumenti filwaqt li tfakkar li l-prinċipju tal-investitur privat jista’ japplika biss fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi, u mhux fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ poteri regolatorji. Awtorità pubblika ma tistax tuża l-argument tal-eventwali profitti ekonomiċi li hija setgħet tikseb bħala proprjetarja ta’ impriża sabiex tiġġustifika għajnuna mogħtija b’mod diskrezzjonarju permezz tal-prerogattivi li tiddisponi minnhom bħala awtorità fiskali fil-konfront ta’ din l-istess impriża.

97. Fil-fatt, għalkemm Stat Membru jista’, minbarra l-eżerċizzju tal-funzjoni pubblika tiegħu, jaġixxi bħala azzjonist, huwa ma jistax jgħaqqad flimkien il-funzjonijiet tiegħu ta’ Stat li jeżerċita s-setgħa pubblika u dawk ta’ Stat azzjonist. Jekk l-Istati Membri jiġu awtorizzati li jużaw il-prerogattivi ta’ setgħa pubblika tagħhom favur l-investimenti li jkollhom f’impriżi attivi fi swieq miftuħa għall-kompetizzjoni, jiġu miċħuda minn kull effett utli r-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, għalkemm, abbażi tal-Artikolu 295 tiegħu, it-Trattat huwa newtrali fir-rigward tal-proprjetà tal-kapital, xorta jibqa’ l-fatt li l-impriżi pubbliċi għandhom ikunu suġġetti għall-istess regoli bħall-impriżi privati. Għalhekk, ma jkunx hemm iktar trattament ugwali bejn l-impriżi pubbliċi u l-impriżi privati jekk l-Istat juża l-prerogattivi tas-setgħa pubblika tiegħu favur l-impriżi li huwa azzjonist fihom.

98. L-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li r-rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji li kellha tiġi applikata għar-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF hija dik tal-1996 u mhux tal-1997. Kif indikat preċedentement, minn naħa l-Kummissjoni tosserva li s-[CNC] jqis li l-iżbalji kontabbli għandhom jiġu korretti matul l-eżerċizzju kontabbli li matulu ġew ikkonstatati. Peress li r-riżervi għat-tiġdid tar-RAG saru mingħajr skop b’riżultat tal-Liġi [Nru 97‑1026], huwa fil-fatt matul l-eżerċizzju kontabbli 1997 li dawn kellhom jiġu riklassifikati u b’hekk intaxxati bir-rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji applikabbli matul dan l-eżerċizzju. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkonstata li l-awtoritajiet Franċiżi stess applikaw ir-rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-1997 fuq dik il-parti tar-riżervi li ġiet intaxxata.

99. B’hekk, in-nuqqas ta’ ħlas minn EDF, fl-1997, ta’ EUR 888.89 miljun f’taxxi jikkostitwixxi benefiċċju għall-grupp. EDF setgħet tuża s-somma ekwivalenti għan-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa sabiex issaħħaħ il-kapitali tagħha mingħajr ma ssejjaħ għal riżorsi finanzjarji esterni. Il-benefiċċju huwa neċessarjament selettiv, peress li n-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji fuq parti minn dawn ir-riżervi kontabbli tikkostitwixxi eċċezzjoni għat-trattament fiskali normalment applikabbli għal tali operazzjoni. Il-fatt li l-benefiċċju ġie mogħti lil EDF permezz ta’ att leġiżlattiv speċifiku, il-Liġi [Nru 97‑1026], jixhed in-natura unika u eżorbitanti tiegħu.

[…]

154. B’hekk, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna eżaminata tikkostitwixxi għajnuna għat-tħaddim, li kellha l-effett li ssaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva ta’ EDF fil-konfront tal-kompetituri tagħha. B’hekk, din hija inkompatibbli mas-suq komuni.

155. Finalment, il-Kummissjoni tqis li kuntrarjament għall-affermazzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi, ir-regola ta’ preskrizzjoni ma tapplikax f’dan il-każ. Ċertament, EDF ħolqot ir-riżervi kontabbli b’eżenzjoni mit-taxxa mill-1987 sal-1996. Madankollu, minn naħa għandu jiġi rrimarkat li skont is-[CNC], il-korrezzjonijiet ta’ żbalji li, min-natura tagħhom stess, jirrigwardaw il-kontabilizzazzjoni tal-operazzjonijiet li saru fil-passat, għandhom jiġu kontabilizzati fir-riżultat tas-sena li matulha dawn ġew ikkonstatati u, min-naħa l-oħra, li l-liġi li tiddisponi li d-drittijiet tal-konċedent jiġu riklassifikati bħala żieda fil-kapital mingħajr ma jiġu suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji hija tal-10 ta’ Novembru 1997. B’hekk, il-benefiċċju fiskali ilu mill-1997, u l-preskrizzjoni ma tapplikax għal għajnuna ġdida mħallsa f’din id-data.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

51      Fir-rigward tal-interessi kkalkulati b’applikazzjoni tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont totali li qed tintalab ir-restituzzjoni tiegħu lil EDF jammonta għal EUR 1.217 biljun. EDF ħallset lura din is-somma lill-Istat Franċiż.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

52      B’talba ppreżentata fis-27 ta’ April 2004 fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li saret il-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Diċembru 2009), EDF ippreżentat dan ir-rikors.

53      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Awwissu 2004, ir-Repubblika Franċiża talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ EDF. Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Settembru 2004, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dan l-intervent. Ir-Repubblika Franċiża ppreżentat in-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha fit-terminu mogħti.

54      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Frar 2005, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiża sabiex rapport intitolat “Rapport Oxera”, anness minn EDF mal-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tar-Repubblika Franċiża, jiġi rtirat mill-proċess minħabba li huwa prova ġdida li huwa inammissibbli f’dan l-istadju tal-proċedura.

55      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ April 2005, EDF talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiża sabiex tistieden lill-Kummissjoni tesprimi ruħha dwar il-kontenut tal-imsemmi rapport. Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din it-talba permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ġunju 2005.

56      Il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu bil-miktub għall-mistoqsijiet li ġew innotifikati lilhom mir-Reġistratur fit-12 ta’ Ġunju 2006. Il-partijiet issodisfaw din it-talba fiż-żmien mogħti.

57      Permezz ta’ att irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Marzu 2008, Iberdrola, SA talbet sabiex tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

58      Peress li t-talba għal intervent tressqet wara li skada t-terminu ta’ sitt ġimgħat stabbilit fl-Artikolu 115(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Ġunju 2008, Iberdrola ġiet aċċettata sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha matul il-proċedura orali.

59      Il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) stiednet lill-partijiet sabiex iwieġbu bil-miktub għall-mistoqsijiet ġodda li ġew innotifikati lilhom mir-Reġistratur fl-14 ta’ Mejju 2008. Il-partijiet issodisfaw din it-talba fiż-żmien mogħti.

60      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-25 ta’ Novembru 2008.

61      EDF, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, titlob sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

62      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Iberdrola, titlob sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala mhux fondat;

–        tikkundanna lil EDF għall-ispejjeż.

63      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tar-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni talbet ukoll sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

 Id-dritt

64      B’mod prinċipali, EDF tqajjem essenzjalment tliet motivi.

65      Minn naħa, permezz tal-ewwel motiv tagħha, EDF tosserva li l-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999 meta ma ppermettietilhiex li tressaq kummenti utli dwar it-“tibdil fl-evalwazzjoni” li seħħ bejn id-deċiżjoni ta’ ftuħ u d-deċiżjoni kkontestata.

66      Min-naħa l-oħra, EDF issostni li l-fatt li ma ġietx informata, matul il-proċedura, bi “bdil fundamentali fl-evalwazzjoni” jikkostitwixxi ksur tad-“drittijiet tad-difiża” tagħha.

67      Permezz tat-tieni motiv tagħha, EDF tosserva essenzjalment li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji ta’ dritt fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” u li barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi fiha diversi lakuni f’termini ta’ motivazzjoni.

68      Fl-ewwel lok, is-“sotto-kumpens” tal-ispejjeż ta’ servizz pubbliku mħallsa minn EDF, li akkumula b’mod sinjifikanti ħafna sa mill-1997, jannulla kull “benefiċċju ipotetiku” li setgħet ibbenifikat minnu.

69      Fit-tieni lok, il-miżuri inkwistjoni kellhom jiġu kklassifikati bħala żieda fil-kapital u jiġu evalwati f’kuntest globali ta’ kjarifika tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istat u EDF. Meta implementa dawn il-miżuri, l-Istat aġixxa bħala investitur privat avżat f’ekonomija tas-suq.

70      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest globali tar-ristrutturazzjoni tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istat u EDF fl-1997, sabiex tikkonkludi li kien hemm nuqqas ta’ benefiċċju globali mogħti lil EDF.

71      Fir-raba’ lok, il-miżuri inkwistjoni ma influwenzawx il-kummerċ bejn Stati Membri.

72      Permezz tat-tielet motiv tagħha, EDF tosserva li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni billi ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha li topponi l-argument li jikkwalifika lill-miżuri inkwistjoni bħala operazzjoni ta’ rikapitalizzazzjoni.

73      Barra minn hekk, EDF tosserva wkoll li l-Kummissjoni għamlet interpretazzjoni żbaljata tal-aspetti fiskali tal-operazzjoni implementata fl-1997.

74      Barra minn hekk, EDF tqajjem żewġ motivi sussidjarji.

75      Permezz tal-ewwel motiv tagħha mressaq b’mod sussidjarju, EDF tallega li l-miżuri inkwistjoni – jekk wieħed jassumi li dawn jistgħu jiġu kkunsidrati bħala għajnuna – għandhom, fil-parti l-kbira jitqiesu bħala għajnuna eżistenti b’applikazzjoni tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, peress li dawn ġew implementati qabel il-liberalizzazzjoni effettiva tas-settur tal-elettriku. Barra minn hekk, fir-rigward tal-parti l-kbira minnhom, dawn għandhom jitqiesu bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999 dwar il-preskrizzjoni.

76      Permezz tat-tieni motiv tagħha mressaq b’mod sussidjarju, EDF issostni li f’kull każ, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi fiha diversi żbalji ta’ kalkolu li jivvizzjaw il-validità tagħha.

77      Ir-Repubblika Franċiża tintervjeni insostenn, fl-ewwel lok, tat-tieni motiv li huwa bbażat fuq in-nonapplikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat mill-Kummissjoni, fit-tieni lok, tat-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, fit-tielet lok, tal-motivi mressqa b’mod sussidjarju minn EDF.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat, minn naħa, fuq il-ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999 u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

 Argumenti tal-partijiet

78      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tagħha, EDF issostni li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni adottat pożizzjoni radikalment differenti minn dik li hija kienet ħadet fid-deċiżjoni ta’ ftuħ f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-kwalifika tal-miżuri inkwistjoni.

79      EDF issostni li skont id-deċiżjoni ta’ ftuħ, l-element ta’ għajnuna allegata jirriżulta mill-ħolqien tar-riżervi għat-tiġdid tar-RAG matul il-perijodu mill-1987 sal-1996, peress li huwa meqjus li kull sena, dawn ir-riżervi pprovdew lil EDF benefiċċju fiskali indebitu matul dan il-perijodu, liema benefiċċju ġie parzjalment annullat mill-aġġustamenti u mir-riklassifikazzjonijiet kontabbli mwettqa fl-1997. F’dan ir-rigward, EDF tirreferi għall-paragrafi 45, 49, 52, 56 u 84 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ.

80      EDF tqis li mill-paragrafi 45 u 49 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ jirriżulta b’mod ċar li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 97‑1026 huma meqjusa mill-Kummissjoni bħala li naqqsu l-benefiċċji miksuba preċedentement u mhux bħala li kkostitwixxew il-benefiċċji msemmija.

81      Barra minn hekk, hija tqis li huwa biss b’referenza għall-kunċett ta’ “konsolidazzjoni tal-għajnuna preċedenti” – liema kunċett huwa, qabel kollox, ġdid u barrani għar-Regolament Nru 659/1999 – li l-Kummissjoni dehret li trid torbot b’mod artifiċjali mas-sena 1997 biss il-benefiċċji allegati, li barra minn hekk hija sostniet li dawn kienu nkisbu matul il-perijodu mill-1987 sal-1996. B’mod iktar partikolari, f’dan ir-rigward, EDF tirreferi għall-paragrafu 71 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ.

82      EDF issostni li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bidlet il-pożizzjoni tagħha, billi qieset li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 97‑1026, li sa dak iż-żmien hija kienet ippreżentat bħala li naqqsu l-ammont tal-benefiċċji miksuba minnha, kienu fir-realtà l-element li jikkostitwixxi l-għajnuna allegata. F’dan ir-rigward, EDF tibbaża ruħha fuq it-termini tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata.

83      Barra minn hekk, EDF tqis li dan il-bdil fl-evalwazzjoni kellu influwenza fuq il-kwalifika bħala għajnuna ġdida tal-miżuri inkwistjoni u fuq ir-rifjut li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din kienet, jekk ikun il-każ, għajnuna eżistenti.

84      EDF issostni li, ladarba ġie deċiż li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tqiegħed lill-Istat u lit-terzi interessati f’pożizzjoni li jissottomettu l-kummenti tagħhom.

85      EDF tirrikonoxxi li, fl-istat attwali tal-ġurisprudenza – f’dan ir-rigward hija tirreferi għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2000, UFEX et vs Il‑Kummissjoni (T‑613/97, Ġabra p. II‑4055) – l-għan ta’ din il-fażi tal-proċedura jikkonsisti inqas fis-salvagwardja tad-“drittijiet tad-difiża” milli f’li jiġi permess li l-Kummissjoni tiġbor l-elementi utli għall-evalwazzjoni tagħha.

86      EDF tfakkar li madankollu, il-premessa 8 tar-Regolament Nru 659/1999 tindika li, “fil-każijiet kollha fejn, b’riżultat ta’ l-abbozz preliminari, il-Kummissjoni ma tistax issib fejn l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tinfetaħ sabiex tgħin lill-Kummissjoni tiġbor l-informazzjoni kollha li għandha bżonn sabiex tistma l-kompatibilità ta’ l-għajnuna u sabiex tippermetti lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom; billi d-drittijiet tal-partijiet interessati jistgħu jkunu salvagwardjati bl-aħjar mod fi ħdan il-qafas tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu [88](2) [KE]”.

87      Filwaqt li tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq l-aħħar frażi ta’ din il-premessa, EDF tqis li t-terzi interessati għandhom drittijiet li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha l-għan li tiggarantixxi. Dawn id-drittijiet jikkonsistu fil-possibbiltà li tiġi pprovduta lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li tippermettilha li twettaq l-evalwazzjoni tagħha b’mod xieraq.

88      Konsegwentement, peress li d-deċiżjoni li tinbeda proċedura formali hija ta’ natura li tolqot is-sitwazzjoni ġuridika tal-benefiċjarju tal-għajnuna u sabiex issir intimazzjoni kontrih (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il‑Kummissjoni, T‑195/01 u T‑207/01, Ġabra p. II‑2309, punt 85), EDF kellha titqiegħed f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministattiva kollha, li tesprimi b’mod utli l-fehma tagħha fuq ir-realtà u fuq ir-rilevanza tal-fatti, kif ukoll fuq l-ilmenti u ċ-ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 1994, Fiskano vs Il‑Kummissjoni, C‑135/92, Ġabra p. I‑2885, punt 40, u tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Marzu 2000, Kish Glass vs Il‑Kummissjoni, T‑65/96, Ġabra p. II‑1885, punt 32), u dan iktar u iktar peress li l-ammont tas-somom inkwistjoni kien kunsiderevoli u peress li kien hemm biss benefiċjarju wieħed involut.

89      EDF tallega li, peress li l-Kummissjoni ma informatx lit-terzi interessati bil-“bdil fundamentali” li seħħ fl-evalwazzjoni tagħha, hija ma kienet la f’pożizzjoni li tevalwa l-firxa tal-effett finanzjarju tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas li tipprovdilha informazzjoni utli għal komprensjoni korretta tas-sitwazzjoni.

90      Issa, skont EDF, peress li d-drittijiet tat-terzi huma limitati, għandha tiġi żgurata l-osservanza “partikolarment viġilanti” tagħhom, u konsegwentement, hemm bżonn li l-uniku dritt li huwa rikonoxxut lilhom – li huwa dak li jkunu jistgħu jikkomunikaw dokumenti u informazzjoni utli lill-Kummissjoni – jkun jista’, mill-inqas, jiġi eżerċitat b’għarfien sħiħ tal-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, għaliex inkella jiġi mneżża’ mis-sinjifikat tiegħu.

91      Skont EDF, dan ma kienx il-każ f’din il-kawża, peress li hija ma ġietx informatha bil-bdil tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, u peress li għalhekk, ma setgħetx tipprovdi l-informazzjoni u l-elementi utli li setgħu, pereżempju, iwasslu lill-Kummissjoni sabiex ma tabbandunax l-evalwazzjoni inizjali tagħha, li setgħet twassal sabiex il-parti l-kbira tal-miżuri inkwistjoni jingħataw il-kwalità ta’ għajnuna eżistenti.

92      Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999.

93      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv tagħha, EDF tistieden lill-Qorti Ġenerali sabiex tistaqsi ruħha dwar is-“severità tal-ġurisprudenza kurrenti” fil-qasam tad-“drittijiet tad-difiża tat-terzi interessati” – u partikolarment tal-benefiċjarju tal-għajnuna allegata – fil-kuntest tal-proċeduri dwar l-għajnuna mill-Istat.

94      EDF tfakkar li fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Marzu 1990, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “Tubemeuse” (C‑142/87, Ġabra p. I‑959), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura miftuħa kontra parti u li tista’ twassal għal att li jippreġudikaha, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jiġi żgurat anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika (punt 46 tas-sentenza).

95      Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, huma biss l-Istati Membri li jistgħu jingħataw “drittijiet ta’ difiża reali” skont il-ġurisprudenza, peress li l-proċedura hija miftuħa fir-rigward tagħhom u mhux kontra terzi benefiċjarji.

96      Issa, skont EDF, tali approċċ huwa, essenzjalment, diffiċilment konċiljabbli mal-fatt li huma t-terzi benefiċjarji li huma milquta minn ordni ta’ rimbors, peress li l-Istat Membru huwa, b’mod kuntrarju, benefiċjarju minn tali ordni f’termini finanzjarji. Għalhekk, hemm il-possibbiltà ta’ “kunflitt ta’ interessi” bejn l-Istat Membru u l-benefiċjarju.

97      Essenzjalment, EDF issostni li minn naħa, din is-sitwazzjoni ta’ “kunflitt ta’ interessi potenzjali” tenfasizza n-neċessità li jiġu protetti d-drittijiet rari rikonoxxuti lit-terzi interessati fil-kuntest tal-proċeduri relattivi għall-għajnuna mill-Istat – u b’mod partikolari d-dritt rikonoxxut lilhom mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999 – u min-naħa l-oħra tiġġustifika, lil hinn minn din id-dispożizzjoni stess, li jiġi rikonoxxut lit-terzi interessati jew, għall-inqas, lill-benefiċjarji tal-għajnuna, “ħjiel ta’ drittijiet ta’ difiża reali”.

98      F’dan ir-rigward, EDF tqis li l-osservanza tad-drittijiet tat-terzi interessati b’mod ġenerali u tad-drittijiet tal-benefiċjarju tal-għajnuna b’mod partikolari, timponi fuq il-Kummissjoni li tippermettilhom li jesponu b’mod utli l-opinjoni tagħhom, u b’hekk, timponi li din tippubblika komunikazzjoni ġdida jekk ikollha l-intenzjoni li fid-deċiżjoni finali tagħha tallega fatti, ilmenti, evalwazzjonijiet jew ċirkustanzi essenzjalment differenti minn dawk imsemmija fil-komunikazzjoni li ngħatat f’dan ir-rigward lit-terzi msemmija.

99      Issa, f’dan il-każ, il-fatt li l-Kummissjoni bidlet “fundamentalment” l-evalwazzjoni tagħha dwar in-natura tal-miżuri inkwistjoni fid-deċiżjoni finali tagħha, u ma ppubblikatx komunikazzjoni oħra fil-Ġurnal Uffiċjali jikkostitwixxi, skont EDF, ksur gravi tad-“drittijiet ta’ difiża” tagħha.

100    Il-Kummissjoni tikkontesta din l-argumentazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

101    Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża f’kull tip ta’ proċedura miftuħa kontra parti u li tista’ twassal għal att li jikkaġuna preġudizzju lil din il-parti tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandha tiġi żgurata anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika. Dan il-prinċipju jirrikjedi li l-parti interessata tkun tqegħdet f’pożizzjoni, b’effett mill-istadju tal-proċedura amministrattiva, li tesponi b’mod utli l-opinjoni tagħha fuq il-verità u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u fuq id-dokumenti fil-pussess tal-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha fir-rigward ta’ ksur ta’ dritt Komunitarju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 40/85, Ġabra p. 2321, punt 28, u tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II‑435, punt 121).

102    Madankollu, il-proċedura amministrattiva fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat hija miftuħa biss fil-konfront tal-Istat Membru kkonċernat. L-impriżi benefiċjarji mill-għajnuna jitqiesu biss bħala “partijiet interessati” f’din il-proċedura. Dawn ma jistgħux jippretendu li huma stess jipparteċipaw fi proċedura kontenzjuża mal-Kummissjoni, bħal dik miftuħa għall-benefiċċju tal-imsemmi Stat Membru (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punti 81 u 83).

103    B’hekk, din il-ġurisprudenza tagħti essenzjalment lill-partijiet interessati r-rwol ta’ sorsi ta’ informazzjoni għall-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mibdija skont l-Artikolu 88(2) KE. Minn dan isegwi li l-partijiet interessati, mhux talli ma jistgħux jinvokaw id-drittijiet tad-difiża mogħtija lill-partijiet li kontrihom tinfetaħ proċedura, iżda għandhom biss id-dritt li jiġu assoċjati mal-proċedura amministrattiva b’mod adegwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il‑Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra p. II‑2405, punti 59 u 60, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il‑Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 125).

104    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tistax tallega ksur tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tagħha, peress li tali drittijiet ma humiex rikonoxxuti lilha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, u dan anki jekk hija ssostni ġustament li l-Istat Membru li ngħatat l-għajnuna mingħandu u l-benefiċjarju tagħha jistgħu jkollhom interessi differenti fil-kuntest tal-proċeduri mmexxija mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

105    Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tal-benefiċjarju tal-għajnuna bħala parti interessata

106    Hija ġurisprudenza kostanti li, matul il-fażi ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni għandha d-dmir li ssejjaħ lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2008, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, C‑49/05 P, Ġabra p. I-68, punt 68, u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    Għalkemm dawn il-partijiet interessati ma jistgħux jinvokaw drittijiet ta’ difiża, min-naħa l-oħra, huma jiddisponu mid-dritt li jiġu assoċjati fil-proċedura amministrattiva segwita mill-Kummissjoni f’miżura adegwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni (sentenza Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, punt 106 iktar ’il fuq, punt 69).

108    Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali li tinforma lill-partijiet interessati, meta, wara eżami preliminari, hija jkollha dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura finanzjarja inkwistjoni mas-suq komuni. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata tippreżenta analiżi kompluta fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni fin-notifika tagħha dwar il-ftuħ ta’ din il-proċedura, iżda huwa biżżejjed li hija tiddefinixxi b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-eżami tagħha sabiex ma tirrendix mingħajr skop id-dritt tal-partijiet interessati li jissottomettu l-kummenti tagħhom [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Mejju 2006, Kuwait Petroleum (Nederland) vs Il‑Kummissjoni, T‑354/99, Ġabra p. II‑1475, punt 85].

109    Apparti dan, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tista’ tillimita ruħha sabiex jinġabru fil-qosor l-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, sabiex tiġi inkluża evalwazzjoni provviżorja tal-miżura tal-Istat inkwistjoni, intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk din għandhiex in-natura ta’ għajnuna, u sabiex jiġu esposti r-raġunijiet li jwasslu għal dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il‑Kummissjoni, T‑269/99, T‑271/99 u T‑272/99, Ġabra p. II‑4217, punt 104).

110    Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ ftuħ għandha tqiegħed lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali li matulha huma jkollhom il-possibbiltà li jesponu l-argumenti tagħhom. Għal dan il-għan, ikun biżżejjed li l-partijiet interessati jkun jafu r-raġunament li wassal lill-Kummissjoni sabiex tqis provviżorjament li l-miżura inkwistjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna ġdida inkompatibbli mas-suq komuni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV 2 vs Id‑Danimarka et vs Il‑Kummissjoni, T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, Ġabra p. II‑2935, punt 139, u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li kemm fid-deċiżjoni ta’ ftuħ kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat it-trattament fiskali tad-drittijiet tal-konċedent matul ir-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF imwettqa permezz tal-Liġi Nru 97‑1026 (iktar ’il quddiem il-“miżura kkontestata”) u li, għaldaqstant, f’dan ir-rigward, il-kuntest tal-eżami huwa l-istess f’dawn iż-żewġ kundizzjonijiet.

112    Barra minn hekk, kemm fil-paragrafu 51 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ kif ukoll fil-premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni adottat il-kalkolu tat-taxxa li kienet dovuta, hekk kif kien ġie ppreżentat mill-awtoritajiet Franċiżi, skont liema kalkolu t-tnaqqis fiskali li bbenifikat minnu EDF seta’ jiġi stmat għal FRF 5 883 biljun.

113    Għaldaqstant, għandu jtqies li, permezz tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, EDF kellha għarfien suffiċjenti tal-kuntest tal-eżami rilevanti kif ukoll bir-raġunament li wassal lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra b’mod provviżorju li l-miżura kkontestata setgħet tikkostitwixxi għajnuna mhux kompatibbli mas-suq komuni, sabiex tkun tista’ tippreżenta b’mod utli l-kummenti tagħha f’dan ir-rigward.

114    Għalhekk, anki jekk jitqies li huma fondati l-argumenti ta’ EDF, li jgħidu li l-Kummissjoni wettqet, minn perspettiva fiskali u kontabbli, evalwazzjoni tal-miżura kkontestata li hija differenti minn dik adottata b’mod provviżorju fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala irrilevanti.

115    Għalhekk, hemm lok li l-ewwel motiv invokat minn EDF jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87 KE min-naħa tal-Kummissjoni

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-interpretazzjoni żbaljata tas-“sotto-kumpens” tal-ispejjeż ta’ servizz pubbliku mħallsa minn EDF

–       Argumenti tal-partijiet

116    Essenzjalment, EDF issostni li l-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq l-impriża mis-setgħa pubblika akkumulaw b’mod sinjifikanti ħafna sa mill-1997. Issa, l-ispejjeż supplimentari ma ġewx ikkumpensati mit-tariffi tal-bejgħ tal-elettriku, għaliex dawn naqsu b’mod kunsiderevoli ħafna matul l-istess perijodu.

117    Essenzjalment, EDF tgħid li t-tkabbir tal-ispejjeż ta’ servizz pubbliku li jirriżultaw mir-ristrutturazzjoni tar-relazzjonijiet bejnha u l-Istat kienu jifformaw parti mill-bilanċ finanzjarju li kien stabbilit mill-kuntratt ta’ impriża tat-8 ta’ April 1997 (ara l-punt 31 iktar ’il fuq).

118    Sabiex tipprova din l-allegazzjoni, EDF tibbaża ruħha fuq l-obbligu ta’ servizz pubbliku impost fuqha ta’ xiri ta’ elettriku mingħand il-produtturi li ħolqu installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni, li kien l-ikbar obbligu matul il-perijodu kkunsidrat.

119    Issa, skont EDF, dan l-obbligu waħdu huwa biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-ispejjeż korrispondenti jeċċedu nettament il-benefiċċju fiskali li hija setgħet kisbet.

120    EDF tallega li fid-deċiżjoni tagħha C (2003) 2508, tat-23 ta’ Lulju 2003, li ma toġġezzjonax fir-rigward taż-żieda fil-kapital ta’ La Poste SA/NV mill-Istat Belġjan, il-Kummissjoni kkunsidrat, fir-rigward tal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq La Poste, li peress li s-“sotto-kumpens storiku” tal-ispejjeż netti addizzjonali tal-attivitajiet ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali kienu superjuri għad-dħul fil-kapital innotifikat mill-Istat, minnu nnifsu, dan ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, għaliex dan ma kienx jagħti vantaġġ lil La Poste, jew kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq komuni. B’hekk, il-Kummissjoni qieset li, peress li d-dħul fil-kapital innotifikat kien b’hekk kompatibbli mas-suq komuni, ma kienx neċessarju li hija tevalwa jekk id-deċiżjoni tal-Istat li jżid il-kapital inkwistjoni kinitx tikkorrispondi mal-aġir ta’ investitur privat avżat f’ekonomija tas-suq.

121    Għalhekk, skont EDF, hemm lok li jitqies, b’analoġija ma’ din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li d-dħul fil-kapital li kienet suġġetta għalih minnu nnifsu ma jikkostitwix għajnuna, għaliex dan ma jagħtix vantaġġ jew jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq komuni.

122    Barra minn hekk, EDF essenzjalment issostni li fil-paragrafu 79 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni ħadet ħsieb li teskludi l-argument ta’ eventwali “sotto-kumpens” tal-ispejjeż ta’ servizz pubbliku, iżda li hija għamlet dan billi invokat l-għajnuna kollha eżaminata, inkluża dik li għaliha l-kwalifika bħala għajnuna ġiet finalment eskluża.

123    Apparti dan, EDF essenzjalment issostni li, jekk jitqies li r-Repubblika Franċiża naqset milli tikkomunika lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba minnha f’dak li jirrigwarda eventwali spejjeż ta’ servizz pubbliku matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u li, għalhekk, l-argumenti mressqa fil-kuntest ta’ dan ir-rikors ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni peress li l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna għandha tiġi evalwata skont elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ kellha fil-mument meta hija adottatha u li l-evalwazzjonijiet kumplessi mwettqa mill-Kummissjoni għandhom jiġu eżaminati biss skont l-elementi li din ikollha fil-mument meta hija wettqithom, dan ikollu l-konsegwenza li, peress li ma ħaditx sehem fil-proċedura amministrattiva, EDF tkun imċaħħda mid-dritt li tinvoka din il-parti tal-motiv tagħha. Issa, dan jikkonferma l-ksur tad-“drittijiet tad-difiża” tagħha, peress li billi ma ġietx informatha b’“mod sinċier u komplet” mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, hija ma tqegħditx f’pożizzjoni li tevalwa n-neċessità li tiżviluppa din l-argumentazzjoni, u bħalissa tinsab prekluża milli tagħmel dan.

124    Il-Kummissjoni tikkontesta din l-argumentazzjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

125    Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-legalità ta’ att Komunitarju għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ informazzjoni eżistenti fid-data li fiha l-att ġie adottat. B’mod partikolari, l-evalwazzjonijiet kumplessi magħmula mill-Kummissjoni għandhom jiġu eżaminati biss abbażi tal-elementi li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument meta għamlet tali evalwazzjonijiet. (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Novembru 2006, Ter Lembeek vs Il‑Kummissjoni, T‑217/02, Ġabra p. II‑4483, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata).

126    F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi lmentat li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni eventwali elementi ta’ informazzjoni li setgħu jiġu ppreżentati lilha matul il-proċedura amministrattiva, iżda li ma ġewx ippreżentati, peress li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li teżamina ex officio u li tipprevedi liema huma l-elementi li setgħu jiġu ppreżentati lilha (sentenza Ter Lembeek vs Il‑Kummissjoni, punt 125 iktar ’il fuq, punt 83).

127    B’kunsiderazzjoni tal-kliem tal-paragrafu 79 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ u tal-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll tan-nota f’qiegħ il-paġna inkluża f’din il-premessa, hemm lok għalfejn jitqies li l-Kummissjoni ġustament issostni li hija ma setgħetx u lanqas kellha teżamina eventwali spejjeż ta’ servizz pubbliku fin-nuqqas ta’ informazzjoni fuq dan il-punt min-naħa tal-awtoritajiet Franċiżi u tal-partijiet interessati, u li hija ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, elementi li ġew ippreżentati lilha biss fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

128    Fir-rigward tal-argument relattiv għall-ksur tad-drittijiet tad-difiża mressaq minn EDF, dan għandu jiġi miċħud peress li, meta ġew mitluba sabiex jippreżentaw informazzjoni fuq dan il-punt fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, ir-Repubblika Franċiża u EDF qiesu li kien inutli li tingħata risposta għal din it-talba. Għalhekk, EDF ma tistax issostni, fil-kuntest tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija ma tpoġġietx f’pożizzjoni li tevalwa n-neċessità li tiżviluppa argumentazzjoni dwar dan is-suġġett u li d-drittijiet tad-difiża tagħha jiġu miksura jekk, f’dan il-każ, dawn l-argumenti ma jiġux eżaminati fuq dan il-punt.

129    Għandu jiġi enfasizzat li l-eventwali diverġenzi ta’ evalwazzjoni bejn id-deċiżjoni ta’ ftuħ u d-deċiżjoni kkontestata ma humiex ta’ natura li jinfluwenzaw din l-evalwazzjoni, peress li fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni kienet indikat li hija kienet tqis li t-trattament mogħti lir-riżervi kontabbli għat-tiġdid tar-RAG seta’ jikkostitwixxi għajnuna ġdida. Konsegwentement, kienu r-Repubblika Franċiża u EDF li kellhom jifhmu l-konsegwenzi proċedurali li tali evalwazzjoni seta’ jkollha għalihom u li jressqu l-elementi ta’ informazzjoni utli sabiex jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom, liema ħaġa huma ma għamlux.

130    Fir-rigward tal-argument li jgħid li minkejja kollox, il-Kummissjoni ttrattat din il-kwistjoni fil-paragrafu 79 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, iżda llimitat ruħha biss sabiex tirrileva li “l-għajnuna eżaminata […] ikkonferiet lil EDF benefiċċju operazzjonali li f’dan l-istadju jidher li jaqbeż l-ispejjeż ta’ kull servizz pubbliku”, għandu jiġi osservat li l-frażi li EDF iċċitat siltiet minnha għandha, fir-realtà, titqiegħed fil-kuntest tagħha:

“EDF tipprovdi servizzi pubbliċi għal parti mill-attivitajiet tagħha. Għandu jiġi notat li, għalkemm, s’issa, huma ma invokawx f’dan ir-rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) [KE], l-awtoritajiet Franċiżi enfasizzaw il-fatt li EDF hija marbuta minn obbligi ta’ servizz pubbliku. Madankollu, l-awtoritajiet ma pprovdew l-ebda evalwazzjoni tal-ispejjeż imħallsa minn EDF minħabba dawn l-obbligi. Huwa b’hekk impossibbli li tiġi vverifikata l-korrispondenza bejn l-għajnuna mill-Istat diversa li jibbenifika minnha dan l-operatur u l-ispejjeż tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku li huma imposti fuqu. Madankollu jidher li l-għajnuna eżaminata f’dan il-każ, li essenzjalment tieħu l-forma ta’ derogi eċċezzjonali mid-dispożizzjonijiet li huma normalment applikabbli fil-qasam kontabbli u kummerċjali, ikkonferiet lil EDF benefiċċju operazzjonali li f’dan l-istadju jidher li jaqbeż l-ispejjeż ta’ kull servizz pubbliku. EDF ilha ħafna ma tirċievi żiediet fil-kapital. L-għajnuna eżaminata kkontribwiet de facto sabiex tiffinanzja l-espansjoni aggressiva ta’ EDF permezz tax-xiri ta’ ishma f’pajjiżi barranin. Tali użu ta’ dawn il-fondi jidher li jirriżulta mill-kuntest ta’ dak li jista’ jitqies bħala missjoni ta’ servizz pubbliku ammissibbli.”

131    Għalhekk, din kienet biss evalwazzjoni provviżorja u stedina, indirizzata lir-Repubblika Franċiża kif ukoll lil EDF, sabiex jitressqu l-elementi ta’ informazzjoni neċessarji sabiex eventwalment tiġi mibdula din l-ewwel evalwazzjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka argumenti fir-rigward tagħha.

132    Bl-istess mod, ma jistax jiġi lmentat kontra l-Kummissjoni l-fatt li l-paragrafu 79 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ jirrigwarda l-għajnuna kollha eżaminata minnha u mhux biss l-għajnuna li finalment hija tiddikjara bħala inkompatibbli mas-suq komuni billi tordna l-irkupru tagħha fl-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-miżura kkontestata.

133    Għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri

–       Argumenti tal-partijiet

134    EDF issostni li l-miżura kkontestata ma kellhiex effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, peress li, minn naħa, fid-dawl tal-ġurisprudenza Komunitarja, il-kunċett ta’ “kummerċ” għandu jiġi interpretat bħala “sinonimu” għall-kunċett ta’ “kompetizzjoni”, u peress li, min-naħa l-oħra, il-kummerċ bejn produtturi nazzjonali storiċi, li dak iż-żmien kienu jibbenifikaw minn sitwazzjoni ta’ monopolju fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, ma jistax jitqabbel ma’ sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni.

135    EDF tallega li l-Qorti Ġenerali rabtet b’mod ċar il-kunċett ta’ “kummerċ bejn Stati Membri” mal-kunċett ta’ “kompetizzjoni”, u f’dan ir-rigward, tfakkar li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-kundizzjonijiet relattivi, rispettivament, għall-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni huma, bħala regola ġenerali, marbuta b’mod inseparabbli (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il‑Kummissjoni, T‑298/97, T‑312/97, T‑313/97, T‑315/97, T‑600/97 sa T‑607/97, T‑1/98, T‑3/98 sa T‑6/98 u T‑23/98, Ġabra p. II‑2319, punt 81, u tal-4 ta’ April 2001, Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia vs Il‑Kummissjoni, T‑288/97, Ġabra p. II‑1169, punt 44).

136    EDF issostni li din l-evalwazzjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑159/94, Ġabra p. I‑5815), li fiha din ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li t-tneħħija tad-drittijiet esklużivi ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni ta’ EDF u ta’ Gaz de France (GDF) ikollha l-konsegwenza li tiffavorixxi l-iżvilupp tal-kummerċ fl-interess tal-Komunità Ewropea, u ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet marbuta li tiddefinixxi minn qabel l-interess tal-Komunità li fir-rigward tiegħu kien hemm lok għalfejn jiġi evalwat l-iżvilupp tal-kummerċ. B’hekk, skont EDF, il-Qorti tal-Ġustizzja rabtet b’mod ċar il-kunċett ta’ “distorsjoni tal-kompetizzjoni” u l-kunċett ta’ “kummerċ bejn Stati Membri”.

137    EDF issostni li, għalkemm fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi fit-tul il-kummerċ li seta’ jseħħ bejn operaturi tal-elettriku fil-maġġorparti f’sitwazzjoni ta’ monopolju fl-Istati Membri qabel il-liberalizzazzjoni ta’ dan is-settur, huwa madankollu ċar li l-ebda “sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni reali” ma kienet teżisti qabel din il-liberalizzazzjoni, li ġiet progressivament introdotta bit-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/92.

138    B’mod iktar preċiż, fir-rigward ta’ Franza matul il-perijodu kkunsidrat (1986‑1997), EDF issostni li s-settur tal-elettriku kien b’mod ċar magħluq għall-kompetizzjoni. Għalkemm ġew adottati diversi direttivi matul dan il-perijodu [id-Direttiva tal-Kunsill 90/547/KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1990, dwar it-transitu ta’ elettriku minn grids ta’ trasmissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 1, p. 147), u d-Direttiva 96/92], madankollu, it-traspożizzjoni tagħhom f’diversi Stati Membri ħadet iż-żmien “minħabba s-sitwazzjoni inizjali kumplessa u d-disparità tal-istrutturi tal-elettriku fil-Komunità”, hekk kif irrikonoxxa K. Van Miert, membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni dak iż-żmien.

139    Għalhekk, EDF tqis li ma jistax jitqies li kienet teżisti “sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni reali” fi Franza, jew fil-fatt, fil-kważi totalità tal-pajjiżi Ewropej, matul is-snin 1987-1996.

140    F’dan ir-rigward, EDF tirrileva li numru kbir ta’ eżempji mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkonkludi li kien jeżisti kummerċ bejn Stati Membri li kellu effett fuq il-kompetizzjoni, jirrigwardaw perijodi preċedenti għall-1997: b’mod partikolari, dan jgħodd għax-xiri ta’ terz mill-kapital tal-impriża Ġermaniża EnBW Energie Baden-Württemberg AG u tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ London Electricty, tat-teħid tal-kontroll tal-impriża Fenice, tal-implementazzjoni ta’ sħubija ma’ Fiat għax-xiri ta’ Montedison u ta’ sħubija ma’ Véolia Environnement permezz tal-kumpannija Dalkia.

141    Bħala konklużjoni, EDF tqis li, għalkemm hija kellha, bejn l-1987 u l-1996, kummerċ mal-produtturi nazzjonali Ewropej l-oħra, marbuta fil-parti l-kbira minn kuntratti għal terminu twil li ta’ spiss ippermettew lil dawn l-operaturi li ma jinvestux fil-produzzjoni, peress li l-parti l-kbira tal-“partijiet kontraenti” ta’ EDF kienu jibbenifikaw minn sitwazzjoni ta’ monopolju fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, dan il-kummerċ bl-ebda mod ma kellu effett fuq il-kompetizzjoni fuq livell intrakomunitarju.

142    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

143    L-Artikolu 87(1) KE jipprojbixxi l-għajnuna li tolqot il-kummerċ bejn Stati Membri u li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

144    Għall-finijiet tal-kwalifika ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, għandu jkun hemm lok mhux li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda li jiġi eżaminat biss jekk l-għajnuna tistax tolqot dan il-kummerċ u li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra p. I‑289, punt 140, u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni esponiet b’mod korrett b’liema mod l-għajnuna kkontestata seta’ jkollha tali effetti, hija ma għandhiex l-obbligu li twettaq evalwazzjoni ekonomika tas-sitwazzjoni reali tas-suq ikkonċernat, tas-sehem mis-suq tal-impriżi benefiċjarji mill-għajnuna, tal-pożizzjoni tal-impriżi kompetituri u tat-tendenzi tal-kummerċ bejn Stati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Settembru 2000, CETM vs Il‑Kummissjoni, T‑55/99, Ġabra p. II‑3207, punt 102, u tas-6 ta’ Settembru 2006, L‑Italja u Wam vs Il‑Kummissjoni, T‑304/04 u T‑316/04, Ġabra p. II‑64, punt 64).

146    Meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta pparagunata ma’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ intrakomunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma influwenzati mill-għajnuna (ara s-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et, punt 144 iktar ’il fuq, punt 141, u l-ġurisprudenza ċċitata).

147    F’dan ir-rigward, il-fatt li settur ekonomiku kien is-suġġett ta’ liberalizzazzjoni fuq livell Komunitarju huwa ta’ natura li jikkaratterizza effett reali jew potenzjali tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni, kif ukoll l-effett tagħha fuq il-kummerċ bejn Stati Membri (ara s-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et, punt 144 iktar ’il fuq, punt 142, u l-ġurisprudenza ċċitata).

148    Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju li l-impriża benefiċjarja tipparteċipa hija stess fil-kummerċ intrakomunitarju. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti għajnuna lil impriża, l-attività interna tista’ ssib ruħha miżmuma jew miżjuda, bil-konsegwenza li l-possibbiltajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jippenetraw is-suq ta’ dan l-Istat Membru jonqsu. Minbarra dan, rinforz ta’ impriża li, sa dak iż-żmien, ma pparteċipatx għal skambji intrakomunitarji tista’ ssib ruħha f’sitwazzjoni li tippermettilha li tippenetra s-suq ta’ Stat Membru ieħor (ara s-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et, punt 144 iktar ’il fuq, punt 143, u l-ġurisprudenza ċċitata).

149    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni rrilevat, fil-premessi 104 sa 112 u 114 u 115 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien jeżisti, indipendentement anki mid-direttivi intiżi sabiex jilliberalizzaw is-settur tal-elettriku, ċertu livell ta’ kompetizzjoni f’dan is-settur, għall-inqas f’ċerti swieq, b’mod partikolari kemm jekk fi swieq li kienet topera fihom EDF fil-perijodu kkunsidrat, jew, f’ċerti Stati Membri, fi swieq oħra li kienu għadhom mhux kompletament miftuħa għall-kompetizzjoni.

150    Dawn l-elementi ma humiex ikkontestati minn EDF.

151    EDF lanqas ma kkontestat li hija kienet tesporta l-elettriku lejn Stati Membri oħra fejn il-ftuħ tas-swieq kien diġà seħħ.

152    Għaldaqstant, il-fatt li s-suq intern Franċiż, jew għall-inqas parti minnu, kien magħluq għall-kompetizzjoni, huwa irrilevanti, anki jekk jiġi ppruvat.

153    Konsegwentement, għandu jitqies li ma jistax jiġi lmentat kontra l-Kummissjoni talli ma ppreċiżatx b’mod dettaljat il-possibbiltà li l-miżura kkontestata setgħet tolqot il-kummerċ intrakomunitarju.

154    Konsegwentement, l-argumentazzjoni ta’ EDF fuq dan il-punt ma tistax tirnexxi.

155    Għalhekk, bħala konklużjoni, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata, minn naħa, fuq il-kwalifika bħala żiediet fil-kapital tal-miżuri inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, fuq l-aġir bħala investitur privat avżat f’ekonomija tas-suq adottat mill-Istat fil-kuntest tal-implementazzjoni tagħhom

–       Argumenti tal-partijiet

156    EDF tfakkar li, fl-1997, l-Istat kien l-uniku azzjonist tagħha. Dak iż-żmien, EDF kellha “nuqqas qawwi fil-kapital” u l-karta tal-bilanċ tagħha kienet “kjarament żbilanċjata”. Il-kapital tagħha stess kien jammonta għal FRF 24.2 biljun, kellha dejn fuq self f’ammont ta’ FRF 131.9 biljun (jiġifieri proporzjon ta’ dejn nett/kapital ta’ 480 %) u attiv nett ta’ FRF 696.4 biljun.

157    EDF issostni li konsegwentement, l-Istat xtaq isaħħaħ il-kapital tal-impriża pubblika u jibdel il-bilanċi finanzjarji eżistenti bejnu u bejnha, bl-iskop li jqarreb is-sitwazzjoni tagħha ma’ dik tal-kompetituri l-kbar tagħha fis-settur tal-elettriku Ewropew, sabiex jippermettilha li tipprepara ruħha għat-“taqlib fl-ambjent ekonomiku u regolatorju tagħha”. B’hekk, l-Istat aġixxa kif kien jaġixxi investitur privat avżat, u dan il-kunċett għandu, skont EDF, jiġi interpretat skont il-karatteristiċi partikolari ħafna tas-settur ekonomiku li fih topera l-impriża.

158    EDF issostni li, f’dan il-kuntest, fl-1997 ġie deċiż li jiġi kkjarifikat l-istatus patrimonjali tar-RAG, billi jintemmu l-“ambigwitajiet” li jikkaratterizzawh u, fl-istess ħin, jintemm it-trattament kontabbli speċifiku tagħha li kien is-suġġett ta’ kritika mill-Qorti tal-Awdituri Franċiża, u li b’mod simultanju ssir ir-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF.

159    Dan l-għan doppju ta’ kjarifika tal-istatus patrimonjali tar-RAG, bil-konsegwenzi kontabbli li jirriżultaw minnha, u tar-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF jidher fil-kuntratt ta’ impriża tat-8 ta’ April 1997 (ara punt 31 iktar ’il fuq) u ġie ppreżentat “mingħajr l-inqas ambigwità” fil-kuntest tax-xogħlijiet preparatorji tal-Liġi Nru 97‑1026.

160    EDF, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, essenzjalment issostni li r-riklassifikazzjoni tad-drittijiet tal-konċedent riżultanti mil-Liġi Nru 97‑1026 tikkostitwixxi żieda fil-kapital, u tippreċiża li din il-pożizzjoni dejjem kienet sostnuta mir-Repubblika Franċiża matul il-proċedura amministrattiva, iżda li l-Kummissjoni ċaħdet din l-argumentazzjoni mingħajr ma eżaminatha fil-mertu, għaż-żewġ motivi msemmija fil-premessi 96 u 97 tad-deċiżjoni kkontestata.

161    Għalhekk, skont EDF, il-Kummissjoni turi “nuqqas ċar ta’ għarfien” tan-natura ekonomika tal-operazzjoni ta’ rikapitalizzazzjoni. Minħabba f’hekk, hija interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” u kisret l-Artikolu 87 KE.

162    Essenzjalment, EDF issostni li l-operazzjoni ta’ rikapitalizzazzjoni – imwettqa permezz tat-trasferiment dirett tad-drittijiet tal-konċedent mit-taqsima tal-passiv bit-titolu “Kontro-valur tal-beni konċessi” għat-taqsima tal-passiv bit-titolu “Żiediet fil-kapital” f’ammont ta’ FRF 14,119 biljun fil-31 ta’ Diċembru 1996 – ġiet implementata b’“mezzi newtrali” mil-lat ekonomiku u fiskali, u bl-“iktar mod naturali fil-każ”, jiġifieri l-mod leġiżlattiv, permezz tal-użu, għal raġunijiet ta’ effettività, tal-istess liġi li kienet meħtieġa sabiex EDF titqies bħala l-proprjetarja tar-RAG.

163    EDF tenfasizza li dawn l-aġġustamenti kontabbli, min-natura tagħhom stess, effettivament jeħtieġu l-intervent tal-liġi. Iż-żieda fil-kapital tal-kontro-valur tal-beni in natura mogħtija b’konċessjoni effettivament irriżultat mill-qasam leġiżlattiv, peress li l-kapital ta’ EDF kien stabbilit mill-Artikolu 16 tal-Liġi Nru 46‑628, li jipprovdi li “huwa d-dmir tan-nazzjon”, li “huwa inaljenabbli” u li, “f’każ ta’ telf ta’ tmexxija, dan għandu jerġa’ jiġi kkostitwit abbażi tar-riżultati tal-eżerċizzji ulterjuri”. Skont l-Artikolu 1 tad-Digriet Leġali Nru 56‑493, tal-14 ta’ Mejju 1956, dwar iż-żiediet fil-kapital mogħtija lil EDF u lil GDF (JORF tad-19 ta’ Mejju 1956, p. 4613), dawn kienu suġġetti għall-istess regoli bħal dawk stabbiliti mill-Artikolu 16 tal-Liġi Nru 46‑628.

164    EDF, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, issostni – kif ġie kkonfermat minnhom fil-kuntest tat-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub li saru lilhom mill-Qorti Ġenerali – li l-Istat kellu l-għażla bejn żewġ soluzzjonijiet (imsejħa “skema qasira” u “skema fit-tul” minn EDF) li jwasslu għal riżultati strettament ekwivalenti: jew jagħmel żieda kumplimentari fil-kapital billi jipproċedi direttament, permezz tal-liġi, għar-riklassifikazzjoni ta’ parti mir-riżervi kontabbli għat-tiġdid tar-RAG b’eżenzjoni mit-taxxa, jew l-ewwel jitrasferixxi fil-kapital ta’ EDF ammont nett wara t-taxxa fuq il-kumpanniji, jitlob mingħand EDF il-ħlas ta’ taxxa li tikkorrispondi għall-varjazzjoni ta’ attiv nett, u jagħmel żieda kumplimentari fil-kapital f’ammont ugwali għat-taxxa mħallsa.

165    Skont EDF, l-Istat qies li l-ewwel soluzzjoni kienet “ekonomikament loġika u finanzjarjament daqstant newtrali” daqs it-tieni soluzzjoni, u li barra minn hekk, dan l-approċċ kien ġie approvat mill-Qorti tal-Awdituri Franċiża.

166    Mill-argumentazzjoni tal-Kummissjoni jirriżulta b’mod ċar li kieku l-Istat irrikorra għat-tieni soluzzjoni sabiex jipproċedi għaż-żieda fil-kapital, il-Kummissjoni kienet tapplika l-kriterju tal-investitur privat avżat. Skont EDF, dan juri li kien biss il-metodu użat mill-Istat sabiex jipproċedi għaż-żieda fil-kapital li wassal lill-Kummissjoni sabiex tiċħad, bħala prinċipju, l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat.

167    EDF tosserva li fil-fatt, mill-premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata u mid-dokumenti tal-Kummissjoni jirriżulta li kienet l-għażla tal-metodu użat sabiex issir iż-żieda fil-kapital li din tikkritika. Issa, tali argumentazzjoni hija “purament formalista u nieqsa minn kull rilevanza”.

168    Skont EDF, l-affermazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-Kummissjoni “tista’ biss tiċħad dawn l-argumenti [dwar ir-rikapitalizzazzjoni]” billi ssostni li l-kriterju tal-investitur privat “jista’ japplika biss fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi u mhux fil-kuntest ta’ setgħat regolatorji” tikkostitwixxi, minn naħa, indħil fil-proċeduri tad-dritt intern, li huma distinti mid-dritt Komunitarju, u min-naħa l-oħra, tifforma parti minn formaliżmu li huwa distint mid-dritt tal-kompetizzjoni.

169    Ċertament, EDF tirrikonoxxi li, sabiex jipproċedi għaż-żieda fil-kapital, l-Istat irrikorra għal metodu li ma kienx disponibbli għall-kumpanniji tad-dritt komuni, jiġifieri r-riklassifikazzjoni tad-drittijiet tal-konċedent permezz ta’ liġi. Madankollu, huwa ma aġixxiex fil-kuntest tas-setgħa ta’ regolazzjoni tiegħu jew tal-prerogattivi ta’ setgħa pubblika.

170    Fl-ewwel lok, jekk jitqies il-kuntrarju, jiġi injorat il-fatt li l-istatut u d-definizzjoni tal-kapital ta’ EDF jifformaw parti huma stess mill-qasam leġiżlattiv.

171    Essenzjalment, EDF tippreċiża li l-Istat kien marbut li jirrikorri għal-liġi sabiex jipproċedi għal din l-operazzjoni, fid-dawl tan-natura partikolari tal-impriża. Hija tqis li, peress li kienet neċessarja liġi sabiex EDF titqies bħala proprjetarja ab initio tar-RAG, ma hemmx raġuni għalfejn il-leġiżlatur kellu jżomm lura milli “jasal għall-konsegwenzi loġiċi” deskritti fil-kuntratt ta’ impriża tat-8 ta’ April 1997 (ara l-punt 31 iktar ’il fuq) billi jirristruttura l-karta tal-bilanċ tal-impriża bil-modifika tal-Artikolu 16 tal-Liġi Nru 46‑628.

172    Fit-tieni lok, EDF tosserva, essenzjalment, li b’dan il-mod, fir-realtà l-Istat aġixxa bħala “azzjonist avżat” tal-impriża, f’kundizzjonijiet normali tas-suq, li għandhom neċessarjament jiġu evalwati b’referenza għall-elementi oġġettivi u verifikabbli li jkunu disponibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 2003, Chronopost et vs Ufex et, C‑83/01 P, C‑93/01 P u C‑94/01 P, Ġabra p. I‑6993, punt 38).

173    Fit-tielet lok, EDF issostni li, barra minn hekk, meta tiċħad a priori lill-Istat Franċiż id-dritt li jipproċedi għal rikapitalizzazzjoni ta’ stabbiliment pubbliku bil-mod li jqis li jkun l-iktar xieraq, il-Kummissjoni twettaq żball ta’ liġi, bi ksur tal-Artikolu 295 KE li jistabbilixxi “n-newtralità tad-dritt Komunitarju fir-rigward tas-sistemi ta’ proprjetà tal-Istati Membri”.

174    Fir-raba’ lok, EDF tikkunsidra li, anki jekk jitqies li seta’ jintgħażel metodu ieħor, xejn ma jiġġustifika l-formaliżmu eċċessiv li weriet il-Kummissjoni, li ċaħdet, mingħajr lanqas biss ma ddiskutiet, l-argument relattiv għar-rikapitalizzazzjoni tal-impriża, għall-unika raġuni li l-metodu li din ġiet implementata bih jikkwalifika “bħala prinċipju” l-intervent tal-Istat bħala għajnuna mill-Istat. Issa, skont EDF, l-indifferenza tal-forma li tista’ tieħu miżura fuq il-kwalifika eventwali tagħha bħala għajnuna mill-Istat tinsab, b’mod kuntrarju, fil-qalba tal-ġurisprudenza Komunitarja.

175    Essenzjalment, EDF tallega li sabiex miżura tkun ikkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat, il-ġurisprudenza ma tagħti l-ebda importanza lill-forma li din tista’ tieħu jew lill-awtorità Statali li tiddeċiedi dwarha, peress li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma esterni għall-evalwazzjoni mwettqa abbażi tal-Artikolu 87(1) KE.

176    Barra minn hekk, EDF tgħid li, skont il-Kummissjoni stess, fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni, din “teżamina l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mhux mil-lat tal-forma li tista’ tieħu, iżda mil-lat ta’ l-effett tagħha” [paragrafu 7 tal-Avviż tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna tal-Istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett (ĠU C 384, p. 3)]. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kellhiex topponi, mingħajr ma teżaminah, l-argument li jgħid li l-operazzjoni kienet rikapitalizzazzjoni, biss abbażi ta’ kunsiderazzjoni purament formali, jiġifieri l-metodu użat sabiex issir din ir-rikapitalizzazzjoni.

177    EDF tqis li, jekk il-forma li biha ġiet implementata miżura hija indifferenti fir-rigward tal-kwalifika tagħha bħala għajnuna mill-Istat, din il-forma ma tistax tiġi invokata iktar mill-Kummissjoni bħala argument – u, a fortiori, bħala l-uniku argument – biex topponi l-prova intiża sabiex tikkontesta din l-istess kwalifika bħala għajnuna mill-Istat.

178    Fil-ħames lok, EDF tfakkar li l-Kummissjoni diġà kkunsidrat, f’diversi kawżi, li żieda fil-kapital setgħet tieħu forom differenti: is-sottoskrizzjoni ta’ bonds tal-impriża [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/662/KE, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar is-sottoskrizzjoni ta’ CDC-Participations għall-ħruġ ta’ bonds ta’ Air France (ĠU L 258, p. 26)], l-annullament ta’ dejn użat sabiex issir żieda fil-kapital [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 89/58/KEE, tat-13 ta’ Lulju 1988, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Gvern Britanniku lill-grupp Rover, impriża li tipproduċi vetturi bil-mutur (ĠU 1989, L 25, p. 92)], il-konverżjoni ta’ self f’kapital [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/224/KEE, tal-24 ta’ Mejju 1989, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Gvern Taljan lil Alumina u Comsal, żewġ impriżi pubbliċi tas-settur tal-aluminium (ĠU 1990, L 118, p. 42)], il-konverżjoni ta’ djun f’ishma, meqjusa bħala ekwivalenti għal żieda fil-kapital tal-istess ammont [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/696/KE, tas-7 ta’ Ottubru 1994, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat Grieg lill-kumpannija Olympic Airways (ĠU L 273, p. 22)], l-“inversjoni” ta’ riżervi kkostitwiti sabiex jiġu koperti spejjeż futuri ta’ rtirar u t-trasferiment tagħhom f’riżerva ta’ qliegħ kapitali [Deċiżjoni C (2003) 2508 (ara l-punt 120 iktar ’il fuq)].

179    Barra minn hekk, skont EDF, il-Kummissjoni diġà applikat il-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq għal miżura implementata minn liġi, u b’hekk għal miżura li tirriżulta mill-eżerċizzju tal-prerogattivi tal-Istat, bħal fil-kawża Siciliana Acque Minerali [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/648/KE, tal-21 ta’ Ġunju 2000, dwar l-għajnuna mill-Istat favur il-kumpannija Siciliana Acque Minerali Srl (ĠU L 272, p. 36)].

180    Għalhekk, bħala konklużjoni fuq dan il-punt, il-fatt li żieda fil-kapital ġiet implementata minn liġi ma jistax jipprekludi l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat għal din il-miżura.

181    Għaldaqstant, skont EDF, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li teżamina jekk il-miżuri adottati abbażi tal-Liġi Nru 97‑1026 kinux jikkostitwixxu, hekk kif isostni l-Istat Franċiż “żieda fil-kapital leġittima fil-metodu u fl-ammont tagħha”.

182    Barra minn hekk, EDF tfakkar li skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk miżura statali tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, għandu jiġi ddeterminat jekk l-impriża benefiċjarja tirċevix benefiċċju ekonomiku li ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenza Chronopost et vs Ufex et, punt 172 iktar ’il fuq, punt 38).

183    Skont EDF, il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet normali tas-suq” ukoll huwa rilevanti, peress li, fil-preżenza ta’ miżuri li huma ta’ benefiċċju għal impriża pubblika, għandu jiġi applikat il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Fil-fatt, mill-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-impriżi pubbliċi u dawk privati jirriżulta li l-kapitali li jitpoġġew għad-dispożizzjoni ta’ impriża, direttament jew indirettament mill-Istat, f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, Ġabra p. I‑4397, punt 69).

184    Issa, skont EDF, jekk jiġi aċċettat l-approċċ adottat mill-Kummissjoni, EDF ma tkunx tista’ tinvoka din il-ġurisprudenza favur l-argument tagħha, għaliex iċ-ċirkustanzi li fihom ittieħdet il-miżura kkontestata ma jikkorrispondux mal-kundizzjonijiet normali tas-suq għall-unika raġuni li l-użu mill-Istat tas-setgħa fiskali tiegħu huwa barrani għad-dritt komuni. Madankollu, EDF tosserva li, għalkemm hija ma tiċħadx li l-metodu użat mill-Istat kien barrani għad-dritt komuni, il-kwalifika bħala għajnuna mill-Istat ma tistax tillimita ruħha għall-aspett formali biss u b’hekk jiġi evitat id-dibattitu fuq il-mertu.

185    Barra minn hekk, EDF tqis li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 2003, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑334/99, Ġabra p. I‑1139), invokata mill-Kummissjoni fid-dokumenti tagħha – skont liema sentenza għandha ssir distinzjoni bejn l-obbligi li l-Istat għandu jassumi bħala azzjonist f’kumpannija u l-obbligi li jistgħu ikunu imposti fuqu bħala setgħa pubblika – fir-realtà ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha, peress li din tippreżumi li jsir paragun bejn l-aġir rispettiv tal-Istat, li jaġixxi bħala investitur, u ta’ investitur privat f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet ab initio li twettaq tali evalwazzjoni, liema ħaġa tmur kontra l-prinċipju ta’ newtralità.

186    B’risposta għall-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li dan huwa biss “rigal fiskali” u “abbandun ta’ dejn” li bbenifikat minnu EDF, din issostni li azzjonist privat jista’, huwa wkoll, jipproċedi għal żieda fil-kapital ta’ kumpannija sussidjarja permezz ta’ mekkaniżmu ta’ inkorporazzjoni ta’ kreditu fil-kapital, liema mekkaniżmu huwa perfettament paragunabbli, fuq il-livell ekonomiku, mal-“abbandun ta’ dejn” ikkritikat mill-Kummissjoni.

187    Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, kumpannija prinċipali li jkollha kreditu fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha tista’ tagħżel li tipproċedi għal sempliċi abbandun tal-kreditu, u b’hekk toħloq profitt lill-kumpannija sussidjarja tagħha, li bħala prinċipju jkun taxxabbli fuq il-kumpannija sussidjarja, ħlief jekk ikun hemm trasferiment ta’ telf fiskali. Wara t-taxxa, dan l-ammont jista’ jintuża mill-kumpannija sussidjarja, skont l-għażliet tagħha, għall-ħlas tad-dividendi, għall-kostituzzjoni ta’ riżervi, eċċ. Madankollu, il-kumpannija prinċipali tista’ anki tagħżel li tissottoskrivi għal żieda fil-kapital tal-kumpannija sussidjarja f’ammont li jikkorrispondi għall-kreditu tagħha. Issa, skont EDF, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, dan l-aħħar mekkaniżmu ma joħloq, fid-dritt fiskali Franċiż, ebda profitt taxxabbli għall-kumpannija sussidjarja.

188    EDF issostni li, għalkemm dan il-mekkaniżmu huwa distint mill-operazzjoni ta’ rikapitalizzazzjoni kkontestata minħabba l-għażla tal-metodu użat, xorta jibqa’ l-fatt li, essenzjalment, f’dan il-każ, l-Istat ipproċeda biss għal dak li jista’ jiġi mqabbel ekonomikament ma’ żieda fil-kapital bl-inkorporazzjoni ta’ kreditu. Issa, dan il-mekkaniżmu jinsab ukoll għad-dispożizzjoni ta’ impriża privata.

189    Konsegwentement, EDF issostni li, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ “kundizzjonijiet normali tas-suq”, il-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha b’mod artifiċjali għall-eżami formali biss tal-metodu użat, iżda bil-kontra kellha tidħol fil-mertu, jiġifieri fir-razzjonalità ekonomika tal-operazzjoni, fejn din l-evalwazzjoni kellha ssir fil-kuntest taż-żmien, u fejn il-Kummissjoni kellha żżomm lura minn kull evalwazzjoni bbażata fuq sitwazzjoni suċċessiva.

190    EDF tippreċiża li, fis-sentenza tagħha Chronopost et vs Ufex et, punt 172 iktar ’il fuq (punt 38), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe possibbiltà li s-sitwazzjoni ta’ La Poste titqabbel ma’ dik ta’ grupp privat ta’ impriżi li ma joperax f’settur riżervat, il-“kundizzjonijiet normali tas-suq”, li bilfors huma ipotetiċi, għandhom jiġu evalwati b’referenza għall-elementi oġġettivi u verifikabbli disponibbli.

191    EDF tallega li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Chronopost et vs Ufex et, punt 172 iktar ’il fuq, kellhom jiġu pparagunati xi spejjeż, filwaqt li, f’dan il-każ, għandhom jiġu pparagunati l-kundizzjonijiet tas-suq li fihom saret iż-żieda fil-kapital. Madankollu, il-kundizzjonijiet normali tas-suq, skont it-termini tas-sentenza Chronopost et vs Ufex et, iċċitata iktar ’il fuq, għandhom jiġu evalwati b’referenza għall-elementi oġġettivi u verifikabbli li jkunu disponibbli. Skont EDF, minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi u mingħajr ma tiżnatura l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, “tevita” din l-evalwazzjoni għar-raġuni purament formali tal-metodu użat mill-Istat sabiex jipproċedi għal din iż-żieda fil-kapital.

192    Finalment, EDF tallega, essenzjalment, li l-kriterju tal-investitur privat kien jiġi sodisfatt li kieku l-Kummissjoni applikatu.

193    Insostenn tal-argumentazzjoni tagħha f’dan ir-rigward, kif żviluppata fir-rikors u fir-replika, EDF ressqet, fil-mument tal-preżentata tal-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tar-Repubblika Franċiża, ir-“Rapport Oxera”, liema rapport jipprovdi lill-Qorti Ġenerali b’elementi ta’ evalwazzjoni kumplimentari li jippermettu li jiġi kkonfermat li l-kriterju tal-investitur privat kien jiġi sodisfatt li kieku ġie applikat mill-Kummissjoni.

194    Il-Kummissjoni ssostni li l-kriterju tal-investitur privat ma setax jiġi applikat f’dan il-każ.

195    Il-Kummissjoni tqis li, bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 97‑1026, l-Istat aġixxa bħala setgħa li tirregola, sabiex jeżenta lil EDF mill-ħlas ta’ parti mit-taxxi dovuti. Huwa ma aġixxiex bħala Stat azzjonist ta’ EDF li jrid jikseb benefiċċji għal terminu medju jew twil għall-impriża.

196    Il-Kummissjoni ssostni li, kieku kellha ssegwi l-loġika ssuġġerita minn EDF, hija tippermetti lill-Istat, bħala awtorità fiskali, li jimplementa liberament kull forma ta’ “diskriminazzjoni” permezz tal-instrument fiskali li jiddisponi minnu, diversament mill-investituri privati. Fil-fatt, dawn tal-aħħar ikunu biss jistgħu iċaqalqu kapitali bil-għan li jwettqu investimenti wara li jkunu ħallsu l-obbligi fiskali tagħhom.

197    Barra minn hekk, il-Kummissjoni essenzjalment issostni li jekk l-Istat jiġi permess li jinvoka l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, meta huwa jaġixxi fil-kwalità tiegħu bħala regolatur li juża s-setgħa fiskali tiegħu, dan iwassal għal “sitwazzjoni perikoluża”, għaliex b’hekk, l-Istat ikun jista’ jippretendi li l-eżenzjonijiet fiskali kollha mogħtija lil impriżi pubbliċi ekonomikament b’saħħithom għandhom jaħarbu mir-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat kemm-il darba dawn ikunu jissodisfaw il-kriterju tal-investitur privat. Tali sitwazzjoni twassal għal “diskriminazzjoni kontra l-impriżi li ma għandhomx ix-xorti li jkollhom lill-Istat bħala azzjonist u/jew investitur”.

198    Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, ir-raġunament segwit minn EDF imur kontra l-Artikolu 87 KE, għaliex jippriva lil din id-dispożizzjoni minn kull effett utli, hekk kif jirriżulta mill-premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata.

199    Skont il-Kummissjoni, il-bażi stess ta’ kull argumentazzjoni tar-rikorrenti hija vvizzjata minn premessa żbaljata, li tikkonsisti f’li jitqies li huwa possibbli li jiġi applikat il-kriterju tal-investitur privat lill-operazzjoni kollha, jiġifieri mhux biss lill-allegata żieda fil-kapital, iżda anki lill-fażi preċedenti, meta l-Istat ikun intervjena bħala awtorità fiskali sabiex jintroduċi “eżenzjoni fiskali” li tikkostitwixxi l-miżura kkontestata.

200    Issa, skont il-Kummissjoni, jekk l-aġir tal-Istat Franċiż jiġi pparagunat ma’ dak ta’ investitur privat, ir-riżervi maħluqa b’mod irregolari minn EDF abbażi tad-drittijiet tal-konċedent kien ikollhom jiġu suġġetti minn qabel għat-taxxa fuq il-kumpanniji qabel ma jiġu eventwalment miżjuda fil-kapital ta’ EDF. Kienet biss tali tassazzjoni tar-riżervi li setgħet tpoġġi “fuq livell indaqs” lill-Istat Franċiż ma’ investitur privat u li kienet tippermetti lill-Kummissjoni li tikkunsidra l-paragun tal-aġir tal-Istat Franċiż ma’ dak ta’ operatur privat. Peress li din il-premessa kienet nieqsa, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq tali paragun.

201    Il-Kummissjoni tosserva li, jekk l-Istat Franċiż jitpoġġa effettivament “fuq livell indaqs” ma’ investitur privat, ma jkunx jista’ jiġi kkontestat li “rigal fiskali” tal-“Istat ‘regolatur’” ma għandux l-istess spiża daqs investiment tal-“Istat ‘investitur’”. Fl-ewwel każ, sabiex impriża tingħata benefiċċju ta’ EUR 100, ikun biżżejjed li l-Istat jirrinunzja għat-tassazzjoni tal-istess somma. Min-naħa l-oħra, sabiex impriża tibbenifika mill-istess somma min-naħa ta’ investitur privat, ikun hemm bżonn, b’mod partikolari, li jiżdiedu l-ispejjeż fiskali mħallsa fuq dawn is-somom sabiex din tkun tista’ tiddisponi minnhom liberament. B’hekk, f’dan il-każ, din is-somma ta’ EUR 100 kellha tiġi suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji bir-rata ta’ 41.66 %. Minn dan jirriżulta li, sabiex jagħti EUR 100, investitur privat kellu fir-realta jittrasferixxi EUR 141.66.

202    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni li l-eżempji ppreżentati minn EDF relattivi għall-abandun ta’ kreditu minn impriża prinċipali fuq is-sussidjarja tagħha, ma jinsabux fil-kuntest tas-setgħat li jifformaw parti mis-setgħa pubblika, iżda huma relatati ma strumenti li jistgħu jintużaw minn investitur privat fis-suq: fil-fatt dawn ikunu krediti ta’ natura kummerċjali u mhux fiskali. B’hekk, ma hemmx sempliċi distinzjoni formali, peress li l-ispiża għall-Istat tkun neċessarjament spiża inqas elevata minn dik għall-investitur privat.

203    Il-Kummissjoni tfakkar li, abbażi tal-prinċipju ta’ newtralità fir-rigward tas-sistema ta’ proprjetà tal-impriżi stabbilit fl-Artikolu 295 KE, l-atti tagħha ma jistgħu la jiffavorixxu u lanqas jiżvantaġġjaw lis-setgħat pubbliċi meta dawn jipproċedu għal żiediet fil-kapital favur impriżi. Issa, skont il-Kummissjoni, la hi, u sa fejn taf hi, lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ma qatt aċċettaw li Stat azzjonist, li jagħmel użu mis-setgħa fiskali tiegħu, barrani għad-dritt komuni, jiġi pparagunat ma’ investitur privat.

204    Essenzjalment, il-Kummissjoni tenfasizza li l-fatt li ma jiġux aċċettati “rigali fiskali” ma huwiex meħtieġ minn sempliċi dmir formali, iżda huwa ġġustifikat minħabba l-fatt li, fid-dritt, għajnuna tista’ tieħu l-forma ta’ sussidju dirett kif ukoll ta’ rinunzja ta’ kreditu. Il-projbizzjoni a priori ta’ tali “rigali fiskali” hija biss l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ newtralità ċċitat iktar ’il fuq, kif aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jgħid li “għandha ssir distinzjoni bejn l-obbligi li l-Istat għandu jassumi bħala azzjonist f’kumpannija u l-obbligi li jistgħu jkunu imposti fuqu bħala setgħa pubblika” (sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 185 iktar ’il fuq, punt 134).

205    Il-Kummissjoni tenfasizza li, f’din il-kawża, il-kwistjoni kienet dwar jekk l-“Istat ‘investitur’” setax jinvoka b’mod utli l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat sabiex jevita l-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. Biex dan isir, huwa neċessarju li jiġi pprovat li l-Istat aġixxa fil-kundizzjonijiet li huma meqjusa bħala normali għall-investitur privat. Issa, skont il-Kummissjoni, f’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-eżerċizzju ta’ prerogattiva tas-setgħa pubblika ma huwiex kundizzjoni normali tas-suq.

206    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li f’nota tad-Direttorat Ġenerali tat-Taxxi mibgħuta fid-9 ta’ April 2002, dan tal-aħħar ikkunsidra li “d-drittijiet tal-konċedent relatati mar-RAG jirrappreżentaw dejn mhux dovut li l-inkorporazzjoni fil-kapital ħelset mit-taxxa b’mod inġustifikat”. Minn dan jirriżulta b’mod ċar li dan kien każ ta’ “rigal fiskali” u mhux ta’ investiment.

207    Il-Kummissjoni ssostni li, kuntrarjament għal dak li tippretendi EDF, l-operazzjoni kkontestata ma hi bl-ebda mod relatata ma’ operazzjoni ta’ abbandun ta’ kreditu permezz tal-inkorporazzjoni tiegħu fil-kapital tal-impriża, u li EDF tiżbalja meta tipprova tirriduċi d-dibattitu għal sempliċi approċċ formali tal-Kummissjoni mingħajr evalwazzjoni tar-razzjonalità ekonomika tal-operazzjoni.

208    Wara li fakkret li r-raġunament li jsostni l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat huwa dak li tiġi evitata kull “diskriminazzjoni” bejn l-impriżi pubbliċi u privati bil-għan li jiġu applikati b’mod korrett id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, “il-kriterju relattiv għall-aġir ta’ investitur privat li jopera fil-kundizzjonijiet normali ta’ ekonomija tas-suq huwa riżultat tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn is-settur pubbliku u privat, skont liema prinċipju l-kapitali mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ impriża, direttament jew indirettament, mill-Istat, f’ċirkustanzi li jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet normali tas-suq, ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċali] (sentenza Franza vs Il‑Kummissjoni, punt 183 iktar ’il fuq, punt 69, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2000, Alitalia vs Il‑Kummissjoni, T‑296/97, Ġabra p. II‑3871, punt 80).

209    Għalhekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, għalkemm ma kienx hemm dubju li l-Istat jista’ jqiegħed kapital għad-dispożizzjoni ta’ impriża, tali operazzjoni tista’ biss tevita l-kwalifika bħala għajnuna mill-Istat bil-kundizzjoni li ċ-ċirkustanzi li din issir fihom ikunu “jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet normali tas-suq”.

210    Skont il-Kummissjoni, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar li l-kriterju tal-investitur privat japplika biss fil-każijiet fejn iċ-ċirkustanzi li fihom jaġixxi l-Istat ikunu paragunabbli ma’ dawk li jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet normali tas-suq. Minn dan jirriżulta wkoll li l-metodi użati mill-Istat jifformaw parti integrali miċ-ċirkustanzi msemmija, u dan iktar u iktar meta n-natura u l-karatteristiċi tal-metodi użati ma jkunux għad-dispożizzjoni ta’ investitur privat li jagixxi f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

211    Barra minn hekk, min-natura tagħha stess, eżenzjoni fiskali toħloq effetti li ma jistgħux, f’kull każ, jiġu sseparati mir-rwol tal-Istat bħala l-uniku detentur tas-setgħa sovrana li jiġbor u li jqassam it-taxxi. Peress li din is-setgħa hija “l-espressjoni l-iktar assoluta tas-setgħa pubblika”, l-eżerċizzju tagħha – impożizzjoni u eżenzjoni – ma għandux ekwivalenti fuq livell ta’ investitur privat.

212    Fir-rigward tas-sentenza Chronopost et vs Ufex et, punt 172 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tenfasizza li jidher kontradittorju li jingħad, minn naħa, li hija kellha tapplika l-kriterju tal-investitur privat f’dan il-każ, u min-naħa l-oħra, li tirreferi għal din is-sentenza fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, fin-nuqqas ta’ paragun possibbli, segwiet loġika dijametrikament opposta għal din tal-kundizzjonijiet normali tas-suq. Il-Kummissjoni tfakkar li l-Istat biss jista’ jaġixxi fl-istess ħin bħala awtorità fiskali u bħala investitur.

213    Finalment, il-Kummissjoni essenzjalment issostni, b’mod sussidjarju, li l-miżura kkontestata xorta ma kinitx tissodisfa l-kriterju tal-investitur privat li kieku applikatu.

214    Bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni essenzjalment tikkonferma, minn naħa, li hija tqis li hija ma kellhiex tapplika l-kriterju tal-investitur privat u li, min-naħa l-oħra, li r-“Rapport Oxera” kellu jiġi injorat, b’mod partikolari minħabba li dan ir-rapport ġie ppreżentat tard minn EDF.

215    Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ressqet diversi argumenti kumplimentari.

216    Qabel kollox, hija sostniet li l-ebda investitur privat ma seta’ jittrasferixxi tali kapitali bl-istess spiża. Għalhekk, f’kull każ, ma hemmx investitur privat ta’ referenza.

217    Sussegwentement, b’risposta għall-argumenti ta’ EDF u tar-Repubblika Franċiża li jgħidu li l-ispiża riżultanti mill-applikazzjoni ta’ kull waħda miż-żewġ soluzzjonijiet li kien possibbli li l-Istat jadotta (ara punt 164 iktar ’il fuq) kienet identika, il-Kummissjoni sostniet li l-ispiża ma kinitx l-istess fl-“iskema fit-tul”. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, fl-“iskema fit-tul”, EDF kellha qabel kollox tħallas it-taxxi dovuti u ż-żieda fil-valur finanzjarju tagħha kienet tkun differenti matul l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat. B’hekk, l-applikazzjoni ta’ din l-“iskema fit-tul” kienet – probabilment – tagħti riżultati differenti li kieku ġie applikat il-kriterju tal-investitur privat.

218    Finalment, il-Kummissjoni sostniet ukoll, waqt is-seduta, li kien hemm bżonn li l-ammont tat-taxxa jitħallas lill-Istat – anki jekk għal perijodu qasir – qabel ma jitħallas lura lil EDF, u li t-taxxa li kienet dovuta tidher fil-karta tal-bilanċ ta’ EDF.

219    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali taċċetta t-teżi li tgħid li l-miżura kkontestata tikkostitwixxi investiment taħt forma ta’ żieda fil-kapital li kellu jiġi eżaminat bl-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, liema ħaġa hija tikkontesta, il-Qorti Ġenerali jkollha b’hekk tannulla d-deċiżjoni kkontestata minħabba żball ċar ta’ evalwazzjoni, mingħajr madankollu ma tanalizza jekk l-aġir tal-Istat Franċiż kienx jissodisfa jew le dan il-kriterju, peress li dan it-tieni stadju tal-eżami tal-miżura kkontestata għandu jseħħ fid-deċiżjoni li għandha tadotta l-Kummissjoni wara li tingħata s-sentenza li tiddikjara l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti Ġenerali ma tistax fil-fatt twettaq l-eżami ta’ din il-kwistjoni, peress li tali evalwazzjoni ma tifformax parti mill-kompetenza tal-Qorti Komunitarja.

220    Waqt is-seduta, Iberdrola, b’mod partikolari b’referenza għall-konklużjonijiet tal-14 ta’ Jannar 2003 tal-Avukat Ġenerali Léger fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, I‑7788), sostniet li l-kriterju tal-investitur privat avżat f’ekonomija tas-suq ma setax, bħala prinċipju, jiġi applikat meta Stat jagħti għajnuna billi jirrikorri għal prerogattivi ta’ setgħa pubblika. Skont l-intervenjenti, l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju għandha l-iskop li tiżgura t-trattament ugwali bejn l-impriżi pubbliċi u privati. Issa, l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju għall-konverżjoni ta’ dejn fiskali f’żieda fil-kapital ikollha l-effett li tagħti lill-impriżi pubbliċi benefiċċju li l-impriżi privati qatt ma jistgħu jibbenifikaw minnu. B’hekk ikun hemm ksur tat-trattament ugwali favur l-impriżi pubbliċi biss, marbut mal-forma tal-għajnuna mogħtija. B’hekk, skont l-intervenjenti, dan l-aspett formali huwa determinanti, u f’każ bħal dan, il-kriterju tal-investitur privat qatt ma jista’ jiġi applikat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

221    Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 87 KE għandu l-għan li jevita li l-kummerċ bejn Stati Membri jiġi milqut minn benefiċċji permessi mill-awtoritajiet pubbliċi li, taħt diversi forom, joħolqu distorsjoni jew theddid li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni billi jiffavorixxu lil ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet. Għalhekk, il-kunċett ta’ “għajnuna” jista’ jkopri mhux biss provvisti pożittivi bħal sussidji, self jew xiri ta’ ishma fil-kapital ta’ impriżi, iżda wkoll interventi li, taħt forom differenti, inaqqsu l-ispejjeż li normalment jolqtu l-finanzi ta’ impriża u li, bl-istess mod, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2003, L‑Italja u SIM 2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni, C‑328/99 u C‑399/00, Ġabra p. I‑4035, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fl-evalwazzjoni ta’ miżura fir-rigward tal-Artikolu 87 KE, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha u l-kuntest tagħhom (sentenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il‑Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 270).

222    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi fil-kapital ta’ impriża, taħt kwalunkwe forma, jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 87(1) KE (ara s-sentenza L‑Italja u SIM 2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni, punt 221 iktar ’il fuq, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, dan ma jistax ikun il-każ, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn impriżi pubbliċi u privati, meta l-kapitali li jitpoġġew għad-dispożizzjoni ta’ impriża, direttament jew indirettament, mill-Istat, jitpoġġew għad-dispożizzjoni f’ċirkustanzi li jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet normali tas-suq (ara s-sentenza L‑Italja u SIM 2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni, punt 221 iktar ’il fuq, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

223    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ sitwazzjonijiet: dawk fejn l-intervent mill-Istat ikollu karattru ekonomiku, u dawk fejn l-intervent mill-Istat ikun jifforma parti mill-atti ta’ setgħa pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑278/92 sa C‑280/92, Ġabra p. I‑4103, punt 22, u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 185 iktar ’il fuq, punt 134; il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 220 iktar ’il fuq, punt 20).

224    Il-kriterju tal-operatur privat japplika biss fl-ewwel kategorija ta’ sitwazzjonijiet li tkopri l-każijiet fejn l-awtoritajiet pubbliċi jixtru sehem fil-kapital ta’ impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 14; Tubemeuse, punt 94 iktar ’il fuq, punt 26, u tal-21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “Alfa Romeo”, C‑305/89, Ġabra p. I‑1603, punt 19), jagħtu self lil ċerti impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “Boussac”, C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punti 38 sa 41, u tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 1998, Cityflyer Express vs Il‑Kummissjoni, T‑16/96, Ġabra p. II‑757, punti 8 u 51), jagħtu garanzija tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ġunju 2000, EPAC vs Il‑Kummissjoni, T‑204/97 u T‑270/97, Ġabra p. II‑2267, punti 67 u 68), ibiegħu beni jew servizzi fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Frar 1988, Van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punti 28 sa 30; tad-29 ta’ Frar 1996, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑56/93, Ġabra p. I‑723, punt 10, u tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, Ġabra p. I‑3547, punti 59 sa 62), jew jagħtu faċilitajiet għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 1999, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑342/96, Ġabra p. I‑2459, punt 46) jew għar-rimbors tal-ispejjeż tal-pagi. F’dan it-tip ta’ sitwazzjonijiet, il-kriterju tal-operatur privat huwa rilevanti, għaliex l-aġir tal-Istat jista’ jiġi adottat, għall-inqas bħala prinċipju, minn operatur privat bi skop ta’ profitt (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 220 iktar ’il fuq, punti 20 et seq).

225    Min-naħa l-oħra, il-kriterju tal-operatur privat ma huwiex rilevanti meta l-intervent tal-Istat ma jkollu l-ebda karattru ekonomiku. Dan ikun il-każ meta l-awtoritajiet pubbliċi jħallsu sussidju dirett lil impriża, jagħtu eżenzjoni fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, Ġabra p. I‑877, punt 14; tad-19 ta’ Mejju 1999, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑6/97, Ġabra p. I‑2981, punt 16, u tad-19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra p. I‑6857, punti 25 sa 28) jew jikkonċedu tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet soċjali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑75/97, Ġabra p. I‑3671, punti 24 u 25, u tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il‑Kummissjoni, T‑67/94, Ġabra p. II‑1, punt 110).

226    F’dan it-tip ta’ sitwazzjonijiet, l-intervent tal-Istat ma jistax jiġi adottat minn operatur privat bi skop ta’ profitt, iżda jifforma parti mill-atti ta’ setgħa pubblika tal-Istat, bħall-politika fiskali jew il-politika soċjali (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 220 iktar ’il fuq, punti 20 et seq).

227    Għalhekk, l-istess jgħodd għall-ispejjeż tal-Istat marbuta mat-tkeċċija tal-ħaddiema, mal-ħlas tal-benefiċċji għal qgħad u ma’ benefiċċji soċjali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Jannar 1999, Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech-Stahlwerke vs Il‑Kummissjoni, T‑129/95, T‑2/96 u T‑97/96, Ġabra p. II‑17, punt 119), kif ukoll mal-għajnuna għar-rikostituzzjoni tat-tessut industrijali, mas-self ikkonsentit mill-Istat b’kundizzjonijiet mhux tas-soltu, jew inkella mal-ispejjeż għar-riabilitazzjoni ta’ sit sabiex ikun jista’ jinħoloq park teknoloġiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il‑Kummissjoni, punt 223 iktar ’il fuq, punt 22, u tat-28 ta’ Jannar 2003, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 185 iktar ’il fuq, punt 140; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, T‑198/01, Ġabra p. II‑2717, punt 108).

228    Fil-fatt, l-interventi tal-Istat li huma intiżi sabiex jiġu onorati l-obbligi tiegħu bħala setgħa pubblika ma jistgħux jiġu pparagunati ma’ dawk ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq.

229    Sabiex jiġi evalwat jekk il-miżuri adottati mill-Istat jifformawx parti mill-prerogattivi ta’ setgħa pubblika tiegħu jew jirriżultawx mill-obbligi li għandu jassumi bħala azzjonist, dawn il-miżuri għandhom jiġu evalwati mhux skont il-forma tagħhom, iżda skont in-natura tagħhom, skont is-suġġett tagħhom, u skont ir-regoli li huma suġġetti għalihom, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan segwit mill-miżuri inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft, C‑364/92, Ġabra p. I‑43, punt 30).

230    Għalhekk, fil-każ ta’ impriża li l-kapital tagħha huwa miżmum mill-awtoritajiet pubbliċi, għandu b’mod partikolari jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat, ta’ daqs li jista’ jiġi pparagunat ma’ dak tal-korpi li jirregolaw is-settur pubbliku, kienx jipproċedi għal żieda fil-kapital tal-istess daqs, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-qligħ potenzjali u prevedibbli irrispettivament minn kull kunsiderazzjoni ta’ natura soċjali jew ta’ politika reġjonali jew settorjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, punt 223 iktar ’il fuq, punt 14, u L‑Italja u SIM 2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni, punt 221 iktar ’il fuq, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata).

231    Finalment, għandu jiġi ppreċiżat li l-fatt li l-aġir tal-Istat azzjonist jiġi evalwat fid-dawl tal-investitur privat avżat, filwaqt li l-aġir ta’ kwalunkwe investitur privat ma huwiex evalwat b’dan il-mod, ma jikkostitwixxix ksur fit-trattament ugwali bejn l-Istat u tali investitur privat, peress li l-Istat azzjonist ma jinsabx fl-istess sitwazzjoni bħall-investitur privat. Fil-fatt, diversament mill-investitur privat li jista’ jiddependi biss mir-riżorsi tiegħu sabiex jiffinanzja l-investimenti tiegħu, l-Istat għandu aċċess għal riżorsi finanzjarji li jirriżultaw mill-eżerċizzju tas-setgħa pubblika, b’mod partikolari dik derivanti mit-taxxi (sentenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il‑Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punti 271 u 272).

232    Għalhekk, il-fatt waħdu li l-Istat għandu aċċess għal riżorsi finanzjarji li jirriżultaw mill-eżerċizzju tas-setgħa pubblika, ma jippermettix li jiġi ġġustifikat, għalhekk biss, li l-aġir tal-Istat jitqiesu bħala li jirriżultaw mill-prerogattivi ta’ setgħa pubblika tiegħu. Fil-fatt, f’każ simili, hemm riskju li l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat avżat għall-aġir tal-Istat azzjonist tinġieb fix-xejn, jew għall-inqas imnaqqsa b’mod sproporzjonat, peress li, bħala Stat, dan għandu neċessarjament aċċess għal riżorsi finanzjarji li jirriżultaw mill-eżerċizzju tas-setgħa pubblika, b’mod partikolari għal riżorsi fiskali.

233    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi stabbilit, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk is-sehem jew l-intervent pubbliku fil-kapital tal-impriża benefiċjarja jsegwix għan ekonomiku li jista’ wkoll jiġi segwit minn investitur privat, u b’hekk ikun imwettaq mill-Istat bħala operatur ekonomiku bl-istess mod bħal operatur privat, jew jekk, b’mod kuntrarju, dan huwiex iġġustifikat mit-tfittix ta’ għan ta’ interess pubbliku u għandux jitqies bħala forma ta’ intervent tal-Istat bħala setgħa pubblika, f’liema każ l-aġir tal-Istat ma jistax jiġi pparagunat ma’ dak ta’ operatur jew ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq.

234    Għalhekk, għandu jitqies li, jekk l-intervent tal-Istat, fid-dawl tan-natura u tal-iskop tiegħu, u b’kunsiderazzjoni tal-għan imfittex, ma jkunx jikkostitwixxi investiment realizzabbli minn investitur privat, dan l-intervent jista’ jkun jikkonsisti f’intervent tal-Istat bħala setgħa pubblika, u b’hekk tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat avżat.

235    Min-naħa l-oħra, jekk l-intervent tal-Istat, fid-dawl tan-natura u tal-iskop tiegħu, u b’kunsiderazzjoni tal-għan imfittex, jikkostitwixxi investiment paragunabbli ma’ dak li jista’ jirrealizza investitur privat, dan l-intervent għandu jiġi eżaminat bl-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat avżat. Dan l-eżami huwa intiż sabiex jiġi vverifikat jekk tali investitur kienx jipproċedi, f’ċirkustanzi simili u abbażi ta’ previżjonijiet ta’ dħul possibbli, għal żieda fil-kapital tal-istess daqs, u dan indipendentement mill-forma li jieħu dan l-intervent tal-Istat u mill-fatt li dan għandu aċċess għal riżorsi li jirriżultaw mill-eżerċizzju tas-setgħa pubblika, bħal dawk provenjenti mit-taxxi, li ma jistax ikollu aċċess għalihom investitur privat.

236    Fi kliem ieħor, il-miżura għandha tiġi eżaminata mhux skont il-forma biss, iżda skont in-natura, l-iskop u l-għanijiet tagħha, liema ħaġa tippreżumi li din titqies mill-aspetti kollha tagħha, kif ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li din tiġi adottata fih.

237    Barra minn hekk, minn dan jirriżulta li l-fatt li l-intervent tal-Istat jieħu l-forma ta’ liġi ma jistax, minnu nnifsu, ikun biżżejjed sabiex jiġi eskluż li l-intervent tal-Istat fil-kapital ta’ impriża jsegwi għan ekonomiku li jista’ jadotta wkoll investitur privat.

238    F’dan il-każ, huwa stabbilit li r-Repubblika Franċiża kienet l-unika azzjonista ta’ EDF fl-1997.

239    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, qabel l-adozzjoni tal-Liġi Nru 97‑1026, il-karta tal-bilanċ ta’ EDF kienet ifformulata b’dan il-mod:

–        fl-attiv, taqsima bit-titolu “Assi fissi korporali tal-qasam konċess” fl-ammont ta’ FRF 285.7 biljun, li minnhom, madwar FRF 90 biljun abbażi tar-RAG;

–        fil-passiv, minn naħa, taqsima bit-titolu “Riżervi”, li minnhom, madwar FRF 38.5 biljun abbażi tar-RAG, fejn jiġu rreġistrati ammonti għall-infiq ta’ tiġdid li kellu jseħħ fil-futur, u, min-naħa l-oħra, taqsima bit-titolu “Kontro-valur tal-beni konċessi” fejn jiġu rreġistrati l-ispejjeż ta’ tiġdid effettivament imwettqa. Din it-taqsima – li kienet turi dejn ta’ EDF fir-rigward tal-Istat – kienet tammonta, qabel l-adozzjoni tal-Liġi Nru 97‑1026, għal FRF 145.2 biljun, li minnhom FRF 18.3 biljun abbażi tar-RAG.

240    Huwa stabbilit li, permezz tal-Liġi Nru 97‑1026, ir-Repubblika Franċiża wettqet ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF u għamlet rikapitalizzazzjoni tal-impriża. B’hekk, wara din l-operazzjoni, fl-ewwel lok, il-beni li jikkostitwixxu r-RAG ġew riklassifikati, f’ammont ta’ FRF 90.325 biljun, f’“beni proprji” tal-impriża. Fit-tieni lok, ir-riżervi għat-tiġdid tar-RAG mhux użati, f’ammont ta’ FRF 38.521 biljun, ġew kontabilizzati bħala qliegħ mhux distribwit mingħajr ma għaddew mill-kont tal-profitti u telf, u ġew riklassifikati f’ammont ta’ FRF 20.225 biljun fit-trasferiment tat-telf, b’liema mod dan il-kont ġie estint, u l-bqija ta’ FRF 18.296 biljun ġiet destinata għar-riżervi. Dawn ir-riklassifikazzjonijiet wasslu għal impożizzjoni tat-taxxa, b’applikazzjoni tal-Artikolu 38(2) tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi. Finalment, fit-tielet lok, id-“drittijiet tal-konċedent” – jiġifieri l-“kontro-valur tal-beni konċessi” – ġew ittrasferiti direttament fit-taqsima taż-żieda fil-kapital f’ammont ta’ FRF 14.119 biljun (fuq total ta’ FRF 18.345 biljun) mingħajr ma għaddew mir-rapport tal-qliegħ, u l-bqija ġew irreġistrati taħt diversi kontijiet ta’ rievalwazzjoni.

241    Madankollu, kien biss in-nuqqas ta’ impożizzjoni fuq id-“drittijiet tal-konċedent” qabel iż-żieda fil-kapital li ġie kkunsidrat mill-Kummissjoni bħala għajnuna mill-Istat. Effettivament, la l-fatt li EDF ġiet meqjusa bħala proprjetarja tar-RAG b’mod retroattiv sa mill-1956, la r-riklassifikazzjoni tar-riżervi mhux użati, mill-mument meta dawn kienu ġew suġġetti għat-taxxa, u lanqas iż-żieda fil-kapital f’ammont ta’ FRF 14.119 biljun ma ġew meqjusa mill-Kummissjoni bħala għajnuna mill-Istat.

242    Għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet kollha jaqblu li għandu jiġi kkunsidrat li kienet dovuta taxxa fuq l-ammont ta’ FRF 14.119 biljun qabel ma ġie rreġistrat fit-taqsima bit-titolu “Żieda fil-kapital”. Għaldaqstant, indipendentement mill-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema fiskali li għandha bħala prinċipju tiġi applikata fuq id-drittijiet tal-konċedent, ma hijiex ikkontestata mill-partijiet.

243    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97‑1026 għandu l-iskop li jirristruttura l-karta tal-bilanċ ta’ EDF u li jżid il-fondi proprji tagħha. B’hekk, minnu nnifsu, dan ma huwiex dispożizzjoni ta’ natura fiskali, iżda dispożizzjoni ta’ natura kontabbli b’effetti fiskali, hekk kif turi l-ittra mibgħuta lil EDF mill-Ministeru tal-Ekonomija, tal-Finanzi u tal-Industrija, mis-Segretarju tal-Istat għall-Baġit u mis-Segretarju tal-Istat għall-Industrija fit-22 ta’ Diċembru 1997.

244    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni eżaminat biss l-effett fiskali tal-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97‑1026 u li hija ppreċiżat li ma kellhiex il-kompetenza li tieħu inkunsiderazzjoni la ż-żieda fil-kapital imwettqa permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-liġi, u lanqas l-ispjegazzjonijiet tar-Repubblika Franċiża intiżi sabiex jiġġustifikaw ir-razzjonalità ekonomika tal-operazzjoni kkunsidrata b’mod sħiħ.

245    Il-Kummissjoni tiġġustifika din l-attitudni mill-karattru fiskali tal-benefiċċju identifikat minnha, u tippreċiża – kif jirriżulta kemm mid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mid-dokumenti u mit-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali – li l-kriterju tal-investitur privat ma setax japplika għal żieda fil-kapital imwettqa permezz tar-rinunzja ta’ kreditu fiskali, peress li tali rinunzja tirriżulta mill-eżerċizzju, min-naħa tal-Istat, tas-setgħa regolatorja tiegħu, jew inkella, tal-prerogattivi tas-setgħa pubblika tiegħu.

246    Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk Stat Membru, li huwa fl-istess ħin kreditur fiskali ta’ impriża pubblika u l-uniku azzjonist tagħha, jistax validament jinvoka l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat meta jwettaq żieda fil-kapital ta’ din l-impriża billi jirrinunzja għal dan il-kreditu fiskali, jew jekk għandux jitqies li, fid-dawl tan-natura fiskali tal-kreditu u tal-fatt li l-Istat għamel użu mill-prerogattivi tas-setgħa pubblika tiegħu billi rrinunzja għal dan il-kreditu, il-Kummissjoni kellhiex id-dritt li topponi l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju f’dak li jirrigwarda ż-żieda tal-kapital inkwistjoni.

247    F’dan ir-rigward, għandu jitqies li, fid-dawl tal-għan ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ EDF segwit mil-Liġi Nru 97‑1026, in-natura fiskali waħedha tal-kreditu li l-Istat Franċiż għandu fir-rigward ta’ din l-impriża, u l-fatt waħdu li dan irrikorra għal-liġi, ma jippermettux li l-Kummissjoni tirrifjuta milli tivverifika jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat setax jasal biex jipproċedi għal żieda fil-kapital tal-istess daqs u, għalhekk, jekk il-kapitali ġewx miżjuda mill-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet normali tas-suq.

248    Isegwi li l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat ma tistax tiġi injorata biss minħabba li ż-żieda fil-kapital ta’ EDF tirriżulta mir-rinunzja min-naħa tal-Istat ta’ kreditu fiskali li huwa kellu fil-konfront tagħha.

249    Fil-fatt, f’ċirkustanzi bħal dawn, il-Kummissjoni kellha tivverifika jekk investitur privat kienx jipproċedi għal investiment paragunabbli fl-ammont tiegħu f’ċirkustanzi simili, indipendentement mill-forma tal-intervent adottata mill-Istat sabiex iżid il-kapital ta’ EDF u mill-użu eventwali ta’ riżorsi fiskali għal dan il-għan, u dan sabiex tiġi vverifikata r-razzjonalità ekonomika ta’ dan l-investiment, u sabiex dan jiġi pparagunat mal-aġir li tali investitur kien jadotta fir-rigward tal-istess impriża fl-istess ċirkustanzi.

250    Fil-fatt, tali obbligu tal-Kummissjoni li tivverifika jekk il-kapitali ġewx miżjuda mill-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet normali tas-suq, jeżisti indipendentement mill-forma li fiha l-kapitali ġew miżjuda mill-Istat, kemm jekk din tkun simili jew differenti minn dik li setgħet tiġi użata minn investitur privat.

251    L-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet normali tas-suq hija bbażata fuq evalwazzjoni ekonomika ta’ paragun tal-investiment magħmul mill-Istat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi evalwat jekk investitur privat kienx iwettaq investiment ta’ ammont simili f’perspettivi finanzjarji u ta’ profitt paragunabbli. Il-forma li jseħħ biha dan l-investiment – żieda diretta fil-kapital, permezz ta’ fondi provenjenti mit-taxxa jew minn self magħmul mill-Istat, jew konverżjoni ta’ dejn f’kapital – hija effettivament indifferenti. Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi eskluż li, hekk kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-forma adottata mill-investiment twassal għal differenzi f’termini ta’ spejjeż ta’ trasferiment tal-kapital u ta’ profitt minnu, li jistgħu jwasslu sabiex jitqies li investitur privat ma kienx iwettaq tali investiment f’kundizzjonijiet paragunabbli. Madankollu, dan jippresupponi evalwazzjoni ekonomika fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat li l-Kummissjoni rrinunzjat għaliha deliberatament f’dan il-każ.

252    Issa, tali evalwazzjoni kienet ġustifikata, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, peress li, minn naħa, hekk kif sostnew EDF u r-Repubblika Franċiża, mingħajr kontestazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, żieda fil-kapital tista’ tirriżulta mill-inkorporazzjoni ta’ kreditu miżmum minn azzjonist privat fir-rigward tal-impriża, liema ħaġa hija permessa f’dan il-każ mid-dritt Franċiż, u peress li, min-naħa l-oħra, l-użu ta’ liġi għal dan il-għan seta’ jitqies bħala l-konsegwenza neċessarja tal-fatt li r-regoli relattivi għall-kapital ta’ EDF kienu huma stess stabbiliti mil-liġi, liema ħaġa ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, dan l-aħħar fatt, li jikkaratterizza n-natura tal-miżura kkontestata, ma setax iqiegħed indiskussjoni l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat f’dan il-każ.

253    Konsegwentement, fid-dawl tan-neċessita li l-miżura kkontestata tiġi evalwata fil-kuntest tagħha, il-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha sabiex teżamina l-effetti fiskali tad-dispożizzjonijiet adottati mir-Repubblika Franċiża mingħajr ma teżamina, fl-istess ħin – u, eventwalment tinjora fl-aħħar ta’ dan l-eżami – il-fondatezza tal-argument tar-Repubblika Franċiża li jgħid li r-rinunzja għall-kreditu ta’ taxxa fil-kuntest tal-operazzjoni ta’ ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ u ta’ żieda tal-kapital ta’ EDF, li kienet tikkostitwixxi l-għan tal-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97‑1026, setgħet titqies bħala operazzjoni li tissodisfa l-kriterju tal-investitur privat.

254    L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑334/99, punt 185 iktar ’il fuq), il-kriterju tal-investitur privat ma setax jiġi applikat, peress li l-Istat Franċiż kien eżerċita, f’dan il-każ, il-prerogattivi tas-setgħa pubblika tiegħu billi uża liġi sabiex jirrinunzja għall-ħlas ta’ kreditu fiskali, u b’hekk peress li ma aġixxiex bħala azzjonist privat, ma jistax jiġi milqugħ.

255    Ċertament, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, għandha tiġi stabbilita distinzjoni bejn l-obbligi li l-Istat għandu jassumi bħala proprjetarju azzjonist ta’ kumpannija, u l-obbligi li jista’ jkollu bħala setgħa pubblika (sentenza tat-28 ta’ Jannar 2003, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 185 iktar ’il fuq, punt 134).

256    B’mod partikolari, mis-sentenzi li ġie applikat fihom dan il-kriterju (sentenzi tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il‑Kummissjoni, punt 223 iktar ’il fuq; tat-28 ta’ Jannar 2003, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 185 iktar ’il fuq, u Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, punt 227 iktar ’il fuq) jirriżulta li, fil-kawżi li wasslu għal-dawn is-sentenzi, il-fatt li kienu involuti obbligi tal-Istat fil-kwalità tiegħu bħala setgħa pubblika ma kienx jippermetti l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż riżultanti minnhom. Fil-fatt, dawn l-ispejjeż kienu derivanti minn ħlasijiet riżultanti mit-tkeċċija ta’ ħaddiema, minn ħlasijiet ta’ kontribuzzjonijiet għall-qgħad, minn għajnuna għar-rikostituzzjoni tat-tessut industrijali, minn self ikkonsentit mill-Istat b’kundizzjonijiet mhux tas-soltu, u finalment, mar-riabilitazzjoni ta’ sit sabiex ikun jista’ jinħoloq park teknoloġiku. Għalhekk, dawn ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-ispejjeż tal-likwidazzjoni ta’ impriża relattivi għax-xiri ta’ din l-impriża, peress li dawn kienu jirriżultaw minn obbligi li ma humiex imposti fuq azzjonist privat.

257    Madankollu, f’dan il-każ, diversament mis-sitwazzjonijiet deskritti fil-punt 256 iktar ’il fuq, hekk kif ammettiet il-Kummissjoni waqt is-seduta, ma kienx hemm fil-veru sens tal-kelma obbligi tal-Istat bħala setgħa pubblika fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, u ma kellhomx jiġu evalwati ċerti spejjeż riżultanti fuq l-Istat b’riżultat tal-obbligi tas-setgħa pubblika tiegħu.

258    Fil-fatt, meta, bħal f’dan il-każ, l-Istat, azzjonist uniku ta’ impriża, iwettaq żieda fil-kapital tagħha, sabiex, b’mod partikolari, jirrimedja l-iżbilanċi fil-karta tal-bilanċ ta’ din l-impriża, għandu jiġi kkonstatat li dan jadotta aġir li jista’ jadotta investitur privat, u ma jistax jiġi eskluż a priori li dan jaġixxi bi skop paragunabbli għal dak ta’ tali investitur. Huwa sabiex jiġi stabbilit jekk dan kienx effettivament il-każ, liema ħaġa tippermetti li tiġi eskluża l-kwalifika bħala għajnuna tal-miżura kkontestata, li għandu jiġi vverifikat jekk il-kriterju tal-investitur privat huwiex sodisfatt jew le, liema ħaġa l-Kummissjoni rrifjutat li tagħmel.

259    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, minn naħa, l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97‑1026 kellu bħala skop ir-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ u li jżid il-kapitali proprji ta’ EDF, liema ħaġa turi li l-Istat kien qed isegwi għan ta’ investiment li jista’ jiġi pparagunat ma’ dak ta’ investitur privat u li, min-naħa l-oħra, il-fatt li ż-żieda tal-kapital inkwistjoni kienet tirriżulta, parzjalment, mir-rinunzja għal kreditu fiskali, u li b’hekk din kellha effett fiskali, minnu nnifsu ma jiġġustifikax li l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat tiġi injorata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li kien meħtieġ l-użu tal-Liġi sabiex isiru l-aġġustamenti kontabbli li wasslu għall-modifika tal-kapitali proprji tal-impriża, f’dan il-każ ma jistax jitqies li l-forma tal-intervent tal-Istat kienet teskludi mill-bidu nett l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat.

260    It-tieni nett, għandha tiġi miċħuda wkoll l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li biha din issostni li l-kriterju tal-investitur privat ma jistax japplika għall-konverżjoni f’kapital ta’ kreditu fiskali, peress li investitur privat ma jista’ qatt ikollu tali kreditu fir-rigward ta’ impriża, iżda biss kreditu ċivili jew kummerċjali, u li jkun hemm ksur tat-trattament ugwali bejn l-Istat u tali investitur jekk isir paragun bejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet. Jekk tali argumentazzjoni tiġi milqugħa, ikun qed jiġi kkunsidrat li jkun biss jekk l-Istat ikollu kreditu ċivili jew kummerċjali fir-rigward ta’ impriża li huwa jkun jista’ jwettaq tali operazzjoni f’kundizzjonijiet paragunabbli ma’ investitur privat.

261    Issa, il-kriterju tal-investitur privat għandu preċiżament l-għan li jivverifika jekk, minkejja l-fatt li l-Istat jiddisponi minn metodi li ma jiddisponix minnhom investitur privat, dan tal-aħħar kienx, fl-istess ċirkustanzi, jieħu deċiżjoni ta’ investiment paragunabbli ma’ dik tal-Istat. Għalhekk, in-natura tal-kreditu kkonvertit f’kapital u, b’hekk, il-fatt li investitur privat ma jistax iżomm kreditu fiskali, huma irrilevanti f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-kriterju tal-investitur privat għandux jiġi applikat jew le.

262    Dan iwassal ukoll sabiex tiġi miċħuda l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-operazzjoni tirriżulta f’“rigal fiskali” mogħti lil EDF, u ma tistax tiġi kkunsidrata bħala investiment. Fil-fatt, bħal kull kreditur proprjetarju ta’ kumpannija, l-Istat jista’ jirrinunzja għal kreditu billi jikkonverti dan il-kreditu f’kapital f’ammont ekwivalenti. Din l-operazzjoni, li permezz tagħha l-proprjetarju ta’ kumpannija jżid il-kapital tagħha billi jirrinunzja għal kreditu li jkollu fir-rigward tagħha, tikkostitwixxi kumpens li investitur privat avżat jista’ jwettaq ukoll f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

263    Konsegwentement, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikata li topponi t-teżi tar-Repubblika Franċiża kif ukoll l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat abbażi tal-argumentazzjoni tagħha msemmija fil-punt 262 iktar ’il fuq.

264    It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li investitur privat kien ikollu, min-naħa tiegħu, iħallas it-taxxa f’sitwazzjoni paragunabbli, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tillimita ruħha sabiex tindika li “[l]-benefiċċju huwa neċessarjament selettiv, peress li n-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji fuq parti minn dawn ir-riżervi kontabbli jikkostitwixxi eċċezzjoni għat-trattament fiskali normalment applikabbli għal tali operazzjoni”.

265    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rilevat li, fid-dokumenti tagħha u fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet li sarulha mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni sostniet li investitur privat kien ikollu qabel kollox iħallas it-taxxa jekk kellu l-intenzjoni li jwettaq żieda fil-kapital bl-inkorporazzjoni ta’ kreditu li kellu fir-rigward ta’ impriża li kien azzjonist tagħha. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, kienet neċessarjament tirriżulta spiża superjuri għall-investitur privat, peress li, sabiex jagħti EUR 100, fir-realtà, investitur privat kien ikollu jittrasferixxi EUR 141.66. Skont il-Kummissjoni, kien biss il-ħlas bil-quddiem ta’ din it-taxxa li kien jawtorizzaha li tapplika l-kriterju tal-investitur privat sabiex teżamina ż-żieda fil-kapital ta’ FRF 5.6 biljun.

266    Anki jekk għandu jiġi rilevat li kemm ir-Repubblika Franċiża kif ukoll EDF irrikonoxxew li, f’dan il-każ, kienet dovuta taxxa minn EDF, għandu jiġi osservat li dawn jikkontestaw l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni tad-dritt Franċiż u tal-Artikolu 38(2) tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi fiskali ta’ żieda fil-kapital imwettqa permezz tal-inkorporazzjoni ta’ kreditu mill-azzjonist ta’ kumpannija.

267    Fil-fatt, ir-Repubblika Franċiża u EDF sostnew, fit-tweġibiet u fit-talbiet tagħhom, li, skont l-Artikolu 38(2) tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi, il-varjazzjoni tal-attiv nett ikkawżata minn żieda fil-kapital permezz tal-inkorporazzjoni ta’ kreditu miżmum fir-rigward ta’ impriża minn azzjonist tal-impriża, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-taxxa fuq il-kumpanniji, u li, konsegwentement, skont it-termini ta’ din id-dispożizzjoni, din il-konverżjoni tal-kreditu f’kapital ma tinvolvix tassazzjoni li għandha bħala bażi l-ammont ta’ dan il-kreditu.

268    Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li, fil-paragrafu 51 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni stess ikkunsidrat li “peress li […] ż-żiediet fil-kapital ma humiex ikkunsidrati bħala li jikkostitwixxu żieda fil-patrimonju nett tal-kumpannija għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa fuq il-kumpanniji, [ir]-rikwalifikazzjoni [tad-drittijiet tal-konċedent f’żieda fil-kapital] ikkonsolidat it-tnaqqis fiskali li [bbenifikat minnu EDF fuq dawn ir-riżervi matul is-snin 1987‑1996]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

269    Konsegwentement, jidher li f’dan il-paragrafu tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni kienet taqbel, għall-inqas b’mod ġenerali, mal-evalwazzjoni tar-Repubblika Franċiża u ta’ EDF fuq il-konsegwenzi fiskali ta’ varjazzjoni fl-attiv nett riżultanti minn żieda fil-kapital permezz tal-inkorporazzjoni ta’ kreditu. Minn din il-perspettiva, l-ispiża għal investitur privat f’ekonomija tas-suq, u l-ispiża għall-Istat jidhru li huma identiċi.

270    Fit-tieni lok, l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni twassal fir-realtà sabiex tiġi eżaminata l-ispiża globali li jħallas investitur privat sabiex jinvesti FRF 14.119 biljun – liema ammont jikkorrispondi għad-drittijiet tal-konċedent – filwaqt li r-riklassifikazzjoni tad-drittijiet tal-konċedent, f’ammont ta’ FRF 14.119 biljun, ma ġietx ikkunsidrata mill-Kummissjoni bħala li tikkostitwixxi għajnuna – u lanqas il-fatt li l-EDF titqies bħala proprjetarja tar-RAG, li oriġinarjament kienet tappartjeni lill-Istat –, hija biss ir-rinunzja li tirċievi t-taxxa fuq dawn l-istess drittijiet li ttieħdet inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni, li fir-realtà twassal sabiex fl-evalwazzjoni jiġi inkluż l-ammont ta’ FRF 14.119 biljun, tinsab f’kontradizzjoni mal-benefiċċju hekk kif identifikat minnha fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, din l-argumentazzjoni għandha tiġi miċħuda.

271    Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni hija f’kull każ nieqsa mill-koerenza. Fil-fatt, il-Kummissjoni tammetti li hija kienet teżamina ż-żieda komplimentari fil-kapital ta’ FRF 5.6 biljun li kieku EDF ħallset minn qabel dan l-ammont abbażi tat-taxxa, u wara, li kieku r-Repubblika Franċiża ħallsitha lura dan l-istess ammont, għaliex f’dak il-każ – u f’dak il-każ biss – setgħet l-ispiża rispettiva għall-Istat u għall-investitur privat tiġi pparagunata.

272    Issa, għandu jiġi rilevat li, f’din l-ipoteżi, l-ispiża kienet, fir-realtà, tkun l-istess għall-Istat u l-ammont irċevut minn EDF kien ikun l-istess bħal dak li rċeviet fil-kuntest tas-soluzzjoni adottata mir-Repubblika Franċiża fil-Liġi Nru 97‑1026. Fil-fatt, permezz ta’ din il-liġi, l-Istat wettaq żieda fil-kapital f’ammont ta’ FRF 14.119 biljun. Jekk jiġi segwit ir-raġunament tal-Kummissjoni, l-ispiża ta’ din l-operazzjoni hija biss ta’ FRF 14.119 biljun, filwaqt li, kieku EDF ħallset it-taxxa, l-ispiża għall-Istat kienet tkun differenti, u l-kriterju tal-investitur privat kien ikun jista’ jiġi applikat. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kieku l-Istat żied FRF 14.119 biljun fil-kapital ta’ EDF, u wara rċieva taxxa f’ammont ta’ FRF 5.6 biljun, qabel ma jħallas lura dan l-aħħar ammont lil EDF, l-ispiża globali għall-Istat kienet dejjem tkun ta’ FRF 14.119 biljun – peress li l-ammont ta’ taxxa rċevut kien jiġi newtralizzat mill-ammont identiku mħallas lura lil EDF. Fir-rigward ta’ EDF, hija kienet tirċievi total ta’ FRF 14.119 biljun, jiġifieri ammont identiku għal dak irċevut b’applikazzjoni tal-Liġi Nru 97‑1026.

273    Fir-raba’ lok, jekk jitqies li l-interpretazzjoni tad-dritt fiskali Franċiż imwettqa mill-Kummissjoni – u, b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-Artikolu 38(2) tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi – hija eżatta u li l-interpretazzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi ta’ dan l-istess dritt hija żbaljata, ikun hemm lok għalfejn jitqies li l-ispiża ta’ żieda fil-kapital permezz tal-inkorporazzjoni ta’ kreditu minn investitur privat, li kieku dan kien effettivament marbut li jħallas it-taxxa f’tali każ, tkun, għalih, ta’ FRF 5.6 biljun.

274    Madankollu, għandu jiġi osservat li, meta rrinunzja milli jirċievi taxxa f’ammont ta’ FRF 5.6 biljun, matul ir-riklassifikazzjoni tad-drittijiet tal-konċedent f’żieda fil-kapital, l-Istat ħallas spiża li b’mod evidenti tammonta wkoll għal FRF 5.6 biljun, peress li r-rinunzja ta’ kreditu fiskali ma hijiex nieqsa mill-ispejjeż għall-Istat, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni. Għalhekk, minn dan kienet evidentement tirriżulta spiża identika għal dik imħallsa mill-investitur privat. Konsegwentement, id-differenza fl-ispiża allegata mill-Kummissjoni ma tidhirx li hija stabbilita, l-istess bħall konsegwenzi li hija tasal għalihom minn dan f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat.

275    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li hija biss l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat li tippermetti li jiġi vverifikat u, jekk ikun il-każ, li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ eventwali differenza fl-ispejjeż.

276    Fil-ħames lok, anki jekk l-ispiża ta’ rikapitalizzazzjoni f’ammont ta’ FRF 14.119 biljun – li ma tikkostitwix għajnuna skont il-Kummissjoni – kienet ta’ FRF 0 għall-Istat u jekk din l-ispiża kienet ta’ FRF 5.6 biljun għal investitur privat, f’kull każ, din id-differenza fl-ispejjeż ma tipprekludix l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-Kummissjoni jkollha tivverifika, billi tapplika dan il-kriterju, jekk tali investitur privat kienx iħallas spiża ta’ FRF 5.6 biljun sabiex iwettaq tali rikapitalizzazzjoni, u ma jistax jiġi eskluż li, fl-aħħar ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li dan ma huwiex il-każ, iżda qabel kollox dan jippresupponi li hija tkun wettqet din l-evalwazzjoni.

277    Finalment, għalkemm fir-realtà, permezz ta’ dan l-argument il-Kummissjoni minn naħa, tipprova turi li minn dan kienet tirriżulta spiża differenti għal EDF, imġiegħla li tħallas it-taxxa f’każ u mhux f’ieħor, liema ħaġa tista’ tinfluwenza l-valur tal-impriża u, min-naħa l-oħra, f’każ ta’ ħlas tat-taxxa, tipprova teskludi li investitur privat kien effettivament jinvesti tali ammont fl-impriża, filwaqt li l-Istat kien jillimita ruħu sabiex jirrinunzja għall-kreditu fiskali tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument għandu l-iskop li jistabbilixxi li l-ispiża tal-investiment u l-eventwali prospettivi ta’ profitt minnu kienu differenti għall-Istat u għal investitur privat. Issa, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element, kellu jiġi applikat il-kriterju tal-investitur privat, liema ħaġa l-Kummissjoni rrifjutat li tagħmel.

278    Ir-raba’ nett, għandu jiġi miċħud l-argument imressaq waqt is-seduta mill-Kummissjoni, li jgħid li f’kull każ, ma kienx ikun hemm investitur privat ta’ referenza li seta’ jittrasferixxi kapitali daqstant kbar daqs l-Istat, għaliex qabel kollox, il-Kummissjoni ma stabbiliet bl-ebda mod in-nuqqas ta’ investitur privat ta’ referenza ma min tipparaguna l-investitur pubbliku f’dan il-każ. Sussegwentement, in-nuqqas ta’ investitur privat ta’ referenza ma jipprekludix li l-operazzjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-“kundizzjonijiet normali tas-suq” li, peress li huma neċessarjament ipotetiċi, għandhom jiġu evalwati b’referenza għall-elementi oġġettivi u verifikabbli li huma disponibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chronopost et vs Ufex et, punt 172 iktar ’il fuq, punt 38).

279    Il-ħames nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ressqet l-ebda argument insostenn tal-argumentazzjoni tagħha – żviluppat għall-ewwel darba waqt is-seduta u kkontestat mir-Repubblika Franċiża – li jgħid li żieda fil-kapital ma tistax, fid-dritt Franċiż, issir bl-inkorporazzjoni ta’ kreditu fiskali. Għalhekk, dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

280    Is-sitt nett, l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni – li wkoll tressqet għall-ewwel darba waqt is-seduta – li tgħid li t-taxxa kellha tidher fil-karta tal-bilanċ tal-impriża, għandha tiġi miċħuda għal żewġ motivi.

281    Minn naħa, din l-argumentazzjoni hija fir-realtà intiża sabiex jiġi lmentat kontra r-Repubblika Franċiża ksur tad-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE, tal-25 ta’ Ġunju 1980, fuq it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjari bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 20). Anki jekk jitqies li tali ksur jista’ jiġi lmentat kontra r-Repubblika Franċiża, xorta jibqa’ l-fatt li dan ma huwiex relatat mal-argumentazzjoni żviluppata mill-Kummissjoni fil-premessi 96 u 97 tad-deċiżjoni kkontestata, u ma għandu l-ebda effett fuq il-kwistjoni jekk kellux jiġi applikat il-kriterju tal-investitur privat.

282    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma kinitx kapaċi li tispjega f’liema karta tal-bilanċ kellha tidher it-taxxa li kienet dovuta. Fil-fatt, qabel ma ġiet adottata l-Liġi Nru 97‑1026, u qabel ma EDF ġiet meqjusa bħala proprjetarja tar-RAG, ma kienet dovuta l-ebda taxxa. Sussegwentement, peress li r-Repubblika Franċiża rrinunzjat milli tirċievi t-taxxa, din ma kinitx iktar dovuta, u konsegwentement ma setgħetx tidher fil-karta tal-bilanċ bħala dejn tal-impriża.

283    Finalment, fis-seba’ nett, f’dak li jirrigwarda l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-aċċettazzjoni tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat tista’ twassal sabiex issir valida kull forma ta’ eżenzjoni fiskali magħmula mill-Istati Membri, għaliex dawn ikunu dejjem jissodisfaw dan il-kriterju, fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li f’dan il-każ, ma hemmx sempliċi eżenzjoni fiskali mogħtija lil impriża, iżda r-rinunzja ta’ kreditu fiskali fil-kuntest ta’ żieda fil-kapital ta’ impriża li l-Istat huwa l-uniku azzjonist tagħha. Fit-tieni lok, ma jistax jiġi ppreġudikat ir-riżultat tal-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, liema ħaġa tkun inutli u mhux xierqa. Fit-tielet lok, u f’kull każ, ma jistax jiġi eskluż li f’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat tista’ twassal sabiex jitqies li l‑intervent tal-Istat ma kienx jikkorrispondi mal-aġir li seta’ jadotta investitur privat. Għalhekk, l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni hija irrilevanti.

284    Bħala konklużjoni, l-ebda argument imressaq mill-Kummissjoni, sostnut minn Iberdrola, ma jista’ jiġi milqugħ, u għandu jitqies li, meta rrifjutat li teżamina l‑miżura kkontestata fil-kuntest tagħha, u li tapplika l-kriterju tal-investitur privat, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u kisret l-Artikolu 87 KE.

285    Peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta ċaħdet l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, hija din li għandha tadotta l-miżuri li jinvolvu l‑eżekuzzjoni tas-sentenza. Fil-fatt, peress li l-Qorti Komunitarja, għandha quddiemha rikors għal annullament, hija ma hijiex kompetenti, fil-qasam tal‑għajnuna mill-Istat, sabiex tvarja d-deċiżjonijiet li tistħarreġ il-legalità tagħhom u, f’dan il-każ, sabiex tipproċedi hija stess għall-evalwazzjoni li timplika l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat. Għalhekk, jekk hija tqis li huwa fondat, hija l-Kummissjoni li għandha tadotta deċiżjoni ġdida fl-osservanza tal‑kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 220 sa 253 iktar ’il fuq.

286    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-Artikoli 3 u 4 tad‑deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu annullati minħabba ksur tal‑Artikolu 87 KE, mingħajr ma hemm lok għalfejn jiġu eżaminati l-motivi u l‑partijiet tal-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti, u lanqas it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura relattivi għar-“Rapport Oxera”.

 Fuq l-ispejjeż

287    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

288    Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 87(4), l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Isegwi li r-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

289    Skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 87(4), il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjenti tbati l-ispejjeż tagħha. F’dan il-każ, Iberdrola, li interveniet insostenn tal-Kummissjoni, għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi

1)      L-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar miżuri ta’ għajnuna favur EDF u s-settur tal-industriji tal-elettriku u tal-gass (C 68/2002, N 504/2003 u C 25/2003), adottata fis-16 ta’ Diċembru 2003, huma annullati.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta’ Électricité de France (EDF).

3)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

4)      Iberdrola, SA għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-15 ta’ Diċembru 2009.

Reġistratur

 

      President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Ir-regoli tat-Trattat KE

Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999

Id-dritt Franċiż applikabbli

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-kuntest ġenerali tal-kawża

Il-proċedura amministrattiva

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat, minn naħa, fuq il-ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999 u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

– Fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tal-benefiċjarju tal-għajnuna bħala parti interessata

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87 KE min-naħa tal-Kummissjoni

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-interpretazzjoni żbaljata tas-“sotto-kumpens” tal-ispejjeż ta’ servizz pubbliku mħallsa minn EDF

– Argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri

– Argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata, minn naħa, fuq il-kwalifika bħala żiediet fil-kapital tal-miżuri inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, fuq l-aġir bħala investitur privat avżat f’ekonomija tas-suq adottat mill-Istat fil-kuntest tal-implementazzjoni tagħhom

– Argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.