Language of document : ECLI:EU:T:2009:505

Kawża T-156/04

Électricité de France (EDF)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi lil EDF — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha — Drittijiet proċedurali tal-benefiċjarju tal-għajnuna — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Kriterju tal-investitur privat”

Sommarju tas-sentenza

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Proċedura amministrattiva — Obbligu tal-Kummissjoni li ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom — Dritt tal-benefiċjarju tal-għajnuna li jkun inkluż fil-proċedura b’mod adegwat

(Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 6)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni — Evalwazzjoni tal-legalità skont elementi ta’ informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni

(Artikolu 87 KE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 87(1) KE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Applikazzjoni għall-investituri pubbliċi tal-kriterju tal-investitur privat avżat

(Artikolu 87(1) KE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Stat Membru li jagħti l-għajnuna li jkollu l-kwalitajiet ta’ kreditur fiskali u ta’ azzjonist uniku ta’ impriża pubblika li tibbenifika minn żieda fil-kapital permezz ta’ rinunzja ta’ kreditu fiskali — Applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat

(Artikolu 87(1) KE)

1.      Matul il-fażi ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni għandha d-dmir li tintima lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom. Għalkemm dawn il-partijiet interessati ma jistgħux jinvokaw drittijiet ta’ difiża, min-naħa l-oħra, huma jiddisponu mid-dritt li jiġu assoċjati fil-proċedura amministrattiva segwita mill-Kummissjoni f’miżura adegwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali li tinforma lill-partijiet interessati, meta, wara eżami preliminari, hija jkollha dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura finanzjarja inkwistjoni mas-suq komuni. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata tippreżenta analiżi kompluta fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni fin-notifika tagħha dwar il-ftuħ ta’ din il-proċedura, iżda huwa biżżejjed li hija tiddefinixxi b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-eżami tagħha sabiex ma tirrendix mingħajr skop id-dritt tal-partijiet interessati li jissottomettu l‑kummenti tagħhom. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tista’ tillimita ruħha sabiex jinġabru fil-qosor l-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, sabiex tiġi inkluża evalwazzjoni provviżorja tal-miżura tal-Istat inkwistjoni, intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk din għandhiex in-natura ta’ għajnuna, u sabiex jiġu esposti r-raġunijiet li jwasslu għal dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni.

Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ ftuħ għandha tqiegħed lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali li matulha huma jkollhom il-possibbiltà li jesponu l-argumenti tagħhom. Għal dan il-għan, ikun biżżejjed li l-partijiet interessati jkun jafu r-raġunament li wassal lill-Kummissjoni sabiex tqis provviżorjament li l-miżura inkwistjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna ġdida inkompatibbli mas-suq komuni.

(ara l-punti 106-110)

2.      Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-legalità ta’ att Komunitarju għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ informazzjoni eżistenti fid-data li fiha l-att ġie adottat. B’mod partikolari, l-evalwazzjonijiet kumplessi magħmula mill-Kummissjoni għandhom jiġu eżaminati biss abbażi tal-elementi li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument meta għamlet tali evalwazzjonijiet. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi lmentat li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni eventwali elementi ta’ informazzjoni li setgħu jiġu ppreżentati lilha matul il‑proċedura amministrattiva, iżda li ma ġewx ippreżentati, peress li l‑Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li teżamina ex officio u li tipprevedi liema huma l-elementi li setgħu jiġu ppreżentati lilha.

(ara l-punti 125, 126)

3.      Għall-finijiet tal-kwalifika ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, għandu jkun hemm lok mhux li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda li jiġi eżaminat biss jekk l-għajnuna tistax tolqot dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li twettaq evalwazzjoni ekonomika tas-sitwazzjoni reali tas-suq ikkonċernat, tas-sehem mis-suq tal-impriżi benefiċjarji mill-għajnuna, tal-pożizzjoni tal-impriżi kompetituri u tat-tendenzi tal-kummerċ bejn Stati Membri.

Meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta pparagunata ma’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ intrakomunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma influwenzati mill-għajnuna. F’dan ir-rigward, il-fatt li settur ekonomiku kien is-suġġett ta’ liberalizzazzjoni fuq livell Komunitarju huwa ta’ natura li jikkaratterizza effett reali jew potenzjali tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni, kif ukoll l-effett tagħha fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju li l-impriża benefiċjarja tipparteċipa hija stess fil-kummerċ intrakomunitarju. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti għajnuna lil impriża, l-attività interna tista’ ssib ruħha miżmuma jew miżjuda, bil-konsegwenza li l-possibbiltajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jippenetraw is-suq ta’ dan l-Istat Membru jonqsu. Minbarra dan, rinforz ta’ impriża li, sa dak iż-żmien, ma kinitx tipparteċipa f’kummerċ intrakomunitarju tista’ ssib ruħha f’sitwazzjoni li tippermettilha li tippenetra s-suq ta’ Stat Membru ieħor.

(ara l-punti 144-148)

4.      Fil-każ ta’ impriża li l-kapital tagħha huwa miżmum mill-awtoritajiet pubbliċi, għandu b’mod partikolari jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat, ta’ daqs li jista’ jiġi pparagunat ma’ dak tal-korpi li jirregolaw is-settur pubbliku, kienx jipproċedi għal żieda fil-kapital tal-istess daqs, billi jibbaża ruħu fuq il‑possibbilitajiet ta’ qligħ potenzjali u prevedibbli irrispettivament minn kull kunsiderazzjoni ta’ natura soċjali jew ta’ politika reġjonali jew settorjali.

Il-fatt li l-aġir tal-Istat azzjonist jiġi evalwat fid-dawl tal-investitur privat avżat, filwaqt li l-aġir ta’ kwalunkwe investitur privat ma huwiex evalwat b’dan il-mod, ma jikkostitwixxix ksur fit-trattament ugwali bejn l-Istat u tali investitur privat, peress li l-Istat azzjonist ma jinsabx fl-istess sitwazzjoni bħall-investitur privat. Fil-fatt, diversament mill-investitur privat li jista’ jiddependi biss mir-riżorsi tiegħu sabiex jiffinanzja l-investimenti tiegħu, l-Istat għandu aċċess għal riżorsi finanzjarji li jirriżultaw mill-eżerċizzju tas-setgħa pubblika, b’mod partikolari dik derivanti mit-taxxi. Għalhekk, il-fatt waħdu li l-Istat għandu aċċess għal riżorsi finanzjarji li jirriżultaw mill-eżerċizzju tas-setgħa pubblika, ma jippermettix li jiġi ġġustifikat, għalhekk biss, li l-aġir tal-Istat jitqiesu bħala li jirriżultaw mill-prerogattivi ta’ setgħa pubblika tiegħu. Fil-fatt, f’każ simili, hemm riskju li l‑applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat avżat għall-aġir tal-Istat azzjonist tinġieb fix-xejn, jew għall-inqas imnaqqsa b’mod sproporzjonat, peress li, bħala Stat, dan għandu neċessarjament aċċess għal riżorsi finanzjarji li jirriżultaw mill-eżerċizzju tas-setgħa pubblika, b’mod partikolari għal riżorsi fiskali.

(ara l-punti 230-232)

5.      Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ sitwazzjonijiet: dawk fejn l-intervent mill-Istat ikollu karattru ekonomiku, u dawk fejn l-intervent mill-Istat ikun jifforma parti mill-atti ta’ setgħa pubblika. Jekk l‑intervent tal-Istat, fid-dawl tan-natura u tal-iskop tiegħu, u b’kunsiderazzjoni tal-għan imfittex, ma jkunx jikkostitwixxi investiment realizzabbli minn investitur privat, dan l-intervent jista’ jkun jikkonsisti f’intervent tal-Istat bħala setgħa pubblika, u b’hekk tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat avżat. Min-naħa l-oħra, jekk l-intervent tal-Istat, fid-dawl tan-natura u tal-iskop tiegħu, u b’kunsiderazzjoni tal-għan imfittex, jikkostitwixxi investiment paragunabbli ma’ dak li jista’ jirrealizza investitur privat, dan l-intervent għandu jiġi eżaminat bl-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat avżat. Dan l‑eżami huwa intiż sabiex jiġi vverifikat jekk tali investitur kienx jipproċedi, f’ċirkustanzi simili u abbażi ta’ previżjonijiet ta’ dħul possibbli, għal żieda fil-kapital tal-istess daqs, u dan indipendentement mill-forma li jieħu dan l-intervent tal-Istat u mill-fatt li dan għandu aċċess għal riżorsi li jirriżultaw mill-eżerċizzju tas-setgħa pubblika, bħal dawk provenjenti mit-taxxi, li ma jistax ikollu aċċess għalihom investitur privat.

Fi kliem ieħor, il-miżura għandha tiġi eżaminata mhux skont il-forma biss, iżda skont in-natura, l-iskop u l-għanijiet tagħha, liema ħaġa tippreżumi li din titqies mill-aspetti kollha tagħha, kif ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li din tiġi adottata fih. Barra minn hekk, minn dan jirriżulta li l-fatt li l-intervent tal-Istat jieħu l-forma ta’ liġi ma jistax, minnu nnifsu, ikun biżżejjed sabiex jiġi eskluż li l‑intervent tal-Istat fil-kapital ta’ impriża jsegwi għan ekonomiku li jista’ jadotta wkoll investitur privat.

Għaldaqstant għandu jiġi stabbilit, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk is-sehem jew l-intervent pubbliku fil-kapital tal-impriża benefiċjarja jsegwix għan ekonomiku li jista’ wkoll jiġi segwit minn investitur privat, u b’hekk ikun imwettaq mill-Istat bħala operatur ekonomiku bl-istess mod bħal operatur privat, jew jekk, b’mod kuntrarju, dan huwiex iġġustifikat mit-tfittix ta’ għan ta’ interess pubbliku u għandux jitqies bħala forma ta’ intervent tal-Istat bħala setgħa pubblika, f’liema każ l-aġir tal-Istat ma jistax jiġi pparagunat ma’ dak ta’ operatur jew ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq.

Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk Stat Membru, li huwa fl-istess ħin kreditur fiskali ta’ impriża pubblika u l-uniku azzjonist tagħha, jistax validament jinvoka l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat meta jwettaq żieda fil-kapital ta’ din l-impriża billi jirrinunzja għal dan il-kreditu fiskali, jew jekk għandux jitqies li, fid-dawl tan-natura fiskali tal-kreditu u tal-fatt li l-Istat għamel użu mill-prerogattivi tas-setgħa pubblika tiegħu billi rrinunzja għal dan il-kreditu, il-Kummissjoni kellhiex id-dritt li topponi l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju f’dak li jirrigwarda ż-żieda tal-kapital inkwistjoni.

Għalhekk, meta Stat Membru, azzjonist uniku ta’ impriża, iwettaq żieda fil-kapital tagħha, sabiex, b’mod partikolari, jirrimedja l-iżbilanċi fil-karta tal-bilanċ ta’ din l-impriża, għandu jiġi kkonstatat li dan jadotta aġir li jista’ jadotta investitur privat, u ma jistax jiġi eskluż a priori li dan jista’ jaġixxi bi skop paragunabbli għal dak ta’ tali investitur. Huwa sabiex jiġi stabbilit jekk dan kienx effettivament il-każ, liema ħaġa tippermetti li tiġi eskluża l-kwalifika bħala għajnuna tal-miżura kkontestata, li għandu jiġi vverifikat jekk il-kriterju tal-investitur privat huwiex sodisfatt jew le.

(ara l-punti 223, 233-237, 246, 258)