Language of document : ECLI:EU:C:2016:748

Kawża C‑218/15

Proċeduri kriminali

kontra

Gianpaolo Paoletti et

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale ordinario di Campobasso)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 6 TUE – Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli – Ċittadini Taljani li organizzaw id-dħul illegali fit-territorju Taljan ta’ ċittadini Rumeni – Fatti mwettqa qabel l-adeżjoni tar-Rumanija għall-Unjoni – Effett tal-adeżjoni tar-Rumanija fuq id-delitt ta’ għajnuna għall-immigrazzjoni klandestina – Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2015

1.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Talba għall-interpretazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni – Sitwazzjoni ġuridika nazzjonali li għandha element ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

(Artikolu 267 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 51(1))

2.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva tal-piena l-iktar żgħira – Prinċipju li huwa fost il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u mniżżel fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni

(Artikolu 6(3) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 49(1))

3.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva tal-piena l-iktar żgħira – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni

(Artikolu 6(3) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 49(1))

4.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ripressjoni tal-għajnuna għad-dħul, għat-transitu u għar-residenza illegali – Sanzjoni kriminali imposta fuq persuni li jkunu wettqu d-delitt ta’ għajnuna għall-immigrazzjoni illegali ta’ ċittadini ta’ Stat Membru – Fatti mwettqa qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru għall-Unjoni Ewropea – Ksur tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege – Assenza

(Artikolu 6 TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 49; Direttiva tal-Kunsill 2002/90, Artikoli 1 u 3; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/946, Artikolu 1(1))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 13-20).

2.      Il-prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli, kif stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jagħmel parti mid-dritt primarju tal-Unjoni. Anki qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li jagħti lill-Karta l-istess valur legali bħat-Trattati, ġie deċiż li dan il-prinċipju kien jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u, għaldaqstant, kellu jitqies bħala li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali għandha tosserva meta tapplika d-dritt nazzjonali.

(ara l-punt 25)

3.      L-applikazzjoni tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli neċessarjament jimplika suċċessjoni ta’ liġijiet fiż-żmien u huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni li l-leġiżlatur biddel l-opinjoni jew dwar il-klassifikazzjoni kriminali tal-fatti jew dwar il-piena li għandha tiġi applikata għal ksur.

(ara l-punt 27)

4.      L-Artikolu 6 TUE u l-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamanetali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-adeżjoni ta’ Stat għall-Unjoni ma tipprekludix lil Stat Membru ieħor milli jista’ jimponi sanzjoni kriminali fuq il-persuni li jikkommettu, qabel din l-adeżjoni, id-delitt ta’ għajnuna għall-immigrazzjoni illegali ta’ ċittadini tal-ewwel Stat.

Fil-fatt, leġiżlazzjoni kriminali nazzjonali li tissanzjona l-għajnuna għall-immigrazzjoni fl-Italja b’piena ta’ priġunerija, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/90, li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta’ dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati, u l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946, dwar it-tisħiħ tal-qafas penali biex ikun impedut it-tħaffif [l-għajnuna] tad-dħul, it-transitu u r-residenza mhux awtorizzati, li jipprovdu li tali reat huwa suġġett għal sanzjoni effettiva, proporzjonata u dissważiva, mhux iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jidħlu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u jirrisjedu hemm mingħajr ma jkollhom permess ta’ residenza, iżda l-persuni li jgħinu fid-dħul u fir-residenza irregolari tal-imsemmija ċittadini fit-territorju ta’ dan l-Istat. Is-sempiċi fatt li, wara d-dħul illegali tagħhom, dawn iċ-ċittadini saru ċittadini tal-Unjoni minħabba l-adeżjoni tal-Istat ta’ oriġini tagħhom għall-Unjoni ma jistax jinfluwenza l-iżvolġiment tal-proċeduri kriminali li saru kontra dawn il-persuni li jgħinu l-immigrazzjoni illegali.

Dan l-akkwist taċ-ċittadinanza tal-Unjoni jikkostitwixxi sitwazzjoni ta’ fatt li ma hijiex tali li temenda l-elementi kostituttivi tad-delitt ta’ għajnuna għall-immigrazzjoni illegali.

Ebda dispożizzjoni tad-Direttiva ċċitata iktar 'il fuq jew test ieħor tad-dritt tal-Unjoni ma tippermetti li jitqies li l-akkwist ta’ ċittadinanza tal-Unjoni għandha twassal għall-għajbien tar-reat kommess mill-akkużati, li jaħdmu fit-traffikar tal-ħaddiema. Kieku tingħata deċiżjoni b’sens kuntrarju, dan iwassal sabiex tinkoraġġixxi żieda f’dan it-traffiku hekk kif Stat ikun beda l-proċess ta’ adeżjoni mal-Unjoni, peress li t-traffikanti jkunu ċerti li ser jibbenefikaw bħala konsegwenza mill-immunità. Għaldaqstant, l-għan li jintlaħaq ikun eżattament kuntrarju minn dak imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

(ara l-punti 32-34, 36, 42 u d-dispożittiv)