Language of document : ECLI:EU:C:2016:635

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

7 ta’ Settembru 2016 (*)

“Rikors għal annullament – Għażla tal-bażi legali – Artikolu 43(2) TFUE jew Artikolu 43(3) TFUE – Organizzazzjoni komuni tas-swieq ta’ prodotti agrikoli – Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Artikolu 7 – Regolament (UE) Nru 1370/2013 – Artikolu 2 – Miżuri relatati mal-iffissar ta’ prezzijiet – Limiti ta’ referenza – Prezz ta’ intervent”

Fil-Kawża C‑113/14,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, imressaq fl-10 ta’ Marzu 2014, 

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u A. Lippstreu kif ukoll minn A. Wiedmann, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn M. Holt kif ukoll minn C. Brodie u J. Kraehling, bħala aġenti, assistiti minn A. Bates, barrister,

u

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Škeřík, J. Vláčil u D. Hadroušek, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn L. G. Knudsen u R. Kaškina kif ukoll minn U. Rösslein, bħala aġenti,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn G. Maganza u J.-P.  Hix kif ukoll minn S. Barbagallo, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u G. von Rintelen, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, F. Biltgen (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Frar 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob l-annullament tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Waħdieni dwar l-OKS”), kif ukoll l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013, tas-16 ta’ Diċembru 2013, li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (ĠU 2013 L 346, p. 12, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-iffissar”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS

2        Skont il-premessi 2, 5, 10, 12 u 14 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS:

“(2) Dan ir-Regolament għandu jkun fih l-elementi bażiċi kollha tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli.

[...]

(5)      Skont l-Artikolu 43(3) TFUE, il-Kunsill għandu jadotta miżuri dwar l-iffissar tal-prezzijiet, l-imposti, l-għajnuna u l-limitazzjonijiet kwantitattivi. Fl-interess taċ-ċarezza, fejn japplika l-Artikolu 43(3) TFUE, dan ir-Regolament għandu jirreferi espliċitament għall-fatt li l-miżuri jiġu adottati mill-Kunsill fuq dik il-bażi legali.

[...]

(10)      Biex is-swieq jiġu stabbilizzati u biex jiġi żgurat livell tal-għajxien ġust għall-komunità agrikola, ġiet żviluppata sistema differenzjata ta’ appoġġ tas-suq għas-setturi differenti u ddaħħlu skemi ta’ appoġġ dirett, filwaqt li jitqiesu min-naħa l-waħda l-ħtiġijiet differenti ta’ kull wieħed minn dawn is-setturi u, min-naħa l-oħra, l-interdipendenza bejn setturi differenti. Dawk il-miżuri jieħdu l-għamla ta’ intervent pubbliku jew tal-ħlas ta’ għajnuna għal ħażna privata. Tibqa’ l-ħtieġa li jinżammu miżuri ta’ appoġġ tas-suq filwaqt li dawn jiġu rrazzjonalizzati u ssimplifikati.

[...]

(12)      Għall-fini taċ-ċarezza u tat-trasparenza, id-dispożizzjonijiet dwar l-intervent pubbliku għandhom ikunu soġġetti għal struttura komuni, waqt li tinżamm il-politika segwita f’kull settur. Għal dak l-għan, ikun xieraq li ssir distinzjoni bejn il-limiti ta’ referenza u l-prezzijiet ta’ intervent u li dawn tal-aħħar jiġu ddefiniti. Meta jsir dan, huwa partikolarment importanti li jiġi ċċarat li l-prezzijiet ta’ intervent għal intervent pubbliku biss jikkorrispondu għall-prezzijiet amministrati applikati msemmija fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 8 tal-Anness 3 għall-Ftehim tal-WTO dwar l-Agrikoltura (jiġifieri għajnuna fil-prezzijiet tas-suq). F’dan il-kuntest, ta’ min jifhem li intervent fis-suq jista’ jieħu l-għamla ta’ intervent pubbliku, kif ukoll għamliet oħra ta’ intervent li ma jużawx indikazzjonijiet ta’ prezzijiet stabbiliti minn qabel.

[...]

(14)      Il-prezz ta’ intervent pubbliku għandu jikkonsisti minn prezz fiss għal ċerti kwantitajiet għal xi prodotti u f’każijiet oħrajn għandu jiddependi fuq l-offerti mressqa, b’riflessjoni tal-prattika u l-esperjenza taħt [organizzazzjoni komuni tas-swieq] preċedenti.”

3        L-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, intitolat “Limiti ta’ referenza” jipprovdi:

“1.      I Il-limiti ta’ referenza li ġejjin huma fissi:

a)      fir-rigward tas-settur taċ-ċereali, EUR 101,31/tunnellata, għall-istadju ta’ kummerċ bl-ingrossa għal oġġetti kkonsenjati fil-maħżen, qabel il-ħatt;

b)      fir-rigward ta’ ross għadu fil-ħliefa, EUR 150/tunnellata għall-kwalità standard kif definita fil-punt A tal-Anness III, relatata għall-istadju ta’ kummerċ bl-ingrossa għal oġġetti kkonsenjati fil-maħżen, qabel il-ħatt;

c)       fir-rigward ta’ zokkor ta’ kwalità standard kif definita fil-punt B tal-Anness III, għaz-zokkor mhux imballat, kif joħroġ mill-fabbrika:

(i) għaz-zokkor abjad: EUR 404,4/tunnellata;|

(ii) għal zokkor mhux raffinat: EUR 335,2/tunnellata;

d)      għas-settur taċ-ċanga u l-vitella, EUR 2 224/tunnellata għall-karkassi ta’ annimali tal-ifrat maskili tal-klassi ta’ konformazzjoni/kisja ta’ xaħam R3 kif stabbilit fl-iskala tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-annimali tal-ifrat adulti li jkollhom tmien xhur jew aktar, imsemmija fil-punt A tal-Anness IV;

(e) fir-rigward tas-settur tal-ħalib u prodotti tal-ħalib:

(i)       EUR 246,39 għal kull 100 kg għall-butir;

(ii)      EUR 169,80 għal kull 100 kg għal trab ta’ ħalib xkumat;

f)      fir-rigward tal-laħam tal-majjal, EUR 1 509,39/tunnellata għal karkassi tal-majjal ta’ kwalità standard iddefinita skont il-piż u l-kontenut ta’ laħam dgħif kif stabbilit fl-iskala tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi tal-majjal imsemmija fil-punt B tal-Anness IV kif ġej:

i)       karkassi li jiżnu minn 60 sa anqas minn 120 kg: klassi E;

ii)       karkassi li jiżnu minn 120 sa 180 kg: klassi R;

g)       rigward is-settur taż-żejt taż-żebbuġa:

i)      EUR 1 779/tunnellata għaż-żejt taż-żebbuġa extra verġni;

ii)      EUR 1 779/tunnellata għaż-żejt taż-żebbuġa extra verġni;

iii)      EUR 1 524/ tunnellata għaż-żejt taż-żebbuġa lampante b’żewġ gradi ta’ aċidità ħielsa, filwaqt li dan l-ammont jitnaqqas b’EUR 36,70/tunnellata għal kull grad ta’ aċidità addizzjonali.

2.      Il-limiti ta’ referenza previsti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu analizzati mill-Kummissjoni, b’kont meħud tal-kriterji oġġettivi, b’mod partikolari l-iżviluppi fil-produzzjoni, l-ispejjeż tal-produzzjoni (partikolarment l-inputs), u x-xejriet tas-suq. Meta jkun meħtieġ, il-limiti ta’ referenza għandhom jiġu aġġornati f’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja fid-dawl tal-iżviluppi fil-produzzjoni u s-swieq.”

4        L-Artikolu 15 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, intitolat “Prezz b’intervent pubbliku”, jipprovdi:

“1.      Prezz b’intervent pubbliku jfisser:

a)      il-prezz li bih prodotti għandhom jinxtraw b’xiri sfurzat b’intervent pubbliku fejn dan isir bi prezz fiss; jew

b)      il-prezz massimu li bih prodotti eliġibbli għal intervent pubbliku jistgħu jinxtraw b’xiri sfurzat fejn dan isir b’sejħa għall-offerti.

2.      Il-miżuri dwar l-istabbiliment tal-livell tal-prezz tal-intervent pubbliku, inklużi l-ammonti ta’ żidiet u tnaqqis, għandhom jittieħdu mill-Kunsill skont l-Artikolu 43(3) TFUE.”

 Ir-Regolament dwar l-iffissar

5        Skont il-premessi 2 u 3 tar-Regolament dwar l-iffissar:

“(2)      Għall-fini taċ-ċarezza u tat-trasparenza, id-dispożizzjonijiet dwar l-intervent pubbliku għandhom jiġu soġġetti għal struttura komuni, filwaqt li tinżamm il-politika segwita f’kull settur. Għal dak il-għan huwa xieraq li ssir distinzjoni bejn il-limiti ta’ referenza stipulati fir-Regolament [Waħdieni dwar l-OKS] min-naħa u l-prezzijiet ta’ intervent min-naħa l-oħra, u biex dawn tal-aħħar jiġu definiti. Il-prezzijiet ta’ intervent għal intervent pubbliku biss jikkorrispondu mal-prezzijiet amministrati applikati msemmija fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 8 tal-Anness 3 għall-Ftehim dwar l-Agrikoltura tad-WTO (jiġifieri appoġġ għall-prezz tas-suq). F’dan il-kuntest ta’ min wieħed jifhem li intervent fis-suq jista’ jieħu l-għamla ta’ intervent pubbliku, kif ukoll għamliet oħra ta’ intervent li ma jużawx indikazzjonijiet ta’ prezzijiet stabbiliti ex-ante.

(3)      Il-livell tal-prezz tal-intervent pubbliku li fih iseħħ xiri sfurzat fi prezz iffissat jew taħt proċess ta’ sejħa għall-offerti għandu jkun previst, inklużi l-każijiet li għalihom jaf ikun meħtieġ aġġustament tal-prezzijiet tal-intervent pubbliku. Bl-istess mod, għandhom jittieħdu miżuri dwar il-limitazzjonijiet kwantitattivi għat-twettiq tax-xiri sfurzat fi prezz fiss. Fiż-żewġ każijiet, il-prezzijiet u l-limitazzjonijiet kwantitattivi għandhom jirriflettu l-prattika u l-esperjenza miksuba taħt l-organizzazzjonijiet komuni tas-suq preċedenti.”

6        L-Artikolu 1 tar-Regolament dwar l-iffissar, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jipprovdi għal miżuri dwar l-iffissar ta' prezzijiet, imposti, għajnuna u limitazzjonijiet kwantitattivi marbuta mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli stabbiliti mir-Regolament [Waħdieni dwar l-OKS].”

7        L-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-iffissar, intitolat “Prezzijiet b’intervent pubbliku”, jipprovdi:

“1.      Il-livell tal-prezz b’intervent pubbliku:

a)      għal qamħ komuni, qamħ durum, xgħir, qamħirrum, ross fil-fosdqa u trab tal-ħalib xkumat għandu jkun ugwali għall-limitu ta’ referenza rispettiv stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament [OKS uniku] fil-każ ta’ xiri sfurzat bi prezz fiss, u ma għandux ikun ogħla mil-limitu ta’ referenza rispettiv fil-każ ta’ xiri sfurzat b’sejħa għall-offerti;

b)      għall-butir għandu jkun ugwali għal 90 % tal-limitu ta’ referenza stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament [OKS uniku] fil-każ ta’ xiri sfurzat bi prezz fiss u ma għandux ikun aktar minn 90 % ta’ dak il-prezz ta’ referenza fil-każ ta’ xiri sfurzat b’sejħa għall-offerti;

c)      għal ċanga u vitella m’għandux jaqbeż il-livell imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament [Waħdieni dwar l-OKS].

2.      Il-prezzijiet b’intervent pubbliku għall-qamħ komuni, qamħ durum, xgħir, qamħirrum u ross fil-fosdqa msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiġu aġġustati b’żidiet jew tnaqqis fil-prezz għal dawk il-prezzijiet ibbażati fuq il-kriterji ta’ kwalità prinċipali għall-prodotti.

3.      Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddeterminaw iż-żidiet jew it-tnaqqis fil-prezz b’interventi pubbliku tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu taħt il-kondizzjonijiet stipulati fih. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont l-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2).”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        L-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli ġiet ikkodifikata għall-ewwel darba b’mod omoġenju u globali bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ĠU 2007, L 299, p. 1), adottat abbażi tal-Artikolu 37 KE.

9        Id-dispożizzjonijiet li tagħhom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob l-annullament ġew adottati fil-kuntest ta’ riforma tal-politika agrikola komuni (PAK) li saret wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u tat-Trattat FUE.

10      Fit-12 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, skont l-Artikolu 43(2) TFUE. L-Artikolu 7 ta’ din il-proposta ta’ regolament waħdieni dwar l-OKS kien jirrigwarda, f’din il-verżjoni, l-istabbiliment tal-“prezzijiet ta’ referenza”.

11      Fl-istess jum, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuna u ħlasijiet lura marbuta mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq ta’ prodotti agrikoli li kienet ibbażata fuq l-Artikolu 43(3) TFUE.

12      Fit-13 ta’ Settembru 2012, il-Presidenza tal-Kunsill infurmat lill-Kumitat Speċjali “Agrikoltura” li, skont l-evalwazzjoni tagħha, kien biss il-Kunsill li kien awtorizzat jiffissa l-prezzijiet ta’ referenza ta’ prodotti agrikoli li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ interventi pubbliċi, skont l-Artikolu 43(3) TFUE. Skont il-Kunsill, il-parti l-kbira tal-Istati Membri kienu jaqsmu din l-evalwazzjoni.

13      Wara diskussjonijiet twal bejn il-Parlament, il-Presidenza tal-Kunsill u l-Kummissjoni, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ittrażmetta, fl-4 ta’ Ġunju 2013, rapport dwar l-istatus tat-triloġija informali li kienet tikkonċerna r-Regolament Waħdieni dwar l-OKS bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Minn dan jirriżulta li l-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza kien jikkostitwixxi punt ta’ tilwima. Matul negozjati, il-Parlament kien indika li ma kienx ser japprova l-pakkett ta’ riforma tal-PAK, fl-assenza ta’ regoli dwar il-prezzijiet ta’ referenza fir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS futur.

14      Fil-25 ta’ Ġunju 2013, il-Presidenza tal-Kunsill bagħtet addendum għal dokument tax-xogħol, li kien jirrepeti l-punti kkontestati li kien għad fadal. Taħt it-titolu “Teħid ta’ pożizzjoni dwar id-dispożizzjonijiet relatati mal-Artikolu 43(3)” (“Positions on Article 43(3) related provisions”), dwar ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, hija pproponiet, bħala għan ta’ kompromess (landing zone) l-użu tal-kunċett ta’ “limitu ta’ referenza”.

15      Matul il-vot li kien jirrigwarda l-modifika tal-orjentazzjoni ġenerali, li seħħet ukoll fil-25 ta’ Ġunju 2013, din l-orjentazzjoni ġiet adottata mill-maġġoranza. Madankollu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq astjenew.

16      Fil-25 ta’ Settembru 2013, il-Presidenza tal-Kunsill bagħtet dokument tax-xogħol li kien jinkludi l-verżjoni kkonsolidata sħiħa tal-abbozz ta’ Regolament Waħdieni dwar l-OKS. F’din il-verżjoni, l-abbozz fl-intier kien jirrifletti l-qbil li nstab fi ħdan it-triloġiji interni. L-Artikolu 7 tal-verżjoni kkonsolidata tal-abbozz ta’ Regolament Waħdieni dwar l-OKS kien intitolat “Limiti ta’ referenza” u mhux iktar “Prezzijiet ta’ referenza”. Il-kontenut tar-regolament madankollu baqa’ l-istess.

17      Fit-13 ta’ Diċembru 2013, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bagħat nota lid-delegazzjonijiet, fejn fiha kien ġie deċiż li l-“eżitu tan-negozjati fir-rigward tar-rikors għall-Artikolu 43(3) TFUE [kien] jifforma parti mill-kompromess globali dwar ir-riforma attwali tal-PAK u huwa [kien] mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni ta’ kull istituzzjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u għal kwalunkwe żvilupp futur fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, b’mod partikolari kwalunkwe każistika ġdida mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”.

18      Taħt it-titolu “[d]ikjarazzjoni mill-Kunsill dwar l-Artikolu 43(3) [TFUE]”, kien indikat, fir-rigward tal-eżitu tan-negozjati dwar il-PAK waqt it-triloġija ta’ Ġunju 2013, li “l-Kunsill [kien] jikkonferma li d-deċiżjoni tiegħu li l-kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 43(3) TFUE koperti mir-Regolament [Waħdieni] dwar l-OKS [...] kienet maħsuba biss, fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ta’ dain it-triloġija, biex tippermetti li jintlaħaq kompromess”.

19      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ddikjarat li hija ma setgħetx, minħabba raġunijiet diffferenti, issostni ċerti proposti ta’ regolamenti relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq. B’mod partikolari, dan l-Istat Membru osserva li, skont l-Artikolu 43(3) TFUE, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jadotta l-miżuri dwar l-iffissar tal-prezzijiet, l-imposti, l-għajnuna u l-limitazzjonijiet kwantitattivi u li għalhekk hija kompetenza esklużiva tal-Kunsill li jistabbilixxi tali regoli. Ukoll skont dan l-Istat Membru, ma kienx aċċettabli li din ir-regola ċara ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, prevista mit-trattati, tiġi injorata.

20      Fil-mument tal-votazzjoni rigward l-adozzjoni tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, li seħħet fis-16 ta’ Diċembru 2013, il-Gvern Ġermaniż iddikjara ruħu kontra din l-adozzjoni u r-Renju Unit astjena ruħu. Waqt il-votazzjoni rigward l-adozzjoni tar-regolament dwar l-iffissar, li seħħet fl-istess jum, dawn l-Istati Membri astjenew ruħhom.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla l-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS u l-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-iffissar, li żżomm l-effetti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet sad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjonijiet adottati abbażi tal-bażi legali adatta u li tikkundanna lill-Parlament kif ukoll lill-Kunsill għall-ispejjeż.

22      Il‑Parlament jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara r-rikors inammissibbli u, sussidjarjament, li tiċħdu bħala infondat. Barra minn hekk, din l-istituzzjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

23      Il‑Kunsill jirreferi għall-għerf tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet prinċipali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li din tal-aħħar tilqa’ dawn it-talbiet, li tiddeċiedi li l-effetti tad-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom jitqiesu bħala “definittivi” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, sad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet adottati fuq il-bażi legali adatta, u li tikkundanna kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Mejju 2014, il‑Kummissjoni tħalliet tintervjeni sabiex issostni t-talbiet tal-Parlament. Permezz tad-deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 u tas-17 ta’ Lulju 2014, ir-Repubblika Ċeka u r-Renju Unit, rispettivament, tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

25      Il‑Parlament u l‑Kunsill jikkunsidraw li t-talba għal annullament parzjali tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS hija inammissibbli minħabba li d-dispożizzjoni li l-annullament tagħha hija mitluba ma hijiex separabbli minn dispożizzjonijiet oħra tal-att inkwistjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS jissodisfa diversi funzjonijiet fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, li huma marbuta mill-qrib mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-regolament. Minbarra dan, dan l-artikolu jagħmel parti b’mod sħiħ mill-għanijiet tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS u jservi sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Għaldaqstant, l-essenza ta’ dan ir-regolament tinbidel kieku dan l-Artikolu 7 kellu jiġi annullat.

26      Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mir-Repubblika Ċeka u mir-Renju Unit kif ukoll mill-Kunsill, tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet li l-annullament tagħhom hija mitluba huma separabbli mnn dispożizzjonijiet oħra ta’ regolamenti li jagħmlu parti minnhom. Insostenn tal-argument tagħha, hija ssostni, b’mod partikolari, li l-prossimità bejn il-limiti ta’ referenza u l-prezzijiet ta’ intervent li jidhru fir-Regolament dwar l-iffissar hija iktar sinjifikattiva minn dik eżistenti bejn il-limiti ta’ referenza u d-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS. Minbarra dan ma jeżisti ebda element li jista’ juri li l-essenza tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, li jinkludi iktar minn mitejn artikolu, ġiet emendata bl-annullament tal-Artikolu 7 tiegħu dwar il-limiti ta’ referenza.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

27      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss sa fejn l-elementi li jkun qed jintalab l-annullament tagħhom ikunu separabbli mill-kumplament tal-att inkwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li dan ir-rekwiżit ta’ separabbiltà ma jkunx issodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jibdel is-sustanza tiegħu (sentenza tat-18 ta’ Marzu 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 16 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan il-każ, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdien dwar l-OKS jiffissa l-limiti ta’ referenza ta’ prodotti agrikoli differenti f’ewros u f’ċenteżmi għal kull unita ta’ piż tal-prodott ikkonċernat.

29      Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq għall-prodotti agrikoli kollha elenkati fl-Anness I tat-Trattati u jirrigwarda aspetti daqstant diversi bħal, b’mod partikoli, l-intervent pubbliku fis-swieq, l-għajnuna għal ħażna privata, l-iskemi ta’ għajnuna fis-setturi agrikoli kkonċernati differenti, ir-regoli dwar il-kummerċjalizzazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ produtturi kif ukoll il-kummerċ mal-Istati terzi.

30      Issa, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn l-aspetti differenti msemmija fir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS huma mingħajr rabta mal-limiti ta’ referenza stabbiliti fl-Artikolu 7 tiegħu. Huma biss il-prezzijiet ta’ intervent, li d-definizzjoni tagħhom ċertament tidher fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, iżda li huma stabbiliti fir-Regolament dwar l-iffissar, li jistgħu jitqiesu bħala li għandhom rabta ma’ dawn il-limiti.

31      Isegwi li l-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS jikkonċerna aspett separabbli mill-kuntest leġiżlattiv stabbilit minnu u, konsegwentement, l-annullament eventwali tiegħu ma jaffettwax is-sustanza ta’ dan ir-regolament.

32      Għaldaqstant, ir-rikors tal-Repubblika Federali tal-Ġermanja intiż għall-annullament parzjali tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

33      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Parlament u l-Kunsill ibbażaw l-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS fuq bażi legali żbaljata. Din id-dispożizzjoni tinkludi “prezzijiet ta’ referenza” li, anki jekk din id-denominazzjoni ġiet issostitwita bl-espressjoni “limiti ta’ referenza”, jikkostitwixxu “miżura dwar l-iffissar tal-prezzijiet” Għaldaqstant, dan l-argument kellu jiġi adottat imperattivament abbażi tal-Artikolu 43(3) TFUE.

34      Insostenn tat-talba tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-ewwel nett, tressaq argumenti li jirreferu għall-iskema preċedenti tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, jiġifieri dik li tirriżulta mir-Regolament Nru 1234/2007, fejn il-premessa 16 tiegħu kienet tiddefinixxi l-“prezz ta’ referenza” bħala prezz li jirriżulta minn deċiżjoni ta’ prinċipju tal-Kunsill. F’dan il-kuntest, dan l-Istat Membru jfakkar li r-Regolament Nru 1234/2007 jagħti espressament lill-Kunsill is-setgħa li jbiddel il-prezzijiet ta’ referenza. Barra minn hekk, l-organizzazzjoni komuni preċedenti tas-suq agrikolu kif ukoll l-oriġini tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS b’mod ġenerali u tal-Artikolu 7 tiegħu b’mod partikolari juru li s-sistema ta’ miżuri dwar l-iffissar tal-prezzijiet ta’ prodotti agrikoli fis-sustanza ma nbidlitx u li l-“prezzijiet ta’ referenza” li issa jissejħu “limiti ta’ referenza”, jkomplu jservu bħala “xibka tas-sigurta” tal-PAK.

35      It-tieni nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirreferi għall-formulazzjoni tal-Artikolu 43(3) TFUE, li skont hija, ma tagħmel ebda distinzjoni bejn il-prezzijiet fis-sens strett jew fis-sens wiesa’, peress li jirreferi għall-“miżuri dwar l-iffissar tal-prezzijiet” kollha. Għalhekk, l-elementi essenzjali kollha tal-iffissar tal-prezzijiet jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kunsill. Barra minn hekk, mill-punti 54 u 59 tas-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2015, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑124/13 u C‑125/13, EU:C:2015:790) jirriżulta li l-Artikolu 43(3) TFUE jagħti lill-Kunsill is-setgħa li jadotta atti minbarra atti ta’ implementazzjoni u li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex limitat għall-miżuri dwar l-iffissar tal-prezzijiet. Għandu a fortiori jiġi konkluż li l-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, peress li l-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS jiffissa unità monetarja preċiża għal ċerti prodotti agrikoli u li sussegwentement, l-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-iffissar jiddefinixxi l-prezz ta’ intervent bħala perċentwali speċifika tal-“limitu ta’ referenza”, l-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS jikkostitwixxi element essenzjali tal-iffissar tal-prezzijiet.

36      It-tielet nett, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija fl-Artikolu 43(3) TFUE, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS jirriżulta li l-limiti ta’ referenza għandhom jiġu aġġornati skont l-iżviluppi fil-produzzjoni u tas-swieq. Jekk l-awtorità regolatorja kompetenti għandha tirreaġixxi b’mod rapidu, flessibbli u effikaċi għal tfixkil fis-suq, din ir-reazzjoni tkun b’ħafna iktar ħeffa kieku l-Kunsill kien kompetenti peress li, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, din l-istituzzjoni ma hijiex iktar obbligata li tikkonsulta l-Parlament.

37      Ir-raba’ nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li mill-punt 58 tas-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2015, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑124/13 u C‑125/13, EU:C:2015:790) jirriżulta li l‑Artikolu 43(2) TFUE u l-Artikolu 43(3) TFUE jikkostitwixxu żewġ bażijiet legali b’mod ċar distinti li jeskludu reċiprokament lil xulxin, mingħajr ma teżisti ġerarkija bejniethom. Barra minn hekk, l-Artikolu 43(3) TFUE jisfa kompletament mingħajr sens u għaldaqstant jitlef l-effett utli tiegħu jekk l-Artikolu 43(2) TFUE jiġi adottat bħala bażi legali f’dan il-każ.

38      Fir-rigward tal-oġġezzjoni tal-Parlament, skont liema mill-Artikolu 40(2) TFUE jirriżulta li, meta jeżerċita s-setgħa tiegħu taħt l-Artikolu 43(2) TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa liberu li jadotta l-miżuri kollha indikati fl-Artikolu 40(2) TFUE, inklużi “kontrolli tal-prezzijiet”, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirribatti li dan l-argument ma jiħux inkunsiderazzjoni l-eżistenza tal-Artikolu 43(3) TFUE u jqajjem dubju dwar l-effett utli ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

39      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkonkludi li l-Artikolu 43(3) TFUE jikkostitixxi l-unika bażi legali valida għall-adozzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS.

40      Ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju Unit u l-Kunsill jadottaw l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Addizzjonalment, il-Kunsill isostni, filwaqt li jirreferi għall-Artikolu 294(1) TFUE, li t-Trattati bl-ebda mod ma jsostnu l-ipoteżi li l-proċedura leġiżlattiva ordinarja tipprevali fuq id-dispożizzjonijiet li jipprevedu l-adozzjoni ta’ atti mhux leġiżlattivi.

41      Il-Gvern Ċek iżid, b’mod partikolari, li l-Artikolu 43(3) TFUE jikkostitwixxi lex specialis meta mqabbel mal-miżuri usa’ koperti mill-Artikolu 43 (2) TFUE. Barra minn hekk din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mis-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2015, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑124/13 u C‑125/13, EU:C:2015:790).

42      Minbarra dan, skont dan l‑Istat Membru, l-eżistenza ta’ żewġ bażijiet legali distinti hija dovuta għall-fatt li, fil-mument tan-negozjati tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li wasslu għall-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Istati Membri kienu xtaqu jibqgħu sovrani f’dak li jikkonċerna l-infiq tal-PAK. Huwa preċiżament għal din ir-raġuni li l-Artikolu 37 KE, li kien jikkostitwixxi bażi legali unika, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punt 57 tas-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2015, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑124/13 u C‑125/13, EU:C:2015:790), ġie ssostitwit minn żewġ bażijiet legali distinti li jsegwu skopijiet differenti u li kull waħda għandha kamp ta’ applikazzjoni speċifiku.

43      Ir-Renju Unit jippreċiża li mis-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2015, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑124/13 u C‑125/13, EU:C:2015:790), jirriżulta li l‑Artikolu 43(3) TFUE ma jillimitax ruħu sabiex jagħti setgħa residwa jew li jagħti delegazzjoni ta’ setgħa lill-Kunsill, iżda jattribwixxi setgħa esklużiva lil din l-istituzzjoni għall-adozzjoni tal-miżuri kollha dwar l-iffissar tal-prezzijiet, b’mod partikolari dawk li jimplikaw evalwazzjonijiet tekniċi u xjentifiċi. L‑adozzjoni ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, li tiffissa direttament prezzijiet, għalhekk taqa’ a fortiori taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kunsill.

44      Il‑Parlament, sostnut mill-Kummissjoni, jaqsam l-opinjoni tar-Repubblika Federali tal‑Ġermanja, li l-Artikolu 43(2) TFUE u l‑Artikolu 43(3) TFUE jikkostitwixxu żewġ bażijiet legali distinti. Dawn iż-żewġ istituzzjonijiet isostnu li l-Artikolu 43(3) TFUE jagħti lill-Kunsill biss is-setgħa speċifika ħafna, ta’ natura eżekuttiva, li jiffissa l-ammonti eżatti u finali tal-prezzijiet. Kull miżura li tmur lil hinn minn tali ffissar taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43(2) TFUE.

45      Skont il-Parlament, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mis-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2015, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑124/13 u C‑125/13, EU:C:2015:790). Fil-fatt, mill-punt 58 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiġu segwiti l-għanijiet relatati mal-politiki komuni tal-agrikoltura u tas-sajd jimplikaw għażla politika. L‑adozzjoni tagħhom hija għalhekk irriżervata għal-leġiżlatur tal-Unjoni.

46      Issa, il-mekkaniżmu tal-intervent jikkostitwixxi element essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-PAK, kif elenkati fl-Artikolu 39 TFUE, kif tipprova ċ-ċirkustanza li, skont l-Artikolu 40(2) TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa kompetenti sabiex jadotta kontrolli tal-prezzijiet.

47      Minn dan il-Parlament jiddeduċi li l-“miżuri” li l-Kunsill huwa awtorizzat jadotta skont l-Artikolu 43(3) TFUE jistgħu jiġu kklassifikati bħala “atti ta’ implementazzjoni sui generis”. Fil-fehma tiegħu, il-proċedura mhux leġiżlattiva prevista fl-Artikolu 43(3) TFUE għandha tinftiehem bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 43(2) TFUE. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra li teżisti relazzjoni ġerarkika bejn l-Artikolu 43(2) TFUE u l-Artikolu 43(2) TFUE. Hija żżid li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali kunsiderevoli meta jagħti delegi ta’ poter lill-eżekuttiv u li, f’dan il-każ, ma twettaq ebda żball manifest fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, anki jekk l-Artikolu 43(3) TFUE jipprevedi delega espliċita ta’ setgħat.

48      F’dak li jikkonċerna l-għan u l-kontenut tal-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, il-Parlament isostni li dan il-għan, identiku għal dak tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS u għalhekk indissoċjabbli minnu, huwa intiż sabiex “jistabbilixxi organizzazzjoni komuni għall-prodotti agrikoli”. Skont il-Parlament u l-Kummissjoni, l-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS jikkostitwixxi d-dispożizzjoni bażika rigward l-iskema ta’ intervent fl-organizzazzjoni komuni tas-suq. Il-limiti ta’ referenza jikkostitwixxu, inkwantu “xibka tas-sigurtà tal-PAK”, dawk li jiskattaw il-mekkaniżmu ta’ intervent u tipi oħra ta’ miżuri ta’ sostenn tas-swieq.

49      Fir-rigward tad-denominazzjoni tal-“limiti ta’ referenza”, li, kemm fir-Regolament Nru 1234/2007 kif ukoll fil-kuntest tan-negozjati dwar ir-riforma tal-PAK, kienu msejħa “prezzijiet ta’ referenza”, il-Parlament josserva li t-titolu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS inbidel sabiex jiġi ssodisfatt rekwiżit tal-Kunsill. Fil-fehma tal-Kummissjoni, id-denominazzjoni preċedenti tal-“limiti ta’ referenza” kienet qarrieqa għaliex il-“prezzijiet ta’ referenza” kienu diġà valuri limitu, li kienu jiggwidaw l-iffissar ta’ prezzijiet reali u kellhom biss funzjoni ta’ gwida.

50      Fir-rigward tar-riferiment magħmul mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-iskema preċedenti tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, il-Parlament u l-Kummissjoni jqisu li dan l‑Istat Membru ma jsemmix il-fatt li r-Regolament Nru 1234/2007 kien ġie adottat fuq bażi legali oħra, jiġifieri l-Artikolu 37 KE.

51      Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-effett utli tal-Artikolu 43(3) TFUE jiġi kompromess jekk l-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS seta’ jkun ibbażat fuq l-Artikolu 43(2) TFUE, il-Parlament iqis li l-adozzjoni tar-Regolament dwar l-iffissar inkwantu tali hija biżżejjed sabiex jintwera l-effett utli tal-Artikolu 43(3) TFUE. Barra minn hekk, la l-Parlament u lanqas il-Kummissjoni ma jaraw in-neċessità ta’ aġġustament malajr tal-limiti ta’ referenza fid-dawl tal-iżviluppi tas-suq li, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jeħtieġu intervent mill-Kunsill. Skont il-Parlament, anki jekk l-Artikolu 43(3) TFUE huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-iffissar malajr tal-prezzijiet u jekk din il-missjoni kienet, sa mill-oriġini tal-PAK, rekwiżit importanti, iktar ma għadda ż-żmien din tilfet mill-importanza tagħha u, fil-prattika, sparixxiet.

52      Sussidjarjament, il-Parlament isostni li, jekk l-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS isegwi għanijiet imsemmija mill-Artikolu 43(2) TFUE u mill-Artikolu 43(3) TFUE, id-dispożizzjoni kkontestata tibqa’ dejjem valida minħabba l-predominanza tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 43(2) TFUE fi ħdan ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53      Permezz tal-motiv uniku tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, billi adottaw l-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS abbażi mhux tal-Artikolu 43(3) TFUE, iżda tal-Artikolu 43(2) TFUE, il-Parlament u l-Kunsill għażlu bażi legali żbaljata.

54      F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 43(2) TFUE, il-Parlament u l‑Kunsill huma obbligati li jadottaw, skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, b’mod partikolari “dispożizzjonijiet [...] meħtieġa għall-kisba ta’ l-objettivi tal-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd”, filwaqt li, skont l-Artikolu 43(3) TFUE, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jadotta “l-miżuri dwar l-iffissar tal-prezzijiet, l-imposti, l-għajnuna u l-limitazzjonijiet kwantitattivi, kif ukoll dwar l-iffissar u l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd”.

55      Sussegwentement, għandu jiġi ppreċiżat li miżuri li jimplikaw għażla politika rriżervata lil-leġiżlatur tal-Unjoni minħabba li jkunu meħtieġa sabiex jintlaħqu għanijiet relatati mal-politiki komuni tal-agrikoltura u tas-sajd għandhom ikunu bbażati fuq l-Artikolu 43(2) TFUE. Min-naħa l-oħra, l-adozzjoni ta’ miżuri relatati mal-iffissar u mat-tqassim tal-possibbiltajiet ta’ sajd, konformement mal-Artikolu 43(3) TFUE, ma teħtieġx li ssir tali għażla, peress li tali miżuri għandhom natura prinċipalment teknika u huma meqjusa li ttieħdu għall-eżekuzzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 43(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2014, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑103/12 u C‑165/12, EU:C:2014:2400, punt 50, kif ukoll tal-1 ta’ Diċembru 2015, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑124/13 u C-125/13, EU:C:2015:790, punti 48 u 50).

56      F’dan ir-rigward, jekk l-Artikolu 43(3) TFUE jagħti lill-Kunsill is-setgħa li jadotta, b’mod partikolari, atti ta’ implementazzjoni fil-qasam ikkonċernat, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-atti ma jitfixklux purament u sempliċement mal-atti li jagħtu setgħat ta’ implementazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 291(2) TFUE (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2015, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑124/13 u C‑125/13, EU:C:2015:790, punt 54).

57      Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, din id-dispożizzjoni tagħti lill-Kunsill is-setgħa li jadotta atti li jmorru lil hinn minn dak li jista’ jitqies bħala “att ta’ implementazzjoni”.

58      Barra minn hekk, l-Artikolu 43(2) TFUE u l-Artikolu 43(3) TFUE għandhom għanijiet differenti u kull wieħed minnhom għandu kamp ta’ applikazzjoni speċifiku, b’tali mod li dawn jistgħu jintużaw separatament sabiex iservu bħala bażi għall-adozzjoni ta’ miżuri partikolari fil-kuntest tal-PAK, u dan bil-kundizzjoni li, meta jadotta atti abbażi tal-Artikolu 43(3) TFUE, il-Kunsill għandu jaġixxi b’osservanza tal-limiti tal-kompetenzi tiegħu kif ukoll, jekk ikun il-każ, tal-kuntest ġuridiku diġà stabbilit skont l-Artikolu 43(2) TFUE (ara, f’dak li jikkonċerna l-politika komuni tas-sajd, applikabbli mutatis mutandis għall-PAK, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2015, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑124/13 u C‑125/13, EU:C:2015:790, punt 58).

59      Hemm lok li f’dan ir-rigward jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma jistax validament jiġi sostnut li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrikonoxxiet l-eżistenza ta’ ġerarkija bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni. Fil-fatt, l-użu, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tat-termini “jekk ikun il-każ”, jippermetti li jiġi dedott li l-Kunsill jista’ jagħmel użu mill-kompetenzi li huma rrikonoxxuti lilu fl-Artikolu 43(3) TFUE, minkejja li l-leġiżlatur tal-Unjoni għadu ma stabbilixxiex kuntest ġuridiku billi jeżerċita l-kompetenzi li huma rrikonoxxuti lilu fl-Artikolu 43(2) TFUE.

60      Minbarra dan, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43(3) TFUE jista’ jkopri miżuri li ma jkunux limitati għall-iffissar u għat-tqassim tal-possibbiltajiet tas-sajd, bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri ma jimplikawx għażla politika rriżervata lil-leġiżlatur tal-Unjoni minħabba li jkunu meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet relatati mal-politiki komuni tal-agrikoltura u tas-sajd (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2015, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, C‑124/13 u C-125/13, EU:C:2015:790, punt 59).

61      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fejn fosthom hemm, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att (sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑440/05, EU:C:2007:625, punt 61, u tas-26 ta’ Novembru 2014, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑103/12 u C‑165/12, EU:C:2014:2400, punt 51).

62      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li hemm lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk il-Parlament u l-Kunsill kellhomx bażi sabiex jadottaw l-Artikolu 43(2) TFUE bħala bażi legali għall-adozzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS.

63      Fir-rigward tal-għan imfittex fl-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta ċertament, minn naħa, mill-premessa 10 ta’ dan ir-regolament li, sabiex is-swieq jiġu stabbilizzati u sabiex jiġi żgurat livell tal-għajxien ġust għall-komunità agrikola, sistema ta’ appoġġ dirett ġiet stabbilita u li l-miżuri adottati fil-kuntest ta’ din is-sistema jistgħu jieħdu l-għamla ta’ intervent pubbliku kif ukoll, min-naħa l-oħra, mill-premessa 12 ta’ dan ir-regolament, li jkun xieraq li ssir distinzjoni bejn il-limiti ta’ referenza u l-prezzijiet ta’ intervent.

64      Madankollu, dawn iż-żewġ elementi, fl-assenza ta’ kull preċiżazzjoni oħra min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, b’mod partikolari fl-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, rigward l-importanza allegata tal-għażliet politiċi mwettqa permezz tal-adozzjoni ta’ dawn il-limiti, ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu suffiċjentement fid-dritt l-eżistenza ta’ tali importanza.

65      Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata miċ-ċirkustanza li, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-iffissar, il-limiti ta’ referenza jservu esklużivament bħala elementi ta’ bażi għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ intervent għall-prodotti inkwistjoni.

66      Barra minn hekk, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-premessi 16 u 28 tar-Regolament Nru 1234/2007 jiddeskrivu, b’mod astratt, ir-relazzjoni eżistenti bejn il-prezzijiet ta’ referenza, li issa jissejħu “limiti ta’ referenza” u l-prezzijiet ta’ intervent, u jippermettu li jitqies li tal-ewwel jikkostitwixxu elementi neċessarji għall-kalkolu tat-tieni. Peress li, skont il-premessa 12 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jżomm il-politika ta’ intervent applikata f’kull settur, hemm lok li jiġi konkluż li r-relazzjoni eżistenti bejn il-limiti ta’ referenza u l-prezzijiet ta’ intervent ma ġietx affettwata bl-adozzjoni tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS.

67      F’dak li jikkonċerna l-kontenut tal-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, għandu jiftakkar li l-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi, għall-prodotti li huwa intiż għalihom, valuri monetarji għal kull unità ta’ piż. Issa, iċ-ċirkustanza biss li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li juża t-terminu “limiti” minflok it-terminu “prezzijiet” użat preċedentement, ma jistax jikkontradiċi l-fatt li dawn il-valuri jikkostitwixxu prezzijiet. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, il-limiti inkwistjoni huma stabbiliti skont, b’mod partikolari, “[prezzijiet]” tal-inputs.

68      Għandu jingħad ukoll li, hekk kif jirriżulta mill-punt 65 ta’ din is-sentenza, il-formulazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS ma tippermettix li jiġu identifikati l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-limiti ta’ referenza li dan jipprevedi, u lanqas li jiġi stabbilit jekk l-adozzjoni ta’ dan l-artikolu mil-leġiżlatur tal-Unjoni implikatx għażla politika rriżervata lil dan tal-aħħar minħabba n-natura neċessarja tiegħu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-PAK.

69      Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS u lanqas dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma jinkludu definizzjoni tal-kunċett ta’ “limitu ta’ referenza”. Issa, l-assenza, f’dan ir-regolament, ta’ tali definizzjoni, filwaqt li l-kunċett ta’ “prezz ta’ intervent” huwa ddefinit fl-Artikolu 15 tal-istess regolament, hija ta’ natura li tqajjem dubju dwar l-argument tal-Parlament li d-determinazzjoni tal-limiti ta’ referenza timplika għażliet politiċi rriżervati għal-leġiżlatur.

70      F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad ukoll li mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Waħdieni dawr l-OKS jirriżulta li l-limiti ta’ referenza għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid b’kunsiderazzjoni ta’ fatturi oġġettivi bħall-evoluzzjoni tal-produzzjoni, l-ispejjeż ta’ produzzjoni u t-tendenzi tas-suq.

71      Issa, hekk kif isostnu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju Unit kif ukoll il-Kunsill, tali eżami mill-ġdid jeħtieġ li jsiru evalwazzjonijiet prinċipalment tekniċi u xjentifiċi, u għalhekk għandu jiġi distint minn miżuri li jimplikaw deċiżjonijiet politiċi li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma rriżervati għal-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑103/12 u C‑165/12, EU:C:2014:2400, punt 50). Issa, l-evalwazzjoni ta’ elementi prinċipalment tekniċi fid-dawl tal-adozzjoni ta’ miżuri relatati mal-iffissar tal-prezzijiet hija prerogattiva li l-Artikolu 43(3) TFUE jirriżerva lill-Kunsill.

72      Sa fejn ma jeżisti ebda element ieħor fir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS li jippermetti li tiġi validament stabbilita distinzjoni bejn l-eżami mill-ġdid tal-limiti inkwistjoni u l-ewwel iffissar tagħhom, u fir-rigward taċ-ċirkustanza, rrilevata fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, li l-prezzijiet ta’ intervent ġejjin mil-limiti ta’ referenza, hemm lok li jiġi konkluż li l-iffissar ta’ dawn il-limiti jikkostitwixxi miżura relatata mal-iffissar tal-prezzijiet. Konsegwentement, l-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS imissu ġie adottat abbażi tal-Artikolu 43(3) TFUE.

73      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Parlament li l-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS isegwi għanijiet intiżi kemm fl-Artikolu 43(2) TFUE kif ukoll fl-Artikolu 43(3) TFUE, b’tali mod li, fid-dawl tal-predominanza tal-għanijiet intiżi fl-Artikolu 43(2) TFUE, l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament ma għandux jiġi annullat.

74      Fil-fatt, minn naħa, hekk kif jirriżulta mill-punt 31 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS huwa b’mod ċar separabbli minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 58 tas-sentenza tagħha tal-1 ta’ Diċembru 2015, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑124/13 u C‑125/13, EU:C:2015:790), l-Artikolu 43(2) TFUE u l-Artikolu 43(3) TFUE jsegwu skopijiet differenti u kull wieħed minnhom għandu kamp ta’ applikazzjoni speċifiku. Għaldaqstant, bħalma l-Kunsill għandu josserva l-limiti tal-kompetenza tiegħu meta jadotta miżuri abbażi tal-Artikolu 43(3) TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa obbligat li josserva l-limiti ta’ kompetenzi mogħtija lilu, meta jadotta miżuri abbażi tal-Artikolu 43(2) TFUE.

75      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li jintlaqa’ l-motiv uniku tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

76      Konsegwentement, l-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS għandu jiġi annullat.

77      Fid-dawl taċ-ċirkustanza li l-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-iffissar jirreferi espliċitament, sabiex jiġu stabbiliti l-prezzijiet ta’ intervent, għal-limiti ta’ referenza stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, l-annullament ta’ dan l-aħħar artikolu jċaħħad lil dan l-Artikolu 2 mis-sustanza tiegħu.

78      Għaldaqstant, fid-dawl tar-rabtiet indissoċjabbli li jgħaqqdu l-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS mal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-iffissar, hemm lok li dan l-artikolu jiġi annullat ukoll.

 Fuq it-talba li jinżammu effetti tad-dispożizzjonijiet ikkontestati

79      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għall-finijiet tal-protezzjoni ta’ interessi superjuri, u b’mod partikolari minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-operaturi agrikoli kif ukoll ta’ ċertezza legali, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li żżomm, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, l-effetti tad-dispożizzjonijiet ikkontestati sad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjoniijet ġodda adottati fuq il-bażi legali adatta. Il-Kummissjoni ssostni dan l-argument b’mod sussidjarju.

80      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tqis li dan huwa meħtieġ, tiddikjara liema mill-effetti tal-att li ddikjarat null għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi.

81      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dawl ta’ motivi marbuta maċ-ċertezza legali, l-effetti ta’ tali att jistgħu jinżammu b’mod partikolari meta l-effetti immedjati tal-annullament tiegħu jwasslu għal konsegwenzi negattivi gravi għall-persuni kkonċernati u meta l-legalità tal-att ikkontestat ma tkunx qiegħda tiġi kkontestata minħabba l-iskop jew il-kontenut tiegħu iżda minħabba motivi ta’ inkompetenza tal-awtur tiegħu jew ta’ ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali. Dawn il-motivi jinkludu, b’mod partikolari, l-iżball imwettaq fir-rigward tal-bażi legali tal-att ikkontestat (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2015, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑124/13 u C‑125/13, EU:C:2015:790, punt 86).

82      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 232 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, dan tal-aħħar, inkluż l-Artikolu 7 tiegħu, daħal fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li seħħet fl‑20 ta’ Diċembru 2013, u huwa applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2014.

83      Issa, sa fejn id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jiffissaw il-prezzijiet li għalihom għandu jseħħ l-intervent pubbliku u li dan tal-aħħar huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-istabbiltà tas-swieq u sabiex jiġi żgurat livell ta’ għajxien ġust għall-komunità agrikola, l-annullament tagħhom b’effett immedjat jista’ jwassal għal konsegwenzi gravi għall-persuni kkonċernati.

84      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeżistu raġunijiet importanti ta’ ċertezza legali li jiġġustifikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talba intiża għaż-żamma tal-effetti tal-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS u tal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-iffissar. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kkontestatx il-legalità tal-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS minħabba l-iskop tiegħu jew minħabba l-kontenut tiegħu, b’mod li ma jeżistix, f’dan ir-rigward, ostakolu li jista’ jipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tordna tali żamma tal-effetti ta’ dawn l-artikoli.

85      Konsegwentement, hemm lok li jinżammu l-effetti tal-Artikolu 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS u tal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-iffissar sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż ħames xhur mid-data minn meta tingħata din is-sentenza, ta’ leġiżlazzjoni ġdida, ibbażata fuq il-bażi legali adatta, jiġifieri l-Artikolu 43(3) TFUE.

 Fuq l-ispejjeż

86      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Parlament u l-Kunsill tilfu kif ukoll dan ir-rikors ġie ddikjarat fondat, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-regoli, ir-Repubblika Ċeka u r-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni, li intervenjew f’din il-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, huwa annullat.

2)      L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013, tas-16 ta’ Diċembru 2013, li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli, huwa annullat.

3)      L-effetti tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1308/2013 u tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1370/2013 jinżammu sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż ħames xhur mid-data minn meta tingħata din is-sentenza, ta’ leġiżlazzjoni sħiħa, ibbażata fuq il-bażi legali adatta, jiġifieri l-Artikolu 43(3) TFUE.

4)      Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huma kkundannati għall-ispejjeż.

5)      Ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż