Language of document : ECLI:EU:C:2016:635

Kawża C113/14

IrRepubblika Federali tal-Ġermanja

vs

IlParlament Ewropew

u

IlKunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament – Għażla tal-bażi legali – Artikolu 43(2) TFUE jew Artikolu 43(3) TFUE – Organizzazzjoni komuni tas-swieq ta’ prodotti agrikoli – Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Artikolu 7 – Regolament (UE) Nru 1370/2013 – Artikolu 2 – Miżuri relatati mal-iffissar ta’ prezzijiet – Limiti ta’ referenza – Prezz ta’ intervent”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il‑Ħames Awla) tas-7 ta’ Settembru 2016

1.        Rikors għal annullament – Suġġett – Annullament parzjali – Kundizzjoni – Natura diviżibbli tad-dispożizzjonijiet ikkontestati

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Miżuri ta’ implementazzjoni – Iffissar tal-prezzijiet – Kompetenzi tal-Kunsill – Artikolu 43(2) u (3) TFUE – Kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi

(Artikolu 43(2) u (3) TFUE)

3.        Atti tal-istituzzjonijiet – Għażla tal-bażi legali – Kriterji – Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1308/2013 li jistabbilixxi limiti ta’ referenza li jservu bħala bażi għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ intervent fil-qasam ta’ organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli – Adozzjoni abbażi tal-Artikolu 43(2) TFUE – Inammissibbiltà – Obbligu li tali dispożizzjoni tkun ibbażata fuq l-Artikolu 43(3) TFUE

(Artikolu 43(2) u (3) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1308/2013, Artikolu 7)

4.        Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja – Żamma tal-effetti tal-att ikkontestat sas-sostituzzjoni ta’ dan tal-aħħar f’terminu raġonevoli – Ġustifikazzjoni bbażata fuq motivi ta’ ċertezza legali

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1308/2013, Artikolu 7; Regolament tal-Kunsill Nru 1370/2013, Artikolu 2)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 27)

2.      Miżuri li jimplikaw għażla politika rriżervata lil-leġiżlatur tal-Unjoni minħabba li jkunu meħtieġa sabiex jintlaħqu għanijiet relatati mal-politiki komuni tal-agrikoltura u tas-sajd għandhom ikunu bbażati fuq l‑Artikolu 43(2) TFUE. Min-naħa l-oħra, l-adozzjoni ta’ miżuri relatati mal-iffissar u mat-tqassim tal-possibbiltajiet ta’ sajd, konformement mal-Artikolu 43(3) TFUE, ma teħtieġx li ssir tali għażla, peress li tali miżuri għandhom natura prinċipalment teknika u huma meqjusa li ttieħdu għall-eżekuzzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 43(2) TFUE.

Barra minn hekk, l-Artikolu 43(2) TFUE u l-Artikolu 43(3) TFUE għandhom għanijiet differenti u kull wieħed minnhom għandu kamp ta’ applikazzjoni speċifiku, b’tali mod li dawn jistgħu jintużaw separatament sabiex iservu bħala bażi għall-adozzjoni ta’ miżuri partikolari fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, u dan bil-kundizzjoni li, meta jadotta atti abbażi tal-Artikolu 43(3) TFUE, il-Kunsill għandu jaġixxi b’osservanza tal-limiti tal-kompetenzi tiegħu kif ukoll, jekk ikun il-każ, tal-kuntest ġuridiku diġà stabbilit skont l-Artikolu 43(2) TFUE. F’dan ir-rigward, ma jistax validament jiġi sostnut li teżisti ġerarkija bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni. Fil-fatt, il-Kunsill jista’ jagħmel użu mill-kompetenzi li huma rrikonoxxuti lilu fl-Artikolu 43(3) TFUE, minkejja li l-leġiżlatur tal-Unjoni għadu ma stabbilixxiex kuntest ġuridiku billi jeżerċita l-kompetenzi li huma rrikonoxxuti lilu fl-Artikolu 43(2) TFUE.

(ara l-punti 55, 58, 59)

3.      L‑għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fejn fosthom hemm, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att. Fir-rigward tal-iffissar tal-limiti ta’ referenza li jservu esklużivament bħala elementi ta’ bażi għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ intervent għall-prodotti inkwistjoni permezz tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1308/2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, mill-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni jirrizulta li dawn il-limiti għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid b’kunsiderazzjoni ta’ fatturi oġġettivi bħall-evoluzzjoni tal-produzzjoni, l-ispejjeż ta’ produzzjoni u t-tendenzi tas-suq. Tali eżami mill-ġdid jeħtieġ li jsiru evalwazzjonijiet prinċipalment tekniċi u xjentifiċi, u għalhekk għandu jiġi distint minn miżuri li jimplikaw deċiżjonijiet politiċi li huma rriżervati għal-leġiżlatur tal-Unjoni. Issa, l-evalwazzjoni ta’ elementi prinċipalment tekniċi fid-dawl tal-adozzjoni ta’ miżuri relatati mal-iffissar tal-prezzijiet hija prerogattiva li l-Artikolu 43(3) TFUE jirriżerva lill-Kunsill.

Sa fejn ma jeżisti ebda element ieħor fir-Regolament Nru 1308/2013 li jippermetti li tiġi validament stabbilita distinzjoni bejn l-eżami mill-ġdid tal-limiti inkwistjoni u l-ewwel iffissar tagħhom, u fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-prezzijiet ta’ intervent ġejjin mil-limiti ta’ referenza, hemm lok li jiġi konkluż li l-iffissar ta’ dawn il-limiti jikkostitwixxi miżura relatata mal-iffissar tal-prezzijiet. Konsegwentement, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1308/2013 imissu ġie adottat abbażi tal-Artikolu 43(3) TFUE. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument li l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament isegwi għanijiet intiżi kemm fl-Artikolu 43(2) TFUE kif ukoll fl-Artikolu 43(3) TFUE, b’tali mod li, fid-dawl tal-predominanza tal-għanijiet intiżi fl-Artikolu 43(2) TFUE, l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament ma għandux jiġi annullat. Fil-fatt, l-Artikolu 43(2) TFUE u l-Artikolu 43(3) TFUE jsegwu skopijiet differenti u kull wieħed minnhom għandu kamp ta’ applikazzjoni speċifiku. Għaldaqstant, bħalma l-Kunsill għandu josserva l-limiti tal-kompetenza tiegħu meta jadotta miżuri abbażi tal-Artikolu 43(3) TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa obbligat li josserva l-limiti ta’ kompetenzi mogħtija lilu, meta jadotta miżuri abbażi tal-Artikolu 43(2) TFUE.

(ara l-punti 61, 65, 70-74)

4.      Fid-dawl ta’ motivi marbuta maċ-ċertezza legali, l-effetti ta’ att annullat mill-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jinżammu b’mod partikolari meta l-effetti immedjati tal-annullament tiegħu jwasslu għal konsegwenzi negattivi gravi għall-persuni kkonċernati u meta l-legalità tal-att ikkontestat ma tkunx qiegħda tiġi kkontestata minħabba l-iskop jew il-kontenut tiegħu iżda minħabba motivi ta’ inkompetenza tal-awtur tiegħu jew ta’ ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali. Dawn il-motivi jinkludu, b’mod partikolari, l-iżball imwettaq fir-rigward tal-bażi legali tal-att ikkontestat.

F’dan ir-rigward, sa fejn l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1308/2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, u l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1370/2013, li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli, jiffissaw il-prezzijiet li għalihom għandu jseħħ l-intervent pubbliku u fejn dan tal-aħħar huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-istabbiltà tas-swieq u sabiex jiġi żgurat livell ta’ għajxien ġust għall-komunità agrikola, l-annullament tagħhom b’effett immedjat jista’ jwassal għal konsegwenzi gravi għall-persuni kkonċernati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeżistu raġunijiet importanti ta’ ċertezza legali li jiġġustifikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talba intiża għaż-żamma tal-effetti tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1308/2013 u tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1370/2013.

(ara l-punti 81, 83, 84)