Language of document : ECLI:EU:T:2016:223

Kawża T‑44/14

Bruno Costantini et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Dritt istituzzjonali – Inizjattiva Ewropea għaċ-ċittadini – Politika soċjali –Servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali – Artikolu 352 TFUE – Rifjut ta’ reġistrazzjoni – Nuqqas manifest ta’ setgħat tal-Kummissjoni – Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ April 2016

1.      Ċittadinanza tal-Unjoni – Drittijiet taċ-ċittadin – Preżentazzjoni ta’ inizjattiva għaċ-ċittadini – Regolament Nru 211/2011 – Kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni – Proposta li għandha taqa’ fl-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni

(Artikoli 5 TUE u 13(2) TUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 211/2011, Artikolu 4(2)(b))

2.      Kompetizzjoni – Impriżi responsabbli għall-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali – Definizzjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali – Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri – Limiti – Stħarriġ tal-Kummissjoni limitat għall-każ ta’ żball manifest – Possibbiltà għall-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att intiż sabiex il-kura fit-tul tiġi kklassifikata bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, eskluż mill-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern – Assenza

(Artikoli 14 TFUE u 106 TFUE)

3.      Politika soċjali – Kompetenza tal-Unjoni – Adozzjoni ta’ atti intiżi għal kategoriji oħra ta’ persuni li ma humiex il-ħaddiema – Esklużjoni

(Artikolu 153 TFUE)

4.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

5.      Atti tal-istituzzjonijiet – Għażla tal-bażi legali – Kriterji – Artikolu 352 TFUE – Limiti – Applikazzjoni fil-kuntest tal-proposta għal inizjattiva Ewropea għaċ-ċittadini – Kundizzjonijiet

(Artikolu 352 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 211/2011, Artikolu 10(1)(c))

6.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba – Obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda fuq talbiet simili – Limiti – Osservanza tal-legalità

7.      Rikors għal annullament – Motivi – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Distinzjoni mill-iżball manifest ta’ evalwazzjoni

(Artikoli 263 TFUE u 296 TFUE)

8.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ inizjattiva għaċ-ċittadini

(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE u Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 211/2011, premessa 1 u Artikolu 4(3))

1.      Skont l-Artikolu 5 TUE, il-limiti tal-kompetenzi tal-Unjoni huma rregolati mill-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi u li skont l-Artikolu 13(2) TUE, kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati. Huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, jipprevedi l-kundizzjoni li l-proposta għal inizjattiva Ewropea għaċ-ċittadini ma għandhiex tkun taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implementazzjoni tat-Trattati.

Mill-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tagħmel l-ewwel eżami tal-elementi quddiemha sabiex tevalwa jekk il-proposta għal inizjattiva Ewropea għaċ-ċittadini ma taqax manifestament fl-ambitu tas-setgħat tagħha, fid-dawl tal-fatt li huwa previst li jsir eżami iktar komplet fil-każ ta’ reġistrazzjoni tal-proposta.

(ara l-punti 16, 17)

2.      L-Istati Membri huma intitolati, filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, li jiddefinixxu l-portata u l-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali tagħhom. Huma għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa rigward id-definizzjoni ta’ dawk li huma jqisu bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u d-definizzjoni ta’ dawn is-servizzi minn Stat Membru ma tistax tiġi mminata mill-Kummissjoni ħlief f’każ ta’ żball manifest. Din il-prerogattiva tal-Istat Membru fir-rigward tad-definizzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali hija kkonfermata mill-assenza kemm ta’ kompetenza speċjalment attribwita lill-Unjoni kif ukoll ta’ definizzjoni preċiża u kompleta tal-kunċett ta’ tali servizzi fid-dritt tal-Unjoni.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi li hija ma setgħetx manifestament tippreżenta proposta għal att ibbażata fuq l-Artikolu 14 TFUE u intiża sabiex il-kura fit-tul tiġi kklassifikata bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

Għal dak li jikkonċerna l-esklużjoni ta’ tali kura mill-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern, mill-Artikolu 14 TFUE jirriżulta li r-regoli speċifiċi li huwa jistipula huma applikabbli għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali bla ħsara għall-Artikolu 106 TFUE. Issa, skont l-Artikolu 106(2), anki l-impriżi inkarigati sabiex joperaw tali servizzi huma suġġetti għar-regoli tat-Trattati u b’mod partikolari għar-regoli dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni, prinċipju li minnu ma jistax ikun hemm deroga ħlief taħt kundizzjonijiet stretti, li l-eżistenza tagħhom tiddependi miċ-ċirkustanzi legali u fattwali prevalenti f’kull Stat Membru u li għandha tiġi pprovata f’kull każ konkret mill-Istat Membru jew mill-impriża li tinvokaha. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tistax tipproponi b’mod ġenerali li jiġu eżenti mill-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern servizzi li l-klassifika tagħhom bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali tiddependi mill-politika nazzjonali ta’ kull Stat Membru.

(ara l-punti 24-26)

3.      L-Artikolu 153 TFUE jkopri biss parzjalment il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri mistennija fil-proposta għal inizjattiva Ewropea għaċ-ċittadini intiża li tkopri d-dritt għal kura fit-tul, peress li din id-dispożizzjoni, li ssemmi espliċitament u esklużivament lill-ħaddiema, ma tippermettix l-adozzjoni ta’ atti legali dwar kategoriji oħra ta’ persuni. Għaldaqstant, l-Artikolu 153 TFUE fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi bażi legali għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ att li huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-provvista universali ta’ kura fit-tul fl-Unjoni.

(ara l-punt 39)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 46)

5.      L-Artikolu 352 TFUE, li jifforma parti integrali mill-ordinament istituzzjonali bbażat fuq il-prinċipju ta’ allokazzjoni ta’ kompetenzi, ma jistax jikkostitwixxi bażi sabiex jitwessa’ l-qasam ta’ kompetenzi tal-Unjoni lil hinn mill-kuntest ġenerali li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat u, b’mod partikolari, ta’ dawk li jiddefinixxu l-missjonijiet u l-azzjonijiet tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, din id-dispożizzjoni ma tistax isservi ta’ bażi għall-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet li l-effett tagħhom essenzjalment ikun li t-Trattat jiġi emendat mingħajr ma tiġi segwita l-proċedura prevista fit-Trattat għal dan il-għan. Minn dan isegwi li l-użu ta’ din id-dispożizzjoni huwa suġġett għal ċerti kundizzjonijiet sabiex tiġi osservata d-delimitazzjoni ta’ kompetenzi ddeterminati fit-Trattati u li jiġi evitat li tiġi mminati mill-adozzjoni ta’ att tad-dritt sekondarju.

Barra minn hekk, la l-Artikolu 352 TFUE u lanqas ir-Regolament Nru 211/2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, ma jeskludu l-użu tal-Artikolu 352 TFUE fil-kuntest tal-inizjattiva Ewropea għaċ-ċittadini.

Madankollu, l-għan ta’ parteċipazzjoni demokratika taċ-ċittadini tal-Unjoni sottostanti għall-mekkaniżmu tal-inizjattiva Ewropea għaċ-ċittadini ma jistax jostakola l-prinċipju ta’ allokazzjoni ta’ kompetenzi u jawtorizza lill-Unjoni tilleġiżla f’qasam li għalih ma ngħatat ebda kompetenza, b’tali mod li l-osservanza tal-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 352 TFUE hija meħtieġa wkoll fil-kuntest ta’ proposta għal inizjattiva Ewropea għaċ-ċittadini. Għaldaqstant, huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tivverifika jekk, fir-rigward ta’ proposta għal inizjattiva Ewropea għaċ-ċittadini, huwiex manifest li hija mhux ser tkun tista’ tipproponi att legali bbażat fuq din id-dispożizzjoni. Dan madankollu huwa bla ħsara għall-evalwazzjoni mill-istituzzjonijiet tan-neċessità ta’ tali att legali sa fejn din l-evalwazzjoni tista’ ssir wara r-reġistrazzjoni tal-proposta għal inizjattiva Ewropea għaċ-ċittadini u tinsab, jekk ikun il-każ, fil-komunikazzjoni prevista fl-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011.

(ara l-punti 51-53)

6.      L-istituzzjonijiet huma obbligati jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’mod konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħalma huwa l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u li, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda fil-konfront ta’ talbiet simili u li jistħarrġu b’attenzjoni partikolari fuq il-punt dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedu fl-istess sens. Il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba għandu madankollu jkun irrikonċiljat mal-osservanza tal-legalità.

(ara l-punt 60)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 65, 67)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 68, 69, 72, 73)