Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Diċembru 2007 - Berning & Söhne vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-445/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Berning & Söhne Gmbh & Co. KG (Wuppertal, il-Ġermanja) (rappreżentanti: P. Niggemann u K. Gassner, Rechtsanwälte)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Settembru 2007 [COMP/E-1/39.168 - prodotti tal-haberdashery: prodotti tal-qfil C(2007) 4257];

sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata għal somma simbolika jew altrimenti b'mod adegwat;

tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Settembru 2007, C(2007) 4257 finali, każ COMP/E-1/39.168 - prodotti tal-haberdashery: prodotti tal-qfil. Fid-deċiżjoni kkontestata ġiet imposta multa minħabba ksur ta' l-Artikolu 81 KE fuq ir-rikorrenti u impriżi oħra. Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti pparteċipat f'akkordju dwar żidiet fil-prezz kif ukoll fi skambju ta' informazzjoni riżervata dwar il-prezzijiet u dwar l-implementazzjoni taż-żidiet fil-prezz fis-swieq ta' "prodotti oħra tal-qfil" u ta' magni tat-twaħħil.

Ir-rikorrenti tressaq erba' motivi in sostenn tar-rikors tagħha.

Fl-ewwel lok, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-drittijiet ta' difiża tagħha, peress li hija ma kellhiex l-opportunità tieħu pożizzjoni fir-rigward ta' serje ta' laqgħat li saru fil-kuntest ta' 'l hekk imsejjaħ "ċirku ta' Basel" u "ċirku ta' Wipptal" li fuqha l-Kummissjoni tibbaża l-akkuża tagħha dwar l-akkordju dwar żidiet fil-prezz kif ukoll dwar l-iskambju ta' informazzjoni riżervata dwar il-prezzijiet u dwar l-implementazzjoni taż-żidiet fil-prezz.

Fit-tieni lok, hija ssostni li l-ksur tar-regola tal-kompetizzjoni li bih hija akkużata huwa preskritt peress li hija ilha mir-rebbiegħa ta' l-1997 li temmet il-parteċipazzjoni tagħha fiċ-"ċirku ta' Basel" u fiċ-"ċirku ta' Wipptal".

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tafferma li ma jirriżulta ebda ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE peress li l-Kummissjoni ma pprovdietx il-prova meħtieġa tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fi ftehim eventwali.

Ir-rikorrenti ssostni, fl-aħħar lok, li l-kalkolu tal-multa huwa b'mod ċar żbaljat. F'dan ir-rigward, hija tinvoka, b'mod partikolari, l-ineżattezza tal-konstatazzjonijiet tal-konvenuta fir-rigward tat-tul taż-żmien ta' dan l-allegat ksur tar-rikorrenti u tal-gravità tal-ksur kif ukoll in-natura sproporzjonata ta' l-ammont tal-multa.

____________