Language of document : ECLI:EU:T:2009:227

Kawża T‑444/07

Centre de promotion de l’emploi par la micro-entreprise (CPEM)

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“FSE — Kanċellament ta’ għajnuna finanzjarja — Rapport tal-OLAF”

Sommarju tas-sentenza

1.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 44(1)(ċ))

2.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Portata

3.      Koeżjoni ekonomika u soċjali — Għajnuna strutturali — Finanzjament Komunitarju

(Regolament tal-Kunsill Nru 4253/88, Artikolu 24(1) u (2))

4.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Kundizzjonijiet

5.      Koeżjoni ekonomika u soċjali — Għajnuna strutturali — Finanzjament Komunitarju

1.      Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. Sabiex jiġu sodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, rikors għall-kumpens ta’ danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni Komunitarja għandu jkun jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrent jakkuża lill-istituzzjoni bih, ir-raġunijiet għaliex jikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li huwa jallega li subixxa, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu. Madankollu, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni mir-rikorrent, il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex marbuta li teżamina u tivverifika l-eżistenza ta’ eventwali rabta kawżali bejn l-aġir inkwistjoni u l-allegat dannu. Għaldaqstant, kull indikazzjoni sussegwenti li tirrigwarda din ir-rabta għandha tinċaħad bħala tardiva.

(ara l-punti 32, 33, 36, 37)

2.      Il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod sinjifikattiv jitqiegħdu f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jesponu l-opinjoni tagħhom. Barra minn hekk, id-drittijiet tad-difiża jinkisru minħabba xi irregolarità proċedurali biss jekk din ikollha impatt konkret fuq il-possibbiltà tal-impriżi kkonċernati li jiddefendu lilhom infushom. B’hekk, in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli fis-seħħ intiżi li jipproteġu d-drittijiet tad-difiża jista’ jivvizzja proċedura amministrattiva biss jekk jiġi stabbilit li dawn il-proċeduri setgħu jwasslu għal riżultat differenti kieku r-regoli ġew osservati.

(ara l-punti 51, 53)

3.      Fid-dawl tan-natura stess tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Komunità, l-obbligu li jiġu rrispettati l-kundizzjonijiet finanzjarji indikati fid-deċiżjoni ta’ għoti jikkostitwixxi, bl-istess mod bħall-obbligu li l-proġett ikkonċernat jitwettaq materjalment, wieħed mill-impenji essenzjali tal-benefiċjarju u, għaldaqstant, jinfluwenza l-għoti tal-għajnuna Komunitarja. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 24(1) u (2) tar-Regolament Nru 4253/88, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti, minn naħa waħda, bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn li jeżistu, minn naħa l-oħra, kif emendat bir-Regolament Nru 2082/93, għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Kummissjoni tikkanċella l-għajnuna finanzjarja mogħtija fil-każ ta’ ksur tal-kundizzjonijiet finanzjarji previsti fid-deċiżjoni ta’ għoti.

(ara l-punti 92, 101)

4.      Id-dritt li jiġu invokati l-aspettattivi leġittimi jippresupponi li jkunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Fl-ewwel lok, għandhom ikunu ngħataw garanziji preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, lill-persuna kkonċernata mill-amministrazzjoni Komunitarja. Fit-tieni lok, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattivi leġittimi fil-persuna indirizzata. Fit-tielet lok, il-garanziji għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli.

(ara l-punt 126)

5.      Fir-rigward tal-verifika tal-osservanza tar-rispett tal-obbligi tal-benefiċjarji ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja, huwa normali li spezzjoni li tkun saret minħabba elementi ġodda, li taw lok għal suspett li jeżistu irregolaritajiet fir-rigward ta’ ċerti proġetti, issir iktar fil-fond u tagħti riżultati differenti minn dawk ta’ spezzjoni ta’ rutina li tkun saret preċedentement, meta ma kien għad hemm ebda suspett. Għaldaqstant, il-fatt li permezz tal-investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi ġew skoperti irregolaritajiet li ma kinux instabu fil-verifika li saret mid-Direttorat Ġenerali “Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs” tal-Kummissjoni bl-ebda mod ma jfisser li kien hemm nuqqas ta’ koerenza u ma jistax jaffettwa l-legalità ta’ deċiżjoni bbażata fuq ir-riżultati tal-imsemmija investigazzjoni.

(ara l-punt 135)