Language of document : ECLI:EU:T:2009:227

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

30 ta’ Ġunju 2009 (*)

“FSE – Kanċellament ta’ għajnuna finanzjarja – Rapport tal-OLAF”

Fil-Kawża T‑444/07,

Centre de promotion de l’emploi par la micro-entreprise (CPEM), stabbilit f’Marsilja (Franza), irrappreżentat minn C. Bonnefoi, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Flynn u A. Steiblytė, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 4645, tal-4 ta’ Ottubru 2007, li tikkanċella l-għajnuna mogħtija mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) permezz tad-Deċiżjoni C (1999) 2645, tas-17 ta’ Awwissu 1999, kif ukoll talba għad-danni,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 147 KE jikkonferixxi r-responsabbiltà għall-amministrazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), imwaqqaf bis-saħħa tal-Artikolu 146 KE, lill-Kummissjoni. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 159 KE, il-FSE huwa wieħed mill-fondi strutturali.

2        Il-qafas ġuridiku li jirregola l-fondi strutturali għall-perijodu ta’ programmar bejn l-1994 u l-1999, rilevanti għal każ ineżami, huwa magħmul mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88, tal-24 ta’ Ġunju 1988, dwar il-kompiti tal-Fondi Strutturali u l-effettività tagħhom u dwar il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tagħhom bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew ta’ Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħra eżistenti (ĠU L 185, p. 9), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/93, tal-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 5, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2052/88”).

3        Għall-implementazzjoni ta’ dan ir-regolament, il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 4255/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2052/88 għal dak li jikkonċerna l-FSE (ĠU L 374, p. 21), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2084/93, tal-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 39, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 4255/88”). Huwa adotta wkoll ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implimentat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti, minn naħa waħda, bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn li jeżistu, minn naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2083/93, tal-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 20) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 4253/88”).

4        Ir-Regolamenti Nri 2052/88 u 4253/88 ġew imħassra, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2000, permezz tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 54 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol 1, p. 31), bla ħsara għall-Artikolu 52(1) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar.

5        Ir-Regolament Nru 4255/88 ġie mħassar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2000, permezz tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1784/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 1999, dwar il-FSE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol 1, p. 106), li l-Artikolu 9 tiegħu jagħmel riferiment għad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1260/1999.

6        Il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar jipprovdi, b’mod partikolari, li “[d]an ir-Regolament ma jaffettwax it-tkomplija jew il-modifika, inkluż il-kanċellament totali jew parzjali, ta’ l-għajnuna approvata mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-Regolamenti […] Nru 2052/88 u […] Nru 4253/88 jew xi leġislazzjoni oħra li kienet tapplika għal dik l-għajnuna fil-31 ta’ Diċembru 1999”.

7        Minn dawn id-dispożizzjonijiet kollha flimkien jirriżulta li, minkejja li r-Regolament Nru 4255/88 ġie mħassar bir-Regolament Nru 1784/1999, dan tal-aħħar jipprovdi, permezz ta’ riferiment għad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1260/1999, li r-Regolament Nru 4255/88 u r-Regolament Nru 4253/88 jibqgħu japplikaw għall-għajnuna approvata abbażi tar-Regolament Nru 4255/88.

8        Skont l-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament Nru 4255/88, intitolat “Assistenza teknika, proġetti pilota u proġetti ta’ dimostrazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]:

“Barra mill-oqfsa Komunitarji ta’ sostenn, il-[FSE] jista’ jiffinanzja sa limitu ta’ 0.5 % mill-allokazzjoni annwali tiegħu, operazzjonijiet ta’ preparazzjoni, stima, monitoraġġ u evalwazzjoni fl-Istati Membri jew fuq livell Komunitarju, li jkunu meħtieġa għall-implementazzjoni tal-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament. Dawn l-operazzjonijiet jitwettqu fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew f’isem il-Kummissjoni. Huma jinkludu:

(a)      operazzjonijiet ta’ natura innovattiva intiżi sabiex jiġu evalwati approċċi ġodda għall-kontenut, metodi u organizzazzjoni ta’ taħriġ vokazzjonali, inkluż l-integrazzjoni tad-dimensjoni Komunitarja tat-taħriġ vokazzjonali, u b’mod iktar ġenerali, l-iżvilupp tal-impjiegi, inkluż il-promozzjoImage not foundni ta’ opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol u l-inklużjoni vokazzjonali ta’ persuni esposti għall-esklużjoni mis-suq tax-xogħol, bil-għan li tiġi stabbilita bażi għal iktar għajnuna mill-[FSE] f’diversi Stati Membri [… ]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, intitolat “Tnaqqis, sospensjoni u kanċellament ta’ għajnuna”: [traduzzjoni mhux uffiċjali]

“1.       Jekk jidher li operazzjoni jew miżura la tkun tiġġustifika parti u lanqas l-għajnuna finanzjarja kollha li tkun ġiet allokata għaliha, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni xierqa fl-ambitu tas-sħubija billi, b’mod partikolari, titlob lill-Istat Membru jew lill-awtoritajiet magħżula minnu għall-implementazzjoni tal-operazzjoni, sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu partikolari.

2.       Wara din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas jew tissospendi l-għajnuna għall-operazzjoni jew il-miżura kkonċernata jekk l-evalwazzjoni tikkonferma l-eżistenza ta’ irregolarità jew ta’ bidla importanti li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet tal-implementazzjoni tal-operazzjoni jew tal-miżura u li għaliha ma tkunx intalbet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

3.       Kull ammont irċevut indebitament għandu jitħallas lura lill-Kummissjoni. Għandhom jitħallsu interessi moratorji skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju u skont l-arranġamenti stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-proċeduri mwaqqfa mit-Titolu VIII.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10      Fil-21 ta’ Lulju 1998, il-Kummissjoni ppubblikat sejħa għal proposti għall-implementazzjoni tal-operazzjoni pilota “Kapital lokali għal għanijiet soċjali” (ĠU C 228, p. 15). F’din is-sejħa l-Kummissjoni stabbiliet il-linji gwida għall-għoti ta’ sussidji globali lil organizzazzjonijiet intermedjarji sabiex jipprovdu sostenn lill-persuni li jwettqu mikroproġetti li jiffavorixxu l-impjieg u l-koeżjoni soċjali. Kif jirriżulta mill-punt 2 tagħha, din is-sejħa għal proġetti kienet “miftuħa esklużivament għal organizzazzjonijiet, mingħajr skop ta’ qligħ, u għal konsorzji diġà eżistenti maħluqa minn dawn l-organizzazzjonijiet”. Skont dan l-istess punt, “[l]-organizzazzjonijiet intermedjarji […] għandhom jipprovdu kofinanzjament li l-ammont tiegħu ma jistax ikun inqas minn 15 % tas-sussidju mitlub”.

11      Permezz tad-Deċiżjoni C (1999) 2645, tas-17 ta’ Awwissu 1999 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ għoti”), il-Kummissjoni tat għajnuna mill-FSE taħt forma ta’ sussidju globali għall-finanzjament ta’ proġett pilota ppreżentat mis-Centre de promotion de l’emploi par la micro-entreprise (iktar ’il quddiem “CPEM” jew ir-“rikorrent”). Għal dan il-proġett pilota ġie allokat l-ammont totali massimu ta’ EUR 1 000 000 mill-FSE.

12      Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-deċiżjoni ta’ għoti tistabbilixxi l-proċeduri ta’ għoti u ta’ użu tas-sussidju mogħti mill-Kummissjoni lil CPEM. Skont l-Artikolu 2 tagħha, il-kundizzjonijiet speċifiċi tas-sussidju huma stabbiliti fl-Anness III tad-deċiżjoni ta’ għoti. L-Artikolu 3(2) u (3) tad-deċiżjoni ta’ għoti jistabbilixxi l-31 ta’ Awwissu 2001 bħala d-data li fiha jispiċċa l-perijodu ta’ impenn għall-ispejjeż għall-proġett pilota u t-28 ta’ Frar 2002 bħala d-data sa meta għandha ssir l-implementazzjoni. L-Artikolu 7 tad-deċiżjoni ta’ għoti jipprovdi li CPEM għandu l-obbligu li jirrispetta l-kundizzjonijiet ta’ żvolġiment tal-proġett stabbiliti fil-“Gwida dwar l-Artikolu 6 tal-FSE – ‘Kapital lokali għal għanijiet soċjali’” (iktar ’il quddiem il-“Gwida tal-Promotur”).

13      Permezz tad-Deċiżjoni C (2001) 2144 tat-18 ta’ Settembru 2001, wara talba għal proroga ppreżentata mir-rikorrent, il-Kummissjoni estendiet il-perijodu ta’ impenn għall-ispejjeż tal-proġett pilota sal-31 ta’ Diċembru 2001 u l-perijodu tal-implementazzjoni tiegħu sat-30 ta’ Ġunju 2002.

14      Wara l-għoti tas-sussidju globali u kif kien iddikjarat fl-applikazzjoni tiegħu, fl-20 ta’ Settembru 2000, CPEM ikkonkluda ftehim għall-implementazzjoni tal-proġett pilota mas-Centre de formation professionnelle et de promotion sociale (CFPPS), struttura organizzazzjonali mingħajr skop ta’ qligħ, li wara sar Marseille Service Développement (MSD).

15      Fis-7 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni rċeviet mingħand MSD ir-rapport finali u t-talba għall-ħlas finali fir-rigward tal-operazzjonijiet li saru fl-ambitu tal-proġett pilota.

16      Il-Kummissjoni għamlet ħlasijiet intermedjarji u ħlas finali fir-rigward ta’ dan il-proġett fl-ammont ta’ EUR 1 000 000.

17      F’Awwissu 2004, id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs” tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem “DĠ Impjiegi”) wettaq verifika għand MSD, li ma wrietx irregolaritajiet sinjifikattivi, u li wasslet għal irkupru ta’ EUR 4 472.30.

18      F’Mejju 2004 sar ilment mad-DĠ Impjiegi u mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) minħabba l-ġestjoni finanzjarja u amministrattiva ħażina min-naħa ta’ CPEM jew tal-mandatarji tiegħu għal dak li jikkonċerna l-implementazzjoni tal-proġett individwali tiegħu. L-OLAF beda investigazzjoni esterna fit-2 ta’ Mejju 2005 u wettaq verifiki fuq il-post f’Marsilja bejn is-27 ta’ Ġunju u l-1 ta’ Lulju 2005 għand CPEM u operaturi ekonomiċi oħra li kienu involuti fil-proġett pilota.

19      Fit-8 ta’ Settembru 2005, l-OLAF bagħat ir-rapport ta’ verifika tiegħu lir-rikorrent, li rrisponda permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Ottubru 2005. L-OLAF irrisponda permezz ta’ ittra mibgħuta bil-posta fil-11 ta’ April 2006. Ir-rikorrent bagħat ir-risposta tiegħu fil-21 ta’ April 2006. Sussegwentement, fil-25 ta’ April 2006, fuq talba tar-rikorrent, saret laqgħa, li ħa sehem fiha d-DĠ Impjiegi, fis-sede tal-OLAF fi Brussell.

20      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Mejju 2006, l-OLAF informa lir-rikorrent li l-fażi ta’ investigazzjoni kienet intemmet u li kien ser isir ir-rapport finali. L-OLAF adotta r-rapport finali tiegħu fl-4 ta’ Ottubru 2006. Fir-rapport finali tal-OLAF ġew ikkonstatati diversi irregolaritajiet serji li minħabba fihom ġie propost il-kanċellament tal-għajnuna Komunitarja fl-ammont ta’ EUR 1 000 000 u l-irkupru tal-ammont ta’ EUR 995 527.70.

21      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni nnotifikat lir-rikorrent bl-intenzjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88.

22      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Marzu 2007, ir-rikorrent irrisponda għall-ittra tat-18 ta’ Jannar 2007 u fiha kkontesta r-rapport finali tal-OLAF.

23      Peress li kkunsidrat li r-risposta tar-rikorrent tad-19 ta’ Marzu 2007 ma kienx fiha punti ta’ liġi jew ta’ fatt li setgħu jikkontradixxu l-konstatazzjonijiet magħmula fir-rapport finali tal-OLAF, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrent ma kienx implementa l-proġett kif deskritt fid-deċiżjoni ta’ għoti u kien waqqaf sistema ta’ ġestjoni li kienet tikser ir-regoli fis-seħħ. Permezz tad-Deċiżjoni C (2007) 4645, tal-4 ta’ Ottubru 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni kkanċellat l-għajnuna mogħtija mid-deċiżjoni ta’ għoti. Bis-saħħa tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-benefiċjarju għandu jħallas lura s-somma prinċipali ta’ EUR 995 527.70 lill-Kummissjoni.

 Il-proċeduri u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Diċembru 2007, ir-rikorrent ressaq dan ir-rikors.

25      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrent ressaq talba għal miżuri provviżorji. Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Frar 2008, CPEM vs Il‑Kummissjoni (T‑444/07 R, mhux ippublikat fil-Ġabra), il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħad din it-talba għal miżuri provviżorji.

26      Il-proċedura bil-miktub ingħalqet fid-29 ta’ April 2008.

27      Fit-23 ta’ Ottubru 2008, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura taħt l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza, minn naħa, stiednet lil CPEM jippronunċja ruħu fuq il-motivi ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha u, min-naħa l-oħra, talbet lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti. Il-partijiet ġew mitluba wkoll jirrispondi bil-miktub għal ċerti domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza qabel is-seduta. Il-partijiet osservaw dawn it-talbiet fit-termini mogħtija lilhom.

28      Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tirrikonoxxi li għandu dritt għal kumpens minħabba ħsara pubblika li saret lill-immaġni tiegħu, stmat fl-ammont ta’ EUR 100 000;

–        tirrikonoxxi li l-persunal tiegħu għandu dritt għal kumpens individwali simboliku ta’ EUR 1 minħabba li s-serħan tal-moħħ tiegħu fuq ix-xogħol ġie affettwat b’mod negattiv;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli jew, jekk ikun il-każ, infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

1.     L-argumenti tal-partijiet

30      Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet kapijiet tat-talbiet tar-rikorrent peress li huwa ma jindikax b’mod preċiż biżżejjed b’liema mod il-kundizzjonijiet ta’ kumpens għad-dannu allegatament subit huma sodisfatti. Fil-fatt, ir-rikors ma jippermettix li jiġu identifikati r-raġunijiet għaliex il-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata hija l-kawża tad-dannu allegat mir-rikorrent u dan tal-aħħar ma ġab ebda prova tal-veraċità tal-allegat dannu.

31      Fl-osservazzjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Novembru 2008 dwar il-motivi ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, CPEM iddikjara li s-suġġett tal-kawża f’dan ir-rigward ma kienx il-ħlas ta’ kumpens, iżda kien biss dikjarazzjoni li tirrikonoxxi d-dritt għal tali kumpens. Barra minn hekk, huwa spjega fhiex, fil-fehma tiegħu, jikkonsisti l-aġir li jakkuża lill-Kummissjoni bih, id-dannu subit u r-rabta kawżali bejn dawn iż-żewġ elementi. Fl-aħħar nett, huwa ta spjegazzjoni tar-raġunijiet li għalihom il-persunal ta’ CPEM qiegħed jitlob kumpens simboliku ta’ EUR 1.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet, intiż li jiġi rikonoxxut li CPEM għandu dritt għal kumpens

32      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ tiddeċiedi fuq ir-rikors mingħajr, jekk ikun il-każ, il-bżonn ta’ informazzjoni addizzjonali. Bil-għan li jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il‑Kummissjoni, T‑85/92, Ġabra p. II‑523, punt 20; u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tad-29 ta’ Jannar 1998, Dubois et Fils vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑113/96, Ġabra p. II‑125, punt 29).

33      Sabiex jiġu sodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, rikors għall-kumpens ta’ danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni Komunitarja għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrent jakkuża lill-istituzzjoni bih, ir-raġunijiet għaliex jikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu allegatament subit, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-18 ta’ Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il‑Kummissjoni, T‑387/94, Ġabra p. II‑961, punt 107; tas-6 ta’ Mejju 1997, Guérin automobiles vs Il‑Kummissjoni, T‑195/95, Ġabra p. II‑679, punt 21; tal-10 ta’ Lulju 1997, Guérin automobiles vs Il‑Kummissjoni, T‑38/96, Ġabra. p. II‑1223, punt 42, u Dubois et Fils vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

34      Madankollu, f’din il-kawża, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-uniku element ippreżentat minn CPEM insostenn tat-talba tiegħu għal kumpens magħmula fil-kuntest tat-tieni kap tat-talbiet huwa dan il-kap stess, redatt bil-mod li ġej:

“CPEM jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza […] li tirrikonoxxi li għandu dritt għal kumpens minħabba ħsara pubblika lill-immaġni ta’ korp li jaġixxi fl-ambitu ta’ xogħol ta’ interess ġenerali (stmat fl-ammont ta’ EUR 100 000).”

35      Minn din il-formulazzjoni jista’ jiġi dedott li l-allegat dannu jikkonsisti fi ħsara għall-immaġni ta’ CPEM, iżda dan tal-aħħar ma jippreċiżax fuqhiex qed jibbaża s-somma ta’ EUR 100 000. Fir-rigward tal-aġir li jakkuża lill-Kummissjoni bih, mir-rikors kollu u mill-osservazzjonijiet ta’ CPEM tas-17 ta’ Novembru 2008, jirriżulta li dan jikkonsisti f’allegati vizzji tal-proċedura, attribwibbli lill-OLAF u lill-Kummissjoni, li huma s-suġġett ta’ ilmenti mqajma minn CPEM fl-ewwel motiv tiegħu. Madankollu, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li fir-rikors hemm nuqqas totali ta’ kwalunkwe indikazzjoni li tirrigwarda r-rabta kawżali bejn l-aġir tal-Kummissjoni u l-allegat dannu.

36      Madankollu, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni mir-rikorrent, il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex obbligata li teżamina u tivverifika l-eżistenza ta’ rabta kawżali possibbli bejn l-aġir tal-Kummissjoni u l-allegat dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T‑228/02, Ġabra p. II‑4665, punt 179).

37      Huwa minnu li fl-osservazzjonijiet tas-17 ta’ Novembru 2008, CPEM indika li “rabta kawżali diretta ta’ ħsara għar-reputazzjoni” teżisti meta korp inkarigat li jintervjeni fil-qasam finanzjarju jiġi akkużat u kkundannat għal ġestjoni finanzjarja ħażina, meta ma kienx hemm approprjazzjoni indebita jew frodi iżda l-iktar li kien hemm kienu “żbalji ta’ preżentazzjoni amministrattiva” fi proċeduri kumplessi. Madankollu, jeħtieġ li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq, l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat ir-rikors għandhom jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet diġà kkonstatat li fir-rikors ma kien hemm l-ebda indikazzjoni, lanqas fil-qosor, li tirrigwarda r-rabta kawżali bejn l-aġir li hija akkużata bih il-Kummissjoni u d-dannu subit minn CPEM. Għaldaqstant, kull indikazzjoni sussegwenti li tirrigwarda din ir-rabta għandha tiġi miċħuda bħala tardiva (ara, f’dan is-sens, id-digriet De Hoe vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 25).

38      Minn dan isegwi li t-tieni kap tat-talbiet ta’ CPEM għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet kap tat-talbiet, intiż li jiġi rikonoxxut li l-persunal ta’ CPEM għandu dritt għal kumpens

39      Fir-rigward tat-tielet kap tat-talbiet, li s-suġġett tiegħu huwa t-talba għad-danni f’isem il-persunal ta’ CPEM, jeħtieġ li jingħad li r-rikorrent la indika u lanqas ta prova tal-fatt li ġie awtorizzat mill-imsemmi persunal sabiex iressaq rikors għad-danni f’ismu.

40      Għaldaqstant, jeħtieġ li dan il-kap tat-talbiet jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ locus standi.

 Fuq il-mertu

41      Ir-rikorrent iqajjem żewġ motivi li jirrigwardaw, l-ewwel nett, il-proċedura segwita mill-OLAF u mill-Kummissjoni, u t-tieni nett, il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata.

1.     Fuq l-ewwel motiv, li jikkontesta l-proċedura segwita mill-OLAF u mill-Kummissjoni

 L-argumenti tal-partijiet

42      Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, CPEM jakkuża lill-Kummissjoni li, fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma ħarsitx il-prinċipji ġenerali tad-dritt u, b’mod partikolari, dak li jirrigwarda r-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Dan il-motiv huwa maqsum f’ħames partijiet.

43      Fir-rigward tal-ewwel parti, CPEM isostni, b’riferiment għax-xhieda tal-persunal tiegħu, li fl-investigazzjoni tiegħu, l-OLAF kien qed ifittex biss elementi li setgħu jiġġustifikaw suspetti ta’ ħtija fih.

44      Permezz tat-tieni parti, CPEM jikkritika l-proċedura użata mill-OLAF minħabba l-konfużjoni bejn il-proċeduri previsti mir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96, tal-11 ta’ Novembru 1996, dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol 1, p. 303), u dawk previsti mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol 1, p. 340). CPEM isostni, b’mod partikolari, li l-aġenti tal-OLAF semmew il-possibbiltà ta’ applikazzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali u li l-aġir tagħhom ħoloq atmosfera ta’ konfużjoni u ta’ intimidazzjoni fost il-persuni preżenti waqt l-ispezzjoni tagħhom, b’mod partikolari, minħabba l-użu kontinwu tal-kelma “frodi” u minħabba l-fatt li l-kliem “investigazzjoni” u “spezzjoni” kienu qed jintużaw b’mod interkambjabbli fl-istess proċedura. Barra minn hekk, il-fatt li ġie msejjaħ il-prokuratur qabel l-ispezzjoni amministrattiva u l-fatt li kien hemm uffiċjal tal-pulizija preżenti fuq il-post waqt l-ispezzjonijiet juri li n-natura tal-ispezzjoni ma kinitx biss waħda amministrattiva.

45      Permezz tat-tielet parti, CPEM jikkontesta l-affidabbiltà tal-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF. F’dan il-kuntest, huwa jsostni li l-investigazzjoni ġabret elementi ta’ proċedura li huma ineffettivi, vessatorji jew abbużivi, inammissibbli fl-ambitu tar-rispett tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju jew ta’ investigazzjoni paċifika. B’mod partikolari, l-investigaturi tal-OLAF għamlu żball fl-għażla tal-persuni li intervistaw u għamlu affermazzjonijiet inadegwati fir-rigward tal-uffiċjali tal-Istat u tal-avukat ta’ CPEM. Barra minn hekk, uħud mir-rapporti tal-intervisti u l-minuti tal-laqgħa bilaterali tal-25 ta’ April 2006 bejn CPEM u l-OLAF ma kinux eżatti u/jew ma kinux iffirmati mill-persuni inkwistjoni u r-rapporti tal-OLAF, li servew bħala bażi għall-Kummissjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fihom żbalji ta’ fatt.

46      Ir-raba’ parti hija bbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża waqt l-investigazzjoni. F’dan il-kuntest, CPEM iqajjem diversi punti dwar il-mod kif l-OLAF ittratta l-ilmenti li wasslu sabiex tinbeda l-investigazzjoni. Huwa jsostni li ma ġiex informat bil-kontenut ta’ dawn l-ilmenti u li ma kellux il-possibbiltà li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, jekk huwa minnu li l-ilment ta’ Mejju 2004 kien jirrigwarda l-prassi ta’ “valorizzazzjoni”, dan huwa infondat. Minn barra dan, l-OLAF għamel dikjarazzjonijiet kontradittorji dwar ir-rwol li l-ilmenti rċevuti f’Mejju 2005 kellhom sabiex ingħata bidu għall-proċedura ta’ spezzjoni. Fl-aħħar nett, l-OLAF informa lill-medja dwar il-fajl qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mill-Kummissjoni.

47      Fl-aħħar nett, permezz tal-ħames parti, CPEM jikkontesta l-fatt li fl-investigazzjoni tiegħu l-OLAF uża edizzjonijiet differenti tal-Gwida tal-Promotur. Huwa jsostni li jeżistu diversi verżjonijiet ta’ din il-gwida, fosthom waħda provviżorja, li huwa ma kkunsidrax bħala vinkolanti u għaldaqstant, ma ħadiex inkunsiderazzjoni.

48      Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti ta’ CPEM.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

49      L-ewwel nett, fir-rigward tal-ħames parti, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-kwistjoni dwar jekk il-Gwida tal-Promotur setgħetx tiġi invokata kontra CPEM, minkejja li ġiet mibdula diversi drabi, ma tikkonċernax l-aspett proċedurali tal-proċeduri amministrattivi iżda taqa’ taħt il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li CPEM iqajjem ukoll il-kwistjoni dwar l-invokazzjoni tal-Gwida kontrih taħt it-tielet parti tat-tieni motiv, l-argumenti kollha li jirrigwardaw din il-kwistjoni ser jiġu eżaminati f’dak il-kuntest.

50      Sussegwentement, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikors ma jippreċiżax liema huma l-prinċipji, apparti dak tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li allegatament ġew miksura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li l-eżami tal-ewwel motiv ikun limitat biss għall-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, peress li fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet mir-rikorrent, il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex obbligata li tagħmel riċerka dwar u tidentifika l-prinċipji li jista’ jiġi invokat il-ksur tagħhom.

51      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod sinjifikattiv jitqiegħdu f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jesponu l-opinjoni tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tad-9 ta’ April 2003, Forum des migrants vs Il‑Kummissjoni, T‑217/01, Ġabra p. II‑1563, punt 56, u tal-11 ta’ Diċembru 2003, Conserve Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑306/00, Ġabra p. II‑5705, punt 107; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 27).

52      F’dan il-każ, fir-rigward tal-ilment imqajjem fil-kuntest tar-raba’ parti, li fiha qed jiġi sostnut li l-OLAF informa lill-medja dwar il-fajl qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mill-Kummissjoni, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, anki jekk jiġi kkonfermat, ilment bħal dan ma jistax jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ CPEM kif definiti fil-punt preċedenti. Għaldaqstant, jeħtieġ li dan jiġi miċħud inkwantu ineffettiv, u dan mingħajr mhuwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk, bħalma jafferma CPEM, l-artiklu tal-gazzetta tas-7 ta’ Ottubru 2007 li jagħmel riferiment għalih, kienx verament ibbażat fuq informazzjoni li nkisbet mingħand l-OLAF.

53      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li d-drittijiet tad-difiża jinkisru minħabba xi irregolarità proċedurali biss jekk din ikollha impatt konkret fuq il-possibbiltà tal-impriżi li jiddefendu lilhom infushom. B’hekk, in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli fis-seħħ intiżi li jipproteġu d-drittijiet tad-difiża jista’ jivvizzja l-proċeduri amministrattivi biss jekk jiġi stabbilit li dawn il-proċeduri setgħu jwasslu għal riżultat differenti kieku r-regoli ġew osservati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑210/01, Ġabra p. II‑5575, punt 632, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Għaldaqstant, għal kull wieħed mill-ilmenti mqajma minn CPEM fil-kuntest tal-ewwel motiv, jeħtieġ, l-ewwel nett, jiġi eżaminat jekk qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huwa kienx f’pożizzjoni li jesponi l-opinjoni tiegħu u, it-tieni nett, jekk dan ma kienx il-każ, jekk il-proċeduri setgħux iwasslu għal riżultat differenti fil-każ li CPEM setgħa jesprimi l-opinjoni tiegħu.

55      Fir-rigward tal-ewwel kwistjoni, li tirrikjedi li jiġi ddeterminat jekk CPEM kienx f’pożizzjoni li jippreżenta l-opinjoni tiegħu għal dak li jikkonċerna l-fatti msemmija fil-kuntest tal-ewwel motiv, apparti l-ilment imsemmi fil-punt 52 iktar ’il fuq, l-allegazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tiegħu ta’ difiża għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, fid-dawl tal-korrispondenza bejn CPEM u l-OLAF, jiġifieri l-ittra ta’ CPEM, tat-13 ta’ Ottubru 2005, li fiha l-osservazzjonijiet dwar ir-rapport ta’ verifika tal-OLAF tat-8 ta’ Settembru 2005, l-ittra tal-OLAF tal-11 ta’ April 2006 u l-ittra ta’ CPEM tal-21 ta’ April 2006 (ara punt 19 iktar ’il fuq), jeħtieġ li jiġi kkonstatat li CPEM kellu l-possibbiltà li jissottometti kull osservazzjoni li kien jikkunsidra rilevanti fir-rigward tal-aġir tal-OLAF li huwa jikkritika fl-ewwel motiv tiegħu, possibbiltà li wara kollox għamel użu wiesa’ minnha fir-rigward ta’ uħud mill-ilmenti tiegħu. Huwa ħa pożizzjoni b’mod dettaljat, partikolarment, fuq il-proċeduri applikati mill-OLAF. Għalhekk, ir-rikorrent kellu l-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq kull kwistjoni li tirrigwarda l-fatti msemmija fl-ewwel motiv, li seħħew qabel il-korrispondenza inkwistjoni, b’mod li d-drittijiet tiegħu tad-difiża ġew kompletament irrispettati f’dan ir-rigward.

56      Minn dan isegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat, u dan mingħajr mhuwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk l-allegazzjonijiet ta’ fatt magħmula minn CPEM f’dan il-kuntest humiex eżatti.

2.     Fuq it-tieni motiv, li jikkontesta l-mertu tad-deċiżjoni kkontestata

57      Permezz tat-tieni motiv tiegħu, CPEM jakkuża lill-Kummissjoni li għamlet diversi żbalji ta’ liġi li jaffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

58      Dan il-motiv huwa maqsum f’ħames partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrent isostni li l-OLAF u l-Kummissjoni interpretaw b’mod żbaljat il-kunċett Franċiż ta’ korp mingħajr skop ta’ qligħ. It-tieni parti hija bbażata fuq l-allegat fatt li ma ntgħarfux tajjeb ir-relazzjonijiet legali bejn ir-rikorrent u l-awtoritajiet muniċipali tal-belt ta’ Marsilja. It-tielet parti hija bbażata fuq il-fatt li l-Gwida tal-Promotur ma għandhiex tiġi invokata. Ir-raba’ parti hija dwar l-irregolaritajiet li huwa akkużat bihom ir-rikorrent. Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-ħames parti, ir-rikorrent jikkontesta l-applikabbiltà tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol 4, p. 74), sa fejn iservi bħala bażi għad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett Franċiż ta’ korp mingħajr skop ta’ qligħ

 L-argumenti tal-partijiet

59      CPEM isostni li l-OLAF kif ukoll il-Kummissjoni interpretaw b’mod żbaljat l-istatut tiegħu ta’ assoċjazzjoni li taqa’ taħt il-Liġi Franċiża tal-1 ta’ Lulju 1901, kif emendata, billi kkwalifikawh bħala assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ (ASBL), istituzzjoni li taqa’ taħt id-dritt Belġjan. Fl-opinjoni tiegħu, huwa inammissibbli li r-rapport tal-OLAF jikkontesta l-fatt li CPEM u MSD huma korpi mingħajr skop ta’ qligħ, meta dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet jissodisfaw il-kriterji kollha tal-kunċett “mingħajr skop ta’ qligħ” u huma rikonoxxuti bħala tali mill-awtoritajiet Franċiżi. Ir-rikorrent isostni li l-OLAF fixkel flimkien l-istatuti ta’ “korp mingħajr skop ta’ qligħ”, minn naħa, u “korp ta’ dritt pubbliku”, “korp li jwettaq attivitajiet li jaqgħu taħt id-dritt pubbliku” u “korp parapubbliku”, min-naħa l-oħra.

60      Il-Kummissjoni tirrifjuta l-argumenti tar-rikorrent.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

61      Jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-OLAF iddeskriva r-rikorrent, kemm fir-rapport tiegħu ta’ verifika tat-8 ta’ Settembru 2005 kif ukoll fir-rapport finali tal-4 ta’ Ottubru 2006, bħala “struttura assoċjattiva Liġi 1901” jew bħala “assoċjazzjoni Liġi 1901”. Huwa biss fil-parti ta’ fuq ta’ dawn iż-żewġ rapporti u tal-atti ta’ spezzjoni u ta’ verifika fuq il-post fis-27 u fid-29 ta’ Ġunju 2005, li CPEM ġie indikat bħala ASBL. Madankollu, l-użu ta’ dan l-isem, li l-Kummissjoni ssostni li ġie użat biss fis-sens ta’ “korp mingħajr skop ta’ qligħ” u mingħajr riferiment għall-istatut legali ta’ CPEM, ma kellu ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-fatti li huwa akkużat bihom CPEM fl-imsemmija rapporti u fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-istatut legali ta’ CPEM mhuwa msemmi fl-ebda punt tal-imsemmija dokumenti.

62      Barra minn hekk, fil-fajl tal-applikazzjoni tiegħu CPEM indika lilu nnifsu, taħt il-punt “[I]dentità tal-applikant”, bħala “[a]ssoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ”, li seta’ kkontribwixxa sabiex tinħoloq konfużjoni f’dan ir-rigward fid-dipartimenti tal-Kummissjoni.

63      Minn dan isegwi li l-fatt li f’ċerti dokumenti l-OLAF indikat, b’mod żbaljat, lil CPEM u lil MSD bħala ASBL ma jistax jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-għarfien żbaljat tar-relazzjonijiet bejn ir-rikorrent u l-belt ta’ Marsilja

 L-argumenti tal-partijiet

64      CPEM jikkritika l-analiżi magħmula mill-OLAF fir-rapport finali tiegħu kif ukoll mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar ir-relazzjonijiet bejnu u bejn il-belt ta’ Marsilja, u huwa jqajjem erba’ argumenti f’dan ir-rigward.

65      Il-Kummissjoni tirrifjuta l-argumenti tar-rikorrent.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

66      F’din il-parti tat-tieni motiv, CPEM jikkontesta l-punt 11 tar-rapport finali tal-OLAF, fejn dan tal-aħħar janalizza r-relazzjoni bejn il-belt ta’ Marsilja, CPEM u MSD. F’dan il-punt, huwa kkonstatat, b’mod partikolari, li:

–        il-belt ta’ Marsilja stess ma setgħex tapplika sabiex tibbenefika minn sussidju taħt l-FSE peress li waħda miż-żewġ karatteristiċi prinċipali tal-proġett pilota kien ir-rikors għal organizzazzjonijiet privati mingħajr skop ta’ qligħ għall-implementazzjoni tiegħu (punt 11-1);

–        MSD hija kjarament, fid-dawl tal-istatuti tagħha, assoċjazzjoni marbuta mill-qrib mal-belt ta’ Marsilja (punt 11-2);

–        id-“demuniċipalizzazzjoni” ta’ MSD, li seħħet mal-emendi għall-istatuti tagħha fil-11 ta’ Mejju 2003, li timplika li l-membri eletti fil-muniċipalità jkunu preżenti biss taħt rwol konsultattiv, għandha serjament titqiegħed f’kuntest, peress li l-kundizzjonijiet l-oħra li jindikaw rabta mill-qrib mal-belt ta’ Marsilja ma nbidlux (punt 11-3);

–        CPEM u MSD jiddependu mill-belt ta’ Marsilja għal dak li jirrigwarda l-postijiet minn fejn joperaw, il-persunal tagħhom u l-funzjonament tagħhom u jimplementaw ċerti aspetti tal-politika tal-belt (punt 11-4);

–        il-belt ta’ Marsilja ħallset biss parti mill-kontribuzzjoni tagħha prevista għall-finanzjament tal-proġett pilota, mingħajr ma ġiet obbligata minn CPEM jew minn MSD li twettaq l-obbligi finanzjarji tagħha, li juri kemm id-dipendenza tagħhom fuq il-belt kif ukoll il-fatt li s-setgħa tagħhom ta’ deċiżjoni effettiva hija relattiva (punti 11-7 u 11-8);

–        l-OLAF jikkunsidra li d-deċiżjoni ta’ CPEM li jħalli t-twettiq tal-operazzjoni u l-implementazzjoni tagħha f’idejn MSD kellha l-konsegwenza, anzi l-għan, li jevita r-rekwiżit li l-proġett pilota jirrikorri għal organizzazzjonijiet privati mingħajr skop ta’ qligħ għall-implementazzjoni tiegħu (punt 11-12).

67      Madankollu, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-proċess ma fih ebda element ta’ natura li timmina dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-OLAF jew li jindika li d-deċiżjoni kkontestata tista’ tkun ivvizzjata minħabba dawn il-kunsiderazzjonijiet. Tali elementi ma jirriżultawx b’mod partikolari mill-argumenti li CPEM ippreżenta quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

68      L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument ta’ CPEM li r-rapport finali jagħti lil wieħed x’jifhem li l-belt ta’ Marsilja ippruvat tippreżenta applikazzjoni għall-proġett pilota, jew li kienet irrikorriet għal assoċjazzjonijiet li jaħbu l-għan veru tagħhom u li kellha l-għan li tevita r-rekwiżit tar-rikors għal korpi privati. Fil-fatt, ir-rapport jillimita ruħu li jfakkar li l-belt ta’ Marsilja ma setgħetx tippreżenta applikazzjoni, mingħajr ma tindika jekk din kinitx l-intenzjoni tagħha. Fir-rigward tar-rikors għall-assoċjazzjoni MSD għat-twettiq tal-operazzjoni, li kien ikollu l-effett li jiġu evitati ċerti rekwiżiti tal-proġett pilota, għandu jingħad li din l-osservazzjoni ma saritx fir-rigward tal-belt ta’ Marsilja, iżda saret fir-rigward tar-rikorrent stess, kuntrarjament għal dak li jsostni dan tal-aħħar. Għaldaqstant, l-ewwel argument ta’ CPEM ma jistax jintlaqa’.

69      It-tieni nett, l-allegazzjoni ta’ CPEM li, permezz tal-kummenti tiegħu fil-punt 11-3 tar-rapport finali, l-OLAF indaħal fid-dritt nazzjonali Franċiż u fis-suġġett tad-“demuniċipalizzazzjoni”, għandha tiġi miċħuda bħala infondata u irrilevanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża. Fil-fatt, f’dan il-punt, l-OLAF sostna biss li, minkejja li l-membri eletti fil-muniċipalità ma kienx għad għandhom rwol deċiżjonali fi ħdan MSD, din l-assoċjazzjoni xorta kien għad għandħa, minħabba ċirkustanzi oħra ta’ fatt, rabtiet mill-qrib mal-belt ta’ Marsilja. Minn dan isegwi li t-tieni argument ta’ CPEM għandu jiġi miċħud.

70      It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-kunsiderazzjoni tal-OLAF li CPEM u MSD jiddependu mill-belt ta’ Marsilja għall-postijiet minn fejn joperaw, għall-persunal tagħhom u għall-funzjonament tagħhom, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li CPEM ma jikkontestax il-fatti li fuqhom hija bbażata din il-kunsiderazzjoni, iżda jillimita ruħu li jsostni li l-fatt li l-belt ta’ Marsilja tipprovdilhom il-postijiet minn fejn joperaw u l-persunal tagħhom ma jfissirx li CPEM u MSD jobdu għall-ordnijiet ta’ din il-muniċipalità. La l-OLAF u lanqas il-Kummissjoni ma allegaw li dan kien il-każ. L-OLAF ikkunsidra sempliċement li l-fatt li jiġu pprovduti dawn l-affarijiet huwa indikazzjoni li dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet jiddependu fuq il-belt ta’ Marsilja, deduzzjoni xierqa fid-dawl tal-fatti ineżami. F’dan ir-rigward, apparti l-fatt li MSD tiddependi fuq il-belt ta’ Marsilja għall-postijiet minn fejn topera, għall-persunal tagħha u għall-funzjonament tagħhom, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fost l-oħrajn, l-istatuti ta’ MSD. B’mod partikolari, l-Artikolu 2 ta’ dawn tal-aħħar, intitolat “Għan”, jippreċiża li l-assoċjazzjoni għandha timplementa l-operazzjonijiet tagħha ta’ taħriġ “fl-ambitu ta’ politika ta’ taħriġ vokazzjonali ddefinita mill-[k]unsill [m]uniċipali” u li l-għajnuna għall-korpi ta’ taħriġ vokazzjonali ta’ Marsilja, b’mod partikolari billi jiġu pprovduti l-postijiet minn fejn topera, tingħata “wara ftehim mal-[k]unsill [m]uniċipali”. Għaldaqstant, it-tielet argument ta’ CPEM ma jistax jimmina l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

71      Ir-raba’ nett, CPEM jikkontesta l-punti 11-7 u 11-8 tar-rapport finali tal-OLAF, li fih dan tal-aħħar jikkonstata li l-belt ta’ Marsilja ma osservatx l-obbligi tagħha fir-rigward tal-kofinanzjament u li la CPEM u lanqas MSD ma obbligawha twettaq l-obbligi finanzjarji tagħha, fatt li jindika d-dipendenza tagħhom fuq il-belt u li s-setgħa tagħhom ta’ deċiżjoni effettiva hija relattiva.

72      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jingħata kuntest għall-effett li dawn iż-żewġ punti tar-rapport għandhom fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ir-rapport finali tal-OLAF ma kienx isemmi ċ-ċifri indikati fil-punt 11-7 tar-rapport finali filwaqt li indika li l-belt ta’ Marsilja ma kinitx osservat l-impenji tagħha sabiex toħloq piż għar-rikorrent, iżda illimita ruħu li jagħmel riferiment għal dan il-fatt, flimkien mal-fatt li CPEM u MSD ma kinux obbligaw lill-belt twettaq l-imsemmija impenji, sabiex jikkorrobora l-konklużjoni tiegħu dwar il-fatt li dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet jiddependu fuq il-belt ta’ Marsilja.

73      Fit-tieni lok, l-argument tar-rikorrent li l-belt ta’ Marsilja osservat l-impenji finanzjarji kollha tagħha, u iktar, għandu jiġi miċħud.

74      Fil-fatt, il-proġett appruvat mid-deċiżjoni ta’ għoti kien jipprovdi għal kontribuzzjoni mill-belt ta’ Marsilja fl-ammont ta’ EUR 274 231. Huwa paċifiku bejn il-partijiet li din is-somma tinqasam f’parti “Funzjonament” (jew “Spejjeż ta’ inġinerija”, skont it-termini ta’ CPEM u parti “Sussidju għal mikroproġetti”. Skont CPEM, il-kontribuzzjoni tal-belt ta’ Marsilja kienet tammonta għal EUR 129 581.66 taħt il-parti “Funzjonament” u għal EUR 21 769 taħt il-parti “Sussidju għal mikroproġetti”, li jfisser li l-kontribuzzjoni tagħha kienet tammonta għat-total ta’ EUR 151 350.66. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tindika li l-kontribuzzjoni totali tal-belt ta’ Marsilja kienet tammonta għal EUR 141 860.29.

75      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li mhuwiex neċessarju, għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża, li jiġi ddeterminat għaliex teżisti differenza bejn dawn iż-żewġ ċifri, peress li, anki skont il-mod ta’ kalkolu propost mir-rikorrent, il-kontribuzzjoni effettiva tal-belt ta’ Marsilja xorta baqgħet EUR 122 880.34 inqas minn dik prevista għall-proġett appruvat mid-deċiżjoni ta’ għoti. Fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrent li, għal dak li jikkonċerna l-għajnuna finanzjarja għall-mikroproġetti, l-obbligi previsti fil-proġett appruvat mill-Kummissjoni kienu kuntrarji għal-liġi Franċiża, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, barra mill-fatt li din l-allegazzjoni mhijiex sustanzjata, hija ma tikkontradixxix id-dikjarazzjoni li tinsab fil-punt 11-8 tar-rapport finali tal-OLAF li la CPEM u lanqas MSD ma obbligaw lill-belt ta’ Marsilja twettaq l-obbligi finanzjarji tagħha fil-qasam tal-kofinanzjament. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fi kwalunkwe każ, CPEM ma jistax jipprevali mill-fatt li l-pjan ta’ finanzjament li kien ippreżenta huwa stess kien fih dħul li kien legalment impossibbli għalih li jikseb.

76      Minn dan isegwi li r-raba’ argument tar-rikorrent għandu jiġi miċħud, l-istess bħat-tieni parti tat-tieni motiv.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Gwida tal-Promotur ma għandhiex tiġi invokata

 L-argumenti tal-partijiet

77      CPEM isostni li l-Gwida tal-Promotur li l-OLAF invoka kontrih ma ngħatatlux f’anness mad-deċiżjoni ta’ għoti u li kien biss f’Settembru 1999 li rċieva verżjoni provviżorja li kien fiha l-iskedi li jagħmel riferiment għalihom l-OLAF fir-rapporti tiegħu. Huwa ma kkunsidrax li l-verżjoni provviżorja kienet vinkolanti u għaldaqstant ma ħadiex inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, il-verżjoni li fuqha l-OLAF jibbaża l-kritiki tiegħu kontra r-rikorrent qatt ma kienet identifikata b’mod ċar u xejn ma juri li huwa kien innotifikat biha. Fl-aħħar nett, il-verżjoni definittiva tal-Gwida tal-Promotur ma kienx fiha l-imsemmija skedi. Għaldaqstant, il-kummenti kollha dwar l-iskedi huma inefettivi.

78      Barra minn hekk, CPEM isostni li, kieku l-Gwida tal-Promotur kellha tkun tista’ tiġi invokata kontrih, hija ma tistax tiġi interpretata, b’osservanza tal-ġerarkija tan-normi, f’sens kuntrarju għar-regolamenti dwar ir-riforma tal-fondi strutturali u għar-regolament finanzjarju kif applikabbli fil-mument meta seħħew il-fatti, kif madankollu għamel l-OLAF, u warajh, il-Kummissjoni.

79      Il-Kummissjoni tirrifjuta l-argumenti tar-rikorrent.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

80      L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi rrilevat li fl-10 ta’ Novembru 1999 CPEM aċċetta, permezz tal-firma tas-Sur R., il-president tiegħu f’dik id-data, li josserva l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Gwida tal-Promotur.

81      Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li fil-laqgħa ta’ Belfast bejn is-16 u d-19 ta’ Settembru 1999, li matulha l-konsorzju CPEM/MSD kien irrappreżentat mis-Sur G., direttur ta’ MSD, il-parteċipanti ntalbu jaqraw b’attenzjoni l-abbozz ta’ gwida li kien tqassmilhom u jibgħatu d-domandi u l-kummenti tagħhom mill-iktar fis possibli sabiex jikkompletawh. Bil-għan li tieħu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet u l-interessi tad-diversi benefiċjarji tal-proġett pilota, il-Kummissjoni ġabret l-osservazzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar u stabbiliet verżjoni finali tal-gwida bil-kooperazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, CPEM kellu jkun konxju mill-fatt li l-verżjoni provviżorja tal-Gwida tal-Promotur ma kinitx dokument kompletament irrilevanti u li l-gwida kien fiha dispożizzjonijiet speċifiċi għat-twettiq tal-proġett pilota li veru setgħu jinbidlu fil-verżjoni definittiva, iżda huwa kellu tal-inqas josservaha, kif impenja ruħu li jagħmel permezz tal-firma tas-Sur R. li saret fl-10 ta’ Novembru 1999, wara r-riċezzjoni tal-verżjoni li tqassmet waqt il-laqgħa ta’ Belfast u għalhekk, b’għarfien ta’ din tal-aħħar.

82      Fid-dawl ta’ dan kollu, l-argument ta’ CPEM li dan tal-aħħar ma ħax inkunsiderazzjoni l-verżjoni tal-gwida li tqassmet f’Belfast peress li din il-verżjoni kienet waħda provviżorja, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, fiċ-ċirkustanzi li għadhom kemm ġew deskritti, attitudni formali bħal din tikser l-obbligu ta’ lealtà impost fuq l-applikanti u l-benefiċjarji kollha tal-għajnuna, li huwa inerenti fis-sistema ta’ għajnuna minn fondi Komunitarji u essenzjali għall-funzjonament tajjeb tagħhom (ara, b’analoġija, sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-7 ta’ Novembru 2002, Vela u Tecnagrind vs Il‑Kummissjoni, T‑141/99, T‑142/99, T‑150/99 u T‑151/99, Ġabra p. II‑4547, punt 322; u tat-28 ta’ Jannar 2004, Euroagri vs Il‑Kummissjoni, T‑180/01, Ġabra p. II‑369, punt 83).

83      It-tieni nett, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ CPEM, li fil-fatt huwa kien ġie nnotifikat bil-verżjoni definittiva tal-Gwida tal-Promotur, kif jirriżulta mill-irċevuta tal-posta elettronika tal-5 ta’ Jannar 2000 tas-Sur B., uffiċjal tal-politika ta’ MSD, prodotta mill-Kummissjoni.

84      It-tielet nett, kif osservat ġustament il-Kummissjoni, fir-rikors tiegħu CPEM ma jsostnix li l-aġir li huwa akkużat bih fid-deċiżjoni kkontestata kien leċitu abbażi ta’ kwalunkwe waħda mill-verżjonijiet suċċessivi tal-Gwida tal-Promotur. Għaldaqstant, ma jidhirx kif id-differenzi li seta’ kien hemm bejn il-verżjonijiet differenti tal-gwida setgħu joħolqu konfużjoni fil-moħħ tal-kollaboraturi ta’ CPEM għal dak li jirrigwarda l-obbligi ta’ dan tal-aħħar fl-implementazzjoni tal-proġett pilota.

85      Fl-aħħar u r-raba’ nett, għal dak li jirrigwarda l-argument li l-OLAF ma osservax il-ġerarkija tan-normi billi ta’ prijorità lill-Gwida tal-Promotur u mhux lir-regolamenti Komunitarji applikabbli, CPEM jagħmel riferiment għall-punt 71 tal-ittra tal-OLAF, tal-11 ta’ April 2006, li permezz tagħha dan tal-aħħar irrisponda għall-kontestazzjonijiet ta’ CPEM dwar ir-rapport ta’ verifika. Il-kontenut ta’ dan il-punt huwa dan li ġej:

“Fir-rigward tal-ġerarkija tat-testi ġuridiċi applikabbli, fl-Iskeda B tal-Gwida tal-Promotur 1999 – l-aħħar paragrafu tat-tieni vleġġa tal-punt 1 inkwadrat – (paġna 8) huwa stabbilit li t-testi ġuridiċi li japplikaw għall-programm għandhom jiġu applikati skont din il-ġerarkija:

–        Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tagħti sussidju lill-[i]struttura intermedjarja u l-annessi magħha.

–        Ir-regolamenti li jiddefinixxu l-operazzjonijiet eliġibbli taħt il-FSE (il-lista ta’ spejjeż eliġibbli ġiet adottata mill-Kummissjoni u dehret fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet).

–        Ir-regolament ġenerali tal-[f]ondi strutturali.”

86      F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li din il-lista ma għandhiex tinqara mir-regola superjuri għar-regola inferjuri iżda għandha tinqara pjuttost bil-kontra. It-tieni nett, anki fl-ewwel każ, tali indikazzjoni astratta mill-OLAF ta’ ordni ġerarkika żbaljata fost id-dispożizzjonijiet legali applikabbli mhijiex, inkwantu tali, ta’ natura li tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-Gwida tal-Promotur stess ma tinsabx fil-ġerarkija tan-normi ċċitata mill-OLAF. Fit-tieni lok, CPEM ma indika l-ebda dispożizzjoni konkreta tal-Gwida tal-Promotur li hija inkompatibbli ma’ xi norma superjuri iżda illimita lilu nnifsu għall-affermazzjoni li “ebda element [li jinsab fil-Gwida tal-Promotur] ma jista’ jeżisti jew ma jista’ jiġi interpretat fis-sens kuntrarju għar-regolamenti [applikabbli] u fil-loġika tal-applikazzjoni stretta tal-ġerarkija tal-atti”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ argument ta’ CPEM għandu jiġi miċħud.

87      Minn dan isegwi li t-tielet parti tat-tieni motiv, kif ukoll il-ħames parti tal-ewwel motiv għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti, dwar l-irregolaritajiet li qed jiġi akkużat bihom

88      Fil-kuntest tas-sitt argumenti li jqajjem taħt din il-parti tat-tieni motiv, CPEM isostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni awtorizzat uħud mill-irregolaritajiet li huwa akkużat bihom fid-deċiżjoni kkontestata jew li tal-inqas, kienet taf bihom jew li mhumiex irregolaritajiet li jwasslu għall-kanċellament tal-għajnuna Komunitarja.

 Fuq l-ewwel argument, ibbażat fuq il-prassi tal-Kummissjoni fl-ambitu tal-FSE u allegata awtorizzazzjoni, mill-Kummissjoni, tat-teknika magħrufa bħala ta’ “valorizzazzjoni”

–       L-argumenti tal-partijiet

89      CPEM isostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni awtorizzat il-prassi magħrufa bħala ta’ “valorizzazzjoni” għal dak li jikkonċerna l-proġetti li jaqgħu taħt il-FSE fi Franza. F’dan il-kuntest, huwa jagħmel riferiment, l-ewwel nett, għall-prassi fl-ambitu tal-proġetti li jaqgħu taħt il-FSE fi Franza, it-tieni nett, għall-involviment ta’ ċerti awtoritajiet nazzjonali fil-“valorizzazzjoni” kif ipprattikata minn CPEM u, it-tielet nett, għall-posta elettronika tat-28 ta’ Ġunju 2001 tal-Kummissjoni lil CPEM, li fiha din il-prassi ġiet allegatament awtorizzata. Għaldaqstant, din il-prassi ma tistax titqies bħala irregolari fid-deċiżjoni kkontestata.

90      Għal dak li jikkonċerna l-“valorizzazzjoni”, il-Kummissjoni tiddistingwi bejn il-proġetti li jaqgħu taħt il-“qafas klassiku” tal-FSE, minn naħa, u l-proġetti pilota taħt l-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament Nru 4255/88, bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, min-naħa l-oħra. Fil-fehma tagħha, fil-“qafas klassiku” tal-FSE, l-għajnuna finanzjarja tal-FSE tieħu l-forma ta’ kofinanzjament ta’ programm nazzjonali jew ta’ sussidju globali amministrat mill-Istat Membru jew minn awtoritajiet oħra nazzjonali, filwaqt li fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 4255/88, l-għajnuna finanzjarja tal-FSE hija direttament amministrata mill-Kummissjoni, li jfisser li din tal-aħħar stess tagħżel il-benefiċjarji, permezz ta’ deċiżjoni speċifika ta’ attribuzzjoni, flimkien ma’ qafas regolamentari. Skont il-Kummissjoni, fil-“qafas klassiku” tal-FSE, il-“valorizzazzjoni” hija aċċettata, iżda din it-teknika qatt ma tista’ tiġi aċċettata fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 4255/88.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

91      L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li fir-rigward tat-teknika magħrufa bħala ta’ “valorizzazzjoni”, mill-proċess kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-partijiet waqt is-seduta, jirriżulta li din tikkonsisti fit-tpaċija tal-ispejjeż inkorsi mill-awtoritajiet pubbliċi, fl-ambitu tax-xogħol tagħhom, mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji li huma suppost jagħtu għal proġett. F’dan il-każ, il-“valorizzazzjoni” saret fir-rigward tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-kunsill ġenerali ta’ Bouches-du-Rhône għall-baġit tal-proġett pilota, li magħha ġew paċuti l-ispejjeż tad-direttorat dipartimentali tax-xogħol, tal-impjiegi u tat-taħriġ professjonali ta’ Bouches-du-Rhône (DDTEFP), li saru fil-qafas tal-politika tiegħu dwar l-impjiegi u d-dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ għoti, il-kontribuzzjoni tal-kunsill ġenerali, li kienet indikata taħt it-titolu “Kontribuzzjoni fi flus kontanti” (“Contribution in cash”) tal-baġit, kellha tkun ta’ EUR 200 000. CPEM ma kkontestax li tal-inqas parti minn din il-kontribuzzjoni ma ġietx imħallsa iżda saret taħt forma ta’ “valorizzazzjoni”, b’mod li ma tat lok għal ebda ħlas dirett bejn il-kunsill ġenerali u CPEM u/jew MSD.

92      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li fil-“kuntest klassiku” tal-FSE, kif definit mill-Kummissjoni, l-ispejjeż pubbliċi li huma “valorizzati” inkwantu kontribuzzjonijiet proprji fl-ambitu ta’ għajnuna Komunitarja huma spejjeż li saru mill-benefiċjarju tal-għajnuna stess, jiġifieri l-Istat Membru jew l-awtorità nazzjonali appuntata minnu. Għall-kuntrarju, għalkemm, f’dan il-każ, CPEM fehem “valorizza” bl-istess mod għall-ispejjeż li saru mill-awtoritajiet lokali, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li dawn mhumiex l-ispejjeż tiegħu inkwantu benefiċjarju tal-għajnuna Komunitarja, iżda spejjeż ta’ kontributuri terzi. Bil-mod kif kienet ipprattikata minn CPEM, il-“valorizzazzjoni” ma kinitx isservi sabiex jinħeles mill-obbligi tiegħu ta’ parteċipazzjoni fil-proġett, iżda sabiex jissodisfa dawk ta’ kontributuri terzi. Dawn il-parteċipazzjonijiet kellhom ikunu, skont il-baġit propost minn CPEM u li kien milqugħ fid-deċiżjoni ta’ għoti, kontribuzzjonijiet fi flus kontanti, li jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż li saru f’ambitu ieħor u li ma ġewx effettivament irċevuti mill-konsorzju CPEM/MSD. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li titfakkra l-ġurisprudenza stabbilita li, meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni n-natura stess tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Komunità, l-obbligu li jiġu rrispettati l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ għoti jikkostitwixxi, bl-istess mod bħall-obbligu li l-proġett ikkonċernat jitwettaq materjalment, wieħed mill-impenji essenzjali tal-benefiċjarju u, għaldaqstant, jinfluwenza l-għoti tal-għajnuna Komunitarja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-19 ta’ Jannar 2006, Comunità montana della Valnerina vs Il‑Kummissjoni, C‑240/03 P, Ġabra p. I‑731, punt 86; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-26 ta’ Settembru 2002, Sgaravatti Mediterranea vs Il‑Kummissjoni, T‑199/99, Ġabra p. II‑3731, punt 130; u Vela u Tecnagrind vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 399).

93      Minn dan isegwi li l-“valorizzazzjoni” kif ipprattikata minn CPEM ma kinitx tikkorrispondi għall-prassi attwali tal-Kummissjoni fl-ambitu tal-FSE u kienet anki pprojbita mid-deċiżjoni ta’ għoti.

94      L-argumenti ppreżentati minn CPEM mhumiex ta’ natura li jinvalidaw din il-konstatazzjoni.

95      Għal dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, il-prassi fuq il-livell nazzjonali fl-ambitu tal-FSE, din taqa’ preċiżament fil-kuntest tat-teħid inkunsiderazzjoni, taħt il-“valorizzazzjoni”, tal-ispejjeż tal-awtoritajiet nazzjonali inkwantu benefiċjarji ta’ għajnuna Komunitarja u mhux tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż ta’ terzi. Għalhekk, dan l-argument huwa ineffettiv, b’mod li ma hemm ebda raġuni għaliex jiġu intervistati l-persuni u l-istituzzjonijiet li CPEM jitlob li jinstemgħu f’dan ir-rigward.

96      It-tieni nett, il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali fuq il-livelli dipartimentali u lokali kienu jafu bil-“valorizzazzjoni” kif ipprattikata minn CPEM u ipparteċipaw fiha huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata peress li hija tikkonstata l-ksur tal-obbligi ta’ CPEM taħt id-deċiżjoni ta’ għoti.

97      It-tielet nett, il-posta elettronika tat-28 ta’ Ġunju 2001 tas-Sinjura G., kollaborattriċi tad-DĠ Impjiegi, invokata minn CPEM, ma tistax tiġi interpretata bħala awtorizzazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-“valorizzazzjoni” kif ipprattikata minn CPEM. Fil-fatt, din kienet risposta għal posta elettronika li fiha kollaborattriċi ta’ CPEM staqsiet domanda li kienet tirreferi b’mod ċar u esklużiv għall-modalitajiet ta’ informazzjoni ta’ formularju fl-ambitu tal-preparazzjoni ta’ rapport finanzjarju intermedjarju u mhux għal-legalità ta’ prassi ta’ finanzjament tal-proġett. Il-kunċett ta’ “valorizzazzjoni” ma kienx jidher u mill-kuntest ma kienx jirriżulta li s-“sussidji u l-għajnuna mogħtija […] għall-mikroproġetti” mill-imsieħba ta’ CPEM imsemmija fil-posta elettronika tal-kollaborattriċi ta’ CPEM, kienu fil-fatt l-ispejjeż li saru mill-awtoritajiet pubbliċi u meħuda inkunsiderazzjoni mingħajr ma l-imsemmija awtoritajiet effettivament ħallsu kontribuzzjoni. Fl-aħħar nett, mill-kliem tar-risposta tas-Sinjura G. jirriżulta b’mod ċar li din tal-aħħar kellha esklużivament l-intenzjoni li tippronunċja ruħha fuq problema ta’ informazzjoni ta’ formularju u mhux fuq il-prassi ta’ “valorizzazzjoni” ipprattikata minn CPEM.

98      Għaldaqstant, l-argument ta’ CPEM ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni awtorizzat il-prassi magħrufa bħala ta’ “valorizzazzjoni” għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni argument, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ irregolarità serja fil-kontabbiltà tas-self mingħajr interessi

–       L-argumenti tal-partijiet

99      It-tieni argument jirrigwarda l-fatt li CPEM inkluda fil-kontijiet tiegħu, inkwantu l-kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu għall-proġett, is-self mingħajr interessi li huwa ta lil dawk responsabbli mill-mikroproġetti. Skont id-definizzjoni mogħtija minn CPEM u li mhijiex ikkontestata mill-Kummissjoni, dawn kienu operazzjonijiet ta’ self mingħajr interessi u mingħajr garanzija f’ammont bejn EUR 1 500 u 15 000. CPEM isostni, l-ewwel nett, li l-intenzjoni tiegħu li jagħmel użu minn tali self mingħajr interessi kienet tirriżulta b’mod ċar mill-applikazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, huwa jindika li l-analiżi tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 1997 kif ukoll il-baġit previżjonali għall-1998, annessi mal-applikazzjoni tiegħu, juru li ma għandux riżorsi ta’ funzjonament oħra għajr dawk li jirriżultaw mis-sussidji pubbliċi u li jikkostitwixxu l-fondi tiegħu għas-self. It-tieni nett, CPEM isostni li l-Kummissjoni kienet informata bil-fatt li kien qed jagħti self mingħajr interessi u dan l-iktar tard sa Awwissu 2001, mal-għoti tar-rapport intermedjarju.

100    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ CPEM.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

101    Fir-rigward tal-eżistenza ta’ irregolarità serja minħabba l-kontabbiltà tas-self mingħajr interessi, għandu jitfakkar li l-obbligu li jiġu rrispettati l-kundizzjonijiet finanzjarji li jirriżultaw mid-deċiżjoni ta’ għoti jikkostitwixxi wieħed mill-impenji essenzjali tal-benefiċjarju (ara l-punt 92 iktar ’il fuq). F’dan il-kuntest, l-Artikolu 24(1) u (2) tar-Regolament Nru 4253/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Kummissjoni tikkanċella l-għajnuna finanzjarja mogħtija fil-każ ta’ ksur tal-kundizzjonijiet finanzjarji previsti fid-deċiżjoni ta’ għoti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sgaravatti Mediterranea vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 130 u 131).

102    F’dan il-każ, il-baġit stabbilit fl-Anness II tad-deċiżjoni ta’ għoti kien jipprovdi, taħt it-titolu “Kontribuzzjoni fi flus kontanti”, għal kontribuzzjoni finanzjarja min-naħa ta’ CPEM fl-ammont ta’ EUR 184 615.

103    Madankollu, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, ir-rimborsi ta’ self mingħajr interessi mogħtija minn CPEM jikkostitwixxu dħul li għandu jitnaqqas mill-ammonti mħallsa minn CPEM sabiex jiġi ddeterminat l-ammont effettivament maħruġ minn dan tal-aħħar. Peress li dawn ir-rimborsi jistgħu jilħqu l-100 % tal-ammonti allokati taħt forma ta’ krediti, il-kontribuzzjoni ta’ CPEM ikollha għalhekk it-tendenza li tonqos, u sussegwentement tispiċċa għal kollox, skont ir-rimborsi. Għaldaqstant, l-għoti ta’ self minn CPEM lil dawk responsabbli mill-mikroproġetti, sal-ammont nominali tiegħu, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala l-kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu għall-proġett. Barra minn hekk, dan il-fatt mhuwiex ikkontestat minn CPEM. Minn dan isegwi li CPEM ma rrispettax l-obbligu tiegħu, li jirriżulta mill-baġit anness mad-deċiżjoni ta’ għoti, li jagħti l-kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu fl-ammont ta’ EUR 184 615.

104    Konsegwentement, f’dan ir-rigward, fil-premessa 8(c) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat l-eżistenza ta’ irregolarità serja.

105    L-argumenti ta’ CPEM mhumiex ta’ natura li jinvalidaw din il-konstatazzjoni.

106    Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li mill-applikazzjoni bl-ebda mod ma tirriżulta l-intenzjoni ta’ CPEM li jirrikorri sistematikament għal operazzjonijiet ta’ self sabiex jinħeles mill-kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu għall-proġett. Il-kunċett ta’ “self mingħajr interessi” jidher biss darba, fis-sentenza li ġejja: “L-għajnuna tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din is-sejħa għal proġett ser tippermetti t-tħaffif u l-faċilitazzjoni tal-mobilizzazzjoni tad-diversi għajnuniet, tal-fondi ta’ garanzija u eventwalment, ta’ self mingħajr interessi billi tiġi stabbilita sinerġija bejniethom, u ser tikkontribwixxi sabiex jitkomplew dawn l-operazzjonijiet taħt forma ta’ dispożittiv finanzjarju lokali permanenti.” Dan l-uniku riferiment għal self mingħajr interessi, ikkwalifikat bil-kelma “eventwalment”, ma setgħax jinftihem li dan l-istrument kien ser jiġi applikat b’mod sistematiku fl-ambitu tal-proġett. Barra minn hekk, dan ir-riferiment sar fil-kuntest ta’ enumerazzjoni ta’ strumenti li fir-rigward tagħhom qed jingħad li l-mobilizzazzjoni ser tkun iffavorita mill-proġett pilota, b’mod li ma jidhirx b’mod ċar jekk dan huwiex strument intern għall-proġett jew strument estern li jista’ jiġi mobilizzat permezz tal-proġett.

107    Fir-rigward tal-allegazzjoni li s-self mingħajr interessi kien issemma waqt il-preżentazzjoni tal-pjan ta’ finanzjament – f’data li ma ġietx speċifikata, iżda probabbilment waqt l-eżami tal-applikazzjonijiet – u waqt preżentazzjoni pubblika fl-okkażjoni ta’ konferenza organizzata bejn it-8 u l-11 ta’ Lulju 2000, CPEM ma ssottometta ebda prova. Għaldaqstant, hija għandha tiġi miċħuda inkwantu ma ngħatatx prova tagħha.

108    It-tieni nett, il-fatt li r-rapport intermedjarju mibgħut f’Awwissu 2001 kien isemmi s-self mingħajr interessi ma jistax iwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni informat tardivament lil CPEM li dawn l-operazzjonijiet ta’ self ma setgħux jiġu inklużi fil-kontijiet inkwantu l-kontribuzzjoni tiegħu. Fil-fatt, l-Artikolu 3(3) tad-deċiżjoni ta’ għoti kien jispeċifika li “huma biss l-ispejjeż li saru qabel it-30 ta’ Awwissu 2001 u inkorsi qabel it-28 ta’ Frar 2002 li setgħu jiġu kkunsidrati bħala eliġibbli u jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammonti totali dovuti lill-benefiċjarju skont din id-deċiżjoni”. Dawn id-dati limitu ġew posposti, permezz tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 2001, għall-31 ta’ Diċembru 2001 u għat-30 ta’ Ġunju 2002, rispettivament. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-rapport “intermedjarju” sar kważi fl-aħħar tal-perijodu ta’ impenn għall-ispejjeż inizjalment previst u madwar erba’ xhur qabel l-aħħar tal-perijodu kif ġie estiż sussegwentement. Informazzjoni pprovduta f’dan l-istadju tal-proġett bl-ebda mod ma tista’ titqies li ġiet ipprovduta fiż-żmien xieraq.

109    It-tielet nett, fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ CPEM li posta elettronika mibgħuta minn MSD lis-Sinjura G. fil-5 ta’ Frar 2002, u li kienet tirrigwarda s-self mingħajr interessi, baqgħet mingħajr risposta effettiva, jeħtieġ li jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li r-risposta tas-Sinjura G. mibgħuta bil-posta elettronika fis-6 ta’ Frar 2002 kienet tindika b’mod ċar li l-applikazzjoni ma kinitx issemmi l-operazzjonijiet ta’ self mingħajr interessi, li ma kienx possibbli li dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni peress li r-rimborsi jnaqqsu l-kost totali tal-proġett bil-konsegwenza li titnaqqas l-għajnuna tal-FSE, u li l-problema kellha tiġi riżolta b’kontribuzzjoni “efettiva”. It-tieni nett, din il-posta elettronika ntbagħtet wara l-aħħar tal-perijodu ta’ impenn għall-ispejjeż kif estiż. Għaldaqstant, id-domandi ta’ CPEM ma setgħux jikkonċernaw il-modalitajiet ta’ kontabbiltà u r-risposta li setgħet tingħata għal dawn id-domandi ma seta jkollha ebda effett fuq il-konformità tal-ispejjeż effettivament inkorsi, mal-kundizzjonijiet speċifiċi fid-deċiżjoni ta’ għoti. Għalhekk, jeħtieġ li din l-allegazzjoni tiġi miċħuda bħala infondata u irrilevanti.

110    Minn dan isegwi li t-tieni argument ta’ CPEM għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet argument, ibbażat fuq allegata kontradizzjoni bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni ta’ għoti

111    Fil-kuntest tat-tielet argument, CPEM iqajjem erba’ punti li fir-rigward tagħhom, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni akkużatu b’affarijiet li kienu diġà ssemmew fil-proposta u li għaldaqstant kienu ġew aċċettati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ għoti. Għalhekk, il-Kummissjoni hija, tal-inqas, responsabbli daqs CPEM għal dawn l-affarijiet li qed takkużah bihom.

112    L-ewwel nett, CPEM isostni li l-Kummissjoni kienet taf diġà minn meta eżaminat l-applikazzjoni tiegħu li huwa kien ser jirrikorri għal finanzjamenti pubbliċi. Għaldaqstant, hija ma tistax takkużah b’dan il-fatt.

113    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva, l-ewwel nett, li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma akkużatx lil CPEM bil-kofinanzjament tal-proġett pilota mill-awtoritajiet pubbliċi. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tikkritika espressament, fil-premessa 8(d) tad-deċiżjoni kkontestata, l-insuffiċjenza tal-kofinanzjamenti pubbliċi meta mqabbla mal-baġit appruvat. Min-naħa l-oħra, fil-premessa 8(b) tad-deċiżjoni kkontestata, CPEM huwa akkużat li ħa inkunsiderazzjoni spejjeż inkorsi mill-awtoritajiet lokali u li ma kinux saru għall-proġett pilota iżda kienu għal attivitajiet li jaqgħu taħt il-kompetenzi proprji ta’ dawn l-awtoritajiet (teknika tal-“valorizzazzjoni”).

114    Għaldaqstant, kif diġà kkonstatat fil-punti 93 sa 98 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qatt ma awtorizzat il-prassi ta’ “valorizzazzjoni” u, kuntrarjament għal dak li jallega CPEM, l-applikazzjoni ma kien fiha ebda indikazzjoni tal-intenzjoni tiegħu li jirrikorri għall-“valorizzazzjoni”. Għall-kuntrarju, il-kontribuzzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi kienu inklużi, fil-pjan ta’ finanzjament tal-proġett, taħt it-titolu “Kontibuzzjoni fi flus kontanti”. Għalhekk, mill-applikazzjoni l-Kummissjoni ma setgħetx tiddeduċi li dawn il-kontribuzzjonijiet kienu ser jikkonsistu fis-sempliċi reġistrazzjoni, fil-kontijiet tal-proġett pilota, tal-ammonti li ma kinux effettivament imħallsa minn CPEM jew minn MSD.

115    Sussegwentement, fir-rigward tal-ittra tad-DDTEFP, tal-14 ta’ Ottubru 1998, li kienet fl-Anness 7 mal-applikazzjoni u li, skont CPEM, turi li l-Kummissjoni kienet taf bil-fatti li qiegħed jiġi akkużat bihom, bl-ebda mod ma tqum il-kwistjoni tal-“valorizzazzjoni”. F’din l-ittra, id-DDTEFP jillimita ruħu li jiżgura, f’termini ġenerali, lill-President ta’ CPEM, li “jista’ jakkompanja l-proġett […] billi jimmobilizza l-mezzi tal-Istat sabiex eventwalment jikkompleta din l-għajnuna u jipparteċipa fil-finanzjament tal-operazzjonijiet ta’ akkompanjament indispensabbli għas-suċċess tal-proġett”. Għall-kuntrarju, xejn f’din l-ittra ma jindika li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-awtoritajiet pubbliċi, riprodotti taħt it-titolu “Kontribuzzjoni fi flus kontanti” fil-pjan ta’ finanzjament, kellhom isiru taħt forma ta’ “valorizzazzjoni”.

116    It-tieni nett, CPEM isostni li, minn meta eżaminat l-applikazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni kienet taf diġà bis-sħubija istituzzjonali li kienet torbot lid-diversi awtoritajiet pubbliċi involuti.

117    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-ilment huwa irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata CPEM mhuwiex qed jiġi kkritikat għaliex ikkoopera mal-awtoritajiet pubbliċi, iżda għaliex wettaq din il-kooperazzjoni b’mod kuntrarju għat-termini tad-deċiżjoni ta’ għoti.

118    It-tielet nett, CPEM isostni li, minn meta eżaminat l-applikazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni kienet diġà taf bir-relazzjoni mill-qrib li huwa kellu ma’ MSD.

119    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed ukoll li jiġi kkonstatat li dan l-ilment mhuwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 8(e) tad-deċiżjoni kkontestata, CPEM mhuwiex ikkritikat minħabba r-relazzjoni tiegħu ma’ MSD iżda, l-iktar l-iktar, minħabba ċerti aspetti tar-relazzjoni ta’ dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet mal-belt ta’ Marsilja.

120    Ir-raba’ nett, CPEM jikkontendi li “fir-rapport tiegħu l-OLAF jikkritika” il-mod tiegħu kif jamministra l-mikroproġetti, filwaqt li, f’ċerti laqgħat li saru matul il-perijodu ta’ implementazzjoni tal-proġett pilota, il-Kummissjoni qatt ma għamlet osservazzjonijiet dwar dan is-suġġett.

121    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li CPEM ma jindikax f’liema rapport tal-OLAF u f’liema punt preċiż ta’ dan ir-rapport huwa qed jiġi kkritikat bil-mod kif amministra l-mikroproġetti. Għalhekk, jeħtieġ li dan l-ilment jiġi miċħud bħala inammissibbli peress li ma jikkorrispondix għar-rekwiżiti tal-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, dak li espona CPEM ma jippermettix lill-Kummissjoni tipprepara d-difiża tagħha u lanqas jippermetti lill-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-30 ta’ Novembru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kummissjoni, T‑5/97, Ġabra p. II‑3755, punt 192).

122    Għaldaqstant, it-tielet argument ta’ CPEM għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ argument, ibbażat fuq l-għarfien mill-Kummissjoni ta’ ċerti fatti li ssir akkuża dwarhom fid-deċiżjoni kkontestata

–       L-argumenti tal-partijiet

123    CPEM isostni, essenzjalment, li l-aġenti tal-Kummissjoni kienu jafu bid-diffikultajiet tiegħu sabiex jirrispetta l-pjan ta’ finanzjament. B’mod partikolari, is-Sur C., li dak iż-żmien kien kap ta’ unità fi ħdan id-DĠ Impjiegi responsabbli mill-proġett pilota, ta parir lil CPEM, lejn Settembru 1999, sabiex ma jitlobx uffiċjalment emenda għad-deċiżjoni ta’ għoti iżda sabiex jissostitwixxi s-self mingħajr interessi b’finanzjamenti pubbliċi u sussegwentement jitlob sempliċi emenda għall-baġit. Barra minn hekk, wara ittra ta’ CPEM tad-9 ta’ April 2002, li kien fiha talba għall-ħelsien ta’ parti mill-garanzija bankarja kif ukoll għal emenda fil-baġit u li semmiet il-waqfien tal-parteċipazzjoni finanzjarja ta’ CPEM, il-Kummissjoni mhux biss ma għamlet l-ebda osservazzjoni fir-rigward tal-pjan emendat, iżda ħelset l-imsemmija garanzija. Għalhekk, il-Kummissjoni hija daqstant responsabbli.

124    Il-Kummissjoni tirrifjuta l-argumenti ta’ CPEM.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

125    Permezz ta’ dan l-argument, CPEM jinvoka essenzjalment ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tiegħu, ibbażat fuq l-għarfien, mill-aġenti tal-Kummissjoni, tad-diffikultajiet tiegħu li jirrispetta l-pjan ta’ finanzjament u fuq il-pariri allegatament mogħtija mis-Sur C., dwar il-fatt li n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni finanzjarja prevista ma jwassalx għal kanċellament tal-għajnuna Komunitarja mogħtija.

126    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt li jiġu invokati l-aspettattivi leġittimi jippresupponi li jkunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Fl-ewwel lok, għandhom ikunu ngħataw garanziji preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, lill-persuna kkonċernata mill-amministrazzjoni Komunitarja. Fit-tieni lok, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattivi leġittimi fil-persuna indirizzata. Fit-tielet lok, dawn il-garanziji għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-30 ta’ Ġunju 2005, T‑347/03, Branco vs Il‑Kummissjoni, Ġabra p. II‑2555, punt 102, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni, T‑282/02, Ġabra p. II‑319, punt 77).

127    F’dan il-każ, jidher ċar li t-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet mhijiex sodisfatta. Fil-fatt, l-Artikolu 119(1) tar-Regolament Nru 1605/2002 jipprovdi li “[l]-ammont ta’ l-għotja m’għandux isir finali sa wara li l-istituzzjoni tkun aċċettat ir-rapporti u l-kontijiet finali, bla ħsara għal verifiki sussegwenti mill-istituzzjoni”. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1) tal-“Kundizzjonijiet Speċifiċi” li jinsab fl-Anness III tad-deċiżjoni ta’ għoti jipprovdi espressament li l-eventwali emendi għad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Annessi I (Dettalji tal-operazzjoni “Kapital lokali għal għanijiet soċjali”) u II (Dettalji tal-baġit tal-operazzjoni “Kapital lokali għal għanijiet soċjali”) tal-imsemmija deċiżjoni “[kellhom] jiġu fformulati bil-miktub u jiġu mehmuża mad-deċiżjoni” u li “[f]tehim bil-fomm ma jorbotx lill-partijiet”. CPEM kien jew kellu jkun konxju mill-fatt li l-garanziji u l-pariri mogħtija bil-fomm mill-aġenti tal-Kummissjoni ma setgħux jeħilsuha mill-osservanza tal-obbligi tagħha taħt id-deċiżjoni ta’ għoti, u b’mod partikolari, mill-pjan ta’ finanzjament stabbilit fl-Anness II tagħha. Għaldaqstant, il-garanziji mogħtija bil-fomm mill-aġenti tal-Kummissjoni, anki li kieku ngħatat prova tagħhom, ma kinux ta’ natura li tnissel aspettattivi leġittimi fi CPEM li n-nuqqas ta’ kwalunkwe finanzjament min-naħa tiegħu kien ser jiġi impliċitament aċċettat mill-Kummissjoni jew li jiġi approvat bħala sempliċi emenda għall-baġit. Għalhekk, CPEM seta’ inqas u inqas jibbaża aspettattiva leġittima fuq is-silenzju tal-Kummissjoni wara li l-aġenti tagħha rċevew informazzjoni dwar is-self mingħajr interessi jew dwar id-diffikultajiet iffaċċjati minnu sabiex jirrispetta l-pjan ta’ finanzjament, jew fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet ħelset parti mill-garanzija bankarja.

128    Barra minn hekk, it-tielet kundizzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 126 iktar ’il fuq lanqas hija sodisfatta. Fil-fatt, it-tieni paragrafu tal-punt II.2 tas-sejħa għal proposti jistabbilixxi li l-benefiċjarji “għandhom jipprovdu kofinanzjament li l-ammont tiegħu ma jistax ikun inqas minn 15 % tas-sussidju mitlub”. Fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ għoti, l-Anness II tagħha li fih il-pjan finanzjarju, jipprovdi għal “kontribuzzjoni fi flus kontanti” min-naħa ta’ CPEM fl-ammont ta’ EUR 184 615. Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni ta’ għoti, l-annessi jifformaw parti integrali minn din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, garanziji min-naħa tal-aġenti tal-Kummissjoni li jindikaw li din tal-aħħar ma kinitx ser teżiġi l-ħlas effettiv tal-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ CPEM u li hija kienet ser taċċetta li dan jiġi sostitwit mill-kontribuzzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi kienu jiksru d-dispożizzjonijiet tas-sejħa għal proposti u dawk tad-deċiżjoni ta’ għoti.

129    Minn dan isegwi li r-raba’ argument ta’ CPEM għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames argument, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni magħmula fuq livell nazzjonali qabel ma aġixxiet fir-rigward tal-ilmenti

130    CPEM isostni, essenzjalment, li qabel ma aġixxiet fir-rigward tal-ilmenti rċevuti mid-dipartimenti tagħha, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni rapport magħmul fuq livell nazzjonali u li fih ġie espress is-sodisfazzjon ta’ dawk responsabbli mill-mikroproġetti dwar il-ġestjoni tal-proġett pilota minn CPEM.

131    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-akkużi li saru fir-rigward ta’ CPEM fid-deċiżjoni kkontestata huma bbażati esklużivament fuq ir-riżultati tal-investigazzjoni tal-OLAF u mhux fuq l-ilmenti rċevuti mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, li sempliċement taw lok għall-investigazzjoni.

132    Barra minn hekk, il-fatt li dawk responsabbli mill-mikroproġetti setgħu jkunu sodisfatti mill-mod kif CPEM amministra l-proġett pilota ma jeskludix li din il-ġestjoni setgħet kienet kuntrarja għal-leġiżlazzjoni applikabbli.

133    Għaldaqstant, dan l-argument ta’ CPEM għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt argument, ibbażat fuq ir-riżultati tal-verifika li saret f’Awwissu 2003 mid-DĠ Impjiegi

134    CPEM isostni, essenzjalment, li peress li verifika li saret f’Awwissu 2003 mid-DĠ Impjiegi ma wrietx irregolaritajiet kbar u wasslet biss għall-irkupru tal-ammont ta’ EUR 4 472.30 mill-miljun euro mogħti f’għajnuna Komunitarja, talba għal rimbors totali ppreżentata fir-rigward tal-istess fajl turi nuqqas ta’ koerenza u responsabbiltà wkoll min-naħa tal-Kummissjoni. Huwa jitlob li jinstemgħu, inkwantu xhieda, erba’ aġenti tal-Kummissjoni peress li f’dak iż-żmien kienu inkarigati mill-imsemmija verifika fi ħdan id-DĠ Impjiegi.

135    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li huwa normali li spezzjoni li tkun saret minħabba elementi ġodda, li taw lok għal suspett li jeżistu irregolaritajiet fir-rigward ta’ ċerti proġetti, issir iktar fil-fond u tagħti riżultati differenti minn dawk ta’ spezzjoni ta’ rutina li tkun saret preċedentement, meta ma kien għad hemm ebda suspett (ara, b’analoġija, is-sentenza Euroagri vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59). Għaldaqstant, il-fatt li permezz tal-investigazzjoni tal-OLAF ġew skoperti irregolaritajiet li ma kinux instabu fil-verifika li saret mid-DĠ Impjiegi bl-ebda mod ma jfisser li kien hemm nuqqas ta’ koerenza u ma jistax jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

136    Minn dan isegwi li l-argument ta’ CPEM għandu jiġi miċħud, kif ukoll it-talba tiegħu għas-smigħ tax-xhieda.

 Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-Regolament Nru 1605/2002

 L-argumenti tal-partijiet

137    CPEM jikkritika r-riferiment li jsir fid-deċiżjoni kkontestata għar-regolament finanzjarju fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta wara r-Regolament Nru 1605/2002. Fil-fatt, dan tal-aħħar ilu japplika biss mill-1 ta’ Jannar 2003, filwaqt li, fil-mument meta seħħew il-fatti, kien fis-seħħ ir-Regolament Finanzjarju tal-21 ta’ Diċembru 1977 applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 356, p. 1), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta wara r-Regolament tal-Kunsill (KE, KEFA, Euratom) Nru 2779/98, tas-17 ta’ Diċembru 1998, li jemenda r-Regolament Finanzjarju tal-21 ta’ Diċembru 1977 (ĠU L 347, p. 3).

138    Il-Kummissjoni tirrifjuta l-argumenti ta’ CPEM.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

139    Skont l-Artikoli 186 u 187 tar-Regolament Nru 1605/2002, mill-1 ta’ Jannar 2003, ir-Regolament Finanzjarju tal-21 ta’ Diċembru 1977 ġie mħassar u r-referenzi għar-regolament imħassar għandhom jinftehmu bħala li qed isiru għar-Regolament Nru 1605/2002, skont it-tabella ta’ korrispondenza stabbilita fl-anness ta’ dan tal-aħħar.

140    Minn dan isegwi li, mill-1 ta’ Jannar 2003, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1605/2002 issostitwixxew lil dawk tar-Regolament tal-21 ta’ Diċembru 1977 fil-każijiet kollha fejn dan kien applikabbli, inkluż fir-rigward tal-għajnuna Komunitarja mogħtija taħt ir-regolament preċedenti.

141    F’din il-kawża, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li CPEM ma jurix u lanqas jallega li l-fatti li takkużah bihom il-Kummissjoni u li wasslu għall-kanċellament tal-għajnuna Komunitarja kienu jkunu leċitu skont ir-Regolament Finanzjarju tal-21 ta’ Diċembru 1977, iżda jillimita ruħu li jikkontesta l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1605/2002 għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. Għaldaqstant, fid-dawl tal-elementi tal-proċess, ma jidhirx li s-sostituzzjoni tar-Regolament Finanzjarju tal-21 ta’ Diċembru 1977, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta wara r-Regolament Nru 2779/98, mir-Regolament Nru 1605/2002, kellha xi effett fuq din il-kawża.

142    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li l-ħames parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda bħala infondata.

143    Peress li ż-żewġ motivi mqajma minn CPEM għandhom jiġu miċħuda, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud kompletament.

 Fuq l-ispejjeż

144    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li CPEM tilef il-kawża, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċedura għal miżuri provviżorji, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Is-Centre de promotion de l’emploi par la micro-entreprise (CPEM) huwa kkundannat għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-mifuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Ġunju 2009.

E. Coulon

 

      I. Pelikánová

Reġistratur

 

      President

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċeduri u t-talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet, intiż li jiġi rikonoxxut li CPEM għandu dritt għal kumpens

Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet kap tat-talbiet, intiż li jiġi rikonoxxut li l-persunal ta’ CPEM għandu dritt għal kumpens

Fuq il-mertu

1.  Fuq l-ewwel motiv, li jikkontesta l-proċedura segwita mill-OLAF u mill-Kummissjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  Fuq it-tieni motiv, li jikkontesta l-mertu tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett Franċiż ta’ korp mingħajr skop ta’ qligħ

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-għarfien żbaljat tar-relazzjonijiet bejn ir-rikorrent u l-belt ta’ Marsilja

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Gwida tal-Promotur ma għandhiex tiġi invokata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq ir-raba’ parti, dwar l-irregolaritajiet li qed jiġi akkużat bihom

Fuq l-ewwel argument, ibbażat fuq il-prassi tal-Kummissjoni fl-ambitu tal-FSE u allegata awtorizzazzjoni, mill-Kummissjoni, tat-teknika magħrufa bħala ta’ “valorizzazzjoni”

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tieni argument, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ irregolaritŕ serja fil-kontabbiltŕ tas-self mingħajr interessi

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tielet argument, ibbażat fuq allegata kontradizzjoni bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni ta’ għoti

Fuq ir-raba’ argument, ibbażat fuq l-għarfien mill-Kummissjoni ta’ ċerti fatti li ssir akkuża dwarhom fid-deċiżjoni kkontestata

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-ħames argument, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni magħmula fuq livell nazzjonali qabel ma aġixxiet fir-rigward tal-ilmenti

Fuq is-sitt argument, ibbażat fuq ir-riżultati tal-verifika li saret f’Awwissu 2003 mid-DĠ Impjiegi

Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltŕ tar-Regolament Nru 1605/2002

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.