Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Novembru 2007 - Ryanair vs Il-Kummisjoni

(Kawża T-423/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ryanair Ltd (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentant: E. Vahida, avukat)

Konvenuta: Il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropew

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara, skond l-Artikolu 232 KE, li l-Kummissjoni naqset milli tieħu azzjoni skond l-obbligi tagħha taħt it-Trattat KE, billi ma spjegatx il-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta' l-ilment tat-3 ta' Novembru 2005 li r-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni, segwit minn ittra ta' intimazzjoni datata 31 ta' Lulju 2007;

tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż kollha, inklużi dawk tal-proċeduri sostnuti mir-rikorrenti, anki jekk, wara li titressaq il-kawża, il-Kummissjoni tieħu azzjoni li, fl-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tneħħi l-bżonn li tingħata deċiżjoni, jew jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

tieħu kull azzjoni oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha li tkun xierqa.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu azzjoni billi ma spjegatx il-pożizzjoni tagħha, wara li ġiet mistiedna tagħmel dan skond l-Artikolu 232 KE, fuq il-bażi ta' ilment ippreżentat mir-rikorrenti fit-3 ta' Novembru 2005, fir-rigward ta' għajnuna mogħtija illegalment mill-Istat lill-Lufthansa u lis-soċji tagħha ta' Star Alliance permezz ta' l-użu esklużiv tat-Terminal 2 fl-Ajruport ta' Munich jew, sussidjarjament, fir-rigward ta' diskriminazzjoni anti-kompetittiva favur Lufthansa u s-soċji tagħha ta' Star Alliance, jekk jiġi kkunsidrat li l-Ajruport ta' Munich aġixxa b'mod awtonomu. Ir-riżerva ta' dan it-terminal mill-Ajruport ta' Munich għall-kompetituri potenzjali tar-rikorrenti tikkostitwixxi abbuż ta' pożizzjoni dominanti u b'hekk ksur ta' l-Artikolu 82 KE.

In sostenn ta' l-ewwel talba tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha d-dmir teżamina l-ilment b'mod diliġenti u imparzjali skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 659/19991, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/20032 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 773/20043, sabiex tadotta deċiżjoni li fiha tiddikjara li l-miżuri ta' l-Istat ma kinux jikkostitwixxu għajnuna fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE, jew li dawk il-miżuri kellhom ikunu kklassifikati bħala għajnuna fis-sens ta' l-imsemmija dispożizzjoni iżda huma kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87(2) u (3) KE, jew sabiex jinbdew proċeduri skond l-Artikolu 88(2) KE.

Alternattivament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, meta rċeviet l-ilment sussidjarju tagħha relatat ma' l-allegat abbuż ta' pożizzjoni dominanti, kellha l-obbligu li tibda proċeduri fir-rigward tas-suġġett ta' l-ilment, jew li tadotta deċiżjoni definittiva li tiċħad l-ilment, wara li tkun tat lil persuna li tkun ressqet l-ilment l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-perijodu ta' għoxrin xahar li ddekorra bejn meta sar l-ilment tar-rikorrenti u l-ittra ta' intimazzjoni kien twil iżżejjed, u n-nuqqas ta' teħid ta' azzjoni tal-Kummissjoni matul dak il-perijodu jikkostitwixxi nuqqas milli tittieħed azzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 232 KE.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1)

2 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (Test b'relevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 1, p. 1)

3 - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta' April 2004, dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 123, p. 18)