Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Novembru 2007 - Deutsche Post vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-421/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Deutsche Post AG (Bonn, il-Ġermanja) (rappreżentanti: J. Sedemund u T. Lübbig, Rechtsanwälte)

Konvenuta: il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta' Settembru 2007 "Għajnuna mogħtija mill-Istat C 36/2007 (ex NN 25/2007) - Għajnuna mogħtija mill-Istat lill-Deutsche Post AG, stedina sabiex jissottomettu l-kummenti skond l-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE"

tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni sabiex tinbeda l-proċedura skond l-Artikolu 88(2) fir-rigward ta' Għajnuna mogħtija mill-Istat C 26/2007 (ex NN 25/2007). Din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lill-Ġermanja b'ittra tat-12 ta' Settembru 2007 (ĠU C 245, p. 21). Il-proċedura li nbdiet permezz ta' din id-deċiżjoni hija intiża bħala stħarriġ addizzjonali għal-proċedura mibdija mill-Kummissjoni fit-23 ta' Ottubru 1999, u fil-kuntest ta' liema l-Kummissjoni adottat deċiżjoni negattiva finali fid-19 ta' Ġunju 2002 (ĠU L 247, p. 27). F'din id-deċiżjoni negattiva, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-prezzijiet tad-Deutsche Post għas-servizzi tagħha ta' ġbir u ta' distribuzzjoni fir-residenzi ta' pakketti kienu inqas mill-ispejjeż marġinali li huma karatteristiċi ta' tali politika ta' skont aggressiv ma kinitx tagħmel parti mill-obbligi tagħha ta' s-servizz pubbliku.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser prinċipi fundamentali ta' proċedura. B'mod partikolari, hemm ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni ta' l-aspettativi leġittimi, peress li l-Kummissjoni kien ilha għal diversi snin taf bil-fatti rilevanti tal-każ u fid-19 ta' Ġunju 2002 adottat f'dan ir-rigward deċiżjoni finali ta' għeluq tal-proċedura. Minbarra dan, id-drittijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-rikorrenti li jkunu parti fil-proċedura ġew miksura, peress li ma ingħatawx il-possibbiltà li jieħdu pożizzjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F'dan il-kuntest ir-rikorrenti ssostni, finalment, li jeżisti ksur tar-Regolament (KE) Nru 659/19991, peress li mill-istruttura ta' din id-dispożizzjoni jirriżulta li deċiżjoni negattiva bħal dik tad-19 ta' Ġunju 2002 hija finali u li l-konvenuta ma tistax tirrepeti proċedura ta' verifika ta' l-għajnuna fuq każ li diġà kien is-suġġett ta' evalwazzjoni definittiva.

Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-konvenuta kisret l-obbligu ta' motivazzjoni skond l-Artikolu 253 KE u ta' l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, peress li d-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, ma jirriżultax b'mod ċar liema huma l-miżuri li l-Kummissjoni tixtieq tikklassifika bħala għajnuna mogħtija mill-Istat u, min-naħa l-oħra, ma tinkludi l-ebda evalwazzjoni legali f'dan ir-rigward.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur ta' l-Artikolu 87(1) KE u 88 KE, peress li l-miżuri elenkati fid-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala għajnuna mogħtija mill-Istat.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu [88 KE] (ĠU L 83, p. 1)