Language of document : ECLI:EU:T:2011:226

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

19 ta’ Mejju 2011 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Kompetizzjoni — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Settur tal-avjazzjoni — Użu esklużiv tat-terminal 2 tal-ajruport ta’ München — Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni — Teħid ta’ pożizzjoni mill-Kummissjoni — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni — Obbligu li tittieħed azzjoni — Assenza”

Fil-Kawża T-423/07,

Ryanair Ltd, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda), irrappreżentata minn E. Vahida, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, S. Noë u E. Righini, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħal suġġett talba sabiex jiġi kkonstatat nuqqas li tittieħed azzjoni mill-Kummissjoni billi, illegalment, ma ħaditx pożizzjoni fuq l-ilment tar-rikorrenti dwar, minn naħa, għajnuna allegatament mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lil Lufthansa u lis-soċji tagħha tal-iStar Alliance, fil-forma tal-użu esklużiv tat-terminal 2 tal-ajruport ta’ München (il-Ġermanja) u, min-naħa l-oħra, allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti mill-ajruport ta’ München,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn S. Papasavvas, President, V. Vadapalas (Relatur) u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Diċembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 8, Vol. 1, p. 339) jistipula kif ġej:

“Fejn il-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni minn kwalunkwe sors li jirrigwarda allegata għajnuna kontra l-liġi, għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien”.

2        L-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999 jgħid:

“Kull parti interessata tista’ tinforma lill-Kummissjoni dwar kull allegata għajnuna llegali u dwar kull allegat użu ħażin ta’ għajnuna. Fejn il-Kummissjoni tikkonsidra li abbażi ta’ l-informazzjoni fil-pussess tagħha m’hemmx raġunijiet biżżejjed biex tingħata opinjoni dwar il-każ, għandha tinforma lill-parti interessata b’dan. Fejn il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni fuq każ li jikkonċerna s-suġġett ta’ l-argument ta’ l-informazzjoni fornuta, għandha tibgħat kopja ta’ dik id-deċiżjoni lill-parti interessata”.

3        L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 8, Vol. 2, p. 205), jgħid kif ġej:

“1. Fejn il-Kummissjoni, taggixxi fuq ilment jew fuq l-inizjattiva proprja tagħha, issib li hemm ksur ta’ l-Artikolu 81 [KE] jew ta’ l-Artikolu 82 [KE], tista’ b’deċiżjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża konċernata li itemm dan il-ksur. Għal dan il-għan, tista’ timponi fuqhom kwalunkwe rimedju komportamentali jew strutturali li huma proporzjonali għall-ksur kommess u neċessarju biex iġib fit-temm dan il-ksur. Rimedji strutturali jistgħu jiġu imposti biss jekk ma jkunx hemm rimedju ta’ komportamentali li hu effettiv ugwalment jew jekk ir-rimedju komportamentali li hu effettiv ugwalment ikun ta’ aktar piż għal l-impriża kunċernata min rimedju strutturali. Jekk il-Kummissjoni għandha interessi legitimi li tagħmel hekk, hi tista issib li kien hemm xi ksur li sar fil-passat.

2. Dawk intitolati li iqiegħdu xi ilment għall-għan ta’ paragrafu 1 huma persuni naturali jew legali li jistgħu juru interess leġitimu u l-Istati Membri”.

4        Il-premessa 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 [KE] sa 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 8, Vol. 3, p. 81), tgħid:

“Biex ikun ammissibbli għall-finijiet ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament […] Nru 1/2003, ilment għandu jkun fih ċerta informazzjoni speċifikata”.

5        Il-premessa 7 tar-Regolament Nru 773/2004 tistipula:

“Biex tassisti ’l dawk li jagħmlu ilment biex jissottomettu l-fatti meħtieġa lill-Kummissjoni, għandha tinkiteb formola. Is-sottomissjoni ta’ informazzjoni elenkata f’dik il-formola għandha tkun kondizzjoni biex ilment ikun ittrattat bħala ilment kif jirreferi għalih l-Artikolu 7 tar-Regolament […] Nru 1/2003”.

6        L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 773/2004 jistipula kif ġej:

“Persuni naturali u ġuridiċi għandhom juru interess leġittimu biex ikunu intitolati jippreżentaw ilment għall-finijiet ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament […] Nru 1/2003.

Ilmenti tali għandu jkun fihom l-informazzjoni rekwiżita mill-Formola C, kif miġjuba fl-Anness. Il-Kummissjoni tista’ teżenta minn dan l-obbligu fir-rigward ta’ parti ta’ l-informazzjoni, inklużi dokumenti, rekwiżiti mill-Formola C”.

7        Il-paragrafu 3 tal-formola C, li tinsab fl-anness tar-Regolament Nru 773/2004, jgħid:

“Agħti fid-dettall il-fatti li minnhom, fl-opinjoni tiegħek, jidher li jeżisti ksur ta’ l-Artikolu 81 [KE] 82 [KE …]. Indika b’mod partikolari n-natura tal-prodotti (merkanzija jew servizzi) milquta mill-ksur allegat u spjega, fejn meħtieġ, ir-relazzjonijiet kummerċjali dwar dawn il-prodotti. Ipprovdi d-dettalji kollha disponibbli dwar il-ftehim u prattiċi (prassi) ta’ l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li magħhom dan l-ilment ikun konness. Indika, sakemm hu possibbli, il-posizzjonijiet relattivi tas-suq ta’ l-impriżi kkonċernati bl-ilment”.

8        Il-paragrafu 6 tal-formola C, li tinsab fl-anness tar-Regolament Nru 773/2004, jipprovdi:

“Spjega x’sentenza (verdett, riżultat) jew azzjoni qiegħed tfittex (titlob) bħala riżultat tal-proċeduri miġjuba mill-Kummissjoni”.

9        Il-paragrafu 8 tal-formola C, li tinsab fl-anness tar-Regolament Nru 773/2004, jistipula kif ġej:

“Ipprovdi informazzjoni sħiħa dwar jekk avviċinajtx, dwar l-istess suġġetti jew suġġetti konnessi mill-qrib, xi awtorita tal-kompetizzjoni oħra u/jew jekk saritx kawża quddiem qorti nazzjonali. Jekk inhu hekk, ipprovdi dettalji sħaħ dwar l-awtorita amministrattiva jew ġudizzjali (ġudizzjarja) kkuntattjata u s-sottomissjonijiet tiegħek lill-awtorita tali”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10      Fit-3 ta’ Novembru 2005, ir-rikorrenti, Ryanair Ltd, bagħtet ittra lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li kellha bħala suġġett “ilment kontra l-ajruport ta’ München minħabba għajnuna mill-Istat lil Lufthansa”.

11      F’dan l-ilment, ir-rikorrenti oġġezzjonat għall-fatt li Lufthansa u s-soċji tagħha tal-iStar Alliance (iktar ’il quddiem is-“soċji tal-iStar Alliance”) kellhom l-użu esklużiv tat-terminal 2 tal-ajruport ta’ München (il-Ġermanja). Hija sostniet li dan l-użu esklużiv kien “ingħata bi spiża ta’ EUR 1.5 biljun” bil-konsegwenza ta’ “telf finanzjarju ta’ iktar minn EUR 100 miljun matul l-aħħar sentejn għall-ajruport”. Skont ir-rikorrenti, din is-sitwazzjoni kienet tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti, inkwantu ġie rrifjutat lilha l-aċċess għat-terminal inkwistjoni. Barra minn hekk, kien ifisser li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu taw għajnuna mill-Istat sostanzjali lil Lufthansa. L-ilment semma’ li dan “l-abbuż manifest” tar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat jikser ukoll il-linji gwida Komunitarji ppubblikati reċentement mill-Kummissjoni fuq il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna mill-Istat biex jibdew joperaw (start-up aid) il-kumpanniji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali. Konsegwentement, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni teżamina “id-distorsjoni serja tal-kompetizzjoni” li tirriżulta mill-vantaġġi mogħtija lil Lufthansa mill-ajruport ta’ München u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Ġie indikat ukoll fl-ilment li kopja tiegħu kienet ser tintbagħat lid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni, li kienet ser tintalab teżamina l-abbuż minn pożizzjoni dominanti tal-ajruport ta’ München li kien jikkonsisti fil-fatt li rrifjuta li r-rikorrenti topera mit-terminal 2 ta’ dan l-ajruport. Ir-rikorrenti fl-aħħar nett talbet li d-DĠ “Trasport u Enerġija” tal-Kummissjoni tobbliga lil Lufthansa tirrimborsa l-ammonti sostanzjali ta’ għajnuna mill-Istat li kienet irċeviet.

12      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet l-ilment, irreġistrat fl-4 ta’ Novembru 2005. Il-Kummissjoni indikat li, b’mod konformi mal-proċedura ta’ eżami tal-ilmenti li jallegaw għajnuna mill-Istat, id-dipartimenti tagħha kienu ser jiktbu lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jitolbuhom kjarifiki fuq l-allegata għajnuna mogħtija.

13      B’ittra tat-23 ta’ Jannar 2007, ir-rikorrenti fakkret lill-Kummissjoni li kienu għaddew 14-il xahar minn mindu kienet ikkonfermat li rċeviet l-ilment tagħha fejn allegat għajnuna mill-Istat favur Lufthansa u li kien possibbli għaliha, matul dak iż-żmien, tikseb l-informazzjoni neċessarja mill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex tibda investigazzjoni uffiċjali.

14      Fil-31 ta’ Lulju 2007, peress li ma rċevietx risposta għall-ilment tagħha, ir-rikorrenti bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Kummissjoni, li permezz tagħha stednitha formalment tieħu azzjoni skont l-Artikolu 232 KE (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ intimazzjoni”).

15      Fl-ittra ta’ intimazzjoni, ir-rikorrenti stiednet lill-Kummissjoni tapplika l-proċeduri previsti mir-Regolament Nru 659/1999, mir-Regolament Nru 1/2003 u mir-Regolament Nru 773/2004.

16      Ir-rikorrenti, b’mod partikolari, stiednet lil-Kummissjoni:

–        fl-ewwel lok, tordna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tissospendi l-għajnuna mill-Istat ikkonċernata, almenu sakemm il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999, fit-tieni lok, tadotta deċiżjoni formali fil-kuntest tal-eżami preliminari tal-għoti tal-għajnuna mill-Istat ikkontestata fl-ilment tagħha, minn naħa taħt l-Artikolu 4(2), (3) jew (4) tar-Regolament Nru 659/1999 u, min-naħa l-oħra, taħt l-Artikolu 13(1) tal-istess regolament, u, fit-tielet lok, iżżommha informata bid-deċiżjonijiet meħuda, b’mod konformi mal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999;

–        tordna s-sospensjoni tal-aġir antikompetittiv ikkontestat fl-ilment tagħha, bħala miżura provviżorja, taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1/2003 u tibda proċedura sabiex tiġi adottata deċiżjoni skont il-kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003 dwar l-imsemmi aġir antikompetittiv jew tinformaha bil-motivi għalfejn hemm lok li l-ilment jiġi miċħud b’mod konformi mal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 773/2004.

17      B’ittra tat-2 ta’ Awwissu 2007, il-Kummissjoni kkonfermat li kienet irċeviet l-ittra ta’ intimazzjoni u indikat li kienet ingħatat lid-DĠ “Trasport u Enerġija”.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

19      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara, b’mod konformi mal-Artikolu 232 KE, li l-Kummissjoni, illegalment, ma ħaditx pożizzjoni, għalkemm intalbet tagħmel dan formalment, fuq l-ilment ippreżentat fit-3 ta’ Novembru 2005;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha, inklużi dawk sostnuti minnha fil-kuntest tal-proċedura, anki jekk, wara l-preżentata tar-rikors, il-Kummissjoni tieħu miżuri li, skont il-Qorti Ġenerali, minħabba fihom l-imsemmi rikors ma jibqax ikollu skop, jew jekk il-Qorti Ġenerali tiċħad it-talba bħala inammissibbli;

–        tieħu kwalunkwe miżura oħra li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra xierqa.

20      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

21      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ April 2008 (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-14 ta’ April 2008”), ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali tadotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex jiġu prodotti ċerti dokumenti msemmija mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha.

22      Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ittra tal-14 ta’ April 2008, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ April 2008, il-Kummissjoni talbet li l-Qorti Ġenerali tiċħad it-talba tar-rikorrenti għal miżuri tal-organizzazzjoni tal-proċedura.

23      B’ittra tas-16 ta’ Jannar 2009 (iktar ’il quddiem l-“ittra tas-16 ta’ Jannar 2009”), il-Kummissjoni bagħtet lill-Qorti Ġenerali kopja tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2008 sabiex tibda, b’mod konformi mal-Artikolu 88(2) KE, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali C 38/08 (ex NN 53/07), il-Ġermanja – Miżuri favur it-terminal 2 tal-ajruport ta’ München (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2008”). F’din l-ittra, il-Kummissjoni sostniet li, wara d-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2008, dan ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni ma kienx għad għandu skop. Barra minn hekk, esprimiet ix-xewqa li r-rikorrenti tgħarraf lill-Qorti Ġenerali li kienet ser tirrinunzja għall-kawża u talbet dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, b’mod konformi mal-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, f’każ li r-rikorrenti ma tirrinunzjax għall-kawża.

24      Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ittra tas-16 ta’ Jannar 2009, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Frar 2009, ir-rikorrenti ddikjarat li ma riditx tirrinunzja għall-kawża, billi l-Kummissjoni ma kinitx intervjeniet fir-rigward ta’ wħud mill-punti msemmija fl-ilment, b’mod partikolari fir-rigward tas-soċji tal-iStar Alliance, u li d-deċiżjoni li tinbeda proċedura formali kjarament ma kinitx ekwivalenti għad-definizzjoni mill-Kummissjoni tal-pożizzjoni tagħha fuq l-ilment tagħha fir-rigward tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti. Konsegwentement, ir-rikorrenti talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talbiet kollha tal-Kummissjoni li jinsabu fl-ittra tas-16 ta’ Jannar 2009;

–        tiddikjara li l-Kummissjoni hija ħatja ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni billi ma aġixxietx fuq l-ilment tagħha dwar abbuż minn pożizzjoni dominanti f’każ li l-Qorti Ġenerali ma tkunx tista’ tiddikjara li l-Kummissjoni hija ħatja ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni meta ma aġixxietx fuq l-ilment tagħha kontra l-għoti ta’ għajnuna illegali;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni dwar l-allegata għajnuna mill-Istat favur Lufthansa u s-soċji tagħha tal-iStar Alliance

25      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk, meta l-Kummissjoni ġiet intimata formalment fis-sens tal-Artikolu 232 KE, hija kellhiex obbligu li tieħu azzjoni (digrieti tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Novembru 1995, Dumez vs Il-Kummissjoni, T‑126/95, Ġabra p. II‑2863, punt 44; tas-6 ta’ Lulju 1998, Goldstein vs Il-Kummissjoni, T‑286/97, Ġabra p. II‑2629, punt 24, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998, Gestevisión Telecinco vs Il-Kummissjoni, T‑95/96, Ġabra p. II‑3407, punt 71).

26      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rimedju previst fl-Artikolu 232 KE, li għandu għanijiet differenti mir-rimedju previst fl-Artikolu 226 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ April 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑154/00, Ġabra p. I‑3879, punt 28), huwa bbażat fuq l-idea li n-nuqqas ta’ azzjoni illegali tal-istituzzjoni inkwistjoni jippermetti li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita sabiex tiddikjara li n-nuqqas li tittieħed azzjoni jmur kontra t-trattat, meta l-istituzzjoni kkonċernata ma tkunx għamlet tajjeb għal dan in-nuqqas. Din id-dikjarazzjoni għandha l-effett, skont l-Artikolu 233 KE, li l-istituzzjoni konvenuta għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bla ħsara għall-azzjonijiet għad-danni minħabba responsabbiltà mhux kuntrattwali li jistgħu jirriżultaw mill-istess dikjarazzjoni. Fil-każ li l-att li n-nuqqas tiegħu huwa l-iskop tal-kawża jkun ġie adottat wara li jkun ġie ppreżentat ir-rikors, iżda qabel ma tingħata s-sentenza, dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata l-illegalità tan-nuqqas inizjali ma tkunx għad tista’ twassal għall-konsegwenzi previsti mill-Artikolu 233 KE. Minn dan jirriżulta li, f’każ bħal dan, bħal fejn l-istituzzjoni konvenuta tkun irreaġixxiet għat-talba sabiex tieħu azzjoni fit-terminu ta’ xahrejn, l-iskop tar-rikors ma jkunx għadu jeżisti, b’mod li ma jkunx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni (ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2000, Sodima vs Il-Kummissjoni, C‑44/00 P, Ġabra p. I‑11231, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Frar 2004, SIC vs Il-Kummissjoni, T‑297/01 u T‑298/01, Ġabra p. II‑743, punt 31). Il-fatt li dan it-teħid ta’ pożizzjoni tal-istituzzjoni ma jagħtix sodisfazzjon lir-rikorrenti huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, peress li l-Artikolu 232 KE jkopri n-nuqqas li tittieħed azzjoni billi ma titteħidx deċiżjoni jew pożizzjoni u mhux l-adozzjoni ta’ att differenti minn dak li din il-parti xtaqet jew ikkunsidrat neċessarju (ara d-digriet Sodima vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata d-deċiżjoni dwar it-talbiet għal dikjarazzoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni dwar l-allegata għajnuna mill-Istat favur Lufthansa u s-soċji tal-iStar Alliance.

28      Ir-rikorrenti ssostni li n-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni jikkonsisti fil-fatt li, wara l-iskambju ta’ korrispondenza mal-awtoritajiet Ġermaniżi, milli jidher il-Kummissjoni ma ħadet ebda miżura u b’mod partikolari, ma adottatx deċiżjoni li tiddikjara jew li l-miżura tal-Istat ikkonċernata ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artiolu 87(1) KE, jew li tali miżura kellha tiġi kkwalifikata bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE iżda kienet kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(2) u (3) KE, jew li kellu jingħata bidu għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 88(2) KE. B’hekk, il-Kummissjoni, illegalment, ma ħaditx azzjoni fir-rigward tal-ilment li jallega għajnuna mill-Istat favur Lufthansa u s-soċji tal-iStar Alliance.

29      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, issostni li t-talbiet għal nuqqas li tittieħed azzjoni dwar l-allegata għajnuna mill-Istat ma humiex fondati u li, fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2008, dan ir-rikors ma għadx għandu skop.

30      Mingħajr ma hemm bżonn li jiġi vverifikat jekk, fi żmien l-intimazzjoni fis-sens tal-Artikolu 232 KE, il-Kummissjoni kellhiex obbligu li tieħu azzjoni, huwa paċifiku li, permezz tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward tal-allegata għajnuna mill-Istat favur Lufthansa.

31      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni, meta adottat waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija fl-ittra ta’ intimazzjoni, ħadet pożizzjoni kif xieraq, fis-sens tal-Artikolu 232 KE, fuq it-talba tar-rikorrenti sabiex tieħu azzjoni f’dan ir-rigward.

32      Konsegwentement, jekk ir-rikorrenti kellha interess leġittimu sabiex tippreżenta dan ir-rikors, dan ma għadx għandu skop sa fejn jitlob il-konstatazzjoni tan-nuqqas illegali tal-Kummissjoni milli tieħu pożizzjoni fuq il-parti tal-ilment tar-rikorrenti dwar l-allegata għajnuna mill-Istat favur Lufthansa.

33      Konsegwentement, ma għadx hemm lok li tittieħed azzjoni fuq it-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni fir-rigward tal-allegata għajnuna mill-Istat favur Lufhansa.

34      Fir-rigward tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni dwar l-allegata għajnuna mill-Istat favur is-soċji tal-iStar Alliance, ir-rikorrenti ssostni li, minkejja l-adozzjoni tad-deċżjoni tat-23 ta’ Lulju 2008, għad hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq din il-parti tar-rikors.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2008 ma tistax tiġi kkunsidrata bħala teħid ta’ pożizzjoni mill-Kummissjoni fuq l-allegata għajnuna mill-Istat favur is-soċji tal-iStar Alliance, peress li din id-deċiżjoni tirrigwarda biss l-allegata għajnuna mill-Istat favur Lufthansa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ġustament issostni li hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq din il-parti tar-rikors u li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni naqset milli tieħu azzjoni fuq dan il-punt illegalment.

36      Hekk kif tfakkar fil-punt 25 iktar ’il fuq, sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk, meta l-Kummissjoni ġiet intimata fis-sens tal-Artikolu 232 KE, hija kellhiex obbligu li tieħu azzjoni.

37      Għal dak li jirrigwarda l-għajnuna mill-Istat, is-sitwazzjonijiet fejn il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tieħu azzjoni fir-rigward tal-għajnuna illegali huma rregolati mir-Regolament Nru 659/1999. Skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, “[f]ejn il-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni minn kwalunkwe sors li jirrigwarda allegata għajnuna kontra l-liġi, għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien”. Skont l-Artikolu 20(2) tal-istess regolament, “Kull parti interessata tista’ tinforma lill-Kummissjoni dwar kull allegata għajnuna llegali u dwar kull allegat użu ħażin ta’ għajnuna”. Skont din l-istess dispożizzjoni, “Fejn il-Kummissjoni tikkonsidra li abbażi ta’ l-informazzjoni fil-pussess tagħha m’hemmx raġunijiet biżżejjed biex tingħata opinjoni dwar il-każ, għandha tinforma lill-parti interessata b’dan”.

38      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-ilment kienx dirett kontra għajnuna allegatament illegali favur is-soċji tal-iStar Alliance.

39      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li fl-ilment tagħha, ir-rikorrenti fir-realtà allegat sempliċiment għajnuna mill-Istat favur Lufthansa u mhux favur is-soċji tal-iStar Alliance. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ilment, li t-titolu tiegħu kien “ilment kontra l-ajruport ta’ München minħabba għajnuna mill-Istat lil Lufthansa”, ir-rikorrenti speċifikat li l-użu esklużiv tat-terminal 2 tal-ajruport ta’ München minn Lufthansa u s-soċji tagħha tal-iStar Alliance kien ifisser li l-awtoritajiet Ġermaniżi taw għajnuna mill-Istat sostanzjali lil Lufthansa. Ir-rikorrenti talbet ukoll lill-Kummissjoni teżamina “id-distorsjoni serja tal-kompetizzjoni” li tirriżulta mill-vantaġġi mogħtija lil Lufthansa mill-ajruport ta’ München u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti talbet li d-DĠ “Trasport u Enerġija” iġiegħel lil Lufthansa tirrimborsa l-ammonti sostanzjali ta’ għajnuna mill-Istat li kienet irċeviet. B’ebda mod ma jirriżulta mill-kliem tal-ilment li r-rikorrenti identifikat lis-soċji tal-iStar Alliance bħala l-benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li fl-ittra ta’ tfakkir tat-23 ta’ Jannar 2007, annessa mar-replika, l-unika benefiċjarja tal-allegata għajnuna mill-Istat ukoll kienet Lufthansa.

40      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, meta saret l-intimazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 232 KE, ma kien hemm ebda obbligu fuq il-Kummissjoni li tieħu azzjoni fir-rigward ta’ allegata għajnuna mill-Istat favur is-soċji tal-iStar Alliance u għalhekk ma tistax tiġi akkużata b’nuqqas li tieħu azzjoni, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 iktar ’il fuq.

41      Minn dan isegwi li t-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni dwar l-allegata għajnuna mill-Istat favur is-soċji tal-iStar Alliance għandhom jiġu miċħuda bħala infondati, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu adottati l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrenti.

 Fuq it-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni dwar l-allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti

 L-argumenti tal-partijiet

42      Ir-rikorrenti ssostni li, meta l-Kummissjoni tirċievi lment, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004, hija għandha teżamina bir-reqqa l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li tkun ġiet mgħarrfa bihom mill-persuna li tilmenta sabiex tiddeċiedi, f’terminu raġonevoli, jekk għandhiex tibda l-proċedura biex jiġi kkonstatat ksur jew jekk għandhiex tiċħad l-ilment mingħajr ma tibda l-proċedura jew tipproċedi għall-arkivjar tal-każ. Hija żżid li, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-eżami ta’ lment skont l-Artikolu 82 KE huwa inġustifikat jew superfluwu, hija għandha tinformaha bid-deċiżoni tagħha, billi tesponi l-motivi tagħha, b’tali mod li l-legalità tagħha tkun tista’ tiġi mistħarrġa.

43      Fil-fehma tagħha, billi l-ilment tagħha kien dirett ukoll kontra ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tieħu azzjoni fi żmien raġonevoli.

44      Minn naħa, il-Kummissjoni ma indikatilhiex f’terminu ta’ erba’ xhur, b’mod konformi mal-punt 61 tal-abbozz tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar it-trattament tal-ilmenti mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU 2004, C 101, p. 65), jekk kienx biħsiebha tinvestiga l-każ. Min-naħa l-oħra, ma ħadet ebda waħda mid-deċiżjonijiet li kellha tieħu wara li rċeviet l-ilment, jiġifieri, jew id-deċiżjoni li tibda l-proċedura sabiex tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 82 KE, jew id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment wara li tinforma lill-persuna li tilmenta b’mod konformi mal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 773/2004, jew id-deċiżjoni motivata debitament li ma tinvestigax l-ilment minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju. Ir-rikorrenti tikkunsidra konsegwentement li n-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni għandu jiġi kkonstatat.

45      Fir-replika, ir-rikorrenti enfasizzat ukoll li ma kinitx ingħatat l-opportunità tuża l-formola C li tinsab fl-anness tar-Regolament Nru 773/2004 peress li l-ilment tagħha kien jirrigwarda, flimkien, ilment kontra għajnuna mill-Istat u lment dwar abbuż minn pożizzjoni dominanti u l-Kummissjoni ma kinitx ipprovdiet għal formoli għall-ilmenti abbinati. Hija żiedet tgħid, barra minn hekk, li, peress li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 773/2004 kien sempliċiment jindika li “[i]lmenti […] għandu jkun fihom l-informazzjoni rekwiżita mill-Formola C, kif miġjuba fl-Anness”, din id-dipsożizzjoni timponi biss li tingħata din l-informazzjoni filwaqt li tħalli lill-persuna li tilmenta libera li tagħżel il-forma u l-ordni li fiha tingħata l-informazzjoni. Skont ir-rikorrenti, l-ilment tagħha kien validu billi l-informazzjoni meħtieġa mill-formola C jew kienet inkluża fl-ilment, jew kienet diġà taf biha l-Kummissjoni, jew ma kinitx disponibbli.

46      Il-Kummissjoni ssostni li l-ilment kien jikkonċerna prinċipalment l-għoti ta’ għajnuna illegali mill-Istat, li din l-ittra ntbagħtet lil dawk id-dipartimenti tagħha li jittrattaw l-għajnuna mill-Istat fis-settur tat-trasport u li t-titolu tiegħu kien “ilment kontra l-ajruport ta’ München minħabba għajnuna mill-Istat lil Lufthansa”. Il-Kummissjoni ma tikkontestax li r-rikorrenti sostniet ukoll fl-ittra tagħha li l-ajruport ta’ München abbuża mill-pożizzjoni dominanti tiegħu, u lanqas li kopja ta’ din l-ittra kienet ser tintbagħat lid-DĠ “Kompetizzjoni”, jiġifieri lid-dipartiment tal-Kummissjoni li kien responsabbli mill-investigazzjoni tal-ksur tal-Aritkoli 81 KE u 82 KE. Madankollu, hija tikkunsidra li l-argumenti dwar l-abbuż minn pożizzjoni dominanti kjarament kienu inqas importanti u, fi kwalunkwe każ, ma kinux dettaljati biżżejjed. Fil-fatt, ir-rikorrenti affermat sempliċiment li Lufthansa u s-soċji tal-iStar Alliance kellhom l-użu esklużiv tat-terminal 2 tal-ajruport ta’ München u li dan kien jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti.

47      Il-Kummissjoni ssostni li affermazzjoni bħal din ma tistax tiġi kkunsidrata bħala lment fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, hija tfakkar b’mod partikolari li, b’mod konformi mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 773/2004, ilment fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 “għandu jkun fihom l-informazzjoni rekwiżita mill-Formola C, kif miġjuba fl-Anness”.

48      Il-Kummissjoni tosserva wkoll, fil-kontroreplika, li, jekk jitqies li dokument wieħed jista’ jinkludi kemm ilment li jallega għajnuna illegali mill-Istat kif ukoll ilment li jallega abbuż minn pożizzjoni dominanti, il-persuna li tilmenta kjarament ikollha tistabbilixxi dan b’mod ċar ħafna. Barra minn hekk, hija tenfasizza li, għalkemm l-ilment effettivament kien jinkludi ċerta informazzjoni meħtieġa mill-formola C, ċerta informazzjoni importanti kienet nieqsa. Skont il-Kummissjoni, l-informazzjoni mitluba mill-paragrafi 6 sa 8 ta’ din il-formola ma ngħatatx u l-ilment kien fih biss biċċiet mill-informazzjoni mitluba fil-paragrafi l-oħra tal-formola.

49      Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ssostni, fl-ittra tagħha tas-16 ta’ Jannar 2009, li, wara d-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2008 li permezz tagħha fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-każ tat-terminal 2 tal-ajruport ta’ München, ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni tar-rikorrenti tilef l-iskop tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

50      B’mod preliminari, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li, wara d-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2008, ir-rikors tilef l-iskop tiegħu anki għal dak li jikkonċerna l-allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti.

51      Fil-fatt, peress li din id-deċiżjoni tirrigwarda biss l-allegata għajnuna mill-Istat favur Lufthansa li dwarha lmentat ir-rikorrenti u mhux fuq l-allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti, ma jistax jiġi kkunsdirat li tikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni fuq l-allegazzjoni msemmija l-aħħar.

52      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, f’dan il-każ, jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni naqset milli tieħu azzjoni illegalment fir-rigward tal-allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti. Għal dan il-għan, għandu jiġi eżaminat jekk, fi żmien l-intimazzjoni fis-sens tal-Artikolu 232 KE, il-Kummissjoni kellhiex obbligu li tieħu azzjoni (ara l-punt 25 iktar ’il fuq).

53      Il-kriterji rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ obbligu li tittieħed azzjoni, fir-rigward tal-allegat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti mill-Artikoli 81 KE u 82 KE, ġew imfakkra mir-rikorrenti stess. Fil-fatt, hija enfasizzat li, meta l-Kummissjoni tirċievi lment, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004, hija għandha teżamina bir-reqqa l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li tkun ġiet mgħarrfa bihom mill-persuna li tilmenta sabiex tiddeċiedi, f’terminu raġonevoli, jekk għandhiex tibda l-proċedura biex jiġi kkonstatat ksur jew jekk għandhiex tiċħad l-ilment mingħajr ma tibda l-proċedura jew tipproċedi għall-arkivjar tal-każ. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-eżami ta’ lment, skont l-Artikolu 82 KE, huwa inġustifikat jew superfluwu, hija għandha tinforma lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tagħha, billi tesponi l-motivi tagħha, b’tali mod li l-legalità tagħha tkun tista’ tiġi mistħarrġa.

54      Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-imsemmija regolamenti ma ġewx osservati mir-rikorrenti f’dan il-każ.

55      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont il-premessi 6 u 7 tar-Regolament Nru 773/2004, sabiex jitqies bħala lment li jallega ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti mill-Artikoli 81 KE u 82 KE, ilment bilfors għandu jkun konformi mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 773/2004, dwar l-ammissibbiltà tal-ilmenti, li jipprovdi espressament, minn naħa, li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi għandhom juru interess leġittimu biex ikunu jistgħu jressqu lment għall-finijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 u, min-naħa l-oħra, li l-ilment għandu jinkludi l-informazzjoni previta fil-formola C li tinsab fl-anness tar-Regolament Nru 773/2004.

56      Fir-rigward tal-formola C, li għaliha jirreferi l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 773/2004, din tipprovdi li l-persuna li tilmenta għandha tagħti ċerta informazzjoni insostenn tal-ilment tagħha. Skont, b’mod partikolari l-paragrafi 3 sa 8 tal-imsemmija formola, il-persuna li tilmenta għandha, fl-ewwel lok, tesponi fid-dettall il-fatti li minnhom jista’ jiġi dedott li nkiser l-Artikolu 81 KE jew l-Artikolu 82 KE, fit-tieni lok, tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-portata ġeografika tal-ksur preżunt u tispjega, jekk dan ma jkunx evidenti, sa fejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew bejn l-Unjoni u Stat jew diversi Stati taż-Żona Ewropea ta’ Kummerċ Liberu (EFTA) li jagħmlu parti miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jista’ jiġi affettwat mill-aġir allegat, fit-tielet lok, tispjega r-riżultat mixtieq, f’termini ta’ konklużjonijiet jew miżuri, mill-proċedura mibdija mill-Kummissjoni, fir-raba’ lok, tesponi l-motivi li permezz tagħhom hija tippretendi li għandha interess leġittimu bħala persuna li tilmenta b’mod konformi mal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, billi tispjega b’mod partikolari kif ġiet leża mill-aġir allegat u tispjega kif, fil-fehma tagħha, l-intervent mill-Kummissjoni jkun jista’ jirrimedja l-ilmenti allegati u, fil-ħames lok, tispeċifika jekk ittiħdux passi quddiem awtorità oħra tal-kompetizzjoni u jekk inbdewx proċeduri quddiem qorti nazzjonali għall-istess raġunijiet jew għal raġunijiet marbutin mill-qrib.

57      F’dan il-każ, mill-ilment jirriżulta li, fir-rigward tal-allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti, ir-rikorrenti, essenzjalment, semmiet sempliċiment li l-użu esklużiv minn Lufthansa u s-soċji tagħha tal-iStar Alliance tat-terminal 2 tal-ajruport ta’ München kien jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti u li kienet ser tibgħat kopja tal-ilment tagħha lid-DĠ “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni sabiex titolbu jinvestiga l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti tal-ajruport ta’ München li kien jikkonsisti fil-fatt li l-imsemmi ajruport irrifjuta li jħalliha topera mit-terminal 2 ta’ dan l-ajruport.

58      Dawn l-indikazzjonijiet ma jistgħux jitqiesu bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 773/2004. Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tal-kontenut tal-ilment, il-Kummissjoni ma setgħetx raġonevolment tqis li kien tressaq quddiemha lment li kien jallega abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens tar-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004.

59      L-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-ilment kien fih biżżejjed informazzjoni biex jiġi kkunsidrat bħala lment fis-sens tar-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 għandha tiġi miċħuda b’mod partikolari peress li r-rikorrenti ma wrietx interess leġittimu b’mod konformi mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 773/2004 u peress li ċerta informazzjoni meħtieġa mill-formola C li tinsab fl-anness tar-Regolament Nru 773/2004 kienet nieqsa. Fost din l-informazzjoni, kien hemm b’mod partikolari dik imsemmija fil-paragrafu 3 tal-imsemmija formola, li titlob li r-rikorrenti għandha tesponi fid-dettall il-fatti li minnhom jista’ jiġi dedott li nkiser l-Artikolu 82 KE.

60      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, għalkemm ir-rikorrenti esponiet numru ta’ fatti sabiex turi li kien hemm għajnuna mill-Istat favur Lufthansa, l-ilment ma kien fih ebda dikjarazzjoni ta’ fatti li setgħet tispjega kif l-ajruport ta’ München kellu pożizzjoni dominanti, u lanqas għalfejn il-fatt li t-terminal 2 ġie rriżervat għal Lufthansa u s-soċji tagħha tal-iStar Alliance kien jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti mill-ajruport ta’ München. Hekk kif issostni l-Kummissjoni fil-kontoreplika tagħha, it-terminal 1 tal-ajruport ta’ München jintuża minn numru kbir ta’ kumpanniji tal-ajru (Aer Lingus, AirBerlin, Air France, Alitalia, British Airways, EasyJet, Germanwings, Iberia u KLM). Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tagħtix raġunijiet għalfejn hija “eskluża mill-aċċess għas-suq tal-ajruport ta’ München” meta tingħata l-possibbiltà tuża l-istess terminal bħal dak li jintuża minn dawn il-kumpanniji tal-ajru. Lanqas ma tistabbilixxi għalfejn l-ajruport ta’ München qed jabbuża minn pożizzjoni dominanti meta jittratta lir-rikorrenti eżattament bl-istess mod bħal pereżempju, EasyJet. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment huwa pjuttost ambigwu inkwantu jista’ jinftiehem fis-sens li hija Lufthansa li hija f’pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, fl-ilment ġie indikat b’mod partikolari li “l-fatt li Lufthansa u s-soċji tagħha tal-iStar Alliance kellhom l-użu esklużiv tat-terminal 2 tal-ajruport ta’ München […] mhux biss huwa abbuż ta’ pożizzjoni dominanti billi l-aċċess għal dan it-terminal […] ġie rrifjutat [lir-rikorrenti], iżda jfisser ukoll li Lufthansa rċeviet u għadha qed tirċieivi għajnuna sostanzjali mill-Istat”.

61      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, ir-rikorrenti ma spjegatx ir-riżultat mixtieq, f’termini ta’ konklużjonijiet jew miżuri, tal-proċedura mibdija mill-Kummissjoni, hekk kif jipprovdi l-paragrafu 6 tal-formola C. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li l-Kummissjoni ntalbet, fl-ilment tagħha, tinvestiga l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti tal-ajruport ma jistax jiġi kkunsdirat bħala li jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-imsemmi paragrafu 6. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma speċifikatx, b’mod konformi mal-paragrafu 8 tal-formola C, jekk kinux ittieħdu passi quddiem awtorità tal-kompetizzjoni u jekk kinux inbdew proċeduri quddiem qorti nazzjonali.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment imressaq fit-3 ta’ Novembru 2005 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala lment imressaq b’mod konformi mar-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004. Għaldaqstant, meta saret l-intimazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 232 KE, il-Kummissjoni ma kellha ebda obbligu li tieħu azzjoni, u b’hekk ma tista’ tiġi akkużata b’ebda nuqqas li tieħu azzjoni, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 iktar ’il fuq.

63      Minn dan jirriżulta li r-rikors, li fih intalab li jiġi kkonstatat nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni, inkwantu, illegalment, ma ħaditx deċiżjoni fuq l-allegat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, għandu jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu adottati l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

64      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 87(6) tal-istess Regoli, fil-każ li ma hemmx lok għal deċiżjoni dwar il-kawża, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

65      F’dan il-każ, fir-rigward, minn naħa, tal-parti prinċipali tar-rikors dwar l-allegata għajnuna mil-Istat favur Lufthansa, li fuqha, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2008, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni, ir-rikorrenti ma tistax tiġi kkritikata talli, sabiex tipproteġi d-drittijiet tagħha, ippreżentat l-imsemmi rikors mingħajr ma stenniet l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ din id-deċiżjoni, adozzjoni li seħħet wara li skada t-terminu biex jinbdew proċeduri għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni.

66      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-parti tar-rikors dwar l-allegata għajnuna mill-Istat favur is-soċji tal-iStar Alliance u l-allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti, peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li tagħmel apprezzament ġust taċ-ċirkustanzi tal-kawża billi tiddeċiedi, minn naħa, li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll nofs dawk sostnuti mir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, li din tal-aħħar għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni ppreżentati minn Ryanair Ltd fir-rigward tal-allegata għajnuna mill-Istat favur Lufthansa.

2)      It-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni ppreżentati minn Ryanair fir-rigward tal-allegata għajnuna mill-Istat favur is-soċji ta’ Lufthansa tal-iStar Alliance huma miċħuda.

3)      It-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni ppreżentati minn Ryanair fir-rigward tal-allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti huma miċħuda.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż ta’ Ryanair.

5)      Ryanair għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

Papasavvas

Vadapalas

O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Mejju 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.